Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0223

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar il-Pjan Direzzjonali tas-SEAE dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża (2021/2102(INI))

    ĠU C 493, 27.12.2022, p. 19–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 493/19


    P9_TA(2022)0223

    Il-Pjan direzzjonali tas-SEAE dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2022 dwar il-Pjan Direzzjonali tas-SEAE dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża (2021/2102(INI))

    (2022/C 493/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-miri tal-Unjoni għan-newtralità karbonika għall-2030 u l-2050,

    wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża tad-9 ta' Novembru 2020,

    wara li kkunsidra l-Kunċett għal Approċċ Integrat dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà tal-5 ta' Ottubru 2021,

    wara li kkunsidra l-Kunċett tal-UE għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Ottimizzazzjoni tal-Enerġija għall-Operazzjonijiet u l-Missjonijiet Militari mmexxija mill-UE,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) (1), b'mod partikolari l-premessa 60 tiegħu li tiddikjara kontribuzzjoni klimatika ta' 30 % u l-premessa 61 tiegħu li tiddikjara kontribuzzjonijiet ta' 7,5 % u 10 % tal-infiq annwali kontra t-telfien tal-bijodiversità sal-2027,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (2) (ir-“Regolament NDICI”), b'mod partikolari l-premessa 49 tiegħu li tiddikjara kontribuzzjoni klimatika ta' 30 %,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 dwar strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima (COM(2020)0301),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tan-NATO dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà,

    wara li kkunsidra d-dokument ta' strateġija tas-SEAE ta' Ġunju 2016 bit-titolu “A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy” (Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) u r-rapporti ta' segwitu tiegħu,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 dwar l-approċċ integrat għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2020 dwar id-diplomazija dwar il-klima,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2021 dwar id-diplomazija dwar il-klima u l-enerġija – it-twettiq tad-dimensjoni esterna tal-Patt Ekoloġiku Ewropew,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2020 u tal-10 ta' Mejju 2021 dwar is-sigurtà u d-difiża,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu “Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE” (JOIN(2017)0021),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Attività għall-2020 tal-Kummissjoni – l-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2021 bit-titolu “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (COM(2021)0082),

    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti,

    wara li kkunsidra r-rapport ta' riċerka tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-21 ta' Ġunju 2021 dwar it-tibdil fil-klima,

    wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-mexxejja tan-NATO f'Ġunju 2021 dwar il-klima u s-sigurtà,

    wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar il-Klima u s-Sigurtà ta' Ġunju 2021 tal-Kunsill Militari Internazzjonali dwar il-Klima u s-Sigurtà,

    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-proġett BIOSEC tal-2021 bit-titolu “Bijodiversità u Sigurtà”, iffinanzjat mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) għall-perjodu 2016-2020,

    wara li kkunsidra l-proġett ADELPHI bit-titolu “Weathering Risk: A Climate and Security Risk and Foresight Assessment” (Riskju ta' Esponiment għall-Kundizzjonijiet tat-Temp: Valutazzjoni tar-Riskju u tal-Prospettiva tal-Klima u s-Sigurtà),

    wara li kkunsidra l-proġetti kofinanzjati mill-UE, bħal “FREXUS: Improving security and climate resilience in a fragile context through the water-energy-food security Nexus” (FREXUS: It-titjib tas-sigurtà u tar-reżiljenza għall-klima f'kuntest fraġli permezz tar-Rabta bejn l-ilma, l-enerġija u s-sigurtà alimentari) fir-reġjun tas-Saħel,

    wara li kkunsidra d-dokumenti tan-NU dwar is-sigurtà tal-bniedem u dwar ir-responsabbiltà ta' protezzjoni,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-kuntest tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar id-diplomazija dwar il-klima (4),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0084/2022),

    A.

    billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tisfida l-ordni tas-sigurtà Ewropea b'mod mingħajr preċedent u qed tagħmel pressjoni fuq is-setturi kollha tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha biex isiru aktar b'saħħithom, aktar reżiljenti u aktar indipendenti, b'mod partikolari fl-oqsma tad-difiża, is-sigurtà, iċ-ċibersigurtà u l-infrastruttura kritika, iżda wkoll l-enerġija, inkluża l-effiċjenza enerġetika;

    B.

    billi l-fatturi ambjentali jistgħu jinfluwenzaw is-sigurtà tal-bniedem u tal-Istat b'diversi modi diretti u indiretti;

    C.

    billi t-tibdil fil-klima u l-impatti relatati mal-klima, inklużi d-degradazzjoni ambjentali, it-telfien tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni, id-deżertifikazzjoni, it-temp estrem, l-iskarsezza tal-ilma u tal-ikel, it-tniġġis tal-arja u d-diżastri naturali diġà jippromwovu l-emerġenza ta' kunflitti jew kriżijiet u diġà qed jheddu s-sigurtà, l-istabbiltà u l-paċi lokali, reġjonali u internazzjonali; billi t-tibdil fil-klima, li l-konsegwenzi tiegħu diġà huma evidenti u huma previsti li jaċċelleraw fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul, sar multiplikatur dejjem aktar dominanti tar-riskju, peress li jista' jikkontribwixxi għall-aggravar ta' ċerti fatturi ta' kriżijiet li diġà jeżistu (bħal żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi jew oppressjoni politika qawwija), u jikkostitwixxi sfida ġdida għas-sigurtà li tirrikjedi riżorsi adegwati biex tiġi indirizzata, flimkien ma' theddid ibridu u ċibernetiku;

    D.

    billi r-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima u l-kunflitt jistgħu jkunu kumplessi, u l-effetti konkreti tat-tibdil fil-klima fuq il-kunflitt huma fil-biċċa l-kbira speċifiċi għall-kuntest; billi hemm bżonn li jiġu appoġġjati skambji aktar sistematiċi u estensivi u arrikkiment reċiproku bejn il-komunitajiet xjentifiċi li jaħdmu fuq ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà;

    E.

    billi t-tibdil fil-klima jibqa' fil-qalba tal-aġenda għall-paċi u s-sigurtà bħala l-“multiplikatur tat-theddid” aħħari, li jaggrava r-riskji soċjali, ekonomiċi u ambjentali eżistenti li jistgħu jikkawżaw diżordni u potenzjalment jirriżultaw f'kunflitt vjolenti; billi l-bidliet ambjentali u klimatiċi u l-konsegwenzi tagħhom, flimkien ma' fatturi oħra, jaggravaw il-vulnerabbiltajiet, it-tensjonijiet u r-riskji li diġà jeżistu, aktar milli dejjem jikkawżaw dawn huma stess jew ikunu kawża diretta ta' kunflitti armati bejn l-Istati jew internazzjonali; billi t-tibdil fil-klima jista' jaffettwa s-sigurtà tan-nies b'mod differenti skont il-ġeneru, l-istatus soċjoekonomiku, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-etniċità, ir-reliġjon (jew in-nuqqas tagħha), il-kapaċità jew id-diżabilità tagħhom, eċċ.; billi l-gruppi emarġinati b'mod partikolari għandhom it-tendenza li jkunu affettwati sproporzjonalment b'mod negattiv mit-tibdil fil-klima; billi r-riskji għas-sigurtà relatati mat-tibdil fil-klima jaffettwaw b'mod partikolari lill-popolazzjonijiet ekonomikament żvantaġġati u għandhom effetti soċjoekonomiċi; billi t-tibdil fil-klima għandu effetti negattivi fuq il-wirt kulturali u naturali taż-żoni affettwati;

    F.

    billi l-kriżi klimatika taffettwa kemm is-sigurtà tal-bniedem kif ukoll dik tal-Istat; billi t-tibdil fil-klima jikkonverġi b'diversi modi ma' dinamika politika, etnika u soċjoekonomika, u huwa xprunatur dirett tal-kunflitt fis-sens li jżid ir-riskji ta' diżastri u jpoġġi pressjoni addizzjonali fuq l-ekosistemi, u b'hekk jhedded l-għajxien tan-nies, is-sigurtà tal-ilma u tal-ikel, u l-infrastruttura kritika, fost l-oħrajn, billi jinstiga t-tibdil fl-użu tal-art u d-degradazzjoni ambjentali;

    G.

    billi ż-żieda fil-livelli tal-baħar diġà kkawżat għargħar u salinizzazzjoni, filwaqt li toħloq riskju kbir għas-sigurtà u l-eżistenza taż-żoni kostali u l-gżejjer li jinsabu fil-baxx; billi skont ir-rapport Groundswell 2021 aġġornat tal-Bank Dinji, it-tibdil fil-klima jista' jwassal biex sal-2050 216-il miljun persuna jiċċaqilqu minn post għal ieħor f'pajjiżhom stess; billi r-rapport jiddikjara wkoll li azzjoni immedjata u konkreta tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-iskala tal-migrazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima; billi l-iskarsezza tal-ilma għandha impatt multidimensjonali fuq is-sigurtà tal-bniedem u l-istabbiltà soċjopolitika; billi, minħabba t-tibdil fil-klima, il-provvisti tal-ilma se jiġu affettwati, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li d-domanda globali għall-ilma se tiżdied; billi t-tibdil fil-klima qed iżid ir-riskju ta' nixfiet u għargħar; billi l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-prezzijiet tal-ikel qed jimmina l-għajxien u jwassal għal spostament, mard u karestija, li jirriżultaw fil-migrazzjoni fuq skala bla preċedent;

    H.

    billi fis-Saħel, l-impatti tat-tibdil fil-kundizzjonijiet klimatiċi fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi naturali, flimkien ma' fatturi bħat-tkabbir tal-popolazzjoni, il-governanza dgħajfa u l-isfidi relatati mad-dritt għaż-żamma tal-art, wasslu għal żieda fil-kompetizzjoni fir-rigward tar-riżorsi naturali skarsi – b'mod partikolari l-art fertili u l-ilma – u rriżultaw f'tensjonijiet u f'kunflitti bejn il-komunitajiet u l-gruppi tal-għajxien;

    I.

    billi t-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-fatturi li jsawru l-ambjent strateġiku, peress li jamplifika r-riskji u jimponi restrizzjonijiet; billi l-kriżi klimatika ġġenerat effetti fuq is-sistema internazzjonali, fejn għandha l-potenzjal li taggrava t-tensjonijiet ġeopolitiċi, u li tbiddel il-bilanċ bejn setgħat ewlenin; billi l-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima qed jiġu sfruttati minn atturi malizzjużi sabiex iżidu l-ingranaġġ tagħhom jew jinkoraġġixxu l-ostilitajiet; billi t-tidwib tal-għata polari tas-silġ qed iżid it-tensjonijiet ġeopolitiċi, b'mod partikolari madwar il-Pol tat-Tramuntana;

    J.

    billi l-forzi armati tal-Istati Uniti tilfu aktar tagħmir u infrastruttura militari minħabba diżastri naturali milli minħabba l-kunflitti armati fl-Afganistan u fl-Iraq flimkien; billi l-Amministrazzjoni ta' Biden għamlet sforzi pożittivi fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż billi reġgħet ingħaqdet mal-Ftehim ta' Pariġi u billi integrat it-tibdil fil-klima fil-Gwida Strateġika nazzjonali Interim dwar is-Sigurtà tagħha;

    K.

    billi l-forzi armati huma fost l-akbar konsumaturi tal-fjuwils fossili madwar id-dinja;

    L.

    billi l-produzzjoni domestika taż-żejt u tal-gass tal-Unjoni qed tonqos b'mod kostanti; billi l-Unjoni tiddependi ħafna mill-enerġija u qed tiddependi dejjem aktar minnha, filwaqt li l-Istati Membri kollha tagħha huma importaturi netti tal-enerġija minn għadd limitat ta' pajjiżi terzi, u b'rata ta' dipendenza mill-enerġija li żdiedet minn 56 % għal 61 % matul il-perjodu 2000-2019; billi fi studju reċenti, l-impronta tal-karbonju tal-2019 tas-settur militari fl-Istati Membri, inklużi kemm il-forzi armati nazzjonali kif ukoll l-industriji tat-teknoloġija militari bbażati fl-UE, kienet stmata għal madwar 24,8 miljun tunnellata ta' ekwivalenti ta' CO2; billi t-trasformazzjoni tal-enerġija, kif ukoll is-sistemi avvanzati tal-armi, jirrikjedu aċċess għal materja prima kritika, li l-ktajjen tal-provvista tagħha joħolqu vulnerabbiltajiet f'xi każijiet, anke għal SMEs speċjalizzati fis-settur tad-difiża Ewropew, b'mod partikolari jekk ikunu ddominati minn għadd limitat ta' pajjiżi terzi;

    M.

    billi, skont l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), il-fjuwils tat-trasport ammontaw għal 52 % tal-konsum tal-enerġija tat-22 Stat Membru li pprovdew data għall-2016 u l-2017 (il-pajjiżi jirrappreżentaw 96,9 % tan-nefqa ġenerali fuq id-difiża tal-Istati Membri tal-EDA); billi, skont l-istess stħarriġ tal-EDA, l-infrastruttura militari u l-bini jirrappreżentaw konsumatur kbir ieħor tal-enerġija, bit-tisħin waħdu kien jirrappreżenta, bħala medja, 32 % tal-konsum tal-enerġija tal-forzi armati tal-Istati Membri fl-2017, li 75 % minnu kien iġġenerat mill-fjuwils taż-żejt u mill-gass naturali;

    N.

    billi minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jtemmu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja; billi minħabba l-attakk Russu fuq l-ordni tas-sigurtà Ewropea, il-forzi armati Ewropej jeħtieġ ukoll li jsiru aktar indipendenti mill-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, filwaqt li fl-istess ħin is-saħħa militari u l-effikaċja tal-missjoni tagħhom jeħtieġ li jiżdiedu;

    O.

    billi xi Stati Membri tal-UE qed jużaw iż-żoni kbar tagħhom magħżula mill-militar biex jipproteġu l-bijodiversità, pereżempju billi jipprevjenu titjiriet bil-ħelikopters fuq żoni ta' tibjit;

    P.

    billi l-kriminalità ambjentali hija attività kriminali frekwenti ħafna fid-dinja u tħassib sinifikanti fir-rigward tas-sigurtà; billi hija meħtieġa kooperazzjoni aktar b'saħħitha dwar din il-kwistjoni bejn l-UE u l-pajjiżi sħab, billi l-Istati jiġu appoġġjati fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom biex jindirizzaw il-kriminalità ambjentali;

    Q.

    billi l-kriminalità ambjentali saret ir-raba' l-akbar settur tal-kriminalità li jiġġenera rikavat fid-dinja, li qed jikber tliet darbiet aktar malajr mill-ekonomija globali; billi rapport tal-2016 tal-Interpol u tal-Programm tan-NU għall-Ambjent stima li r-rikavati mill-kriminalità ambjentali jilħqu USD 258 biljun fis-sena, inklużi l-kummerċ illegali ta' organiżmi selvaġġi, il-forestrija u l-kriminalità fis-sajd, tat-traffikar tal-iskart u l-estrazzjoni illegali;

    R.

    billi rapport tal-2018 tal-Interpol, l-RHIPTO u l-Inizjattiva Globali kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali sab li l-kriminalità ambjentali hija l-akbar xprunatur finanzjarju tal-kunflitti u l-akbar sors ta' introjtu għall-gruppi armati mhux statali u għall-organizzazzjonijiet terroristiċi, qabel attivitajiet illegali tradizzjonali bħall-ħtif ta' persuni għal riskatt u t-traffikar tad-droga;

    S.

    billi s-settur tad-difiża mhuwiex imsemmi fil-Ftehim ta' Pariġi tal-2015, u jħalli f'idejn il-gvernijiet nazzjonali biex jiddeċiedu jekk jinkludux l-isforzi ta' mitigazzjoni mis-settur tad-difiża fl-impenji nazzjonali tagħhom lejn il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC); billi s-setturi kollha jridu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u fl-istess ħin jadattaw għat-tibdil fil-klima sabiex jintlaħqu l-objettivi tan-newtralità tal-karbonju tal-Unjoni u tinżamm l-effettività operazzjonali; billi f'Settembru 2020, Franza żvelat l-Istrateġija l-ġdida tagħha għall-Enerġija fil-qasam tad-Difiża b'34 rakkomandazzjoni biex tnaqqas u tottimizza l-konsum tal-enerġija tal-forzi armati tagħha u ttejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħha;

    T.

    billi anke skambju nukleari żgħir ikollu konsegwenzi umanitarji serji, u jkollu impatt ukoll fuq il-klima b'mod negattiv ħafna, u jikkawża karestija u t-tqassir tal-istaġuni tat-tkabbir għal diversi snin;

    U.

    billi s-sigurtà trid tkun fil-qalba tal-ħsieb ambjentali sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta' żvilupp sostenibbli realistiċi, dejjiema u effettivi għas-sigurtà tal-bniedem u għall-istabbiltà globali; billi, bħala konsegwenza, l-azzjoni esterna tal-Unjoni trid tinkorpora dejjem aktar it-tibdil fil-klima u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali bħala riskju ewlieni għas-sigurtà, u tadatta kif xieraq l-istrateġiji u l-kunċetti, il-proċeduri, it-tagħmir u l-infrastruttura ċivili u militari, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluż it-taħriġ, u, fejn xieraq, il-qafas istituzzjonali u l-mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont tagħha; billi l-politika ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni u l-istrumenti tagħha għandhom jikkontribwixxu b'mod dirett għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-effetti negattivi fuq is-sigurtà tal-kriżi klimatika; billi l-kapaċità totali tal-istrumenti ta' governanza u ta' konsolidazzjoni tal-paċi trid tindirizza r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà;

    V.

    billi, minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà u l-impatti relatati mal-klima, il-miżuri tas-sigurtà tal-klima, jiġifieri l-antiċipazzjoni u l-adattament għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għall-ambjent strateġiku u l-missjonijiet militari, u l-finanzjament tagħhom, iridu jinftiehmu bħala li jikkontribwixxu wkoll għad-difiża u s-sigurtà; billi l-NDICI għandu mira ta' nfiq ta' 30 % tal-baġit tiegħu ta' seba' snin ta' EUR 80 biljun biex jappoġġja l-azzjonijiet dwar il-klima, u bejn 7,5 u 10 % fis-sena għall-objettivi tal-protezzjoni ambjentali u tal-bijodiversità;

    Strateġija u kunċett

    1.

    Jinnota li l-Artikolu 21 tat-TUE jipprovdi bażi ġuridika xierqa biex l-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-politika komuni ta' sigurtà u ta' difiża (PSDK) isiru adatti ħalli jindirizzaw l-isfidi ewlenin tas-seklu 21, li t-tibdil fil-klima u l-fatturi bbażati fuq il-klima huma xprunaturi ewlieni tagħhom; ifakkar li l-Artikolu 21 tat-TUE jitlob dan li ġej mill-Unjoni: “(c) tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali; […] (f) jiġu żviluppati miżuri internazzjonali sabiex tiġi preservata u mtejba l-kwalità tal-ambjent u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali globali…; tgħin lill-popolazzjonijiet, il-pajjiżi u r-reġjuni li jiffaċċjaw diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem”; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li titħaffef u tiġi approfondita l-integrazzjoni tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih sensittivi għall-kunflitti fil-politiki esterni, barranin, tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni, b'mod partikolari l-PSDK tagħha; jiddikjara li l-objettivi primarji tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK huma, f'konformità mal-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-TUE, iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali fiż-żoni fejn jintużaw, filwaqt li għandha tiġi żgurata l-effiċjenza operazzjonali sħiħa tagħhom;

    2.

    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittieħdu tagħlimiet mill-bidliet li kkonċernaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa b'riżultat tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukraina u li jitħaffu l-proċessi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet militari, kif ukoll il-proġetti bil-għan li t-teknoloġija militari ssir aktar indipendenti mill-fjuwils fossili, filwaqt li fl-istess ħin tiżdied l-effikaċja tal-missjonijiet u l-kapaċità tal-ġlied;

    3.

    Jissottolinja li, minħabba l-gwerra li għaddejja bħalissa fil-kontinent Ewropew, il-forniment ta' provvisti tal-enerġija lill-forzi armati Ewropej irid jiġi garantit f'kull ħin biex tiġi żgurata d-difiża xierqa tat-territorju u taċ-ċittadini tal-Unjoni; jirrikonoxxi li s-sigurtà tal-provvista tista' teħtieġ miżuri flessibbli fuq perjodu ta' żmien qasir;

    4.

    Jemmen bis-sħiħ li l-attivitajiet u t-teknoloġija militari għandhom jikkontribwixxu għall-miri tan-newtralità karbonika tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima mingħajr ma jikkompromettu s-sigurtà tal-missjonijiet u mingħajr ma jimminaw il-kapaċitajiet operazzjonali tal-forzi armati; jissottolinja, f'dak ir-rigward, li l-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-forzi armati tal-Istati Membri għandhom jaħdmu biex inaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom stess u l-effetti negattivi tagħhom fuq ir-riżorsi naturali u l-bijodiversità;

    5.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' prospettiva mtejba sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tat-tibdil fl-ekosistema u fil-klima fejn dawn jistgħu jżidu l-pressjoni fuq il-forzi armati jew joħolqu tensjonijiet reġjonali;

    6.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jsir investiment f'soluzzjonijiet intelliġenti, integrati u “tas-soċjetà kollha” bħala kwistjoni ta' urġenza sabiex jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet, jiġu evitati l-agħar effetti tat-tibdil fil-klima u jsir ukoll investiment kbir fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima tan-nazzjonijiet li jeħtieġu dan, sabiex jiġu evitati l-instabbiltà, il-kunflitt u d-diżastri umanitarji kbar;

    7.

    Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jiżgura li l-protezzjoni ambjentali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti relatati mat-tibdil fil-klima jiġu integrati kif xieraq fl-azzjoni esterna tal-Unjoni, fuq l-eżempju tar-Regolament NDICI; jitlob li jiġu żviluppati strateġiji, politiki, proċeduri, miżuri u kapaċitajiet speċifiċi għall-klima; jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li l-iżvilupp ta' politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà u d-difiża fil-qasam tal-klima jinvolvi l-implimentazzjoni ta' approċċ għas-sigurtà tal-bniedem; jilqa' l-intenzjoni tas-SEAE għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK biex jiżviluppaw u jinkorporaw sett ta' azzjonijiet ħalli jimplimentaw b'mod effettiv l-aspetti ambjentali fil-ħidma tagħhom; jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri billi jinkorporaw l-aspetti ambjentali fil-programmi ta' taħriġ tal-missjonijiet ċivili u militari u billi jiskambjaw l-aħjar prattiki u għarfien espert;

    8.

    Jitlob li jiġu żviluppati parametri referenzjarji konkreti biex jitkejjel il-progress fl-indirizzar tar-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, minn naħa waħda, u l-kunflitt min-naħa l-oħra; jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta fuq bażi annwali lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar fl-użu u l-issodisfar ta' dawn il-parametri referenzjarji u l-indikaturi; jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw l-għarfien dwar ir-ramifikazzjonijiet tas-sigurtà tal-klima fi programmi ta' assistenza militari barranija;

    9.

    Jissottolinja l-importanza li jiġu indirizzati r-rabtiet bejn it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u d-difiża fil-Boxxla Strateġika, bil-għan li jiġu identifikati għanijiet ċari u miżuri konkreti għall-Istati Membri biex isaħħu l-effiċjenza enerġetika tal-forzi armati u jadattaw għall-effetti komprensivi tas-sigurtà tat-tibdil fil-klima fuq terminu medju u fit-tul, li jvarjaw minn prospettiva strateġika, it-taħriġ u l-innovazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fi ħdan il-qafas tal-UE;

    10.

    Ifakkar li l-insigurtà tirriżulta minn ħafna kawżi ewlenin interkonnessi differenti bħall-faqar, il-fraġilità tal-Istat, in-nuqqas ta' infrastruttura u servizzi pubbliċi, aċċess limitat ħafna għal oġġetti bażiċi, in-nuqqas ta' edukazzjoni, korruzzjoni, eċċ., li fosthom insibu t-tibdil fil-klima;

    11.

    Ifakkar li fl-Afrika, u, b'mod partikolari, fis-Saħel, l-interazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-fatturi tradizzjonali ta' kunflitt (fost l-oħrajn il-falliment tal-Istat, in-nuqqas ta' servizzi pubbliċi u d-deterjorament fl-ambjent tas-sigurtà) qed taggrava l-problemi ta' vjolenza u terroriżmu;

    12.

    Jitlob li jingħata appoġġ akbar għall-isforzi mmirati lejn l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u t-tisħiħ ta' alternattivi newtrali għall-klima fil-viċinat immedjat tal-UE, jiġifieri l-Balkani tal-Punent, is-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar, sabiex jiġu evitati sfidi possibbli għas-sigurtà;

    13.

    Jisħaq li minħabba t-tibdil fil-klima, it-temperatura tal-Artiku żdiedet tliet darbiet aktar malajr mill-pjaneta bħala medja matul dawn l-aħħar 50 sena; jissottolinja kif it-tibdil fil-klima biddel is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Artiku u qed joħloq sfida ġeopolitika għall-UE; jisħaq li l-Artiku għandu importanza strateġika u politika għall-UE u jissottolinja l-impenn tal-UE li tkun attur responsabbli li jfittex l-iżvilupp sostenibbli u paċifiku fit-tul tar-reġjun; jisħaq li l-Artiku jeħtieġlu jibqa' qasam ta' kooperazzjoni paċifika u jitlob li jiġu stabbiliti miżuri biex jiġu evitati passi li jwasslu għal aktar militarizzazzjoni; ifakkar li l-pajjiżi tal-UE, il-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka huma membri tal-Kunsill tal-Artiku;

    Il-Pjan direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża

    14.

    Jilqa' l-Pjan Direzzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża (“il-Pjan Direzzjonali”) u jistieden lis-SEAE jiżgura, flimkien mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u mal-EDA, fejn xieraq, l-implimentazzjoni komprensiva tat-tliet oqsma ta' ħidma – id-dimensjoni operazzjonali, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u s-sħubijiet; jitlob li l-perjodi ta' żmien għar-rieżami tal-Pjan Direzzjonali jiġu kkunsidrati mill-ġdid u, b'mod partikolari, li l-objettivi ġenerali jiġu rieżaminati ferm qabel l-2030; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali b'appoġġ għall-objettivi; iħeġġeġ lill-atturi kollha jittrattaw dan il-proċess bħala prijorità u jiżviluppaw u jimplimentaw inizjattivi f'konformità mal-approċċ integrat; jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-forzi armati fir-rigward mhux biss tal-adattament, iżda wkoll tal-mitigazzjoni tal-effett tagħhom fuq it-tibdil fil-klima u fuq l-ambjent, inkluż billi titkejjel u tiġi mmappjata b'mod komprensiv l-impronta ambjentali tal-forzi armati, kif propost fil-Pjan Direzzjonali; iħeġġeġ lill-VP/RGħ jipproponi lill-Istati Membri programm ta' azzjoni immedjata li jikkonsisti f'azzjonijiet ta' prijorità ppreżentati fil-Pjan Direzzjonali li jistgħu jiġu implimentati fuq perjodu ta' żmien qasir;

    15.

    Jilqa' b'mod partikolari l-miżuri ta' impatt immedjati u fuq perjodu ta' żmien qasir tal-Pjan Direzzjonali għall-2020-2021, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' proċess ta' rapportar ħafif – marbut mal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' kejl – abbażi ta' indikaturi tal-progress relatati mal-impronta ambjentali, inklużi l-enerġija, l-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart, eċċ., tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jisħaq fuq il-ħtieġa li sal-2024 jitfasslu valutazzjonijiet aktar dettaljati, filwaqt li jitqiesu t-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki u li jiġu inkorporati rekwiżiti aktar b'saħħithom għal speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa bħala parti mill-akkwist sabiex jiġi mmitigat approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, kif inkluż fil-Kunċett Militari tal-2012 dwar il-Protezzjoni Ambjentali u l-Effiċjenza Enerġetika għall-operazzjonijiet militari mmexxija mill-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi sistematikament kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali fit-teknoloġija militari, fir-riċerka, fl-akkwist u fl-infrastruttura;

    16.

    Jilqa' l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tas-SEAE fil-qasam tad-diplomazija dwar il-klima, tas-sigurtà u tad-difiża, b'mod partikolari l-Qafas ta' Politika dwar id-Diplomazija dwar il-Klima, il-Pjan Direzzjonali u l-Kunċett għal Approċċ Integrat dwar it-Tibdil fil-Klima u s-Sigurtà; jistieden lill-VP/RGħ jiżgura li l-kunċetti differenti kollha jkunu marbuta u armonizzati kif xieraq f'qafas koerenti u konsistenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li dan isir prijorità, u jistieden lill-VP/HR jirrapporta dwar il-progress li jkun sar sa Ġunju 2023;

    17.

    Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Pjan Direzzjonali ma jenfasizzax id-domanda għolja futura mistennija tal-Unjoni għal enerġija rinnovabbli u fjuwils alternattivi kompetittivi fil-prezz, li tista' tinħoloq bħala opportunitajiet ta' benefiċċju reċiproku, tipprovdi fora ġodda għall-kooperazzjoni u d-djalogu, benefiċċji ekonomiċi reċiproċi, sigurtà akbar tal-provvista u stabbiltà internazzjonali; jissottolinja li l-karatteristiċi tal-idroġenu nadif jagħmluh wieħed mill-kandidati biex jissostitwixxi l-fjuwils fossili u jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-forzi militari;

    18.

    Jistieden lill-VP/RGħ jippreżenta, sa nofs l-2023, valutazzjoni tal-impronta tal-karbonju u tal-impatt ambjentali tal-azzjoni esterna tal-UE sabiex tiġi stabbilita l-bażi għall-kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jisħaq fuq il-ħtieġa li sal-2023 tiġi żviluppata metodoloġija sinifikattiva biex jiġu kkwantifikati l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-attivitajiet kollha tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE, inklużi l-emissjonijiet mill-manifattura, mill-pussess u miż-żarmar, anke sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas attwali ta' data affidabbli u komparabbli fuq livell internazzjonali, filwaqt li titqies is-sensittività tal-informazzjoni vvalutata, li ġiet ipprovduta mill-missjonijiet u mill-operazzjonijiet tal-PSDK; jemmen li l-Pjan Direzzjonali għandu jintuża biex jiġu skattati l-iżvilupp ta' strateġija u wegħdiet nazzjonali ċari ħalli jitnaqqsu l-emissjonijiet militari, inkluż rapportar obbligatorju dwar l-emissjonijiet militari lill-UNFCCC u lill-parlamenti nazzjonali, peress li mingħajr rapportar u trasparenza, mhux se jkun hemm pressjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-ebda mezz biex jiġi ddeterminat l-impatt ta' kwalunkwe wegħda;

    19.

    Jitlob li jiġu stabbiliti miri volontarji biex titnaqqas l-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, u jitnieda l-perkors lejn l-ilħuq tan-newtralità klimatika sal-2050, u b'hekk tkompli tissaħħaħ l-effettività operazzjonali;

    20.

    Jipproponi t-tnedija ta' proġett pilota għall-kejl u l-immappjar tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; jemmen li EUFOR Althea tkun għażla tajba f'dak ir-rigward;

    Approċċ komprensiv u konsistenti

    21.

    Jitlob li tittieħed azzjoni koordinata biex jitnaqqsu malajr kemm l-iskala kif ukoll l-ambitu tat-tibdil fil-klima billi jitnaqqsu b'mod drammatiku l-emissjonijiet, sabiex jiġu evitati konsegwenzi sinifikanti, severi jew katastrofiċi fuq is-sigurtà globali fil-futur; jenfasizza l-ħtieġa li l-elementi kollha tas-sigurtà jkunu reżistenti għall-klima, inklużi l-infrastruttura, l-istituzzjonijiet u l-politiki, u li jadattaw malajr għall-effetti tagħha;

    22.

    Jilqa' bis-sħiħ il-fatt li l-istrument il-ġdid tal-Unjoni Ewropa Globali (NDICI) jirrifletti sew l-urġenza u l-importanza ta' azzjoni esterna rapida, b'saħħitha u estensiva dwar il-klima; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li l-NDICI jintegra l-azzjoni dwar il-klima u se jiżgura li 30 % tal-baġit tiegħu ta' seba' snin ta' EUR 80 biljun jappoġġja l-azzjonijiet dwar il-klima; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta bis-sħiħ dawn il-miri u fil-kalkoli tagħha tinkludi biss miżuri b'dimensjoni klimatika ċara; jilqa' l-fatt li l-investimenti fil-fjuwils fossili u l-miżuri li għandhom effetti negattivi dannużi jew sinifikanti fuq l-ambjent u l-klima huma esklużi mill-finanzjament; jilqa' bis-sħiħ il-politika dwar is-sigurtà tal-klima tal-NDICI (ara s-sottotaqsima 3.1.(d) tal-Anness III tar-Regolament NDICI); jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-azzjonijiet li jfittxu li jiksbu eżiti komprensivi u inklużivi billi jorbtu l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih mal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi; jilqa' l-programm tal-NDICI dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima, filwaqt li jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi inkluż appoġġ akbar għal stati fraġli u affettwati minn kunflitti fil-governanza ambjentali, inkluż il-bini tal-istituzzjonijiet; jitlob li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-bini tal-paċi relatat mal-ambjent fl-ambitu tal-programm ta' paċi, stabbiltà u prevenzjoni tal-kunflitti tal-NDICI; jemmen li l-approċċ tal-NDICI għas-sigurtà tal-klima għandu jkun punt ta' referenza għall-azzjoni esterna l-oħra kollha tal-Unjoni u jitlob lill-VP/RGħ jiżgura li l-PSDK b'mod partikolari tkun sinkronizzata ma' dan l-approċċ; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jisfruttaw ir-riżultati tar-riċerka eżistenti dwar il-vulnerabbiltajiet emerġenti għas-sigurtà tal-klima, b'mod partikolari fis-Saħel, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika tal-Lvant;

    23.

    Jemmen li s-sigurtà tal-klima għandha tiġi integrata bis-sħiħ fis-sett ta' għodod tal-Unjoni għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Istati fraġli u tal-popolazzjonijiet affettwati;

    24.

    Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kapaċitajiet strateġiċi tal-Unjoni dwar il-previżjoni, it-twissija bikrija, l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-analiżi tal-kunflitti permezz ta' data kwalitattiva u kwantitattiva u metodi innovattivi minn diversi sorsi; jissottolinja li, minbarra l-kooperazzjoni sistematika mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-programmi spazjali tal-Unjoni, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE (SatCen) u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN), l-unità għall-prevenzjoni tal-kunflitti tas-SEAE, iċ-ċentri nazzjonali tar-riċerka, il-gruppi ta' riflessjoni, is-servizzi nazzjonali tal-intelligence u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-previżjoni strateġika, il-bini tal-paċi u r-riċerka dwar il-klima u l-kunflitti; jemmen li huwa tal-akbar importanza li tali għarfien jintuża biex jitfasslu missjonijiet, operazzjonijiet u azzjonijiet futuri kif xieraq, filwaqt li jitqiesu l-parametri li jvarjaw mit-tibdil fil-kundizzjonijiet tat-temp sal-kuntest politiku lokali; ifaħħar ir-rwol essenzjali li għandhom il-programmi spazjali Ewropej bħal Copernicus fil-fehim tat-tibdil fil-klima u l-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; ifakkar li l-aġenziji deċentralizzati tal-UE, b'mod partikolari SatCen, għandhom kapaċitajiet uniċi biex jiġbru data dwar it-tibdil fil-klima u l-aspetti tas-sigurtà tiegħu madwar id-dinja; jinnota li l-programm spazjali tal-UE huwa kruċjali wkoll biex jiġu indirizzati l-aspetti tas-sigurtà tat-tibdil fil-klima; jilqa' l-isforzi li qed jagħmel SatCen f'dan il-qasam;

    25.

    Jissottolinja li l-prinċipju ta' politika u ta' programmi mmexxija mid-data jrid ikun ċentrali għall-programmi tas-sigurtà tal-klima; huwa konxju, fl-istess ħin, tal-limitazzjonijiet tal-approċċi tal-big data u tal-indiċijiet kwantitattivi tal-istress ambjentali fir-rigward tat-tbassir tal-kunflitti, peress li joħolqu r-riskju li ftit li xejn jagħtu attenzjoni lill-kuntest tas-soċjetà lokali; ifakkar fin-nuqqas ta' disponibbiltà ta' data affidabbli f'xi pajjiżi fraġli, anke bħala riżultat ta' korruzzjoni u strutturi ta' governanza dgħajfa, f'liema każ tista' tintuża minflok data approssimattiva; jemmen li l-għarfien u l-inizjattivi tal-popolazzjonijiet lokali u tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni x'jaqdu bħala parti mill-isforzi tal-Unjoni biex tindirizza l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-kunflitt;

    26.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-twissija bikrija u l-analiżi tal-kunflitti jiġu marbuta b'mod adegwat ma' azzjoni u reazzjonijiet bikrija, u li tiġi stabbilita kapaċità ta' prospettiva strateġika sinifikattiva; jilqa', f'dan ir-rigward, l-analiżi tal-kunflitt li qed iwettaq bħalissa s-SEAE ta' madwar 60 pajjiż; ifakkar li huwa essenzjali li l-azzjonijiet dwar il-klima jkunu sensittivi għall-kunflitti sabiex jiġi evitat li ssir ħsara b'mod involontarju u li jingħata kontribut għall-paċi kull meta jkun possibbli;

    27.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ każ b'każ, inklużi analiżijiet speċifiċi għar-reġjun u inizjattivi mmexxija lokalment, li jkun adattat għas-sitwazzjoni speċifika fil-prattika; jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet, u li l-appoġġ għas-sjieda lokali u għall-istrutturi ta' governanza lokali inklużivi huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-isforzi jkunu sostenibbli; jisħaq li approċċ inklużiv u responsabbli lejn il-popolazzjonijiet lokali u miżuri aktar effettivi għall-protezzjoni ambjentali, pereżempju l-aċċess għal riżorsi vitali jżidu wkoll is-sigurtà tal-forzi u tal-persunal tal-UE (is-sigurtà tal-missjonijiet); jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu lid-difensuri ambjentali peress li qed jesperjenzaw repressjoni akbar f'partijiet tad-dinja; jisħaq li l-Istati li qed inaqqsu l-kapaċità tad-difensuri ambjentali biex jieħdu azzjoni qed jagħmlu ħsara lil ħafna minn dawk li l-ħiliet tagħhom huma l-aktar meħtieġa, u qed jagħmlu ħsara lill-interessi tal-UE fil-proċess;

    28.

    Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-migrazzjoni ambjentali, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni; jitlob li ssir enfasi speċjali fuq l-għoti ta' assistenza xierqa lit-tfal u liż-żgħażagħ;

    29.

    Jemmen li l-bini tal-paċi relatat mal-ambjent għandu jissaħħaħ, peress li huwa wieħed mis-soluzzjonijiet sostenibbli u ġusti ġenerali li jindirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima u jista' jippreżenta wkoll opportunitajiet biex tinbena l-paċi, filwaqt li jitrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali (pereżempju dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, l-aċċess għall-art u l-ilma, il-protezzjoni ambjentali, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastru, l-akkoljenza ta' rifuġjati minħabba l-klima, eċċ.) u jiġu ppreżentati opportunitajiet biex jiġi adottat approċċ trasformattiv ħalli jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt u l-ixprunaturi strutturali tal-emarġinazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-inizjattivi ta' medjazzjoni ta' qabel il-kunflitt, inkluż permezz ta' livelli ogħla ta' finanzjament permezz tal-NDICI; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat l-ambjent matul iċ-ċiklu tal-kunflitt, u li tiġi indirizzata wkoll is-sitwazzjoni ta' wara l-kunflitt b'mod xieraq, peress li dan jista' jħalli lill-popolazzjonijiet aktar vulnerabbli għar-riskju ambjentali jew iwassal għal żieda fil-kriminalità ambjentali jew qerda (pereżempju deforestazzjoni) fi spazji mhux regolati;

    30.

    Jissottolinja li l-azzjoni dwar il-klima tal-Unjoni għandha tkun inklużiva, għandu jkollha l-għan li tavvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tapplika l-approċċ tal-UE bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, tippromwovi governanza tajba u timplimenta l-aġenda taż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà, u dik tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III; jitlob, b'mod partikolari, li jiġu appoġġjati l-inizjattivi tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, taż-żgħażagħ u dawk indiġeni fil-livell lokali u li jinkisbu tagħlimiet minnhom;

    31.

    Jisħaq bl-istess mod fuq il-ħtieġa li jiġu skjerati l-esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-klima fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, filwaqt li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jappoġġjaw dawn l-isforzi billi jipprovdu tali esperti; jipproponi li d-delegazzjonijiet tal-UE jingħataw il-kompitu speċifiku li jtejbu r-rapportar dwar il-governanza tal-art u r-riżorsi naturali, kif ukoll l-iżviluppi soċjoekonomiċi u politiċi marbuta ma' dan; jissottolinja l-importanza li l-atturi rilevanti tal-UE jingħataw ukoll il-kompitu li jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni f'reġjuni li huma affettwati ħafna mit-tibdil fil-klima u mid-degradazzjoni ambjentali, bħas-Saħel, il-Qarn tal-Afrika u l-Paċifiku, u li jiżviluppaw mekkaniżmi biex jimmonitorjaw, jevalwaw, jiddokumentaw u jikkomunikaw lill-pubbliku dwar l-impatt, it-tagħlimiet meħuda u l-aħjar prattiki tal-isforzi biex jinkisbu eżiti komprensivi billi ssir rabta bejn l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-bini tal-paċi;

    32.

    Jilqa' l-enfasi akbar fuq ir-rabta bejn is-sigurtà tal-klima u l-parteċipazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg fis-26 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Partijiet fi Glasgow (COP26), u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni konkreta bejn l-UE u n-NATO f'dan ir-rigward;

    L-indirizzar tad-dimensjoni operattiva

    33.

    Jirrikonoxxi li ħafna missjonijiet tal-PSDK jitwettqu f'oqsma li huma affettwati serjament mit-tibdil fil-klima, li jimmultiplika l-isfidi għal dawn il-missjonijiet;

    34.

    Jisħaq li t-tibdil fil-klima jista' jiġġenera wkoll spostament tal-popolazzjoni u jippreżenta sfidi għaż-żoni tal-operazzjonijiet; jitlob li jkun hemm sensibilizzazzjoni ċara dwar l-aspetti tas-sigurtà tat-tibdil fil-klima bħala fattur kritiku li l-militari se jkollhom jindirizzaw, mhux biss minħabba l-impatti tiegħu fuq l-operazzjonijiet militari, iżda wkoll b'antiċipazzjoni taż-żieda fl-ispostament intern indott mill-klima, li diġà hija ogħla mill-ispostament tal-kunflitt; jinnota, madankollu, il-livell mhux suffiċjenti ta' tħejjija tal-forzi armati għall-implikazzjonijiet tas-sigurtà tal-klima li qed tinbidel fid-dinja;

    35.

    Jappoġġja l-integrazzjoni ta' approċċ sensittiv għall-klima u jemmen bis-sħiħ li huwa urġenti għall-Istati Membri li jawtorizzaw l-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha u li l-azzjonijiet kollha tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) jikkontribwixxu aktar għall-approċċ integrat biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sigurtà tal-klima, b'mod partikolari fir-reġjuni tas-Saħel u tal-Qarn tal-Afrika, u b'hekk nimxu wkoll lejn tnaqqis fl-ispejjeż tal-operazzjonijiet (tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, użu ta' sorsi ġodda tal-enerġija), filwaqt li tittejjeb l-effettività operazzjonali tal-missjonijiet;

    36.

    Jenfasizza li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-azzjonijiet tal-EPF jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tar-reżiljenza għall-klima tal-pajjiżi ospitanti tagħhom u jisħaq li għandu jiġi inkluż legat pożittiv f'termini tal-impronta lokali tagħhom, mingħajr ma jiġu affettwati l-kompiti ewlenin tagħhom ta' sigurtà u difiża, il-vijabbiltà u l-effettività operazzjonali tal-missjonijiet, u s-sigurtà tal-persunal militari u ċivili fl-istrateġiji ta' ħruġ tagħhom; jissottolinja li t-tnaqqis tad-dipendenza operattiva mill-fjuwils fossili jġib benefiċċji fl-effiċjenza u fl-effettività operazzjonali, inkluż it-titjib tas-sikurezza tal-persunal tal-missjoni billi jitnaqqsu l-ktajjen loġistiċi tal-provvista, u tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-involviment tal-PSDK fid-dawl tat-tmexxija globali tal-UE fil-klima;

    37.

    Ifakkar li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari kollha tal-PSDK u l-azzjonijiet tal-EPF għandhom ikunu parti minn strateġija politika usa' mfassla biex tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-bniedem, u jfittxu li jżidu l-livell ta' sigurtà u ta' stabbiltà fil-livell lokali; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-sigurtà tal-klima u l-bini tal-paċi relatat mal-ambjent jiġu integrati fil-kunċetti aġġornati tal-UE dwar ir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u d-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-istrutturi ta' governanza lokali rilevanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi tas-sigurtà, l-inklużività (speċjalment fir-rigward tal-parteċipazzjoni u d-drittijiet tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi emarġinati fid-diversità kollha tagħhom), l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza;

    38.

    Jisħaq li l-impatti ewlenin tat-tibdil fil-klima attwalment jitolbu espansjoni tal-missjonijiet tas-sigurtà ċivili, li mhumiex parti mill-attività prinċipali tal-forzi armati;

    39.

    Jistieden lis-SEAE jiggarantixxi li l-missjonijiet ċivili u l-operazzjonijiet militari jkunu sensittivi għall-klima sa mit-tfassil; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġi evitat li l-attivitajiet tal-Unjoni f'pajjiżi terzi fraġli jikkontribwixxu għall-iskarsezza tar-riżorsi, għaż-żieda fil-prezzijiet tar-riżorsi vitali, jew għad-degradazzjoni u għat-tniġġis ambjentali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitfasslu infrastruttura tal-missjoni u katina tal-provvista li jkunu reżiljenti u sensittivi għall-klima u għall-ambjent u ottimizzati għall-enerġija u newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju kemm jista' jkun; jemmen li huwa essenzjali li jsir investiment kbir fir-riċerka u fl-iżvilupp ta' fjuwils u sistemi ta' propulsjoni newtrali għall-karbonju għal vetturi militari fuq l-art, fil-baħar, u fl-ajru u li jsir użu minn teknoloġija ġdida bħas-sistemi solari mobbli, b'mod partikolari għall-karatteristiċi statiċi, bil-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili, filwaqt li jiġi żgurat l-aħjar qbil possibbli bejn il-prestazzjoni operazzjonali u l-effiċjenza ambjentali, u mingħajr ma jinħolqu dipendenzi ġodda minn atturi barranin;

    40.

    Jipproponi li jiġi stabbilit kurrikulu għal kors “ħarreġ lil min iħarreġ” tal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża biex il-kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali jiġu integrati fis-sistema ta' taħriġ militari ordinarja fil-livelli tattiċi u strateġiċi; jemmen li tali korsijiet għandhom ikunu taħriġ obbligatorju ta' qabel l-iskjerament għall-konsulenti dwar is-sigurtà tal-klima għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif ukoll għad-delegazzjonijiet tal-UE;

    41.

    Jemmen li l-impronta tal-karbonju tal-infrastruttura militari tista' tiġi ottimizzata billi tinkiseb effiċjenza akbar f'termini ta' rinnovazzjoni u l-użu adattat tal-enerġija rinnovabbli;

    42.

    Jilqa' l-isforzi ta' modernizzazzjoni li saru biex it-tagħmir jiġi adattat għall-varjazzjonijiet estremi fit-temperatura kkawżati mit-tibdil fil-klima, b'mod partikolari ċ-ċelloli tal-ekodisinn, sabiex tiġi żgurata d-durabbiltà tat-tagħmir;

    43.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-bini tal-paċi relatat mal-ambjent u s-sigurtà tal-klima tal-UE billi jiġu inklużi kompiti u jiġu appoġġjati sforzi relatati mal-medjazzjoni, id-djalogu, il-protezzjoni tan-nies ċivili, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u r-rikonċiljazzjoni sabiex jitnaqqsu t-tensjonijiet ikkawżati mit-tibdil fil-klima bejn komunitajiet differenti li jikkompetu għal riżorsi skarsi, bħall-art agrikola jew l-ilma, u li faċilment isaħħu gruppi armati u estremisti vjolenti jew jittrasformaw f'kunflitti armati jew saħansitra gwerer bejn l-Istati; jisħaq, f'dan ir-rigward, li missjonijiet adattati għandhom, fost l-oħrajn, jagħmlu enfasi fuq il-bini integrat tal-paċi, il-bini tal-paċi relatat mal-ambjent, u miżuri ta' adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili għall-prevenzjoni tal-kunflitti; jipproponi li tali missjonijiet adattati jkunu jistgħu jagħmlu enfasi fuq dan li ġej:

    (a)

    l-iskarsezza tar-riżorsi kkawżata mit-tibdil fil-klima li twassal għal kunflitt u instabbiltà;

    (b)

    l-infrastruttura kritika f'pajjiżi fraġli u kif dawn isiru reżiljenti f'termini ta' sigurtà;

    (c)

    il-protezzjoni u d-difiża tal-bijodiversità b'mod sensittiv għall-kunflitti, b'mod partikolari fl-ekosistemi f'pajjiżi fraġli u mifnija bil-gwerra;

    L-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari

    44.

    Jiddikjara li l-kapaċitajiet u s-servizzi militari kollha użati mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE u jkun hemm adattament għal kundizzjonijiet klimatiċi dejjem aktar diffiċli sabiex ikunu jistgħu, fost l-oħrajn, jiggarantixxu t-twettiq tal-kompiti tagħhom f'pajjiżhom u barra mill-pajjiż; jemmen li, fir-rigward tal-adattament għat-tibdil fil-klima, hemm ħtieġa urġenti li l-forzi armati tal-Istati Membri jadattaw il-kapaċitajiet tagħhom għal kundizzjonijiet klimatiċi dejjem aktar diffiċli;

    45.

    Jitlob li ssir evalwazzjoni tal-impatt tat-tibdil fix-xejriet tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima u ta' avvenimenti tat-temp estremi aktar frekwenti fuq l-effettività operazzjonali tal-forzi armati u r-rekwiżiti tal-kapaċità li potenzjalment jirriżultaw minnhom;

    46.

    Jissottolinja li ż-żieda fin-nefqa fuq id-difiża, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jinżamm il-livell ta' ambizzjoni tal-armati tagħna, ma għandhiex twassal għal żieda fl-emissjonijiet, u li parti mill-infiq fuq id-difiża għandha tkun iddedikata għall-investimenti fit-teknoloġiji u l-kapaċitajiet li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-emissjonijiet, bħall-elettrifikazzjoni, u l-użu ta' fjuwils newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jissottolinja wkoll li l-kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali saru fattur ewlieni ta' xprunar; ifakkar li dawk li jfasslu l-istrateġiji u l-pjanijiet militari tal-UE u tan-NATO ilhom jaħdmu fuq il-kwistjoni ta' kif il-forzi armati jistgħu jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom għal aktar minn għaxar snin; jitlob lill-UE u lin-NATO jiżviluppaw metodoloġija komuni biex jgħinu lill-Alleati jkejlu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra minn attivitajiet u installazzjonijiet militari u jadottaw miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet; ifakkar li impronta tal-enerġija u domanda għall-fjuwil mnaqqsa għandhom ukoll effett pożittiv fuq is-sigurtà u l-effiċjenza tal-missjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, l-attivitajiet tal-EDA, b'mod partikolari l-Politika Go Green, il-kunċett Ekoloġiku Militari tagħha, il-Grupp ta' Ħidma tagħha dwar l-Enerġija u l-Ambjent, il-Forum ta' Konsultazzjoni tagħha għall-Enerġija Sostenibbli fis-Settur tad-Difiża u s-Sigurtà, u l-Forum ta' Inkubazzjoni tagħha dwar l-Ekonomija Ċirkolari fid-Difiża Ewropea; jitlob aċċellerazzjoni u twessigħ ta' tali proġetti u li ssir evalwazzjoni esterna indipendenti tagħhom;

    47.

    Jinnota li l-EDA kkonkludiet li t-tnaqqis sussegwenti fil-konsum tal-fjuwils fossili jnaqqas l-ispejjeż, l-emissjonijiet u d-dipendenzi minn sorsi mhux Ewropej, u li l-għadd ta' diżgrazzji jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti minħabba li hemm ħafna inqas konvojs tal-fjuwil li l-avversarji jistgħu jimmiraw lejhom, u b'hekk jiġu liberati r-riżorsi li jintużaw għall-protezzjoni tal-konvojs, u li l-kapaċitajiet ġenerali jsiru aktar effettivi permezz ta' titjib fir-reżistenza, il-mobbiltà u l-awtonomija; ifakkar li ż-żieda fis-sehem tal-fjuwils dekarbonizzati fil-militar tista', minbarra n-newtralità klimatika, tgħin biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u l-awtonomija strateġika; jissottolinja li d-domanda għolja għall-fjuwils fossili u r-rotot twal tal-provvista jżidu l-ispejjeż għall-missjonijiet u għall-operazzjonijiet, u jżidu r-riskju tas-sigurtà għall-persunal u l-kuntratturi tal-missjonijiet;

    48.

    Jistieden lid-DĠ DEFIS, lill-Istati Membri, lis-SEAE u lill-EDA jadottaw approċċ li jinkorpora impronta tal-enerġija, tal-karbonju u ambjentali baxxa skont id-disinn meta jimplimentaw il-fondi rilevanti tal-UE u jirrapportaw regolarment dwar il-progress; jissottolinja li s-segwitu ta' approċċ koordinat fil-livell tal-UE huwa partikolarment importanti fit-tnedija ta' inizjattivi ta' riċerka, żvilupp, modernizzazzjoni, jew akkomunament u kondiviżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-teknoloġija u l-kapaċitajiet militari u b'użu doppju; ifakkar li huwa importanti mil-lat strateġiku li jiġu żviluppati l-aspetti teknoloġiċi kollha u li jiġu indirizzati l-ispejjeż tul il-ħajja kollha, flimkien mal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni fil-livell tal-UE, biex jiġi żgurat li t-tagħmir ikun adatt biex jindirizza l-effetti tal-kriżi klimatika; jilqa' l-fatt li l-FEŻ jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet dwar il-klima fil-politiki tal-UE u għall-ilħuq ta' mira ġenerali ta' 30 % tal-infiq tal-baġit tal-UE fuq l-għanijiet klimatiċi, li hija l-mira stabbilita għall-baġit tal-UE għall-2021-2027; ifakkar li l-azzjonijiet fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jiġu diretti lejn soluzzjonijiet biex tittejjeb l-effiċjenza, titnaqqas l-impronta tal-karbonju u jinkisbu l-aħjar prattiki sostenibbli; jilqa' l-investiment rilevanti ta' EUR 133 miljun previst fl-ewwel programm ta' ħidma annwali, iżda jinnota li dan jirrappreżenta biss 11 % tal-baġit annwali ġenerali tal-FEŻ; ifakkar fir-rwol ta' Next Generation EU għall-azzjoni dwar il-klima u jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi mill-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru tagħhom sabiex jinvestu fit-tranżizzjoni ekoloġika tal-infrastruttura militari tagħhom;

    49.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti fid-difiża “ekoloġika”, b'mod partikolari billi jiġi ddedikat sehem ogħla ta' riċerka u żvilupp fl-innovazzjoni fil-qasam militari u fit-teknoloġija b'użu doppju (tagħmir, enerġija, eċċ.) iffinanzjati mill-baġit tal-UE għal fjuwils u sistemi ta' propulsjoni newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju għal inġenji tal-ajru militari, bastimenti u vetturi oħra, b'mod partikolari fir-rigward ta' sistemi futuri ta' armi ewlenin (pereżempju s-sistema futura għall-ġlied fl-ajru (FCAS) u l-karru armat ewlieni Ewropew (EMBT)) u oħrajn li jiġu żviluppati fl-oqfsa previsti mill-UE; jissottolinja li, minħabba n-natura doppja ta' tali investimenti, dawn għandhom effetti kollaterali pożittivi qawwija fis-settur ċivili, b'mod partikolari għall-industrija tal-avjazzjoni ċivili li tinsab f'diffikultà li qed tfittex mudelli kummerċjali u teknoloġiji inqas intensivi fl-enerġija u aktar kosteffettivi; jemmen li tista' tingħata preferenza lill-ekodisinn sabiex jiġu limitati l-impatti ambjentali tat-tagħmir militari matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat l-aħjar qbil possibbli bejn il-prestazzjoni operazzjonali u l-effiċjenza ambjentali; jemmen li l-elettrifikazzjoni tat-teknoloġija militari għandha tiġi promossa aktar u ffinanzjata b'mod estensiv permezz tas-sussidji Ewropej mogħtija permezz tal-FEŻ, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistemi tal-armi, iżda wkoll f'termini ta' akkomodazzjoni, kwartieri u sistemi relatati ta' tisħin jew tkessiħ, kemm jekk fl-Istati Membri kif ukoll jekk f'kampijiet militari meta jiġu varati; ifakkar li l-adattament tal-mezzi tad-difiża u l-użi tagħhom għat-tibdil fil-klima, hija responsabbiltà li taqa' prinċipalment f'idejn l-Istati Membri u li l-UE bħala tali għad ma għandhiex il-kapaċitajiet tagħha stess;

    50.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE timmonitorja u timmitiga b'mod kontinwu kwalunkwe vulnerabbiltà u/jew dipendenza li tista' toħloq l-“elettrifikazzjoni” tal-forzi armati Ewropej, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għal materja prima essenzjali; jisħaq li l-“ekoloġizzazzjoni” tal-forzi armati Ewropej, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni tagħhom, ma jridu fl-ebda ċirkostanza joħolqu vulnerabbiltajiet ġodda jew jagħmlu lill-Ewropa jew liċ-ċittadini Ewropej inqas siguri;

    51.

    Jitlob li jiġu integrati kriterji tal-effiċjenza enerġetika u prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fil-programmi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet u fil-linji gwida dwar l-akkwist, abbażi tal-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda mill-Istati Membri u fil-qafas tal-attivitajiet tal-EDA; jitlob lill-Istati Membri jaħdmu fuq l-ottimizzazzjoni tal-proċess, id-disinn, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tas-sistema b'tali mod li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent abbażi tal-prinċipji taċ-ċirkolarità, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kwartieri Ġenerali Operazzjonali u l-uffiċċji fuq il-post; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-EDA, tal-FEŻ u tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fl-appoġġ tal-Istati Membri, fit-tixrid tal-aħjar prattiki nazzjonali u fl-organizzazzjoni ta' skambji bejn il-pari regolari dwar id-difiża ekoloġika u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

    52.

    Jemmen li wasal iż-żmien li jiġu żviluppati proġetti ġodda tal-PESCO mmirati lejn l-istabbiliment ta' standards u parametri referenzjarji dwar l-effiċjenza enerġetika, il-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda jew il-ġbir u l-immodernizzar ta' dawk eżistenti; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-fattibbiltà li tintuża l-PESCO għall-istabbiliment ta' korp ta' inġiniera militari biex issir enfasi fuq l-indirizzar ta' diżastri naturali kkawżati mill-klima u l-protezzjoni tal-infrastruttura f'pajjiżi fraġli; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi rieżamijiet perjodiċi għall-valutazzjoni tal-progress li sar f'tali proġetti u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kemm jista' jkun malajr; ifaħħar ir-rwol li għandhom l-operazzjonijiet konġunti biex tiġi salvata l-popolazzjoni ċivili f'diżastri naturali, bħall-eżerċizzji HUREX għall-ġestjoni tad-diżastri Franċiżi-Netherlandiżi fil-Karibew;

    53.

    Jissottolinja li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali għandhom jiġu indirizzati fir-reviżjoni futura tal-Patt Ċivili tal-PSDK, b'mod partikolari fir-rigward tal-integrazzjoni tal-aspetti klimatiċi u ambjentali fil-kompiti operazzjonali u fil-politika ta' taħriġ;

    Iż-żieda tal-kooperazzjoni internazzjonali u t-tisħiħ tal-multilateraliżmu

    54.

    Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni bħala pedament tar-rwol ewlieni tal-UE fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima, kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali; jilqa' l-iskambji kontinwi bejn il-persunal man-NU u n-NATO, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib f'dan il-qasam; jistieden lis-SEAE u lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jistabbilixxu aktar djalogu ma' sħab oħra, bħall-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, il-Kanada u l-Istati Uniti; jisħaq li hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas attwali ta' data affidabbli u komparabbli fuq livell internazzjonali dwar il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-settur tad-difiża;

    55.

    Jenfasizza li l-politiki dwar is-sigurtà tal-klima ma jridux jagħmlu enfasi biss fuq l-adattament għat-turbolenza, ir-restrizzjonijiet tar-riżorsi u livelli ogħla ta' nuqqas ta' prevedibbiltà, iżda wkoll fuq it-trawwim ta' bidla aktar profonda meħtieġa biex jiġu restawrati l-istabbiltà ekoloġika u l-bilanċ f'livell globali;

    56.

    Jitlob li r-rabta bejn il-klima u s-sigurtà tiġi inkluża bħala qasam prijoritarju ġdid għas-Sħubija Strateġika bejn in-NU u l-UE dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet;

    57.

    Jinnota l-ambizzjoni ddikjarata tan-NATO biex jintlaħqu emissjonijiet ta' karbonju żero netti sal-2050; jissottolinja l-fatt li 22 Stat Membru huma membri tan-NATO u jitlob lill-VP/RGħ jiżgura li l-objettivi, il-parametri referenzjarji u l-metodoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ikunu sinkronizzati bejn l-Istati Membri, peress li għandhom biss sett wieħed ta' forzi; jemmen li n-NATO u l-UE għandhom jiddeċiedu li jittrattaw is-sigurtà tal-klima bħala qasam ġdid għall-kooperazzjoni u għal azzjonijiet konkreti; jitlob, b'mod aktar speċifiku, li t-tibdil fil-klima u s-sigurtà jiġu inklużi bħala qasam ta' kooperazzjoni ġdid u konkret ħafna fit-Tielet Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u tan-NATO;

    58.

    Jenfasizza r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari fit-tisħiħ tar-rabtiet internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż permezz tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u jitlob li ssir enfasi akbar fuq ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà;

    59.

    Jisħaq li n-nuqqas ta' finanzjament għall-klima huwa ostaklu kbir biex jiġi indirizzat b'mod sinifikattiv it-tibdil fil-klima u tinbena s-sigurtà tal-klima; jesprimi dispjaċir għall-fatt li fl-2009, il-komunità internazzjonali wegħdet USD 100 biljun f'finanzjament għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iżda din il-wegħda kienet għadha ma ġietx issodisfata sa meta saret is-COP26;

    o

    o o

    60.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149.

    (2)  ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

    (3)  ĠU C 99, 1.3.2022, p. 105.

    (4)  ĠU C 118, 8.4.2020, p. 32.


    Top