Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0072

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Parlament Ewropew – rapport annwali 2020 (2021/2039(INI))

ĠU C 347, 9.9.2022, p. 139–149 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 347, 9.9.2022, p. 128–138 (GA)

9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/139


P9_TA(2022)0072

L-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fil-Parlament Ewropew – rapport annwali 2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2022 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Parlament Ewropew – rapport annwali 2020 (2021/2039(INI))

(2022/C 347/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 8, 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2014,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 intitolata “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025” (COM(2020)0152),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426 – id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM(2012)0614 – id-direttiva dwar in-nisa fuq il-bordijiet),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (1) (id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2021 intitolat “L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE: wasal iż-żmien li l-kliem jissarraf f'azzjoni – Rapport Speċjali Nru 10, 2021”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2018 dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE,

wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) tal-2021 intitolat “Gender mainstreaming in the European Parliament: state of play”,

wara li kkunsidra l-istudju tal-2021 ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament fuq talba tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) intitolat “Gender equality: economic value of care from the perspective of the applicable EU funds”,

wara li kkunsidra l-fuljett dwar in-Nisa fil-Parlament Ewropew tal-2021,

wara li kkunsidra s-sessjoni ta' ħidma tas-16 ta' Marzu 2021 mitlub mill-Kumitat FEMM intitolat “Applying gender mainstreaming in the EU recovery package”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Parlament Ewropew (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-Kumitati (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2019 dwar l-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Parlament Ewropew (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-ħtieġa ta' konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi (14),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0021/2022),

A.

billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju fundamentali tal-UE; billi l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri hija strateġija rikonoxxuta globalment biex tiżgura l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki, il-programmi u l-miżuri kollha li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; billi l-kwistjonijiet dwar il-ġeneru jinsabu kullimkien, inklużi f'oqsma li mhumiex fiċ-ċentru tal-attenzjoni, bħat-tassazzjoni, il-kummerċ u t-tranżizzjoni ekoloġika; billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tinkiseb bl-użu ta' approċċ trasversali li jintegra l-oqsma kollha tax-xogħol fi ħdan il-Parlament;

B.

billi minkejja l-progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'xi oqsma, in-nisa għadhom isofru diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' ġeneru fl-isferi pubbliċi u privati u għad hemm aktar lok għal titjib, inkluża l-implimentazzjoni frammentata tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma ta' politika u l-istituzzjonijiet kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE;

C.

billi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' ġeneru sikwit tingħaqad ma' tipi oħra ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet oħra u dan iwassal għal forom multipli u akbar ta' diskriminazzjoni kontra gruppi speċifiċi, li joperaw u jinteraġixxu ma' xulxin fl-istess ħin b'tali mod li jkunu inseparabbli;

D.

billi l-miżuri tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri jinkludu, fost l-oħrajn, kwoti, miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, politiki kontra l-fastidju, proċeduri ta' reklutaġġ reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru, valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri, indikaturi tal-ġeneru, ibbaġitjar skont il-ġeneru u evalwazzjonijiet reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru, użu ta' lingwaġġ li juża ġens newtrali u komunikazzjoni reattiva għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

E.

billi l-OECD tiddefinixxi l-bilanċ bejn il-ġeneri bħala distribuzzjoni ekwa tal-opportunitajiet u r-riżorsi tal-ħajja bejn in-nisa u l-irġiel, u/jew ir-rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel;

F.

billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jiddefinixxi s-segregazzjoni orizzontali bħala l-konċentrazzjoni tan-nisa u l-irġiel f'setturi u professjonijiet differenti;

G.

billi l-progress biex jiġu indirizzati l-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali wara erba' snin tal-moviment #MeToo mhuwiex biżżejjed u għad hemm aktar xi jsir, fl-istituzzjonijiet tal-UE u lil hinn minnhom; billi r-riċerka turi li l-fastidju huwa mifrux aktar milli hu maħsub b'mod komuni u mhuwiex irrapportat biżżejjed b'mod sinifikanti;

H.

billi l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tiġi applikata anke fil-proċess baġitarju; billi l-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru ma jikkonsistix biss fil-finanzjament ta' inizjattivi espliċiti għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda anke fil-fehim tal-impatt tad-deċiżjonijiet baġitarji u ta' politika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fl-aġġustament tal-infiq u d-dħul pubbliku kif xieraq; billi r-riżorsi baġitarji u l-forniment ta' servizzi għandhom jiġu allokati skont l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet immexxija mid-data, inkluża d-data kwalitattiva dwar l-impatti fuq il-ġeneru;

I.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri indikat li ċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma kkunsidrax b'mod adegwat l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-Qorti tal-Awdituri rrakkomandat lill-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta jekk il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri jindirizzawx l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

J.

billi l-istituzzjonijiet kollha tal-UE huma ggwidati mit-Trattati u mill-istrateġija tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020-2025; billi l-Parlament għandu jkun ta' eżempju għall-korpi parlamentari oħra fil-promozzjoni tiegħu tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jitgħallem mill-aħjar prattiki tal-korpi parlamentari oħra fl-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istrutturi u l-proċessi tiegħu u jikkunsidra l-eżempji tajbin tal-implimentazzjoni tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi pubbliċi u privati u fis-soċjetà ċivili; billi l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha mhix integrata bis-sħiħ fil-prattiki u r-regoli tal-Parlament (15); billi fis-seduti ta' smigħ organizzati mill-biċċa l-kbira tal-kumitati tal-Parlament mill-bidu tal-leġiżlatura attwali sa Novembru 2020, in-nisa kienu jammontaw għal inqas minn 50 % ta' dawk preżenti; billi għall-Kumitati għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, għas-Sajd, għall-Petizzjonijiet u għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, fost l-oħrajn, il-proporzjon kien ta' inqas minn 25 %;

K.

billi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fil-Parlament ġie affettwat ħafna mill-pandemija tal-COVID-19, u bis-saħħa ta' għodod diġitali sikwit irriżulta f'sigħat tax-xogħol itwal kemm għall-Membri kif ukoll għall-persunal; billi x-xogħol mid-dar ma jistax jieħu post l-indukrar tat-tfal; billi l-Parlament, bħala impjegatur u istituzzjoni li jagħmilha ta' mudell għas-soċjetà kollha, jista' jibbenefika minn forza tax-xogħol motivata u ambjent san u l-impjegati għandu jkollhom aċċess għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tul il-karriera kollha tagħhom;

Rimarki ġenerali

1.

Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u japprova l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala wieħed mill-approċċi ta' politika uffiċjali tiegħu biex jiżguraha; jiddeplora l-implimentazzjoni frammentata tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma ta' politika u fl-istituzzjonijiet kollha fil-livell tal-UE; jisħaq li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija responsabbiltà konġunta li tirrikjedi azzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-aġenziji kollha, bi sħab mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, is-sħab soċjali u s-settur privat;

2.

Jissottolinja li n-nisa jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni u, għalhekk, huma esposti għal diversi forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni; jisħaq li l-miżuri biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jeħtieġ li jinkorporaw approċċ intersezzjonali bil-għan li ħadd ma jitħalla jibqa' lura u li tiġi eliminata kull forma ta' diskriminazzjoni, inklużi l-forom intersezzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li anke jinħolqu proċessi parteċipattivi li jinvolvu l-atturi rilevanti kollha u li jikkombinaw approċċi minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq;

3.

Jilqa' l-għadd dejjem akbar ta' nisa involuti fil-politika, iżda jisħaq li għadna 'l bogħod mili nilħqu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li n-nisa bi profil pubbliku, bħal politiċi u attivisti, sikwit ikunu fil-mira ta' fastidju bl-intenzjoni li l-preżenza tagħhom fil-ħajja pubblika u fl-isfera deċiżjonali tkun skuraġġuta; jisħaq li liġijiet jew politiki femministi, li jkollhom l-għan li jiksbu ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma kollha, ma jistgħux jitfasslu mingħajr il-preżenza tan-nisa fil-proċess deċiżjonali; ifakkar fl-importanza li jkun hemm ambjent tax-xogħol reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru biex tittejjeb ir-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tal-Parlament, inkluż fil-gruppi politiċi u fl-uffiċċji tal-Membri tal-PE;

4.

Jinnota n-nuqqas ta' data kwantitattiva u kwalitattiva dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE lil hinn mid-data dwar l-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet differenti; jitlob, għalhekk, li tinġabar statistika komprensiva dwar il-ġeneri u jimpenja ruħu li joħloq indikaturi kwalitattivi dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ħalli tinġabar data addizzjonali diżaggregata skont il-ġeneru biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkompli tittejjeb;

5.

Jilqa' s-sett ta' għodod tal-EIGE “Parlamenti sensittivi għall-ġeneru” li jiffoka fuq ħames oqsma ewlenin li għandhom jiġu indirizzati: opportunitajiet ugwali biex persuna tidħol il-parlament, opportunitajiet ugwali biex persuna tinfluwenza l-proċeduri ta' ħidma tal-parlament, spazju adegwat fl-aġenda parlamentari għall-interessi u t-tħassib tan-nisa, il-produzzjoni ta' leġiżlazzjoni sensittiva għall-ġeneru u konformità mal-funzjoni simbolika tal-parlament;

6.

Jilqa' l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mill-kumitati kollha tal-Parlament; jinnota, madankollu, in-nuqqas ta' sorveljanza u implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet; jistieden għalhekk lill-kumitati jimmonitorjaw il-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri biex ikejlu l-progress u jiżguraw li dawn il-pjanijiet qed jiġu implimentati; jenfasizza li n-Network tal-Parlament għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri huwa responsabbli għall-integrazzjoni ta' approċċ inklużiv rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-ambjent u fil-ħidma tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet;

7.

Jilqa' d-dispożizzjoni l-ġdida tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, adottata fl-2019, li tistabbilixxi l-obbligu li jiġi adottat pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bil-għan li jinkorpora perspettiva tal-ġeneru fil-livelli u l-istadji kollha tal-attivitajiet kollha tal-Parlament; jilqa' l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'Lulju 2020 u pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tiegħu f'April 2021; jitlob it-tħejjija ta' rapporti li jimmonitorjaw b'mod regolari l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jiddispjaċih li l-pjan ta' azzjoni u l-pjan direzzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhumiex disponibbli għall-pubbliku u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi huma fformulati bħala prinċipji mingħajr miri u obbligi ċari u dan jindika nuqqas ta' impenn politiku fl-implimentazzjoni tagħhom;

8.

Jitlob kooperazzjoni strutturata saħansitra aktar b'saħħitha bejn l-istituzzjonijiet kollha tal-UE fl-applikazzjoni tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri biex din l-ugwaljanza tinkiseb aħjar; jemmen li l-Parlament u l-gruppi politiċi għandhom jingħaqdu flimkien biex itejbu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġġieldu l-movimenti antifemministi u kontra l-ġeneru, li dejjem ikunu anke antidemokratiċi, kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja;

Opportunitajiet ta' dħul fil-Parlament

9.

Jinnota li minn tmiem l-aħħar leġiżlatura l-perċentwal ta' nisa Membri naqas bi ftit, minn madwar 39,6 % għal 39,1 %; jilqa', madankollu, l-eżempju mogħti mill-Parlament f'dan il-qasam, inkluż il-progress tiegħu fir-rappreżentanza politika femminili, li hija ogħla mill-medja ta' 30,4 % fil-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u ferm ogħla mill-medja dinjija ta' 25,2 % għall-parlamenti nazzjonali; jilqa' l-fatt li xi Stati Membri u partiti politiċi introduċew regoli biex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fil-listi elettorali tagħhom u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri permezz ta' listi żippjati jew metodi ekwivalenti oħra fir-reviżjoni li jmiss tal-liġi elettorali tal-UE (16), dan biex il-kandidati nisa u rġiel ikollhom l-istess ċans li jiġu eletti;

10.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-ħtieġa ta' parlamenti inklużivi tal-ġeneri meta jabbozzaw ir-reviżjonijiet għal-liġijiet elettorali tagħhom; iħeġġeġ ukoll lill-partiti politiċi nazzjonali jintroduċu kwoti meta jiddeċiedu dwar il-kandidati elettorali, anke jekk il-liġi ma tipprevedix dan; jitlob li l-mekkaniżmi ta' appoġġ u l-aħjar prattiki jiġu kondiviżi mal-partiti politiċi għal dak il-għan; jisħaq li biex tiġi żgurata l-preżenza ta' kandidati nisa, l-organizzazzjoni u l-proċeduri interni tal-partiti jridu jkunu reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru billi jinkludu miżuri li jindirizzaw b'mod espliċitu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-regoli tal-partiti, jistabbilixxu kwoti tal-ġeneru għar-rwoli deċiżjonali u jiżguraw l-eżistenza ta' fora li jiffunzjonaw tajjeb għal-lobbjar, il-promozzjoni u d-diskussjoni, inklużi l-fergħat u l-kumitati tan-nisa;

11.

Jiddeplora n-nuqqas ta' proċeduri ta' reklutaġġ reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru fil-Parlament u jitlob li s-servizzi tal-Parlament u l-gruppi politiċi jaħdmu aktar fuq dawn il-proċeduri biex tiġi evitata d-diskriminazzjoni u tiżdied il-preżenza tan-nisa f'oqsma fejn huma sottorappreżentati, kemm fl-amministrazzjoni kif ukoll fil-gruppi politiċi; jitlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex jitnaqqas id-distakk;

Opportunitajiet biex jiġu influwenzati l-proċeduri ta' ħidma tal-Parlament

12.

Jilqa' l-fatt li l-Bureau tal-Parlament hu kompletament ibbilanċjat bejn il-ġeneri peress li, minn 14-il Viċi President, tmienja huma nisa, u minn ħames Kwesturi, tnejn huma nisa; jinnota, madankollu, li tlieta minn seba' gruppi politiċi tal-Parlament biss għandhom presidenti jew kopresidenti nisa, tmienja minn 25 kumitat huma attwalment ippreseduti minn nisa u 15 minn 43 president tad-delegazzjonijiet huma nisa; jitlob li jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fit-tmexxija tal-kumitati, tad-delegazzjonijiet u tal-gruppi politiċi; jilqa' l-emenda għall-Artikolu 213(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament li tirrikjedi li l-bureau ta' kull kumitat ikun ibbilanċjat bejn il-ġeneri; jiddispjaċih, madankollu, li din l-emenda mhix se tidħol fis-seħħ qabel l-ewwel sessjoni parzjali wara l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament, li għandhom isiru fl-2024;

13.

Jitlob li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ħidma tal-plenarja, tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet, inkluż fil-ħatra ta' koordinaturi, rapporteurs u shadow rapporteurs u fit-tqassim tal-ħin għad-diskorsi;

14.

Jitlob li jiġu stabbiliti miżuri biex tiġi indirizzata s-segregazzjoni orizzontali u b'hekk jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-ġeneri f'kumitati differenti u tintemm il-konċentrazzjoni sessista tal-portafolli, fejn oqsma bi proporzjon ogħla ta' nisa huma inqas apprezzati;

15.

Jistieden lill-gruppi politiċi u lis-segretarjati tagħhom jistabbilixxu regoli interni u miżuri rilevanti oħra, bħal kodiċijiet ta' kondotta u għodod għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, taħriġ u monitoraġġ biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-funzjonament intern tagħhom, speċjalment rigward il-ħatriet u t-tqassim tar-rwoli u r-responsabbiltajiet; jitlob li l-gwidi u l-pariri dwar l-aħjar prattika, inkluż taħriġ għall-persunal u l-Membri dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, ikunu disponibbli għall-gruppi politiċi biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar il-kunċett tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u jimplimentawh fil-funzjonament intern tagħhom;

16.

Jistieden lid-Direttorati Ġenerali rilevanti jiżguraw li l-għażla tal-awturi tal-istudju tkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri;

17.

Jinnota li minkejja l-progress u l-isforzi kollha li saru, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli maniġerjali kollha tal-amministrazzjoni tal-Parlament għadha ma ntlaħqitx; jilqa' l-fatt li fil-livell tad-diretturi ntlaħqet il-parità, iżda jiddispjaċih li n-nisa jirrappreżentaw biss 23,1 % tad-Diretturi Ġenerali u 39,3 % tal-Kapijiet tal-Unità; ifaħħar, f'dan ir-rigward, il-mira tal-amministrazzjoni tal-Parlament li sal-2024 in-nisa jkunu jammontaw għal 50 % tal-pożizzjonijiet maniġerjali medji u superjuri u 40 % tal-ogħla karigi maniġerjali fl-amministrazzjoni; jitlob li n-nisa jingħataw prijorità għar-reklutaġġ meta jkunu sottorappreżentati u l-merti rispettivi tal-kandidati jkunu ugwali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jinbena u jissaħħaħ l-għarfien espert dwar il-ġeneru fil-livell maniġerjali; jitlob li jiġu implimentati programmi ta' mentoraġġ;

18.

Jitlob li tinġabar data dwar ir-rappreżentanza vertikali u orizzontali tal-persunal tal-gruppi politiċi u data anonimizzata dwar id-differenzi fil-pagi għall-assistenti tal-Membri, il-persunal tal-gruppi u dak amministrattiv biex tiġi żgurata t-trasparenza fil-pagi;

19.

Jitlob li tinġabar b'mod regolari data diżaggregata skont il-ġeneru dwar il-proporzjon tal-persunal parlamentari li qed jaħdem part-time; jitlob li tittieħed azzjoni bbażata fuq id-data eżistenti (17) biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi sinifikanti u jiġi vvalutat kif il-Parlament jista' jipprovdi appoġġ addizzjonali jekk il-persunal ikun jixtieq jerġa' jaħdem full-time;

20.

Jisħaq li l-fastidju fuq il-post tax-xogħol jikkostitwixxi attakk serju fuq is-saħħa psikoloġika u fiżika tal-persuna u dan jista' jġiegħel li l-persuna tħossha mhux sigura fuq il-post tax-xogħol u, f'xi każijiet, iwaqqafha milli tagħmel xogħolha; jinnota li n-nisa għandhom probabbiltà akbar mill-irġiel li jkunu soġġetti għal fastidju sesswali; iqis li, minkejja l-isforzi kollha li saru s'issa biex tiġi żgurata politika ta' fastidju żero, xorta għad hemm każijiet ta' fastidju sesswali fil-Parlament u li għandhom jiżdiedu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-fastidju sesswali; itenni, għalhekk, l-appelli tiegħu biex jiġu implimentati l-miżuri li ġejjin biex jittejbu l-politiki kontra l-fastidju:

(a)

tiġi ppubblikata l-valutazzjoni esterna mwettqa fil-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta' fastidju li jikkonċernaw lill-Membri;

(b)

titwettaq evalwazzjoni indipendenti, minn awdituri esterni u magħżula b'mod trasparenti, tal-Kumitat Kontra l-Fastidju eżistenti tal-Parlament li jittratta l-ilmenti dwar il-fastidju sesswali fost il-persunal rigward l-effikaċja tiegħu u, jekk meħtieġ, kwalunkwe modifika għandha tiġi proposta malajr kemm jista' jkun u qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura biex jiġu żgurati l-indipendenza mill-influwenza politika u l-bilanċ bejn il-ġeneri u jiġu eviti kunflitti ta' interess fl-istrutturi eżistenti;

(c)

tiġi żgurata analiżi aktar komprensiva u olistika tal-ilmenti u r-rimedji, u tinbidel il-kompożizzjoni tal-Kumitati Konsultattivi u ta' Kontra l-Fastidju biex jiġi żgurat li l-esperti indipendenti b'għarfien espert ippruvat li huma kapaċi jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol, inklużi tobba, terapisti u esperti legali, ikunu membri formali bi drittijiet sħaħ tal-vot;

(d)

jiġi introdott taħriġ obbligatorju u faċilment aċċessibbli kontra l-fastidju għall-Membri kollha, permezz tat-taħriġ disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha jew bl-interpretazzjoni u tal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni mmirati għal delegazzjonijiet individwali u gruppi politiċi;

(e)

jiġi introdott taħriġ obbligatorju dwar il-politika tal-Parlament ta' fastidju żero għall-persuni kollha li jaħdmu fil-bini tal-Parlament fuq bażi regolari, li se jipprovdilhom l-għodod biex jirrikonoxxu u jirrappurtaw kull forma ta' fastidju, inkluż u b'mod partikolari, il-fastidju sesswali, kif ukoll informazzjoni mfassla apposta dwar l-istrutturi ta' appoġġ disponibbli u dan iwassal biex dawn l-istrutturi ta' appoġġ isiru aktar magħrufa u faċilment aċċessibbli;

21.

Jimpenja ruħu li jiggarantixxi bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-Membri, il-persunal tal-grupp, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-persunal amministrattiv, pereżempju bħall-adozzjoni ta' sigħat tax-xogħol li jwasslu għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-involviment tiegħu mal-Kummissjoni u l-Kunsill biex tinstab soluzzjoni komuni għal-laqgħat li jinvolvu t-tliet istituzzjonijiet; jitlob reviżjoni tal-miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sabiex jittejjeb u jissaħħaħ il-qafas attwali, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-effetti tat-telexogħol wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-ibbilanċjar tal-istrutturi tax-xogħol flessibbli mar-rekwiżiti ta' Parlament b'saħħtu u li jiffunzjona tajjeb;

22.

Jitlob żieda fil-liv tal-maternità u tal-paternità mhux trasferibbli għall-persunal tal-Parlament wara t-twelid ta' tarbija, għal total ta' sitt xhur għal kull ġenitur li għandu jittieħed matul l-ewwel sena; jisħaq li s-sitt xhur tal-liv tal-ġenituri għandhom ikunu disponibbli matul l-ewwel tliet snin tal-ħajja tal-wild; jiddispjaċih li meta l-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-liv tal-ġenituri, dawn jirċievu biss benefiċċju fiss minflok is-salarju kollu tagħhom, li huwa diżinċentiv kbir għall-użu ta' dan il-liv; jitlob li l-liv tal-ġenituri jkun imħallas b'mod sħiħ; jilqa' l-benefiċċji li huma disponibbli għall-familji tal-impjegati tal-Parlament;

23.

Jitlob, b'mod partikolari, li l-liv tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri jiġu rikonoxxuti għall-Membri tal-Parlament permezz ta' emenda tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew; jitlob, barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet li jiggarantixxu lill-Membri l-kapaċità li jkomplu jaħdmu waqt li jkunu bil-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-ġenituri, pereżempju tinżamm il-possibbiltà ta' votazzjoni remota waqt li jkunu bil-liv jew tiġi esplorata l-possibbiltà ta' sostituzzjoni temporanja, li tiżgura li l-kostitwenti jkunu rappreżentati waqt li l-Membru tagħhom ikun bil-liv u li l-Membri ma jkunux taħt pressjoni biex jirritornaw għax-xogħol immedjatament; jisħaq li d-deċiżjoni dwar l-użu tas-sostituzzjoni temporanja tkun l-għażla tal-Membru rilevanti;

24.

Jitlob lis-servizzi tal-Parlament jeżaminaw l-impatt li l-menopawża għandha fuq il-ħajja tax-xogħol tal-impjegati tal-Parlament; jisħaq li dan għandu jkun ibbażat fuq l-evidenza u jinkludi gwida dwar il-ġestjoni medika u tal-istil ta' ħajja tas-sintomi tal-mezz'età u tal-menopawża permezz ta' linji gwida nazzjonali u internazzjonali; jitlob li l-menopawża tiġi kkunsidrata fil-politiki ta' ġestjoni tal-mard u tal-attendenza;

Il-prominenza tal-perspettiva tal-ġeneru fl-attivitajiet parlamentari

25.

Jilqa' l-ħidma tal-Kumitat FEMM, il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u n-Network għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri bħala l-korpi ewlenin biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Parlament; jitlob, madankollu, kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib u aktar strutturati bejn dawn il-korpi, speċjalment f'ċirkostanzi straordinarji bħall-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, permezz ta' laqgħat regolari biex tiġi kondiviża l-informazzjoni u jinħarġu rapporti tematiċi konġunti;

26.

Jilqa' l-inizjattiva l-ġdida tal-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet li tistieden lid-delegazzjonijiet kollha jaħtru membri biex ikunu inkarigati mill-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u jfaħħar il-kooperazzjoni bejn in-Network għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Membri responsabbli għall-ġeneru u d-diversità fid-delegazzjonijiet;

27.

Jitlob l-inklużjoni tan-Network għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fir-Regoli ta' Proċedura biex jirrifletti r-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-attivitajiet tal-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari; jitlob li jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa biex dan iwettaq il-funzjonijiet tiegħu u jipproduċi rakkomandazzjonijiet rilevanti; jitlob l-inklużjoni ta' punt permanenti għad-diskussjoni fl-aġendi tal-laqgħat tal-kumitati;

28.

Jilqa' s-sessjoni ta' taħriġ tal-EIGE għall-Membri dwar il-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, li tfasslet apposta għall-Parlament; iħeġġeġ ħidma aktar mill-qrib mal-EIGE permezz ta' taħriġ regolari dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-Membri, il-persunal tal-gruppi, l-assistenti parlamentari, is-servizzi parlamentari u l-persunal tas-segretarjati tal-kumitati; ifakkar fl-importanza li jiġu offruti programmi adattati għall-ħtiġijiet u l-għarfien konkreti kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak amministrattiv;

29.

Jirrimarka li l-Kumitat FEMM, bħala kumitat inkarigat kompletament mid-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jaħdem fuq ħafna kwistjonijiet orizzontali li sikwit jolqtu l-ħidma ta' kumitati oħra; jinnota li l-inklużjoni tas-suġġerimenti tal-Kumitat FEMM fil-forma ta' opinjonijiet jew emendi tvarja bejn kumitati oħra; jilqa' l-impenn tal-pjan direzzjonali li, permezz tas-servizzi u l-korpi rilevanti, jiġbor indikaturi ċari biex jitkejjel jekk il-kontribut mill-Kumitat FEMM huwiex qed jiġi inkorporat fil-ħidma ta' kumitati oħra u fil-pożizzjoni finali tal-Parlament; jitlob monitoraġġ sistematiku, trasparenti u responsabbli tal-integrazzjoni tas-suġġerimenti tal-Kumitat FEMM, li huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu implimentati kif xieraq;

30.

Jisħaq fuq l-importanza tal-emendi li l-Kumitat FEMM jipproduċi fl-opinjonijiet tiegħu biex jiżgura l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob, fil-kuntest tar-rapporti fuq inizjattiva proprja, titjib fil-kooperazzjoni bejn il-kumitati fl-istabbiliment tal-kalendarju biex jiġi żgurat żmien suffiċjenti bejn meta l-abbozz ta' rapport tal-kumitat ewlieni jkun disponibbli u l-votazzjoni tal-kumitat sabiex il-Kumitat FEMM ikun jista' jipproduċi l-pożizzjoni tiegħu fil-forma ta' emendi għall-abbozz ta' rapport; jisħaq li l-Membri fin-Network għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri huma responsabbli biex jiġu inklużi l-miżuri ta' integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kumitati tagħhom; jiddispjaċih li s'issa din il-ħidma hija ad hoc ħafna u jemmen li għandha tiġi implimentata fuq bażi aktar strutturata;

31.

Jitlob li l-missjonijiet kollha tal-kumitati u d-delegazzjonijiet ikunu bbilanċjati bejn il-ġeneri u li jiġu eżaminati d-dimensjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa; jitlob, barra minn hekk, l-inklużjoni ta' laqgħat ma' organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-programmi ta' missjoni;

32.

Jilqa' l-impenn meħud fil-pjan direzzjonali tal-pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex jiġi żgurat li l-kumitati u korpi oħra li jorganizzaw seduti ta' smigħ, sessjonijiet ta' ħidma u konferenzi jinkludu esperti u panels ibbilanċjati bejn il-ġeneri u kwalifikati biex jeżaminaw id-dimensjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa fil-qasam speċifiku ta' interess; jitlob li jiġu stabbiliti miri ċari biex tiġi implimentata din id-dispożizzjoni;

33.

Ifaħħar il-Ġimgħa tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, li saret għall-ewwel darba fl-2020 fil-Parlament, li matulha l-kumitati parlamentari u d-delegazzjonijiet kollha ġew mistiedna jorganizzaw avvenimenti li jindirizzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom; jilqa' l-kontinwazzjoni ta' din l-inizjattiva ta' suċċess u l-fatt li 16-il kumitat u sitt delegazzjonijiet ipparteċipaw fl-edizzjoni tal-2021 u li matulha ġew organizzati 21 avveniment; jitlob li l-korpi kollha tal-Parlament, inklużi l-kumitati u d-delegazzjonijiet li għadhom ma għamlux dan, jingħaqdu u jikkontribwixxu f'din l-inizjattiva, li tqajjem kuxjenza u ssaħħaħ il-kooperazzjoni, fuq bażi regolari;

34.

Jitlob lin-Network għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità, lill-Kumitat FEMM u lill-Kumitati għall-Baġits u għall-Kontroll tal-Baġit jiżviluppaw u jadottaw linji gwida ddedikati biex tiġi implimentata l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru;

35.

Jilqa' l-istudju tal-EPRS dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-Parlament; jinnota, madankollu, li l-EPRS jeħtieġ jirrepeti dan l-istudju b'mod regolari u bbażat fuq statistika kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-ġeneru u data diżaggregata skont il-ġeneru u dawn għandhom jinġabru b'mod sistematiku u jkunu disponibbli mis-servizzi tal-Parlament skont il-pjan ta' azzjoni u l-pjan direzzjonali tiegħu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

36.

Jilqa' t-traduzzjoni tal-linji gwida għal lingwaġġ li juża ġens newtrali bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jiddeplora n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' dawn il-linji gwida u jitlob azzjonijiet addizzjonali ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ speċifiku għall-ġuristi lingwisti tal-Parlament; jitlob reviżjoni regolari tal-linji gwida u t-traduzzjonijiet tagħhom sabiex ikun garantit li dawn jirriflettu l-iżviluppi f'kull lingwa u jibqgħu preċiżi;

37.

Jimpenja ruħu li jiżgura l-allokazzjoni ta' biżżejjed fondi u riżorsi umani għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jtejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn id-diversi korpi li jaħdmu fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità fil-Parlament;

It-twettiq ta' leġiżlazzjoni b'perspettiva tal-ġeneru

38.

Jisħaq fuq l-importanza ta' valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri biex jitfasslu l-proposti leġiżlattivi u l-evalwazzjonijiet reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru tal-inizjattivi leġiżlattivi; jiddispjaċih li l-impatti fuq il-ġeneru rarament jiġu indirizzati bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni u li l-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 jirrakkomandaw li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha titqies fit-tfassil tal-politika meta jkun “proporzjonat” biss; jitlob lill-Kummissjoni tbiddel l-approċċ tagħha, twettaq u tippubblika valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri għal kull proposta leġiżlattiva u tinkludi b'mod espliċitu objettivi relatati mal-ġeneru u indikaturi tal-prestazzjoni fil-proposti tagħha; jimpenja ruħu li jwettaq valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri għal kull rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja bil-għan li tiġi inkluża perspettiva tal-ġeneru; jimpenja ruħu li jirriċerka metodi u għodod ġodda biex tittejjeb l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess leġiżlattiv;

39.

Jiddispjaċih li, b'mod ġenerali, l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għadha ma ġietx applikata fil-baġit kollu tal-UE u l-kontribut tal-baġit biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma ġiex immonitorjat b'mod adegwat; jitlob implimentazzjoni sistematika tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-baġit tal-UE; jissottolinja li l-perspettiva tal-ġeneru trid tiġi integrata fil-livelli kollha tal-proċess baġitarju sabiex id-dħul u l-infiq jintużaw biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' l-azzjonijiet previsti fil-pjan ta' azzjoni tal-Parlament dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u rigward l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u jitlob l-implimentazzjoni tagħhom malajr kemm jista' jkun;

40.

Ifaħħar lin-negozjaturi tal-Parlament talli inkludew l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala prinċipju orizzontali fil-QFP 2021-2027; jilqa', b'mod partikolari, l-impenn tal-Kummissjoni li tistabbilixxi metodoloġija biex tkejjel in-nefqa rilevanti tal-programmi ffinanzjati permezz tal-QFP 2021-2027 sa mhux aktar tard minn tmiem l-2022; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-responsabbiltà u t-trasparenza baġitarja, tapplika l-metodoloġija l-ġdida għall-programmi kollha ta' finanzjament tal-UE u timplimenta l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP attwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan ir-rigward;

41.

Jilqa' l-fatt li l-objettiv ġenerali biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari fuq in-nisa, u r-rekwiżit li tiġi inkluża spjegazzjoni ta' kif il-miżuri fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ġew inklużi fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (18); jiddispjaċih, madankollu, li t-talba tal-Kumitat FEMM biex jiġi inkluż kapitolu speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pjanijiet nazzjonali ma ġietx inkluża; jenfasizza li rapportar reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru u miżuri tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri ma jistgħux jiġu sostitwiti minn traċċar soċjali u investimenti soċjali biss; jemmen li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jistħoqqilha l-metodoloġija ta' integrazzjoni tagħha stess bħala parti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u jfakkar li l-EIGE żviluppa metodoloġija xierqa;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b'mod partikolari rigward id-dispożizzjonijiet eżistenti marbuta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u tinkludi indikaturi rilevanti fit-tabella ta' valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza biex timmonitorja l-impatt tal-pjanijiet nazzjonali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ammont ta' fondi allokati biex jiġi appoġġjat dan l-għan u kemm ikunu ntefqu minnhom; jenfasizza l-ħtieġa tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-arkitettura tal-governanza ekonomika tal-UE u fis-Semestru Ewropew;

43.

Jiddispjaċih li diversi programmi ta' finanzjament tal-UE li għandhom potenzjal sinifikanti li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħall-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej, il-politika agrikola komuni u l-Erasmus, ma qisux l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod effettiv;

44.

Jisħaq li d-djalogu soċjali huwa strument ewlieni għall-partijiet kollha involuti fil-proċessi deċiżjonali u għalhekk huwa essenzjali biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas istituzzjonali għall-appoġġ tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u ssarraf l-impenn tagħha għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri f'azzjonijiet speċifiċi; jitlob lill-Kummissjoni tadotta pjan biex timplimenta l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri f'kull qasam ta' politika;

46.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għandha l-ebda strateġija kompleta għat-taħriġ dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, u toffri biss kors introduttorju wieħed u mhux obbligatorju lill-persunal tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tat-taħriġ dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri, tiżgura li t-taħriġ ikun disponibbli għall-persunal kollu u tagħmel użu sħiħ mill-għodod u l-għarfien espert tal-EIGE dwar l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq diżaggregazzjoni sistematika tad-data skont il-ġeneru mal-ġbir ta' tali data u tqis id-dimensjoni tal-ġeneru meta tevalwa l-programmi tal-UE u tirrapporta dwarhom; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposti leġiżlattivi li ġejjin ir-rekwiżit li jinġabru sistematikament data diżaggregata skont il-ġeneru u indikaturi rilevanti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-programmi kollha u tinkludi rekwiżiti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ u evalwazzjoni reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru biex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri;

48.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn tal-Kunsill li jwettaq leġiżlazzjoni b'perspettiva tal-ġeneru u jtenni t-talbiet tiegħu li jiżblokka r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni, li se tiżgura li titqies id-dimensjoni intersezzjonali fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' ġeneru, u d-direttiva dwar in-nisa fuq il-bordijiet;

49.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ id-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorjaha b'mod effettiv;

50.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew biex jistabbilixxu konfigurazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, peress li l-UE teħtieġ pjattaforma għall-iskambju intergovernattiv dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u forum formali għall-ministri u s-segretarji tal-istat responsabbli għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, biex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE, jiġu żviluppati djalogu u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, jiġu skambjati l-aħjar prattiki u leġiżlazzjoni, jiġu żblukkati n-negozjati dwar il-fajls ewlenin relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jitwasslu reazzjonijiet komuni għall-problemi madwar l-UE kollha u jiġi żgurat li l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu diskussi fl-ogħla livell politiku;

51.

Jitlob li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi implimentata aħjar u b'mod aktar effiċjenti fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, permezz ta' aktar koordinazzjoni bejn il-korpi parlamentari rilevanti biex tissaħħaħ id-dimensjoni tal-ġeneru tal-kontributi tal-gruppi ta' ħidma u tad-dibattiti u l-proposti tal-plenarja tal-konferenza;

52.

Jitlob, barra minn hekk, miżuri li jiżguraw l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u miżuri speċifiċi mmirati biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħal leġiżlazzjoni, rakkomandazzjonijiet u politiki relatati mal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, it-trasparenza fil-pagi u l-kura;

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità fil-funzjoni simbolika tal-Parlament

53.

Jisħaq li, biex il-Parlament ikun sensittiv għall-ġeneru, għandu jkun konxju u jagħti attenzjoni lit-tifsiriet simboliċi espressi fi ħdan l-istituzzjoni u minnhom permezz tal-istrateġija ta' komunikazzjoni tiegħu u t-tfassil ta' spazji fiżiċi; jitlob li jiżdiedu l-isforzi tiegħu f'dawn l-oqsma;

54.

Jitlob li jiġu adottati miri konkreti biex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jissemmew jew jissemmew mill-ġdid il-binjiet, il-kmamar u spazji fiżiċi oħra tal-Parlament;

55.

Jilqa' l-impenn meħud fil-pjan direzzjonali biex titwettaq analiżi tal-ispazji ddedikati għall-indukrar tat-tfal fil-bini tal-Parlament, inklużi l-ispazji għat-treddigħ, u jitlob impenn biex jitfasslu mill-ġdid jekk ikun meħtieġ ladarba tkun ġiet prodotta bi qbil l-analiżi preċedenti tal-istatus attwali tagħhom;

56.

Jitlob li ssir analiżi tat-tqassim u t-tfassil tat-tojlits tal-Parlament biex tiġi vvalutata l-ħtieġa li jiġu adattati għar-rekwiżiti tal-ġeneri kollha, inklużi permezz ta' miżuri bħall-introduzzjoni ta' tojlits newtrali għall-ġeneru u ż-żieda fl-għadd ta' tojlits li jkollhom laned taż-żibel u sinkijiet individwali biex jiġi ffaċilitat l-użu tat-tazzi mestruwali u prodotti sanitarji oħra;

57.

Jitlob li l-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Parlament tiġi riveduta, inkluż permezz ta' miżuri bħall-istabbiliment ta' protokoll biex tinbeka t-telfa tal-vittmi tal-femminiċidju u r-reviżjoni tas-sit web tal-Parlament biex jinkludi taqsima speċifika dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-menu tal-paġna ewlenija, informazzjoni rilevanti dwar fajls ewlenin, bħall-proċess ta' ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, u aġġornament tal-informazzjoni dwar l-istorja u l-kompożizzjoni tal-Parlament biex jitqies l-ġeneru;

Rimarki tal-għeluq

58.

Itenni t-talba tiegħu biex jitwettaq awditu (19) bil-għan li tinħoloq mappa tas-sitwazzjoni attwali f'termini tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri u biex isiru rakkomandazzjonijiet kemm mil-lat politiku kif ukoll dak amministrattiv tal-attivitajiet tal-Parlament; jissuġġerixxi li dan l-awditu għandu jkopri l-oqsma u l-indikaturi kollha żviluppati fis-sett ta' għodod tal-EIGE “Parlamenti sensittivi għall-ġeneru” u jidentifika r-regoli li jiffaċilitaw jew jimblukkaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'kull qasam ta' analiżi, bil-għan li jiġu aġġornati l-pjan ta' azzjoni u l-pjan direzzjonali tal-Parlament dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li f'dan l-awditu tiġi inkluża valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri dwar l-implimentazzjoni ta' rekwiżit fiss ta' bilanċ bejn il-ġeneri fl-istrutturi parlamentari kollha, inklużi l-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-missjonijiet;

59.

Jirrimarka li xi oqsma koperti mill-pjan ta' azzjoni u l-pjan direzzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma marbuta b'mod inerenti mal-organizzazzjoni politika tal-gruppi u għalhekk jeħtieġu deliberazzjoni politika li tinvolvi l-gruppi kollha; jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma temporanju fil-qafas il-Konferenza tal-Presidenti, magħmul minn rappreżentanti ta' kull grupp politiku u presedut mir-rapporteurs permanenti tal-Parlament għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri biex imexxi l-ħidma f'dak il-qasam, jimplimenta din ir-riżoluzzjoni u jikkoordina mal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità, il-Bureau tal-Parlament, il-Kumitat FEMM u n-Network għall-Integrazzjoni ta' Kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, fejn rilevanti; iħeġġeġ lill-gruppi politiċi jistitwixxu dan il-grupp ta' ħidma sa nofs l-2022;

o

o o

60.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.

(2)  ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.

(3)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.

(4)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 18.

(5)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.

(6)  ĠU C 411, 27.11.2020, p. 13.

(7)  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 96.

(8)  ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.

(9)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.

(10)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 31.

(11)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 208.

(12)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 150.

(13)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 98.

(14)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 191.

(15)  Ahrens, P., “Working against the tide? Institutionalizing Gender Mainstreaming in the European Parliament”, Gendering the European Parliament: Structures, Policies, and Practices, eds. P. Ahrens u A. L. Rolandsen, Rowman & Littlefield International, 2019, p. 85-101.

(16)  F'konformità mal-Artikolu 223 tat-TFUE u l-liġi elettorali tal-UE kif stabbilita fl-Att Elettorali tal-1976 li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett tal-1976, kif emendat fl-2002 (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5).

(17)  Kif ikkumpilat fil-fuljett dwar in-Nisa fil-Parlament Ewropew tal-2021.

(18)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(19)  ĠU C 323, 11.8.2021, p. 33.


Top