Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE4219

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Boxxla Strateġika tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2022/04219

    ĠU C 140, 21.4.2023, p. 20–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 140/20


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Boxxla Strateġika tal-UE”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2023/C 140/04)

    Relatur:

    Christian MOOS

    Korelatur:

    Peter CLEVER

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    14.7.2022

    Bażi legali

    Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    20.12.2022

    Adozzjoni fil-plenarja

    24.1.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    575

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    163/1/5

    1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Boxxla Strateġika hija pass importanti 'l quddiem. Hija katalgu ta’ proġetti u miżuri konkreti importanti ħafna li jsaħħu s-sigurtà tal-Ewropa. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li din għandha titwessa’ biex tifforma strateġija komprensiva għall-politika estera u ta’ sigurtà Ewropea u li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta f’dan il-proċess.

    1.2.

    Il-KESE jisħaq li s-sigurtà tmur ferm lil hinn mid-difiża u li strateġija komprensiva tal-UE ta’ sigurtà trid tagħmel enfasi fuq aspetti ċivili u preventivi wkoll, sabiex tappoġġja u tikkomplementa l-miżuri konkreti ta’ difiża.

    1.3.

    Il-KESE jisħaq dwar l-importanza preventiva tal-ġustizzja soċjali, tal-prospetti ekonomiċi u tas-sostenibbiltà ambjentali. Il-paċi soċjali u l-istabbiltà ekonomika huma prerekwiżiti importanti għan-nonvjolenza. It-trażżin tat-tisħin globali u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tiegħu huma fundamentali għaż-żamma tal-ordni soċjali u l-paċi fid-dinja.

    1.4.

    Il-Boxxla Strateġika ma tqisx biżżejjed ir-rwol li s-soċjetà ċivili Ewropea jista’ u jrid ikollha fil-kisba ta’ reżiljenza akbar għall-attakki ibridi u l-periklu sistematiku għall-koeżjoni u s-solidarjetà fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u bejniethom minn forzi ostili.

    1.5.

    Il-politika ta’ sigurtà ċivili u preventiva jimxu id f’id mal-kapaċità ta’ difiża militari. Din tal-aħħar hija kundizzjoni indispensabbli għas-sigurtà, u għandha titqies ukoll bħala preventiva fid-dawl tal-effett dissważiv tagħha.

    1.6.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-Boxxla Strateġika tagħti stampa pożittiva wisq tal-politika Ewropea ta’ sigurta u ta’ difiża.

    1.7.

    In-NATO mhijiex biss imsieħeb strateġiku tal-UE, iżda l-fornitur kruċjali tas-sigurtà tagħha. L-Ewropej jeħtiġilhom jipprovdu valur miżjud akbar lin-NATO, permezz ta' miżuri li jsaħħu l-kapaċità tagħhom stess li jaġixxu. L-UE u n-NATO sa issa għadhom ma sfruttawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-kooperazzjoni tagħhom. It-tisħiħ tal-pilastru Ewropew tas-sigurtà u tad-difiża jfisser it-tisħiħ tan-NATO.

    1.8.

    Fl-aħħar mill-aħħar, l-UE trid tieħu aktar responsabbiltà u toħloq Unjoni Ewropea tad-Difiża bħala l-pilastru Ewropew tan-NATO, filwaqt li tiżgura li tirrispetta bis-sħiħ u li tkun kompatibbli man-newtralità ta’ xi wħud mill-Istati Membri tagħha.

    1.9.

    L-UE għandha tiżviluppa fehim aħjar tal-importanza kruċjali tas-sħubija trans-Atlantika għan-NATO — u b’hekk għas-sigurtà tal-Ewropa.

    1.10.

    Għal żmien twil, ħafna membri tal-UE ttraskuraw l-impenni u l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom, u dan wassal għal nuqqas drammatiku ta' riżorsi, ta’ preparazzjoni u ta’ interoperabbiltà għall-forzi armati tagħhom.

    1.11.

    L-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jikkoordinaw aħjar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali u l-ippjanar tad-difiża u jimplimentaw akkwist konġunt. Effikaċja akbar tal-kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej għandha tinkiseb permezz ta’ koordinazzjoni ħafna aħjar tal-politiki industrijali nazzjonali.

    1.12.

    Jeħtieġ li l-kapaċità tal-Ewropa li taġixxi tissaħħaħ bl-introduzzjoni ta’ votazzjoni b’maġġoranza fil-politika estera u ta’ sigurtà.

    1.13.

    Bħala element addizzjonali importanti tal-Boxxla Strateġika, irid jiġi identifikat ir-rwol li s-soċjetà ċivili Ewropea tista’ taqdi f’termini ta’ solidarjetà, kooperazzjoni u reżiljenza.

    1.14.

    Il-KESE jissuġġerixxi forums pubbliċi għal dibattiti strateġiċi fil-livell Ewropew u nazzjonali.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja teżamina l-impatt tal-Boxxla Strateġika u għandha l-għan li twettaq valutazzjoni tal-politika tal-objettivi u tal-opportunitajiet Ewropej assoċjati magħha mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea biex jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa.

    2.2.

    Is-soċjetà ċivili mhijiex spettatriċi fi kwistjonijiet ta’ sigurtà u l-vuċi tagħha trid tinstema’. Fil-każ ta’ kunflitt, l-istituzzjonijiet ċivili jintlaqtu ħażin u l-persuni ċivili jsofru l-konsegwenzi devastanti tal-gwerra.

    2.3.

    Mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili, il-Boxxla Strateġika adottat perspettiva ristretta tas-sigurtà, b’enfasi partikolari fuq id-difiża. Il-KESE jenfasizza li s-sigurtà tmur ferm lil hinn mid-difiża u li strateġija tal-UE għas-sigurtà trid tagħmel enfasi akbar fuq aspetti ċivili u preventivi milli tagħmel il-Boxxla Strateġika attwalment.

    2.4.

    L-Unjoni Ewropea (UE) hija l-antiteżi tal-vjolenza u l-gwerra. Hija jeħtiġilha tagħmel użu aħjar mir-riżorsi politiċi, materjali u kulturali tagħha biex tikkontribwixxi għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti u tipprevjeni l-eskalazzjoni militari. Huwa hawnhekk fejn jistgħu jinsabu l-potenzjal tal-UE għal valur miżjud importanti, u l-influwenza tagħha fid-dinja sal-lum. Hija jeħtiġilha tħeġġeġ b’mod iżjed effettiv għal ritorn għal ftehimiet multilaterali dwar il-kontroll tal-armi, għall-konformità mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u għall-impenn tad-diżarm nukleari.

    2.5.

    Ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli huwa essenzjali għad-difiża tad-drittijiet universali tal-bniedem. L-UE, flimkien mal-imsieħba tagħha kollha tal-istess fehma madwar id-dinja, jeħtiġilha tagħmel l-almu tagħha biex issaħħaħ u, jekk meħtieġ, tirrestawra u ġġedded l-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli. Il-politika rigoruża tal-poter u l-“liġi tal-iżjed wieħed b'saħħtu” ma humiex kompatibbli mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt. Is-sigurtà mingħajr il-libertà ma tagħmilx sens. Fl-istess ħin, is-sigurtà hija wkoll prekundizzjoni importanti għal-libertà.

    2.6.

    Il-politika ta’ sigurtà ċivili u preventiva ma tmurx kontra l-kapaċità ta’ difiża militari. Għall-kuntrarju, din tal-aħħar trid titqies bħala prerekwiżit indispensabbli għas-sigurtà, u għandha titqies ukoll bħala preventiva fid-dawl tal-effett dissważiv tagħha.

    2.7.

    L-investimenti politiċi u finanzjarji fis-sigurtà u fid-difiża jirrikjedu valutazzjoni soda u serja tas-saħħiet u tad-dgħufijiet a) sistemiċi u b) materjali tal-UE, kif ukoll il-kapaċità tagħha i) li tipprovdi għas-sigurtà tagħha stess, ii) li toħloq stabbiltà fil-viċinat tagħha, iii) li tiżgura rotot ta’ traffikar globali u aċċess għal oġġetti u materjali kritiċi, u, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, iv) li, bl-għajnuna tal-Istati Membri tagħha, tkun imsieħeb affidabbli u li jimpenja ruħu biċ-ċar f’alleanzi li mhumiex essenzjali biss għas-sigurtà tal-Ewropa.

    2.8.

    Is-sigurtà u l-libertà ma jistgħux jinkisbu permezz tal-kapaċitajiet militari biss. Dan jirrikjedi approċċ soċjali, ekonomiku u ambjentali olistiku, u intelliġenza u prospettiva aħjar. Il-politika preventiva u r-riżoluzzjoni tal-konflitti permezz ta' mezzi diplomatiċi u ċivili jridu ikunu prijorità. L-użu tal-qawwa militari jrid jibqa' l-aħħar għażla (“ultima ratio”). Madankollu, dan jinvolvi wkoll kapaċitajiet militari kredibbli u rieda ċara biex dawn jintużaw jekk ma jkunux jistgħu jiġu evitati. L-UE jeħtiġilha tkun aktar determinata fil-protezzjoni tal-interessi tagħha.

    2.9.

    Iż-żamma ta’ paċi ġusta hija l-għan aħħari tas-sistema ta’ sigurtà globali, u l-multilateraliżmu huwa l-aħjar strument biex jintlaħaq dak l-għan. Madankollu, jinsab taħt pressjoni dejjem akbar, u l-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport dwar il-Paċi Globali tal-2022 fis-sejħa għal azzjoni biex tissaħħaħ l-arkitettura globali tal-paċi (1).

    2.10.

    L-implimentazzjoni tal-miżuri biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża u tiżdied is-sigurtà teħtieġ aktar konsistenza interistituzzjonali, l-ebda operazzjoni kompartimentalizzata, u fuq kollox impenn qawwi mill-Istati Membri.

    2.11.

    Huma meħtieġa kapaċitajiet ta’ deterrenza effettivi fil-konfront tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u r-ritorn tal-gwerra lejn l-Ewropa u l-politika rigoruża tal-poter. Għalkemm il-politika tal-poter ewlieni qatt ma kienet l-għan tagħha, issa li r-Russja u ċ-Ċina qed jisfidaw is-sistema internazzjonali u s-sigurtà, l-UE jeħtiġilha tadatta għall-kompetizzjoni sistemika li qed tikber bejn il-potenzi l-kbar. Ir-Russja qed tikser apertament il-Karta tan-NU, u ċ-Ċina qed tikser id-drittijiet universali tal-bniedem, kif jidher b’mod ċar f’Xinjiang u f’Hong Kong.

    2.12.

    L-Istati Uniti, il-Kanada u demokraziji oħra fid-dinja huma msieħba importanti fejn tidħol l-implimentazzjoni ta’ dak li l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti impenjaw ruħhom għalih formalment u volontarjament: id-drittijiet universali tal-bniedem — drittijiet li mkien u qatt ma tista’ ssir deroga minnhom.

    2.13.

    L-UE għandha tiżviluppa fehim aħjar tal-importanza kruċjali tas-sħubija trans-Atlantika, jiġifieri relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti, għan-NATO u b’hekk għas-sigurtà tal-Ewropa. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin l-Istati Uniti żiedu dejjem aktar l-enfasi ta’ interess tagħhom lejn ir-Reġjun Asjatiku u Paċifiku, l-aggressjoni mir-Russja madankollu turi li l-ordni globali jrid ikompli jiġi żgurat u, jekk meħtieġ, difiż fl-Ewropa wkoll.

    2.14.

    In-NATO mhijiex biss imsieħeb strateġiku tal-UE; id-difiża militari tal-Ewropa hi żgurata min-NATO, u l-Pilastru Ewropew tad-Difiża għandu jiġi żviluppat b’komplementarjetà sħiħa. L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-ordni ta’ sigurtà internazzjonali jirfdu dan il-fatt f’kull aspett. Aktar kooperazzjoni Ewropea fid-difiża tista’ ssaħħaħ in-NATO u żżid il-kapaċità tal-Ewropa li taġixxi f’termini ta’ kontribut aktar effettiv għas-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali tagħha stess.

    2.15.

    Għalkemm l-UE bħala entità politika u n-NATO bħala alleanza mhuma xejn identiċi, hemm livell dejjem akbar ta’ duplikazzjoni bejn it-tnejn li huma, mhux biss f’termini ta’ valuri u għanijiet. Bl-adeżjoni tal-Finlandja u l-Iżvezja man-NATO, 23 pajjiż se jappartjenu għaż-żewġ organizzazzjonijiet. L-Ewropej jistgħu u jeħtiġilhom jipprovdu valur miżjud akbar lill-alleanza, permezz ta’ miżuri li jsaħħu l-kapaċità tagħhom stess li jaġixxu b’mod strateġiku. Fl-aħħar mill-aħħar, l-UE trid tieħu aktar responsabbiltà għas-sigurtà tagħha u toħloq Unjoni Ewropea tad-Difiża bħala l-pilastru Ewropew tan-NATO, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ in-newtralità ta’ wħud mill-Istati Membri tagħha.

    2.16.

    Għal snin twal wisq, ħafna Stati Membri ttraskuraw il-kapaċitajiet ta' difiża tagħhom. In-nefqa fid-difiża li xi kultant tkun baxxa wisq, iżda fuq kollox tkun ineffettiva, wasslet għal nuqqas drammatiku ta’ riżorsi, ta’ preparazzjoni u ta’ interoperabbiltà għall-forzi armati f’ħafna Stati Membri tal-UE. Meta dawn l-Istati Membri tal-UE jkunu wkoll membri tan-NATO, ikunu qed jittraskuraw l-obbligi tagħhom ta' alleanza.

    2.17.

    Il-kapaċità ta' difiża tal-Ewropa ma tiddependix biss mill-ammont ta' approprjazzjonijiet tal-baġit allokati lilha, iżda primarjament mill-użu effiċjenti tagħhom. Attwalment, is-sistemi tal-armi differenti fl-UE joħolqu duplikazzjoni, kostijiet għoljin u ineffiċjenzi. L-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jikkoordinaw aħjar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali u l-ippjanar tad-difiża u jimplimentaw akkwist konġunt. Għandhom jiġu adottati politiki ta’ akkwist konsistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sabiex jintlaħqu l-ekonomiji ta’ skala meħtieġa biex jitnaqqsu l-kostijiet u biex tkun tista’ tiġi ġġenerata attività suffiċjenti biex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ negozji ġodda li għadhom jibdew (2). Il-prattiki attwali fis-suq tad-difiża Ewropew jirriflettu l-kostijiet għoljin tan-non-Ewropa.

    2.18.

    Minkejja l-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (Coordinated Annual Review on Defence — CARD) u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), l-UE ftit li xejn għamlet progress fl-iżvilupp ta' strutturi konġunti effettivi li bihom tkun tista' tipprovdi għas-sigurtà tagħha stess. B'mod korrispondenti, id-Dikjarazzjoni ta' Versailles ta' Marzu 2022 hija sinifikanti, u hija bbażata fuq id-deċiżjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern ta' Diċembru 2021 li tgħid li “l-Unjoni Ewropea ser tieħu aktar responsabbiltà għas-sigurtà tagħha stess u, fil-qasam tad-difiża, issegwi linja ta' azzjoni strateġika u żżid il-kapaċità tagħha li taġixxi awtonomament”.

    2.19.

    Il-kapaċità tal-UE li taġixxi fil-politika estera u ta’ sigurtà tissaħħaħ billi titbiegħed minn deċiżjonijiet unanimi (il-kapaċità ta’ kull Stat Membru li jimblokka lill-oħrajn kollha) fil-Kunsill fil-qasam tal-politika estera. Bħala soluzzjoni intermedja, tista’ tiġi kkunsidrata fażi ta’ ttestjar temporanja ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew b’maġġoranzi superkwalifikati (jiġifieri limiti ogħla għall-maġġoranza kwalifikata). Madankollu, mhuwiex il-qafas istituzzjonali li primarjament ixekkel l-azzjoni koerenti mill-Istati Membri. Minflok, l-Istati Membri qed jevitaw il-qafas istituzzjonali eżistenti, mhux qed jużaw il-potenzjal tiegħu u mhux qed jinvolvu ruħhom fih.

    2.20.

    Bħala fornitur tas-sigurtà, l-Ewropa jista' jkollha bżonn narrattiva ġdida u azzjonijiet konkreti appoġġati mis-soċjetà ċivili u miċ-ċittadinanza attiva biex issaħħaħ l-identità u s-solidarjetà tal-Ewropa mingħajr ma tirriskja li tissostitwixxi n-nazzjonaliżmu b'xoviniżmu Ewropew. Il-parteċipazzjoni pubblika għandha tkun miftuħa, trasparenti u inklużiva.

    3.   Aspetti pożittivi tal-Boxxla Strateġika

    3.1.

    L-għan tal-Boxxla Strateġika li tinkiseb aktar sigurtà permezz ta’ bini tal-kapaċitajiet (“aġixxi”), tħejjija aħjar (“żgura”), investiment immirat (“investi”) u aktar kooperazzjoni (“issieħeb”), kif ukoll it-tisħiħ tas-sħubijiet u tal-alleanzi huwa magħżul sew.

    3.2.

    Il-Boxxla Strateġika hija maħsuba biex tafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tal-Ewropa li tirrispetta l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tirrestawra l-paċi u tiddefendi l-libertà fl-Ewropa.

    3.3.

    F’termini ta' sigurtà, iċ-Ċina hija msemmija fil-Boxxla Strateġika bħala “rivali sistemiku”: dan ġie kkonfermat mill-ksur massiv universali tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem, mit-theddida kostanti tiegħu fil-konfront tat-Tajwan u mill-appoġġ tiegħu għall-aggressur Russu. Il-Boxxla Strateġika tenfasizza li ċ-Ċina u r-Russja qed jisfidaw l-ordni internazzjonali. Huma qed jespandu l-ħażniet tal-armi nukleari tagħhom u qed jiżviluppaw sistemi ta’ armi ġodda.

    3.4.

    Din tenfasizza ukoll l-erożjoni perikoluża tal-arkitettura tal-kontroll tal-armi u l-effetti negattivi ta' dan il-“vojt ġuridiku” fuq is-sigurtà tal-UE.

    3.5.

    L-UE għandha interessi leġittimi fir-reġjuni kollha tad-dinja. Il-Boxxla Strateġika ma tkoprix b’mod sistematiku dawn kollha iżda ġustament issostni li, kif jidher speċifikament fil-Balkani tal-Punent, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Ewropa hija stedina għal setgħat oħra biex jimlew il-vojt.

    3.6.

    Fil-Boxxla Strateġika, huwa enfasizzat li l-UE jeħtiġilha taġixxi b'urġenza u determinazzjoni akbar b'mod sinifikanti u li l-Istati Membri jeħtiġilhom ikunu jistgħu jserrħu fuq l-appoġġ reċiproku. Għalhekk, l-importanza tal-Artikolu 42(7) tat-TUE hija enfasizzata. L-UE għandha tiċċara l-koerenza ta' din il-bażi legali primarja mal-obbligu ta' assistenza skont l-Artikolu 5 tat-Trattat tan-NATO.

    3.7.

    Livell imtejjeb ta' tħejjija operazzjonali u interoperabbiltà huma identifikati fil-Boxxla Strateġika bħala prijoritajiet li jridu jkunu konformi man-NATO. Fil-Boxxla Strateġika, l-UE hija rrappreżentata u mħabbra bħala faċilitatur ta' difiża Ewropea aħjar, peress li se tagħlaq il-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi, se ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetajiet Ewropej, u se toħloq stabbiltà fil-viċinat Ewropew. L-ewwel pass huwa l-ħolqien tal-Kapaċità ta' Skjerament Rapidu (Rapid Deployment Capacity), li se tikkonsisti f'5 000 persunal u għandha tkun operattiva bis-sħiħ sal-2025. Il-KESE jirrimarka li wasal iż-żmien li nwettqu fil-prattika, peress li l-UE kienet diġà ħabbret miri aktar ambizzjużi f’dan ir-rigward aktar minn għoxrin sena ilu, li għadhom ma ntlaħqux.

    3.8.

    Għalkemm il-Boxxla Strateġika ma tirreferix għall-introduzzjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-politika estera, hija tappella għal astensjonijiet kostruttivi sabiex l-Istati Membri li huma lesti jaġixxu jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem. Hawnhekk, jista' jsir użu akbar mill-Artikolu 44 tat-TEU biex jippermetti li l-Istati Membri li huma lesti u li għandhom il-kapaċitajiet xierqa fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) jikkooperaw permezz ta' delega mill-Kunsill.

    3.9.

    Il-Boxxla Strateġika għandha l-għan li tikkombina b'mod sinifikanti l-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili u militari fi ħdan il-PSDK. L-importanza tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK fil-kuntest tar-risponsi mhux militari hija enfasizzata. Il-Boxxla Strateġika tfittex kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PSDK u l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fl-UE.

    3.10.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Boxxla Strateġika ssegwi approċċ orjentat lejn l-azzjoni u tistabbilixxi proposti u passi konkreti kif ukoll dati ppjanati u objettivi intermedji biex tkejjel il-progress, li għandhom jiġu rieżaminati b’mod regolari mill-Kunsill tal-UE u mill-Kunsill Ewropew.

    3.11.

    Il-Boxxla Strateġika tenfasizza wkoll miżuri importanti biex jiġi introdott aħjar il-kunċett ta’ “ġeneru, paċi u sigurtà” u l-effiċjenza klimatika għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK. B’mod partikolari, sal-2023, l-UE ser issaħħaħ in-network tagħha ta’ konsulenti dwar id-drittijiet universali tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tagħha tal-PSDK, u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u d-difiża ser twassal lis-settur militari lejn in-newtralità klimatika.

    4.   Kummenti kritiċi dwar il-Boxxla

    4.1.

    Il-Boxxla Strateġika hija dokument ambizzjuż ħafna li jistabbilixxi aktar minn 80 azzjoni konkreta li għandhom jittieħdu sal-2025. F’dan ir-rigward hija meħtieġa rieda politika qawwija mill-Istati Membri, inkella d-dokument jirriskja li jirrifletti aktar UE li m’għandhiex kompetenza fi kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ difiża.

    4.2.

    Il-Boxxla Strateġika hija kkaratterizzata minn kunċett restrittiv ta' sigurtà. Is-sigurtà hija aktar minn difiża. Aktar prevenzjoni u prospettiva huma kruċjali biex jiġu evitati konflitti militari. Il-Boxxla Strateġika tpoġġi enfasi fuq id-definizzjoni ta’ katalgu ta’ proġetti u azzjonijiet konkreti. Il-KESE jilqa’ dan il-fatt. Madankollu, din ftit li xejn tagħmel referenza għal żoni ġeografiċi speċifiċi, u ftit li xejn tiddefinixxi fejn l-UE trid tipproġetta l-istabbiltà u s-sigurtà f’termini tal-valuri u l-għanijiet tagħha anke barra mit-territorju tagħha, pereżempju fil-viċinat immedjat tagħha. Għandha titwessa’ biex tifforma strateġija komprensiva li tinkludi l-involviment tas-soċjetà ċivili.

    4.3.

    Il-Boxxla Strateġika tagħti stampa pjuttost pożittiva tal-koerenza tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE u l-kapaċitajiet potenzjali tagħha, pereżempju, billi tiddikjara li s-saħħa tal-UE fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti u kriżijiet esterni tinsab fil-kapaċità tagħha li tiskjera assi kemm militari kif ukoll ċivili. Il-Boxxla ma tagħtix eżempji speċifiċi fejn dan kien ta' suċċess. Madankollu, analiżi mhux realistika ma tistax tifforma bażi solida għal strateġija ta' sigurtà. L-awtovalutazzjoni tal-UE bħala pijunier konsistenti f'soluzzjonijiet multilaterali u t-tifħir espliċitu tagħha stess espress fil-Boxxla Strateġika, pereżempju, b'rabta mat-teħid tar-responsabbiltà tagħha għas-sigurtà globali, ma jippermettux li jsir rendikont onest.

    4.4.

    L-UE setgħet investiet ħafna riżorsi politiċi u finanzjarji fil-multilateraliżmu; iżda għall-anqas sal-attakk mir-Russja, l-Istati Membri tal-UE kienu qed isegwu biss għanijiet koordinati tal-politika estera Ewropea meta dawn kienu direttament jaqblu mal-interessi nazzjonali tagħhom stess. Dan in-nuqqas fundamentali ta’ prospettiva strateġika jista’ jintwera b’diversi eżempji, li wħud minnhom jinkludu: il-proċess tat-tkabbir fil-Balkani tal-Punent, ir-reazzjonijiet tal-Ewropej għall-gwerra fil-Libja, id-dipendenzi mill-provvisti tal-enerġija, tal-materja prima u tipi oħra ta’ provvisti, ir-rappreżentanza tal-Ewropa fin-Nazzjonijiet Uniti, u l-livelli differenti ta' investiment fil-kapaċitajiet militari nazzjonali meta mqabbla mal-PDG.

    4.5.

    Il-Boxxla Strateġika tirrikonoxxi lin-NATO bħala importanti għas-sigurtà Ewropea, iżda dan ma huwiex biżżejjed. Il-Boxxla titkellem dwar sħubija strateġika man-NATO, il-komplementarjetà u l-awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, ftit Stati Membri biss għadhom newtrali, jiġifieri mhux membri tan-NATO, u l-alleanza hija aktar minn sempliċi msieħeb strateġiku għall-Ewropa. In-NATO hija, u se tkun għal żmien imprevedibbli, l-uniku garanti reali tas-sigurtà tal-Ewropa. Madankollu, l-UE tista’ tgħin lill-Ewropej jorganizzaw aħjar il-kontribut tagħhom għas-sigurtà Ewropea billi tiġbor flimkien il-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom u tabbanduna politiki nazzjonali mhux ikkoordinati favur approċċ Ewropew komuni. Minkejja ħafna approċċi tajbin fil-Boxxla Strateġika, kemm l-UE kif ukoll in-NATO sa issa għadhom ma sfruttawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-kooperazzjoni tagħhom.

    4.6.

    Il-kunċett ta’ awtonomija strateġika Ewropea jrid jiġi definit b’mod ċar meta jiġi applikat għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u difiża, kif inhu l-każ fil-Boxxla Strateġika. L-awtonomija strateġika mhijiex dwar il-fatt li l-UE taġixxi waħedha, iżda li ssir imsieħeb aħjar, kapaċi taġixxi meta jkun meħtieġ, anke meta l-appoġġ jista’ ma jkunx disponibbli. Din ma għandhiex tfisser ekwidistanza mill-qawwiet dinjin, u l-KESE diġà enfasizza dan fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi. L-Istati Uniti tal-Amerka huma u jibqgħu l-alleat u msieħeb l-aktar importanti tal-Ewropa. Madankollu, l-UE għandha ssegwi triq biex tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi, inkluż fis-setturi tas-sigurtà u tad-difiża, kif iddikjarat fl-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan Direzzjonali dwar it-teknoloġiji għas-sigurtà u d-difiża (3).

    4.7.

    Id-dipendenzi Ewropej unilaterali għandhom jitnaqqsu, u mhux biss fil-qasam tad-difiża. Dan huwa ta’ importanza kruċjali għas-sigurtà tal-Ewropa. Madankollu, il-KESE jemmen li l-interdipendenzi, speċjalment bejn l-imsieħba tal-istess fehma, mhumiex biss ta’ benefiċċju iżda huma sine qua non għal ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli.

    4.8.

    Dwar il-kapaċitajiet futuri militari tal-UE, il-“Forza ta’ Reazzjoni Rapida”, imħabbra fil-Boxxla Strateġika, tikkorrispondi ma’ kunċetti ta' forzi iżgħar li jistgħu jiġu skjerati malajr f’missjonijiet ikkoordinati internazzjonalment. Madankollu, dawn l-isforzi ma jistgħux jitqiesu indipendentement minn kontribut adegwat mill-Ewropa għas-sigurtà tagħha stess fil-qafas tan-NATO. L-isforzi Ewropej iridu jappoġġjaw l-effikaċja tal-pilastru Ewropew tan-NATO. Bħalissa ma huwiex ċar kif l-UE u l-Istati Membri tan-NATO se jkunu jistgħu jipprovdu biżżejjed riżorsi kemm għall-Forza ta' Reazzjoni tan-NATO kif ukoll għall-Forza ta' Reazzjoni Rapida tal-UE f'każ li dawn ir-riżorsi jridu jiġu attivati fl-istess ħin. Barra minn hekk, xi wħud mill-miżuri ppreżentati fir-rigward ta’ truppi li jistgħu jiġu skjerati malajr parzjalment ma jirrispettawx għalkollox id-deċiżjonijiet meħuda għexieren ta’ snin ilu (Helsinki 1999).

    4.9.

    Il-Boxxla Strateġika ma tqisx ir-rwol li s-soċjetà ċivili fl-Ewropa jista’ u jrid ikollha fil-kisba ta’ reżiljenza akbar għall-periklu sistematiku minn forzi ostili fir-rigward tal-koeżjoni u tas-solidarjetà fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u bejniethom.

    4.10.

    It-titjib tal-UE bħala garanti tas-sigurtà tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jirrikjedi mhux biss istituzzjonijiet tal-UE b'saħħithom jew aktar b'saħħithom u previżjoni akbar min-naħa tal-Istati Membri, iżda wkoll alleanzi soċjali transfruntiera estensivi li huma inkonċepibbli mingħajr soċjetà ċivili organizzata pan-Ewropea b'saħħitha u vibranti u msieħba soċjali Ewropej impenjati b'mod komprensiv.

    4.11.

    L-attakki ostili ma jinkludux biss operazzjonijiet militari, iżda wkoll diżinformazzjoni, attakki ċibernetiċi, rikatt ekonomiku, eċċ. Il-Boxxla Strateġika ssemmi l-iżvilupp ta’ Sett ta’ Għodod Ibridu kontra theddid ibridu u s-Sett ta’ Għodod għall-Informazzjoni Barranija, il-Manipulazzjoni u l-Intereferenza, kif ukoll it-tisħiħ tas-Sett ta’ Għodod taċ-Ċiberdiplomazija. Madankollu, jeħtieġ li l-Boxxla Strateġika telabora aktar dwar dan l-aspett kruċjali. L-UE teħtieġ b'mod urġenti approċċ interistituzzjonali biex tiġġieled tali attakki u interferenza, li jinvolvi s-soċjetà ċivili rappreżentattiva sabiex tistabbilixxi l-pedamenti għal solidarjetà, kooperazzjoni u reżiljenza effettivi fost iċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fil-livell lokali, fejn l-impatt ta' tali attakki jinħass l-aktar direttament.

    4.12.

    Is-sigurtà tal-Ewropa mhijiex biss mhedda minn attakki militari fis-sens tradizzjonali. L-attakki ċibernetiċi u s-sabotaġġ kontra kumpaniji privati, istituzzjonijiet pubbliċi u infrastruttura kritika għandhom jitqiesu wkoll bħala attakki ibridi tal-gwerra li jistgħu jikkawżaw ħsara devastanti. Dan l-aspett huwa ttraskurat fil-Boxxla Strateġika, speċjalment fir-rigward ta' miżuri effettivi ta' salvagwardja u kontromiżuri.

    5.   Kalibrar mill-ġdid tal-Boxxla

    5.1.

    Il-KESE jaqbel għalkollox li l-UE jeħtiġilha tipprepara lilha nnifisha għal setgħat reviżjonisti dejjem aktar aggressivi li jiksru l-Karta tan-NU. Ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli jista' jiġi restawrat jekk id-demokraziji liberali jaderixxu mal-prinċipji tagħhom, jirfduhom b'kapaċitajiet diplomatiċi, ċivili u militari u ma jċedux għat-tentazzjonijiet, għall-pressjoni u għat-theddid ta' setgħat awtoritarji.

    5.2.

    Il-politiki Ewropej iridu iservu l-għan li jipprevjenu l-kunflitti armati; wieħed għandu jżomm f'moħħu wkoll li d-dinja hija ħafna inqas paċifika milli kienet tidher wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda. Għalhekk, is-soċjetà Ewropea teħtieġ kunsens politiku dwar kif tibni b'mod effettiv id-difiżi tagħha kontra aggressuri potenzjali, u speċjalment kif tibni l-kapaċitajiet tagħha ta' difiża ċivili. Dibattitu pubbliku akbar u parteċipazzjoni attiva tal-atturi tas-soċjetà ċivili huma kruċjali.

    5.3.

    Is-sħubija trans-Atlantika tirrikjedi ħafna aktar investimenti politiċi. Filwaqt li tmur lil hinn min-NATO, din hija pilastru ta' appoġġ tal-alleanza. L-Ewropej jeħtiġilhom jagħmlu sforzi akbar biex iżommu u japprofondixxu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti. Sħubija stabbli mal-Istati Uniti, kemm f’termini ta’ relazzjonijiet kummerċjali kif ukoll f’termini ta’ sigurtà, hija tal-akbar importanza.

    5.4.

    Dinja ħielsa mill-armi nukleari hija għan Ewropew. Sakemm dan jintlaħaq, il-garanzija tas-sigurtà nukleari tal-Istati Uniti għall-Ewropa, id-deterrenza nukleari tan-NATO u l-forza ta’ dissważjoni Franċiża jibqgħu essenzjali għas-sigurtà Ewropea.

    5.5.

    L-imsieħba Ewropej jeħtiġilhom jagħmlu enfasi urġenti fuq iż-żieda fl-effiċjenza tan-nefqa tagħhom fuq l-armi. Dan jista' jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta' interoperabbiltà ferm akbar tas-sistemi militari konvenzjonali nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri jridu jegħlbu d-diffikultajiet u n-nuqqas ta’ fehim attwali dwar ix-xiri tagħhom ta’ kapaċitajiet ta’ difiża fuq terminu qasir meħtieġa b’mod urġenti u jsibu approċċ komuni għat-tisħiħ tas-sistemi ta’ difiża tagħhom f’perspettiva fuq terminu medju sa twil permezz ta’ akkwist konġunt u proġetti kollaborattivi konġunti. Il-proġetti konġunti Ewropej m’għandhomx jeskludu l-alleati u l-imsieħba mill-qrib, iżda l-aċċess tagħhom għas-suq Ewropew tad-difiża għandu jkun strettament ibbażat fuq ir-reċiproċità.

    5.6.

    Is-sehem tan-nefqa fuq id-difiża fil-PDG huwa importanti sal-livell li ġie miftiehem bejn l-alleati tal-Punent — pacta sunt servanda! F’termini ta’ kapaċitajiet effettivi, huwa aktar importanti li dawn jiġu definiti b’mod preċiż u li jinkisbu fil-ħin. Jekk dan jeħtiġx sehem tal-PDG ta’ eżattament 2 % jew possibbilment perċentwali akbar huwa ta’ importanza minuri. B'mod kruċjali, l-aggressur potenzjali jista' jqis li l-kost ta' attakk huwa għoli wisq. L-UE jeħtiġilha tibni fuq l-istrumenti u l-istituzzjonijiet tagħha, bħall-PESCO, il-CARD, il-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Faċilità Ewropea għall-Paċi, sabiex l-infiq għad-difiża tal-Istati Membri tagħha jsir aktar effettiv.

    5.7.

    L-akkwist fil-qasam tad-difiża u l-istrutturi tal-industrija tad-difiża Ewropea huma ta' importanza kruċjali għas-sigurtà Ewropea. Dawn ma humiex soġġetti biss għar-regoli tas-suq. Madankollu, is-sigurtà Ewropea ma għandhiex tiġi mxekkla minn kompromessi għaljin u ineffettivi. Il-proġetti konġunti għandhom ikunu determinati mill-kapaċità tal-industriji kompetittivi u innovattivi li jagħtu r-riżultati u mhux minn kwoti nazzjonali fuq proġetti kooperattivi.

    5.8.

    Il-Boxxla tkopri ħafna aspetti importanti tas-sigurtà, iżda ma titkellimx biżżejjed dwar l-intelliġenza. L-UE għandha taġġorna l-Boxxla billi tinkludi analiżi ċara tal-kapaċitajiet ta’ intelliġenza Ewropej u proposti konkreti dwar kif dawn jistgħu jittejbu.

    5.9.

    Il-forzi tad-difiża nazzjonali jridu jiġu ssimplifikati, jiġifieri jridu jinħolqu strutturi ta' kmand konġunti effiċjenti, li fl-aħħar mill-aħħar se jiffurmaw il-bażi għall-forzi armati Ewropej konġunti. Il-persunal militari tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża jeħtieġ li jsiru realtà.

    6.   Kontributi tas-soċjetà ċivili għas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa

    6.1.

    Il-Boxxla Strateġika hija pass importanti 'l quddiem. Din għandha tiġi mwessa’ biex tinkludi strateġija ta’ politika estera Ewropea, ikkaratterizzata minn kunċett aktar komprensiv ta’ sigurtà li huwa wkoll konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u li jinvolvi b’mod attiv is-soċjetà ċivili.

    6.2.

    Aktar intelliġenza, prevenzjoni u prospettiva huma kruċjali biex jiġu evitati kunflitti militari. Ħafna Stati Membri tal-UE jridu jinvestu aktar fil-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom u l-biċċa l-kbira minnhom diġà bdew jagħmlu dan. Dan għandu jkun impenn fit-tul, u jeħtieġ l-appoġġ tas-soċjetà ċivili. Il-Pilastru Ewropew tan-NATO għandu jiżgura d-deterrenza militari iżda l-UE għandha żżid il-kapaċità tagħha, inkluż permezz tal-mezzi militari tagħha stess, biex tagħmel kontributi preventivi konkreti għall-paċi u għall-istabbiltà reġjonali.

    6.3.

    L-UE għandha tappoġġja lill-Istati Membri, kif tissuġġerixxi l-Boxxla, fit-titjib tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni ineffettiva u d-duplikazzjoni għalja tal-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom; madankollu, sakemm ma jkollhiex kompetenza ġenwina għad-difiża, l-UE għandha tkompli tinvesti r-riżorsi limitati tagħha primarjament f’politiki u f’mekkaniżmi ċivili biex tippermetti l-prevenzjoni tal-kunflitti. Dan huwa fejn is-soċjetà ċivili tista’ tagħmel differenza reali permezz tan-networks soċjali u ekonomiċi tagħha u tal-potenzjal qawwi tagħha għad-diplomazija pubblika u kulturali.

    6.4.

    Soċjetà ċivili ħielsa u vibranti tista’ tkun stabbilizzatur awtomatiku fi żminijiet ta’ kriżi li jaffettwaw is-sigurtà tal-Ewropa. Hija wriet li tagħmel dan pereżempju fir-rigward tal-aggressjoni Russa, b’miljuni ta’ ċittadini tal-UE f’ħafna Stati Membri jospitaw u jgħinu lir-refuġjati Ukreni, b’rieda eċċezzjonali li jgħinu speċjalment fl-Istati Membri tal-UE ġirien tal-Ukrajna. Approċċ komprensiv għas-sigurtà għandu jinvolvi wkoll it-tħejjija Ewropea għall-emerġenzi u l-appoġġ kontinwu għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    6.5.

    Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-ġustizzja soċjali, tal-prospetti ekonomiċi u tas-sostenibbiltà ambjentali għas-sigurtà. Il-paċi soċjali hija prerekwiżit importanti għan-nonvjolenza. It-trażżin tat-tisħin globali u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tiegħu huma fundamentali għaż-żamma tal-ordni soċjali u l-paċi fid-dinja.

    6.6.

    Il-KESE jipproponi forums pubbliċi għal dibattiti strateġiċi, sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ Ewropa li tipproteġi kontra attakki ostili u ssir aktar reżiljenti għal attakki maħsuba biex jikkompromettu l-moral u l-istabbiltà politika fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. “Fil-ġlieda tas-setgħat dinjin għall-benefiċċji, mhijiex is-saħħa militari jew ekonomika li hija kruċjali, iżda l-karatteristiċi fundamentali ta’ soċjetà” (4).

    6.7.

    Il-KESE, is-Sezzjoni tiegħu għar-Relazzjonijiet Esterni (REX) u, fid-dawl tal-industrija tad-difiża, il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) (5) jista’ jkollhom rwol ċentrali fid-djalogu bejn il-politika u s-soċjetà dwar is-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja. Il-KESE se jkompli jitlob għal aġġornamenti regolari għall-Boxxla Strateġika u jivvaluta bir-reqqa inizjattivi relatati ġodda bħall-Pakkett tad-Difiża.

    6.8.

    L-aggressjoni Russa u r-rivalità sistemika maċ-Ċina jissottolinjaw li l-UE m’għandha l-ebda żmien x’titlef fl-adattament għar-realtajiet ġeopolitiċi. F’demokraziji liberali dan jista’ jinkiseb biss f’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u bl-appoġġ politiku tagħha.

    Brussell, l-24 ta’ Jannar 2023.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Sigurtà Komuni — Għall-futur komuni tagħna, Stokkolma, 2022.

    (2)  Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji għas-sigurtà u d-difiża (COM(2022) 61 final), punt 4.9.

    (3)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji għas-sigurtà u d-difiża” (COM (2022) 61 final) (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 112).

    (4)  Mazarr, M. J.: What Makes a Power Great. The Real Drivers of Rise and Fall, Foreign Affairs, Lulju/Awwissu 2022, p. 52.

    (5)  https://www.eesc.europa.eu/mt/sections-other-bodies/sections-commission/consultative-commission-industrial-change-ccmi


    Top