This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022IE0726
Opinion of the European Economic and Social Committee on the new EU-US Trade and Technology Council in action: priorities for business, workers and consumers and necessary safeguards (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-azzjoni: prijoritajiet għan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi u s-salvagwardji meħtieġa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-azzjoni: prijoritajiet għan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi u s-salvagwardji meħtieġa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2022/00726
ĠU C 443, 22.11.2022, p. 37–43
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 443/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-azzjoni: prijoritajiet għan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi u s-salvagwardji meħtieġa”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2022/C 443/05)
Relatur: |
Timo VUORI |
Korelatur: |
Tanja BUZEK |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
21.10.2021 |
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
Adottata fis-sezzjoni |
9.6.2022 |
Adottata fil-plenarja |
14.7.2022 |
Sessjoni plenarja Nru |
571 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
173/0/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-bini ta’ aġenda trans-Atlantika pożittiva. Il-Kunsill il-ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti jista’ jifforma l-qalba ta’ aġenda biex terġa’ tingħata spinta lis-sħubija tagħna b’mezzi fdati ta’ kooperazzjoni. Minkejja li l-ekonomiji trans-Atlantiċi tagħna jammontaw għal madwar nofs il-PDG dinji u huma parti kbira mill-flussi tal-kummerċ u l-investiment fid-dinja, ir-relazzjonijiet tagħna għadhom jiffaċċjaw ostakli għall-kummerċ, għall-investiment, għax-xogħol, għall-ivvjaġġar u għall-istudju fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. |
1.2. |
Nieħdu r-riedni biex nipproteġu l-valuri tagħna u l-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli. Fi żminijiet ġeopolitiċi turbolenti, hemm responsabbiltà kbira għall-ekonomiji ewlenin tad-dinja, l-UE u l-Istati Uniti, flimkien ma’ msieħba oħra tal-istess fehma, biex imexxu ’l quddiem qafas modern ta’ kooperazzjoni għall-kummerċ u t-teknoloġija, li jappoġġja ekonomija miftuħa u sostenibbli, kummerċ ħieles u ġust u jirrispetta l-valuri demokratiċi, ix-xogħol deċenti u d-drittijiet tal-bniedem. |
1.3. |
Il-ħtieġa li jkun hemm reazzjoni għat-tfixkil tas-suq. Wara għadd kbir ta’ kriżijiet li għaddejjin bħalissa, l-imsieħba trans-Atlantiċi jridu jsibu malajr modi biex isaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet demokratiċi miftuħa tagħna, inkluż billi jiżguraw il-ktajjen tal-valur u tal-provvista globali tagħna u s-sigurtà tal-enerġija, b’mod partikolari, minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu sostitwiti l-provvisti Russi tal-enerġija u tal-materja prima. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti jridu jagħmlu sforzi akbar biex isaħħu l-multilateraliżmu u jindirizzaw l-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, mal-iżgurar li l-kummerċ ħieles u ġust ma jiddgħajjifx u mat-tfixkil tas-suq minn stati awtoritarji. |
1.4. |
Il-bini ta’ fiduċja abbażi ta’ kooperazzjoni reċiproka u stabbli. Iż-żewġ partijiet jeħtiġilhom jimpenjaw ruħhom biex jibnu struttura ta’ djalogu permanenti għall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, sabiex jinkisbu riżultati konkreti fuq medda qasira u twila ta’ żmien, lil hinn miċ-ċikli elettorali politiċi u l-bidliet fl-amministrazzjonijiet. Barra minn hekk, skont il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jimmiraw għal approċċ aktar strateġiku u orizzontali dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u teknoloġija. L-għaxar Gruppi ta’ Ħidma taħt il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandhom ifittxu approċċ olistiku u kkoordinat b’mod effettiv għall-kooperazzjoni li ma joħloqx kompartimentalizzazzjonijiet bla bżonn. |
1.5. |
It-tisħiħ tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati. Sabiex jiġu evitati l-fallimenti li dehru fin-negozjati kummerċjali ambizzjużi preċedenti, it-trasparenza u l-involviment qawwi tal-partijiet ikkonċernati fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku huma l-uniku mod kif il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jilħaq il-miri tiegħu. Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) ser jimpenja ruħu b’mod attiv fl-istrutturi tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u jfittex li jkun involut bħala parti interessata unika tas-soċjetà ċivili fil-laqgħat ministerjali tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. F’dan il-kuntest, il-KESE għal darb’oħra jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-grupp ta’ esperti dwar il-ftehimiet kummerċjali ma ġġeddidx u li ma nħolqot l-ebda struttura permanenti paragunabbli għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. |
1.6. |
Djalogu Trans-Atlantiku Speċifiku dwar ix-Xogħol. Fil-passat, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu għad-Djalogi Trans-Atlantiċi għan-Negozji u għall-Konsumaturi u għalhekk jilqa’ t-tħabbira ministerjali reċenti ta’ Pariġi li jiġi stabbilit Djalogu tripartitiku dwar il-Kummerċ u x-Xogħol, li joħloq mezz formali biex l-imsieħba soċjali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku jinfurmaw il-proċess tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u jsawru r-relazzjonijiet trans-Atlantiċi dwar il-kummerċ u l-investiment. F’dan il-kuntest, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE tindirizza l-iżbilanċ tad-demokrazija tax-xogħol minħabba n-nuqqas ta’ ratifika ta’ sitt Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO u l-impatt tagħha fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti fil-kummerċ. |
2. Kummenti ġenerali — il-ħtieġa dejjem tikber għal sħubija eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti
2.1. |
Il-KESE fid-djalogu trans-Atlantiku: il-KESE ilu snin isegwi l-kwistjonijiet politiċi u tal-kummerċ trans-Atlantiċi u abbozza l-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE. Barra minn hekk, il-KESE jżomm djalogu regolari kemm mal-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u, b’mod partikolari, mas-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. It-tnedija ta’ Kunsill ġdid tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, b’għaxar gruppi ta’ ħidma u seduti regolari, teħtieġ li l-KESE jaġġorna l-pożizzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. |
2.2. |
Ir-responsabbiltà tal-ekonomiji ewlenin tad-dinja: il-KESE jenfasizza li l-UE u l-Istati Uniti għandhom l-akbar relazzjoni bilaterali ta’ kummerċ u investiment u jgawdu l-aktar relazzjoni ekonomika integrata fid-dinja. Għalkemm inqabżu miċ-Ċina bħala l-akbar sors ta’ importazzjoni tal-UE għall-prodotti fl-2021, l-Istati Uniti jibqgħu bil-bosta l-akbar imsieħeb kummerċjali u ta’ investiment tal-UE. Ir-relazzjoni trans-Atlantika tiddefinixxi l-ekonomija globali, f’sistema kummerċjali multilaterali f’diffikultà affetwata mill-kriżi li laqtet lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), sentejn pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja u issa l-gwerra fl-Ukrajna. L-akbar imsieħeb kummerċjali u ta’ investiment ta’ kważi kull pajjiż ieħor fl-ekonomija globali huwa jew l-UE jew l-Istati Uniti. Is-sħubija trans-Atlantika mhijiex għan fiha nnifisha iżda għandha tibni fuq valuri, interessi u responsabbiltà komuni. L-UE u l-Istati Uniti għandhom ikunu ankra għad-demokrazija, il-paċi u-sigurtà madwar id-dinja, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd (1). |
2.3. |
Momentum għal sħubija eqreb u strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti: il-KESE jinnota li peress li għadd kbir mhux mistenni ta’ kriżijiet issa qed idgħajjef lid-dinja, huwa mument kritiku għall-ekonomiji ewlenin tad-dinja — l-UE u l-Istati Uniti flimkien ma’ stati demokratiċi oħra li jaħsbuha bl-istess mod b’ekonomiji tas-suq miftuħa u bbażati fuq ir-regoli — biex japprofondixxu l-kooperazzjoni politika u ekonomika tagħhom sabiex jipproteġu l-valuri universali tagħna u jsaħħu l-prosperità, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem. Minn dawn kollha, il-paċi ħarġet bħala prijorità imperattiva fit-tmexxija tal-politika internazzjonali. Fl-istess ħin, m’għandniex inkomplu nittolleraw kwalunkwe azzjonijiet statali kontra l-ordni internazzjonali jew l-opportunisti fil-kummerċ internazzjonali. |
2.4. |
Ir-rwol ewlieni tal-kummerċ u t-teknoloġija fil-ġeopolitika: il-KESE jirrepeti li l-kummerċ u t-teknoloġija ma jindirizzawx biss kwistjonijiet regolatorji iżda huma għodod essenzjali biex jipproteġu dawn il-valuri universali madwar id-dinja u jippromovuhom. L-UE u l-Istati Uniti għandhom japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom u jiksbu riżultati konkreti fil-livell multilaterali u bilaterali. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jipprovdi opportunità unika għal tali kooperazzjoni strateġika ta’ livell għoli dwar il-kummerċ u t-teknoloġija li taqbeż l-arranġamenti attwali ad hoc ta’ kooperazzjoni u li tmur lil hinn mill-elezzjonijiet tal-UE u tal-Istati Uniti u l-bidliet istituzzjonali tal-amministrazzjonijiet. |
2.5. |
Pjattaforma għad-djalogu u l-kooperazzjoni: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija mhuwiex kopja tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, u lanqas m’għandu jitqies bħala tali, minkejja li jistgħu jinsiltu lezzjonijiet utli mill-fallliment ta’ dak in-negozjat. L-objettivi u l-proċeduri tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija ma jistgħux jixħtu dubju fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li l-involviment tal-partijiet ikkonċernati jrid jissaħħaħ. L-istandards tal-UE li jirriflettu l-valuri tagħna ma jistgħux jiġu ddubitati, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ prekawzjoni li huwa ċentrali għall-approċċ tal-UE biex jiġu stabbiliti l-istandards. Il-KESE huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni dwar l-istandards hija marbuta wkoll ma’ oqfsa legali differenti u teħtieġ analiżi fil-fond ta’ kwistjonijiet tekniċi, kif ukoll valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li kollha għandhom jitwettqu fuq bażi ta’ każ b’każ. Pereżempju, il-ftehim qafas il-ġdid dwar il-flussi tad-data juri, bi prinċipju, li l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jaħdmu lejn kunsens dwar kwistjonijiet sensittivi. |
2.6. |
Appoġġ b’saħħtu mill-partijiet ikkonċernati: il-KESE jinnota li l-partijiet ikkonċernati tan-negozju u tas-soċjetà ċivili, kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, diġà esprimew appoġġ ġenerali għall-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija u s-suġġetti identifikati taħt l-għaxar gruppi ta’ ħidma. L-imsieħba trans-Atlantiċi jidhru li qed jaraw il-valur miżjud ta’ sħubija trans-Atlantika strateġika u kooperazzjoni regolatorja eqreb. Għad hemm ostakli bla bżonn għall-kummerċ, għall-investiment u għax-xogħol. Barra minn hekk, l-imsieħba trans-Atlantiċi flimkien jistgħu jsaħħu l-kompetittività globali tagħhom fis-suq globali, li tmur id f’id mal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, il-ġustizzja soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, standards għoljin tax-xogħol u standards ambjentali għoljin. Madankollu, sabiex jinkisbu r-riżultati, iż-żewġ naħat jeħtieġ li jkunu konxji tal-objettivi, l-approċċi u l-mezzi ta’ xulxin sabiex jiġi żviluppat qafas komuni ġdid għall-kummerċ. |
2.7. |
Involviment aħjar tal-partijiet ikkonċernati wara li fallew id-djalogi tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-Istati Uniti: il-KESE jenfasizza li djalogu msaħħaħ tas-soċjetà ċivili huwa komponent vitali fil-kuntest trans-Atlantiku, inkluż fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. Il-bżonn għal djalogu konġunt dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, ir-reżiljenza għad-diżinformazzjoni, il-libertà tal-midja, l-azzjoni klimatika, id-drittijiet soċjali u l-protezzjoni tal-konsumatur, u dwar l-appoġġ għad-demokrazija huwa partikolarment importanti f’dan ir-rigward (2). Is-sħubija trans-Atlantika tista’ tagħti lok għal integrazzjoni trans-Atlantika aktar mill-qrib fl-ekonomiji tagħna, inkluż qafas komuni għall-kummerċ, it-teknoloġija u l-investimenti. |
3. Kummenti speċifiċi — prijoritajiet ewlenin għan-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi
3.1. |
Il-KESE jqis li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija juri l-interkonnettività tal-akbar żewġ ekonomiji fid-dinja, kif ukoll iservi bħala forum uniku għall-bini ta’ kooperazzjoni akbar dwar il-politika kummerċjali u kwistjonijiet regolatorji tas-suq fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq ċerti prijoritajiet ewlenin mill-perspettiva tan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi. |
3.2. |
Kummerċ multilaterali modern ibbażat fuq ir-regoli: l-UE u l-Istati Uniti jridu juru responsabbiltà konġunta u tmexxija fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u jappoġġjaw mudell multilaterali effettiv, b’politika kummerċjali progressiva li tqis l-aspetti ambjentali u soċjali (3). Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jiffaċċjaw sfidi minn prattiki li jfixklu s-suq minn ekonomiji mhux tas-suq, inkluża azzjoni inġusta u diskriminatorja relatata ma’ intrapriżi tal-istat, sussidji tal-istat, imposti u taxxi. |
3.3. |
It-tmexxija tar-riforma tad-WTO: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq modi kif tittejjeb is-sistema kummerċjali multilaterali tad-WTO u l-Mekkaniżmu għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tagħha, minħabba r-rwol ċentrali tiegħu biex tiġi pprovduta matriċi multilaterali effettiva għal aġenda kummerċjali progressiva bi kwistjonijiet ambjentali u soċjali. L-UE u l-Istati Uniti jridu jmexxu riforma ambizzjużi tad-WTO u jippromovu aġenda moderna tad-WTO, li telimina kull tabù (jiġifieri l-aspetti soċjali tal-kummerċ) u tindirizza l-isfidi attwali u futuri relatati mas-sostenibbiltà. Biex dan isir, il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jiffurmaw arranġamenti ta’ kooperazzjoni strateġika ma’ msieħba kummerċjali ewlenin dwar kwistjonijiet multilaterali prijoritarji (4). |
3.4. |
Xogħol deċenti fil-kummerċ internazzjonali (5): il-KESE jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti biex jippromovu kooperazzjoni eqreb bejn id-WTO u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bil-għan li jippromovu xogħol deċenti u standards tax-xogħol permezz ta’ strumenti kummerċjali. L-elezzjoni reċenti ta’ diretturi ġenerali ġodda fiż-żewġ organizzazzjonijiet għandha tgħin tipprovdi impetu ġdid f’dan il-qasam. L-iżgurar tar-rispett għall-istandards internazzjonali tax-xogħol, kif stabbiliti u mmonitorjati mill-ILO, għandu jifforma parti minn dibattitu dwar ir-riforma tad-WTO immexxi mill-UE u l-Istati Uniti. Bħala eżempju pożittiv u opportunità biex tissaħħaħ din ir-rikunsiderazzjoni ambizzjuża, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Istati Uniti biex tiġi indirizzata l-problema globali tax-xogħol furzat fuq il-bastimenti tas-sajd fin-negozjati li għaddejjin bħalissa tad-WTO dwar is-sussidji tas-sajd (6). L-imsieħba trans-Atlantiċi għandhom ikomplu jużaw il-kooperazzjoni tagħhom biex jaħdmu lejn bażi legali aktar b’saħħitha biex id-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO jiġu inklużi fid-WTO (7). Kwistjonijiet bilaterali tax-xogħol ta’ interess komuni għandhom jinkludu approċċi komparattivi għall-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u l-infurzabbiltà effettiva tagħhom fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (8). Il-KESE ilu jappella għal approċċ ġdid ta’ infurzar sanzjonabbli għall-Kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u laqa’ l-istrumenti innovattivi ta’ infurzar fil-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada (9). |
3.5. |
Il-ħidma flimkien fil-fora internazzjonali: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jista’ jipprovdi forum għat-tħejjija ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar kwistjonijiet ta’ xogħol u impjiegi f’fora internazzjonali, b’mod partikolari fl-ILO u fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Din il-kooperazzjoni msaħħa għandha tinkludi l-promozzjoni u l-infurzar tad-diliġenza dovuta. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jinkoraġġixxi l-bini konġunt tal-kapaċità, b’mod partikolari sabiex jiġu promossi s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali madwar id-dinja, u sabiex jiġu żviluppati proġetti konġunti, pereżempju dwar l-għoti ta’ riżorsi għall-ispezzjoni tax-xogħol f’pajjiżi terzi. L-inklużjoni mistennija tal-Konvenzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fost l-Istandards Fundamentali tax-Xogħol tal-ILO tipprovdi żona fertili għall-kooperazzjoni. Ix-xogħol furzat huwa kwistjoni ta’ tħassib komuni profond u għandholm jiġu kkoordinati l-approċċi tal-UE u tal-Istati Uniti, b’mod partikolari fir-rigward tal-importazzjoni ta’ oġġetti prodotti permezz ta’ prattiki bħal dawn fiċ-Ċina. It-tixrid ta’ forom ġodda ta’ impjieg madwar id-dinja, b’mod partikolari x-xogħol fuq il-pjattaformi, immexxi minn kumpaniji tal-Istati Uniti u tal-UE, għandu jiġi diskuss fil-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, inkluż kontribut min-naħa tax-xogħol. |
3.6. |
Reżiljenza u s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiżviluppa strateġiji għal reżiljenza akbar billi jiżgura s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista globali u li dawn jiffunzjonaw tajjeb. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jidentifikaw vulnerabbiltajiet komuni u jaħdmu flimkien, pereżempju, fil-qasam tad-disponibbiltà ta’ materja prima u prodotti kritiċi bħas-semikondutturi. L-imsieħba trans-Atlantiċi għandhom ukoll jiġbdu l-attenzjoni immedjata għal approċċ standardizzat għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija li jkun allinjat bis-sħiħ ma’ aġenda ambizzjuża tas-sostenibbiltà bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Barra minn hekk, għandhom jikkunsidraw azzjoni komuni biex itejbu l-kapaċità tal-produzzjoni, l-investimenti u l-loġistika rilevanti. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jaħdem għal diliġenza dovuta obbligatorja komuni fil-ktajjen tal-provvista, abbażi tal-aħjar prattika, sabiex jiġi stabbilit mudell għal rekwiżiti ta’ sostenibbiltà globali fil-ktajjen tal-valur. |
3.7. |
L-appoġġ tal-ekonomija ekoloġika: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni dwar it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-klima, u l-politiki dwar it-tranżizzjoni ġusta. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jippromovu qafas u standards internazzjonali għall-mitigazzjoni tal-klima, l-ekonomija ċirkolari, il-finanzi sostenibbli, it-teknoloġija tal-iffrankar tal-enerġija, l-istandards ekoloġiċi u soċjali fl-akkwist pubbliku, l-ekotikkettar u r-rappurtar dwar is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-imsieħba trans-Atlantiċi għandhom jaħdmu għal qafas multilaterali dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti ambjentali taħt l-inizjattivi attwali, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali, id-Diskussjonijiet Strutturati għall-Kummerċ u s-Sostenibbiltà Ambjentali u d-Djalogu Informali dwar it-Tniġġis tal-Plastik. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq Mekkaniżmi effettivi u kkoordinati ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) sabiex jiġi stabbilit mudell għal qafas globali u biex jiġu evitati kunflitti kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti. |
3.8. |
Id-diġitalizzazzjoni u l-ekonomiji l-ġodda: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni dwar l-istandards tat-teknoloġija, ir-riċerka u l-politiki fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA), l-Internet tal-Oġġetti, is-6G, il-batteriji, it-teknoloġiji kwantistiċi u t-teknoloġiji tal-blockchain. Il-qafas għandu jrawwem l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni iżda jrid jinkorpora kunsiderazzjonijiet ta’ politika sottostanti vitali. Oqsma teknoloġiċi ġodda bħall-IA spiss ikollhom ukoll dimensjoni tal-post tax-xogħol li tirrikjedi strateġiji robusti tal-IA u tad-data, li l-ewwel jipprovdu qafas Ewropew legali u ta’ għoti tas-setgħa bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jinkludi regoli etiċi, drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions. Filwaqt li mhuwiex possibbli li jkun hemm eżattament l-istess regoli fuq iż-żewġ naħat, l-interoperabbiltà tal-oqfsa għandha tkun għan. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ċċarati r-rekwiżiti regolatorji komuni għal teknoloġiji newtrali għall-klima, il-bijoteknoloġija u t-teknoloġija tas-saħħa. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jippromovu prinċipji bbażati fuq il-valuri għall-istandards internazzjonali sabiex tinżamm it-tmexxija globali f’dawn l-ekonomiji l-ġodda. Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jsaħħaħ ukoll ir-reżiljenza tas-soċjetajiet demokratiċi tagħna, bil-ħsieb li jiġu evitati kampanji mmirati ta’ diżinformazzjoni mmexxija mill-IA, u permezz ta’ sigurtà aħjar tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) biex jiġu miġġielda l-attakki ċibernetiċi appoġġjati mill-Istat. |
3.9. |
Id-data u l-privatezza: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni biex jiżgura li fil-futur il-kondiviżjoni tat-teknoloġija diġitali u tad-data bejn l-Istati Uniti u l-UE se tippermetti ekosistema internazzjonali miftuħa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-aktar teknoloġija avvanzata biex taqdi lill-klijenti u liċ-ċittadini globalment, filwaqt li tipproteġi d-dritt fundamentali tagħhom għall-privatezza tad-data u tippreserva l-ispazju ta’ politika għall-aċċess u l-kontroll tad-data pubblika u l-kapaċità li tirregola l-kumpaniji multinazzjonali diġitali. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti għandhom jikkonkludu malajr qafas ġdid għat-trasferimenti tad-data, filwaqt li jindirizzaw il-problemi li wasslu għall-invalidazzjoni tal-Ħarsien tal-Privatezza, u jirrispettaw valuri komuni kondiviżi ta’ privatezza u sigurtà. |
3.10. |
Il-kontrolli tal-esportazzjonijiet: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jaħdem fuq teknoloġiji emerġenti u fundamentali li jiżguraw ir-rwol ewlieni ta’ reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni minħabba li dawn huma rilevanti ħafna kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti sabiex jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u soċjetà miftuħa b’ekonomija tas-suq. Pereżempju, sanzjonijiet kummerċjali effettivi jeħtieġu kontroll effettiv tal-esportazzjoni kontra Stati li qed jużaw ħażin il-kummerċ u t-teknoloġija u qed ikunu ta' theddida għall-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem. L-UE u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu flimkien biex jibnu alleanzi ma’ msieħba tal-istess fehma biex jindirizzaw l-isfidi u jiżguraw kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. |
3.11. |
L-istandardizzazzjoni: il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jiffoka fuq il-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ standardizzazzjoni, kif ukoll fuq il-prinċipji limitati ta’ aċċettazzjoni reċiproka. Is-sistemi ta' standardizzazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti huma differenti minn xulxin. B'mod partikolari, il-prinċipju ta' “prodott wieħed, standard wieħed, aċċettat kullimkien” li jirrappreżenta pilastru tas-suq uniku tal-UE ma jeżistix fl-Istati Uniti. Fl-Ewropa, meta jiġi adottat standard ġdid, l-istandards nazzjonali konfliġġenti jiġu rtirati; fl-Istati Uniti, standards differenti jeżistu flimkien fis-suq li jagħmilha diffiċli għall-SMEs biex jifhmu liema wieħed ikun l-aħjar għal-linji ta’ prodotti tagħhom. Ħafna drabi dawn huma kumpaniji żgħar b’riżorsi limitati iżda b’livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni f’suq niċċa li huwa l-bażi tal-kompetittività tagħhom. |
3.12. |
L-SMEs: il-kooperazzjoni regolatorja taħt il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jista’ jkollha rwol importanti biex jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment, kif ukoll biex tittejjeb il-kompetittività ta’ ditti żgħar b’mod partikolari. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari, jistennew li jinfetħu opportunitajiet ġodda, peress li m’għandhomx ir-riżorsi biex joperaw f’ambjenti regolatorji differenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, għall-kuntrarju ta’ ditti kbar. Fl-istess ħin, iż-żieda fil-kompatibilità tar-reġimi ta’ regolamentazzjoni toħloq opportunitajiet għal intrapriżi kbar biex jieħdu vantaġġ minn ekonomiji ta’ skala bejn l-UE u l-Istati Uniti (10). |
3.13. |
L-ikel u l-agrikoltura: fil-fehma tal-KESE huwa importanti li minbarra l-ħidma tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-UE u l-Istati Uniti waqqfu pjattaforma ġdida ta’ kollaborazzjoni trans-Atlantika dwar l-agrikoltura, imfassla biex tilqa’ l-isfidi globali tas-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-ikel. Il-kollaborazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u titrawwem is-sostenibbiltà hija ta’ importanza kbira biex jittaffa l-futur iebes u diffiċli li qed jistenniena bħala soċjetà globali. Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt immedjat tagħha fuq il-provvista globali tal-ikel żiedu ma’ din l-isfida. It-tibdil fil-klima diġà qed jaffettwa l-għajxien tal-bdiewa b’mod profond, minn volatilità estrema tat-temp għal nixfa severa, minn għargħar għal nirien fil-foresti, u avvenimenti katastrofiċi oħra li jheddu lill-bliet, il-komunitajiet u l-bliet tagħna. L-UE u l-Istati Uniti jridu jilqgħu l-isfida. |
3.14. |
Il-konsumaturi: huwa importanti li l-ħidma tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija tinkludi l-ħolqien ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li l-proċess ta’ kooperazzjoni regolatorja ma jintużax biex jimmina l-istandards soċjali, tax-xogħol, tal-konsumatur u ambjentali. Pjuttost għandu jkollu l-għan li jarmonizzahom u li jtejjibhom. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-benefiċċji ser ikunu mhux biss ekonomiċi iżda jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-ħidma tar-regolaturi sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni trans-Atlantika tista’ tiġi żviluppata permezz ta’ analiżi kondiviża, sistemi ta’ twissija bikrija kontra prodotti u servizzi perikolużi minn pajjiżi terzi u djalogu dwar infurzar aħjar tal-liġijiet. Bi tranżizzjoni lil hinn minn konverġenza obbligatorja, formalment segwita minn TTIP, l-UE u l-Istati Uniti jridu jagħmlu din l-aġenda ta’ kooperazzjoni sew biex jgħinu liċ-ċittadini tagħhom jiffaċċjaw l-isfidi l-ġodda ta’ dan iż-żmien kritiku. |
4. Nindirizzaw it-tħassib u s-salvagwardji meħtieġa
4.1. |
Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jippreżenta l-aħjar opportunità biex jintwera li l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jieħdu passi konkreti lejn kooperazzjoni ġenwina dwar il-kummerċ u t-teknoloġija u juru li r-relazzjoni tagħhom hija bbażata fuq sħubija sinifikanti. Madankollu, hemm ċerti kwistjonijiet kritiċi li l-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jeħtieġlu jindirizza biex jikseb suċċess:
|
4.2. |
Is-salvagwardja tal-livelli għoljin ta’ interessi pubbliċi tal-UE fil-kooperazzjoni regolatorja trans-Atlantika minn dejjem kienet fundamentali għall-KESE. Il-Kumitat jafferma mill-ġdid bil-qawwa li s-salvagwardja ta’ standards għoljin eżistenti hija rekwiżit fundamentali. Minbarra l-għan li jissaħħu l-opportunitajiet kummerċjali, il-kooperazzjoni regolatorja għandha ttejjeb ukoll is-sikurezza, is-saħħa u l-benesseri ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Il-KESE jappella għal aktar assigurazzjonijiet li, pereżempju, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel mhux ser tiġi mibdula u li l-UE ser iżżomm ir-restrizzjonijiet tagħha fuq l-ormoni jew il-promoturi ta’ tkabbir u l-organiżmi ġenetikament modifikati (11). |
4.3. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE tindirizza, fil-qafas tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-iżbilanċ tad-demokrazija tax-xogħol u l-impatt tiegħu fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti fil-kummerċ. Il-KESE jirrepeti li l-Istati Uniti rratifikaw biss tnejn mit-tmien konvenzjonijiet ewlenin tax-xogħol tal-ILO, u naqsu milli jirratifikaw b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet abilitanti ewlenin Nru 87 dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u Nru 98 dwar id-Dritt ta’ Negozjar Kollettiv (12). |
5. Involviment sinifikanti tal-partijiet ikkonċernati wara l-lezzjonijiet tal-proċess tat-TTIP
5.1. |
Il-KESE jenfasizza li l-proċess tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija għandu jkun trasparenti, responsabbli u jinvolvi gruppi ta’ interess pubbliku b’mod sinifikanti. Dan għandu jimxi id f’id ma’ politika ta’ komunikazzjoni mtejba u attiva dwar in-natura tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. L-aktar importanti, l-aġenda ta’ kooperazzjoni trid tibqa’ pjattaforma biex tinforma u tiskambja prattiki tajbin, mhux għodda awtomatika biex tinfluwenza l-proċessi leġiżlattivi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ xulxin jew tiskoraġġixxi lil xulxin milli jtejbu l-protezzjonijiet. |
5.2. |
Il-partijiet ikkonċernati interessati jeħtieġ li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-għaxar gruppi ta’ ħidma kollha biex jiġi evitat approċċ ikkompartamentalizzat. Filwaqt li l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-isfidi tal-kummerċ globali huwa ta’ natura aktar trasversali u jipprovdi l-forum ewlieni għad-diskussjonijiet dwar ix-xogħol, hemm tħassib relatat fi ħdan il-mandat ta’ għadd ta’ gruppi ta’ ħidma oħra, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-katina tal-provvista, l-IA u teknoloġiji emerġenti oħra, u l-protezzjoni tad-data. |
5.3. |
Il-KESE jqis li l-protezzjoni u l-benesseri tal-konsumatur huma objettivi ġenerali ta’ din il-kooperazzjoni. Djalogi differenti tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija jridu jkunu trasparenti għall-partijiet ikkonċernati. Ir-regolaturi rilevanti u l-ispeċjalisti tas-settur irid ikollhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni regolatorja. |
5.4. |
Lil hinn minn laqgħat ta’ djalogu mmirati tas-soċjetà ċivili, għandhom jiġu ppjanati laqgħat preparatorji tal-partijiet ikkonċernati u laqgħat ta’ informazzjoni qabel u wara kull laqgħa tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija Il-Grupp Konsultattiv preċedenti dwar it-TTIP stabbilit mid-DĠ Kummerċ ipprovda eżempju siewi ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, li l-KESE kellu jiġi inkluż fiha. Kien ukoll forum fejn l-organizzazzjonijiet membri setgħu jifhmu aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-kummerċ għall-interessi differenti li rrappreżentaw l-oħrajn. Ikkontribwixxa biex jinbnew rabtiet bejn l-organizzazzjonijiet differenti. |
5.5. |
F’dan il-kuntest, il-KESE għal darb’oħra jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-grupp ta’ esperti dwar il-ftehimiet kummerċjali ma ġġeddidx. Dan kien pass pożittiv ħafna fl-istrateġija tal-Kummissjoni biex jittejjeb l-impenn mas-soċjetà ċivili dwar il-politika kummerċjali u biex tiżdied it-trasparenza. Kienet ukoll il-kontinwità loġika tal-Grupp Konsultattiv dwar it-TTIP. |
5.6. |
Fil-passat, il-KESE appoġġja d-Djalogi Trans-Atlantiċi għan-Negozju u l-Konsumaturi u appella li jiġi rikonoxxut Djalogu trans-Atlantiku ekwivalenti dwar ix-Xogħol. |
Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 56.
(2) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 56.
(3) ĠU C 152, 6.4.2022, p. 56.
(4) ĠU C 374, 16.9.2021, p. 73.
(5) Il-KESE pprovda rakkomandazzjonijiet konkreti fil-ĠU C 429, 11.12.2020, p. 197; SOC/727: Xogħol deċenti madwar id-dinja, relatur: Maria del Carmen Barrera Chamorro, adottata f’Settembru 2022.
(6) ĠU C 374, 16.9.2021, p. 73.
(7) Il-modi possibbli biex isir progress huwa li titqies dikjarazzjoni interpretattiva skont l-Artikolu IX:2 tal-Ftehim tad-WTO, fejn tiġi affermata interpretazzjoni tal-eċċezzjoni “morali pubblika” (l-Artikolu XX tal-GATT 1994 u l-Artikolu XIV tal-GATS), biex jiġu inklużi d-drittijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO u jiġi deskritt ir-rwol possibbli tad-determinazzjonijiet tal-ILO fi kwalunkwe proċediment legali dwar il-kwistjoni.
(8) Eżempju tajjeb fuq xiex tista’ tinbena bażi hija Comparative Analysis of Trade and Sustainable Development Provisions in Free Trade Agreements (Analiżi Komparattiva tad-Dispożizzjonijiet dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles), ikkummissjonat mill-UE, LSE, Frar 2022, b’mod partikolari fir-rigward tal-Mekkaniżmu ta’ Rispons Rapidu tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada (USMCA), https://www.lse.ac.uk/business/consulting/assets/documents/TSD-Final-Report-Feb-2022.pdf
(9) ĠU C 105, 4.3.2022, p. 40.
(10) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 30.
(11) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 30.
(12) C29 dwar ix-Xogħol Furzat, C100 dwar ir-Remunerazzjoni Ugwali, C111 dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol) u C138 dwar l-Età Minima, jikkompletaw il-lista ta’ Konvenzjonijiet Ewlenin tax-Xogħol mhux ratifikati.