IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.10.2022
COM(2022) 514 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Aċċellerar tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għas-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa
Rapport tal-Progress tal-Azzjoni Klimatika tal-UE
{SWD(2022) 343 final}
1IX-XEJRIET, IL-POLITIKI U L-KISBIET TAL-EMISSJONIJIET
L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-impenji internazzjonali tal-UE
L-aħħar rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC)
jikkonfermaw li trid tittieħed azzjoni globali trasformattiva jekk irridu nilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal ferm anqas minn 2°C u l-insegwiment tal-isforzi sabiex dan jiġi limitat għal 1,5°C. L-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra (GHG) jridu jilħqu l-ogħla livell fil-perjodu bejn l-2020 u l-2025 u mbagħad jonqsu b’madwar 43 % taħt il-livelli tal-2019 sal-2030 sabiex iż-żieda fit-temperatura globali medja tinżamm għal 1,5°C sal-aħħar ta’ dan is-seklu. Skont il-politiki attwali, id-dinja ma hijiex fit-triq li jintlaħaq l-għan tat-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-ilħuq tal-wegħdiet ġodda kollha li saru mill-pajjiżi qabel il-COP26 fi Glasgow itejjeb il-prospett tagħna, iżda xorta waħda ma jkunx biżżejjed.
Fl-2021, l-emissjonijiet globali reġgħu żdiedu għal-livelli ta’ qabel il-pandemija. Data preliminari tal-JRC turi li l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra żdiedu b’4,2 % fl-2021 għal 52,9 biljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 (CO2-eq), livell ftit ogħla mill-emissjonijiet tal-2019, hekk kif l-ekonomija globali rkuprat mill-pandemija. L-emissjonijiet tas-settur tal-enerġija u emissjonijiet oħrajn mill-kombustjoni industrijali żdiedu aktar mil-livelli ta’ qabel il-pandemija (+1,3 % u +2,1 % rispettivament, meta mqabbla mal-2019), ukoll minħabba żieda fl-użu tal-faħam, filwaqt li l-emissjonijiet mit-trasport u mill-bini baqgħu aktar baxxi (-5,2 % u -3,7 %, rispettivament). Is-sena l-oħra rat aktar impatti devastanti assoċjati ma’ klima ta’ tisħin, u b’hekk saħħet it-twissija mix-xjenzati.
Il-limitazzjoni tat-tisħin globali teħtieġ azzjoni mingħajr preċedent mill-pajjiżi u mis-setturi kollha. Sabiex sal-2050 jinkisbu emissjonijiet netti żero, irridu nnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod rapidu, profond u sostnut, filwaqt li ntejbu l-kapaċità tal-pjaneta li tassorbi l-karbonju permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u teknoloġiji għall-assorbiment tal-karbonju. Is-sejbiet tal-IPCC isaħħu d-determinazzjoni tal-UE li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u reżiljenti għall-klima, objettivi ewlenin li issa huma stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima.
Skont il-UNFCCC, l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom għal mira konġunta u mifruxa mal-ekonomija kollha sabiex inaqqsu l-gassijiet serra b’20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sal-2020 (“il-wegħda ta’ Cancun”). Kif stabbilit fis-sottomissjoni tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-UE tal-2022, l-UE qabżet sostanzjalment din il-mira, sabiex l-Istati Membri tagħha u r-Renju Unit ikunu ssodisfaw ukoll l-obbligi tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Konvenzjoni.L-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra, minbarra l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) u inkluż l-avjazzjoni internazzjonali, naqsu b’34 % fl-EU-27 + fir-Renju Unit meta mqabbla mal-1990 (jew 32 % mingħajr ir-Renju Unit). Dan huwa tnaqqis ta’ 1,94 biljun tunnellata ta’ CO2-eq sal-2020 (jew 1,55 GtCO2-eq mingħajr ir-Renju Unit). L-UE u l-Istati Membri tagħha laħqu b’mod konġunt il-mira tagħhom billi implimentaw il-Pakkett tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2020.
Madankollu, id-data provviżorja turi li l-emissjonijiet domestiċi ta’ gassijiet serra tal-UE, minbarra l-avjazzjoni internazzjonali, żdiedu b’4,8 % fl-2021 mil-livell eċċezzjonalment baxx tal-pandemija tal-2020 tagħhom, għalkemm baqgħu taħt il-livell tal-2019 (jiġifieri -4,0 %). L-emissjonijiet minn installazzjonijiet stazzjonarji koperti mill-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) żdiedu b’6,6 % u l-emissjonijiet mhux tal-ETS żdiedu bi 3,5 %, xprunati mill-irkupru mill-pandemija. Għas-setturi u l-gassijiet prinċipali kollha, ħlief għall-bini, l-emissjonijiet huma mistennija li jibqgħu taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija, u huma mistennija jkomplu x-xejra ġenerali ’l isfel tal-aħħar 30 sena (Illustrazzjoni 1). Madankollu, id-data provviżorja tal-2021 għall-assorbimenti tal-emissjonijiet mil-LULUCF ma turix treġġigħ lura tax-xejra ’l isfel riċenti ta’ tħassib tagħha. Iż-żieda bla preċedent fil-prezzijiet tal-gass mit-tieni nofs tal-2021 kellha impatt ċar fuq l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku minħabba bidla temporanja mill-gass għall-fjuwil tal-faħam (il-Kaxxa 1).
Illustrazzjoni 1: L-emissjonijiet domestiċi ta’ gassijiet serra tal-EU-27 skont is-settur (2019-2021)
L-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-ekonomija – il-proporzjon bejn l-emissjonijiet u l-PDG – naqset b’6,1 gCO2-eq/EUR meta mqabbla mal-2020. B’mod ġenerali, l-emissjonijiet domestiċi netti tal-UE fl-2021, inkluż il-LULUCF, kienu 30 % anqas mil-livelli tal-1990, ġeneralment konsistenti mat-trajettorja sabiex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % tal-UE sal-2030. Madankollu, il-veloċità tat-tnaqqis jeħtieġ li tiżdied b’mod sinifikanti (Illustrazzjoni 2). Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ proposti sabiex taġġusta l-politiki sabiex dawn ikunu jistgħu jissodisfaw l-objettivi klimatiċi aġġornati tal-UE.
Illustrazzjoni2: Emissjonijiet domestiċi netti ta’ gassijiet serra tal-EU-27 (inkluż il-LULUCF)
Fl-UE, l-emissjonijiet ivverifikati mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru ġġeneraw 26,87 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-2021, 8,7 % ogħla mill-24,71 miljun tunnellata rrapportati fl-2020, iżda xorta 61 % anqas mit-68,2 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-2019, qabel il-pandemija. Mill-2021, l-EU ETS ma għadhiex tkopri titjiriet mir-Renju Unit. Mingħajr dawn, l-emissjonijiet tal-ETS mill-avjazzjoni żdiedu b’madwar 30 % meta mqabbla mal-2020 u naqsu b’50 % meta mqabbla mal-2019.
Kaxxa 1: L-impatt taż-żieda fl-2021 fil-prezzijiet tal-gass fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra
Fl-2021, il-prezzijiet medji tal-gass bl-ingrossa laħqu rekord ta’ EUR 49/MWh (Megawatt fis-siegħa), b’livelli massimi ta’ kuljum għoljin sa EUR 183/MWh. B’paragun ma’ dan, il-prezzijiet tal-gass varjaw bejn EUR 15 u 25/MWh bejn l-2010 u l-2019, u malajr irkupraw għal livelli simili minn livell storiku baxx ta’ EUR 3 sa 4/MWh f’Mejju 2020. Diversi avvenimenti fl-istess ħin ikkawżaw iż-żieda fil-prezzijiet, inkluż it-temp kiesaħ fil-bidu tas-sena, il-livell tal-ħżin tal-UE taħt il-medja staġunali, id-disponibbiltà baxxa tar-riħ u solari matul is-sajf u ż-żieda fit-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-fruntieri tal-UE. Il-prezz għoli tal-gass irriżulta f’bidla sostanzjali mill-gass għall-faħam u mill-gass għal-linjite fis-sistema tal-enerġija tal-UE, bl-impjanti tal-enerġija tal-faħam u tal-linjite jżidu s-sigħat operattivi għad-detriment tal-impjanti li jaħdmu bil-gass. Meta mqabbla mal-2020, il-ġenerazzjoni tal-faħam u tal-linjite żdiedet b’+68 TWh, aktar minn nofs iż-żieda totali fil-produzzjoni (+118 Twh),(a) filwaqt li l-ġenerazzjoni tal-gass naqset (-16 TWh). Il-bqija taż-żieda addizzjonali fil-produzzjoni kienet iġġenerata minn sorsi rinnovabbli u nukleari (+65 TWh), minkejja produzzjoni aktar baxxa tar-riħ fuq l-art.
Il-bidla mill-gass għall-faħam u mill-gass għal-linjite rriżultat f’emissjonijiet tas-CO2 mis-sistema tal-enerġija li żdiedu ’l fuq mil-livelli tal-2020 fl-2021 (+8,3 %). Madankollu, l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur fl-2021 kienu għadhom 7,3 % anqas milli fl-2019(b) (Illustrazzjoni 3), wara d-dekarbonizzazzjoni progressiva fit-tul tas-sistema tal-enerġija tal-UE.(c)
Illustrazzjoni 3 - Elettriku ġġenerat mill-faħam, mil-linjite u mill-gass u l-emissjonijiet tas-CO2 tas-sistema tal-enerġija, 2019-2021(d).
Fl-2022, il-prezzijiet tal-gass għoljin b’mod anormali ppersista. L-invażjoni Russa fl-Ukrajna kkontribwiet għal inċertezza għolja ħafna fil-prezzijiet. Fiż-żmien tal-kitba, is-suq ma jantiċipax ritorn għal-livelli tal-prezzijiet tal-passat fuq terminu qasir.
Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” flimkien mal-pjan REPowerEU(e) għandu l-għan li jnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u li jilħaq il-mira klimatika tal-2030 billi jaċċellera t-tnedija tal-enerġija rinnovabbli, jiddiversifika l-provvisti, u jagħti spinta sinifikanti lill-effiċjenza enerġetika. L-investiment għad-diversifikazzjoni tal-provvisti għandu jevita assi mhux rekuperabbli futuri.
(a)Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport trimestrali dwar is-suq tal-elettriku, Volum 14 (li jkopri r-raba’ trimestru tal-2021). Illustrazzjoni 18.
(b)
https://ec.europa.eu/clima/news-your-voice/news/emissions-trading-greenhouse-gas-emissions-73-2021-compared-2020-2022-04-25_en
(c)Ix-xejriet tal-emissjonijiet fl-EU-27 għas-settur tal-IPCC 1.A.1.a – Il-Produzzjoni Pubblika tal-Elettriku u tas-Sħana fid-data viewer tal-gassijiet serra tal-EEA
https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/data/data-viewers/greenhouse-gases-viewer
.
(d)Għall-2019 sal-2020, il-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 jikkorrispondu għas-settur 1.A.1.a. tal-IPCC. Il-valur għall-2021 huwa estrapolat bis-suppożizzjoni tal-istess xejra bħal dik għall-emissjonijiet tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għas-setturi korrispondenti.
(e)COM/2022/230.
|
Progress dwar l-azzjoni klimatika fl-UE
L-UE għamlet progress sostanzjali taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-pjan ta’ azzjoni għal tranżizzjoni ekoloġika u inklużiva.
Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, fis-seħħ minn Lulju 2021, tikteb fil-liġi l-miri tal-UE li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990, l-impenn li l-UE u l-Istati Membri tagħha għamlu skont il-Ftehim ta’ Pariġi.
Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-enerġija sabiex tiżgura li l-qafas ta’ politika tal-UE jkun adattat sabiex tintlaħaq il-mira klimatika ogħla tal-UE għall-2030. Il-proposti qegħdin jiġu nnegozjati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Din is-sena rat progress fuq dispożizzjonijiet oħrajn tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima nħatar fl-2022, sabiex jipprovdi parir xjentifiku indipendenti dwar il-miżuri u l-miri klimatiċi tal-UE. Il-Kummissjoni adottat gwida dwar ir-reżistenza klimatika u aġġornat l-istrumenti tagħha għal regolamentazzjoni aħjar sabiex tiżgura li tieħu l-istess approċċ meta tivvaluta jekk l-abbozzi ta’ miżuri humiex konsistenti man-newtralità klimatika u mal-progress fl-adattament, kif stabbilit fil-Liġi dwar il-Klima.
It-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u r-reżiljenza għall-klima teħtieġ investimenti sostanzjali.
Fl-2021, l-Istati Membri ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) sabiex jibnu mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom wara l-pandemija. Għas-26 RRP adottati sa nofs Settembru 2022, 40 % tan-nefqa totali ppjanata hija allokata għall-investimenti klimatiċi, ’il fuq mill-obbligu ta’ 37 % stabbilit mir-Regolament RRF (ara l-Kapitolu 6).
F’Mejju 2022, il-Kummissjoni pproponiet il-Pjan tagħha għar-REPowerEU b’reazzjoni għat-tfixkil fis-suq tal-enerġija kkawżat mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Il-pjan jistma li EUR 210 biljun ta’ investimenti addizzjonali fl-effiċjenza enerġetika, fl-infrastruttura tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli huma meħtieġa sabiex l-UE tnaqqas l-użu tagħha tal-fjuwils fossili u tnaqqas l-importazzjonijiet Russi tal-gass b’żewġ terzi bejn issa u l-2027. Jipproponi miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-kostijiet tal-enerġija għall-konsumaturi u għall-industrija, inkluż iż-żieda tal-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-2030 għal 13 % u ż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija tal-UE minn 22,1 % fl-2020 għal 45 % fl-2030, ’il fuq mill-mira ta’ 40 % fil-proposta “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
L-UE tista’ tiffranka kważi EUR 100 biljun fis-sena fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi.
Il-EUR 225 biljun li jifdal fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) se jkunu disponibbli għal azzjoni taħt ir-REPowerEU. Il-pjan jipproponi EUR 20 biljun oħra f’għotjiet mill-bejgħ ta’ kwoti mir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq tal-EU ETS sabiex jiżdied il-finanzjament taħt l-RRF. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirridirezzjonaw ċerti fondi tal-UE lejn l-objettivi tar-REPowerEU. Qegħdin jiġu ppompjati aktar flus minn qatt qabel fi proġetti klimatiċi. Mill-anqas 30 % tal-baġit tal-UE għall-2021 sal-2027 – l-akbar sehem li qatt sar – u tan-Next Generation EU huwa allokat għall-azzjoni klimatika (żieda minn 20 % fl-2014 sal-2020) (ara l-Kapitolu 6).
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni niffrankaw il-gass għal xitwa sikura, inkluż pjan għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass u proposta għal regolament dwar miżuri kkoordinati għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass. L-Istati Membri qegħdin jieħdu miżuri sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.
Skont l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti, din is-sena l-Kummissjoni pproponiet qafas ġdid tal-UE għall-Mobilità Urbana u pjan ta’ azzjoni sabiex jiżdied it-traffiku ferrovjarju fuq distanzi twal u transfruntiera, u b’hekk l-ivvjaġġar bil-ferrovija jsir aktar attraenti għall-passiġġieri.
Investiment fl-innovazzjoni
Il-Fond għall-Innovazzjoni ETS, ikompli jipprovdi appoġġ lill-industrija tal-UE, jiżviluppa teknoloġiji avvanzati u jżid l-innovazzjoni fl-idroġenu rinnovabbli u soluzzjonijiet oħrajn ta’ teknoloġija nadifa. Mill-ewwel ċiklu, il-fondi disponibbli żdiedu b’aktar minn 50 %, spinta kbira għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija fl-UE, li tikkomplementa strumenti bħall-Orizzont Ewropa (ara l-Kapitolu 6).
il-mobilizzazzjoni ta’ aktar kapital privat f’finanzjament ekoloġiku
Il-Kummissjoni qiegħda taħdem sabiex tallinja r-regoli tas-suq kapitali mal-objettivi klimatiċi, inkluż sabiex timplimenta l-istrateġija mġedda dwar finanzi sostenibbli
. Il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar ir-Rapportar tas-Sostenibbiltà Korporattiva
għal informazzjoni komparabbli relatata mal-klima, Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva
, u emendi mmirati għar-regoli bankarji
u tal-assigurazzjoni
tal-UE sabiex jiġi żgurat li dawn jintegraw ir-riskji klimatiċi fil-ġestjoni u fl-operazzjonijiet tagħhom.
Il-Kummissjoni pproponiet trattament speċifiku ta’ ċerti attivitajiet tal-enerġija skont ir-Regolament tat-Tassonomija.
Hija ġabret evidenza għal proposti leġiżlattivi possibbli dwar il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u dwar il-klassifikazzjonijiet ambjentali, soċjali u tal-governanza,
kif ukoll dwar ir-rieżami tal-qafas makroprudenzjali.
It-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali u tar-reżiljenza ekonomika
Sabiex tkun suċċess, it-tranżizzjoni ekoloġika trid tkun ġusta u inklużiva f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li tappoġġa lil dawk li jiffaċċjaw l-akbar sfida. Is-sitwazzjoni ġeopolitika u l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija jenfasizzaw il-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni filwaqt li tinbena reżiljenza soċjali u ekonomika.
F’Ġunju 2022 ġiet adottata rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika sabiex tipprovdi gwida għall-Istati Membri li jfasslu u jimplimentaw pakketti ta’ politika dwar l-impjiegi, il-ħiliet, l-aspetti soċjali u distributtivi tat-tranżizzjoni. Minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-Istati Membri qegħdin jistabbilixxu miżuri sabiex jipprovdu lin-nies bi dħul baxx aċċess għall-enerġija u t-trasport. Firxa ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE joffru appoġġ għal tranżizzjoni ġusta u soċjali (il-Kapitolu 6).
L-Involviment tan-Nies
It-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima hija dwar in-nies: kif nipproduċu, nikkunsmaw, niċċaqilqu, insaħħnu u nkessħu d-djar tagħna, naħdmu u ngħixu flimkien. Il-parteċipazzjoni pubblika attiva hija ta’ importanza kbira. Il-Patt Klimatiku Ewropew jagħti lil kulħadd vuċi u pjattaforma sabiex jitfasslu azzjonijiet klimatiċi ġodda, jiġu amplifikati l-attivitajiet, jiġu kondiviżi l-informazzjoni u l-għarfien, jiġu mnedija u konnessi l-attivitajiet bażi u jintwerew is-soluzzjonijiet.
Il-fażi pilota ffokat fuq l-applikazzjoni tax-xjenza u tal-politika klimatika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-Ambaxxaturi tal-Patt Klimatiku issa huma kważi 1 000 persuna mill-oqsma kollha tal-ħajja, minn scouts għal Sindki, attivi fil-komunitajiet lokali, fin-networking u fl-iskambju tal-għarfien madwar l-Ewropa. Il-Patt ħoloq sistema għal impenji individwali u tal-organizzazzjonijiet. Wegħdiet individwali, miġbura fi sħubija ma’ Count Us In, s’issa wasslu sabiex kważi 54 000 Ewropew jagħmlu aktar minn 3 miljun “pass” sabiex inaqqsu s-CO2. Aktar minn 300 organizzazzjoni (inkluża l-Kummissjoni Ewropea) jew grupp għamlu wegħdiet (b’kollox 1 800) sabiex isibu triq lejn in-newtralità klimatika. Billi juri l-inizjattivi, il-Patt jispira lil oħrajn sabiex jaġixxu.
Il-Mobilizzazzjoni tal-Bliet
Il-Missjoni dwar Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti għażlet 100 belt diversa madwar l-Ewropa sabiex isiru newtrali għall-klima sal-2030 b’mod soċjalment inklużiv. Il-bliet jibbenefikaw minn appoġġ imfassal apposta mill-pjattaforma ta’ NetZeroCities
u qegħdin joħolqu flimkien “Kuntratti tal-Belt Klimatika” bi pjanijiet ta’ azzjoni u strateġiji ta’ investiment.
2L-ISKEMA TAL-UE GĦALL-ISKAMBJU TA’ KWOTI TAL-EMISSJONIJIET
Sal-2021, l-EU ETS xprunat l-emissjonijiet minn installazzjonijiet stazzjonarji b’34,6 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005. B’mod parallel, l-Istati Membri ġabru aktar minn EUR 100 biljun fi dħul mill-irkant mill-2013, disponibbli għal azzjoni klimatika u trasformazzjoni tal-enerġija ulterjuri.
Fl-2021, l-emissjonijiet tal-EU ETS żdiedu bi ftit meta mqabbla mal-2020, u dan jirrifletti kemm l-irkupru ekonomiku mill-COVID-19 kif ukoll il-kriżi tal-enerġija li qiegħda tiżviluppa. Filwaqt li l-emissjonijiet tal-2021 baqgħu fuq xejra ’l isfel meta mqabbla mal-emissjonijiet ta’ qabel il-pandemija tal-2019, hija meħtieġa aktar azzjoni fis-setturi tal-ETS sabiex tintlaħaq il-mira klimatika tal-2030. Dan huwa l-għan tal-pakkett propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2021 sabiex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li bħalissa qiegħed jiġi nnegozjat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dan jinkludi riforma tal-ETS, it-tisħiħ tal-limitu massimu u l-estensjoni tas-sistema sabiex tkopri l-emissjonijiet marittimi, u sistema parallela sabiex tkopri l-bini u t-trasport bit-triq.
Ix-xejriet tal-emissjonijiet
Fl-2021, l-installazzjonijiet stazzjonarji ġġeneraw 1 335 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2-eq. Dan huwa 6,6 % ogħla mill-emissjonijiet fl-2020, iżda xorta 5,6 % anqas mill-2019. Is-settur tal-enerġija ra żieda ta’ 8,4 % fl-2021, prinċipalment xprunata minn bidla lura mill-użu tal-gass naturali għall-faħam relatata maż-żieda fil-prezzijiet tal-gass u domanda ogħla għall-elettriku sabiex jiġi xprunat l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija. Madankollu, l-emissjonijiet globali tas-settur tal-enerġija fl-2021 kienu għadhom 8,1 % taħt il-livelli tal-2019, b’domanda simili ħafna għall-elettriku f’dawn is-sentejn.
L-emissjonijiet mill-industrija taħt l-ETS kienu wkoll ogħla fl-2021 (b’4,6 %) milli fl-2020, iżda 2,6 % anqas milli fl-2019. Ġew osservati żidiet għoljin fil-biċċa l-kbira tas-setturi, inklużi l-ħadid u l-azzar u s-sustanzi kimiċi. Wara tnaqqis ta’ aktar minn 60 % fl-2020, l-emissjonijiet tal-avjazzjoni tal-EU ETS reġgħu żdiedu bi 30 % fl-2021 iżda baqgħu 50 % anqas milli fl-2019.
Illustrazzjoni 4: L-emissjonijiet verifikati tal-ETS bejn l-2005 u l-2021, il-projezzjonijiet tal-Istati Membri bil-miżuri eżistenti bejn l-2021 u l-2030, il-fażijiet 2, 3 u 4 tal-limitu massimu tal-ETS, u l-eċċess akkumulat tal-kwoti tal-ETS bejn l-2008 u l-2021, inkluż ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ fuq), in-Norveġja u l-Iżlanda NB: aġġusta għall-fażi 4 tal-limitu massimu
Riżorsi ġġenerati mill-ETS
L-EU ETS timplimenta l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas iżda tiġġenera wkoll riżorsi sostanzjali għall-azzjoni klimatika (ara l-Kapitolu 6).
Illustrazzjoni 5: Id-dħul mill-irkant u l-użu rrapportat, bejn l-2013 u l-2021 (EUR biljun), l-EU-27
Hekk kif il-prezz tal-karbonju żdied matul l-2021, hekk ukoll id-dħul mill-irkant tal-ETS, li jammonta għal total ta’ madwar EUR 31 biljun. Dan ifisser li d-dħul kważi rdoppja mis-EUR 16,5 biljun li nġabru fl-2020. Minn dawn il-EUR 31 biljun, EUR 25 biljun marru direttament għas-27 Stat Membru. Fl-2021, huma rrapportaw li medja ta’ 76 % tad-dħul intnefaq għal finijiet klimatiċi u enerġetiċi, f’konformità ma’ medja ta’ 75 % matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2020 (Illustrazzjoni 5). Madwar 24 % tad-dħul tal-Istati Membri huwa allokat għal azzjonijiet speċifiċi dwar il-klima u l-enerġija, 25 % marru f’fondi ambjentali ddedikati u 51 % marru għall-baġits nazzjonali.
Fl-2021, diversi Stati Membri użaw ukoll id-dħul mill-irkant tagħhom sabiex itaffu l-impatt soċjali tal-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija.
Azzjoni fl-avjazzjoni u fit-trasport marittimu
L-emissjonijiet mill-avjazzjoni barra mill-Ewropa, jiġifieri li jirriżultaw minn titjiriet deħlin lejn iż-Żona Ekonomika Ewropea u titjiriet li jitilqu lejn pajjiżi barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni ta’ titjiriet li jitilqu lejn ir-Renju Unit u l-Iżvizzera, bħalissa ma humiex ipprezzati taħt l-EU ETS, f’konformità mad-dispożizzjoni “waqqaf l-arloġġ” fid-Direttiva dwar l-EU ETS.
Il-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-EU ETS sabiex tinkludi l-emissjonijiet mit-trasport marittimu issa qiegħda tiġi nnegozjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-proposta tibni fuq ir-Regolament dwar il-Monitoraġġ, ir-Rapportar u l-Verifika, li jittraċċa l-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti kbar li jidħlu fil-portijiet tal-UE mill-2018. L-UE tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ miżuri ambizzjużi skont l-istrateġija tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, bħall-istandards potenzjali tal-intensità tal-gassijiet serra fil-fjuwil u miżuri bbażati fuq is-suq.
Suq tal-karbonju tal-UE
Il-prezz tal-karbonju tal-UE segwa xejra ’l fuq konsistenti mill-2018. Fl-2021, kompla jiżdied minħabba prezzijiet għoljin tal-gass u antiċipazzjoni tas-suq tal-ambizzjoni klimatika miżjuda tal-2030 kif ukoll riformi ta’ politika relatati. Il-prezz ogħla tal-karbonju kkontribwixxa għal prezzijiet ogħla tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, iżda sa ċertu punt ħafna iżgħar miż-żieda fil-prezzijiet tal-gass. Fil-Komunikazzjoni ta’ Ottubru 2021 dwar il-prezzijiet tal-enerġija, il-Kummissjoni stmat li l-effett taż-żieda fil-prezz tal-gass fuq il-prezz tal-elettriku huwa disa’ darbiet ogħla mill-effett taż-żieda fil-prezz tal-karbonju. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-prezzijiet tal-gass komplew jiżdiedu drastikament, filwaqt li l-prezzijiet tal-ETS baqgħu f’firxa simili. Rapport mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, li tlesta f’Marzu 2022, eskluda rwol għall-ispekulazzjoni fit-tmexxija taż-żieda fil-prezz tal-karbonju (ara r-Rapport tas-Suq tal-Karbonju).
3EMISSJONIJIET TA’ KONDIVIŻJONI TAL-ISFORZI
Mill-2013, l-emissjonijiet madwar l-UE kollha fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi kienu taħt il-limitu annwali, kif muri fl-Illustrazzjoni 6. L-emissjonijiet tal-EU-27 koperti mid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD) kienu 16,3 % anqas fl-2020 milli fl-2005; l-UE qabżet il-mira tagħha għall-2020 b’sitt punti perċentwali. Wara t-tnaqqis kbir fl-emissjonijiet tal-2020 minħabba l-pandemija, l-emissjonijiet fis-setturi tal-ESR reġgħu żdiedu fl-2021. Abbażi tad-data approssimata, l-emissjonijiet tal-kondiviżjoni tal-isforzi fl-2021 kienu 3,5 % ogħla milli fl-2020. Iż-żieda kienet l-aktar evidenti għat-trasport (b’żieda fl-emissjonijiet ta’ aktar minn 7 % meta mqabbla mal-2020), segwita minn emissjonijiet mill-bini (żieda ta’ 3,1 %). Is-settur agrikolu ra tnaqqis żgħir fl-emissjonijiet fl-2021 meta mqabbel mal-2020 ta’ aktar minn 0,3 %, iżda b’mod ġenerali t-tnaqqis kien żgħir meta mqabbel mal-2005 (madwar 2 %).
Illustrazzjoni 6: Emissjonijiet f’setturi koperti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi 2005-2030 u l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet (AEAs), EU-27 (Mt CO2-eq) (ara d-dettalji fl-SWD).
Ir-riżultati tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi 2013-2020
L-Istati Membri kollha ssodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ kondiviżjoni tal-isforzi fis-snin kollha bejn l-2013 u l-2019. Malta qabżet l-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet annwali (AEAs) tagħha kull sena, iżda kopriet id-defiċit billi xtrat AEAs mill-Bulgarija. Fl-2019, l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, u l-Lussemburgu qabżu wkoll l-AEAs tagħhom iżda użaw l-eċċessi ffrankati mis-snin preċedenti sabiex ikopru d-defiċit. Il-Ġermanja u l-Irlanda ma kellhomx biżżejjed eċċess iffrankat sabiex ikopru d-defiċit tagħhom. Il-Ġermanja ttrasferiet l-AEAs mill-2020 sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha għall-2019, filwaqt li l-Irlanda użat krediti internazzjonali mill-Mekkaniżmu ta’ Żvilupp Nadif sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha. L-Istati Membri kollha minbarra l-Ungerija, l-Iżvezja u r-Renju Unit ġemmgħu l-eċċess tal-AEAs għal użu possibbli fl-2020.
Iċ-ċiklu ta’ konformità għall-2020, l-aħħar sena taħt id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, għadu għaddej. Abbażi tar-rieżami annwali tal-inventarju skont l-ESD, l-emissjonijiet f’erba’ Stati Membri qabżu l-AEAs tagħhom (Illustrazzjoni 7). L-emissjonijiet ta’ Ċipru qabżu l-AEAs tiegħu b’7 %; għandu biżżejjed eċċess ta’ AEAs minn snin preċedenti sabiex jikkonforma fl-2020. Hekk kif il-Ġermanja ttrasferiet parti mill-AEAs tal-2020 tagħha għall-konformità fl-2019, l-emissjonijiet tagħha għall-2020 jaqbżu l-AEAs tal-2020 li jifdal bi 3 %. L-emissjonijiet ta’ Malta u tal-Irlanda qabżu l-AEAs tagħhom bi 12 % u bi 19 % rispettivament u, mal-Ġermanja, se jkollhom bżonn jixtru AEAs minn Stati Membri oħrajn u/jew jużaw krediti internazzjonali sabiex jikkonformaw fl-2020 peress li ma għandhomx biżżejjed eċċess ta’ AEA mġemmgħin.
Illustrazzjoni 7: Id-differenza bejn il-mira tal-Istati Membri għall-2020 skont l-ESD u l-emissjonijiet fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi fl-2020 (f’perċentwal tal-emissjonijiet tal-2005).
Progress dwar il-miri tal-2030 skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi
Mill-2021, ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) jistabbilixxi miri nazzjonali tal-emissjonijiet għall-2030 u l-AEAs għal kull sena bejn l-2021 u l-2030, inkluż għall-Iżlanda u n-Norveġja.
L-Istati Membri qegħdin jippjanaw u jimplimentaw politiki u miżuri sabiex jilħqu l-miri attwali tagħhom tal-2030 għall-kondiviżjoni tal-isforzi taħt l-ESR. B’mod aggregat għall-EU-27, il-politiki nazzjonali attwali jnaqqsu l-emissjonijiet bi 22 % sal-2030 meta mqabbla mal-2005 (Illustrazzjoni 8), ferm taħt il-mira ġenerali attwali ta’ tnaqqis ta’ 29 % tal-emissjonijiet permezz tal-kondiviżjoni tal-isforzi. Jekk l-Istati Membri jimplimentaw il-politiki addizzjonali kollha li rrapportaw, l-UE tilħaq bl-eżatt biss il-mira ta’ tnaqqis ta’ 29 % skont l-ESR eżistenti. Il-Kummissjoni pproponiet li temenda l-ESR sabiex tilħaq l-ambizzjoni ogħla għall-2030 ta’ mill-anqas 55 % ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet serra, b’żieda proposta tal-mira tal-2030 għas-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi għal tnaqqis ta’ 40 % fl-emissjonijiet meta mqabbla mal-2005. Dan qiegħed jiġi nnegozjat bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Dan jenfasizza l-ħtieġa qawwija u imminenti li l-Istati Membri jippjanaw u jimplimentaw azzjoni klimatika addizzjonali fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi fil-pjanijiet nazzjonali integrati aġġornati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Peress li l-Istati Membri jridu jippreżentaw abbozzi ta’ pjanijiet aġġornati sat-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni qiegħda tħejji gwida sabiex tgħin fit-tħejjijiet tagħhom.
Id-data tal-inventarju approssimata għall-2021 turi li erba’ Stati Membri huma mistennija jaqbżu l-AEAs kurrenti tagħhom għal dik is-sena, b’punt perċentwali 1 għaċ-Ċekja, b’2 punti perċentwali għall-Italja, b’5 punti perċentwali għall-Irlanda u b’14-il punt perċentwali għal Ċipru. Peress li l-2021 hija l-ewwel sena taħt l-ESR, kwalunkwe eċċess li jifdal taħt l-ESD ma jiġix riportat. Madankollu, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw opzjonijiet flessibbli oħrajn skont l-ESR.
Illustrazzjoni 8: Id-diskrepanza bejn il-miri tal-ESR tal-2030 u l-emissjonijiet imbassra
b’miżuri eżistenti u miżuri addizzjonali, bħala perċentwal tal-emissjonijiet tal-2005 għall-EU-27, l-Iżlanda u n-Norveġja. Il-valuri pożittivi jindikaw il-miri previsti li jinqabżu; il-valuri negattivi jindikaw li ma humiex se jintlaħqu.
Politiki f’setturi ewlenin
- Trasport
L-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda u għal vetturi heavy-duty huma xprunaturi ewlenin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. L-emissjonijiet medji minn karozzi ġodda naqsu minn 130,3 g CO2/km WLTP
(jiġifieri 107,5 g CO2/km NEDC
) fl-2020 għal 114,7 g CO2/km fl-2021, skont id-data ta’ monitoraġġ provviżorja għall-2021. Dan ikompli x-xejra ’l isfel qawwija li ilha tidher mill-2019 fl-emissjonijiet tas-CO2 ta’ karozzi ġodda rreġistrati fl-UE, bis-saħħa ta’ miri tas-CO2 aktar stretti għall-flotta kollha tal-UE li ilhom japplikaw mill-2020. Barra minn hekk, is-sehem tal-karozzi elettriċi bil-batterija żdied b’mod spettakolari. Fl-2021, 10 % tal-karozzi rreġistrati ġodda fl-UE kienu elettriċi bil-batterija (żieda minn 2 % fl-2019 u 6 % fl-2020). Id-data provviżorja turi li, fl-2021, l-emissjonijiet medji għall-vannijiet naqsu wkoll għal WLTP ta’ 193,8 g CO2/km, minn WLTP ta’ 200,3 g CO2/km (jiġifieri 155,0 g CO2/km NEDC) fl-2020, ukoll bis-saħħa ta’ miri aktar stretti li japplikaw mill-2020 (Illustrazzjoni 9).
Illustrazzjoni 9: L-emissjonijiet tas-CO2 u l-miri għall-flotta kollha tal-UE, karozzi u vannijiet
Il-vetturi heavy-duty (HDV), bħal trakkijiet, vannijiet tqal u karozzi tal-linja, jiġġeneraw madwar 30 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 mit-trasport bit-triq. Il-leġiżlazzjoni eżistenti tirrikjedi li l-emissjonijiet medji tas-CO2 tal-flotta ta’ manifattur ta’ trakkijiet tqal ġodda jitnaqqsu bi 15 % sal-2025 u bi 30 % sal-2030 mil-livelli tal-2019. Proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni li għandha ssir fi tmiem l-2022 hija mistennija li tissikka l-istandards eżistenti u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għall-biċċa l-kbira tal-gruppi ta’ vetturi HDV li jifdal.
Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil naqqset ukoll l-emissjonijiet tat-trasport; hija tistipula li l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-fjuwils trid titnaqqas b’6 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-2010. L-intensità medja tal-gassijiet serra tal-fjuwils fornuti fl-2020 kienet 5,5 % aktar baxxa milli fl-2010. Il-progress miksub mill-fornituri tal-fjuwil tal-UE jvarja ħafna bejn l-Istati Membri (Illustrazzjoni 10).
Illustrazzjoni 10: Tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra tal-fjuwils miksub mill-fornituri tal-fjuwil tal-UE fl-EU-27, 2010-2019 u 2010-2020 (Sors: EEA)
-Gassijiet F
Il-gassijiet fluworinati (“gassijiet F”) għandhom effett ta’ tisħin globali sa 25 000 darba akbar mis-CO2. Wara l-2014, xejra ta’ għaxar snin ta’ żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet F ġiet imreġġa’ lura minħabba r-Regolament attwali dwar il-gassijiet F (ir-Regolament (UE) Nru 517/2014). L-emissjonijiet tal-EU-27 naqsu b’20 % mill-2014 sal-2020 u l-provvista tal-gass tal-idrokarbur (HFC) lejn is-suq naqset b’47 % f’CO2-eq bejn l-2015 u l-2019, b’mod partikolari minħabba t-trasferiment tar-refriġerazzjoni għal alternattivi aktar favur il-klima. F’April 2022, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ġdid dwar il-gassijiet F għall-iffrankar addizzjonali tal-emissjonijiet sal-2050.
-ODS
Is-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (ODS) huma wkoll gassijiet serra b’saħħithom ħafna. L-użu u l-produzzjoni tagħhom fl-UE naqsu b’99 % matul l-aħħar deċennji, bħala parti mill-azzjoni globali għall-protezzjoni tas-saff tal-ożonu skont il-Protokoll ta’ Montreal. L-akbar sorsi ta’ ODS li jifdal fl-UE huma l-fowms ta’ legat għall-iżolament f’bini ta’ aktar minn 20 sena, li jiġu emessi meta l-bini jiġi rrinnovat jew imwaqqa’. Proposta ġdida għar-Regolament dwar l-ODS, adottata mill-Kummissjoni f’April 2022, għandha l-għan li tevita l-emissjonijiet billi tirrikjedi l-ġbir u l-qerda jew l-użu mill-ġdid ta’ dawn is-sustanzi niġġiesa.
4L-UŻU TAL-ART, IT-TIBDIL FL-UŻU TAL-ART U L-FORESTRIJA
L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) se jkollhom rwol kruċjali fl-ilħuq tal-għan tan-newtralità klimatika tal-UE, peress li l-art tista’ kemm tirrilaxxa l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera kif ukoll tneħħi s-CO2 minnha, skont l-użu li jsir mill-art. Fl-UE, il-LULUCF jarmi anqas gassijiet serra fl-atmosfera mis-CO2 li jneħħi permezz ta’ proċessi bijoġeniċi, iżda dawn l-aħħar snin raw tnaqqis ta’ dan il-bir naturali tal-karbonju. Għall-2013 sal-2020, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jqisu azzjoni addizzjonali fis-settur tal-LULUCF, fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rrapportati u fl-assorbimenti ta’ CO2, sabiex jivvalutaw il-mira skont il-Protokoll ta’ Kjoto.
Illustrazzjoni 11: L-emissjonijiet u l-assorbimenti rrapportati (R) u meqjusa (A) b’mod preliminari skont il-Protokoll ta’ Kjoto, it-tieni perjodu ta’ impenn, EU-27
Illustrazzjoni 11 turi tnaqqis fil-bir tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti “rrapportati” skont l-attività għall-UE għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto (2013-2020). L-assorbimenti netti medji kienu ta’ 320,2 Mt CO2-eq matul il-perjodu. Bir-regoli kontabilistiċi tal-Protokoll ta’ Kjoto, il-bilanċ “kontabilizzat” ipproduċa bir (jew kreditu) medju tal-karbonju ta’ 84,3 Mt CO2-eq, bi krediti netti jonqsu minn -123,2 fl-2013 għal -58,4 Mt CO2-eq fl-2020.
Dan jinkludi kemm attivitajiet “magħżula” kif ukoll attivitajiet “obbligatorji” (afforestazzjoni/riforestazzjoni, deforestazzjoni u ġestjoni tal-foresti).
Il-kawża prinċipali ta’ dan it-tnaqqis fil-bir hija t-tnaqqis fl-assorbimenti netti rrapportati u l-krediti netti kontabilizzati mill-ġestjoni tal-foresti għall-2013 sal-2020. It-tnaqqis fl-assorbimenti tal-karbonju huwa dovut għal taħlita ta’ fatturi, inkluż żieda fid-domanda għall-injam (eż. 2018 fil-Finlandja), sehem dejjem akbar ta’ foresti li jilħqu l-maturità tal-ħsad (l-Estonja, il-Latvja) u żieda fid-disturbi naturali bħal infestazzjonijiet tal-insetti (iċ-Ċekja mill-2015), maltempati (2019 fil-Polonja), nixfiet u nirien fil-foresti (eż. 2017 fl-Italja u fil-Portugall). Skont stimi preliminari, bl-użu tar-regoli tal-kontabilità għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Franza, il-Kroazja, Ċipru, is-Slovenja u l-Finlandja għandhom debiti netti medji tal-LULUCF.
Ir-Regolament LULUCF
attwali u l-leġiżlazzjoni sekondarja
jeħtieġu li, mill-2021, kull Stat Membru jikkumpensa l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu mis-settur b’mill-anqas ammont ekwivalenti ta’ CO2 assorbit mill-atmosfera, skont ir-“regola tal-ebda debitu”.
Għall-ewwel darba taħt il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, il-Kummissjoni pproponiet – mira tal-UE ta’ assorbiment nett ta’ 310 miljun tunnellata ta’ CO2-eq fl-2030 għas-settur tal-LULUCF. Din il-mira għall-UE kollha għandha tiġi implimentata permezz ta’ miri nazzjonali vinkolanti. B’ħarsa aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni pproponiet fokus fuq is-settur tal-art, li jgħaqqad l-emissjonijiet mill-agrikoltura (prinċipalment il-bhejjem u l-fertilizzanti) u l-assorbimenti netti mil-LULUCF. L-għan huwa li tintlaħaq in-newtralità klimatika fis-settur tal-art sal-2035 u li jkun hemm emissjonijiet negattivi netti minn hemm ’il quddiem.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli
ta’ Diċembru 2021 tistabbilixxi għanijiet u pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jinkisbu l-assorbimenti tal-karbonju permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura
u teknoloġiji industrijali. Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tal-UE tal-assorbimenti tal-karbonju sabiex tippremja lill-maniġers tal-art għas-sekwestru tal-karbonju, b’rispett sħiħ tal-prinċipji ekoloġiċi (“sekwestru tal-karbonju f’art agrikola”). Se tgħin ukoll sabiex jinħoloq suq intern tal-UE għall-qbid, l-użu, il-ħżin u t-trasport tas-CO2, bl-użu ta’ teknoloġiji innovattivi, bħall-Osservazzjoni tad-Dinja (il-programm Copernicus).
5ADATTAMENT GĦAT-TIBDIL FIL-KLIMA
L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-2021 dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima hija proġett ta’ diversi snin, b’kisbiet importanti din is-sena.
Il-Kummissjoni ppubblikat gwida teknika dwar il-verifika tar-reżistenza klimatika tal-infrastruttura għall-2021 sal-2027, kif meħtieġ skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Dawn jippermettu lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet informati dwar proġetti kompatibbli mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-miri klimatiċi tal-UE.
L-Osservatorju Ewropew tal-Klima u s-Saħħa, li tnieda f’Marzu 2021 mill-Kummissjoni u mill-EEA, diġà għandu rwol ewlieni, u b’hekk inaqqas distakk importanti fl-għarfien, jgħin sabiex jingħelbu l-ostakli li jżommuna milli nindirizzaw l-impatti tat-tibdil fil-klima li qegħdin jikbru malajr u negattivi. L-osservatorju jipprovdi informazzjoni u għodod sabiex jiġu vvalutati t-tibdil fil-klima u s-saħħa. Jipprovdi wkoll soluzzjonijiet u interventi effettivi għall-integrazzjoni u t-titjib tal-istrateġiji ta’ adattament għat-tibdil fil-klima fil-politiki tas-saħħa nazzjonali u subnazzjonali. L-istrateġiji l-ġodda dwar finanzi u foresti sostenibbli jnaqqsu d-distakk fil-protezzjoni tal-klima u jagħtu spinta lir-reżiljenza tal-foresti. L-ewwel Komunikazzjoni tal-UE dwar l-Adattament li qatt tressqet lill-UNFCCC f’Ottubru 2021.
Il-Missjoni dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima għamlet progress tajjeb fit-trawwim ta’ bidla gradwali fl-azzjoni ta’ adattament fil-livell subnazzjonali. Dan jappoġġa mill-anqas 150 reġjun u komunità tal-UE fl-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni tagħhom sabiex tinkiseb reżiljenza għall-klima sal-2030. 118-il reġjun u awtorità lokali minn 18-il Stat Membru ffirmaw il-Karta tal-Missjoni sabiex jissieħbu f’komunità ta’ prattika u ħarġet 12-il sejħa għal finanzjament li jammontaw għal EUR 240 miljun.
L-EEA tippjana rapport sħiħ dwar l-istatus tal-azzjoni nazzjonali ta’ adattament lejn l-aħħar tal-2022. Ir-rapport se jkun ibbażat fuq ir-rapportar mill-awtoritajiet nazzjonali minn Marzu 2021 skont ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u sorsi oħrajn.
6FINANZJAMENT TAL-AZZJONI KLIMATIKA
It-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u r-reżiljenza għall-klima teħtieġ investiment sostanzjali. Fil-livell tal-UE, il-finanzjament huwa disponibbli minn diversi sorsi.
Finanzjament mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet
Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament pubbliku fid-dinja għat-tnedija ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Dan huwa ffinanzjat mill-irkantar ta’ 450 miljun kwota mill-EU ETS matul dan id-deċennju, li jirrappreżentaw madwar EUR 38 biljun. Sa mill-bidu tiegħu fl-2020, madwar EUR 3 biljun ġew investiti f’54 proġett. Fl-2021, tlestew żewġ sejħiet għal proġetti: waħda għal investimenti fuq skala kbira ta’ EUR 1,146 biljun u waħda għal investimenti fuq skala żgħira ta’ EUR 109 miljun.
Taħt l-ewwel sejħa għal proġetti fuq skala kbira, ingħataw seba’ għotjiet, b’offerti ta’ suċċess fis-setturi tal-ETS, inklużi s-sustanzi kimiċi, l-azzar, is-siment, ir-raffineriji, u l-enerġija u s-sħana. Għall-ewwel sejħa għal proġetti fuq skala żgħira, 32 ingħataw għotjiet f’firxa usa’ ta’ setturi tal-ETS inkluż l-idroġenu ekoloġiku, il-ħżin tal-enerġija, il-ħġieġ, is-sħana u l-qbid tal-karbonju.
F’Lulju 2022, intgħażlu minn qabel 17-il proġett taħt it-tieni sejħa fuq skala kbira għal proġetti fis-siment, fl-idroġenu, fis-sustanzi kimiċi, u oħrajn għal total ta’ EUR 1,8 biljun fil-Bulgarija, fil-Finlandja, fi Franza, fil-Ġermanja, fl-Iżlanda, fin-Netherlands, fin-Norveġja, fil-Polonja u fl-Iżvezja. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jiffrankaw sa 136 miljun tunnellata ta’ CO2-eq fl-ewwel 10 snin ta’ tħaddim tagħhom.
Is-sejħa fuq skala kbira li jmiss, li għandha titnieda fil-ħarifa tal-2022, għandha baġit mingħajr preċedent ta’ EUR 3 biljun, b’taqsimiet għal proġetti sabiex jiġi implimentat il-pjan REPowerEU, dwar l-idroġenu u l-elettrifikazzjoni, il-manifattura ta’ teknoloġija nadifa u proġetti pilota.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni, ukoll mill-EU ETS, jappoġġa lill-Istati Membri bi dħul aktar baxx sabiex jimmodernizzaw is-sistemi tal-enerġija tagħhom u jtejbu l-effiċjenza enerġetika. Sal-2030, aktar minn 640 miljun kwota (li jirrappreżentaw madwar EUR 51 biljun) se jiġu rkantati sabiex jappoġġaw lil dawn l-Istati Membri. Mill-2021, ġew ittrasferiti EUR 3,3 biljun lill-Kroazja, liċ-Ċekja, lill-Estonja, lill-Ungerija, lil-Litwanja, lill-Polonja, lir-Rumanija u lis-Slovakkja sabiex jiffinanzjaw 71 investiment għat-tranżizzjoni f’oqsma bħall-fotovoltajċi u l-grilji tal-enerġija għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi.
L-integrazzjoni tal-politiki dwar il-klima fil-baġit tal-UE
Fil-livell tal-UE, l-investiment għat-tranżizzjoni se jiġi minn żewġ sorsi prinċipali: il-“qafas finanzjarju pluriennali” tal-UE ta’ EUR 1,2 triljun għall-2021 sal-2027 u n-Next Generation EU ta’ EUR 806,9 biljun, li jappoġġa l-irkupru tal-UE. Mill-anqas 30 % ta’ dawn iż-żewġ sorsi flimkien (potenzjalment aktar minn EUR 670 biljun fi prezzijiet kurrenti) se jintefqu fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Il-programmi ta’ nfiq skont il-baġit tal-UE għall-2021 sal-2027 għandhom ukoll miri ta’ nfiq klimatiku ta’ mill-anqas 30 %. Dawn jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (30 %), Orizzont Ewropa (35 %), il-Fond ta’ Koeżjoni (37 %), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (60 %), u LIFE (61 %).
Programmi u fondi
Il-Faċilità tal-UE għall-Irkupru u r-Reżiljenza – il-parti ċentrali ta’ NextGenerationEU b’valur sa EUR 723,8 biljun – tippermetti lill-Istati Membri jżidu b’mod sinifikanti l-investimenti klimatiċi. Sabiex jikkwalifikaw għall-għotjiet tal-Faċilità (EUR 338 biljun) u għas-self (EUR 385,8 biljun), l-Istati Membri jridu jħejju pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza li jistabbilixxu investimenti u riformi ta’ politika li joħolqu valur miżjud għall-UE minn tranżizzjoni ekoloġika. Kull pjan nazzjonali jrid jalloka minimu ta’ 37 % tan-nefqa ppjanata għall-azzjoni klimatika u kull miżura trid tikkonforma mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
Is-26 pjan kollha adottati sa nofs Settembru jaqbżu l-parametru referenzjarju ta’ 37 %; 40 % tal-mezzi finanzjarji kollettivi tagħhom huma ddedikati għall-objettivi klimatiċi, għalkemm xi Stati Membri użaw aktar minn nofs l-allokazzjoni tagħhom sabiex jiffinanzjaw il-politika dwar il-klima. Madwar 44 % tal-finanzjament allokat għall-klima huwa mistenni li jimmira lejn l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, u 34 % lejn il-mobilità sostenibbli. Soġġett għall-adozzjoni tal-proposti tar-REPowerEU ta’ Mejju 2022 sabiex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet tal-enerġija tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, l-Istati Membri se jkollhom l-opzjoni li jaġġornaw il-pjanijiet tagħhom u li jżidu l-appoġġ għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli.
Mill-anqas 30 % tal-baġit fil-mira tal-programm InvestEU ta’ EUR 372 biljun f’investiment addizzjonali matul il-perjodu bejn l-2021 u l-2027 se jiġi allokat għall-objettivi klimatiċi. Taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura Sostenibbli, 60 % tal-finanzjament irid jintnefaq fuq il-klima u l-ambjent. Il-BEI, il-FEI u banek sħab ta’ implimentazzjoni oħrajn se jużaw il-garanziji tal-InvestEU għall-investimenti tas-settur privat f’konformità mat-traċċar klimatiku u ambjentali u mal-gwida dwar il-verifika tas-sostenibbiltà żviluppata mill-Kummissjoni.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni jippermettu t-tranżizzjoni ekoloġika billi jittestjaw u juru soluzzjonijiet, jiżviluppaw innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u għarfien għall-politiki bbażati fuq l-aħħar evidenza xjentifika. Il-programm Orizzont Ewropa se jalloka mill-anqas 35 % tal-baġit tiegħu ta’ EUR 95,5 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jappoġġa tranżizzjoni ġusta, li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika. Qegħdin jiżviluppaw sħubijiet ġodda, li jżidu t-teknoloġiji meħtieġa għan-newtralità klimatika. Orizzont Ewropa investa kważi EUR 4,2 biljun f’azzjoni klimatika sa tmiem l-2021 (ċifri preliminari).
Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, jappoġġaw lill-Istati Membri fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li javvanzaw it-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u prijoritajiet oħrajn tal-UE. Kull Stat Membru ħejja Ftehim ta’ Sħubija, li jiddeskrivi strateġija ta’ investiment għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tagħhom għall-2021 sal-2027. Il-fondi se jwasslu mill-anqas EUR 78 biljun f’investiment fl-azzjoni klimatika bejn l-2021 u l-2027 (30 % tal-FEŻR totali u 37 % tal-allokazzjoni baġitarja totali tal-Fond ta’ Koeżjoni). Id-data preliminari mill-programmi abbozzati u adottati tissuġġerixxi li l-fondi allokati għall-klima se jaqbżu l-mira.
Illustrazzjoni 12: Distribuzzjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni allokazzjoni klimatika skont il-qasam tematiku (data preliminari)
Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandu kontribuzzjoni tal-UE ta’ EUR 19,2-il biljun għall-investiment fuq il-perjodu bejn l-2021 u l-2027 f’reġjuni madwar l-Ewropa li se jkunu l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika f’termini ta’ impatt fuq l-istruttura ekonomika u l-effetti soċjali tagħhom. Wara l-ħolqien tal-Fond, l-Istati Membri issa qegħdin iħejju pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta (TJTPs), li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni bħala parti mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-pjanijiet tal-Greċja, ta’ Ċipru, tal-Awstrija, ta’ North Rhine Westphalia u tal-Iżvezja ġew approvati.
Il-Fond Soċjali Ewropew , il-FSE+, jappoġġa l-impjiegi u l-investimenti fil-kapital uman. Sa nofs Settembru madwar terz tal-programmi tal-FSE+ ġew adottati għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027. In-negozjati għadhom għaddejjin; il-programmi kollha tal-FSE+ huma mistennija li jiġu adottati sal-aħħar tas-sena. Sabiex jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi u l-adattament tal-ħiliet u l-kwalifiki għat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, l-Istati Membri qegħdin jippjanaw li jiżviluppaw tipi ġodda ta’ taħriġ, kurrikuli, apprendistat u mudell ta’ negozju bħall-intraprenditorija soċjali.
L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku kompla b’appoġġ tekniku mfassal apposta għall-Istati Membri sabiex ifasslu u jimplimentaw riformi għall-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. 17-il Stat Membru rċevew appoġġ permezz tas-sejħa addizzjonali ddedikata għar-REPowerEU sabiex jidentifikaw riformi u investimenti xierqa sabiex jeliminaw gradwalment id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi.
Il-Programm LIFE huwa l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-ambjent u għall-azzjoni klimatika. Fl-2021, ingħataw aktar minn EUR 290 miljun għal 132 proġett, inklużi proġetti f’żoni bħall-biedja newtrali għall-klima, ir-restawr tal-art bil-pit, l-irkupru tas-sħana fil-manifattura tal-ħadid u tal-azzar u l-adattament tal-foresti u tal-infrastrutturi għall-klima. Se jkun hemm madwar EUR 755 miljun għal proġetti klimatiċi u ambjentali fl-2022, inkluż għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. F’Ġunju, l-Ukrajna ssieħbet fil-programm LIFE u tista’ tibbenefika mill-appoġġ ta’ LIFE sabiex tgħin sabiex jerġa’ jiġi rrestawrat l-ambjent tagħha wara l-qerda li ġabet l-invażjoni Russa.
7AZZJONI INTERNAZZJONALI DWAR IL-KLIMA
Hekk kif temmejna l-ewwel ċiklu ta’ ħames snin tal-Ftehim ta’ Pariġi, is-sena li għaddiet rat skambji internazzjonali intensi u produttivi, b’mod partikolari fil-laqgħat Ministerjali dwar l-Azzjoni Klimatika mlaqqgħin b’mod konġunt mill-UE, miċ-Ċina u mill-Kanada, id-Djalogu dwar il-Klima ta’ Petersberg, is-Summit tal-G20 ta’ Ruma, u l-konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima fi Glasgow (COP26).
Huma u jsegwu l-pass li ħadet l-UE, kważi l-ekonomiji ewlenin kollha impenjaw ruħhom li jiksbu emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti żero sa jew madwar nofs is-seklu. Ħafna żiedu l-miri tal-emissjonijiet tagħhom għall-2030 (kontribuzzjonijiet determinati fil-livell nazzjonali) b’mod sinifikanti, u wrew li l-Ftehim ta’ Pariġi jaħdem, u li l-UE qiegħda tispira lil oħrajn sabiex jaċċelleraw l-azzjoni. Madankollu, skont il-politiki u l-miżuri nazzjonali attwali, id-dinja ma hijiex fit-triq it-tajba sabiex tilħaq l-għan tat-temperatura tal-Ftehim ta’ Pariġi. Jekk il-pajjiżi jissodisfaw il-wegħdiet il-ġodda kollha tagħhom, id-dinja tista’ tkun qiegħda tevita xi impatti klimatiċi severi, madankollu t-tisħin xorta se jaqbeż il-1,5°C sal-aħħar tas-seklu.
L-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet minn tranżizzjoni ekoloġika u l-konsegwenzi minn azzjoni mdewma. L-UE qiegħda tħeġġeġ u tassisti lis-sħab internazzjonali sabiex jipprovdu rispons aktar robust u sostnut għat-theddida komuni tagħna tat-tibdil fil-klima.
L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornitur ta’ finanzjament pubbliku għall-klima fid-dinja, bi EUR 23,4 biljun impenjati fl-2020 sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tinbena r-reżiljenza għall-effetti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp, inklużi EUR 5,2 biljun impenjati fil-livell tal-UE (baġit tal-UE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Bank Ewropew tal-Investiment). Il-finanzjament pubbliku u r-riformi regolatorji qegħdin jikkontribwixxu għall-mobilizzazzjoni tal-kapital u għat-tisħiħ tal-investiment privat meħtieġ sabiex it-tranżizzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE tagħmel kontribut importanti għall-valutazzjonijiet klimatiċi u għall-azzjoni klimatika globali, mal-UE fost il-finanzjaturi ewlenin tal-bażi tal-evidenza li tirfed ir-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima.
Inizjattivi ġodda mmexxija mill-UE matul l-aħħar sena jinkludu s-Sħubija għal Tranżizzjoni tal-Enerġija Ġusta ta’ USD 8,5 biljun bejn l-Afrika t’Isfel u grupp ta’ donaturi, il-Wegħda Globali tal-Metan imnedija mill-Presidenti von der Leyen u Biden u li sa issa ssieħbu fiha aktar minn 100 pajjiż, l-Alleanza Ekoloġika bejn l-UE u l-Ġappun, u d-deċiżjoni tal-Mexxejja tal-G20 li jtemmu l-finanzjament pubbliku internazzjonali għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam mingħajr tnaqqis.