Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0229

    Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (12208/2021 – C9-0419/2021 – 2021/0300M(NLE))

    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 152–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 127–132 (GA)

    27.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 493/152


    P9_TA(2022)0229

    Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u l-Mauritania u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (Riżoluzzjoni)

    Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2022 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (12208/2021 – C9-0419/2021 – 2021/0300M(NLE))

    (2022/C 493/20)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (12208/2021),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/99 tal-25 ta' Jannar 2021 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta' Novembru 2021 (1),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 tal-11 ta' Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2022 (3) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li daħal fis-seħħ fit-8 ta' Awwissu 2008 (4),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija fil-qasam tas-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2022 lejn ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura (6).

    wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (C9-0419/2021),

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija tat-23 ta' Ġunju 2000 bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (7) (il-Ftehim Cotonou),

    wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) tal-2015 bit-titolu “Voluntary Guidelines for Securing Sustainable Small-Scale Fisheries in the Context of Food Security and Poverty Eradication” (Linji Gwida Volontarji biex jiġi Żgurat is-Sajd Sostenibbli fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà tal-Ikel u l-Qerda tal-Faqar),

    wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi 2020 tal-Grupp ta' Ħidma tal-FAO dwar il-valutazzjoni tal-ħut pelaġiku żgħir lil hinn mill-kosta tal-Afrika tal-Majjistral 2019,

    wara li kkunsidra l-politika komuni tas-sajd, speċjalment id-dimensjoni esterna tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar,

    wara li kkunsidra l-impenn tal-UE għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif minqux fl-Artikolu 208 tat-TFUE,

    wara li kkunsidra l-valutazzjonijiet ex anteex post tal-Kummissjoni tal-ftehim u l-protokoll preċedenti,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-laqgħa straordinarja tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt dwar il-Ftehim dwar is-Sajd iffirmat bejn ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u l-Unjoni Ewropea, li saret bejn l-10 u t-12 ta' Frar 2021,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar l-istrateġija mill-għalqa sal-platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (8),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A9-0154/2022),

    A.

    billi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) trid tkun konformi mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli biex jiġu żgurati operazzjonijiet tas-sajd sostenibbli li jużaw biss is-surplus permissibbli fil-pajjiż sieħeb; billi l-appoġġ settorjali għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, b'mod partikolari permezz ta' appoġġ għal sajd fuq skala żgħira, filwaqt li jsaħħaħ ukoll is-sigurtà tal-ikel lokali u l-komunitajiet lokali;

    B.

    billi l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania jmur lura għall-1987 u billi l-aħħar protokoll ta' implimentazzjoni, li kellu durata inizjali ta' erba' snin mill-2015 sal-2019, ġie estiż darbtejn b'sena u skada fil-15 ta' Novembru 2021;

    C.

    billi l-Unjoni u l-Mauritania qablu dwar Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ġodda fit-28 ta' Lulju 2021;

    D.

    billi diversi SFPAs ġew iffirmati mill-Unjoni Ewropea u mill-pajjiżi Afrikani;

    E.

    billi l-protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' ħames snin u jipprovdi opportunitajiet tas-sajd simili għall-protokoll preċedenti, bil-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-aċċess għas-sajd li tammonta għal EUR 57,5 miljun fis-sena u l-kontribuzzjoni tagħha għall-appoġġ settorjali li tammonta għal EUR 16,5 miljun;

    F.

    billi l-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Mauritania huwa l-akbar ftehim imħallat tal-UE; billi dan jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti minn 10 Stati Membri li jistadu għall-ispeċijiet demersali u pelaġiċi li, bħat-tonn, huma speċijiet migratorji ħafna, fil-limiti tas-surplus disponibbli kif definit fl-Artikolu 62 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, filwaqt li titqies il-kapaċità tas-sajd tal-flotot Mauritanjani;

    G.

    billi s-sajd eċċessiv ta' stokkijiet pelaġiċi żgħar, speċjalment is-Sardinella, u l-ipproċessar tagħhom fi frakass tal-fdal tal-ħut u żejt tal-ħut jikkawżaw ħsara enormi mhux biss lill-ilmijiet lokali, pereżempju permezz tat-tniġġis tal-ilma mormi, iżda wkoll lis-sigurtà tal-ikel tal-popolazzjonijiet lokali fir-reġjun kollu tal-Afrika tal-Punent; billi fl-2017, il-Mauritania impenjat ruħha li tnaqqas u telimina gradwalment il-produzzjoni tal-frakass tal-fdal tal-ħut u taż-żejt tal-ħut sal-2020; billi mill-2010 'l hawn, il-produzzjoni tagħhom ittriplat u kien hemm espansjoni tal-fabbriki tal-frakass tal-fdal tal-ħut fil-Mauritania u fil-pajjiżi ġirien;

    H.

    billi data xjentifika robusta, sistemi effiċjenti ta' monitoraġġ u kontroll u trasparenza rigward il-qabdiet u l-liċenzji tas-sajd huma meħtieġa biex l-istati kostali jiddeterminaw is-surplus disponibbli tal-istokkijiet kondiviżi ta' ħut pelaġiku żgħir, u biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet maniġerjali għall-istokkijiet ikunu jistgħu jittieħdu b'mod li l-istokkijiet ma jaqbżux il-limiti xjentifiċi; billi fir-rigward tal-ġestjoni ta' ħut pelaġiku żgħir fil-Mauritania, ir-rapport tal-2021 tal-laqgħa straordinarja tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt appoġġja miżuri addizzjonali biex jitnaqqsu l-isforzi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' 15-il mil nawtiku tal-pajjiż, bħall-introduzzjoni ta' kwoti għal stokkijiet li jkunu ġew ikkonfermati xjentifikament li huma sfruttati żżejjed;

    I.

    billi l-appoġġ settorjali skont il-protokoll il-ġdid huwa mmirat lejn tmien oqsma ta' intervent; billi dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-appoġġ għas-sajd artiġjanali u l-komunitajiet kostali, it-tisħiħ tar-riċerka xjentifika, u t-tisħiħ tal-attivitajiet ta' kontroll u sorveljanza u l-appoġġ tekniku lill-awtoritajiet Mauritanjani; billi l-kumitat konġunt għandu japprova programm settorjali multiannwali għall-użu ta' tali appoġġ; billi l-awtoritajiet Mauritanjani għandhom l-obbligu li jippreżentaw rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali;

    J.

    billi l-protokoll il-ġdid jistabbilixxi korp ġdid ta' koordinazzjoni (cellule de coordination) biex jappoġġja l-implimentazzjoni tal-proġetti definiti fil-programm u li għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tad-deċiżjonijiet tal-kumitat konġunt;

    K.

    billi l-Artikolu 7 tal-protokoll il-ġdid jippermetti lill-Unjoni u lill-Mauritania jirrevedu l-opportunitajiet tas-sajd fit-tielet sena ta' implimentazzjoni, filwaqt li jirrispettaw is-sostenibbiltà tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd u jinvolvu aġġustament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE;

    L.

    billi l-protokoll il-ġdid jintroduċi tariffi differenti tas-sidien tal-bastimenti għall-kategorija 6 (bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża użati għas-sajd għall-ħut pelaġiku) li huma aktar skont il-valur tas-suq ta' kull speċi pelaġika speċifika mistada;

    M.

    billi l-Artikolu 3 tal-ftehim il-ġdid jiddikjara li l-flotta tal-UE għandha tibbenefika mill-istess kundizzjonijiet tekniċi għas-sajd u l-aċċess għar-riżorsi bħall-flotot l-oħra kollha; billi l-istess artikolu jirrikjedi li jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni u jobbliga lill-Mauritania tippubblika l-ftehimiet kollha li jippermettu bastimenti barranin fiż-żona tas-sajd tagħha;

    N.

    billi l-protokoll il-ġdid jimmodifika u jkabbar iż-żona tas-sajd għall-ħut pelaġiku żgħir għall-bastimenti tal-UE; billi l-Artikolu 9 tal-protokoll jirrikjedi li l-Mauritania tfassal, fi żmien sitt xhur mill-implimentazzjoni tal-protokoll, pjan ta' ġestjoni sostenibbli għas-sajd pelaġiku żgħir, applikabbli għall-flotot kollha li jistadu fl-ilmijiet tal-Mauritania bħala kundizzjoni għall-istabbiliment taż-żona tas-sajd il-ġdida; billi EUR 7,5 miljun mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jiddependu mill-approvazzjoni ta' dan il-pjan ta' ġestjoni min-naħa tal-kumitat konġunt;

    O.

    billi l-protokoll il-ġdid jippermetti lill-bastimenti tal-UE jħottu l-qabda tagħhom barra mill-portijiet tal-Mauritania f'ċirkostanzi eċċezzjonali, talba li ilha ssir mill-bastimenti tas-sajd tal-UE li huma attivi fil-Mauritania;

    P.

    billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-protokoll preċedenti appellat għall-istabbiliment ta' qafas ta' ġestjoni reġjonali għall-isfruttament ta' stokkijiet kondiviżi ta' ħut pelaġiku żgħir u merluzz iswed, kif meħtieġ mill-Arikolu 63 tal-Konvenzjoni tal-NU dwar il-Liġi tal-Baħar;

    1.

    Jilqa' l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ġodda bejn l-Unjoni u l-Mauritania, maħsuba biex itejbu u jimmodernizzaw il-ftehim eżistenti; iqis li huwa pożittiv li l-ebda estensjoni addizzjonali ta' sena għall-protokoll preċedenti mhi se tkun, minn issa 'l quddiem, meħtieġa jew se tissolva jekk ma tkunx strettament meħtieġa, mingħajr ma ssir ħsara lill-flotta Ewropea;

    2.

    Jilqa' bl-istess mod l-aġġornament tal-ftehim ta' sħubija għal SFPA sħiħ u jirrimarka li dawn it-tipi ta' ftehimiet huma pedament tajjeb għall-kooperazzjoni dwar il-governanza tal-oċeani u l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli kif minquxa fil-politika komuni tas-sajd jiġu riflessi fil-ftehimiet tas-sajd tal-Unjoni, inkluż fl-implimentazzjoni tagħhom;

    3.

    Jirrimarka li dan il-ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni ambjentali, ekonomika, soċjali, amministrattiva u xjentifika sabiex isaħħaħ is-sajd sostenibbli, jikkontribwixxi għal governanza mtejba tal-oċeani, jiġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, jimmonitorja u jikkontrolla l-attivitajiet tas-sajd u jikkontribwixxi kemm għall-implimentazzjoni trasparenti tal-ftehim kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi f'konformità mal-Konvenzjoni tal-2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ix-Xogħol fis-Sajd (Nru 188); jissottolinja li s-sħubija trid toffri garanziji u protezzjoni għall-ħaddiema kollha fuq il-bastimenti tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' kompetizzjoni ġusta għas-sajjieda kollha li joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania;

    4.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-ftehim u l-protokoll il-ġodda f'termini tal-opportunitajiet tas-sajd konsiderevoli li għandhom il-flotta tal-UE u bħala pjattaforma għal kooperazzjoni strutturata kontinwa bejn l-Unjoni u l-Mauritania, speċjalment fil-qasam tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd u biex tinżamm il-flotta Ewropea;

    5.

    Jistieden lill-Mauritania tiżgura li ma jsir l-ebda sajd żejjed ta' ħut pelaġiku żgħir u twaqqaf u telimina gradwalment l-impatti negattivi kkawżati mill-industrija tal-frakass tal-fdal tal-ħut u taż-żejt tal-ħut fil-Mauritania; jistieden lill-UE, fil-qafas tal-SFPA, tikkontribwixxi għal dawn l-objettivi; jinnota li l-ħut għandu jintuża primarjament għall-konsum mill-bniedem u mhux bħala materja prima għall-industrija tal-ipproċessar tal-ikel, u li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali jkunu involuti u jikkooperaw f'dan;

    6.

    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rekwiżit fil-protokoll il-ġdid li l-Mauritania tippubblika pjan għall-ġestjoni sostenibbli ta' ħut pelaġiku żgħir li se japplika għall-bastimenti kollha li jistadu fl-ilmijiet tal-Mauritania; iħeġġeġ lill-Mauritania tislet mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-2021 tal-laqgħa straordinarja tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt u tapplika, fejn meħtieġ, approċċ prekawzjonarju bbażat fuq ix-xjenza meta tfassal pjan bħal dan;

    7.

    Jisħaq fuq l-impenn tal-partijiet li jippromwovu l-ġestjoni tas-sajd abbażi tan-nondiskriminazzjoni bejn il-flotot differenti preżenti fiż-żona u jisħaq li l-bastimenti tal-Unjoni għandu jkollhom aċċess għal sehem xieraq tas-surplus tar-riżorsi tas-sajd f'konformità mal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli;

    8.

    Jilqa' l-klawżoli ta' trasparenza u nondiskriminazzjoni fil-ftehim u l-protokoll il-ġodda u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-klawżoli jiġu implimentati u rispettati bis-sħiħ; jinnota li r-regoli ta' trasparenza diġà kienu jeżistu fil-ftehim preċedenti iżda ma ġewx irrispettati bis-sħiħ;

    9.

    Jeżiġi li l-Mauritania tinforma lill-Kummissjoni dwar il-ftehimiet pubbliċi jew privati kollha ma' bastimenti barranin li joperaw fiż-żona tas-sajd tagħha, inklużi bastimenti minn pajjiżi terzi, u li din l-informazzjoni tiġi inkluża fir-rapport annwali li għandu jintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament; jesprimi tħassib li, s'issa, xi ftehimiet tas-sajd ma' pajjiżi terzi għadhom ma ġewx ippubblikati mill-Mauritania;

    10.

    Jinnota l-iskambju ta' informazzjoni meħtieġ mill-protokoll fir-rigward ta' rapporti dwar l-attivitajiet ta' flotot barranin u flotot domestiċi ta' proprjetà barranija li joperaw fl-ilmijiet tal-Mauritania; jistieden lill-Mauritania tipprovdi informazzjoni kompluta lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti kollha li jistadu fl-ilmijiet tagħha f'format ċar u faċli għall-utent li jippermetti stampa ġenerali ċara tal-isforz tas-sajd totali, tal-qabdiet għal kull speċi u tal-istatus tal-istokkijiet; jistieden lill-Mauritania tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. jinnota li din hija kundizzjoni għall-kalkolu tas-“surplus” fl-ispirtu tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar;

    11.

    Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport għall-Inizjattiva għat-Trasparenza fis-Sajd min-naħa tal-Mauritania; jinnota li r-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni mis-sena kalendarja 2018; jistieden lill-Mauritania tippubblika data aktar reċenti;

    12.

    Jesprimi tħassib rigward il-prattika ta' bdil tal-bandiera fl-ilmijiet tal-Mauritania, b'mod partikolari, u fir-reġjun b'mod ġenerali;

    13.

    Iqis li l-Unjoni, minħabba n-network tagħha ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd u SFPAs fis-seħħ fil-Majjistral tal-Afrika, għandha rwol x'taqdi biex tħeġġeġ lill-Mauritania u lill-pajjiżi ġirien tagħha jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-istokkijiet kondiviżi, speċifikament fl-identifikazzjoni tal-istokkijiet u l-opportunitajiet tas-sajd, bħal stokkijiet importanti għas-sigurtà tal-ikel lokali; jindika b'mod speċifiku l-importanza għall-Unjoni li tinvolvi ruħha b'mod attiv mas-sħab tagħha fiż-żona sabiex tiżgura deċiżjonijiet ta' ġestjoni sostenibbli fl-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd rilevanti; jistieden lill-UE, il-Mauritania u l-pajjiżi ġirien jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' qafas ta' ġestjoni reġjonali komprensiv għal stokkijiet kondiviżi, permezz tal-istabbiliment ta' organizzazzjoni għall-ġestjoni tas-sajd reġjonali għal dawk l-istokkijiet u billi jibdew djalogu internazzjonali mal-pajjiżi kkonċernati;

    14.

    Jilqa' l-impenn mill-partijiet kollha li jimplimentaw il-ftehim b'mod trasparenti u bi qbil mal-Ftehim ta' Cotonou fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba; jitlob li tingħata attenzjoni speċifika lid-drittijiet tal-bniedem fil-Mauritania, inkluż fis-settur tas-sajd, b'enfasi speċifika fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol; jinnota li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Cotonou fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jista' jwassal għal sospensjoni skont l-Artikolu 21 u l-Artikolu 14 tal-protokoll ta' implimentazzjoni l-ġdid;

    15.

    Jinnota li l-evalwazzjoni ex post tal-protokoll preċedenti tikkonkludi li b'mod ġenerali, il-Mauritania u l-UE qabdu sehem simili ta' valur miżjud ta' bejn 40 u 45 % kull wieħed; jinnota li tiddikjara li, madankollu, fin-nuqqas ta' interazzjonijiet ekonomiċi fuq l-art, il-valur miżjud prodott għall-Mauritania mill-attivitajiet tal-bastimenti tal-UE huwa relattivament baxx; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-UE tesplora modi biex ittejjeb din is-sitwazzjoni skont il-protokoll il-ġdid;

    16.

    Jinnota li l-Mauritania kellha diffikultà biex tassorbi l-appoġġ settorjali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipprovdi assistenza teknika għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programm settorjali pluriennali u ssaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi fil-Mauritania, b'mod partikolari għall-korp ta' koordinazzjoni l-ġdid;

    17.

    Iqis l-appoġġ settorjali bħala element importanti li jiżviluppa s-settur tas-sajd tal-Mauritania u jipprovdi impjiegi fil-komunitajiet kostali;

    18.

    Jilqa' l-appoġġ settorjali taħt l-assi 6 u 7; jistieden lill-kumitat konġunt jippromwovi proġetti ta' infrastruttura li jwasslu għal żieda fil-konsum lokali ta' prodotti tal-ħut u jiffinanzja proġetti li jkunu ta' benefiċċju dirett għall-katina tal-valur kollha tas-sajd fuq skala żgħira tal-Mauritania;

    19.

    Jitlob li aktar proġetti ta' appoġġ settorjali jgħinu lin-nisa fis-settur tas-sajd tal-Mauritania, b'mod partikolari dawk involuti fl-ipproċessar; jirrikonoxxi l-importanza ta' tali proġetti għas-sigurtà tal-ikel lokali u jitlob li n-nisa jkunu mistiedna jipparteċipaw fil-workshops għall-preżentazzjoni u l-ipprogrammar ta' azzjonijiet ta' appoġġ.

    20.

    Jisħaq li waħda mill-problemi ġenerali tal-appoġġ settorjali fl-SFPAs tal-Unjoni hija n-nuqqas ta' viżibbiltà, aċċessibbiltà u trasparenza; jilqa', għalhekk, il-miżuri ta' viżibbiltà u pubbliċità meħuda fir-rigward tal-attivitajiet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-protokoll, li jippermettu li l-benefiċċji tiegħu jkunu kompletament viżibbli u aċċessibbli għal dawk kollha kkonċernati; jinnota li hemm bżonn ta' implimentazzjoni u użu mtejba sabiex jiżdied l-appoġġ settorjali, inkluża l-effikaċja tiegħu;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Mauritania jtejbu u jħaffu l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali u jżidu t-trasparenza, speċjalment fil-qasam tal-liċenzji tas-sajd; jilqa', għalhekk, il-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali dwar il-modi li bihom jintuża l-appoġġ settorjali u jitlob li dawn isiru pubbliċi; jissuġġerixxi li l-Parlament jiġi ppreżentat bl-azzjonijiet jew bil-miżuri bl-akbar rilevanza jew impatt fuq il-partijiet tat-territorju jew tas-soċjetà tal-Mauritania li huma eliġibbli għal din l-għajnuna settorjali;

    22.

    Jirrimarka li hemm bżonn ta' ġbir aħjar tad-data dwar l-istokkijiet fl-ilmijiet tal-Mauritania u li l-implimentazzjoni tal-SFPA trid tkun ibbażata fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli; jemmen li l-appoġġ settorjali għandu jintuża biex jappoġġja s-sajd artiġanali u bħala prijorità biex tittejjeb id-data xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut, speċjalment dwar l-istokkijiet kondiviżi ta' ħut pelaġiku żgħir bħall-ispeċijiet tas-Sardinella u s-sawrell, u dwar l-attivitajiet ta' kontroll u sorveljanza tal-flotot kollha tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tagħhom;

    23.

    Jisħaq fuq l-importanza tad-data xjentifika dwar l-istokkijiet, il-ġbir xieraq tad-data u monitoraġġ aħjar sabiex il-protokoll il-ġdid ikun jista' jżid u jtejjeb il-kopertura mill-osservaturi xjentifiċi, li għandu jkun speċjalment l-objettiv għall-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi;

    24.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni u l-iskambju bejn l-esperti u x-xjentisti fil-qafas ta' dan il-ftehim u matul l-implimentazzjoni tiegħu, jekk ikun meħtieġ għall-valutazzjoni tal-ispeċijiet differenti u t-tħaddim tal-ftehim;

    25.

    Jilqa' l-fatt li, fit-tielet sena ta' applikazzjoni tiegħu, il-protokoll il-ġdid jippermetti aġġustament tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE u tal-opportunitajiet tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu minn din il-flessibbiltà jekk ikun meħtieġ;

    26.

    Jilqa' r-regoli l-ġodda dwar it-tariffi tas-sidien tal-bastimenti u jittama li dan it-titjib u titjib ieħor fil-protokoll, inkluża l-possibbiltà li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-bastimenti tal-UE jħottu l-art il-qabdiet tagħhom f'portijiet mhux tal-Mauritania, iwasslu għal użu aħjar tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fil-futur;

    27.

    Jilqa' u jirrikonoxxi l-fatt li s-sidien tal-Unjoni ta' bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża għas-sajd ta' ħut pelaġiku u ta' bastimenti għas-sajd ta' gambli li jistadu fl-ambitu tal-Protokoll, għandhom ikomplu jikkontribwixxu, bħala tariffa in natura, għall-politika ta' distribuzzjoni tal-ħut lill-persuni fil-bżonn billi jirriżervaw 2 % tal-qabdiet pelaġiċi tagħhom trasbordati jew żbarkati fi tmiem vjaġġ għal Société nationale de distribution de poisson (il-Kumpanija Nazzjonali tad-Distribuzzjoni tal-Ħut); jinnota li l-konsum lokali tal-ħut qed jiżdied fil-Mauritania; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Mauritania jiżguraw li din il-kontribuzzjoni fil-fatt tilħaq il-popolazzjoni u ma tispiċċax fil-fabbriki tal-frakass tal-fdal tal-ħut;

    28.

    Jissottolinja l-impenn għall-implimentazzjoni tal-prinċipji u d-drittijiet tal-ILO għas-sajjieda kollha fuq il-bastimenti tal-UE sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol; iqis li din l-implimentazzjoni għandha tiġi mmonitorjata;

    29.

    Jilqa' l-impjieg ta' sajjieda Mauritanjani kwalifikati fuq bastimenti tal-UE b'kuntratti li jikkonformaw mal-istandards tal-ILO u li jinkludu kopertura soċjali; jitlob li jsir sforz akbar biex jiġu impjegati trainees sabiex jiżdied in-numru ta' persuni kwalifikati fil-programm settorjali.

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-SFPAs bħala element ewlieni fis-sħubija tal-UE mal-Afrika;

    31.

    Jilqa' l-proġetti ffinanzjati mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE fil-Mauritania bħall-“Promopeche”, li għandha l-għan li toħloq impjiegi u tħarreġ liż-żgħażagħ fil-qasam tas-sajd artiġjanali; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-allinjament u l-konsistenza bejn l-SFPA u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU;

    32.

    Jisħaq li s-sajd, inkluż is-sajd fuq skala żgħira, huwa settur importanti għall-ekonomija tal-Mauritania u huwa essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, is-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni u l-opportunitajiet ta' impjieg, b'mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ, u għall-iżgurar ta' żvilupp ekonomiku inklużiv u sostenibbli għal kulħadd; jappoġġja, għalhekk, miżuri biex tiżdied b'mod sinifikanti r-reżiljenza tal-atturi lokali, inklużi n-negozji żgħar tal-familja u l-komunitajiet kostali, għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u l-erożjoni kostali; jinsisti li l-investimenti fis-sajd iridu jkunu allinjati b'mod ċar mal-SDGs u ma jipperikolawx il-ħtiġijiet tal-komunitajiet kostali; jinsisti li l-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fil-ftehim il-ġdid għandha titqassam b'mod li jqis ir-rwol fundamentali tal-komunitajiet kostali;

    33.

    Jitlob li jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali u li jissaħħu l-komunitajiet kostali li huma dipendenti mir-riżorsi tal-baħar u li għalhekk iridu jiġu integrati bis-sħiħ fil-ġestjoni taż-żoni tal-baħar u dawk kostali; ifakkar li r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar u dik kostali jsostni l-komunitajiet kostali u jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jissottolinja l-ħtieġa għal konsultazzjoni regolari mal-komunitajiet kostali matul il-proċess ta' implimentazzjoni;

    34.

    Jirrikonoxxi li s-swieq u l-produtturi tal-UE jiddependu mill-importazzjonijiet ta' ħut mill-Mauritania, fost pajjiżi oħra, biex jiggarantixxu d-disponibbiltà tal-ikel lill-konsumaturi tal-UE;

    35.

    Jeżiġi li sforzi ulterjuri tal-UE fil-qafas ta' dan l-SFPA jridu jiffokaw fuq it-tmiem ta' sussidji tal-ħut dannużi u mhux sostenibbli fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u korpi internazzjonali oħra, billi tingħata attenzjoni partikolari għas-sajd illegali;

    36.

    Jitlob li l-acquis legali tal-UE, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, jiġu rispettati u applikati kif xieraq fis-sajd fil-Mauritania u fiż-żona ta' madwarha;

    37.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania.

    (1)  ĠU L 34, 1.2.2021, p. 1.

    (2)  ĠU L 439, 8.12.2021, p. 1.

    (3)  Testi adottati, P9_TA(2022)0228.

    (4)  ĠU L 343, 8.12.2006, p. 4.

    (5)  ĠU L 439, 8.12.2021, p. 3.

    (6)  Testi adottati, P9_TA(2022)0135.

    (7)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (8)  ĠU C 184, 5.5.2022, p. 2.


    Top