Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0673

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa

    COM/2022/673 final

    Brussell, 8.12.2022

    COM(2022) 673 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa


    It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa

    1.Introduzzjoni

    It-tniġġis tal-arja naqas matul l-aħħar deċennji fl-UE, bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-arja nadifa u l-azzjoni konġunta meħuda mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, il-kwalità tal-arja tibqa’ ta’ tħassib serju għaċ-ċittadini Ewropej 1 .

    L-approċċ tal-UE għat-titjib tal-kwalità tal-arja jinvolvi t-teħid ta’ azzjoni fi tliet oqsma (jew “pilastri”). L-ewwel wieħed huwa l-istandards tal-kwalità tal-arja ambjentali stabbiliti fid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent 2 . It-tieni wieħed huwa li jiġu stabbiliti obbligi nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont id-Direttiva dwar l-Impenji Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet (id-Direttiva NEC) 3  għas-sustanzi niġġiesa transfruntiera tal-arja ewlenin 4 . It-tielet wieħed huwa li jiġu stabbiliti standards tal-emissjonijiet fil-livell tal-UE, stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, għal sorsi ewlenin ta’ tniġġis, mill-emissjonijiet tal-vetturi u tal-bastimenti għall-enerġija u għall-industrija, kif ukoll rekwiżiti tal-ekodisinn għall-bojlers u għall-kukers.

    It-tliet pilastri kollha jevolvu biex jadattaw għal żviluppi politiċi u xjentifiċi ġodda. B’mod partikolari, b’segwitu għall-mandat skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-ambizzjoni tal-UE li tilħaq tniġġis żero għal ambjent ħieles mit-tossiċità, dan l-aħħar, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 5 . Il-proposta tpoġġi lill-UE fit-triq biex tikseb tniġġis żero għall-arja sa mhux aktar tard mill-2050 u tistabbilixxi standards interim tal-kwalità tal-arja ambjentali tal-2030 allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida aġġornati dwar il-kwalità tal-arja maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għas-sustanzi niġġiesa ewlenin tal-arja 6 .

    Fir-rigward tad-Direttiva NEC, isiru kontrolli tal-konformità skont l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020-2029 għall-ħames sustanzi niġġiesa transfruntiera tal-arja l-aktar dannużi. L-ewwel kontroll tal-konformità sar fl-2022, wara li l-Istati Membri ppreżentaw inventarji nazzjonali b’data dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tagħhom għall-2020. Dan wera li hemm bżonn ta’ ħafna aktar azzjoni f’14-il Stat Membru, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka mis-settur agrikolu 7 .

    Fir-rigward tal-indirizzar tal-emissjonijiet fis-sors, il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat proposta għal standard tal-emissjonijiet Euro 7 ġdid u aktar strett għal vetturi bil-mutur ġodda. Aktar kmieni din is-sena, ipproponiet ukoll li tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 8 . Il-Kummissjoni rrieżaminat il-pjanijiet strateġiċi nazzjonali għall-politika agrikola komuni l-ġdida għall-2023-2027 u l-iskemi proposti li joffru l-possibbiltà li jiġu appoġġati investimenti lejn it-tnaqqis tal-ammonijaka.

    Din it-tielet edizzjoni tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tivvaluta l-prospetti li jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva NEC għall-2030 u lil hinn minnha, f’termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u l-impatti sussegwenti fuq il-kwalità tal-arja, is-saħħa, l-ekosistemi u l-ekonomija. Din l-analiżi tibni fuq il-ħidma mwettqa fuq il-valutazzjoni tal-impatt li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 9 , kif ukoll tikkomplementaha. Din tinkorpora l-miri klimatiċi tal-UE skont l-inizjattiva Lesti għall-mira ta’ 55 %, f’konformità mal-proposti tal-Kummissjoni tal-2021 biex isir tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) sal-2030 10 . It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa titfa’ dawl ukoll fuq l-implikazzjonijiet tal-kriżi attwali tal-enerġija fuq il-kwalità tal-arja u t-tniġġis tal-arja.

    It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tikkontribwixxi direttament għar-rapport dwar il-Monitoraġġ u l-Perspettiva ta’ Tniġġis Żero 11  billi tanalizza l-prospett li jintlaħqu ż-żewġ miri tal-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero relatati mal-arja nadifa 12 . Dawn għandhom inaqqsu, sal-2030 fl-UE, b’aktar minn 55 % l-impatti fuq is-saħħa tat-tniġġis tal-arja (espressi bħala mwiet prematuri), u b’25 % l-ekosistemi fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità (meta mqabbel mal-livelli tal-2005).

    Fl-aħħar nett, u bi tħejjija għar-rieżami tad-Direttiva NEC sal-2025 13 , it-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tanalizza diversi aspetti li jistgħu jiġu koperti minn dak ir-rieżami. B’mod partikolari, din tħares lejn l-effett fuq il-konformità tal-integrazzjoni ta’ firxa aktar komprensiva ta’ emissjonijiet li bħalissa ma humiex ikkunsidrati fil-kontrolli tal-konformità tal-NEC iżda li għandhom impatt ċar fuq il-kwalità tal-arja. Dan jinkludi materja partikolata kondensabbli u ċerti sorsi ta’ emissjonijiet fl-agrikoltura. Ir-rapport jenfasizza wkoll il-kobenefiċċji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, li huma kemm sustanzi niġġiesa kif ukoll gassijiet serra qawwija.

    2.L-istat tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa u tal-kwalità tal-arja u l-progress lejn il-konformità

    2.1.Is-sitwazzjoni attwali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u tal-kwalità tal-arja

    Matul is-snin, l-UE naqqset l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa ewlenin, għalkemm b’rati differenti ħafna skont it-tip ta’ sustanzi niġġiesa. L-emissjonijiet tal-ammonijaka (NH3), li minnhom 94 % tal-emissjonijiet huma ġġenerati mis-settur agrikolu, jibqgħu għoljin b’mod inkwetanti u saħansitra żdiedu f’dawn l-aħħar snin f’xi Stati Membri.

    Illustrazzjoni 1: Xejra fl-emissjonijiet tal-EU-27, 2000-2020 (% tal-livelli tal-2005)

    Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

    Minkejja tnaqqis ġenerali fit-tniġġis tal-arja, il-livelli tal-impatti fuq is-saħħa u l-ekosistema mit-tniġġis għadhom problematiċi. Fl-2020, il-biċċa l-kbira tan-nies li jgħixu f’żoni urbani fl-UE kienu esposti għat-tniġġis tal-arja f’livelli li jagħmlu ħsara lil saħħithom 14 . L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tistma li t-tniġġis tal-arja huwa l-akbar riskju uniku għas-saħħa ambjentali fl-Ewropa u huwa wieħed li jaffettwa b’mod sproporzjonat lill-gruppi soċjali sensittivi u vulnerabbli 15 . Bħala tali, l-indirizzar tat-tniġġis tal-arja huwa wkoll kwistjoni ta’ ġustizzja u ugwaljanza. Madwar 238 000 mewta prematura huma attribwibbli għal materja partikolata fina fl-UE, 49 000 għad-diossidu tan-nitroġenu u 24 000 għall-esponiment akut għall-ożonu (dawn in-numri, abbażi tad-data osservata dwar il-kwalità tal-arja aktar milli dik immudellata, jirriżultaw minn metodoloġija aġġornata żviluppata mill-EEA) 16 . L-EEA stmat ukoll li fl-2018, aktar minn 65 % taż-żona tal-ekosistema fl-UE kellhom livelli ta’ tniġġis li qabżu t-tagħbija kritika għall-ewtrofikazzjoni 17 .

    2.2.Progress lejn il-konformità

    Wara li rrieżaminat l-inventarji tal-emissjonijiet tal-2020 sottomessi mill-Istati Membri fl-2022 18 , il-Kummissjoni kkonkludiet li 14-il Stat Membru ma kinux konformi mal-impenji stabbiliti għat-tnaqqis għal mill-inqas sustanza niġġiesa waħda. Fi 11 minn dawn l-Istati Membri, l-ammonijaka hija waħda mis-sustanzi niġġiesa emessi b’mod eċċessiv. Il-pajjiżi jridu jiżviluppaw programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja (NAPCP) u jaġġornawhom mill-inqas kull 4 snin, peress li huma l-istrument ewlieni ta’ governanza biex jintlaħqu l-impenji għat-tnaqqis tad-Direttiva NEC. L-Istati Membri kollha li ppreżentaw l-ewwel NAPCP tagħhom sal-iskadenza tar-rapportar tal-2019 iridu jirrapportaw pjan aġġornat fl-2023, u jippreżentaw miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom. L-Istati Membri li għalihom l-ewwel NAPCP jew l-aktar data reċenti tindika li ma humiex se jissodisfaw l-impenji stabbiliti għat-tnaqqis iridu jaġġornaw ukoll il-miżuri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.

    Id-data dwar l-emissjonijiet tal-2020 sottomessa mill-Istati Membri fl-2022 tenfasizza wkoll li diversi Stati Membri jeħtieġ li jiksbu tnaqqis drammatiku fl-emissjonijiet ta’ diversi sustanzi niġġiesa sabiex jissodisfaw l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet aktar ambizzjużi għall-2030 ’il quddiem. L-analiżi tal-EEA 19 turi li, bejn l-2020 u l-2030, seba’ u tmien Stati Membri jeħtieġu li l-emissjonijiet tagħhom ta’ PM2,5 jonqsu b’aktar minn 30 %, filwaqt li tmien Stati Membri jeħtieġu li l-emissjonijiet tagħhom ta’ NOx jonqsu bi 30 %. Għall-emissjonijiet tal-NMVOC u tal-ammonijaka, 10 u 11-il Stat Membru rispettivament, jeħtieġ li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b’aktar minn 10 % sal-2030. Għal darb’oħra, dan ifisser li jridu jistabbilixxu politiki u miżuri addizzjonali, aktar stretti u effettivi.

    Fir-rigward tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali, minn Ottubru 2022, kien hemm 28 każ ta’ ksur li għadhom għaddejjin miftuħa minħabba qabżiet fl-istandards tal-kwalità tal-arja fi 18-il Stat Membru. Il-proċedimenti quddiem kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kif ukoll il-qrati nazzjonali jikkonfermaw li f’ħafna każijiet, il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja ma kinux adegwati u/jew ġew adottati miżuri insuffiċjenti biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja.

    2.3.Rabtiet bejn il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali u l-implimentazzjoni kontinwa tad-Direttiva NEC

    B’segwitu għall-impenn tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, fis-26 ta’ Ottubru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali. L-għan kien li progressivament jinkiseb allinjament sħiħ tal-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE mar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO, jittejjeb il-qafas regolatorju u jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, l-immudellar u l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja. Ir-reviżjoni tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni tal-2019 (“kontroll tal-idoneità”) tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali.

    Fir-rigward tar-rabta mad-Direttiva NEC, il-proposta tinkludi l-monitoraġġ ta’ sustanzi niġġiesa ta’ tħassib emerġenti, inkluż l-ammonijaka, f’“supersiti ta’ monitoraġġ” f’postijiet ta’ sfond urban u rurali. Il-monitoraġġ f’postijiet urbani se jkun komplementari għall-monitoraġġ tal-ekosistema tal-ammonijaka skont id-Direttiva NEC, filwaqt li l-monitoraġġ f’postijiet rurali jista’ jikkoinċidi mal-monitoraġġ stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva NEC. Il-proposta tissimplifika wkoll ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għall-ożonu. Ir-reviżjoni għandha l-għan li żżid l-effettività tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, inkluż billi tirrikjedi li l-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jitfasslu qabel ma jidħlu fis-seħħ l-istandards tal-kwalità tal-arja, f’każijiet fejn dawn l-istandards jinqabżu qabel l-2030, u billi jawtorizzaw aġġornamenti regolari tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja jekk ma jilħqux il-konformità. Dawn il-bidliet se jrawmu ppjanar tal-kwalità tal-arja li jħares ’il quddiem, li għalhekk jista’ jiġi kkoordinat b’mod aktar effettiv mal-programmi nazzjonali għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja (NAPCPs). Ir-rapportar tal-impatti fuq l-ekosistemi u tal-NAPCPs skont id-Direttiva NEC jista’ jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-identifikazzjoni tal-oriġini tat-tniġġis, li huwa rekwiżit importanti għal pjanijiet effettivi dwar il-kwalità tal-arja.

    Ladarba tiġi implimentata, din il-proposta se ssaħħaħ il-ħtieġa li l-Istati Membri jnaqqsu ulterjorment l-emissjonijiet tagħhom ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja sabiex jilħqu l-istandards il-ġodda u aktar ambizzjużi tal-kwalità tal-arja. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi tad-Direttiva NEC. L-impatti ta’ standards tal-kwalità tal-arja aktar ambizzjużi fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja u fuq is-saħħa, l-ekosistemi u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħhom ġew analizzati fil-valutazzjoni tal-impatt li tirfed il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent. It-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tibni fuq din l-analiżi u tikkomplementaha billi żżid xi mmudellar u żviluppi ta’ politika aktar reċenti (ara l-Anness) u tbassar sitwazzjonijiet taħt bosta xenarji potenzjali għall-futur.

    3.L-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC

    3.1.Bidliet fil-leġiżlazzjoni rilevanti u fil-kuntest tal-politika

    F’Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat il-pakkett Lesti għall-mira ta’ 55 % ta’ proposti leġiżlattivi sabiex tiżdied l-ambizzjoni klimatika tal-UE. Din żiedet il-mira li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Dan huwa konsistenti mal-għan ewlieni tal-UE li ssir newtrali għall-klima sal-2050. Il-miżuri fil-proposti tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” se jintroduċu kobenefiċċji għall-kwalità tal-arja billi jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa ewlenin tal-arja (PM2,5, NOx u SO2), meta mqabbla mas-sitwazzjoni b’politika dwar il-klima u l-enerġija li ntlaħaq qbil dwarha preċedentement (li kienet il-bażi tat-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa) 20 .

    Fir-rigward tat-trasport, il-proposta għal standard tal-emissjonijiet Euro 7 tindirizza l-emissjonijiet minn żbokkijiet tal-egżost kif ukoll minn brejkijiet u tajers għal vetturi ħfief u tqal ġodda. L-istandards riveduti proposti tas-CO2 għall-karozzi se jipprojbixxu l-bejgħ ta’ karozzi u vannijiet b’magni tal-kombustjoni mill-2035 21 . Miżuri oħrajn fis-settur tat-trasport, aktar marbuta mat-tibdil fl-imġiba u mal-azzjoni fil-livell lokali, ma setgħux jiġu riflessi fil-mudell.

    Fl-aħħar nett, regoli proposti ġodda skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) se jsaħħu r-rabtiet mal-innovazzjoni u t-trasformazzjoni industrijali, se jagħmlu r-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-permessi u dwar l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet aktar stretti, u se jsaħħu l-infurzar filwaqt li jżidu l-livell ta’ informazzjoni pubblika, parteċipazzjoni u aċċess għall-ġustizzja. Dawn jestendu l-installazzjonijiet koperti għall-industrija tal-estrazzjoni, il-gigafactories tal-batteriji u għall-azjendi agrikoli kbar tal-bhejjem tal-ifrat, kif ukoll għal aktar azjendi agrikoli tal-ħnieżer u tat-tjur (li flimkien jirrappreżentaw 13 % tal-azjendi agrikoli mhux ta’ sussistenza fl-UE, li huma responsabbli għal 60 % tal-emissjonijiet tal-ammonijaka u 43 % tal-emissjonijiet tal-metan mill-bhejjem tal-UE). Il-linja bażi ta’ din it-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa għalhekk tinkludi elementi tal-proposta tal-IED dwar l-estensjoni proposta biex tkopri aktar azjendi agrikoli tal-bhejjem 22 .

    3.2.Prospetti għall-kisba tal-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fid-Direttiva NEC għall-2030 u lil hinn minnha

    Skont ir-riżultati tat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, fl-2030 ħames Stati Membri biss 23 jinsabu fit-triq it-tajba biex jiksbu l-impenji kollha tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, skont il-miżuri nazzjonali attwali u l-leġiżlazzjoni tal-UE u sakemm il-proposti leġiżlattivi msemmija hawn fuq mill-Kummissjoni jiġu adottati u implimentati (dan huwa x-xenarju ta’ politika “bażi” 24 ). L-Istati Membri l-oħrajn kollha jeħtieġ li jieħdu miżuri addizzjonali biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ għall-emissjonijiet tal-ammonijaka, li għalihom 20 Stat Membru jeħtieġ li jżidu l-azzjoni biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom sal-2030. It-Tabella 1 turi li l-Istati Membri huma mbassra li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal kull sustanza niġġiesa. Dawn ir-riżultati tal-immudellar li jħarsu ’l quddiem jikkonfermaw ix-xejra osservata fid-data analizzata mill-EEA (ara t-Taqsima 2.2).

    Meta wieħed iħares lejn l-immudellar għal-livelli ta’ emissjonijiet fl-2025 u lejn jekk l-Istati Membri jinsabux fuq trajettorja lineari 25 sabiex jilħqu l-impenji ta’ tnaqqis aktar ambizzjużi tagħhom għall-2030, seba’ Stati Membri biss 26 huma mbassra li jkunu fit-triq it-tajba sabiex inaqqsu b’mod adegwat il-ħames sustanzi niġġiesa kollha. L-azzjoni trid tittieħed malajr ħafna mill-bqija tal-Istati Membri, b’mod partikolari sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka peress li 19-il Stat Membru ma humiex mistennija li jkunu fuq trajettorja lineari fl-2025.

    Il-prospetti ta’ konformità jitjiebu fix-xenarju li l-popolazzjoni tal-UE gradwalment tgħaddi għal dieta primarjament veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam 27 . Dan huwa partikolarment tajjeb għall-emissjonijiet tal-ammonijaka, b’disa’ Stati Membri addizzjonali matul iż-żmien biex jissodisfaw l-impenji ta’ tnaqqis fl-2030 meta mqabbla mal-linja bażi, li jwassal għal 16-il Stat Membru li huma f’konformità 28 . Taħt ix-xenarju bi standards tal-kwalità tal-arja aktar stretti madwar l-UE kollha għall-PM2,5 b’10 µg/m3 f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni (“xenarju ta’ standards tal-kwalità tal-arja aktar stretti”), żewġ Stati Membri oħrajn jissodisfaw l-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka (li jilħqu 18-il Stat Membru), u dan itejjeb il-prospetti ta’ konformità għall-NMVOC u għall-PM2,5. L-użu tal-miżuri tekniċi kollha disponibbli 29 jippermetti lill-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji tagħhom għall-2030, ħlief għal wieħed għall-NOx.



    Tabella 1: L-Istati Membri mbassra li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet

    Xenarju

    Sena

    NH3

    NMVOC

    NOx

    PM2,5

    SO2

    Linja bażi

    2025

    BG, CZ, DK, DE, EE, IE, ES, FR, CY, LV, LT, LU, HU, AT, PL, PT, RO, SK, SE

    LT

    LV, LT

    HU, RO, SI

    -

    Linja bażi

    2030

    BE, BG, CZ, DK, DE, IE, ES, FR, HR, CY, LV, LT, LU, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SK

    ES, LT, HU, SI

    MT

    DK, ES, HU, SI

    -

    Standards tal-kwalità tal-arja aktar stretti

    2030

    CZ, DK, DE, IE, CY, LV, LT, LU, AT

    -

    MT

    -

    -

    Il-miżuri tekniċi kollha

    2030

    -

    -

    MT

    -

    -

    Sors: Kompilazzjoni proprja bbażata fuq ir-riżultati tal-immudellar tal-IIASA (2022).

    Nota: Għall-2025, il-valutazzjoni ssir skont it-trajettorja ta’ tnaqqis lineari, kif huwa spjegat fin-nota 25 f’qiegħ il-paġna. “-” tfisser li l-Istati Membri kollha huma mbassra li jilħqu l-miri.

    3.3.L-impatti tat-titjib tal-firxa ta’ emissjonijiet koperti fuq il-kisba tal-impenji skont id-Direttiva NEC

    L-immudellar li jirfed din l-edizzjoni tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa jinkorpora karatteristiċi ġodda li għandhom l-għan li jġibu r-riżultati eqreb lejn il-kundizzjonijiet tal-ħajja reali 30 .

    B’mod partikolari, l-immudellar issa jista’ jinkorpora b’mod sistematiku l-emissjonijiet ta’ materja partikolata kondensabbli għas-setturi ewlenin kollha. Dawn huma emissjonijiet inizjalment f’forma ta’ fwar (ġewwa jew qrib iċ-ċumnija) li jinbidlu f’materja partikolata meta jiġu skarikati fl-arja ambjentali. Huwa importanti li dawn l-emissjonijiet jiġu inklużi peress li jżidu mal-kwalità baxxa tal-arja li nieħdu man-nifs. 31 Ma kienx possibbli li dan isir b’mod sistematiku u għas-setturi kollha tal-emissjonijiet fil-passat 32 , iżda sejbiet ġodda 33 tejbu d-disponibbiltà tad-data. Dan huwa partikolarment importanti għas-settur tat-tisħin domestiku, fejn l-inklużjoni ta’ materja partikolata kondensabbli tista’ tibdel, għal xi Stati Membri, il-firxa ta’ azzjoni meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fil-ħajja reali. Għalhekk tista’ wkoll tibdel il-qasma tat-tnaqqis tal-emissjonijiet bejn is-setturi ekonomiċi, u b’hekk iżżid is-sehem relattiv tat-tisħin domestiku fl-emissjonijiet.

    Meta jitqabblu l-emissjonijiet tal-linja bażi bl-inklużjoni sistematika tal-PM kondensabbli jew mingħajrha fil-mudell 34 , hemm bidliet sinifikanti fi ftit Stati Membri (b’mod partikolari l-Awstrija u l-Ġermanja). Meta wieħed iqabbel l-impatti f’livell ġeografikament diżaggregat, jirriżulta li l-konċentrazzjonijiet tal-PM2,5 jinbidlu biss marġinalment fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. Madankollu, dan għandu impatt qawwi f’xi żoni, inklużi xi wħud fejn it-tisħin residenzjali għandu rwol ewlieni (eż. il-Finlandja u l-Estonja, fejn il-konċentrazzjonijiet huma ġeneralment baxxi), u parti mill-Ewropa ċentrali, eż. l-Awstrija u l-Ġermanja, li tradizzjonalment ma jinkludux il-PM kondensabbli fid-data nazzjonali tagħhom dwar l-emissjonijiet tal-PM2,5 35 . Iżda dawn il-bidliet ma jaffettwawx il-prospetti ta’ kwalunkwe Stat Membru li jissodisfa l-impenji tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-PM2,5.

    Titjib ieħor fl-immudellar tal-emissjonijiet fid-dinja reali huwa li jiġu inklużi l-emissjonijiet tal-NOX u tal-NMVOC mill-agrikoltura. Dawn l-emissjonijiet bħalissa huma esklużi mill-kontrolli tal-konformità skont id-Direttiva NEC 36 minħabba n-nuqqas ta’ data affidabbli biżżejjed meta ġew stabbiliti l-impenji. Data aktar reċenti issa tippermetti li din l-informazzjoni tiġi inkorporata fil-mudelli 37 . Dan jibdel l-istatus ta’ konformità mbassar f’diversi Stati Membri. Meta jiġu inklużi l-emissjonijiet tal-NOX mill-agrikoltura, il-prospetti ta’ konformità mal-impenji ta’ tnaqqis tal-2030 taħt il-linja bażi jmorru għall-agħar, minn Stat Membru wieħed biss (MT) li għadu lura milli jissodisfa l-impenn għal sebgħa (CZ, DK, HU, IE, LT, MT, RO). Meta jiġu inklużi l-emissjonijiet tal-NMVOC mill-agrikoltura, il-prospetti tal-2030 ta’ nuqqas ta’ konformità taħt il-linja bażi għall-2030 imorru għall-agħar minn erba’ Stati Membri (HU, LT, SI, ES) għal tmien Stati Membri (CZ, FR, HU, IE, LT, LU, SI, ES). Dan juri li hija meħtieġa azzjoni addizzjonali f’diversi Stati Membri sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-mitigazzjoni. Fix-xenarju li jassumi l-istandards tal-kwalità tal-arja aktar stretti proposti reċentement, il-prospetti ta’ konformità tad-Direttiva NEC huma affettwati inqas b’mod sever mill-inklużjoni ta’ dawn is-sorsi ta’ emissjonijiet agrikoli.

    Dawn ir-riżultati relatati mar-rappreżentanza aħjar tal-PM kondensabbli u tal-emissjonijiet agrikoli jistgħu jikkontribwixxu għar-rieżami tad-Direttiva NEC li għandu jitlesta sal-2025.

    4.Prospetti għall-ilħuq ta’ objettivi ta’ tniġġis żero relatati mal-arja

    4.1.Il-miri tal-UE għall-arja nadifa għall-2030 fil-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero

    Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero jinkludi żewġ miri fil-livell tal-UE għall-2030 relatati mal-arja nadifa:

    1)jitnaqqsu b’aktar minn 55 % l-impatti fuq is-saħħa (espressi bħala mwiet prematuri) tat-tniġġis tal-arja meta mqabbla maċ-ċifri tal-2005;

    2)jitnaqqsu b’25 % taż-żona tal-ekosistema tal-UE fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità, espressa bħala żoni tal-ekosistema ’l fuq minn “tagħbijiet kritiċi” tad-depożizzjoni tan-nitroġenu (meta mqabbla maċ-ċifri tal-2005).

    Fix-xenarju bażi, l-UE b’mod ġenerali tilħaq il-mira ta’ tniġġis żero biex tnaqqas l-impatti fuq is-saħħa, bi tnaqqis stmat ta’ 66 % fl-għadd ta’ mwiet prematuri bejn l-2005 u l-2030. Madankollu, din tilħaq il-mira tal-ekosistemi biss fl-2040 38 , u tikseb biss tnaqqis ta’ 20 % f’żoni f’riskju bejn l-2005 u l-2030. L-ilħuq tal-istandards il-ġodda tal-kwalità tal-arja jippermetti lill-UE tilħaq din il-mira fl-2030 u jwassal kemm għal benefiċċji għas-saħħa kif ukoll għall-bijodiversità.

    4.1.1.Il-mira relatata mas-saħħa u l-impatti ġenerali fuq is-saħħa fix-xenarji kollha

    Konċentrazzjoni ta’ sfond tas-sustanzi niġġiesa tal-arja u l-esponiment tal-popolazzjoni

    Fix-xenarju bażi, il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa diġà jonqsu maż-żmien u, sal-2030, l-ebda żona fl-UE ma hija mbassra li taqbeż l-20 µg/m3 għall-PM2,5. Madankollu, żoni kbar huma mbassra li jkollhom livelli ta’ konċentrazzjoni tat-tniġġis ogħla mil-linja gwida tad-WHO dwar il-kwalità tal-arja ta’ 5 µg/m3 fl -2030 u anke fl-2050.

    It-tisrif tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ sfond f’impatti fuq is-saħħa tal-popolazzjoni tal-UE juri li l-għadd ta’ persuni li jibbenefikaw minn arja nadifa huwa mistenni li jiżdied b’mod konsiderevoli (l-Illustrazzjoni 2) 39 . Filwaqt li dan ikun titjib sinifikanti, huwa meħtieġ impenn ta’ politika ulterjuri sabiex jiġu limitati l-impatti negattivi fuq is-saħħa mill-esponiment ’il fuq mil-linji gwida tad-WHO tal-2021 ukoll għall-bqija (bejn wieħed u ieħor) tan-nofs tal-popolazzjoni tal-UE.

    B’bidla madwar l-UE għal dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam, huma mistennija xi benefiċċji f’termini ta’ esponiment imnaqqas għall-PM2,5 minħabba t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-ammonijaka, li jikkontribwixxi għall-formazzjoni ta’ PM sekondarju. Meta mqabbel mal-linja bażi, l-għadd ta’ persuni mbassra li jibbenefikaw minn arja nadifa f’konformità mal-linji gwida tad-WHO jiżdied b’madwar 5-7 miljun fl-2030 u b’madwar 10 miljun fl-2050.

    Ir-riżultati jvarjaw għal pajjiżi individwali, għalkemm kollha huma mbassra li jaraw titjib kostanti kemm fil-konċentrazzjonijiet ta’ sfond kif ukoll fl-esponiment relatat tal-popolazzjoni (kif huwa diskuss aktar fl-IIASA, 2022).

    Illustrazzjoni 2: Il-popolazzjoni tal-EU-27 esposta għal konċentrazzjonijiet differenti ta’ PM2,5

    Sors: IIASA (2022)

    Nota: L-OPT10 jindika x-xenarju tal-“istandards tal-kwalità tal-arja aktar stretti” (bħal fil-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali), l-MTFR jirrigwarda x-xenarju tal-“miżuri tekniċi kollha”, iż-ZPAP jirrigwarda x-xenarju li jottimizza għall-ilħuq tal-mira ta’ tniġġis żero relatata mal-ekosistema, il-FlexDiet jindika x-xenarju ta’ dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam.

    Bħalissa, ftit aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f’żoni b’livelli ta’ tniġġis tal-NO2 taħt il-linji gwida tad-WHO ta’ 10 µg/m3. Sal-2030, dan huwa mistenni li jaqbeż il-75 % fix-xenarji kollha, u jilħaq ftit aktar minn 80 % jekk jiġu implimentati l-miżuri tekniċi kollha. Sal-2050, fix-xenarji kollha, aktar minn 95 % tal-popolazzjoni tal-UE hija mistennija li tgħix f’żoni fejn it-tniġġis jibqa’ taħt il-livell rakkomandat tad-WHO għall-NO2.

    Imwiet prematuri u l-ilħuq tal-mira ta’ tniġġis żero

    L-imwiet prematuri 40 minħabba l-esponiment għall-PM2,5 huma mbassra li jonqsu b’madwar 60-75 %, meta mqabbla maċ-ċifri tal-2005, fix-xenarji kollha (inkluża l-linja bażi) fl-2030 u fl-2050. L-imwiet prematuri se jonqsu aktar malajr jekk jiġu ssodisfati standards aktar stretti dwar il-kwalità tal-arja u jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha 41 . Sakemm il-politiki kollha inklużi fil-linja bażi jkollhom ir-riżultati maħsuba, l-UE hija mistennija li tilħaq il-mira tas-saħħa ta’ tniġġis żero b’marġni komdu fl-2030. Ix-xenarju li fih il-popolazzjoni tal-UE se taqleb għal dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam iwassal għal tnaqqis stmat ulterjuri ta’ 2 000 mewta prematura fis-sena fl-2030.

    Illustrazzjoni 3: Każijiet ta’ mwiet prematuri attribwibbli għall-esponiment għall-konċentrazzjonijiet totali ta’ PM2,5 fl-EU-27, f’eluf ta’ każijiet fis-sena

    Sors: IIASA (2022)

    Nota: Il-55 % immarkati jirreferu għall-mira ta’ Tniġġis Żero.

    F’ċifri assoluti 42 , filwaqt li dan it-tbassir juri li għandu jinkiseb titjib sinifikanti matul ix-xenarju bażi, xorta jfisser madwar 200 000 mewta prematura stmata minħabba l-esponiment għall-PM2,5 fl-2030. Standards tal-kwalità tal-arja aktar stretti jnaqqsu dan għal 177 000 fl-2030, bi tnaqqis ulterjuri miksub bit-teħid tal-miżuri tekniċi kollha 43 .

    Minbarra dawn, l-esponiment għan-NO2 huwa mbassar li jikkawża madwar 60 000 mewta prematura fil-linja bażi fl-2030, bi ftit varjazzjoni fix-xenarji, għalkemm dan jonqos bin-nofs sal-2050. L-esponiment għall-ożonu fil-livell tal-art huwa mistenni li jikkawża madwar 50 000 mewta prematura fil-linja bażi fl-2030.

    4.1.2.Il-mira relatata mal-ekosistema u l-impatti ġenerali fuq l-ekosistema

    It-tniġġis tal-arja jaffettwa s-saħħa tal-ekosistema permezz tal-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-impatti fuq l-ożonu. Ir-riżultati tal-immudellar 44 juru titjib sinifikanti maż-żmien fir-rigward tal-aċidifikazzjoni: skont ix-xenarju bażi, sal-2030, inqas minn 3 % taż-żona tal-ekosistema fl-UE ġġarrab depożizzjoni tal-aċidu li taqbeż it-tagħbijiet kritiċi, meta mqabbla ma’ 15 % fl-2005. Dan juri l-benefiċċji tat-tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-SO2 li diġà nkiseb matul l-aħħar deċennji. Dawn il-benefiċċji jkunu saħansitra akbar jekk jiġu stabbiliti standards aktar stretti dwar il-kwalità tal-arja, jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha, jew il-popolazzjoni tal-UE teqleb għal dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam.

    Madankollu, meta wieħed iħares lejn l-impatti tal-ewtrofikazzjoni tat-tniġġis tal-arja 45 , is-sitwazzjoni hija inqas pożittiva. Dan huwa marbut mat-tbassir attwali li l-UE ma hijiex se tilħaq il-mira tal-ekosistema ta’ tniġġis żero fl-ambitu tal-politiki bażi biss. F’dan ix-xenarju, 68 % taż-żona tal-ekosistema tal-UE xorta ġġarrab ewtrofikazzjoni fl-2030 (meta mqabbla ma’ 86 % fl-2005). Taħt l-istess kundizzjonijiet bażi, iż-żoni protetti jkomplu jiġu affettwati ħafna fl-2030, b’59 % taż-żoni ta’ Natura 2000 li jġarrbu ewtrofikazzjoni. Jekk jiġu stabbiliti standards aktar stretti dwar il-kwalità tal-arja jew jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha, is-sehem tal-ekosistema tal-UE li tkun qiegħda ġġarrab l-ewtrofikazzjoni jaqa’ għal 61 % u 56 % rispettivament, u għal 51 % u 46 % fiż-żoni ta’ Natura 2000 sal-2030.

    Illustrazzjoni 4: Iż-żona tal-ekosistema fl-EU-27 fejn jinqabżu t-tagħbijiet kritiċi għall-ewtrofikazzjoni

    Sors: IIASA (2022)

    Nota: Il-25 % immarkati jindikaw il-mira ta’ tniġġis żero.

    Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida tal-ewtrofikazzjoni, tintlaħaq il-mira ta’ żero tniġġis tal-ekosistema u jinkisbu l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka tal-NEC, u sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura, l-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu miżuri addizzjonali sabiex jillimitaw l-emissjonijiet tal-ammonijaka mis-settur agrikolu, peress li l-ammonijaka hija s-sustanza niġġiesa bl-akbar impatt fuq l-ekosistemi. L-aħjar sett ta’ miżuri sabiex tintlaħaq il-mira ta’ tniġġis żero huwa relatat ma’ ġestjoni u applikazzjoni aktar effiċjenti tad-demel mill-bhejjem tal-ifrat, mill-ħnieżer u mit-tjur u ta’ fertilizzanti minerali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka.

    Dawn il-miżuri stabbiliti sew (riflessi fid-Direttiva NEC jew bħala miżuri obbligatorji jew volontarji) 46  iżidu b’mod sinifikanti wkoll il-prospetti li jiġu ssodisfati l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka mid-Direttiva NEC, b’inqas Stati Membri li huma mbassra li ma jiksbux l-impenji ta’ tnaqqis fl-2030 (mill-20 sal-7). Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex iżidu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri billi:

    jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex ċerti prattiki agrikoli jsiru vinkolanti;

    jippromwovu dawn il-prattiki permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni u ta’ żieda fis-sensibilizzazzjoni, inkluż permezz ta’ pariri dwar l-azjendi agrikoli fl-ambitu tal-politika agrikola komuni l-ġdida.

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li jieħdu miżuri oħrajn sabiex itejbu l-ġestjoni tan-nutrijenti u jevitaw it-telf tan-nutrijenti li jwassal għat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, filwaqt li jieħdu approċċ integrat għan-nitroġenu, b’mod partikolari mill-agrikoltura. Dan huwa konformi mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, mad-Direttiva dwar in-Nitrati u mal-pjan ta’ azzjoni għall-ġestjoni integrata tan-nutrijenti li ġej.

    4.2.Impatti ekonomiċi

    L-impatti ekonomiċi tat-tniġġis tal-arja huma numerużi. Il-maġġoranza l-kbira tal-impatti ma humiex riflessi fil-prezzijiet tas-suq, b’mod partikolari l-effetti diretti fuq is-saħħa 47 tat-tniġġis iżda fil-ħsara lill-ekosistemi (inklużi ż-żoni agrikoli u l-foresti) u l-materjali mit-tniġġis tal-arja jiġġeneraw ukoll kostijiet. Hemm ukoll impatti indiretti tat-tniġġis tal-arja, inklużi xi konsegwenzi makroekonomiċi riflessi fil-prezzijiet tas-suq. Għalhekk, il-kostijiet tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja għandhom jiġu ppeżati mal-benefiċċji li jintroduċu dawn il-miżuri fis-soċjetà, billi jiġi attribwit valur monetarju għal dawn il-benefiċċji 48 .

    Fix-xenarju bażi, id-danni għas-saħħa kkawżati mil-livelli tat-tniġġis tal-arja ogħla mil-linji gwida tad-WHO 49 huma stmati li jvarjaw minn EUR 114 sa 384 biljun fis-sena fl-2030. Huma stmati li jonqsu għal bejn EUR 44 sa 169 biljun sal-2050 50 , hekk kif l-esponiment tal-popolazzjoni għat-tniġġis tal-arja jonqos. Skont ix-xenarji bi standards aktar stretti tal-kwalità tal-arja jew il-miżuri tekniċi kollha meħuda, id-danni għas-saħħa huma mistennija li jonqsu b’mill-inqas 30 % meta mqabbla mal-linja bażi, kemm għall-perjodi ta’ żmien tal-2030 kif ukoll għall-2050. Il-kombinazzjoni tal-miżuri tekniċi kollha disponibbli mal-bidla fid-dieta tnaqqas id-danni għas-saħħa għall-inqas valur.

    Il-kost ekonomiku tad-danni għall-ekosistema minħabba t-tniġġis tal-arja 51 ivarja minn EUR 3,6 sa 10,8 biljun fl-2030. Dan huwa mistenni li jonqos biss marġinalment għal EUR 3,1 sa 9,2 biljun sal-2050, u dan jirrifletti l-uniku tnaqqis modest fiż-żoni ta’ Natura 2000 soġġetti għall-ewtrofikazzjoni taħt il-linja bażi. Madankollu, is-sitwazzjoni titjieb b’mod sinifikanti jekk jiġu segwiti politiki aktar ambizzjużi dwar l-arja nadifa. Il-kost tad-danni għall-għelejjel u lill-foresti huwa stmat għal EUR 8,9 u 8,7 biljun fl-2030 rispettivament taħt il-linja bażi, u jonqos biss marġinalment taħt xenarji aktar ambizzjużi ta’ arja nadifa. Fil-fatt, dawn l-ekosistemi huma affettwati l-aktar mill-ożonu, li jitnaqqas biss indirettament fix-xenarji previsti.

    Il-kost ekonomiku tad-danni għall-materjali minħabba t-tniġġis tal-arja huwa stmat li jilħaq EUR 676 u EUR 444 miljun fl-2030 u fl-2050, rispettivament, fix-xenarju bażi.

    Meta mqabbla mal-politiki attwali, ix-xenarji differenti huma mbassra li jiġġeneraw livelli differenti ta’ benefiċċji mhux tas-suq u livelli differenti ta’ kostijiet addizzjonali għall-miżuri meħtieġa għat-tnaqqis tat-tniġġis. L-għażla tax-xenarji aktar ambizzjużi tal-arja nadifa (l-istabbiliment ta’ standards aktar stretti dwar il-kwalità tal-arja, it-teħid tal-miżuri tekniċi kollha jew l-implimentazzjoni tal-aħjar miżuri sabiex jintlaħqu l-miri ta’ tniġġis żero) dejjem tintroduċi benefiċċji diretti netti (benefiċċji bi tnaqqis tal-kostijiet) meta mqabbla max-xenarju bażi 52 .

    Il-miżuri għall-kontroll tat-tniġġis tal-arja u l-effetti pożittivi tagħhom fuq il-kwalità tal-arja għandhom ukoll effetti makroekonomiċi usa’ 53 riflessi fis-suq. Il-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis jiġġeneraw kemm kost għal xi setturi kif ukoll opportunità ta’ negozju għal oħrajn, filwaqt li l-kwalità tal-arja għandha impatti kemm fuq il-produttività tax-xogħol kif ukoll tal-għelejjel u għalhekk fuq l-ekonomija kollha kemm hi. Abbażi ta’ suppożizzjonijiet riċenti dwar l-effetti fuq il-produttività tax-xogħol 54 , ix-xenarji kollha mtejba tal-arja nadifa jżidu l-PDG tal-UE fl-2030 b’0,26 sa 0,28 % meta mqabbel max-xenarju bażi, u dan juri l-effetti ekonomiċi pożittivi prevalenti tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tniġġis.

    Id-distribuzzjoni settorjali tal-effetti turi li, fl-2030, is-settur agrikolu biss ikollu impatti negattivi ta’ livell baxx meta jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha (madwar 2 % agħar milli fix-xenarju bażi, u speċjalment fis-settur tal-bhejjem). Fix-xenarju bi standards aktar stretti tal-kwalità tal-arja, l-effett nett fuq is-setturi kollha (inkluża l-agrikoltura) huwa pożittiv.

    Illustrazzjoni 5: L-effetti makroekonomiċi tas-suq tax-xenarji tal-politika dwar l-arja nadifa, f’bidla f’% fil-PDG tal-UE meta mqabbel max-xenarju bażi

    Sors: IIASA (2022) abbażi ta’ mmudellar tal-JRC, ibbażat fuq suppożizzjonijiet tal-OECD 2019 dwar il-produttività tax-xogħol.

    5.L-impatti tal-arja nadifa tal-Avvenimenti ġeopolitiċi riċenti u tal-kriżi tal-enerġija

    L-aggressjoni militari mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għal tfixkil kbir fis-sistema Ewropea tal-enerġija, u kienet tirrikjedi azzjoni kollettiva immedjata. Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan tagħha dwar ir-REPowerEU 55 sabiex ittemm id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-faħam mir-Russja, filwaqt li tibni fuq il-proposti tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan il-pjan ippreżenta miżuri addizzjonali li jikkombinaw investimenti intelliġenti u riformi sabiex tiġi ffrankata malajr l-enerġija għall-unitajiet domestiċi, għan-negozji u għall-industrija, u sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa inkluż billi jiġu proposti miri ogħla għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika għall-2030 56 .

    Bħala parti mit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, il-Kummissjoni ttestjat projezzjonijiet dwar it-taħlita tal-enerġija tal-UE li jinkorporaw, minbarra l-miżuri inklużi fix-xenarju bażi, il-konsegwenzi potenzjali tal-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili mir-Russja u l-miżuri ewlenin tar-REPowerEU mħabbra dak iż-żmien 57 , biex jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq it-tniġġis tal-arja.

    Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni ressqet ukoll miżuri ta’ emerġenza biex tkompli tnaqqas il-konsum tal-enerġija fuq medda qasira ta’ żmien 58 u tagħti spinta lill-iżvilupp rapidu meħtieġ tal-enerġija rinnovabbli 59 . It-tbassir imsemmi hawn fuq ma jqisx dawk l-aħħar miżuri u l-bidliet rapidi potenzjali li jistgħu jiġu skattati, b’mod partikolari l-bidliet fl-imġiba u l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli.

    Abbażi ta’ dan it-tbassir, it-tnaqqis imbassar fl-użu ġenerali tal-enerġija tal-UE huwa ta’ rilevanza għall-kwalità tal-arja flimkien ma’ tnaqqis qawwi fl-użu tal-gass naturali, ikkumpensat minn żieda enormi fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-idroġenu. Meta mqabbel max-xenarju bażi, il-konsum globali tal-bijomassa solida f’dan ix-xenarju bħalissa huwa mistenni li jibqa’ pjuttost stabbli fl-2030, bi tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fl-2050. It-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika u l-ixprunar tal-investiment f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli jwasslu għal kobenefiċċji tal-arja nadifa.

    Madankollu, il-kriżi attwali tal-enerġija hija mistennija wkoll twassal għal estensjoni ta’ xi kapaċitajiet eżistenti tal-faħam, skont is-sitwazzjoni speċifika tal-Istati Membri u t-taħlita tal-enerġija attwali tagħhom, kif ukoll il-veloċità tal-użu ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija. Dan il-potenzjal temporanju ta’ rkupru fl-użu tal-faħam għandu l-effett oppost fuq l-arja nadifa. Minħabba dawn il-bidliet imbassra fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, u fin-nuqqas ta’ azzjoni politika ulterjuri tal-UE sabiex tinkiseb arja nadifa, il-projezzjonijiet jindikaw li l-kwalità tal-arja se tmur għall-agħar għal madwar 2 % tal-popolazzjoni tal-UE fl-2030 meta mqabbla max-xenarju bażi, u mbagħad titjieb kemxejn f’termini tas-sehem tal-popolazzjoni tal-UE li tibbenefika minn arja nadifa sal-2050, minħabba t-tnedija aċċellerata tal-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u l-użu aktar baxx tal-bijomassa solida, taż-żejt u tal-gass. Kollox ma’ kollox, meta mqabbel max-xenarju bażi, dan ix-xenarju alternattiv huwa stmat li jirriżulta f’għadd ftit ogħla ta’ mwiet prematuri fl-2030, iżda mbagħad fi tnaqqis akbar sal-2050, f’konformità max-xejriet osservati għal-livelli ta’ konċentrazzjoni tat-tniġġis imbassra.

    Hemm differenzi ġeografiċi f’dawn l-impatti madwar l-UE 60 . Dan l-impatt negattiv fuq perjodu medju ta’ żmien ikun jeħtieġ li l-UE tieħu miżuri xierqa ta’ tnaqqis sabiex tevita li ddgħajjef l-ilħuq tal-objettivi dwar l-arja nadifa u obbligi legali. Il-kost tad-danni relatati mas-saħħa u l-materjali huwa kemxejn ogħla (3-4 % għas-saħħa u 14 % għall-materjal) fl-2030 taħt dan il-każ milli fil-linja bażi, iżda kemxejn aktar baxx sal-2050.

    Fir-rigward tal-prospetti ta’ konformità tad-Direttiva NEC, is-sustanza niġġiesa ewlenija li għandha tiġi kkunsidrata għall-bidliet fit-taħlita tal-enerġija hija l-PM2,5 61 . Meta mqabbel mal-prospetti ta’ konformità skont il-politiki attwali (it-Taqsima 3.2), Stat Membru addizzjonali wieħed ikun lil hinn mit-trajettorja ta’ tnaqqis lineari fl-2025 (DK), filwaqt li l-istess erba’ Stati Membri bħal fix-xenarju bażi huma mistennija li ma jiksbux l-impenn ta’ tnaqqis tagħhom għall-2030 (DK, HU, SI, ES).

    B’mod ġenerali, il-pjan REPowerEU ġie adottat b’reazzjoni għall-ħtieġa li titħaffef drastikament it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u li tiżdied l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa minn fornituri mhux affidabbli u fjuwils fossili volatili, u dan jintroduċi benefiċċji fit-tul għall-arja nadifa. Madankollu, fuq medda qasira ta’ żmien, iż-żieda mbassra fl-użu tal-faħam sabiex tiġi kkumpensata l-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu, speċjalment f’xi reġjuni tal-UE, twassal għal żieda fit-tniġġis tal-arja u b’hekk għal danni ogħla għas-saħħa milli fix-xenarju bażi, li jwasslu għal anqas benefiċċji tal-arja nadifa wkoll. Madankollu, l-impatti negattivi fuq l-arja nadifa fuq perjodu ta’ żmien qasir ma humiex mistennija li jkollhom effett negattiv fuq il-prospetti li tintlaħaq il-mira tas-saħħa ta’ żero tniġġis tal-2030 fil-livell tal-UE. L-immudellar juri li l-UE ma hijiex se tilħaq il-mira tal-ekosistema, bħal fix-xenarju bażi, sakemm ma jittiħdux aktar miżuri.

    Minħabba d-dinamika attwali fis-swieq tal-enerġija kif ukoll il-bidliet assoċjati fil-qafas regolatorju, dawn ir-riżultati kollha għandhom jitqiesu bħala indikattivi. Minbarra l-miżuri futuri potenzjali fil-livell tal-UE, hemm inċertezza konsiderevoli dwar kif l-utenti tal-enerġija madwar l-Istati Membri se jirreaġixxu għall-prezzijiet tal-enerġija li qegħdin jinbidlu. Żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija disponibbli bi prezz baxx (bħall-injam miġbur proprju ta’ kwalità aktar baxxa ta’ fjuwil) twassal għal żieda fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja. Il-ħtieġa li wieħed jaqleb għal sorsi oħrajn ta’ enerġija li jniġġsu aktar diġà wasslet għal derogi temporanji mill-istandards tal-emissjonijiet, u dan jirrappreżenta riskju ta’ deterjorament fil-kwalità tal-arja li jeħtieġ li jiġi vvalutat fil-livell nazzjonali sabiex jiġi evitat li tiġi pperikolata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-arja nadifa u jiġu evitati impatti negattivi fuq is-saħħa u l-ekosistemi. L-implimentazzjoni rapida tal-miżuri strutturali u l-evoluzzjoni imprevedibbli tas-swieq tal-enerġija minflok ikomplu jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-arja.

    6.Interazzjonijiet mal-politika dwar il-klima – enfasi fuq il-metan u l-karbonju iswed

    Sabiex tikkomplementa l-valutazzjoni tal-impatti tal-kwalità tal-arja tal-miżuri ħalli tiżdied l-ambizzjoni klimatika tal-UE inkluża fix-xenarju bażi (il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”), f’din it-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, il-Kummissjoni tanalizza sinerġiji bejn il-politiki dwar il-klima u l-arja nadifa relatati mal-iżviluppi f’sustanzi inkwinanti ta’ ħajja qasira.

    Id-Direttiva NEC tirrikonoxxi r-rabta bejn it-tniġġis tal-arja minn naħa u l-metan u l-karbonju iswed, żewġ sustanzi inkwinanti ta’ ħajja qasira, min-naħa l-oħra. L-Istati Membri jridu jirrapportaw l-emissjonijiet nazzjonali tal-karbonju iswed meta jkun hemm data disponibbli, u bħalissa l-Istati Membri kollha jagħmlu dan ħlief tnejn. Filwaqt li tibni fuq id-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metan li tidher fi tmiem id-Direttiva NEC, l-“istrateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan” 62 ħabbret li l-Kummissjoni, bħala parti mir-rieżami tal-NEC li għandu jitlesta sal-2025, se tesplora l-inklużjoni possibbli tal-metan fost is-sustanzi niġġiesa regolati.

    Fil-fatt, il-metan huwa kemm sustanzi inkwinanti qawwija kif ukoll prekursur għat-tniġġis tal-ożonu fil-livell tal-art, li kien stmat li kien responsabbli għal 24 000 mewta prematura fl-UE fl-2020 63 . L-emissjonijiet antropoġeniċi tal-metan fl-UE jiġu prinċipalment mill-agrikoltura (54 %), mill-iskart (27 %) u mill-enerġija (17 %) 64 .

    Il-karbonju iswed 65 , jew in-nugrufun, huwa parti minn materja partikolata fina u jikkontribwixxi għall-impatti negattivi fuq is-saħħa u fuq l-ambjent. Dan jifforma mill-kombustjoni mhux kompluta tal-fjuwils fossili u tal-injam. Billi jassorbi d-dawl u s-sħana fl-arja, il-karbonju iswed jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. Meta jiġi ddepożitat fuq is-silġ u l-borra, il-karbonju iswed inaqqas l-albedo tal-wiċċ 66 , u jikkontribwixxi għat-tisħin, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-Artiku tal-UE.

    Għalhekk, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan u tal-karbonju iswed jista’ jipproduċi benefiċċji kemm f’termini ta’ arja nadifa kif ukoll f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u b’hekk jiżdied il-proporzjon kostijiet-benefiċċji tal-kejl tat-tnaqqis tagħhom.

    Għal dawn ir-raġunijiet, l-immudellar li sar għal dan ir-rapport analizza l-evoluzzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed u tal-metan f’diversi xenarji. Dan juri li l-emissjonijiet tal-karbonju iswed tal-UE fil-linja bażi jonqsu b’mod sinifikanti (b’53 %) bejn l-2020 u l-2030, l-aktar minħabba l-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparati tat-tisħin domestiku, it-tnaqqis fil-bijomassa u t-tnaqqis qawwi fl-użu tal-faħam f’dan is-settur. Kwart tat-tnaqqis miksub jiġi mis-settur tat-trasport, primarjament bħala riżultat ta’ standards Euro avvanzati inkluża l-installazzjoni ta’ filtri effiċjenti tal-partikolat.

    Jista’ jinkiseb tnaqqis saħansitra akbar (72 % taħt il-livell bażi tal-2020) jekk jittieħdu l-miżuri tekniċi kollha. Fix-xenarju tal-enerġija alternattiva vvalutat fit-Taqsima 5, l-emissjonijiet tal-karbonju iswed huma mbassra li jiżdiedu bi ftit fl-2030 (meta mqabbla max-xenarju bażi), minħabba ż-żieda fl-użu tal-fjuwil solidu (faħam, bijomassa) f’ċerti reġjuni u Stati Membri.

    Bl-istess mod, skont ix-xenarju bażi ta’ dan ir-rapport, l-emissjonijiet tal-metan tal-UE huma mistennija li jonqsu bi 19 % bejn l-2020 u l-2030 67 . Fl-2050, ix-xenarju tad-dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam imsemmi hawn fuq iwassal għal tnaqqis ta’ 11 % fl-emissjonijiet tal-metan tal-UE meta mqabbel max-xenarju bażi.

    Madankollu, peress li l-metan jiġi ttrasportat fuq skala emisferika, huwa essenzjali li l-azzjoni fil-livell tal-UE tiġi kkomplementata b’azzjoni globali. F’Novembru 2021, l-UE ltaqgħet flimkien mal-Istati Uniti, sabiex tistabbilixxi l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan 68 , li pprovdiet momentum biex titħaffef l-azzjoni. Din tressaq impenn volontarju sabiex sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet globali tal-metan b’mill-inqas 30 % mil-livelli tal-2020. B’mod parallel, il-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE tipprovdi opportunitajiet sabiex jiġu esplorati sinerġiji bejn l-oqfsa internazzjonali tal-arja nadifa u tal-klima. B’mod partikolari, ir-rieżami tal-Protokoll ta’ Gothenburg tiegħu (ara t-taqsima li jmiss) beda diskussjonijiet dwar ir-rwol tal-metan bħala prekursur tal-ożonu u għalhekk sustanza niġġiesa ta’ rilevanza għall-politiki dwar l-arja nadifa.

    L-istandards aktar stretti dwar il-konċentrazzjoni tal-ożonu ppreżentati fil-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġu rriveduti d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jkomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-prekursuri kollha tal-ożonu, inkluż il-metan, ġewwa u barra l-UE.

    7.Dimensjoni transfruntiera u internazzjonali

    It-tniġġis tal-arja f’pajjiż partikolari ġej minn diversi sorsi, b’mod partikolari l-emissjonijiet domestiċi, l-emissjonijiet iġġenerati f’pajjiżi ġirien u s-sorsi naturali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-sorsi domestiċi huma s-sorsi ewlenin tat-tniġġis, u għalhekk it-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi huwa l-prijorità sabiex titnaqqas il-konċentrazzjoni ta’ sfond tas-sustanzi niġġiesa tal-arja. Is-sehem tat-tniġġis minn sorsi domestiċi spiss ikun ogħla fl-akbar Stati Membri, fejn mill-inqas nofs l-azzjoni meħtieġa trid tkun li jitnaqqsu dawn is-sorsi.

    Fl-istess ħin, l-analiżi tikkonferma li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kontribuzzjoni sinifikanti għall-konċentrazzjoni ta’ sfond tal-PM2,5 tiġi ġġenerata fi Stati Membri oħrajn. Dan jirrifletti n-natura transfruntiera tat-tniġġis tal-arja, li tiġġustifika azzjoni fil-livell tal-UE, peress li t-tniġġis tal-arja ta’ oriġini domestika għandu impatti negattivi lil hinn mill-fruntieri ta’ Stat Membru 69 . Bl-istess mod, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja f’konformità mal-impenji tad-Direttiva NEC ikun ta’ benefiċċju għal pajjiżi oħrajn. Barra minn hekk, l-analiżi turi li l-kontribuzzjonijiet għall-konċentrazzjoni ta’ sfond tas-sustanzi niġġiesa l-arja jiġu wkoll minn pajjiżi mhux tal-UE, f’livelli differenti skont is-sitwazzjoni ġeografika tal-Istati Membri 70 . Maż-żmien u bi strettezza dejjem akbar tax-xenarji tat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja tal-UE, is-sehem tat-tniġġis minn ġewwa l-UE huwa mbassar li jonqos (minħabba azzjoni addizzjonali fl-UE), u dan iżid l-importanza relattiva ta’ sorsi mhux tal-UE. Dan jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tieħu azzjoni aktar b’saħħitha bilateralment (b’mod partikolari fil-kuntest tal-politiki tal-adeżjoni u tal-viċinat iżda wkoll billi tibni sħubijiet internazzjonali aktar b’saħħithom) kif ukoll f’fora internazzjonali bħall-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE.

    L-obbligi tad-Direttiva NEC huma, tal-anqas sa ċertu punt, riflessi fil-livell internazzjonali permezz tal-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Arja u l-Protokoll emendat tagħha ta’ Gothenburg. L-għadd ta’ pajjiżi li rratifikaw dan il-Protokoll żdied matul l-aħħar snin, iżda xorta waħda ftit ħafna ratifiki huma minn Partijiet mhux tal-UE. Fost l-Istati Membri tal-UE, sebgħa 71 għadhom ma humiex Parti għall-Protokoll emendat iżda l-biċċa l-kbira qegħdin javvanzaw fil-proċess ta’ ratifika.

    Ir-rieżami li għaddej tal-Protokoll emendat ta’ Gothenburg huwa ta’ interess partikolari taħt il-ħidma tal-Konvenzjoni dwar l-Arja. Ir-rieżami jinsab fl-istadji finali tiegħu u l-Partijiet se jiddeċiedu kif imexxu l-konklużjonijiet tiegħu ’l quddiem.

    8.Konklużjoni

    L-analiżi li saret għat-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa wriet li l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja huma mbassra li jkomplu jonqsu. Din hija aħbar tajba għaċ-ċittadini tal-UE u għall-ekonomija u għas-soċjetà tal-UE. Matul l-aħħar 20 sena, l-UE kisbet tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-ħames sustanzi niġġiesa ewlenin regolati skont id-Direttiva NEC. Madankollu, l-emissjonijiet tal-ammonijaka huma eċċezzjoni inkwetanti. L-emissjonijiet naqsu biss b’mod marġinali, u 11-il Stat Membru ma laħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-2020.

    Għall-emissjonijiet tal-ammonijaka, il-prospetti li jiġu ssodisfati l-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-Direttiva NEC għadhom baxxi. Dawn l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni addizzjonali sinifikanti sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka mis-sors billi jippromwovu prattiki agrikoli tajbin. Kif uriet ukoll l-analiżi, bidla gradwali għal dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam fl-UE ttejjeb il-prospetti ta’ konformità, kif ukoll spinta aktar b’saħħitha fil-livell tal-Istati Membri sabiex jittieħdu miżuri agrikoli relatati taħt il-politika agrikola komuni 72 . Hija meħtieġa wkoll azzjoni addizzjonali sabiex jiġu llimitati l-emissjonijiet tal-PM2,5 u tal-NMVOC, għalkemm għal dawn iż-żewġ sustanzi niġġiesa, erba’ Stati Membri biss bħalissa huma mbassra li ma jiksbux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-2030.

    Il-Kummissjoni tenfasizza li huwa essenzjali li jinkisbu bis-sħiħ l-impenji tad-Direttiva NEC sabiex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq is-saħħa u l-ambjent tat-tniġġis tal-arja, f’konformità mal-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero. Bil-politiki attwali u proposti, l-UE hija mistennija li tilħaq il-mira ta’ tniġġis żero relatata mas-saħħa, iżda ma hijiex fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira relatata mal-ekosistema fl-2030. Dan jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri ulterjuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka.

    Sabiex jiġi żgurat li t-tbassir imsemmi jimmaterjalizza, huwa importanti li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata bis-sħiħ 73 . Bl-istess mod, huwa importanti li l-Parlament u l-Kunsill jadottaw malajr il-proposti ta’ politika l-aktar reċenti magħmula mill-Kummissjoni (u li kienu jagħmlu parti mis-suppożizzjonijiet sottostanti għall-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa) filwaqt li jżommu l-livell ta’ ambizzjoni propost. Dan jinkludi l-proposti dwar l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi, l-emissjonijiet industrijali (inkluż l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali sabiex tkopri azjendi agrikoli kbar, li huma mbassra li jkollhom impatt sinifikanti lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka) u l-inizjattivi skont l-objettivi għall-inizjattiva “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u tar-REPowerEU.

    Fir-rigward tal-Pjan REPowerEU, l-analiżi ppreżentata hawn turi li, filwaqt li l-introduzzjoni aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli (b’mod partikolari mir-riħ u mix-xemx) se ġġib benefiċċji fit-tul, l-irkupru tal-użu tal-faħam minħabba l-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu huwa mistenni li jaggrava l-kwalità tal-arja fuq perjodu ta’ żmien qasir u jirrikjedi xi miżuri ta’ tnaqqis (l-istess jgħodd għall-bijomassa). F’dan il-kuntest, se jkun importanti ħafna li jiġu proposti standards aktar stretti tal-ekodisinn għall-bojlers u għall-fran tal-fjuwil solidu matul ir-reviżjoni li għaddejja. L-iżvilupp tas-swieq tal-enerġija jistħoqqlu wkoll osservazzjoni mill-qrib minn perspettiva ta’ arja nadifa, peress li ż-żieda fil-prezzijiet tista’ twassal lill-konsumaturi biex jaqilbu għal fjuwils orħos iżda li jniġġsu aktar. Is-sitwazzjoni attwali diġà wasslet għal derogi temporanji mill-istandards tal-emissjonijiet, li l-implikazzjonijiet tagħhom għall-kwalità tal-arja jeħtieġ li jiġu vvalutati u mmonitorjati mill-qrib, inkluż fil-livell nazzjonali.

    L-aktar importanti, standards tal-kwalità tal-arja aktar ambizzjużi kif imressqa reċentement mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha li tirrevedi d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva NEC. Dan itejjeb bil-kbir il-prospetti ta’ konformità tal-2030 (għalkemm għad hemm wisq Stati Membri li huma mbassra li ma jilħqux l-impenji tagħhom għat-tnaqqis tal-ammonijaka). Dan jintroduċi wkoll tnaqqis ulterjuri fl-impatti fuq is-saħħa u l-ekosistema tat-tniġġis tal-arja u jiġġenera kisbiet makroekonomiċi, f’konformità mal-analiżi li tirfed ir-reviżjoni proposta tal-istandards tal-Kwalità tal-Arja Ambjentali.



    Anness: Id-differenzi metodoloġiċi ewlenin mat-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa u mal-ħidma analitika li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja

    Aġġornamenti mit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa

    Ix-xenarju bażi jirrifletti politiki tal-UE adottati u proposti aktar reċenti.

    Metodoloġija aġġornata għall-valutazzjoni tal-impatti fuq is-saħħa. Abbażi ta’ evidenza xjentifika aktar reċenti, issa tinkludi xi impatti ġodda fuq il-morbidità. Issir analiżi tas-sensittività sabiex jiġu riflessi l-inklinazzjonijiet differenti tal-funzjonijiet ta’ rispons tal-konċentrazzjoni f’livelli baxxi ta’ konċentrazzjoni.

    Metodoloġija aġġornata għall-valutazzjoni tal-impatti fuq is-saħħa. L-istess valuri monetizzati jiġu applikati bħal fit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa iżda l-impatti fuq il-livelli ta’ linji gwida tad-WHO għall-2021 biss jitqiesu fil-parti ta’ monetizzazzjoni (it-tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa mmonetizzat l-impatti fil-livell kollha). Dan jippermetti li l-analiżi tiffoka fuq l-istima monetizzata tad-danni li huma dovuti l-aktar għall-parti antropoġenika tat-tniġġis. Dan jinkludi wkoll ftit impatti addizzjonali fuq il-morbidità.

    Aġġornamenti addizzjonali mill-ħidma analitika li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali

    Hemm differenzi metodoloġiċi minħabba ż-żmien differenti tax-xogħol ta’ mmudellar għaż-żewġ inizjattivi u għal skopijiet differenti. Għall-ħidma li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi, l-enfasi kienet fuq il-bidliet relattivi bejn ix-xenarji fis-snin fil-mira 2030 u 2050 b’enfasi wkoll fuq l-impatti lokali, filwaqt li l-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tanalizza wkoll il-bidliet maż-żmien u b’approċċ ġeografiku aktar strett.

    L-użu ta’ mudelli differenti u ta’ projezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni għal xi partijiet tal-analiżi. L-analiżi tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa tiddependi primarjament fuq il-mudell GAINS, jekk wieħed jassumi popolazzjoni kostanti sabiex jiġu stmati l-impatti fuq is-saħħa, sabiex jiġu applikati l-istess għażliet metodoloġiċi ħalli tiġi vvalutata l-kisba tal-mira ta’ tniġġis żero li ntużat fl-istabbiliment tal-miri. Il-ħidma li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali tuża, għall-konċentrazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa u l-impatti relatati, il-mudell uEMEP b’riżoluzzjoni ġeografika ogħla.

    Għall-istess raġuni, sabiex tiġi vvalutata l-mira ta’ tniġġis żero, din tħares lejn l-impatti sħaħ fuq is-saħħa mill-emissjonijiet antropoġeniċi tal-PM2.5 (filwaqt li l-valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali tħares lejn il-każijiet attribwibbli għal esponiment ogħla mil-livell ta’ linja gwida tad-WHO ta’ 5 µg/m3 iżda inklużi sorsi naturali).

    Ix-xenarju bażi jinkludi l-elementi agrikoli tad-Direttiva riveduta proposta dwar l-Emissjonijiet Industrijali.

    Ix-xenarju bażi ġie aġġustat wara konsultazzjoni mal-Istati Membri sabiex jirrifletti aħjar il-politiki, il-miżuri u l-inventarji tal-emissjonijiet nazzjonali.

    L-użu ta’ koeffiċjenti aġġornati tat-trasferiment atmosferiku, li jistgħu jirriżultaw f’xejriet differenti tad-distribuzzjoni spazjali.

    L-użu tal-bażi tad-data aġġornata tal-2021 dwar it-tagħbijiet kritiċi għall-ekosistemi pprovduti miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għall-Effetti tal-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE.

    Minbarra dawn l-aġġornamenti metodoloġiċi, qegħdin jiġu analizzati aktar xenarji fit-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, b’mod partikolari li jirriflettu l-bidliet fit-taħlita tal-enerġija minħabba l-gwerra kontra l-Ukrajna u l-Pjan REPowerEU u bidla lejn dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam.

    Dawn id-differenzi fil-metodoloġija jistgħu jwasslu, f’xi każijiet, għal riżultati differenti bejn it-Tielet Perspettiva dwar l-Arja Nadifa u l-analiżi li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali.

    (1)     https://europa.eu/eurobarometer/surveys/detail/2660
    (2)    Id-Direttiva 2004/107/KE dwar l-arseniku, il-kadmju, il-merkurju, in-nikil u l-idrokarboni aromatiċi poliċikliċi fl-arja ambjentali u d-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.
    (3)    Id-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi.
    (4)    Id-diossidi tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx), l-ammonijaka (NH3), il-komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOC) u l-materja partikolata fina (PM2,5).
    (5)    COM(2022) 542.
    (6)    WHO (2021) WHO Global Air Quality Guidelines .
    (7)     https://environment.ec.europa.eu/topics/air/reducing-emissions-air-pollutants/emissions-inventories_en#review-of-national-emission-inventories
    (8)    COM (2022) 586 (Euro 7) u COM(2022) 156 (id-Direttiva riveduta dwar l-Emissjonijiet Industrijali). Dawn (bħal proposti oħrajn tal-Kummissjoni msemmija f’dan ir-rapport) huma soġġetti għal diskussjonijiet bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew u għalhekk huma soġġetti għal bidliet.
    (9)    SWD/2022/545 final.
    (10)     https://ec.europa.eu/clima/eu-action/european-green-deal/delivering-european-green-deal_en
    (11)    COM(2022) 674.
    (12)    COM (2021) 400 final.
    (13)    Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva.
    (14)     https://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2021/air-quality-status-briefing-2021
    (15)    EEA Rapport Nru22/2018 .
    (16)    EEA (2022) L-impatt fuq is-saħħa tat-tniġġis tal-arja fl-Ewropa 2022. Din l-istima hija bbażata fuq il-monitoraġġ tal-konċentrazzjoni tat-tniġġis tal-arja u tinkludi biss imwiet prematuri attribwibbli għat-tniġġis tal-arja ’l fuq mil-livell tal-linji gwida tal-kwalità tal-arja tad-WHO, għall-kuntrarju ta’ stimi oħrajn fit-Taqsima 4 li jirriżultaw mir-riżultati tal-immudellar fi Klimont et al., “Support to the development of the third Clean Air Outlook”, IIASA, 2022 [IIASA 2022], u li jirriflettu l-impatti kollha (inkluż taħt il-livell ta’ linji gwida tad-WHO), sabiex jibqgħu konsistenti mal-analiżi preċedenti tal-Perspettiva dwar l-Arja Nadifa.
    (17)    EEA Rapport Nru 9/2020 .
    (18)    L-inventarji tal-emissjonijiet huma rrapportati b’intervall ta’ żmien ta’ sentejn, u għalhekk, fl-2022, saru kontrolli tal-konformità mal-obbligi tal-2020-29 għall-ewwel darba.
    (19)     https://www.eea.europa.eu/publications/national-emission-reduction-commitments-directive-2022 ; dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq id-data tal-Istati Membri u mhux fuq id-data vverifikata u rieżaminata mill-Kummissjoni wara.
    (20)    Ir-riżultati għax-xenarju “MIX” fil-valutazzjoni tal-impatt fuq il-Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030 (SWD(2020) 176 final) juru li l-pakkett inaqqas l-emissjonijiet tal-PM2,5, tal-NOx u tal-SO2 b’4 %, 7 %, u 17 % rispettivament fl-2030, meta mqabbel mas-sitwazzjoni bil-politika tal-klima u l-enerġija li ntlaħaq qbil dwarha preċedentement.
    (21)    COM/2021/556 final; Il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku provviżorju f’Ottubru 2022.
    (22)    L-analiżi tas-sensittività mwettqa għall-valutazzjoni tal-impatt li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali integrat aspetti ulterjuri tal-proposta ta’ reviżjoni tal-IED billi fl-2030 assumiet tnaqqis ta’ 20 % tal-emissjonijiet tal-PM2,5, tal-SO2 u tal-NOx minn installazzjonijiet industrijali li jaqgħu taħt il-mandat tal-IED riveduta, meta mqabbla mal-livelli ta’ emissjonijiet tal-2030 tagħhom fil-linja bażi ewlenija. Ir-riżultati huma pjuttost stabbli u jwasslu għal bidliet żgħar ħafna biss fil-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM2,5 u ta’ NOx. L-aktar sustanza niġġiesa affettwata b’mod pożittiv hija bil-bosta l-SO2 bl-emissjonijiet totali tal-UE mbassra li jonqsu b’10 % fl-2030 meta mqabbla mal-linja bażi, iżda dan ma jbiddilx il-konformità ppjanata diġà tajba mal-impenji għat-tnaqqis tad-Direttiva NEC għal din is-sustanza niġġiesa.
    (23)    EE, EL, IT, FI, SE.
    (24)      Għal deskrizzjoni tax-xenarji kollha msemmija f’dan ir-rapport, ara t-Taqsima 3 tal-IIASA (2022). Ir-riżultati kollha ppreżentati hawnhekk jirriżultaw mill-mudell GAINS ( https://gains.iiasa.ac.at/gains )
    (25)    Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva NEC, il-livelli indikattivi tal-emissjonijiet tal-2025 huma ddeterminati minn trajettorja lineari ta’ tnaqqis stabbilita bejn il-livelli tal-emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020 u l-livelli tal-emissjonijiet definiti mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030. Għalhekk, il-valutazzjoni ssir skont livell massimu ta’ emissjonijiet permess li huwa l-medja tal-livelli massimi permessi li jirriżultaw mill-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2020-29 u l-2030.
    (26)    BE, EL, HR, IT, MT, NL FI.
    (27)    Abbażi ta’ xenarju żviluppat mill-JRC għall-implimentazzjoni fil-mudell CAPRI, jekk wieħed jassumi l-adozzjoni ta’ dieta bbażata fuq ir-rekwiżiti totali tal-enerġija mill-bniedem ta’ 2 500 kcal/jum (wara l-iskart) kif stabbilit fil-proposta “il-Kummissjoni EAT-Lancet” (Willet et al., Food in the Anthropocene: the EAT–Lancet Commission on healthy diets from sustainable food systems , The Lancet Vol. 393(10170), 2019). It-tranżizzjoni lejn dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam hija implimentata fil-mudell GAINS mill-2020 u tiżdied progressivament lejn implimentazzjoni sħiħa fl-2050.
    (28)    AT, BG, HR, CY, CZ, DE, HU, IE, LT, LU, RO jibqgħu mbassra li ma jilħqux l-impenji ta’ tnaqqis tagħhom.
    (29)    Xenarju massimu ta’ tnaqqis teknikament fattibbli, imsejjaħ “il-miżuri tekniċi kollha”.
    (30)      Għal deskrizzjoni tal-qafas tal-immudellar u valutazzjoni tal-impatti kollha msemmija f’dan ir-rapport, ara l-IIASA (2022).
    (31)    B’mod partikolari fit-tisħin domestiku, l-emissjonijiet ta’ materja partikolata kondensabbli huma stmati li jirrappreżentaw madwar l-istess livell bħall-emissjonijiet li jistgħu jiġu ffiltrati, il-parti li s-soltu titqies l-aktar. Ara r-rapport tal-IIASA (anness) għad-dettalji.
    (32)    L-inventarji tal-emissjonijiet sottomessi mill-Istati Membri mhux dejjem kienu komparabbli bis-sħiħ fuq din il-kwistjoni, minħabba b’mod partikolari nuqqas ta’ kunsens xjentifiku dwar il-metodi biex jitqies il-PM kondensabbli mis-settur tat-tisħin (emissjonijiet ta’ kombustjoni residenzjali). Dan is-suġġett huwa soġġett għal diskussjonijiet skont il-Konvenzjoni dwar l-Arja ( https://emep.int/publ/reports/2020/emep_mscw_technical_report_4_2020.pdf ).
    (33)    Sett ta’ fatturi ta’ emissjoni konsistenti għas-settur tat-tisħin prodott fi studju għall-Kunsill Nordiku tal-Ministri (Simpson et al., Revising PM2.5 emissions from residential combustion, 2005-2019; Implications for air quality concentrations and trends , il-Kunsill Nordiku tal-Ministri, 2022).
    (34)    Dan kien soġġett għal konsultazzjonijiet mal-Istati Membri.
    (35)    L-IIASA (2022) jinkludi mapep tad-differenza li jqabblu l-konċentrazzjonijiet tal-PM2,5 fl-2015 stmati fil-mudell GAINS fl-istruttura standard u bl-użu tas-sett konsistenti ġdid ta’ fatturi ta’ emissjonijiet minn Simpson et al. (2022). Dawn juru li hemm ukoll oqsma fejn il-konċentrazzjonijiet immudellati jonqsu ftit meta jintuża s-sett konsistenti ta’ fatturi ta’ emissjonijiet.
    (36)    L-Artikolu 4(3)(d) tad-Direttiva NEC.
    (37)    Is-suppożizzjonijiet għall-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-NOx u tal-NMVOC mill-agrikoltura f’GAINS ġew diskussi matul il-konsultazzjoni mal-Istati Membri.
    (38)    Meta jiġi analizzat l-effett li wieħed jimxi lejn dieta veġetarjana b’xi konsum ta’ ħut jew laħam fl-UE (li twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-ammonijaka), il-mira tintlaħaq sal-2035.
    (39)      Dawn ir-riżultati huma fil-biċċa l-kbira konsistenti mal-valutazzjoni tal-impatt tal-AAQD.
    (40)    L-impatti fuq is-saħħa tat-tniġġis tal-arja jestendu lil hinn mill-mortalità u jinkludu l-morbidità. L-impatti ġew analizzati u huma monetizzati sabiex jiġu vvalutati l-impatti ekonomiċi kif ukoll il-benefiċċji ta’ tniġġis tal-arja aktar baxx (ara t-Taqsima 4.2).
    (41)    Dan ir-riżultat huwa indipendenti mis-suppożizzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-popolazzjoni (kemm jekk statika, kif irrapportat hawnhekk, jew dinamika) u s-suppożizzjonijiet dwar l-impatti fuq is-saħħa użati.
    (42)    Bl-użu tal-istess approċċ metodoloġiku bħal fit-Tieni Perspettiva dwar l-Arja Nadifa, li kienet il-bażi għall-istabbiliment tal-miri ta’ tniġġis żero.
    (43)    Dawn iċ-ċifri jvarjaw miċ-ċifri ppreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt li tirfed ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali (ara l-Anness 1).
    (44)    Abbażi ta’ bażi tad-data dwar it-Tagħbija Kritika tal-2022 (Ċentru ta’ Koordinazzjoni għall-Effetti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Effetti skont il-Konvenzjoni dwar l-Arja tal-UNECE) u l-aktar koeffiċjenti riċenti tar-riċetturi tas-sors implimentati fil-mudell GAINS (ara IIASA, 2022).
    (45)    Ivvalutat bħala żona ta’ ekosistemi fejn id-depożizzjoni tan-nitroġenu taqbeż it-tagħbijiet kritiċi.
    (46)    L-Anness III, il-Parti 2.
    (47)    Id-danni għall-mortalità jammontaw għal bejn 70 % u 91 % tal-valur aggregat tad-danni għas-saħħa, il-bqija huwa dovut għall-impatti tal-morbidità. Il-firxa tirrifletti jekk il-mortalità hijiex valutata bl-użu tal-valur ta’ sena tal-ħajja jew tal-valur tal-ħajja statistika.
    (48)    Għal deskrizzjoni tal-metodoloġija li tirfed ir-riżultati f’din it-taqsima, ara IIASA (2022).
    (49)    Taħt il-livelli ta’ linja gwida, sehem akbar ta’ tniġġis huwa dovut għal sorsi naturali.
    (50)    Il-firxiet jirriflettu jekk il-mortalità hijiex ivvalutata bl-użu tal-valur ta’ sena tal-ħajja jew tal-valur tal-ħajja statistika; il-valuri huma espressi fis-sena, fi prezzijiet tal-2015.
    (51)    Dawk l-impatti huma stmati permezz tat-telf tas-servizzi tal-ekosistema biss fiż-żoni ta’ Natura 2000 minħabba l-ewtrofikazzjoni. Għalhekk, dawn jissottovalutaw it-telf totali fis-servizzi tal-ekosistema.
    (52)    L-eżistenza ta’ benefiċċji netti minn miżuri ta’ tnaqqis hija robusta fil-każijiet ta’ sensittività (metrika għall-valutazzjoni tal-mortalità, livelli ta’ esponiment għat-tniġġis tal-arja, eċċ.).
    (53)      Dawn l-effetti ġew ikkalkolati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea bl-użu tal-mudell GEM-E3 ( https://joint-research-centre.ec.europa.eu/gem-e3_en ). Għal aktar dettalji, ara t-Taqsima 4.4.5. ta’ IIASA (2022).
    (54)    Dechezleprêtre, A., Rivers, N., & Stadler, B. The economic cost of air pollution: Evidence from Europe. Dokumenti ta’ Ħidma tad-Dipartiment tal-Ekonomija tal-OECD, 2019.
    (55)    COM(2022) 230
    (56)      Il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-mira tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli għal 45 % u l-mira tal-effiċjenza enerġetika għal 13 %.
    (57)      F’COM (2022) 230 u f’SWD (2022) 230.
    (58)      COM (2022) 360 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369.
    (59)    COM (2022) 591.
    (60)    Bl-Awstrija, bil-Bulgarija, bil-Polonja u bir-Rumanija li huma l-aktar affettwati minn konċentrazzjonijiet ogħla ta’ sustanzi niġġiesa. Madankollu, il-bidliet stmati ma jaqbżux żieda ta’ 1,5 µg/m3 tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ PM2,5.
    (61)    Għalhekk, l-SO2 huwa rilevanti wkoll iżda l-prospetti ta’ konformità ma jinbidlux, minħabba l-marġnijiet kbar li bihom l-Istati Membri kollha huma mbassra li jikkonformaw mal-impenji ta’ tnaqqis tagħhom tal-SO2.
    (62)    COM(2020) 663 final.
    (63)    EEA (2022)
    (64)      Data mis-sottomissjoni tal-inventarju tal-UE lill-UNFCCC tas-27 ta’ Mejju 2022 (inkluż is-settur tal-użu tal-art).
    (65)      L-elementi minn din id-deskrizzjoni jinkisbu mill-Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa (https://www.ccacoalition.org).
    (66)    Il-kapaċità li jiġi rifless id-dawl tax-xemx.
    (67)      Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Metan (2022), skont il-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan, jistma tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan ta’ madwar 23 % bejn l-2020 u l-2030 fix-xenarju ta’ politika tiegħu (https://www.ccacoalition.org/en/resources/national-methane-action-plans).
    (68)     https://www.globalmethanepledge.org/
    (69)      L-effiċjenza tal-monitoraġġ tas-sustanzi niġġiesa transfruntiera tista’ tittejjeb b’mod konsiderevoli permezz tad-data u s-servizzi spazjali tal-UE.
    (70)    Stati Membri iżgħar u aktar iżolati jibbenefikaw l-aktar mit-tnaqqis fil-pajjiżi ġirien mhux tal-UE, kif ukoll minn emissjonijiet aktar baxxi mit-tbaħħir internazzjonali (dawn tal-aħħar speċjalment fil-każ ta’ gżejjer).
    (71)

         L-Awstrija, il-Belġju, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Ungerija u l-Polonja.

    (72)      Bosta Stati Membri ddeċidew li jindirizzaw l-emissjonijiet tal-ammonijaka fil-Ojanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom u/jew permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
    (73)      Inkluż permezz tal-appoġġ tal-UE, bħall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku ( https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/technical-support-instrument/technical-support-instrument-tsi_en ) u inizjattivi ta’ Riċerka u Innovazzjoni ffinanzjati mill-UE relatati mal-prevenzjoni u r-rimedju tat-tniġġis tal-arja ( https://research-and-innovation.ec.europa.eu/document/c9d4c0b5-f85e-4599-986d-e6b2438229fc_en )
    Top