Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0057

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2022 dwar Ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu (2021/2057(INI))

ĠU C 347, 9.9.2022, p. 15–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/15


P9_TA(2022)0057

Ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2022 dwar Ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu (2021/2057(INI))

(2022/C 347/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-tieni, ir-raba', il-ħames, is-sitt u s-seba' inċiż tal-preambolu, l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 21 tagħha,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż it-tielet prinċipju dwar l-opportunitajiet indaqs u l-pjan ta' azzjoni korrispondenti,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (1) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2),

wara li kkunsidra l-istabbiliment f'Ġunju 2016 tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu “Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura” (COM(2018)0268),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025” (COM(2020)0565),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni” (COM(2020)0784),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 – 2027) (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (7),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (8),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (9),

wara li kkunsidra r-rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali tad-9 ta' Ġunju 2020 u t-tieni stħarriġ tal-UE dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni tal-5 ta' Diċembru 2017 u r-rapport u s-sommarju relatati bit-titolu “Being Black in the EU” (Li tkun Iswed fl-UE) tat-23 ta' Novembru 2018 u tal-15 ta' Novembru 2019 rispettivament, li jiddeskrivu l-esperjenzi ta' diskriminazzjoni razzjali u vjolenza razzista fost il-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-UE,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025” (COM(2020)0698),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità 2021-2030” (COM(2021)0101),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (10),

wara li kkunsidra l-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni għall-2020-2030 tas-7 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2021 bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija” (COM(2021)0615),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd (11),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 dwar id-drittijiet fundamentali tal-persuni ta' dixxendenza Afrikana fl-Ewropa (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: Nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fid-dawl tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (15),

wara li kkunsidra l-proċeduri ta' ksur mibdija mill-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali għad-diskriminazzjoni kontra t-tfal Rom fl-edukazzjoni (numri ta' ksur 20142174, 20152025 u 20152206),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2021 dwar il-politika tal-UE dwar l-isport: valutazzjoni u toroq possibbli 'l quddiem) (17),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż (18),

wara li kkunsidra l-istudju mħejji mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu f'Ottubru 2021 dwar ir-rwol tal-kultura, l-edukazzjoni, il-media u l-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ta' politika ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni Nru 10 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni fl-iskejjel u permezz tagħha,

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza għall-ugwaljanza effettiva tas-27 ta' Settembru 2019,

wara li kkunsidra s-sitt evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Online Illegali,

wara li kkunsidra l-Għan 10 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU: tnaqqis tal-inugwaljanza fi ħdan u bejn il-pajjiżi.

wara li kkunsidra l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva f'Ottubru 2021 dwar il-Kodiċi ta' Prattika l-ġdid dwar id-Diżinformazzjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0027/2022),

A.

billi d-diskriminazzjoni u r-razziżmu jdgħajfu d-dinjità tal-bniedem, l-opportunitajiet tal-ħajja, il-prosperità, il-benesseri u spiss is-sikurezza; billi l-istereotipi razzisti għandhom tendenza li jkomplu tul il-ġenerazzjonijiet; billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika hija pprojbita fl-UE; billi l-migranti, ir-refuġjati u l-persuni li jfittxu ażil, fost l-oħrajn, huma soġġetti għal razziżmu u mġiba diskriminatorja;

B.

billi skont l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (19), id-diskriminazzjoni u l-fastidju razzjali jibqgħu komuni madwar l-Unjoni Ewropea kollha; billi l-minoranzi razzjali, reliġjużi u etniċi b'mod partikolari huma ta' spiss soġġetti għal fastidju, vjolenza, tfassil ta' profili razzjali u etniċi, inkluż permezz tal-infurzar tal-liġi, u diskors ta' mibegħda, kemm online kif ukoll offline; billi l-maġġoranza tal-inċidenti razzisti u ksenofobiċi motivati mill-mibegħda mhumiex irrappurtati mill-vittmi (20); billi l-minoranzi razzjali u etniċi fl-UE jiffaċċjaw diskriminazzjoni strutturali u f'xi każijiet segregazzjoni f'ċerti oqsma tal-ħajja ta' kuljum, inklużi l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni u s-sistemi ġudizzjarji;

C.

billi l-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025 jirreferi għar-razziżmu strutturali bħala l-imġiba diskriminatorja li tista' tiġi inkorporata fl-istituzzjonijiet soċjali, finanzjarji u politiċi, u b'hekk ikollha impatt fuq il-lievi tal-poter u t-tfassil tal-politika;

D.

billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem jiddefinixxi d-diskriminazzjoni strutturali bħala r-regoli, in-normi, ir-rutini, u l-mudelli ta' attitudnijiet u mġiba fl-istituzzjonijiet u strutturi oħra tas-soċjetà li jirrappreżentaw ostakli għal gruppi jew individwi fil-kisba tal-istess drittijiet u opportunitajiet disponibbli għall-maġġoranza tal-popolazzjoni;

E.

billi l-migranti, ir-refuġjati, il-persuni li jfittxu ażil politiku u l-membri ta' minoranzi razzjali, reliġjużi u etniċi għandhom aċċess limitat għas-suq tax-xogħol u ħafna drabi huma soġġetti għall-isfruttament tax-xogħol;

F.

billi jista' jiġi ddimostrat b'mod ċar li l-ġbir ta' data ta' kwalità tajba huwa wieħed mill-aktar modi effettivi biex jiġu analizzati l-problemi soċjali – kemm b'mod kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv – u huwa strumentali għat-tfassil, l-adattament, il-monitoraġġ u l-iżvilupp ta' risponsi ta' politika pubblika bbażati fuq l-evidenza għal dawk il-problemi;

G.

billi attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi huma mħaddna minn ċerti individwi li jinfluwenzaw l-opinjoni u minn politiċi fl-UE kollha, u dan jiffavorixxi klima soċjali li tipprovdi art fertili għar-razziżmu, id-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda; billi dan l-ambjent huwa mkebbes aktar mill-movimenti estremisti bħal dawk faxxisti u tal-lemin estrem u li jippruvaw jaqsmu s-soċjetajiet tagħna; billi dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-valuri komuni Ewropej u l-ideali tad-demokrazija u l-ugwaljanza li l-Istati Membri kollha ħadu l-impenn li josservaw;

H.

billi ħafna gruppi ta' minoranza jkollhom iġarrbu vjolenza mill-pulizija, inkluż kastig kollettiv u tfassil ta' profili razzjali; billi huma meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex dan il-fenomenu jiġi miġġieled; billi b'riżultat ta' nuqqasijiet fl-istat tad-dritt u l-ġustizzja kriminali, il-vittmi tal-vjolenza mill-pulizija m'għandhomx biżżejjed protezzjoni u aċċess għall-ġustizzja u spiss jiffaċċjaw persekuzzjoni f'idejn l-awtoritajiet statali; billi r-razziżmu kontra minoranzi etniċi u razzjali wassal għal vjolenza u qtil;

I.

billi l-mod kif in-nies jiġu ppreżentati fil-media, irrispettivament mill-isfond razzjali jew etniku tagħhom, jista' jsaħħaħ l-istereotipi negattivi b'konnotazzjonijiet razzjali; billi s-settur kulturali u l-media għandhom is-setgħa li jippromwovu l-inklużjoni u jiġġieldu r-razziżmu u jikkumbattu kontra tali stereotipi;

J.

billi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu offline u online fis-soċjetajiet tagħna, kemm espliċiti kif ukoll impliċiti, jeħtieġ li tissaħħaħ u tiġi kondiviża b'mod responsabbli; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jirriflettu aktar fuq l-indirizzar tar-razziżmu strutturali u d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ħafna gruppi ta' minoranza, u jimpenjaw ruħhom u jaħdmu favurihom;

K.

billi d-diżinformazzjoni spiss tkun immirata lejn il-minoranzi u tinċita r-ribelljoni soċjali; billi media indipendenti u pluralistika li tippromwovi narrattivi bbilanċjati sservi biex trawwem soċjetajiet inklużivi;

L.

billi s-solidarjetà u r-rispett għall-ħajja tal-bniedem u għal bnedmin oħra huma valuri mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra; billi l-edukazzjoni skolastika għandha rwol kruċjali f'dan il-proċess;

M.

billi l-aċċess għall-edukazzjoni u l-livell edukattiv milħuq huwa problema għall-komunitajiet razzjalizzati madwar l-Ewropa kollha; billi s-segregazzjoni fl-edukazzjoni għadha problema sinifikanti fl-Ewropa; billi t-tqegħid tat-tfal fi skejjel segregati u l-prattika diskriminatorja tat-tqegħid tat-tfal minn minoranzi etniċi u razzjali fl-iskejjel għat-tfal b'diżabilità mentali għadhom jippersistu f'uħud mill-Istati Membri;

N.

billi l-iskejjel għandhom rwol strumentali x'jaqdu fl-għoti ta' esperjenza dwar il-valur tad-diversità, fil-promozzjoni tal-inklużjoni, fil-ġlieda kontra r-razziżmu u fit-tnaqqis tal-istereotipi razzjali u l-preġudizzju;

O.

billi huwa importanti għat-tfal u ż-żgħażagħ li jaraw li huma rrappreżentati fis-soċjetà kollha, inkluż fl-edukazzjoni li jingħataw, fil-klabbs kulturali u sportivi u fl-attivitajiet li jipparteċipaw fihom, u fuq l-internet u l-media li jikkunsmaw;

P.

billi, għalkemm l-isport għandu rwol ewlieni fil-ħajja soċjali, kulturali u edukattiva u għandu s-setgħa li jgħaqqad persuni minn varjetà ta' razez, etniċitajiet u reliġjonijiet, u għalkemm jista' jintuża biex jgħaqqad il-komunitajiet u joħloq il-valuri tal-ugwaljanza, l-aċċessibbiltà u r-rispett, kien hemm inċidenti razzisti ripetuti f'avvenimenti sportivi u fl-isport b'mod ġenerali madwar l-Ewropa, u ħafna sfidi relatati mar-razziżmu; billi r-radikalizzazzjoni li qed isseħħ fi gruppi relatati mal-isport trid tiġi identifikata u miġġielda;

Q.

billi l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 affettwaw b'mod sproporzjonat lil membri ta' komunitajiet ta' minoranza razzjali u etnika, u dan ikkawża, aċċentwa u aggrava l-inugwaljanzi, inkluż fil-kultura, fil-media, fl-edukazzjoni u fl-isport; billi l-fastidju u r-reati ta' mibegħda mmotivati mill-mibegħda żdiedu b'mod sinifikanti meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19;

Kuntest ġenerali

1.

Jenfasizza li r-razziżmu jeżisti fl-oqsma kollha tal-ħajja tagħna ta' kuljum u jista' jieħu ħafna forom; jitlob approċċ ta' tolleranza żero għal din il-kwistjoni; jirrikonoxxi li gruppi, komunitajiet u individwi differenti huma soġġetti għal razziżmu, ksenofobija u diskriminazzjoni; jirrikonoxxi li kull forma speċifika ta' razziżmu għandha karatteristiċi distintivi, b'ċerti forom ta' razziżmu aktar prominenti f'xi Stati Membri minn oħrajn minħabba fatturi storiċi jew politiċi, fost raġunijiet oħra;

2.

Jirrikonoxxi l-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu; jilqa' l-inklużjoni ta' taqsima ddedikata dwar l-edukazzjoni u referenzi speċifiċi għall-media, l-isport u l-kultura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku u jipprovdu finanzjament u riżorsi adegwati sabiex jiksbu l-impenji tal-pjan mingħajr preġudizzju għall-finanzjament tal-programmi u l-azzjonijiet eżistenti, filwaqt li jirrispettaw il-valuri Ewropej;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-koordinatur kontra r-razziżmu jingħata riżorsi adegwati u li l-ħidma tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza razzjali fil-politiki kollha tal-UE tinqasam mad-Direttorati Ġenerali kollha;

4.

Jistenna bil-ħerqa valutazzjoni tal-qafas legali eżistenti tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u tipi oħra ta' intolleranza; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas, tiddetermina kif jista' jittejjeb fejn meħtieġ, u tieħu sehem fi djalogu regolari u skambju tal-aħjar prattiki mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari dawk li jirrappreżentaw it-tħassib tal-persuni affettwati mir-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali;

5.

Ifakkar li l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali huma għodda effettiva biex jirrispondu għar-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali u etnika u l-intolleranza relatata fl-Istati Membri, peress li jippermettu li tittieħed azzjoni konkreta b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi; jiddispjaċih għall-fatt li 15-il Stat Membru biss għandhom tali pjanijiet fis-seħħ (21); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika l-prinċipji gwida komuni ppjanati għall-implimentazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali kif ukoll għodod oħra biex tgħin fl-isforzi fil-livell nazzjonali; jappella sabiex objettivi speċifiċi li jirriflettu d-diversità sħiħa tas-soċjetà fil-kultura, fl-edukazzjoni, fil-media u fl-isport jiġu inklużi fl-iżvilupp ta' dawk il-pjanijiet; iqis li huwa meħtieġ, f'dan ir-rigward, li jinġabru u jiġu skambjati l-aħjar prattiki fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom u jiġi promoss l-iskambju ta' esperjenzi bejn l-aġenziji nazzjonali;

6.

Jilqa' l-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' linji gwida speċifiċi tal-UE dwar il-ġbir ta' data dwar l-ugwaljanza bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, kif definit mid-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali bħala data li hija volontarja u anonima u li tiżgura l-protezzjoni tad-data personali, l-awtoidentifikazzjoni u l-konsultazzjoni mal-komunitajiet rilevanti; jistieden lill-Istati Membri jadattaw l-istatistika nazzjonali u jneħħu l-ostakli minn, jiffaċilitaw u jtejbu – fejn rilevanti – il-ġbir sistematiku ta' data robusta, diżaggregata u speċifika għall-pajjiż ta' kwalità tajba dwar l-ugwaljanza sabiex jiġu identifikati l-għeruq tar-razziżmu u d-diskriminazzjoni u jaħdmu biex jikkumbattuh u jappoġġjaw politiki bbażati fuq l-evidenza kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw din id-data biex jiżviluppaw politiki biex jiksbu ġustizzja razzjali u biex din id-data tkun aċċessibbli għall-pubbliku, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt fundamentali tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inklużi d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (22) u r-Regolament propost dwar il-Privatezza Elettronika (23), kif ukoll l-oqfsa legali nazzjonali rilevanti;

7.

Jilqa' l-impenn għad-diversità u l-inklużjoni fi ħdan Erasmus+, Ewropa Kreattiva, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, il-FSE+ u l-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi segwit u analizzat b'mod sistematiku l-kontribut ta' kull wieħed minn dawn il-programmi għall-ġlieda kontra r-razziżmu u li tinħoloq ħarsa ġenerali lejn il-prattiki tajba; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrateġiji ta' inklużjoni ppubblikati reċentement jiġu integrati fil-programmi kollha tal-UE u fl-inizjattivi edukattivi, kulturali, tal-media u sportivi rilevanti kollha u timmonitorja l-implimentazzjoni u l-impatt tagħhom;

8.

Jilqa' r-rikonoxximent min-naħa tal-Kummissjoni tal-ħtieġa ta' approċċ intersezzjonali għat-tfassil tal-politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettivi rilevanti kontra r-razziżmu jiġu implimentati fl-oqsma kollha ta' politika;

9.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' ftehim fil-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (24); iħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu pożizzjoni komuni dwar dan malajr kemm jista' jkun; jappoġġja lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-progress lejn il-kisba tal-unanimità meħtieġa fil-Kunsill sabiex din il-proposta tiġi adottata;

10.

Jinkoraġġixxi aktar kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza, il-korpi tal-ugwaljanza tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), u l-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari dawk li jirrappreżentaw it-tħassib ta' individwi u gruppi affettwati mir-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali; jistieden lill-Istati Membri, b'mod partikolari, biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ tagħhom għall-Alleanza ta' Ċiviltajiet tan-NU bil-għan li jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni internazzjonali, interkulturali u interkonfessjonali;

12.

Jenfasizza li l-aċċess limitat għat-teknoloġiji u l-infrastruttura diġitali fl-edukazzjoni, fil-kultura, fil-media u fl-isport jirriskja li joħloq forma ġdida ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza, ħaġa li jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod xieraq u rapidu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

13.

Jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw linji telefoniċi għall-għajnuna, korpi ta' medjazzjoni u taħriġ tal-persunal sabiex jindirizzaw u jirrappurtaw kif xieraq dwar il-vjolenza jew inċidenti oħra ta' natura razzjali jew etnika fl-edukazzjoni, fil-kultura, fil-media u fl-isport;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu strateġija msaħħa biex jippromwovu l-integrazzjoni ta' persuni minn żoni rurali, muntanjużi u iżolati, b'mod partikolari ż-żgħażagħ u n-nisa, fl-edukazzjoni, fil-kultura, fil-media u fl-isport, filwaqt li jiżviluppaw u jinvestu f'infrastruttura lokali u adattata;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu pjan ta' azzjoni koerenti biex jindirizzaw b'mod xieraq ir-riskju ta' diskriminazzjoni li jiffaċċjaw il-ħaddiema mobbli u t-tfal tagħhom b'mod partikolari, inkluż aċċess limitat għal edukazzjoni, kultura, media u sport ta' kwalità tajba;

Kultura

16.

Jenfasizza li s-soċjetajiet Ewropej jospitaw diversità kulturali dejjem akbar u sehem dejjem jikber ta' popolazzjonijiet imwielda barra mill-pajjiż u d-dixxendenti tagħhom; jemmen li l-kultura, l-edukazzjoni u l-isport huma fundamentali biex titrawwem soċjetà miftuħa u akkoljenti għal kulħadd; iqis li huwa importanti li jiġu rikonoxxuti l-kontribut u l-wirt ta' dawn in-nies għall-kultura u l-għarfien Ewropej tul l-istorja;

17.

Jirrikonoxxi li r-razziżmu jinsab fl-għeruq fondi tas-soċjetà u huwa minsuġ mal-għeruq kulturali, il-wirt u n-normi soċjali tiegħu; jissottolinja, għalhekk, ir-rwol importanti li l-kultura jista' u jrid jkollha fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u r-razziżmu u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, id-diversità, l-ugwaljanza u t-tolleranza; jenfasizza l-importanza li jitrawwem it-tagħlim interkulturali;

18.

Jinnota l-kontribut enormi magħmul minn komunitajiet differenti għad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa;

19.

Jiddispjaċih dwar l-eżistenza ta' ostakli għall-parteċipazzjoni tal-minoranzi fil-kultura, jiġifieri l-istereotipi, il-preġudizzji, is-segregazzjoni u l-ħolqien ta' ghettos; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu inizjattivi favur parteċipazzjoni aktar diversa fis-settur kulturali għal komunitajiet u individwi razzjalizzati, b'mod partikolari billi jużaw finanzjament mill-programmi rilevanti kollha biex jeliminaw tali ostakli; jappella għal appoġġ akbar għall-kanali eżistenti u l-ħolqien ta' networks ta' appoġġ u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, inkluż għal dawk fir-reġjuni suburbani, rurali, ultraperiferiċi u reġjuni żvantaġġati oħra;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jniedu inizjattivi mfassla biex jinkoraġġixxu persuni minn sfondi razzjali u etniċi diversi biex jieħdu sehem f'avvenimenti kulturali, bħal skemi ta' kupuni jew sforzi simili;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, inkluż permezz tal-ittestjar, il-kondiviżjoni u l-iskambju ta' għodod u l-aħjar prattiki parteċipattivi, u li dawn jistgħu jiddimostraw l-effetti tal-promozzjoni tal-inklużjoni u n-nondiskriminazzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu permezz tal-kultura u jgħinu biex jinħolqu politiki aktar inklużivi;

22.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jrawmu d-diversità fl-istituzzjonijiet kulturali kemm fost l-impjegati kif ukoll fost il-maniġment, billi jintroduċu kriterji ta' eliġibbiltà u ta' għoti f'organizzazzjonijiet li jirċievu finanzjament pubbliku u jiżguraw li l-ħaddiema kollha jitħallsu mill-bidu tal-karrieri tagħhom;

23.

Jilqa' r-rapport reċenti mill-Grupp ta' Ħidma tal-Esperti tal-Istati Membri dwar il-Metodu Miftuħ ta' Kooperazzjoni (OMC) dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-setturi kulturali u kreattivi; jistieden lill-Istati Membri jinkludu fil-pjan ta' ħidma li jmiss għall-kultura Grupp ta' Ħidma tal-OMC ta' Esperti tal-Istati Membri dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu permezz tal-arti u l-kultura; jistieden lill-Grupp ta' Ħidma tal-OMC jipproduċi studju dwar ir-rwol li għandhom il-kultura u s-settur kreattiv fil-promozzjoni tal-ugwaljanza razzjali fis-setturi tagħhom;

24.

Jilqa' l-inklużjoni tan-nies u tal-postijiet l-aktar fil-bżonn bħala wieħed mill-assi strateġiċi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida; jitlob li din l-inizjattiva tqis l-inklużjoni soċjali tal-migranti sabiex jingħataw aċċess ugwali għall-opportunitajiet;

25.

Jappoġġja bil-qawwa r-rikonoxximent minn ċerti Stati Membri tal-ħtieġa li jiġu restawrati x-xogħlijiet u l-artefatti kulturali fil-postijiet ta' oriġini tagħhom, peress li dan iservi biex jippromwovi r-rispett u l-fehim reċiproku tal-wirt kulturali ta' xulxin, kif ukoll itejjeb il-valur tiegħu, mhux l-inqas permezz tal-aċċess pubbliku għal dawk ix-xogħlijiet u l-artefatti; jitlob li jsiru r-riċerka, l-istudji u l-iskambji meħtieġa għall-istabbiliment ta' programmi koerenti biex jiġu restawrati x-xogħlijiet u l-artefatti kulturali jew fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jew f'istituzzjonijiet kulturali xierqa oħra, kif indikati mill-istat ta' oriġini, f'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tal-wirt kulturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita d-djalogu biex tippromwovi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi mhux tal-UE, il-mużewijiet u istituzzjonijiet kulturali oħra;

Edukazzjoni

26.

Jirrikonoxxi r-rwol deċiżiv tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-indirizzar tar-razziżmu u d-diskriminazzjoni strutturali, il-bini ta' soċjetajiet inklużivi, l-iskreditar tal-preġudizzji u l-istereotipi, u l-promozzjoni tat-tolleranza, il-fehim u d-diversità; jenfasizza r-rwol taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni l-ġdida fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni ġewwa u barra l-klassi, speċjalment fl-iżvilupp ta' spazji ta' kwalità tajba u inklużivi għall-edukazzjoni;

27.

Jissottolinja l-fatt li elementi partikolari tal-istorja Ewropea, inklużi l-kolonjaliżmu, l-iskjavitù u l-ġenoċidju, b'mod partikolari l-Olokawst, flimkien ma' manifestazzjonijiet oħra ta' razziżmu, għad għandhom impatt dejjiemi fuq is-soċjetà tal-lum, inkluż fis-sistemi edukattivi u l-iżvilupp ta' kurrikuli edukattivi; jissuġġerixxi li l-kurrikuli edukattivi jiġu riveduti biex jispjegaw l-istorja tas-soċjetajiet tagħna permezz ta' approċċ iffukat u kuntestwalizzat sabiex jinftiehmu aħjar ir-rabtiet tagħhom mal-preżent u ssir ħidma biex jinqerdu l-istereotipi li qed iwasslu għad-diskriminazzjoni li naraw fil-preżent;

28.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitwarrab spazju akbar fil-kurrikuli tal-istorja għat-tagħlim oġġettiv u fattwali dwar ideoloġiji razzjali jew etniċi differenti, il-forom u l-oriġini tagħhom, inklużi l-iskjavitù, il-kolonjaliżmu u l-faxxiżmu u l-użu ħażin tax-xjenza għall-ġustifikazzjoni tagħhom, kif ukoll il-konsegwenzi u l-fdalijiet possibbli tagħhom fiż-żminijiet attwali;

29.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jrawmu l-iżvilupp ta' kurrikuli u għodod jew attivitajiet edukattivi varjati u inklużivi biex jiżguraw li l-awturi, l-istoriċi, ix-xjenzati, l-artisti u figuri oħrajn minn sfondi razzjali u etniċi differenti, jiġu inklużi f'dawn il-materjali u f'materjali oħra ewlenin;

30.

Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni; jissottolinja l-importanza li jissawru sinerġiji bejn l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza madwar l-Ewropa u l-politiki tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu enfasi akbar fuq l-edukazzjoni dwar l-istorja tal-UE sabiex titrawwem il-koeżjoni; jemmen li dawn l-oqsma għandhom ikunu partijiet integrali tal-kurrikuli tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza;

31.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-lingwi, il-kultura u l-istorja tal-minoranzi fil-kurrikuli tal-iskejjel, il-mużewijiet u forom oħra ta' espressjoni kulturali u storika, u jirrikonoxxu l-kontribut tal-kultura tagħhom bħala parti mill-wirt Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri koerenti u konsistenti, appoġġjati minn finanzjament xieraq, biex jistimulaw, jappoġġjaw u jippromwovu l-arti u l-kultura ta' gruppi razzjalizzati u etniċi u biex jirriċerkaw u jippreservaw il-wirt materjali u intanġibbli tal-kultura tal-komunitajiet tradizzjonali;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-multilingwiżmu bħala għodda importanti li tgħaqqad lin-nies flimkien;

33.

Jissottolinja l-importanza li jingħata appoġġ xieraq lit-tfal tal-ħaddiema mobbli fl-Istati Membri kollha biex ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa nattiva tagħhom u jitgħallmu dwar il-kultura ta' pajjiżhom stess u l-pajjiż ta' residenza l-ġdid sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar;

34.

Jappella għal approfondiment fl-istudju tal-istudji umanistiċi, l-istorja, il-filosofija, il-lingwi u l-letteratura komuni peress li dan jista' jgħin biex jiġi promoss l-ispirtu ta' ftehim Ewropew; jitlob li l-kurrikuli tal-istorja jużaw approċċ iffukat għall-istorja tal-komunitajiet razzjali u etniċi li jgħixu fl-Ewropa sabiex titħeġġeġ perspettiva usa' u aktar fattwali dwar l-istorja Ewropea u dinjija u jinħoloq fehim aħjar tal-interazzjonijiet bejn kontinenti differenti qabel, matul u wara l-kolonizzazzjoni Ewropea; jitlob li l-kotba tal-istorja jenfasizzaw il-kontributi magħmula mill-komunitajiet razzjalizzati għall-iżvilupp u t-tiswir tal-Ewropa llum;

35.

Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu b'mod attiv il-preġudizzju fil-kotba tal-iskola, fl-għodod edukattivi, fil-films u fil-programmi tal-aħbarijiet għat-tfal u ż-żgħażagħ, u saħansitra fl-isport; jistieden lill-Istati Membri jinkludu dawn il-miri fl-implimentazzjoni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022;

36.

Jikkundanna bil-qawwa l-prattika tas-segregazzjoni razzjali u etnika fl-iskejjel, li għadha preżenti fl-Ewropa; iwissi li prattiki bħal dawn iwasslu għal marġinalizzazzjoni, tluq bikri mill-iskola, rati baxxi ta' reġistrazzjoni u l-ħolqien ta' spazji soċjali paralleli, jipperpetwaw id-diskriminazzjoni strutturali u jfixklu l-aċċess ugwali għall-kwalità tal-ħajja; jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu jew isaħħu politiki inklużivi biex jipprevjenu gruppi marġinalizzati ta' studenti mill-edukazzjoni preprimarja sal-edukazzjoni għolja milli jitqiegħdu fi skejjel, istituzzjonijiet edukattivi jew klassijiet separati, kemm jekk intenzjonalment jew le, biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali bil-garanzija ta' opportunitajiet ugwali għal kulħadd, u biex jiżguraw li t-tfal kollha jgawdu aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità u attivitajiet extrakurrikulari inklużi l-kultura u l-isport; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv l-inklużjoni tat-tfal minn gruppi ta' minoranza fl-iskejjel u l-komunitajiet lokali u jissalvagwardjaw in-natura sekulari tal-edukazzjoni pubblika, filwaqt li jirrispettaw l-identitajiet kulturali u reliġjużi;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi biex jappoġġjaw lit-tfal minn minoranzi razzjali u etniċi u minn sfondi soċjoekonomiċi prekarji fil-perkorsi tagħhom lejn l-eċċellenza billi jgħinuhom jinvolvu ruħhom f'attivitajiet extrakurrikulari (eż. l-arti u l-isport) f'livell għoli, filwaqt li jippermettulhom jidħlu fi skejjel li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom, jipprovdulhom opportunitajiet ta' edukazzjoni ta' kwalità tajba, u jagħmlu għad-dispożizzjoni l-finanzjament meħtieġ;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni għal kull tifel u tifla u jistabbilixxu miżuri biex jiġġieldu u jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola u jiżguraw aċċess ekwu bejn il-ġeneri għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità tajba mit-tfulija bikrija sal-adolexxenza; jistieden lill-Kummissjoni tfassal għodod jew sottoprogrammi ġodda ta' finanzjament li għandhom ikunu komplementari għall-miżuri meħuda mill-Istati Membri bil-għan li jiġi pprovdut appoġġ immirat u mfassal apposta għal edukazzjoni ta' kwalità għall-istudenti li għandhom tliet snin jew aktar li qed iħabbtu wiċċhom ma faqar estrem u li mhumiex eliġibbli għall-inizjattivi ta' finanzjament eżistenti u futuri tal-UE li jittrattaw l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, bħall-Erasmus+, il-Garanzija għat-Tfal jew l-FSE+;

39.

Jirrikonoxxi l-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mgħallma biex isiru konxji tal-impatt negattiv tal-intolleranza u jiġu żviluppati l-ħiliet tal-ħsieb kritiku tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tibda minn età bikrija ħafna u li l-materjal tat-tagħlim jirrifletti d-diversità u l-pluraliżmu tas-soċjetà u ma jinkludi l-ebda kontenut razzist;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-riċerka dwar sistemi ta' twissija bikrija u metodi ta' tagħlim effettivi għall-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni fl-iskejjel, filwaqt li tqis l-aħjar prattiki minn madwar l-Ewropa, u tippromwovi t-tixrid tar-riżultati sabiex teqred il-bullying ibbażat fuq ir-razza;

41.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-għalliema minn gruppi ta' minoranza razzjali u etnika jgawdu aċċess ugwali u ġust għal pożizzjonijiet ta' tagħlim u edukazzjoni fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u li jiġu stabbiliti miżuri biex jiġi żgurat li kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jkunu protetti mid-diskriminazzjoni razzjali fis-sistema skolastika;

42.

Jikkundanna d-diskriminazzjoni strutturali mġarrba minn eluf ta' tfal refuġjati fl-Ewropa, li ftit li xejn ikollhom aċċess għall-edukazzjoni; jafferma li l-klassijiet segregati fil-kampijiet ta' akkoljenza, li spiss jitmexxew minn voluntiera, ma jistgħux jissostitwixxu l-iskola; jitlob li l-edukazzjoni obbligatorja tat-tfal rifuġjati fis-sistema skolastika tal-pajjiż ospitanti ssir prerekwiżit biex ikun hemm aċċess għall-finanzjament tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ xieraq għall-għalliema, irrispettivament mis-suġġett tagħhom, l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom, l-età tal-istudenti tagħhom, jew it-tip ta' faċilità li fiha se jkunu qed jgħallmu, sabiex jgħammruhom bil-ħiliet u l-kapaċitajiet kulturali li jeħtieġu biex jippromwovu l-inklużjoni u t-tolleranza u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni fis-sistema edukattiva; jitlob li l-edukaturi u l-ħaddiema żgħażagħ kollha jingħataw iż-żmien biex jieħdu sehem fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u fl-iżvilupp professjonali kontinwu ffukat fuq it-tagħlim f'kuntest multikulturali u multirazzjali, inkluż taħriġ dwar preġudizzju inkonxju; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-impjegati taċ-ċivil u l-forzi tas-sigurtà tal-istat b'mod partikolari sabiex tiġi eliminata l-imġiba razzista u ksenofobika;

44.

Ifakkar li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali (IA) maħsuba għall-użu fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-proċessi għar-reklutaġġ ta' persunal edukattiv huma f'xi każijiet meqjusa bħala “ta' riskju għoli”; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tar-riskju xierqa qabel ma jintużaw dawn l-għodod;

45.

Jisħaq fuq l-importanza ta' attivitajiet ta' kommemorazzjoni fil-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u l-ħtieġa ta' finanzjament u viżibbiltà suffiċjenti għal proġetti mfassla biex jikkommemoraw, jirriċerkaw u jedukaw dwar avvenimenti li ffurmaw l-istorja Ewropea reċenti u biex jissensibilizzaw liċ-ċittadini Ewropej dwar l-istorja, il-kultura, il-wirt kulturali u l-valuri komuni tagħhom, u b'hekk itejbu l-fehim tagħhom dwar l-UE u l-oriġini, l-iskop u d-diversità tagħha;

46.

Jirrikonoxxi li l-programmi ta' mobilità bħall-Erasmus+ huma ta' vantaġġ għall-iżvilupp edukattiv, soċjali, personali u professjonali u jgħinu biex jitrawwem fehim ta' popli oħra; iħeġġeġ l-approvazzjoni kontinwa ta' tali programmi;

47.

Jissottolinja l-valur tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-fehim reċiproku u l-koeżjoni soċjali, konvinzjoni kondiviża miċ-ċittadini li pprovdew il-kontribut tagħhom għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u li se jitqies ukoll fil-konklużjonijiet tal-konferenza li mistennija jiġu ppubblikati din is-sena;

48.

Jisħaq fuq l-importanza tar-rikonoxximent tal-edukazzjoni mhux formali u informali u r-rikonoxximent awtomatiku tad-diplomi u l-kwalifiki bħala għodod ewlenin biex jinfetħu opportunitajiet għal individwi minn gruppi razzjali u etniċi, biex jiġu indirizzati r-razziżmu u d-diskriminazzjoni strutturali u biex titrawwem id-diversità;

49.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-mudelli fil-livell edukattiv miksub; iħeġġeġ il-ħolqien ta' pjattaforma pan-Ewropea ta' individwi u gruppi ta' persuni minn sfondi razzjali u etniċi ta' minoranza li jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-istudenti;

50.

Jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali u fl-opinjoni pubblika kollha dwar in-natura diversa tas-soċjetajiet tagħna permezz tat-tagħlim u materjali rilevanti oħra;

51.

Jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jagħmlu tnaqqis fil-baġit għall-programmi edukattivi, peress li dan jista' jħalli inqas lok għal diskussjonijiet dwar is-sensibilizzazzjoni transkulturali u l-ġlieda kontra r-razziżmu (25);

52.

Jissottolinja l-importanza ta' programmi soċjali ffinanzjati mill-UE, b'mod partikolari skemi tal-ikliet fl-iskejjel, għall-integrazzjoni ta' tfal u żgħażagħ soċjalment żvantaġġati;

Media

53.

Jissottolinja l-importanza tar-rappreżentanza u tad-diversità fl-iżvilupp ta' soċjetajiet inklużivi; ifakkar li l-media għandha r-responsabbiltà li tirrifletti s-soċjetajiet fid-diversità kollha tagħhom u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' diversità razzjali u etnika f'ħafna mezzi tal-media; jistieden lis-setturi kulturali u tal-media jevitaw prattiki li jipperpetwaw jew isaħħu l-istereotipi negattivi dwar il-minoranzi etniċi u razzjali u jħeġġiġhom biex minflok juru membri ta' dawn il-komunitajiet li jwettqu rwoli pożittivi; jistieden lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jindirizzaw id-diversità u r-rappreżentanza fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom, inkluż billi joħolqu persuna responsabbli għad-diversità u jimplimentaw inizjattivi mfassla biex itejbu l-litteriżmu tal-professjonisti tal-media dwar kwistjonijiet ta' diversità u inklużività sabiex jirriflettu aħjar in-natura indipendenti u pluralistika tal-kompiti tagħhom;

54.

Jilqa' l-komunikazzjoni u l-kampanja ta' sensibilizzazzjoni tal-Kummissjoni biex titrawwem id-diversità fis-settur awdjoviżiv kemm 'il barra mill-iskrin kif ukoll fuq l-iskrin; jitlob li din il-kampanja tkun iċċentrata fuq id-diversità u l-istorja tal-komunitajiet razzjalizzati u komunitajiet oħra marġinalizzati u tenfasizza kif il-kisba ta' ġustizzja razzjali tista' tikkontribwixxi għal Ewropa aktar demokratika;

55.

Jilqa' l-fatt li l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali ngħata l-kompitu li jindirizza d-diżinformazzjoni u l-azzjoni mmirata lejn il-komunitajiet tal-minoranzi; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li ssir enfasi akbar fuq l-iżvilupp tal-ħsieb kritiku, il-litteriżmu medjatiku u l-ħiliet diġitali fil-programmi edukattivi; jissottolinja l-effetti kruċjali li l-kampanji u l-inizjattivi tal-litteriżmu medjatiku jista' jkollhom fil-mitigazzjoni tan-narrattivi ta' diskriminazzjoni razzjali ppropagati permezz tad-diżinformazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b'għodod analitiċi u operazzjonali sabiex jirrikonoxxu u jiġġieldu t-tixrid tad-diskors ta' mibegħda online;

56.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-definizzjoni ta' diskors ta' mibegħda offline jew online u l-kriminalizzazzjoni tar-reati ta' mibegħda tiġi trasposta bis-sħiħ u b'mod korrett fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, u tniedi proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ;

57.

Jilqa' s-sitt evalwazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Online Illegali u l-progress li sar fit-tneħħija tad-diskors ta' mibegħda online; jiddispjaċih għall-fatt, madankollu, li filwaqt li r-rata medja ta' notifiki rieżaminati fi żmien 24 siegħa għadha għolja (81 %), din naqset mill-2020 (90,4 %), u r-rata medja ta' tneħħija naqset għal 62,5 % mill-2019 u l-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-pjattaformi biex telimina d-diskors ta' mibegħda online u tagħmel titjib fir-rati ta' tneħħija, it-trasparenza u l-feedback lill-utenti;

58.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda u diżinformazzjoni abilitati bl-IA u bl-algoritmi li jinkludu kontenut razzjali u diskriminatorju; jinnota li d-diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni jwasslu sabiex iħarbtu direttament lis-soċjetajiet tagħna; jitlob li jsiru sforzi biex jiġu miġġielda tali attivitajiet, b'mod partikolari billi jitfasslu IA u algoritmi ddedikati bl-għan aħħari li titwaqqaf il-mewġa qawwija ta' diskors ta' mibegħda u d-diżinformazzjoni u jittaffew ir-riperkussjonijiet tagħha;

59.

Josserva li l-Ingliż huwa prevalenti fl-iżvilupp, l-introduzzjoni u l-użu tal-IA, inklużi l-filtri tal-kontenut; iwissi li d-diskors ta' mibegħda online huwa pprattikat ukoll f'lingwi oħra u li l-filtri tal-kontenut tagħhom huma inqas effettivi; jitlob miżuri għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda fil-lingwi kollha;

60.

Jilqa' l-prattika stabbilita minn ċerti fornituri awdjoviżivi internazzjonali li jżidu dikjarazzjonijiet ta' ċaħda dwar kontenut dannuż u razzist qabel ix-xandiriet tal-media; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' prattiki bħal dawn fl-isfera awdjoviżiva Ewropea;

61.

Jinnota li xi Stati Membri għandhom korpi regolatorji awdjoviżivi bis-setgħa li joħorġu sanzjonijiet wara programmi li juru kontenut diskriminatorju jew razzist; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-aġenziji regolatorji tagħhom f'dan is-sens; jitlob li l-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva jingħata aċċess għal riżorsi biex ikun jista' jikkoordina kif xieraq lill-aġenziji nazzjonali meta dawn jiġbru u jaqsmu data ta' kwalità tajba u kif ukoll biex jimmonitorja dawn il-kompiti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwaqqfu l-finanzjament mill-UE u mill-Istat għall-mezzi tax-xandir li, skont l-awtoritajiet regolatorji kompetenti, qed jiksru l-istandards legali għall-promozzjoni tad-diskors ta' mibegħda u l-ksenofobija;

62.

Jikkundanna r-retorika razzista ta' ċerti stabbilimenti tal-media li jistigmatizzaw il-komunitajiet razzjalizzati, pereżempju billi jimmiraw lejn il-migranti bħala s-sors ta' diversi problemi ekonomiċi u soċjali u billi jagħtu kopertura sproporzjonata lir-reati mwettqa mill-migranti; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi biex jipprevjenu lill-media milli xxerred retorika stigmatizzanti, diskors ta' mibegħda, narrattivi foloz u rappreżentazzjonijiet negattivi ta' gruppi etniċi jew razzjali partikolari, li jservu biss biex jiddiżumanizzaw l-individwi kkonċernati;

63.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiżdied ir-responsabbiltà tal-pjattaformi diġitali u tan-networks soċjali sabiex jiġi miġġieled it-tixrid tal-inċitament għall-mibegħda razzjali u s-sentiment kontra l-migranti u kontra l-minoranzi;

Sport

64.

Jisħaq li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi għandhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra r-razziżmu, inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni; ifakkar li b'mod partikolari l-isport u l-isport tat-timijiet huwa xprunatur tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza u l-promozzjoni tal-valuri tal-UE, hekk kif imsemmi fir-regolament Erasmus+; jilqa' l-għoti ta' finanzjament tal-UE u dak nazzjonali biex dawk li jgħixu fil-faqar, speċjalment il-minoranzi u t-tfal, ikunu jistgħu jieħdu sehem f'attivitajiet sportivi;

65.

Jinnota li r-razziżmu jissemma taħt il-prijorità speċifika għas-settur dwar is-sħubijiet għall-isport fl-Azzjoni Ewlenija 2 tal-programm ta' ħidma annwali 2022 għal Erasmus+ u li l-inizjattivi sportivi tal-massa li jiffukaw fuq l-inklużjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu jistgħu jiġu ffinanzjati taħt l-iskema l-ġdida ta' sħubijiet fuq skala żgħira; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa dawn l-inizjattivi u biex timmonitorja b'mod sistematiku l-għadd u t-tip ta' proġetti sportivi li l-enfasi ewlenija tagħhom hija l-ġlieda kontra r-razziżmu, u l-ammont ta' finanzjament allokat lilhom; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-inklużjoni ta' migranti u persuni minn sfondi ta' minoranza razzjali u etnika fi klabbs sportivi lokali;

66.

Jilqa' l-isforzi li saru mill-NGOs u l-organizzazzjonijiet lokali f'diversi Stati Membri biex jużaw l-isport bħala mod kif jgħaqqdu lin-nies u jrawmu memorji kollettivi bil-għan li jitrawmu r-rispett u l-inklużjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa bażi tad-data tal-aħjar prattiki fl-edukazzjoni sportiva u l-media sabiex tippromwovi l-iżvilupp tagħhom madwar l-UE;

67.

Jirrikonoxxi li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rappreżentanza ta' gruppi diversi fl-isport b'mod ġenerali u f'pożizzjonijiet maniġerjali f'organizzazzjonijiet sportivi, inklużi n-nisa u dawk li għandhom inqas opportunitajiet bħar-refuġjati, il-minoranzi etniċi u razzjali u l-komunità LGBTIQ; iħeġġeġ lill-korpi ta' governanza u lill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-isport fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali biex jimplimentaw miżuri dwar id-diversità u l-inklużjoni, b'mod partikolari biex jindirizzaw l-għadd baxx ta' nisa u ta' minoranzi etniċi f'pożizzjonijiet ta' tmexxija u fuq bordijiet; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki sportivi inklużivi bil-finanzjament xieraq biex jiżguraw li l-isport ikun aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-etniċità, ir-razza, id-diżabilità jew l-isfond soċjoekonomiku;

68.

Jinsisti fuq approċċ ta' tolleranza żero għar-razziżmu, id-diskors ta' mibegħda, il-vjolenza u mġiba razzista oħra fl-isport u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-federazzjonijiet sportivi jiżviluppaw miżuri għall-prevenzjoni ta' inċidenti bħal dawn u jadottaw penali u miżuri effettivi biex jappoġġjaw lill-vittmi, kif ukoll miżuri għall-protezzjoni minn ritaljazzjoni ta' atleti li jiddenunzjaw ir-razziżmu jew jitkellmu f'ġieh id-diversità;

69.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa rakkomandazzjonijiet jew linji gwida fl-isport sabiex tiġġieled ir-razziżmu fl-isport fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej u trawwem l-inklużjoni u r-rispett, inkluż għal dawk li jeħtieġu lbies speċifiku, fil-livelli kollha tal-isport; jistieden lill-organizzazzjonijiet sportivi u lill-partijiet ikkonċernati fil-livelli kollha biex b'mod attiv jikkontribwixxu għal kodiċi ta' dan it-tip, jadottawh u jinkorporawh fl-istatuti tagħhom; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet jissensibilizzaw lill-membri u lill-familji tagħhom u lill-pubbliku ġenerali dwar kodiċi bħal dan u l-kontenut tiegħu;

o

o o

70.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(4)  ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1.

(5)  ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34.

(6)  ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32.

(7)  ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1.

(8)  ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1.

(9)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(10)  ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12.

(11)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 63.

(12)  ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1.

(13)  ĠU C 108, 26.3.2021, p. 2.

(14)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 104.

(15)  ĠU C 474, 24.11.2021, p. 146.

(16)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21.

(17)  Testi adottati, P9_TA(2021)0463.

(18)  Testi adottati, P9_TA(2021)0452.

(19)  L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, Second European Union Minorities and Discrimination Survey – main results (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni – riżultati prinċipali), 6 ta' Diċembru 2017. Second European Union Minorities and Discrimination Survey: Muslims – selected findings (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni: Il-Musulmani – sejbiet magħżula), 21 ta' Settembru 2017; Experiences and Perceptions of Antisemitism – Second Survey on Discrimination and Hate Crime against Jews in the EU (Esperjenzi u Perċezzjonijiet tal-Antisemitiżmu –it-Tieni Stħarriġ dwar id-Diskriminazzjoni u r-Reati ta' Mibegħda kontra l-Lhud fl-UE), 10 ta' Diċembru 2018; Second European Union Minorities and Discrimination Survey Roma – selected findings (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni: Rom – sejbiet magħżula), 29 ta' Novembru 2016; Second European Union Minorities and Discrimination Survey Being Black in the EU (It-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni: Li tkun Iswed fl-UE), 23 ta' Novembru 2018.

(20)  Ibid.

(21)  Mill-2019, skont ir-rapport tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali tad-9 ta' Ġunju 2020.

(22)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(23)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' data personali f'komunikazzjoni elettronika (COM(2017)0010).

(24)  COM(2008)0426.

(25)  The role of culture, education, media and sport in the fight against racism (Ir-rwol tal-kultura, l-edukazzjoni, il-media u l-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu), id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Ottubru 2021, p. 13.


Top