EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0482

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW It-33 Rapport Annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi – 2021

COM/2022/482 final

Brussell, 23.9.2022

COM(2022) 482 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-33 Rapport Annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi – 2021

{SWD(2022) 302 final} - {SWD(2022) 303 final} - {SWD(2022) 304 final} - {SWD(2022) 305 final} - {SWD(2022) 306 final} - {SWD(2022) 307 final}


Werrej

1.Introduzzjoni

1.1.Kunċetti ewlenin

1.2.L-interessi finanzjarji tal-UE fl-2021

2.Punti ewlenin tal-2021

2.1.Atti ewlenin adottati

2.2.Ġurisprudenza dwar kwistjonijiet tal-PIF

3.L-arkitettura tal-UE Kontra l-Frodi

3.1.Il-livell Ewropew

3.1.1.Il-Parlament Ewropew

3.1.2.Il-Kunsill

3.1.3.Il-Kummissjoni Ewropea

3.1.4.L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

3.1.5.L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

3.1.6.Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA)

3.1.7.Il-Eurojust

3.1.8.Il-Europol

3.2.Il-livell tal-Istati Membri

3.2.1.Is-Servizzi ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS)

3.2.2.L-Istrateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi (NAFS)

3.2.3.L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 mill-Istati Membri

4.Il-kooperazzjoni kontra l-frodi

4.1.Il-kooperazzjoni internazzjonali

4.1.1.Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE u d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka u l-ġlieda kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali

4.1.2.Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni CoSP9 u r-riżoluzzjonijiet sponsorjati mill-UE

4.1.3.Il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk

4.2.Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri

4.2.1.L-attivitajiet tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF)

4.2.2.Il-programm tal-UE kontra l-frodi

4.2.3.Kooperazzjoni fil-qasam tad-dħul

4.2.3.1.Il-programm doganali

4.2.3.2.Il-programm Fiscalis

4.2.3.3.Operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs)

5.miżuri ewlenin għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi

5.1.It-traspożizzjoni tad-Direttiva PIF

5.2.Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

5.3.Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

5.4.Protezzjoni tal-informaturi

5.5.Is-sett ta’ għodod tal-Istat tad-Dritt

5.5.1.Rapport dwar l-istat tad-dritt – sejbiet prinċipali u punti ewlenin fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

5.5.2.Il-progress fl-implimentazzjoni tar-regolament tal-UE dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE

5.6.Il-politika kontra l-korruzzjoni

6.Ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll

6.1.Is-sorsi tad-data u l-metodoloġija

6.2.Dħul

6.2.1.Frodi tal-VAT

6.2.2.Riżorsi proprji tradizzjonali

6.3.Nefqa

6.3.1.Ġestjoni kondiviża

6.3.2.Ġestjoni indiretta

6.3.3.Ġestjoni diretta

7.Prospetti għall-2022, Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

7.1.Il-qasam tal-UE kontra l-frodi

7.2.Trasparenza, ġestjoni tar-riskju ta’ frodi u diġitalizzazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi



SOMMARJU EŻEKUTTIV

Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet sfidi ġodda li għalihom l-UE rreaġixxiet malajr, b’mod flessibbli u billi użat strumenti u riżorsi ġodda. Bl-introduzzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u bl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE żdied b’mod sinifikanti. Il-Kummissjoni appoġġat lill-awtoritajiet nazzjonali fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet nazzjonali, filwaqt li tat attenzjoni partikolari lit-tfassil ta’ miżuri biex ir-riżorsi tal-RRF jiġu protetti kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni, kontra l-kunflitt ta’ interess u kontra l-finanzjament doppju.

L-UE u l-atturi nazzjonali kontra l-frodi saħħew il-kooperazzjoni tagħhom matul l-2021, kemm fir-rigward tal-protezzjoni tad-dħul kif ukoll tan-nefqa tal-UE. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) beda l-operazzjonijiet tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2021. Ir-riżultati operazzjonali mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u mill-UPPE juru l-valur miżjud li l-korpi tal-UE jġibu għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari billi jegħlbu l-limitazzjonijiet tas-sistemi nazzjonali fit-trattament tar-reati transfruntieri.

Fl-2021, l-UE lestiet l-adozzjoni tal-programmi ta’ nfiq 2021-2027. Il-leġiżlazzjoni tiżgura li l-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-UPPE jkunu jistgħu jeżerċitaw il-mandat tagħhom u li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu miżuri effettivi kontra l-frodi filwaqt li jqisu kwalunkwe riskju identifikat. Fost dawn il-programmi, il-Programm tal-Unjoni kontra l-Frodi jappoġġa l-ġlieda kontra l-frodi billi jipprovdi għotjiet għal inizjattivi speċifiċi u billi jippermetti l-finanzjament ta’ pjattaforma u għodod iddedikati tal-IT biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UE.

L-għadd ta’ frodi u irregolaritajiet irrapportati mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE u minn dawk nazzjonali fl-2021 baqa’ stabbli meta mqabbel mal-2020, filwaqt li l-ammonti irregolari relatati żdiedu, minħabba sejbiet sinifikanti f’għadd limitat ta’ Stati Membri. L-għadd ta’ irregolaritajiet mhux frawdolenti rrapportati f’ċerti oqsma ta’ nfiq huwa baxx meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. Dan it-tnaqqis jista’ jiġi spjegat parzjalment minn, pereżempju, dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, bidliet fil-prattiki tar-rapportar u l-użu ta’ għażliet ta’ kostijiet issimplifikati.

Minbarra r-riskji rikorrenti, l-implimentazzjoni tal-RRF se żżid il-pressjoni fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali fis-snin li ġejjin, peress li se jkollhom bżonn jimplimentaw il-pjanijiet tal-RRF u, fl-istess ħin, il-programmi ta’ nfiq 2021-2027. F’dan ir-rigward, huma se jkollhom bżonn juru għarfien espert u kontroll ta’ modi differenti ta’ ġestjoni relatata mal-implimentazzjoni tad-diversi fondi.

L-UE għandha l-għan li ssegwi aktar koerenza u armonizzazzjoni biex telimina lakuni potenzjali fl-arkitettura ta’ kontroll ġenerali li jistgħu jiġu sfruttati minn frodisti. Il-prinċipji ta’ gwida diġà ġew stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda jistgħu jissaħħu ulterjorment. L-Istati Membri għandhom jikkoreġu l-problemi identifikati relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva PIF u jsegwu t-titjib tat-trasparenza u d-diġitalizzazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi u t-tisħiħ u l-iżvilupp kontinwu tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju ta’ frodi. Il-Kummissjoni ressqet proposta għall-emenda tar-Regolament Finanzjarju li għandha l-għan li ssaħħaħ l-azzjoni tal-UE skont dawn il-linji.



LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET

AFIS

Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi

AFCOS

Servizz ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi

CAFS

Strateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi

CoSP

Konferenza tal-Istati Partijiet

Direttorat Ġenerali

QEA

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

EDES

Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni

PE

Il-Parlament Ewropew

EPF

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi

UPPE

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

FSIE

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

UE

L-Unjoni Ewropea

EUBAM

Il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna

FCTC

Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk

FDR

Rata ta’ Identifikazzjoni tal-Frodi

HFC

Idrofluworokarburi (gassijiet refriġeranti)

IDR

Rata ta’ Identifikazzjoni tal-Irregolaritajiet

IMS

Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet

SIK

Skwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta

QFP

Qafas Finanzjarju Plurennali

NGEU

NextGeneration EU

OFIS

Sistema ta’ Informazzjoni Organika

OLAF

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

PIF

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji

RRF

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

SCO

Għażliet ta’ Kostijiet Issimplifikati

TFUE

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

RPT

Riżorsi Proprji Tradizzjonali

UNCAC

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni

VAT

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

VOCU

Unità ta’ Koordinazzjoni tal-Operazzjonijiet Virtwali

WCO

L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali



1.Introduzzjoni

L-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u għall-ġlieda kontra l-frodi. L-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE jiġġestixxu l-akbar sehem tan-nefqa tal-UE u jiġbru r-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT). Il-Kummissjoni tissorvelja dawn iż-żewġ oqsma, tistabbilixxi l-istandards u tivverifika l-konformità. F’konformità mal-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, hija obbligata li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar il-miżuri meħudin sabiex jiġu miġġielda l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE (ir-rapport PIF 1 ). Għall-2021, dan ir-rapport u d-dokumenti li jakkumpanjawh jissodisfaw dan l-obbligu.

Ir-Rapport PIF 2021 jippreżenta:

(1)ħarsa ġenerali lejn l-interessi finanzjarji tal-UE, lejn l-atti legali ewlenin adottati għall-protezzjoni tagħhom u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja;

(2)l-aktar żviluppi sinifikanti kontra l-frodi fl-UE kollha kemm hi u fl-Istati Membri;

(3)il-kooperazzjoni kontra l-frodi;

(4)oqsma ewlenin għall-protezzjoni konsistenti u armonizzata tal-interessi finanzjarji tal-UE;

(5)statistika u data dwar il-frodi u l-irregolaritajiet li jaffettwaw il-baġit tal-UE u l-analiżi tagħhom;

(6)perspettiva għall-2022, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

1.1.Kunċetti ewlenin

L-aktar termini importanti li jintużaw fir-Rapport PIF huma miġbura fil-qosor fil-Kaxxa 1.

Kaxxa 1: Definizzjonijiet applikabbli

Għal deskrizzjoni sħiħa tal-interessi finanzjarji tal-UE ara t-Taqsima 1.2.

Irregolarità tfisser kwalunkwe ksur tad-dritt tal-UE, jew tal-liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tiegħu, li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni minn operatur ekonomiku, li jew kellu, jew jista’ jkollu, effett li jippreġudika l-baġit tal-UE, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jirriżulta mir-riżorsi proprji miġbura direttament f’isem l-UE, jew billi jiċċarġja nefqa mhux ġustifikata għall-baġit tal-UE 2 .

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1371 (id-“Direttiva PIF”), kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, inkluż l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew ta’ dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, jew in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni minkejja obbligu speċifiku li jsir dan, jew l-applikazzjoni ħażina tal-fondi jew tal-benefiċċji, jammontaw għal frodi. Id-Direttiva PIF tiddistingwi wkoll bejn il-frodi:

(1)f’nefqa mhux relatata mal-akkwist;

(2)f’nefqa relatata mal-akkwist;

(3)fi dħul għajr id-dħul li jirriżulta mir-riżorsi proprji tal-VAT;

(4)fi dħul li jirriżulta mir-riżorsi proprji tal-VAT.

Ir-regolamenti settorjali dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet f’ġestjoni kondiviża jintroduċu l-kunċett ta’ suspett ta’ frodi, definit bħala “irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit li hemm imġiba intenzjonata, b’mod partikolari frodi” 3 .

Il-frodi titqies bħala frodi stabbilita ladarba tkun ittieħdet deċiżjoni definittiva (ġudizzjarja jew amministrattiva) minn korp kompetenti, li tistabbilixxi l-preżenza ta’ mġiba intenzjonata.

Il-Kaxxa 2 tispjega kif jintużaw il-kunċetti ta’ suspett ta’ frodi u frodi stabbilita fir-rigward tal-istatistika ppubblikata f’dan ir-rapport. 

Il-korruzzjoni tirreferi għal kwalunkwe abbuż ta’ poter minn uffiċjal pubbliku għal gwadann privat, li għandu l-effett li jippreġudika l-interessi finanzjarji tal-UE.

1.2.L-interessi finanzjarji tal-UE fl-2021

L-interessi finanzjarji tal-UE jinkludu d-dħul, in-nefqiet u l-assi koperti mill-baġit tal-UE u dawk koperti mill-baġits tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-UE u l-baġits ġestiti u mmonitorjati minnhom 4 .

In-naħa tad-dħul tal-baġit hija magħmula minn riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) 5 , mit-taxxa fuq il-valur miżjud u minn sehem mill-introjtu nazzjonali gross tal-Istati Membri tal-UE.

L-Illustrazzjoni 1 turi r-riżorsi disponibbli għall-UE fl-2021.

Illustrazzjoni 1 - Dħul tal-UE fl-2021

L-UE tiffinanzja l-politiki tagħha permezz ta’ dawn ir-riżorsi (ara l-Illustrazzjoni 2).

Illustrazzjoni 2 - Nefqa tal-UE fl-2021

Għalkemm jiġi implimentat fuq bażi annwali 6 , il-baġit huwa parti mill-baġit fit-tul tal-UE, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li jipprovdi l-limiti tal-infiq għal 7 snin.

2.Punti ewlenin tal-2021

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-atti ewlenin adottati u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet tal-PIF fl-2021.

2.1.Atti ewlenin adottati

It-Tabella 1 turi l-atti leġiżlattivi ewlenin adottati fl-2021. Matul din is-sena ġiet adottata firxa wiesgħa ta’ regolamenti dwar il-programmi ta’ nfiq 2021-2027. Dawn fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jtennu l-kompetenza tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE, u jirrikjedu li pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-programmi jagħtu lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa biex jeżerċitaw b’mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Ir-referenza għal dawk ir-regolamenti ma ġietx inkluża fit-tabella.

Tabella 1 - Atti ewlenin adottati

Titolu

Deskrizzjoni ta’ kif l-att jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 7

Ir-“Regolament RRF”. L-Artikolu 22 fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE 8 .

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi 9 .

Il-Premessa 71 ittenni l-kompetenza tal-OLAF u tal-UPPE li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE għall-programmi relatati.

L-Artikolu 69 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw il-legalità u r-regolarità tan-nefqa u jieħdu azzjonijiet biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu u jirrapportaw dwar l-irregolaritajiet, inkluża l-frodi. Dan jiżgura wkoll li l-Kummissjoni, l-OLAF u l-QEA jkollhom l-aċċess meħtieġ għal informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji tar-riċeventi tal-fondi tal-UE.

Skont l-Artikolu 74, l-awtoritajiet maniġerjali huma mitluba jkollhom fis-seħħ miżuri u proċedura effettivi u proporzjonati kontra l-frodi, filwaqt li jqisu r-riskji identifikati.

L-Anness XII jistabbilixxi regoli dettaljati u l-mudell għar-rapportar ta’ irregolaritajiet.

Ir-Regolament (UE) 2021/785 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni Kontra l-Frodi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 10

Il-Programm tal-Unjoni kontra l-Frodi, is-suċċessur ta’ HERCULE III, jiffinanzja attivitajiet kontra l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE 11 .

2.2.Ġurisprudenza dwar kwistjonijiet tal-PIF

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE. Fl-2021, il-Qorti ħadet tliet deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

In-numru tal-kawża u d-deskrizzjoni

C-130/19 12 , il-Qorti tal-Awdituri vs Pinxten.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ex Membru tal-QEA kien kiser l-obbligi li kienu ġejjin mill-uffiċċju tiegħu bħala Membru tal-QEA billi wettaq għadd ta’ atti inkluż l-użu mhux xieraq tar-riżorsi tal-QEA biex jiffinanzja attivitajiet mhux relatati mad-dmirijiet tiegħu u l-użu ta’ kard tal-fjuwil ipprovduta mill-Qorti għax-xiri tal-fjuwil għal vetturi ta’ partijiet terzi. Il-Qorti ċaħħdet lill-ex Membru minn żewġ terzi tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa importanti li l-Membri tal-QEA josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta u jiżguraw li l-interess ġenerali tal-UE jieħu preċedenza f’kull ħin, mhux biss fuq l-interessi nazzjonali iżda wkoll fuq l-interessi personali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għalkemm persuni li għandhom pożizzjonijiet importanti fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE jridu josservaw l-ogħla standards ta’ kondotta, il-funzjoni speċifika tal-Qorti tal-Awdituri – il-verifika tar-regolarità tan-nefqa tal-UE u s-solidità tal-ġestjoni finanzjarja – żiedet il-gravità tal-irregolaritajiet imwettqa mill-ex Membru.

C-360/20 13 , Ministerul Lucrărilor Publice, Dezvoltării şi Administraţiei.

F’din id-deċiżjoni, il-Qorti qieset li l-kunċett ta’ frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF 14 ma jinkludix biss ir-riċevuta illegali ta’ fondi mill-baġit tal-UE, iżda wkoll iż-żamma illegali tagħhom. Il-frodi, għalhekk, tista’ tieħu l-forma ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ rapportar wara l-kisba ta’ dawk il-fondi. Konsegwentement, il-frodi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni PIF tkopri l-użu intenzjonat ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew mhux korretti magħmula wara l-implimentazzjoni ta’ proġett iffinanzjat mill-UE biex tinħoloq l-illużjoni li l-obbligi skont il-ftehim ta’ finanzjament ikunu ġew issodisfati matul il-perjodu ta’ sostenibbiltà tal-proġett, bl-għan li l-fondi mill-baġit tal-UE jinżammu b’mod illegali.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li skontha persuna ma tistax tiġi mħarrka għal tali dikjarazzjonijiet sakemm ma jkunux saru matul l-implimentazzjoni tal-proġett, hija inkompatibbli mal-Artikolu 325 tat-TFUE. Madankollu, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, il-qrati nazzjonali mhux se jkunu obbligati jinterpretaw leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din bħala li tapplika għal dikjarazzjonijiet magħmula wara l-implimentazzjoni tal-proġett fejn dan iwassal għal ksur tal-prinċipju tal-legalità ta’ reati u ta’ pieni kriminali. Fil-każ ta’ ksur potenzjali, se jkun f’idejn il-leġiżlatur nazzjonali li jieħu l-passi xierqa.

C-357/19, C-379/19, C-547/19, C-811/19 u C-840/19 15 , Euro Box Promotion et.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-UE tal-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Rumena dwar ir-regoli tal-proċedura kriminali applikabbli għall-proċedimenti ta’ frodi u korruzzjoni. Fl-2018, il-Qorti Kostituzzjonali Rumena rrevokat is-sentenzi tal-Qorti Għolja Rumena tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja li kkundannaw bosta persuni għal frodi tal-VAT, korruzzjoni u eżerċitar ta’ influwenza b’rabta mal-ġestjoni tal-fondi tal-UE, filwaqt li ddikjarat, fis-sustanza, li l-bordijiet ta’ mħallfin li kienu semgħu l-każijiet kienu magħmula b’mod irregolari. Dwar il-kwistjoni, fost kwistjonijiet oħra, saret referenza preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti Rumena inferjuri ta’ jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali wasslitx għal riskju sistemiku ta’ impunità fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni, b’mod partikolari, peress li r-reati ma jiġux ikkastigati minħabba li jsiru preskritti biż-żmien.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja fl-Istati Membri huma, fil-prinċipju, kwistjoni għall-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri, dawn ir-regoli, madankollu, iridu jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn l-obbligi jinkludu l-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali, inkluż ir-reati ta’ korruzzjoni, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE permezz ta’ miżuri ta’ deterrent effettivi. Ir-rekwiżit tal-effettività japplika kemm għall-proċedimenti kif ukoll għall-penali għal dawk ir-reati u għall-infurzar tal-penali imposti. Huwa primarjament f’idejn il-leġiżlatura nazzjonali li tiżgura li r-regoli proċedurali applikabbli għal dawk ir-reati ma jippreżentawx riskju sistemiku ta’ impunità. Il-qrati nazzjonali, min-naħa tagħhom, ma għandhomx japplikaw dispożizzjonijiet domestiċi li jipprevjenu l-applikazzjoni ta’ penali deterrenti effettivi. Fil-każ inkwistjoni, il-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Rumena hija li l-każijiet ta’ frodi u korruzzjoni kkonċernati jridu jiġu eżaminati mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ f’diversi okkażjonijiet, fl-ewwel istanza u/jew f’appell. Dan jista’ jwassal għall-preskrizzjoni tagħhom, bir-riżultat li l-persuni li jokkupaw l-ogħla pożizzjonijiet fl-Istat Rumen li jkunu ġew ikkundannati fuq frodi jew korruzzjoni ma jiġux ippenalizzati b’mod li jkun effettiv u jaġixxi bħala deterrent. Ir-riskju ta’ impunità jsir sistemiku għal dik il-kategorija ta’ persuni u jqajjem dubji dwar l-objettiv tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kbira. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 325 tat-TFUE u l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni PIF jipprekludu r-regoli jew il-prattiki nazzjonali li taħthom is-sentenzi f’każijiet ta’ korruzzjoni u ta’ frodi tal-VAT ma ġewx mogħtija minħabba bordijiet ta’ mħallfin magħmula b’mod irregolari, fejn dan iwassal għal riskju sistemiku li atti li jikkostitwixxu frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE jew il-korruzzjoni b’mod ġenerali ma jiġux ikkastigati. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-qorti tar-rinviju kellha tivverifika l-kompatibbiltà ta’ tali approċċ mad-dritt tal-akkużat għal proċess ġust skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.L-arkitettura tal-UE Kontra l-Frodi

L-arkitettura leġiżlattiva u organizzazzjonali kumplessa fis-seħħ biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE hija r-riżultat ta’ proċess kontinwu li jkopri aktar minn tliet deċennji 16 . Din it-taqsima tippreżenta l-aktar żviluppi sinifikanti f’dan il-qasam fl-2021 17 .

3.1.Il-livell Ewropew

3.1.1.Il-Parlament Ewropew

Minbarra l-attivitajiet leġiżlattivi tiegħu, il-Parlament Ewropew (PE) jeżamina l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE min-naħa tal-Kummissjoni (u ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra) permezz ta’ proċedura magħrufa bħala “kwittanza”. Fl-2021, il-PE ta l-kwittanza għas-sena finanzjarja 2019 18 u beda l-proċedura għas-sena finanzjarja 2020 19 . Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) huwa ċentrali għall-proċedura ta’ kwittanza u jabbozza wkoll rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Ir-rapport jipprovdi gwida politika għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri ladarba jiġi adottat bħala riżoluzzjoni fil-plenarja tal-Parlament. Fl-2021, diversi laqgħat tal-CONT iffukaw fuq l-attivitajiet tal-OLAF, u l-Uffiċċju ġie mistieden jippreżenta r-riżultati tiegħu.

Daqqa ta’ għajn 1 - Ir-riżoluzzjoni għall-2019 tal-Parlament Ewropew dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Ir-riżoluzzjoni tal-PE għall-2019 ġiet adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2021, wara li rċeviet vot favorevoli tal-CONT fil-21 ta’ Ġunju 2021 20 .

Ir-riżoluzzjoni hija fil-biċċa l-kbira pożittiva filwaqt li tirrakkomanda aktar azzjoni tal-Kummissjoni f’varjetà ta’ oqsma relatati mal-ġlieda kontra l-frodi. Hija tieħu nota tat-tnaqqis fl-għadd ta’ irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2019 u titlob kooperazzjoni aktar mill-qrib mill-Istati Membri dwar l-iskambju ta’ informazzjoni. Ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni għar-riforma tax-xenarju kontra l-frodi u titlob li l-OLAF u l-UPPE jingħataw riżorsi adegwati. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza r-rwol kruċjali tal-kapaċità ta’ identifikazzjoni u tistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw kemm li l-kwalità tal-kontrolli tittejjeb kif ukoll li l-għadd tagħhom jiżdied. Il-PE jitlob lill-Kummissjoni b’mod partikolari biex:

·toħloq sistema ta’ rapportar u monitoraġġ diġitali u interoperabbli għal rapportar f’waqtu, uniformi u standardizzat mill-Istati Membri f’ġestjoni kondiviża;

·tadotta strateġija kontra l-frodi li tinvolvi lill-Istati Membri;

·tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fil-qasam tal-infiq tal-UE;

·tinkludi proposti għal limiti massimi għal kull persuna fiżika għall-benefiċjarji tal-Politika Agrikola tal-Kummissjoni (PAK) u l-fondi ta’ koeżjoni fil-proposta tagħha għar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju;

·testendi s-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) għal ġestjoni kondiviża; u

·tappoġġa u tipproteġi l-ġurnaliżmu investigattiv.

3.1.2.Il-Kunsill

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Ġlieda Kontra l-Frodi jittratta kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw dawk l-interessi. Huwa jaħdem ukoll dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-OLAF u l-Kumitat ta’ Sorveljanza tiegħu.

Il-grupp ta’ ħidma huwa responsabbli biex jeżamina:

·proposti leġiżlattivi dwar il-ġlieda kontra l-frodi u dwar l-attivitajiet tal-OLAF;

·rapporti annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

L-OLAF irrappreżenta lill-Kummissjoni f’diversi gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, b’mod partikolari fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ġlieda Kontra l-Frodi.

3.1.3.Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi l-istrateġiji u tikkonkretizza f’politiki u f’inizjattivi l-għanijiet politiċi ġenerali żviluppati b’mod kollettiv mill-istituzzjonijiet tal-UE. Id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni (DĠ) jimmaniġġaw politiki speċifiċi u l-programmi ta’ nfiq relatati li jappoġġawhom. Sabiex tipproteġi aħjar il-baġit tal-UE, fl-2019, il-Kummissjoni adottat l-istrateġija tagħha kontra l-frodi (l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS)), akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni.

Daqqa ta’ għajn 2 – Is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja s-CAFS

L-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi (CAFS), u l-pjan ta’ azzjoni assoċjat tagħha li jinkludi 63 azzjoni, għandhom rwol sinifikanti fil-prevenzjoni tal-użu ħażin possibbli tal-fondi tal-UE. Skont il-koordinazzjoni tal-OLAF, id-dipartimenti responsabbli tal-Kummissjoni għamlu progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, u dan poġġihom fit-triq it-tajba biex jirrispettaw l-iskadenza ta’ Diċembru 2021 għat-tlestija. Sa Ġunju 2022 kienu tlestew 59 mis-63 azzjoni – madwar 94 % 21 .

L-istrateġija għandha żewġ objettivi prinċipali, biex ittejjeb: (i) il-ġbir u l-analiżi tad-data; u (ii) il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-proċessi.

F’konformità mal-ewwel objettiv, l-OLAF intensifika l-ħidma analitika tiegħu, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ qafas ta’ riskju għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li jkopri irregolaritajiet serji potenzjali – frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess – li jirriżultaw fl-implimentazzjoni tal-RRF. Huwa nieda wkoll studju dwar l-iżvilupp futur tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), biex tindirizza kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà u ttejjeb ir-rapportar mill-Istati Membri.

F’konformità mat-tieni objettiv tas-CAFS, kompla l-progress dwar għadd ta’ azzjonijiet immirati sabiex iżidu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni b’sistema aktar effettiva ta’ sorveljanza kontra l-frodi. Il-kuntatti u l-kooperazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni ġew intensifikati, b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat regolari ta’ gruppi ta’ rappreżentanti tal-Kummissjoni – stabbiliti skont il-mod jew it-tema ta’ ġestjoni – taħt il-patroċinju tan-network għall-Prevenzjoni u l-Identifikazzjoni tal-Frodi (FPDNet) immexxi mill-OLAF.

Il-Kummissjoni impenjat ruħha wkoll li ttejjeb il-monitoraġġ tas-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF, parti essenzjali mill-isforzi biex il-fondi li jintefqu b’mod żbaljat jerġgħu jitqiegħdu fil-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni u l-OLAF għamlu sforz konġunt biex iżidu l-effiċjenza ta’ dan il-monitoraġġ u qiesu madwar 1 700 rakkomandazzjoni finanzjarja maħruġa lid-dipartimenti u lill-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni bejn l-2012 u l-2020. B’kollox, is-somma tal-ammonti rakkomandati għall-irkupri għall-2012-2020 hija ekwivalenti għal aktar minn EUR 7 biljun b’aktar minn 40 % relatati ma’ ħames każijiet kbar ta’ sottovalwazzjoni doganali 22 .

Sabiex jiġu żgurati sforzi sostnuti kontra l-frodi fil-Kummissjoni, u sabiex jiġu indirizzati kemm l-azzjonijiet li jifdal tal-pjan ta’ azzjoni CAFS tal-2019 kif ukoll il-prijoritajiet il-ġodda tal-Kummissjoni, l-OLAF qiegħed jikkunsidra reviżjoni mmirata tal-pjan. L-objettivi ewlenin u l-prinċipji sottostanti tas-CAFS jibqgħu validi u l-enfasi maħsub ta’ pjan ta’ azzjoni rivedut se jkun fuq prijoritajiet tal-Kummissjoni bħall-QFP il-ġdid, l-RRF, il-kooperazzjoni mal-UPPE, u r-rwol tad-diġitalizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi.

3.1.4.L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) iwettaq investigazzjonijiet indipendenti dwar il-frodi u l-korruzzjoni li jinvolvu fondi tal-UE u jiżviluppa politika tal-UE ta’ kontra l-frodi sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE.

Daqqa ta’ għajn 3 – Attivitajiet tal-OLAF fl-2021

Saru madwar 1 100 għażla matul is-sena, li wasslu għall-ftuħ ta’ 234 każ investigattiv ġdid. Total ta’ 212-il investigazzjoni ġew konklużi b’suċċess matul is-sena, li wasslu għall-ħruġ ta’ 294 rakkomandazzjoni finanzjarja, ġudizzjarja, dixxiplinari u amministrattiva mill-OLAF lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE u dawk nazzjonali. Il-maġġoranza ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu jikkonċernaw l-irkupru tal-fondi tal-UE mill-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali inkwistjoni – EUR 527,4 miljun fl-2021. Bis-saħħa tal-ħidma tal-OLAF, aktar minn EUR 340 miljun ġew ipprevenuti milli jintefqu bla bżonn.

L-investigazzjonijiet tal-OLAF urew għadd ta’ xejriet ġodda fl-attività frawdolenti, bħall-frodi relatata mal-COVID-19, it-tranżizzjoni ekoloġika, u l-immaniġġar tal-iskart.

Fil-5 ta’ Lulju 2021, ġie ffirmat arranġament ta’ ħidma bejn l-OLAF u l-UPPE bil-għan li tiġi ottimizzata l-kooperazzjoni operazzjonali. Din il-kooperazzjoni diġà qed tipproduċi riżultati tanġibbli. Fl-2021, l-OLAF kien sors sinifikanti ta’ informazzjoni ġdida għall-UPPE 23 : 85 mill-investigazzjonijiet kriminali tiegħu kienu bbażati fuq ir-rappurtar investigattiv tal-OLAF. Il-ħsara totali possibbli lill-baġit tal-UE tal-kwistjonijiet taħt investigazzjoni rrapportati mill-OLAF fl-2021 kienet stmata għal EUR 2,2 biljun 24 . L-investigaturi u l-analisti forensiċi tal-OLAF ipprovdew ukoll appoġġ sostanzjali għall-investigazzjonijiet tal-UPPE, billi pparteċipaw f’intervisti tax-xhieda bħala esperti u pprovdew analiżi dettaljata tal-kwistjonijiet doganali. L-OLAF fetaħ bosta investigazzjonijiet komplementari. Dawn taw xi riżultati sinifikanti f’termini ta’ ġustizzja finanzjarja u kriminali.

3.1.5.L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), bħala l-ewwel awtorità ta’ prosekuzzjoni supranazzjonali, għandu s-setgħa li jinvestiga u jmexxi l-prosekuzzjoni kontra reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE fit-22 Stat Membru parteċipanti tal-UE 25 .

Daqqa ta’ għajn 4 - L-ewwel 7 xhur tal-attività operazzjonali tal-UPPE f’numri

L-UPPE beda jopera fl-1 ta’ Ġunju 2021. Sa tmiem l-2021, b’kollox l-Uffiċċju rċieva 2 832 rapport u fetaħ 576 investigazzjoni (515-il investigazzjoni attiva sal-31 ta’ Diċembru 2021) 26 .

Ir-rapporti prinċipalment ġew mill-awtoritajiet nazzjonali jew minn partijiet privati.

L-UPPE kkonkluda arranġament ta’ ħidma mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, u bħalissa hemm għaddejjin negozjati dwar il-konklużjoni ta’ arranġament ta’ ħidma mal-Polonja, l-Irlanda u d-Danimarka.

Fir-rigward tal-irkupru tar-rikavati minn attivitajiet kriminali, saru 81 azzjoni ta’ rkupru fi 12 mill-Istati Membri parteċipanti (l-Italja, il-Belġju, il-Ġermanja, ir-Rumanija, iċ-Ċekja, il-Kroazja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Spanja, il-Litwanja, u l-Portugall). B’kollox, l-UPPE talab li jiġu ssekwestrati aktar minn EUR 152 miljun, u ngħata l-permess għal sekwestru ta’ aktar minn EUR 147 miljun.

F’konformità mal-prinċipju tal-legalità, l-UPPE huwa obbligat jibda investigazzjonijiet kull meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex jemmen li jkun qed jitwettaq, jew ikun twettaq, reat fil-kompetenza tiegħu. L-awtoritajiet nazzjonali huma legalment obbligati li jirrapportaw lill-UPPE kwalunkwe kondotta kriminali li fir-rigward tagħha l-UPPE jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu bdew jinvestigaw reat li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UPPE u huwa jiddeċiedi li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ evokazzjoni, huma jkunu obbligati li jgħaddu l-każijiet tagħhom lilu. L-investigazzjonijiet jinbdew mill-Prosekuturi Delegati Ewropej fl-Istati Membri parteċipanti u jiġu ssorveljati minn 22 Prosekutur Ewropew u mill-Kap Prosekutur Ewropew fil-Lussemburgu. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej huma inkorporati fis-servizzi jew fil-ġudikatura nazzjonali ta’ prosekuzzjoni pubblika. Madankollu, dawn jistgħu jingħataw direzzjoni biss fir-rigward tal-ħidma operazzjonali tagħhom mill-kwartieri ġenerali tal-UPPE, jew permezz tal-15-il Awla Permanenti jew tat-22 Prosekutur Ewropew. Fl-2021, kien hemm 95 Prosekutur Delegat Ewropew attiv u huwa intenzjonat li jinħatru 140. Il-Kulleġġ tal-UPPE ltaqa’ 34 darba u adotta 125 deċiżjoni. Huwa emenda u ssupplimenta xi deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ewwel tagħlimiet meħuda, pereżempju, dwar l-allokazzjoni ta’ każijiet lill-Awli Permanenti jew il-verifika tal-informazzjoni rreġistrata biex tiġi vvalutata l-kompetenza tal-UPPE.

Daqqa ta’ għajn 5 – Il-Ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-UPPE

Il-qafas legali li jirregola l-UPPE jipprevedi li huwa jistabbilixxi u jżomm relazzjoni kooperattiva mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Għal dak il-għan, huma kkonkludew ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet għall-kooperazzjoni tagħhom.

Il-Ftehim, li ġie ffirmat fit-18 ta’ Ġunju 2021, jagħti dettalji dwar l-arranġamenti amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-obbligi reċiproċi ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-UPPE. Huma għandhom l-għan, minn naħa, li jippermettu lill-UPPE jinvestiga u jħarrek b’mod effettiv reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE; u, min-naħa l-oħra, li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jiżguraw segwitu amministrattiv, finanzjarju u dixxiplinari xieraq għall-investigazzjonijiet tal-UPPE, inklużi miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi protett il-baġit tal-UE.

Il-Ftehim jispeċifika, b’mod partikolari, a) it-tipi speċifiċi ta’ informazzjoni jew konsultazzjonijiet li għandhom jiġu trażmessi f’kull każ; b) il-punti ta’ kuntatt rilevanti; c) il-proċeduri, l-għodod ta’ komunikazzjoni, il-mudell u l-iskadenzi applikabbli; u d) il-kundizzjonijiet li taħthom l-UPPE jkun jista’ jaċċessa bażijiet tad-data rilevanti speċifiċi mmaniġġati mill-Kummissjoni. Huwa jinkludi wkoll referenza għall-kooperazzjoni mill-qrib u f’waqtha bejn il-Kummissjoni u l-UPPE fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

3.1.6.Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) tivvaluta l-ekonomija, l-effettività, l-effiċjenza, il-legalità u r-regolarità tal-azzjoni tal-UE sabiex ittejjeb ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja.

Daqqa ta’ għajn 6 – Ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Kull sena, il-QEA tawditja d-dħul u n-nefqa tal-baġit tal-UE u tipprovdi l-opinjoni tagħha dwar sa liema punt il-kontijiet annwali huma affidabbli, u l-introjtu u l-infiq jikkonformaw mar-regoli u mar-regolamenti fis-seħħ. Ir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2020 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Ottubru 2021 27 .

Il-QEA kkonkludiet li l-kontijiet ma kinux affettwati minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali. Fir-rigward tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet, hija kkonkludiet li d-dħul kien ħieles minn żball materjali. Fir-rigward tan-nefqa, ir-riżultati tal-awditjar juru li l-livell stmat ta’ żball baqa’ l-istess bħas-sena l-oħra, 2,7 %. In-nefqa b’riskju għoli (prinċipalment ibbażata fuq ir-rimborż) kienet affettwata minn livell materjali ta’ żball. Fl-2021, ġew irrapportati sitt każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF.

3.1.7.Il-Eurojust

Il-Eurojust, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, tikkoordina l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali – mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll minn pajjiżi mhux tal-UE – fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ reati transfruntieri. Fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, hija teżerċita l-aktar ir-rwol tagħha fir-rigward tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-UPPE.

Daqqa ta’ għajn 7 – L-attivitajiet ewlenin tal-Eurojust fl-2021

Fl-2021, il-Eurojust kompliet bil-ħidma operazzjonali tagħha dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwa l-baġit tal-UE u reati oħrajn tal-PIF, f’kooperazzjoni mal-UPPE, l-OLAF u l-Europol. Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi kienet tinkludi l-involviment tal-Eurojust fl-Operazzjoni SENTINEL, immirata lejn il-protezzjoni tal-fondi b’rabta mal-inizjattiva NextGeneration EU kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE (ara d-Daqqa ta’ Għajn 11).

Il-kooperazzjoni tal-Eurojust mal-UPPE bdiet fl-2021. Wara li ffirmat l-arranġament ta’ ħidma tagħhom fi Frar 2021, il-Eurojust bdiet tikkoopera mal-UPPE f’investigazzjonijiet ftit wara li l-UPPE beda l-ħidma operazzjonali tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2021.

L-OLAF baqa’ sieħeb operazzjonali importanti għall-Eurojust fl-2021 billi pparteċipa f’bosta laqgħat ta’ koordinazzjoni dwar każijiet li jaffettwaw il-baġit tal-UE. Iż-żewġ korpi stabbilew ukoll fluss tax-xogħol ġdid għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u komplew jaħdmu fuq l-evalwazzjoni ta’ Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta (SIK) li fihom ipparteċipa l-OLAF. Bħal fis-snin preċedenti, il-Eurojust u l-OLAF komplew jikkondividu l-għarfien espert ma’ xulxin dwar il-ġlieda kontra l-frodi. Wara s-seminar tal-Eurojust għall-investigaturi tal-OLAF fl-2020, fl-2021 l-esperti tal-Eurojust attendew preżentazzjonijiet mill-OLAF dwar studji tal-każijiet, metodi ta’ analiżi tad-data u l-qafas legali rivedut applikabbli għall-investigazzjonijiet tal-OLAF.

3.1.8.Il-Europol

Il-Europol, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, isservi bħala ċentru ta’ appoġġ għall-operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, ċentru għall-informazzjoni dwar attivitajiet kriminali, u ċentru għall-għarfien espert dwar l-infurzar tal-liġi.

Daqqa ta’ għajn 8 – Il-Europol fl- 2021

F’Settembru 2021, iċ-Ċentru Ewropew għall-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika (EFECC) tal-Europol, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Taljani, kellu laqgħa ta’ livell għoli dwar l-infurzar tal-liġi f’Ruma u qabel dwar il-prinċipju li ġej: kwalunkwe theddida għall-RRF taffettwa l-benesseri finanzjarju tal-UE.

F’Settembru 2021 ukoll, il-Europol, l-OLAF, l-UPPE, il-Eurojust u 21 Stat Membru ngħaqdu flimkien fl-Operazzjoni SENTINEL (ara d-Daqqa ta’ Għajn 11).

3.2.Il-livell tal-Istati Membri

3.2.1.Is-Servizzi ta’ Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS)

Mill-2013 ’il hawn 28 , l-Istati Membri kienu meħtieġa jaħtru servizz ta’ koordinazzjoni kontra l-frodi (AFCOS) biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni effettiva u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni operazzjonali, mal-OLAF. L-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu fejn l-AFCOS jitqiegħed l-aħjar fl-istruttura amministrattiva nazzjonali tagħhom u liema setgħat ikollu.

Il-mandat tal-AFCOS jista’ jvarja, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż. Madankollu, fil-każijiet kollha, il-mandat tiegħu għandu jinkludi l-iżgurar tal-kooperazzjoni mal-OLAF u l-koordinazzjoni, fl-Istat Membru kkonċernat, tal-obbligi u l-attivitajiet leġiżlattivi, amministrattivi u investigattivi relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Daqqa ta’ għajn 9 – Miżuri adottati mill-Istati Membri fl-2021 29

Il-Lussemburgu u l-Latvja saħħew l-AFCOS tagħhom. Fil-Lussemburgu, it-tim tal-AFCOS issaħħaħ biex jiżgura koordinazzjoni adegwata fil-ġlieda kontra l-frodi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Il-Latvja rrapportat l-adozzjoni ta’ liġi ġdida u ta’ manwal ta’ proċedura korrispondenti, biex tiżgura li l-AFCOS tagħha jkollu drittijiet legali (a) biex jipparteċipa fil-kontrolli fuq il-post mill-OLAF u jipprovdilhom assistenza, (b) biex jitlob informazzjoni jew dokumenti minn individwi privati, u (c) biex jirċievi informazzjoni dwar kontijiet bankarji bħala parti mill-investigazzjonijiet amministrattivi.

Il-Greċja, Spanja u l-Iżvezja rrapportaw miżuri meħuda mill-AFCOS tagħhom biex jgħinu lill-awtoritajiet maniġerjali jirrapportaw aħjar il-frodi possibbli lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

3.2.2.L-Istrateġiji Nazzjonali Kontra l-Frodi (NAFS)

L-inkoraġġiment sostnut mill-Kummissjoni lill-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS) irriżulta f’żieda kostanti fl-għadd ta’ NAFS adottati. Sa tmiem l-2021, 17-il 30  Stat Membru kienu adottaw jew aġġornaw NAFS u minn dawk il-11 31 li kienu għadhom iridu jadottaw waħda, 4 32  irrapportaw li kienu fil-proċess ta’ abbozzar, jew qrib l-adozzjoni, ta’ NAFS.

Illustrazzjoni 3 – NAFS: is-sitwazzjoni attwali tal-adozzjoni

Didaskalija

5

NAFS adottati jew aġġornati u rrapportati

4

NAFS settorjali

3

AFS reġjonali

2

Abbozzar jew adozzjoni tan-NAFS jinsabu għaddejjin

1

L-ebda NAFS

Għalkemm il-kopertura u l-kontenut tal-istrateġiji għadhom ivarjaw fost l-Istati Membri 33 , u jeħtieġ li xi strateġiji jiġu aġġornati, is-sitwazzjoni ġenerali tjiebet meta mqabbla mal-2020. B’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, bosta 34 mill-istrateġiji attwali ġew aġġornati biex jirriflettu riskji sinifikanti ġodda, bħal dawk assoċjati mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19.

3.2.3.L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 mill-Istati Membri 35

Fir-Rapport tagħha tal-2020 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għamlet tliet settijiet ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri, li jkopru a) aspetti trażversali tal-ġlieda kontra l-frodi; b) dħul; u c) nefqa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kellhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-korpi nazzjonali; iżidu l-koerenza u l-konsistenza tal-miżuri nazzjonali kontra l-frodi; jottimizzaw il-funzjonament tal-unjoni doganali u tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri; isaħħu l-oqfsa ta’ kontroll intern; u jżidu l-flessibbiltà u r-reżiljenza fi żminijiet ta’ kriżi.

Fir-rigward tal-aspetti trażversali tal-ġlieda kontra l-frodi, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Istati Membri li ma kinux għadhom ingħaqdu mal-UPPE biex jikkunsidraw li jagħmlu dan.

Mill-ħames Stati Membri li għadhom ma humiex parti mill-UPPE, l-Iżvezja indikat l-intenzjoni tagħha li tissieħeb fl-2023; Id-Danimarka, l-Irlanda, l-Ungerija, u l-Polonja qalu li ma kellhomx l-intenzjoni li jissieħbu 36 .

Fil-qasam tad-dħul, 16-il 37  Stat Membru wieġbu li implimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jivvalutaw ir-riskji u n-nuqqasijiet tal-istrateġiji nazzjonali ta’ kontroll doganali tagħhom li saru aktar evidenti bil-pandemija tal-COVID-19, 4 38 implimentawha parzjalment, u 6 39 ma implimentawhiex. It-tweġibiet juru sensiela ta’ miżuri ta’ suċċess, bħall-flessibbiltà tal-kontrolli u t-tfassil ta’ profil tar-riskju, u b’hekk jiżguraw li l-kontrolli jkomplu jitwettqu b’mod effiċjenti matul il-perjodu tal-COVID-19.

Bi tweġiba għar-rakkomandazzjoni biex jiġu vvalutati r-riskji li setgħu ma ġewx indirizzati fl-2020 u biex jiġu implimentati miżuri ta’ rimedju biex dawn jiġu indirizzati, 16-il Stat Membru 40 implimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni, 3 41  implimentawha parzjalment, u 7 42  ma implimentawhiex.

Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet dwar in-nefqa, 11-il Stat Membru 43 rrapportaw li kienu nedew eżerċizzji mmirati ta’ ġestjoni tar-riskju relatati mal-impatt tal-COVID-19 u l-implimentazzjoni li jmiss tal-RRF, u implimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni; 11 44 għamlu dan parzjalment biss, u 4 45 ma implimentawx ir-rakkomandazzjoni.

Dwar jekk dawn kinux tejbu l-mod li bih tinġabar u tintuża d-data sottostanti u d-data dwar l-irregolaritajiet u l-frodi identifikati, 14-il Stat Membru 46 rrapportaw li kienu implimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni, 7 47 li kienu implimentawha parzjalment, u 5 48 li ma kinux implimentawha. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw li kienu adattaw l-użu tagħhom ta’ sistemi tal-IT bħas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), Arachne 49 , is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) 50 , kif ukoll varjetà ta’ għodod nazzjonali tal-IT, biex itejbu l-kwalità tad-data li ħadmu biha.

L-aktar rakkomandazzjoni reċenti dwar in-nefqa ħeġġet lill-Istati Membri jużaw is-sistema integrata u interoperabbli ta’ informazzjoni u monitoraġġ li l-Kummissjoni se tagħmel disponibbli għall-RRF u għall-baġit tal-UE. 19-il Stat Membru 51 rrapportaw li implimentaw ir-rakkomandazzjoni bis-sħiħ, 4 52  implimentawha parzjalment, u 3 53  ma implimentawhiex.

4.Il-kooperazzjoni kontra l-frodi

Il-ġlieda kontra l-frodi hija kruċjali għall-UE, mhux l-inqas minħabba l-parti li għandha fix-xenarju dinji. Il-kooperazzjoni hija kruċjali biex jiġi żgurat li din il-ġlieda tkun effettiva. Din it-taqsima tagħti rendikont tal-aktar żviluppi sinifikanti f’dan il-qasam.

4.1.Il-kooperazzjoni internazzjonali

4.1.1.Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE u d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka u l-ġlieda kontra l-frodi fi ftehimiet internazzjonali

Il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali hija kruċjali biex jiġu protetti l-fondi tal-UE li jintefqu barra mill-Ewropa u n-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE. Biex jagħmel dan, fl-2021 l-OLAF – flimkien mad-dipartiment rilevanti tal-Kummissjoni – kompla jiżgura li l-ftehimiet ta’ finanzjament u kuntratti oħra kien fihom dispożizzjonijiet sodi kontra l-frodi, inkluża l-possibbiltà li jitwettqu kontrolli u investigazzjonijiet relatati ma’ fondi implimentati barra mill-UE. L-OLAF ikkonkluda wkoll arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva ma’ żewġ awtoritajiet sħab internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). Tali arranġamenti jgħinu biex irawmu relazzjonijiet mill-qrib mas-sħab involuti fil-ġlieda kontra l-frodi billi jipprovdu qafas ta’ gwida għall-kooperazzjoni prattika, eż. il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew tal-aħjar prattiki. Fl-2021, l-OLAF organizza wkoll avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni online biex jistabbilixxi kuntatti operazzjonali ġodda mal-awtoritajiet investigattivi f’pajjiżi mhux tal-UE u biex jinkoraġġixxi r-rapportar ta’ frodi u irregolaritajiet permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja.

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għall-ġlieda kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali hija bbażata fuq ftehimiet dwar assistenza amministrattiva reċiproka (MAA) fi kwistjonijiet doganali. Dawn il-ftehimiet jagħtu kontribut ewlieni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Bħalissa hemm fis-seħħ ftehimiet ma’ 87 pajjiż, li jinkludu sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, bħall-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun. Fl-2021, ġew iffinalizzati negozjati mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (ESA5) 54 , u kienu għaddejjin negozjati mal-Awstralja, mal-Indoneżja u mar-Renju Unit fir-rigward ta’ Ġibiltà.

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles normalment ikunu jinkludu klawżola kontra l-frodi, li tinvolvi l-irtirar temporanju tal-preferenza tariffarja għal prodott f’każijiet ta’ frodi doganali serja u ta’ nuqqas persistenti ta’ kooperazzjoni suffiċjenti sabiex din tiġi miġġielda. Klawżola bħal din hija fil-fatt conditio sine qua non għall-għoti ta’ preferenza tariffarja lil pajjiżi terzi.

4.1.2.Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni CoSP9 u r-riżoluzzjonijiet sponsorjati mill-UE

L-UE hija parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), l-uniku strument universali legalment vinkolanti kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE fil-proċessi kollha relatati mal-UNCAC, inkluża l-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-grupp ta’ rieżami tal-implimentazzjoni u fil-gruppi ta’ ħidma miftuħa dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u dwar l-Irkupru tal-Assi.

Il-Mekkaniżmu għar-Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni huwa vinkolanti fuq il-partijiet kollha għall-Konvenzjoni, inkluża l-UE. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħabbret lill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) li hija lesta li tgħaddi mill-proċess ta’ rieżami previst taħt l-UNCAC 55 . F’Lulju 2021 tnieda uffiċjalment ir-rieżami tal-implimentazzjoni.

Fid-disa’ Konferenza tal-Istati Partijiet (CoSP) tagħha f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, f’Diċembru 2021, l-UE enfasizzat l-isforzi qawwija li qed ikomplu tagħha biex tappoġġa l-usa’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti u tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Matul id-diskussjoni ġenerali, l-UE nnotat ir-rwol tal-UPPE u tal-OLAF fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u enfasizzat l-importanza li għandhom il-media u l-ġurnalisti investigattivi. Erbgħa mit-tmien riżoluzzjonijiet adottati kienu sponsorjati mill-UE, b’mod notevoli dwar il-prevenzjoni tal-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali matul żminijiet ta’ emerġenzi u ta’ rispons u rkupru minn kriżijiet, kif ukoll il-ġlieda reġjonali kontra l-korruzzjoni 56 .

4.1.3.Il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk

It-tieni pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk (2018-2022), ippreżentat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2018 u li fih kemm miżuri ta’ politika kif ukoll dawk operazzjonali tal-infurzar tal-liġi, kompla jiġi implimentat matul l-2021, u sa tmiem l-2021 kienu għaddejjin jew tlestew għadd kbir ta’ azzjonijiet ewlenin.

Il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni f’dan il-qasam fil-livell multilaterali u b’mod bilaterali mal-pajjiżi tas-sors u ta’ tranżitu. Fil-livell multilaterali, il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Protokoll dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (il-Protokoll FCTC) hija ftehim internazzjonali mmirat biex inaqqas b’mod sinifikanti l-kummerċ illeċitu tat-tabakk madwar id-dinja. L-OLAF, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni u mal-Istati Membri, kien involut b’mod attiv fil-ħidma relatata mal-Protokoll FCTC. L-OLAF irrappreżenta lill-UE u lill-Istati Membri parteċipanti fit-tieni Laqgħa tal-Partijiet li seħħet f’Novembru 2021. Matul din il-laqgħa, ġew approvati l-konklużjonijiet ta’ żewġ gruppi ta’ ħidma (Insegwiment u Traċċar, u Assistenza u Kooperazzjoni), u ġiet proposta strateġija ġdida ta’ assistenza biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Protokoll. Il-Partijiet kollha involuti qablu wkoll li jkomplu jaħdmu fuq Punt Fokali ta’ Kondiviżjoni ta’ Informazzjoni Globali biex jippermettu sistemi ta’ insegwiment u traċċar biex jiskambjaw informazzjoni u jappoġġaw il-ġlieda globali kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk.

4.2.Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri

4.2.1.L-attivitajiet tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF)

Il-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF) ilaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni (irrappreżentata mill-OLAF) u lill-esperti tal-Istati Membri. Huwa jipprovdi forum għad-diskussjoni tal-iżviluppi prinċipali fil-ġlieda kontra l-frodi u għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport. Il-ħidma tiegħu hija strutturata madwar erba’ gruppi ta’ ħidma u sessjoni plenarja.

Fl-2021 ġew organizzati żewġ laqgħat plenarji f’Ġunju u f’Diċembru, żewġ laqgħat tas-sottogrupp dwar ir-rapportar u l-analiżi tal-frodi u irregolaritajiet oħra, u waħda tas-sottogrupp għall-prevenzjoni tal-frodi. Dawn il-laqgħat kienu opportunitajiet tajbin biex jiġu diskussi l-aktar xejriet reċenti fl-irregolaritajiet u l-frodi u l-għodod tal-IT użati għall-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Dawn servew ukoll bħala rabta importanti bejn l-OLAF u s-sħab tiegħu matul il-pandemija, filwaqt li żammew il-linji ta’ komunikazzjoni miftuħa u ppermettew lill-parteċipanti jaqsmu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki.

Il-laqgħa annwali bejn l-Istati Membri u l-AFCOS saret f’Settembru, b’mod virtwali. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-RRF. F’Diċembru, is-sottogrupp għall-prevenzjoni tal-frodi qabel fuq l-istabbiliment ta’ grupp ta’ esperti ddedikat għall-użu ta’ għodod tal-IT biex jiġu protetti r-riżorsi tal-RRF.

4.2.2.Il-programm tal-UE kontra l-frodi

Il-programm Hercule III, li pprovda assistenza għal proġetti li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-frodi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, ġie sostitwit mill-programm il-ġdid tal-Unjoni kontra l-frodi (UAFP) bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/785.

Il-UAFP jgħaqqad tliet attivitajiet differenti li qabel kienu separati, iżda jibni fuq is-suċċess tal-programm Hercule III. Il-UAFP jgħaqqad f’qafas wieħed il-parti ta’ finanzjament ta’ Hercule, il-finanzjament tas-Sistema ta’ Informazzjoni għal Kontra l-Frodi (il-pjattaforma AFIS), biex jappoġġa lill-Istati Membri f’assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali u agrikoli, u s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (IMS), għar-rapportar tal-irregolaritajiet, inkluż il-frodi, f’każijiet relatati mal-fondi ta’ ġestjoni kondiviża u ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni.

Huwa jtejjeb is-sinerġiji bejn il-linji differenti u joħloq ekonomiji għar-riżorsi, inkluża l-flessibbiltà finanzjarja għar-riallokazzjoni tal-finanzjament fi ħdan il-programm għal parti partikolari jew għal parti oħra ta’ attività, fejn meħtieġ.

Il-UAFP għandu żewġ objettivi ġenerali 57 . L-ewwel nett, għandu l-għan li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE. It-tieni, għandu l-għan li jappoġġa l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri, u l-kooperazzjoni bejniethom u l-Kummissjoni biex jiżgura li l-liġi dwar kwistjonijiet doganali u agrikoli tiġi applikata b’mod korrett.

Il-programm għandu tliet objettivi speċifiċi:

(1)il-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, u l-ġlieda kontrihom;

(2)l-appoġġ għar-rapportar tal-irregolaritajiet, inkluża l-frodi, fir-rigward tal-fondi ta’ ġestjoni kondiviża u tal-fondi ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-baġit tal-UE;

(3)il-forniment ta’ għodod għall-iskambju ta’ informazzjoni u appoġġ għal attivitajiet operazzjonali fil-qasam tal-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali u agrikoli.

Daqqa ta’ għajn 10 – Enfasi fuq l-AFIS u l-IMS

L-AFIS huwa terminu ġeneriku għal sett ta’ applikazzjonijiet tal-IT kontra l-frodi mħaddma mill-OLAF bl-użu ta’ infrastruttura teknika komuni, li l-għan tagħhom huwa l-iskambju f’waqtu u sigur ta’ informazzjoni dwar il-frodi bejn l-amministrazzjonijiet kompetenti nazzjonali u tal-UE, kif ukoll il-ħżin u l-analiżi tad-data rilevanti. Il-portal tal-AFIS għandu aktar minn 8 500 utent finali rreġistrat fi kważi 1 400 servizz kompetenti mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi sħab, minn organizzazzjonijiet internazzjonali, mill-Kummissjoni u minn istituzzjonijiet oħra tal-UE. Huwa jippermetti ekonomiji sostanzjali ta’ skala u sinerġiji fl-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat ta’ dan is-sett wiesa’ u divers ta’ servizzi u għodod tal-IT.

L-AFIS jappoġġa assistenza reċiproka fid-dwana b’għodod ta’ kollaborazzjoni bħal VOCU (l-Unità ta’ Koordinazzjoni tal-Operazzjonijiet Virtwali) għal operazzjonijiet doganali konġunti, posta elettronika sigura (AFIS Mail) u moduli speċifiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa jipprovdi wkoll appoġġ permezz ta’ bażijiet tad-data bħas-CIS (Sistema ta’ Informazzjoni Doganali) u l-FIDE (Bażi tad-Data għall-Identifikazzjoni ta’ Fajls Doganali), id-direttorju tal-Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejners (MIK) u d-direttorju tal-Importazzjoni, l-Esportazzjoni u t-Tranżitu (IET); u jipprovdi appoġġ permezz ta’ għodod għall-analiżi tad-data bħall-AMT (Għodda Awtomatizzata għall-Monitoraġġ) u applikazzjonijiet tal-fluss tax-xogħol elettroniku bħal ToSMA (Applikazzjoni għall-Ġestjoni tal-Qabdiet tat-Tabakk). Għadhom għaddejjin aktar żviluppi għall-istabbiliment ta’ pjattaforma analitika fl-AFIS biex tappoġġa analiżi strateġika u operazzjonali.

Il-bażi ġuridika prinċipali għall-operat tal-pjattaforma AFIS hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli 58 .

L-IMS hija applikazzjoni fuq il-pjattaforma AFIS li tiffaċilita r-rapportar ta’ irregolaritajiet u frodi identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali fil-qasam tal-ġestjoni kondiviża u ta’ qabel l-adeżjoni f’konformità mar-regolamenti settorjali u mal-ftehimiet ta’ finanzjament. Fl-2021, ġie kkummissjonat studju biex jiġi identifikat titjib possibbli għas-sistema abbażi tal-ħtiġijiet tal-utenti u tal-partijiet ikkonċernati, u biex tiġi esplorata l-possibbiltà li tittejjeb l-interoperabbiltà ma’ sistemi oħra tal-IT tal-Kummissjoni kontra l-frodi, bħal Arachne u l-EDES 59 .

4.2.3.Kooperazzjoni fil-qasam tad-dħul

4.2.3.1.Il-programm doganali

Il-programm doganali (ir-Regolament (UE) 2021/444), filwaqt li ma jindirizzax direttament il-ġlieda kontra l-frodi, huwa sieħeb importanti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE u tal-Istati Membri. Bħala pilastru tal-programm, is-sistemi tal-IT tiegħu għandhom rwol essenzjali fl-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni u data, inkluża informazzjoni dwar ir-riskju, bejn l-Istati Membri, u b’hekk isaħħu l-ġbir tad-diversi dazji (eż. dazji doganali, VAT u dazji tas-sisa fuq l-importazzjonijiet). Il-programm jappoġġa wkoll azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni, inklużi gruppi ta’ proġetti, networks ta’ esperti, workshops u attivitajiet ta’ taħriġ u appoġġ ieħor għall-bini ta’ kompetenzi umani, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jaqsmu prattiki tajbin u jtejbu l-kontrolli doganali u l-ġbir tad-dmirijiet. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Appoġġ Finanzjarju għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali (ir-Regolament (UE) 2021/1077) li għadu kif ġie stabbilit, maħsub biex jintuża fit-tipi kollha ta’ fruntieri, għandu jappoġġa lill-unjoni doganali u l-ħidma tal-awtoritajiet doganali, b’mod partikolari billi jgħinhom jipproteġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE, jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza fl-UE u jipproteġuha kontra kummerċ inġust u illegali, bħall-falsifikazzjoni tal-merkanzija, filwaqt li tiġi ffaċilitata attività kummerċjali leġittima.

4.2.3.2.Il-programm Fiscalis

Il-programm Fiscalis (ir-Regolament (UE) 2021/847) jinkludi firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li jappoġġaw il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inkluż il-protezzjoni tagħhom mill-frodi tat-taxxa, mill-evażjoni tat-taxxa u mill-evitar tat-taxxa. Il-programm Fiscalis jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw permezz tal-użu ta’ sistemi tal-IT, attivitajiet kollaborattivi u azzjonijiet għall-bini ta’ kompetenzi umani.

4.2.3.3.Operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs)

L-operazzjonijiet doganali konġunti (JCOs) huma azzjonijiet immirati ta’ durata limitata li jiġġieldu l-frodi u l-kuntrabandu ta’ merkanzija sensittiva f’żoni speċifiċi li jinsabu f’riskju u/jew f’rotot kummerċjali identifikati.

Minbarra l-investigazzjonijiet tiegħu dwar każijiet ta’ frodi u ta’ falsifikazzjoni tad-dħul, l-OLAF jikkoordina JCOs fuq skala kbira li jinvolvu sħab operazzjonali tal-UE u dawk internazzjonali. L-appoġġ tal-OLAF huwa mfassal għal kull JCO u jista’ jinkludi l-użu tal-infrastruttura teknika permanenti, għodod tal-IT u tal-komunikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-VOCU għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni, kif ukoll analiżi strateġika, appoġġ amministrattiv u appoġġ finanzjarju. Fl-2021, l-OLAF organizza jew ikkoorganizza żewġ operazzjonijiet dwar il-maskri tal-wiċċ u l-prodotti tat-tabakk, u kien involut f’bosta operazzjonijiet mibdija mill-Istati Membri, mill-Europol, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX) jew mid-WCO.

Tabella 2 - JCOs fl-2021

Operazzjoni

Deskrizzjoni

S’CARE FACE

Organizzata mill-OLAF, f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ DĠs oħra (DĠ TAXUD, GROW, SANTE u JUST) biex ittejjeb l-għarfien madwar l-UE tal-proċess li jippermetti l-maskri tal-wiċċ fl-UE. S’CARE FACE kienet għaddejja minn Jannar sa Marzu 2021. Matul l-operazzjoni, l-Istati Membri parteċipanti impedew li 49 miljun maskra tal-wiċċ foloz jew ta’ kwalità inferjuri jidħlu fis-suq tal-UE.

SCORPION II

Koorganizzata mill-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) u l-OLAF, din il-JCO, li timmira l-kuntrabandu ta’ prodotti tat-tabakk fil-fruntiera tal-Lvant tal-UE, irriżultat fis-sekwestru ta’ 8,5 miljun sigarett.

POSTBOX III

Koorganizzata mid-dwana Taljana u mill-Guardia di Finanza bl-appoġġ tal-OLAF, bil-kollaborazzjoni tal-Europol u bil-parteċipazzjoni ta’ 20 Stat Membru. L-operazzjoni ffukat fuq il-kummerċ illegali ta’ prodotti ffalsifikati, prodotti farmaċewtiċi u prodotti relatati mal-COVID-19, drogi, speċijiet ta’ annimali u ta’ pjanti fil-periklu, u s-sottovalwazzjoni tal-merkanzija bl-użu kemm tal-internet miftuħ kif ukoll tad-“dark web”. L-operazzjoni wasslet għad-detenzjoni ta’ aktar minn 1 400 kunsinna ta’ oġġetti illeċiti, inkluż aktar minn 35 000 biċċa ta’ oġġetti ffalsifikati, noti bankarji foloz b’valur approssimattiv ta’ EUR 240 000, aktar minn 1 500 oġġett relatati mal-COVID-19, 240 kg ta’ sigaretti u tabakk bil-kuntrabandu, u aktar minn 20 kg kannabis u marijuana.

ATHENA V

Dwar il-kuntrabandu ta’ flus kontanti fl-UE bl-użu ta’ servizzi ta’ courier, posta u pakketti. Din l-operazzjoni kienet ikkoordinata mill-amministrazzjoni doganali Spanjola bl-appoġġ tal-OLAF u l-involviment ta’ 13-il Stat Membru u tal-Europol. Aktar minn 14 000 pakkett ġew ikkontrollati matul l-operazzjoni. L-evalwazzjoni tar-riżultati għadha għaddejja.

ARKTOS 3

Azzjoni konġunta mmexxija mill-FRONTEX, mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u mmexxija b’mod konġunt mil-Litwanja u mill-Polonja bl-appoġġ tal-INTERPOL, l-OLAF, il-Eurojust u l-Europol flimkien mal-gwardji tal-fruntiera, il-pulizija u l-uffiċjali doganali mill-Estonja, mill-Finlandja, mil-Latvja, mis-Slovakkja u mill-Iżvezja. Din immirat il-frodi fiskali, b’mod partikolari t-traffikar tat-tabakk, il-frodi tad-dokumenti u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali f’punti ta’ qsim tal-fruntiera magħżula fil-fruntieri tal-art tal-Lvant tal-UE. Bħala riżultat tal-azzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi identifikaw aktar minn 400 prodott tat-tabakk innovattiv, bħas-sigaretti elettroniċi u l-likwidi elettroniċi. Fost il-prodotti illegali ssekwestrati kien hemm 6,7 miljun sigarett illegali u 2,6 tunnellata ta’ tabakk mhux ipproċessat, flimkien ma’ nofs tunnellata ta’ drogi illegali. Ġew arrestati 15-il kuntrabandista, u nstabu aktar minn 200 dokument iffalsifikat.

Joint CELBET Activity 8

Organizzata mit-Tim ta’ Esperti Doganali tal-Fruntiera tal-Art tal-Lvant u tax-Xlokk (CELEX) bl-appoġġ tal-OLAF. Hija ffokat fuq il-kontrolli tal-flus kontanti, u l-identifikazzjoni ta’ sigaretti illegali u prodotti oħra tat-tabakk, kif ukoll partijiet foloz ta’ vetturi, ħwejjeġ, żraben u kożmetiċi li jidħlu fl-UE mill-fruntiera tal-Lvant tagħha.

STOP II

Organizzata mid-WCO, din kienet l-akbar operazzjoni globali li qatt tmexxiet mid-dwana li kienet tinvolvi 146 amministrazzjoni doganali tal-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Europol, l-INTERPOL, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), flimkien ma’ kumpaniji tal-farmaċewtiċi u ma’ atturi oħra tas-settur privat. Il-mira tal-operazzjoni kienet il-kummerċ illeċitu fil-mediċini, il-vaċċini u l-apparati mediċi relatati mal-COVID-19. Din irriżultat fil-qbid ta’ 365,7 miljun oġġett, li fosthom kien hemm 195,5 miljun mediċina relatata mal-COVID-19, 156,7 miljun apparat mediku (bħal test kits tal-COVID-19, maskri tal-wiċċ, ingwanti użati, sanitizzaturi tal-idejn u ċilindri tal-ossiġenu) u madwar 13,5 miljun doża ta’ vaċċini tal-COVID-19.

LUDUS II

Organizzata mill-Europol bil-parteċipazzjoni tal-OLAF, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), id-WCO u 21 pajjiż. Din wasslet għas-sekwestru ta’ aktar minn 5 miljun ġugarelli foloz u illegali, b’valur ta’ EUR 18-il miljun. Il-merkanzija ssekwestrata kienet toħloq riskji bħal espożizzjoni kimika, strangulament, fgar, xokk elettriku, ħsara lis-smigħ u periklu ta’ nar.

OPSON X

Operazzjoni konġunta tal-Europol/INTERPOL li kellha fil-mira ikel u xorb foloz u ta’ kwalità inferjuri. L-OLAF mexxa azzjoni mmirata dwar l-inbid u x-xorb alkoħoliku u kkollabora fil-ħidma ta’ 19-il Stat Membru u 3 pajjiżi mhux tal-UE. Din l-azzjoni rriżultat fis-sekwestru ta’ kważi 1,8 miljun litru ta’ nbid u xorb alkoħoliku mill-awtoritajiet doganali u tal-pulizija Ewropej: 215 000 litru ta’ xorb alkoħoliku falz, l-aktar inbid u vodka; u 1 550 000 litru ta’ diversi xarbiet alkoħoliċi, inbejjed u birer, li jiksru r-regoli fiskali jew l-istandards tas-sikurezza tal-ikel.

SHIELD II

Organizzata mill-Europol. L-OLAF mexxa azzjoni mmirata ma’ 17-il Stat Membru kontra sustanzi ffalsifikati u ormonali, supplimenti tal-ikel u mediċini għal disfunzjoni erettili, u b’kollox waqqaf 254 731 pillola u 131 027 vażett ta’ diversi mediċini u 278 kg ta’ supplimenti tal-ikel milli jidħlu fl-UE.

DEMETER VII

Ikkoordinata mid-WCO biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu tal-iskart, sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (ODS) u tal-idrofluworokarburi (HFCs). Total ta’ 102 aġenziji tal-infurzar tal-liġi pparteċipaw f’din l-operazzjoni. Ir-rwol tal-OLAF kien li jikkoordina bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE biex jikseb informazzjoni u intelligence, li wassal għall-identifikazzjoni u s-sekwestru ta’ aktar minn 4 000 tunnellata ta’ skart (eż. oġġetti elettroniċi użati, skart ta’ batteriji, vetturi użati, magni tal-istampar), u 493 oġġett ta’ ODS u HFCs.

SILVER AXE VI

Operazzjoni annwali mmexxija mill-Europol. L-OLAF ipparteċipa billi pprovda għarfien espert fl-identifikazzjoni u l-insegwiment ta’ vjeġġi suspettużi. Fl-operazzjoni ġew sekwestrati aktar minn 1 200 tunnellata ta’ pestiċidi illegali, li kienu jinvolvu 35 pajjiż differenti. Hija wasslet għal sekwestri ta’ prodotti illegali u ffalsifikati li kienu jiswew madwar EUR 80 miljun. L-OLAF ikkondivida intelligence operazzjonali mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u taċ-Ċina, l-Ukrajna, ir-Russja u l-Kolombja. Huwa intraċċa vjeġġi suspettużi ta’ pestiċidi illegali, u dan wassal għas-sekwestru ta’ madwar 39 tunnellata minnhom b’kollox.

5.miżuri ewlenin għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi

5.1.It-traspożizzjoni tad-Direttiva PIF

Id-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF) daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju 2017. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva PIF fil-liġi nazzjonali skadiet fis-6 ta’ Lulju 2019.

Il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel wieħed minn tliet rapporti dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva, kif meħtieġ skont l-Artikolu 18 tagħha, fis-6 ta’ Settembru 2021. Ir-rapport jikkonkludi li għalkemm l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti ta’ konformità. Huwa jenfasizza li t-traspożizzjoni xierqa tad-definizzjonijiet, tas-sanzjonijiet, tar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni tad-Direttiva PIF, u tal-perjodi ta’ limitazzjoni għall-frodi u għal reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE hija meħtieġa biex l-UPPE jkun jista’ jwettaq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effettivi. Ir-rapport jenfasizza wkoll li l-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-Istati Membri hija kruċjali.

F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedimenti ta’ ksur kontra tmien Stati Membri 60 talli ma ttrasponewx b’mod korrett id-Direttiva PIF. Fi Frar 2022, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra ħames Stati Membri oħra 61 . F’Mejju 2022, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra erba’ Stati Membri oħra 62 .

Il-Kummissjoni se tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura t-traspożizzjoni korretta u komprensiva tad-Direttiva PIF, bi proċedimenti ta’ ksur ulterjuri, jekk ikun meħtieġ.

Il-Kummissjoni qed tħejji t-tieni rapport ta’ traspożizzjoni dwar id-Direttiva PIF, li għandu jitlesta fit-tielet trimestru tal-2022. Dan ir-rapport se jiffoka fuq l-adegwatezza tal-limitu tal-VAT ta’ EUR 10 miljun u l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-qasam tal-frodi tal-akkwist pubbliku u l-perjodi ta’ limitazzjoni.

5.2.Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Il-frodi kontra l-baġit tal-UE tista’ tkun ukoll il-prekursur ta’ reati oħra (jiġifieri tista’ tkun reat predikat). B’hekk, anke jekk ma jkunx relatat direttament mal-protezzjoni tal-baġit tal-UE, il-qafas legali tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu huwa rilevanti f’dan il-kuntest.

L-Istati Membri kollha rrapportaw traspożizzjoni sħiħa tal-ħames direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus 63 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu 64 .

5.3.Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. L-RRF ilu jiffinanzja riformi u investimenti fl-Istati Membri mill-bidu tal-pandemija fi Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2026. Sabiex jibbenefikaw mill-RRF, l-Istati Membri jridu jissottomettu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni Ewropea. Kull pjan jistabbilixxi r-riformi u l-investimenti li għandhom jiġu implimentati sa tmiem l-2026, li jippermettu lill-Istati Membri jirċievu finanzjament sa allokazzjoni miftiehma minn qabel.

Kull pjan għandu jindirizza l-isfidi identifikati fis-Semestru Ewropew 65 , b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi 66 tal-2019 u l-2020 adottati mill-Kunsill. Għandu javvanza wkoll it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jagħmel l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri aktar reżiljenti. L-investimenti jridu jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” 67 .

L-RRF huwa strument ibbażat fuq il-prestazzjoni. It-twettiq tal-istadji importanti u l-miri miftiehma lejn il-kisba tar-riformi u l-investimenti fil-pjanijiet jippermetti l-iżborżi lill-Istat Membru ta’ għotjiet u self.

Ir-regolament RRF 68 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE u biex jiżguraw li l-użu tal-fondi jikkonforma mal-liġijiet nazzjonali u tal-UE applikabbli. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jridu jipprovdu sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti u l-irkupru ta’ ammonti mħallsa bi żball jew użati ħażin. Dan il-mudell il-ġdid ta’ twettiq jagħti lill-Istati Membri responsabbiltà kbira biex jiżguraw li dawn ir-riżorsi jkunu protetti mill-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interessi (iddefiniti bħala “irregolaritajiet serji”) u l-finanzjament doppju.

Illustrazzjoni 4 – Proċess ta’ valutazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali

Għalhekk, kull pjan fih taqsima ta’ kontroll u ta’ awditjar fejn l-Istati Membri jiddeskrivu l-miżuri (inklużi miżuri kontra l-frodi) li se jimplimentaw u jidentifikaw stadji importanti u miri speċifiċi biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE minn irregolaritajiet serji u finanzjament doppju. Il-Kummissjoni tista’ tivvaluta pjan b’mod pożittiv biss jekk dan jikklassifika b’mod pożittiv mil-lat tas-sistemi ta’ kontroll tiegħu. Bħala servizz tal-Kummissjoni, l-OLAF ikkontribwixxa għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, billi pprovda pariri mmirati kontra l-frodi. Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali għadha għaddejja biex jiġu skambjati l-fehmiet u jiġi ffaċilitat it-tixrid ta’ prattiki u esperjenzi tajbin (bħall-użu ta’ għodod tal-IT – ara wkoll it-Taqsima 4.2.1).

Daqqa ta’ għajn 11 – Operazzjoni SENTINEL

F’Settembru 2021, il-Europol, l-OLAF, l-UPPE, il-Eurojust u 21 Stat Membru ngħaqdu bħala parti mill-Operazzjoni SENTINEL biex jantiċipaw il-mewġa mistennija ta’ frodi li taffettwa l-fondi ta’ rkupru. Għal dan il-għan, il-Europol stabbiliet mekkaniżmu ddedikat intern biex jipproċessa d-data operazzjonali, jgħin fl-iskambji ta’ informazzjoni u jappoġġa każijiet li għadhom għaddejjin. L-attivitajiet konġunti kellhom fil-mira l-frodi, kif ukoll l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi fiskali, il-korruzzjoni, l-approprjazzjoni indebita, il-miżapproprjazzjoni u l-ħasil tal-flus. Il-Europol u l-OLAF ħarġu Rapport Konġunt – “Assessing the Threats to the Next Generation EU (NGEU) Fund” – fi Frar 2022.

Fost l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, il-ġbir ta’ data dwar il-benefiċjarji, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u s-sidien benefiċjarji huwa prominenti. Il-Kummissjoni għamlet Arachne disponibbli għall-Istati Membri għall-użu fir-rigward tal-RRF.

Sa tmiem l-2021, kienu ġew adottati 22 pjan nazzjonali. Dawn żdiedu għal 25 sal-31 ta’ Lulju 2022 69 .

5.4.Protezzjoni tal-informaturi

Attivitajiet illegali u abbuż tal-liġi jistgħu jseħħu fi kwalunkwe organizzazzjoni, kemm jekk tkun privata kif ukoll jekk tkun pubblika, kbira jew żgħira. Dawn jistgħu jieħdu ħafna forom, bħall-korruzzjoni, il-frodi, il-malprassi jew in-negliġenza tan-negozji. Jekk ma jiġux indirizzati, dawn l-attivitajiet jistgħu jirriżultaw fi ħsara serja għall-interess pubbliku. Il-persuni li jaħdmu għal organizzazzjoni jew li jkunu f’kuntatt magħha fl-attivitajiet relatati max-xogħol tagħhom spiss ikunu l-ewwel li jkunu jafu dwar dawn l-okkorrenzi u, għalhekk, ikunu f’pożizzjoni privileġġata biex jinfurmaw lil dawk li jistgħu jindirizzaw il-problema.

L-informaturi, jiġifieri persuni li jirrapportaw (fl-organizzazzjoni kkonċernata jew lil awtorità esterna) jew jiżvelaw (lill-pubbliku) informazzjoni dwar għemil ħażin miksub f’kuntest relatat max-xogħol, jgħinu fil-prevenzjoni tal-ħsara u jidentifikaw theddida jew ħsara għall-interess pubbliku li tista’ ma tiġix innutata.

Madankollu, fil-livell Ewropew u f’dak nazzjonali, il-protezzjoni tal-informaturi ma hijiex uniformi u hija frammentata. Bħala konsegwenza, l-informaturi spiss jiġu skoraġġuti milli jirrapportaw it-tħassib tagħhom minħabba l-biża’ ta’ ritaljazzjoni.

Id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-UE, adottata fit-23 ta’ Ottubru 2019, tat lill-Istati Membri sas-17 ta’ Diċembru 2021 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Hija tkopri ħafna oqsma ewlenin tad-dritt tal-UE, bħall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, is-sikurezza tal-ikel u tal-prodotti, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-ambjent u s-sikurezza nukleari.

Sa tmiem l-2021, ħames Stati Membri biss 70 kienu adottaw leġiżlazzjoni speċifika. Sa Ġunju 2022, erba’ Stati Membri oħra 71 għamlu dan. Stat Membru wieħed biss 72 għadu ma beda l-ebda proċedura. Tliet Stati Membri 73 saħansitra espandew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Sas-17 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

5.5.Is-sett ta’ għodod tal-Istat tad-Dritt

Bħala parti mill-hekk imsejjaħ sett ta’ għodod tal-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni żviluppat għadd ta’ strumenti biex twieġeb għal sfidi differenti għall-istat tad-dritt.

Dan jinkludi l-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt, bir-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt fil-qalba tiegħu. Huwa għandu l-għan li jiżviluppa għarfien u fehim aktar b’saħħithom tal-iżviluppi fl-Istati Membri, biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-isfidi għall-istat tad-dritt, jiġu żviluppati soluzzjonijiet possibbli, u jiġi mmirat l-appoġġ minn kmieni. Il-Mekkaniżmu jipprovdi wkoll proċess għal djalogu annwali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew flimkien mal-Istati Membri kif ukoll il-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra dwar l-istat tad-dritt.

5.5.1.Rapport dwar l-istat tad-dritt – sejbiet prinċipali u punti ewlenin fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Ir-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt 74 , inklużi l-kapitoli tiegħu dwar is-27 pajjiż, jippreżenta żviluppi pożittivi u negattivi, matul il-perjodu minn Lulju 2020 sa Ġunju 2021, madwar l-Istati Membri f’erba’ oqsma ewlenin għall-istat tad-dritt: is-sistema tal-ġustizzja, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu u l-libertà tal-media, u kwistjonijiet istituzzjonali oħrajn relatati mas-sistema ta’ kontrokontrolli. Kwistjonijiet relatati mas-sistema tal-ġustizzja jew mal-qafas kontra l-korruzzjoni jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq kif l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti fi Stat Membru partikolari.

It-tielet rapport dwar l-Istat tad-Dritt, adottat f’Lulju 2022 75 , ikopri l-perjodu minn Lulju 2021 sa Ġunju 2022 u jinkludi għall-ewwel darba rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri kollha, kif imħabbar mill-President von der Leyen fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tal-2021. F’konformità man-natura preventiva tar-rapport, l-objettiv tar-rakkomandazzjonijiet huwa li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex imexxu ’l quddiem ir-riformi li jkunu għaddejjin jew li jkunu ppjanati, biex iħeġġu żviluppi pożittivi, u biex jgħinuhom jidentifikaw fejn jista’ jkun meħtieġ titjib jew segwitu għal bidliet jew riformi riċenti, anki bil-ħsieb li jiġu indirizzati sfidi sistemiċi f’ċerti każijiet.

5.5.2.Il-progress fl-implimentazzjoni tar-regolament tal-UE dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE

Ir-Regolament (UE, EURATOM) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għandu l-għan li jipproteġi l-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwaw jew li jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE b’mod dirett biżżejjed.

Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat linji gwida 76 li jispjegaw kif se tapplika r-regolament, inkluż kif se jiġu protetti d-drittijiet tar-riċeventi finali u tal-benefiċjarji tal-finanzjament tal-UE (ara t-Taqsima 7).

Il-Kummissjoni bdiet proċedura skont ir-Regolament tal-Kundizzjonalità.

5.6.Il-politika kontra l-korruzzjoni

Fl-2021, il-Kummissjoni kompliet tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-integrità permezz tal-programmi tagħha, jiġifieri l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku li għadu kif ġie stabbilit. L-appoġġ tekniku ffaċilita r-rieżami tal-proċeduri għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-imħallfin u tal-prosekuturi, u l-infurzar ta’ miżuri kontra l-korruzzjoni fl-edukazzjoni, fi kwistjonijiet ambjentali u fl-isport. Xi awtoritajiet nazzjonali rċevew appoġġ biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ monitoraġġ għall-pjan nazzjonali tagħhom kontra l-korruzzjoni, biex jirrevedu r-regoli tagħhom għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, biex jiżguraw is-superviżjoni tan-nefqa pubblika jew biex juru t-tħejjija għas-sħubija fil-Konvenzjoni kontra t-Tixħim tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

Il-Kummissjoni torganizza workshops ta’ kondiviżjoni tal-esperjenza kontra l-korruzzjoni madwar l-UE. Fit-13 ta’ Diċembru 2021, l-14-il Workshop ta’ Kondiviżjoni tal-Esperjenza laqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Europol u tal-akkademja biex jiddiskutu t-tema tar-reżiljenza kontra l-korruzzjoni fi żminijiet ta’ kriżi. Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll proġetti mmirati lejn it-titjib tal-integrità u l-indirizzar tal-korruzzjoni fl-Istati Membri tal-UE, fost l-oħrajn. Fl-2021, il-proġetti kontra l-korruzzjoni ġew iffinanzjati taħt il-Pulizija tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISFP) 2014-2020 u jinkludu, fost l-oħrajn, il-proġett C.O.R.E li għandu l-għan li jiżviluppa u jivvalida proċedura replikabbli għall-komputazzjoni tar-riskju ta’ korruzzjoni fl-akkwist pubbliku fiż-żmien tal-pandemija, abbażi ta’ ġbir u pproċessar trażversali tad-data dwar l-akkwist pubbliku. Il-proċedura hija maħsuba biex ittejjeb l-identifikazzjoni aktar bikrija tar-riskju ta’ korruzzjoni u trawwem bażi ta’ evidenza aktar b’saħħitha għar-riforma tal-politika, billi primarjament isservi lill-awtoritajiet għal kontra l-korruzzjoni u lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, iżda wkoll lill-ġurnalisti u lill-pubbliku ġenerali għall-objettivi tar-responsabbiltà.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jadottaw strateġiji nazzjonali kontra l-korruzzjoni, filwaqt li jiżguraw li:

·l-impenji politiċi jiġu kkonkretizzati f’azzjonijiet konkreti;

·in-nuqqasijiet leġiżlattivi jew istituzzjonali jiġu indirizzati b’mod koerenti, komprensiv u kkoordinat; u

·l-isforzi kontra l-korruzzjoni jiġu adattati għal xenarju li qed jevolvi.

6.Ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ kontroll

6.1.Is-sorsi tad-data u l-metodoloġija

Din it-taqsima hija bbażata prinċipalment fuq data rrapportata mill-Istati Membri fl-oqsma tar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) u ġestjoni kondiviża u mill-pajjiżi kandidati fil-qasam ta’ qabel l-adeżjoni. Id-data dwar in-nefqa diretta (it-Taqsima 6.1.2) tiġi estratta mis-sistema kontabilistika interna tal-Kummissjoni. Il-Kaxxa 2 tispeċifika taħt liema kundizzjonijiet isir ir-rapportar mill-Istati Membri u kif jintużaw f’din it-taqsima.

Kaxxa 2: Rapportar ta’ irregolaritajiet mill-Istati Membri

Ir-regolamenti settorjali li jikkonċernaw l-RPT u l-fondi ta’ ġestjoni kondiviża jispeċifikaw għadd ta’ kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jridu jirrapportaw irregolaritajiet identifikati f’dawk l-oqsma.

Huma jużaw żewġ sistemi tal-IT biex jirrapportaw irregolaritajiet: OWNRES fil-qasam tal-RPTu l-IMS fil-ġestjoni kondiviża u ta’ qabel l-adeżjoni.

Fir-rigward tal-RPT, l-Istati Membri jridu jirrapportaw irregolaritajiet u frodi identifikati li jinvolvu aktar minn EUR 10 000 u jispeċifikaw fir-rapportar tagħhom jekk il-każ identifikat ikunx relatat ma’ mġiba frawdolenti jew le.

Fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża, japplika l-istess limitu finanzjarju u l-Istati Membri jridu jipprovdu klassifikazzjoni tal-irregolarità rrapportata, li tindika jekk il-każ huwiex frodi suspettata, frodi stabbilita jew irregolarità (amministrattiva) sempliċi. L-Istati Membri jistgħu jaġġornaw l-irregolaritajiet irrapportati fi kwalunkwe ħin, u jimmodifikaw ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom. Fil-każ ta’ irregolarità sempliċi, japplikaw aktar derogi u l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jirrapportaw każijiet:

(1)fejn l-irregolarità tikkonsisti biss min-nuqqas li tiġi eżegwita, b’mod parzjali jew sħiħ, operazzjoni inkluża fil-programm operazzjonali kofinanzjat minħabba l-falliment tal-benefiċjarju;

(2)li jkunu nġiebu għall-attenzjoni tal-awtorità maniġerjali jew tal-awtorità ta’ ċertifikazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju b’mod volontarju u qabel identifikazzjoni minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet, kemm qabel kif ukoll wara l-pagament tal-kontribuzzjoni pubblika;

(3)identifikati u korretti mill-awtorità maniġerjali jew l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni qabel l-inklużjoni tan-nefqa kkonċernata f’dikjarazzjoni tan-nefqa ppreżentata lill-Kummissjoni.

F’dan ir-rapport jintużaw żewġ kategoriji wesgħin għall-każijiet irrapportati mill-Istati Membri: irregolaritajiet frawdolenti u irregolaritajiet mhux frawdolenti.

Irregolaritajiet frawdolenti huma dawk li għalihom l-Istati Membri jipprovdu l-klassifikazzjoni ta’ frodi fir-RPT jew ta’ frodi suspettata jew ta’ frodi stabbilita fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża u ta’ qabel l-adeżjoni.

Il-każijiet li jifdal jissejħu irregolaritajiet mhux frawdolenti.

Total ta’ 11 218-il irregolarità, li jinvolvu madwar EUR 3,24 biljun, ġew irrapportati fl-2021. F’termini tal-għadd ta’ irregolaritajiet irrapportati, is-sitwazzjoni hija stabbli meta mqabbla mal-2020, bi tnaqqis żgħir ta’ madwar 5 %. Madankollu, l-ammonti relatati jirrappreżentaw żieda sinifikanti fir-rigward tas-sena ta’ qabel, billi huma aktar mid-doppju (+121 %).

Il-Kaxxa 3 tipprovdi nota metodoloġika qasira dwar kif għandha tiġi interpretata din id-data u dik ippubblikata fit-taqsimiet li ġejjin.

Kaxxa 3: Nota metodoloġika

Ir-rapportar ta’ irregolaritajiet huwa soġġett għal xi limitazzjonijiet.

Fir-rigward tar-RPT, iż-żmien bejn il-mument li fih jitwettqu l-irregolaritajiet u meta jiġu identifikati jiddependi mit-tip ta’ kontroll: il-kontrolli tar-rilaxx jippermettu identifikazzjoni immedjata, filwaqt li l-kontrolli ta’ wara r-rilaxx jitwettqu fil-limitu ta’ żmien ta’ 3 snin għan-notifika ta’ dejn doganali. Għalhekk, l-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet tista’ tieħu sa 3 snin mir-rilaxx tal-merkanzija. Ir-rapportar wara l-identifikazzjoni normalment ikun qasir, meta jitqiesu l-iskadenzi legali speċifiċi.

Fir-rigward tan-nefqa, bl-eċċezzjoni ta’ irregolaritajiet frawdolenti identifikati qabel il-pagament, jiġifieri pprevenuti, il-maġġoranza l-kbira tal-irregolaritajiet irrapportati (frawdolenti u mhux frawdolenti) jiġu identifikati matul kontrolli ex post. Dan ifisser li teżisti diskrepanza ta’ żmien bejn il-mument li fih jitwettqu l-irregolaritajiet u meta dawn jiġu rrapportati lill-Kummissjoni. Bħala medja, dan huwa bejn sentejn u nofs sa 3 snin 77 .

Ħafna min-nefqa tal-UE ssegwi wkoll ċikli pluriennali, b’implimentazzjoni li tiżdied progressivament sal-għeluq tal-programm (normalment n+2 jew n+3 fir-rigward tal-aħħar sena taċ-ċiklu, jiġifieri 2022-2023 fir-rigward tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali), li tirrappreżenta wkoll snin b’massimu fir-rapportar tal-irregolaritajiet.

Għal dawn ir-raġunijiet, it-tqabbil minn sena għal sena f’termini tar-rapportar ta’ irregolaritajiet ma jipprovdix stampa affidabbli tas-sitwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-varjazzjonijiet li jikkonċernaw l-impatt finanzjarju, peress li dan jista’ jiġi influwenzat minn ftit każijiet ta’ valur għoli ħafna.

Konsegwentement, flimkien mal-varjazzjonijiet minn sena għal sena, dan ir-rapport (u d-dokument ta’ akkumpanjament tiegħu l-evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet) jippreżenta wkoll perspettiva pluriennali (skont il-perjodu ta’ programmazzjoni għall-politika ta’ koeżjoni u ta’ qabel l-adeżjoni u 5 snin għas-setturi l-oħra) biex itaffi kwalunkwe distorsjoni tal-analiżi mill-fatturi enfasizzati hawn fuq.

6.2.Dħul

Fl-2021, il-Kummissjoni adottat proposta għall-emendar tar-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni 78 bl-objettiv li tkompli tissaħħaħ is-sistema tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji sabiex jiġu żgurati pagamenti regolari u f’waqthom lill-baġit tal-UE. Barra minn hekk, ġiet implimentata strateġija ġdida ta’ infurzar bl-għan li tirreaġixxi aktar malajr għar-riskji li ġejjin u tipproteġi aħjar ir-RPT. 

6.2.1.Frodi tal-VAT

L-UPPE għandu l-kompetenza li jinvestiga reati serji kontra s-sistema komuni tal-VAT. Dawn ir-reati għandhom ikunu relatati mat-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar u jinvolvu ħsara totali ta’ mill-inqas EUR 10 miljun.

Fl-2021, l-UPPE investiga 91 każ bħal dawn għall-ħsara stmata ta’ EUR 2,5 biljun 79 .

6.2.2.Riżorsi proprji tradizzjonali

Fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kompliet taffettwa l-ħajja tal-individwi u tan-negozji kollha fl-UE. Filwaqt li fl-2020 il-pandemija ġiet esperjenzata bħala emerġenza, fl-2021 saret waħda partikolari, kif attestat miċ-ċifri għall-volumi tal-importazzjoni: wara t-tnaqqis xokkanti fl-importazzjonijiet tal-EU-27 ta’ 11,6 % fl-2020, fl-2021 l-importazzjonijiet żdiedu bi 23 %.

Tabella 3 - Dħul: Irregolaritajiet identifikati u rrapportati mill-Istati Membri - RPT – fl-2021

Settur baġitarju

Irregolaritajiet frawdolenti

Irregolaritajiet mhux frawdolenti

FDR 80

IDR 81

N

EUR (miljuni)

N

EUR (miljuni)

%

%

Riżorsi Proprji Tradizzjonali

EU-27

482

157,1

3 506

366,8

0,63 %

1,48 %

Fl-2021, l-għadd ta’ irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti relatati mar-RPT (ara t-Tabella 3) baqa’ pjuttost stabbli, bi tnaqqis ta’ 3 % biss meta mqabbel mal-medja ta’ 5 snin. L-għadd ta’ irregolaritajiet frawdolenti żdied b’1 % u l-irregolaritajiet mhux frawdolenti naqsu b’4 %. Mill-każijiet frawdolenti u mhux frawdolenti kollha li nstabu fl-2021, 12 % ġew ikklassifikati bħala frawdolenti. L-ammont relatat ta’ RPT żdied u kien l-ogħla ammont ta’ RPT identifikat matul l-aħħar 5 snin. Kemm għall-irregolaritajiet frawdolenti kif ukoll għal dawk mhux frawdolenti, l-ammont ta’ RPT identifikat żdied meta mqabbel mal-medja ta’ 5 snin, bi 32 % u bi 13 % rispettivament. B’kollox, l-ammont ta’ RPT żdied bi 18 % fl-2021 fuq il-medja għall-2017-2021 82 .

Is-servizzi nazzjonali għal kontra l-frodi flimkien mas-servizzi doganali kellhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni ta’ każijiet frawdolenti fl-2021. L-ispezzjonijiet mis-servizzi għal kontra l-frodi kienu l-aħjar mod biex jiġu identifikati każijiet frawdolenti u biex jinqabżu l-kontrolli ta’ wara r-rilaxx u l-kontrolli tar-rilaxx fl-identifikazzjoni ta’ evażjoni frawdolenti tad-dazju. Irregolaritajiet mhux frawdolenti ġew identifikati primarjament permezz ta’ kontrolli ta’ wara r-rilaxx.

Daqqa ta’ għajn 12 – RPT: l-aktar irregolaritajiet rikorrenti u t-tipi ta’ merkanzija kkonċernati

Il-biċċa l-kbira tal-każijiet irrapportati fl-2021 bħala frawdolenti u mhux frawdolenti huma relatati ma’ sottovalwazzjoni, oriġini skorretta jew klassifikazzjoni/deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija. Il-kuntrabandu jibqa’ wieħed mit-tipi ewlenin ta’ frodi. It-tessuti, il-makkinarju u t-tagħmir elettriku kienu t-tipi ta’ merkanzija l-aktar affettwati minn frodi u irregolaritajiet f’għadd ta’ każijiet u f’termini monetarji, segwiti minn prodotti kimiċi mixxellanji, żraben u tabakk f’termini ta’ ammonti u minn vetturi u plastik f’termini ta’ għadd ta’ każijiet. Fl-2021, iċ-Ċina baqgħet il-pajjiż ewlieni ta’ oriġini tal-merkanzija affettwata minn irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti jew mhux frawdolenti.

Għall-merkanzija relatata mal-COVID-19, fl-2021, ġiet osservata żieda notevoli fl-ammonti rrapportati bħala irregolari għal merkanzija bħad-diżinfettanti u l-prodotti tal-isterilizzazzjoni, il-ħwejjeġ protettivi u l-oġġetti tal-konsum mediku. Madankollu, l-analiżi turi li l-impatt tal-irregolaritajiet li jaffettwaw oġġetti relatati mal-COVID-19 jidher li baqa’ relattivament baxx fl-2021 (54 % tal-għadd totali ta’ irregolaritajiet irrapportati u 6 % tal-ammonti relatati).

Fl-2021 il-Kummissjoni kompliet, fuq il-post jew mill-bogħod, iż-żjarat ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll tagħha sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE doganali u dwar l-RPT. Fejn il-kooperazzjoni u l-progress li saru fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet pendenti jitqiesu insuffiċjenti, qed jiġu applikati miżuri korrettivi.

Kif jiddikjara r-rapport PIF tal-2020, miżuri korrettivi bħal dawn diġà ġew applikati mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit fir-rigward ta’ tessuti u ta’ żraben sottovalwati miċ-Ċina 83 . Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet is-sentenza tagħha fil-Kawża C-213/19 84 kontra r-Renju Unit. Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tanalizza l-implikazzjonijiet ta’ dik is-sentenza tal-QĠUE kemm għar-Renju Unit (eż. kalkolu mill-ġdid tat-telf tal-RPT), kif ukoll għall-Istati Membri l-oħra.

Daqqa ta’ għajn 13 – Ċirkomvenzjoni u assorbiment tal-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ

Il-monitoraġġ tal-miżuri eżistenti għad-difiża tal-kummerċ baqa’ prijorità fl-2021. Ingħatat attenzjoni partikolari lil dawk il-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ fejn ġie identifikat riskju akbar ta’ evitar tad-dazju, jew permezz ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni 85 , tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni jew assorbiment 86 tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, wara li ġew imposti miżuri anti-dumping jew kumpensatorji.

Fl-2021, il-Kummissjoni bdiet erba’ investigazzjonijiet dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-importazzjonijiet ta’ tessuti tal-fibra tal-ħġieġ 87 mit-Turkija u mill-Marokk wara li ġew imposti dazji anti-dumping u kumpensatorji fuq dawn il-prodotti li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Eġittu fl-2020. Kien hemm ukoll investigazzjoni kontra l-assorbiment dwar l-istess prodott, li joriġina mill-Eġittu. Dawn ġabu l-għadd totali ta’ investigazzjonijiet bħal dawn li nbdew fl-aħħar 3 snin għal 11 u 2 rispettivament. Barra minn hekk, fl-2021 il-Kummissjoni stabbiliet li d-dazji anti-dumping fis-seħħ fuq żewġ tipi differenti ta’ fojl tal-aluminju domestiku miċ-Ċina kienu qed jiġu evitati permezz tat-Tajlandja, fejn il-prodott kien soġġett biss għal operazzjonijiet ta’ assemblaġġ minuri.

Għadd ta’ każijiet investigati, li kienu jinvolvu t-trażbord wara li l-prodott ikkonċernat intbagħat miċ-Ċina biex jgħaddi minn operazzjonijiet minuri ta’ assemblaġġ fit-Turkija u fil-Marokk, huma emblematiċi tal-isfidi ppreżentati mill-politika Ċiniża “Belt and Road” u d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni robusta kontra l-kummerċ inġust li jirriżulta minnha.

6.3.Nefqa

Filwaqt li ġew introdotti flessibbiltajiet u strumenti biex tiġi indirizzata l-kriżi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, il-baġit tal-UE ffaċċja wkoll sfidi u riskji ġodda 88 . B’mod ġenerali, il-Kummissjoni rnexxielha żżomm livell għoli ta’ kopertura u assigurazzjoni tal-awditjar. Dan kien ukoll il-każ fl-Istati Membri, li jwettqu l-biċċa l-kbira tal-awditi u l-kontrolli kollha f’ġestjoni kondiviża.

Dan żgura li l-flessibbiltà pprovduta ma twassalx għal rilassament tal-kontrolli. Ir-regoli emendati introdotti fil-proċeduri ta’ kontroll tal-Istati Membri kienu limitati fiż-żmien u fl-ambitu. Dan għen lill-benefiċjarji u lill-Istati Membri f’ċirkostanzi diffiċli 89 .

Ġew stabbiliti wkoll miżuri ta’ mitigazzjoni robusti, jew diġà kienu fis-seħħ, biex itaffu r-riskji relatati mal-impossibbiltà li jsiru awditi u kontrolli fuq il-post. Dawn kienu jinkludu s-sostituzzjoni ta’ awditi fuq il-post b’analiżijiet mhux fuq il-post u awditi mill-bogħod, u l-possibbiltà li l-ispezzjonijiet fuq il-post jiġu sostitwiti b’soluzzjonijiet tal-IT (ritratti ġeottikkettati, immaġnijiet satellitari, vidjokonferenzi, eċċ.) 90 .

F’dan l-isfond, u f’konformità max-xejra mistennija, matul l-aħħar 5 snin, l-għadd ta’ irregolaritajiet irrapportati (frawdolenti u mhux frawdolenti) relatati man-nefqa tal-UE għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 naqas, filwaqt li dawk relatati mal-qafas finanzjarju 2014-2020 91 qed jiżdiedu, b’mod konsistenti maċ-ċikli ta’ implimentazzjoni, sabiex issa jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-irregolaritajiet irrapportati (madwar 90 %). L-irregolaritajiet irrapportati relatati mal-infiq annwali (għajnuna diretta lill-bdiewa u miżuri ta’ appoġġ għas-suq) baqgħu stabbli.



Tabella 4- Nefqa: Irregolaritajiet identifikati u rrapportati mis-settur baġitarju fl-2021

Settur baġitarju

Irregolaritajiet frawdolenti

Irregolaritajiet mhux frawdolenti

FDR 92

IDR 93

N

EUR (miljuni)

N

EUR (miljuni)

%

%

Agrikoltura

250

30,0

3 455

204,0

0,06 %

0,38 %

Żvilupp Rurali

144

16,5

2 400

94,7

0,12 %

0,68 %

Appoġġ għall-agrikoltura

98

13,0

1 015

107,5

0,03 %

0,27 %

It-tnejn/Ma huwiex ċar

8

0,5

40

1,8

-

-

Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

215

1 624,0

2 271

812,9

2,57 %

1,29 %

Koeżjoni u reġjonali

155

1 605,5

1 627

588,5

3,42 %

1,25 %

Politika soċjali

50

16,7

614

217,6

0,11 %

1,39 %

Sajd

10

1,8

70

6,8

0,35 %

1,32 %

Fondi oħra ta’ ġestjoni kondiviża

0

0

45

4,3

0,00 %

0,22 %

Qabel l-adeżjoni

29

1,9

86

4,2

0,10 %

0,22 %

Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni

1

0,4

-

-

Strument għal Qabel l-Adeżjoni I

4

0,4

29

2,3

-

-

Strument għal Qabel l-Adeżjoni II

25

1,5

56

1,5

-

-

Nefqa diretta

54

7,0

825

35,9

0,03 %

0,16 %

TOTAL

548

1 662,9

6 682

1 061,3

1,0 %

0,63 %

6.3.1.Ġestjoni kondiviża

L-agrikoltura 94  – L-analiżi tal-perjodu ta’ 5 snin (2017-2021) tikkonferma x-xejriet prinċipali enfasizzati fir-rapporti PIF preċedenti 95 . Anke jekk jiżdiedu b’mod progressiv, l-irregolaritajiet frawdolenti fl-iżvilupp rurali relatati mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għadhom inqas minn dawk irrapportati għall-perjodu 2007-2013 wara perjodu komparabbli ta’ implimentazzjoni. Ir-rapportar tal-frodi b’appoġġ għall-agrikoltura (inklużi l-għajnuna diretta u l-miżuri tas-suq) jibqa’ pjuttost stabbli maż-żmien, anki jekk juri tnaqqis ta’ 17 % fl-2021 mis-sena ta’ qabel. L-inċidenza ta’ frodi rrapportata fi proporzjon mal-pagamenti għadha baxxa ħafna għall-pagamenti diretti. Hija l-ogħla għall-miżuri tas-suq, b’mod partikolari fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fir-rigward tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid. L-ammonti finanzjarji involuti kienu wkoll relattivament għoljin għall-miżura tas-suq relatata speċifikament mal-promozzjoni tal-prodotti agrikoli.

B’referenza għall-iżvilupp rurali u l-pagamenti diretti lill-bdiewa, l-analiżi tar-riskju u l-informazzjoni spontanja mis-soċjetà ċivili, inkluż mill-media, jagħtu kontribut marġinali għall-identifikazzjoni ta’ irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti. Fir-rigward tal-miżuri tas-suq, l-analiżi tar-riskju għandha rwol aktar b’saħħtu fl-identifikazzjoni, minħabba l-iskrutinju bbażat fuq ir-riskju ta’ dokumenti kummerċjali ta’ dawk l-entitajiet li jirċievu pagamenti.

Daqqa ta’ għajn 14 – Il-ġlieda kontra l-frodi fil-produzzjoni organika

Il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fil-produzzjoni organika abbażi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Iżvilupp tal-Produzzjoni Organika 96 . Fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, hija ssistematizzat il-kontroverifika tal-informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS) dwar nuqqasijiet possibbli ta’ konformità fil-produzzjoni organika ma’ informazzjoni li għandha dwar l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE għall-produzzjoni organika. F’dan il-kuntest, l-OLAF ingħata aċċess dirett għad-data għall-OFIS.

Saru diskussjonijiet ta’ esplorazzjoni mal-UPPE dwar l-għoti ta’ aċċess għad-data mill-OFIS, filwaqt li diġà ngħatat għal TRACES 97 .

Madwar 10 snin wara r-rapportar inizjali, il-proporzjon ta’ każijiet ta’ frodi suspettata li ma wasslux għal kundanna għadu għoli ħafna, filwaqt li s-sehem ta’ każijiet li fihom hija stabbilita l-frodi huwa baxx. Dan jista’ jindika l-ħtieġa li jsir aktar investiment fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħha. 

Daqqa ta’ għajn 15 – Agrikoltura: irregolaritajiet identifikati l-aktar ta’ spiss

Matul il-perjodu 2017-2021, għall-pagamenti diretti ta’ għajnuna lill-bdiewa, il-falsifikazzjoni tal-prova dokumentarja jew it-talba għall-għajnuna kienu l-aktar irregolaritajiet frawdolenti identifikati ta’ spiss. Firxa wiesgħa ta’ dokumenti u informazzjoni jistgħu jiġu ffalsifikati, bħal ftehimiet ta’ kiri jew dokumenti tal-proprjetà, u dokumenti relatati mal-konformità mar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità.

Fir-rigward tal-miżuri tas-suq, il-frodi kienet tikkonċerna prinċipalment l-implimentazzjoni tal-azzjoni, spiss flimkien ma’ ksur ieħor. Ġew irreġistrati ammonti finanzjarji sinifikanti f’bosta każijiet investigati mill-OLAF fejn il-kunflitti ta’ interess kienu kkombinati ma’ irregolaritajiet oħra, fir-rigward tal-miżura tas-suq “Promozzjoni”. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali għall-fini li jiġi riċevut appoġġ finanzjarju huwa riskju potenzjali.

Għall-iżvilupp rurali, il-frodaturi użaw prinċipalment il-prattika tal-falsifikazzjoni tad-dokumenti. Dan jista’ jinvolvi l-falsifikazzjoni tal-fatturi, id-dikjarazzjoni tat-tagħmir użat bħala ġdid, l-ingann mal-offerti fil-proċeduri tal-akkwist, jew l-għoti ta’ informazzjoni falza dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għar-riċeviment tal-għajnuna. Għadd sinifikanti ta’ irregolaritajiet frawdolenti kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-azzjoni. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet artifiċjali huwa wkoll riskju potenzjali għall-finanzjament tal-iżvilupp rurali. Pereżempju, il-benefiċjarji jistgħu jaqsmu b’mod artifiċjali l-azjendi agrikoli u jitolbu għajnuna permezz ta’ bosta kumpaniji relatati biex jevitaw limiti massimi fuq l-appoġġ.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) 98  – Bejn l-2017 u l-2021, l-għadd ta’ irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti relatati mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 naqas għall-FSIE. L-għadd ta’ irregolaritajiet irrapportati għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 żdied. Din id-dinamika hija konformi ma’ xejriet magħrufa fl-identifikazzjoni u fir-rapportar ta’ irregolaritajiet u hija relatata maċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni ta’ programmi pluriennali.

L-għadd ta’ irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kien konformi ma’ dawk identifikati għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 wara l-istess għadd ta’ snin mill-bidu tal-perjodu; f’madwar 1 %, l-FDR kienet ogħla milli għall-perjodu 2007-2013 99 . Dan ma huwiex il-każ għal irregolaritajiet mhux frawdolenti. Għalihom, it-tnaqqis fl-għadd u fl-ammonti finanzjarji rrapportati wara 8 snin mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni huwa notevoli (ara d-Daqqa ta’ għajn 17 għal analiżi tar-raġunijiet wara t-tnaqqis).

Daqqa ta’ għajn 16 – Raġunijiet għat-tnaqqis ta’ irregolaritajiet mhux frawdolenti fil-koeżjoni

B’referenza ġenerali għall-politiki ta’ koeżjoni u tas-sajd, l-OLAF wettaq analiżi speċifika, ibbażata fuq l-irregolaritajiet mhux frawdolenti rrapportati mill-Istati Membri, sal-2020 inkluża. Din l-analiżi tidentifika għadd ta’ spjegazzjonijiet potenzjali li jistgħu fil-biċċa l-kbira jispjegaw dan it-tnaqqis kbir.

Id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali rilevanti jista’ jispjega parti mid-distakk attwali. Parti oħra mit-tnaqqis fl-irregolaritajiet mhux frawdolenti tista’ tiġi spjegata minn bidla possibbli fil-prattiki ta’ rapportar ta’ xi awtoritajiet għal irregolaritajiet li jinvolvu inqas minn EUR 10 000.

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ġiet estiża l-possibbiltà li jintużaw għażliet ta’ kostijiet issimplifikati (SCO). Għall-Fond Soċjali Ewropew, iż-żieda fil-perċentwal tan-nefqa koperta mill-SCOs (minn 7 % għal 33 %) tista’ tkun fattur sinifikanti li jikkontribwixxi għat-tnaqqis f’irregolaritajiet mhux frawdolenti.

Parti oħra tar-raġuni tista’ tkun adattament imdewwem għall-bidla f’deroga mir-rapportar ta’ irregolaritajiet mhux frawdolenti, li seħħew fl-2009 u li affettwaw ir-rapportar matul il-perjodu 2007-2013.

L-introduzzjoni ta’ kontijiet annwali u l-esklużjoni ta’ valutazzjonijiet attwali setgħu kkontribwew ukoll għal tnaqqis bħal dan. Mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 ’il hawn, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kontijiet annwali n-nefqa li minnha jkun hemm valutazzjoni attwali tal-legalità u r-regolarità. Permezz ta’ din l-esklużjoni, l-Istati Membri jevitaw tnaqqis fil-kontribuzzjoni minn fond partikolari, anki jekk ikun hemm irregolaritajiet. L-Istati Membri qed jużaw din il-possibbiltà.

Taħt ċerti kundizzjonijiet, wara 7 snin ta’ implimentazzjoni (tmiem l-2020), l-effett ikkombinat ta’ dawn ir-raġunijiet jammonta bejn wieħed u ieħor għal żewġ terzi tat-tnaqqis madwar l-UE kollha fir-rapportar ta’ irregolaritajiet mhux frawdolenti.

L-effett ta’ żieda fil-kapaċità amministrattiva huwa xi ħaġa oħra li għandha tiġi kkunsidrata. Ma hemm l-ebda indikatur li jkejjel iż-żieda fil-kapaċità tal-korpi ta’ implimentazzjoni u tal-benefiċjarji, jew l-impatt li dan seta’ kellu f’termini tat-tnaqqis f’irregolaritajiet mhux intenzjonati. Madankollu, xi fatturi kontribwenti jissuġġerixxu żviluppi pożittivi bħal dawn, bħal: a) miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi adottati fil-livell tal-programm operazzjoanli, li setgħu wasslu għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni aktar kmieni ta’ irregolaritajiet (frawdolenti u mhux frawdolenti); b) il-kwalità u l-esperjenza mtejba tal-awtoritajiet rilevanti (b’mod partikolari f’ċerti Stati Membri, inklużi l-benefiċjarji; u c) involviment akbar tas-soċjetà ċivili permezz tal-patti tal-integrità (ara d-Daqqa ta’ għajn 18).

Min-naħa l-oħra, it-tifqigħa tal-COVID-19 setgħet poġġiet pressjoni addizzjonali fuq il-kapaċità amministrattiva ta’ dawk involuti fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. Dan jista’ jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ aktar irregolaritajiet fis-snin li ġejjin.

Ir-riskji ta’ irregolaritajiet jidhru li huma ogħla fl-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni relatati mat-trasport, il-protezzjoni tal-ambjent, ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni (RTDI), l-inklużjoni soċjali u l-promozzjoni tal-impjiegi u l-mobilità tal-forza tax-xogħol.

L-analiżi tindika r-riskji relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, il-forniment ta’ ilma tax-xorb, il-ġestjoni tal-iskart, l-enerġija (solari) rinnovabbli u l-prevenzjoni tar-riskju. Ir-riskji tat-tranżizzjoni diġitali jidhru li huma aktar prominenti fis-servizzi u fl-applikazzjonijiet għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), f’termini tal-għadd ta’ irregolaritajiet, u s-servizzi u l-applikazzjonijiet għall-gvern elettroniku, f’termini tal-ammonti finanzjarji involuti. Ġew irrapportati wkoll irregolaritajiet fir-rigward tal-investimenti fl-infrastruttura għat-tranżizzjoni diġitali.

Fir-rigward tal-RTD&I, l-analiżi tissuġġerixxi riskji ogħla għall-investimenti biex jipprovdu assistenza għal dawn l-attivitajiet fil-kumpaniji. Il-miżuri biex jiġu stimulati r-riċerka, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fl-SMEs ġew affettwati b’mod partikolari.

Ir-riskji huma għoljin fir-rigward tal-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport, minħabba l-frekwenza ta’ irregolaritajiet fi proġetti ġeneriċi tat-toroq, li jaffettwaw il-livelli reġjonali u lokali, u minħabba l-ammonti finanzjarji għoljin involuti f’irregolaritajiet li jikkonċernaw il-ferroviji u t-toroq tan-network trans-Ewropew (TEN). L-investimenti fl-infrastruttura multimodali tat-TEN u fin-networks tal-elettriku wkoll jidhru riskjużi.

Ir-riskji fir-rigward tal-inklużjoni soċjali, il-faqar u d-diskriminazzjoni jidhru li huma ogħla għall-investimenti (i) fl-inklużjoni attiva; (ii) fl-infrastruttura tas-saħħa; (iii) fl-aċċess imtejjeb għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi soċjali; (iv) fl-infrastruttura soċjali u r-riġenerazzjoni taż-żoni rurali u urbani; (v) f’investimenti favur komunitajiet emarġinati u (vi) f’infrastruttura għall-indukrar tat-tfal.

Fir-rigward tal-promozzjoni tal-impjiegi u tal-mobilità tal-forza tax-xogħol, ir-riskji jidhru li huma ogħla għall-investimenti (i) fl-adattament għall-bidla tal-ħaddiema u tal-intrapriżi, b’mod partikolari l-operazzjonijiet għat-tfassil u t-tixrid ta’ modi innovattivi u aktar produttivi ta’ ħidma; (ii) fl-aċċess għall-impjiegi, b’mod partikolari l-operazzjonijiet għal dawk li qed ifittxu impjieg u għal persuni inattivi, inklużi l-persuni qiegħda fit-tul u persuni ’l bogħod mis-suq tax-xogħol; u (iii) fl-appoġġ għall-impjieg indipendenti u għall-bidu ta’ negozju.

Daqqa ta’ għajn 17 – FSIE: tipi ta’ irregolaritajiet identifikati

L-aktar irregolaritajiet frawdolenti frekwenti kienu l-użu ta’ dokumenti foloz jew iffalsifikati. Kienu involuti ammonti finanzjarji għoljin fejn kien hemm ksur frawdolenti tad-dispożizzjonijiet/tar-regoli tal-kuntratt. Dan it-tip ta’ frodi spiss kien jikkonsisti minn nuqqas ta’ implimentazzjoni jew minn implimentazzjoni mhux kompluta tal-azzjoni ffinanzjata. L-aktar irregolaritajiet frawdolenti li jikkonċernaw l-etika u l-integrità kienu dwar il-kunflitti ta’ interess. Il-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku kien l-aktar wieħed irrapportat minn irregolaritajiet mhux frawdolenti, iżda ġiet identifikata frodi f’4 % biss minn dawn il-każijiet.

L-analiżi tar-riskju għad għandha kontribut marġinali fl-identifikazzjoni tal-frodi, filwaqt li l-informazzjoni mis-soċjetà ċivili (inkluża l-informazzjoni ppubblikata fil-media) għandha rwol sinifikanti u li qed jikber. Dan ma huwiex il-każ għal irregolaritajiet mhux frawdolenti. L-identifikazzjoni ta’ frodi u irregolaritajiet tista’ titjieb permezz ta’ proġetti ta’ analiżi tar-riskju tematiċi ex post li jiffukaw fuq gruppi ta’ tranżazzjonijiet tal-passat.

Daqqa ta’ għajn 18 – Patti ta’ Integrità u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili

Il-Patti ta’ Integrità, għodda ta’ monitoraġġ appoġġata mis-soċjetà ċivili mmirata lejn iż-żieda tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba fl-ikkuntrattar pubbliku, fil-programmi 2021-2027 huma ttrasferiti taħt tfassil u valutazzjoni. Bil-konklużjoni tat-18-il proġett pilota (fi 11-il Stat Membru mill-2016 sal-2021), il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jimplimentaw il-Patti ta’ Integrità fi proġetti mmirati ffinanzjati mill-fondi tal-UE billi gradwalment jintegraw il-Patti ta’ Integrità fil-programmi tagħhom, u tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’dak ir-rigward, jiġifieri bis-sett ta’ għodod ippubblikat dan l-aħħar 100 .

Madwar 10 snin wara r-rapportar inizjali, il-proporzjon ta’ każijiet ta’ frodi suspettata li ma wasslux għal kundanna għadu għoli ħafna, filwaqt li s-sehem ta’ każijiet li fihom tiġi stabbilita l-frodi huwa baxx. Dan jista’ jindika l-ħtieġa li jsir aktar investiment fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħha.

Fondi oħra ta’ ġestjoni kondiviża 101  – Li jikkonċernaw fondi ta’ ġestjoni kondiviża għal politiki interni oħra, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) kien il-fond l-aktar affettwat mill-frodi. Aktar minn 90 % tal-identifikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet mhux frawdolenti kienu relatati mal-fondi li ġejjin: Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-FEAD u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI).

6.3.2.Ġestjoni indiretta

Qabel l-adeżjoni 102  – L-irregolaritajiet irrapportati f’dan il-qasam fl-2021 qed jonqsu meta mqabbla mal-medja ta’ 5 snin (-23 % fl-għadd u -48 % f’termini ta’ ammonti finanzjarji irregolari). Matul l-istess perjodu, l-ogħla għadd ta’ irregolaritajiet identifikati kien jikkonċerna l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni għall-iżvilupp rurali (IPARD) u l-kooperazzjoni transfruntiera.

6.3.3.Ġestjoni diretta

L-irregolaritajiet frawdolenti identifikati relatati man-nefqa diretta mill-Kummissjoni naqsu mill-2016 ’il hawn u baqgħu stabbli matul l-aħħar 4 snin, minkejja żieda marġinali fl-2021. L-irregolaritajiet mhux frawdolenti komplew jonqsu u l-2021 kienet is-sena bl-aktar ċifra baxxa kemm għall-għadd ta’ każijiet kif ukoll għall-ammonti kkonċernati 103 .

Daqqa ta’ għajn 19 – Nefqa diretta: irregolaritajiet identifikati l-aktar ta’ spiss u l-oqsma ta’ politika kkonċernati

L-aktar tipi rikorrenti ta’ irregolaritajiet jikkonċernaw l-eliġibbiltà tan-nefqa u l-eżekuzzjoni insuffiċjenti/in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

Fl-2021, l-oqsma ta’ politika l-aktar affettwati mill-irregolaritajiet kienu r-riċerka u l-innovazzjoni; is-suq uniku; is-sigurtà, id-difiża u l-ġestjoni tal-fruntieri; investimenti strateġiċi Ewropej; u azzjonijiet esterni.

7.Prospetti għall-2022, Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet sfidi ġodda li għalihom l-UE rreaġixxiet malajr, b’mod flessibbli u billi użat strumenti u riżorsi ġodda. L-isfidi u l-konsegwenzi ta’ dik il-kriżi għadhom ma spiċċawx, iżda l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna ħolqot dinamika ġdida kbira, b’implikazzjonijiet profondi għall-UE u għall-ekonomija u s-soċjetà tagħha.

Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett biex tittratta s-suġġetti li sar għandhom importanza ewlenija sa mill-invażjoni tal-Ukrajna, mis-sigurtà tal-provvista tal-enerġija sad-diskrepanza tal-investiment fid-difiża tal-UE u r-rikostruzzjoni fit-tul tal-Ukrajna. Dawn is-suġġetti kollha għandhom implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

Il-baġit tal-UE diġà jinsab taħt pressjoni, peress li qed jiġu implimentati miżuri ġodda biex jiġu indirizzati r-riperkussjonijiet ta’ avvenimenti riċenti (eż. REPowerEU), il-prijoritajiet qed jinbidlu (il-migrazzjoni) u l-aktar pakkett wiesa’ ta’ sanzjonijiet li qatt kien hemm qbil dwarhom kontra pajjiż (b’mod ġenerali, iżda wkoll fir-rigward ta’ individwi mmirati) jeħtieġ li jiġi infurzat, b’effetti fuq id-dħul tal-UE (l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija) u n-nefqa (esklużjonijiet minn proċeduri u għotjiet ta’ akkwist pubbliku).

Diġà bl-introduzzjoni tal-RRF u bl-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali fl-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE diġà żdied b’mod sinifikanti. Il-pressjoni fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali se tibqa’ għolja matul l-2022 u wara, peress li se jkollhom bżonn jimplimentaw ukoll l-infiq taċ-ċiklu ta’ programmazzjoni 2021-2027 u juru għarfien espert u kontroll ta’ modi differenti ta’ ġestjoni relatati mal-implimentazzjoni tad-diversi fondi.

7.1.Il-qasam tal-UE kontra l-frodi

Ir-riżultati tal-OLAF u tal-UPPE fl-2021 104 juru l-valur miżjud li d-dimensjoni tal-UE tista’ ġġib għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi, li jegħlbu l-limiti inerenti tas-sistemi nazzjonali meta jittrattaw il-kriminalità transfruntiera b’mod partikolari.

Aktar importanti minn hekk, huma juru wkoll il-ħtieġa li jkomplu jaħdmu lejn qasam tal-UE kontra l-frodi dejjem aktar armonizzat, li jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mad-dritt tal-UE u mal-prinċipji tagħha.

Ir-Regolament 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (regolament dwar il-kondizzjonalità) ilu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021 u huwa infurzabbli minn dik id-data. Il-ksur kollu tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jaffettwa, jew li jirriskja b’mod serju li jaffettwa, il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE u l-interessi finanzjarji tal-UE b’mod dirett biżżejjed wara dik id-data huwa kopert.

Ir-regolament dwar il-kondizzjonalità jippermetti lill-UE tieħu miżuri - pereżempju s-sospensjoni ta’ pagamenti jew il-korrezzjonijiet finanzjarji - sabiex tipproteġi l-baġit tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE jkomplu jirċievu l-pagamenti tagħhom, direttament mill-Istati Membri kkonċernati. Il-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jittrattaw il-frodi hija parti mis-sitwazzjonijiet li, jekk ikunu kkonċernati minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, jista’ jkun rilevanti skont il-proċedura stabbilita mir-regolament dwar il-kondizzjonalità.

Fis-16 ta’ Frar 2022, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ċaħdet l-azzjonijiet imressqa minn żewġ Stati Membri (C-156/21 105 u C-157/21 106 ) filwaqt li ddeċidiet li r-regolament jaqa’ taħt is-setgħa mogħtija mit-Trattati li jiġu stabbiliti regoli finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida għall-applikazzjoni tar-regolament, filwaqt li qieset is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Rakkomandazzjoni 1 – Traspożizzjoni korretta tad-Direttiva PIF

L-Istati Membri li kontrihom ikunu tnedew proċeduri ta’ ksur mill-Kummissjoni għandhom jieħdu azzjoni ta’ rimedju malajr u jimmodifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jittrasponu b’mod korrett id-Direttiva PIF.

Qasam koerenti u dejjem aktar armonizzat tal-UE kontra l-frodi jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta’ lakuni possibbli fl-arkitettura ta’ kontroll ġenerali li jistgħu jiġu sfruttati minn frodaturi.

Rakkomandazzjoni 2 – Parteċipazzjoni fl-UPPE

Il-Kummissjoni ttenni s-sejħa tagħha biex l-Istati Membri li għadhom ma ssiħbux fl-UPPE jagħmlu dan. L-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE għandhom jiżguraw li l-UPPE jkun f’pożizzjoni li jeżerċita s-setgħat kollha mogħtija lilu mir-Regolament li jistabbilixxih.

7.2.Trasparenza, ġestjoni tar-riskju ta’ frodi u diġitalizzazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi

Għall-QFP 2021-2027 u għal Next Generation EU, il-Kummissjoni ressqet proposti biex ittejjeb il-kwalità tad-data u l-interoperabbiltàdwar tas-sistemi tal-IT dwar ir-riċeventi tal-finanzjament tal-UE, fejn il-baġit jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża u taħt l-RRF.

Waħda mill-proposti tal-Kummissjoni miżmuma mill-koleġiżlaturi għall-RRF u l-Politika ta’ Koeżjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jirreġistraw u jaħżnu d-data dwar ir-riċeventi tal-finanzjament tal-UE u s-sidien benefiċjarji tagħhom. Għall-PAK, l-Istati Membri se jiġbru data dwar gruppi li fihom jipparteċipaw il-benefiċjarji, fejn applikabbli.

Bl-emenda mmirata tar-Regolament Finanzjarju 107 , il-Kummissjoni beħsiebha tkompli ttejjeb il-mod kif tiġi pprovduta l-informazzjoni lill-pubbliku dwar l-użu tal-baġit tal-UE u dwar ir-riċeventi tal-finanzjament tal-UE. Hija pproponiet li tirrikjedi li l-Istati Membri u korpi oħra li jimplimentaw il-baġit tal-UE skont il-modi kollha ta’ ġestjoni, biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar ir-riċeventi tagħhom tal-finanzjament tal-UE darba fis-sena, inklużi identifikaturi uniċi jekk ir-riċeventi jkunu persuni ġuridiċi. Id-drittijiet tal-benefiċjarji li jirrispettaw il-ħajja privata tagħhom u d-data personali tagħhom għandhom jiġu protetti 108 . Il-Kummissjoni tissupplimenta dik l-informazzjoni bid-data li għandha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-ġestjoni diretta u tkun responsabbli għall-konsolidazzjoni, għaċ-ċentralizzazzjoni, u għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni f’bażi tad-data fuq sit web uniku, li jkun ikopri l-modi kollha ta’ ġestjoni. Is-sit web uniku li jirriżulta jkun verżjoni mtejba tas-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja li bħalissa qiegħda tintuża għall-ġestjoni diretta.

L-emenda mmirata tar-Regolament Finanzjarju tipprovdi opportunità oħra għal titjib ulterjuri tal-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni, u l-kunflitti ta’ interess.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni pproponiet li l-użu ta’ sistema tal-IT integrata unika għall-estrazzjoni ta’ data u l-punteġġ tar-riskju jsir obbligatorju. L-użu tas-sistema eżistenti, Arachne, huwa volontarju u, għalkemm diġà fil-biċċa l-kbira jintuża fil-politika ta’ koeżjoni u qed jiġi introdott għall-infiq agrikolu, il-fatt li din issir obbligatorja jkun pass kbir ’il quddiem.

It-tieni, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiżdied l-ambitu u l-effettività tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES). Din is-sistema tikkonsisti minn sett ta’ miżuri kontra operaturi ekonomiċi mhux affidabbli. B’mod partikolari, hija tippermetti l-identifikazzjoni bikrija ta’ operaturi ekonomiċi frawdolenti jew mhux affidabbli u l-esklużjoni possibbli tagħhom mill-finanzjament tal-UE. Il-prattiki pprojbiti jinkludu firxa wiesgħa ta’ mġiba li taffettwa l-integrità professjonali (bħall-frodi, il-korruzzjoni u l-imġiba professjonali ħażina serja) u nuqqasijiet fi prestazzjonijiet kuntrattwali (pereżempju nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ kuntratti ffinanzjati mill-UE) 109 . F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproponiet ukoll l-estensjoni tas-sistema għall-benefiċjarji taħt ġestjoni kondiviża b’approċċ proporzjonat u mmirat. L-objettiv huwa li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni meħuda fil-livell tal-UE jiġu infurzati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f’ġestjoni kondiviża. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tippermetti lill-entitajiet affiljati u/jew lis-sidien benefiċjarji ta’ entità primarja eskluża, li jiġu esklużi mill-offerti għal kuntratti pubbliċi u fl-aħħar mill-aħħar milli jiksbu fondi tal-UE.

It-tielet, l-aġġustamenti proposti għar-Regolament Finanzjarju, jekk jiġu approvati mill-koleġiżlaturi, se jżidu l-effiċjenza u l-kwalità tal-kontrolli u tal-awditi bl-għajnuna tad-diġitalizzazzjoni u tat-teknoloġiji emerġenti bħall-apprendiment awtomatiku, l-awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku u l-intelliġenza artifiċjali. Dawn l-aspetti jingħataw aktar viżibbiltà fir-Regolament Finanzjarju għal użu usa’ u aktar konsistenti tal-awditi u l-kontrolli diġitali, filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet tal-kontrolli u tal-awditi. Id-diġitalizzazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi se tkun ukoll suġġett għar-reviżjoni tal-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja l-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi, prevista għall-2023.

Rakkomandazzjoni 3 – Diġitalizzazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi

Sakemm ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju tkun għadha għaddejja, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-għodod għad-dispożizzjoni tagħhom (Arachne, EDES, IMS) u tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet interoperabbli mas-sistemi nazzjonali sabiex jilħqu bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom.

Approċċ f’waqtu u proattiv għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji huwa indispensabbli għall-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-UE. Dan jinkludi l-użu tas-sorsi kollha disponibbli ta’ informazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni fost is-servizzi involuti u l-għoti ta’ feedback fil-pront dwar l-azzjonijiet meħuda. Tali valutazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u monitoraġġ tar-riskji, xejriet ta’ frodi u feedback permanenti huma meħtieġa biex jiġu rfinati l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġu protetti aħjar l-interessi finanzjarji tal-UE.

Rakkomandazzjoni 4 – Tisħiħ tal-analiżi tar-riskju ta’ frodi

L-Istati Membri għandhom jieħdu approċċ proattiv biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE. Dan ifisser l-użu ta’ data mis-sorsi kollha disponibbli, l-analiżi tad-data u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-Kummissjoni sabiex jiġu identifikati u indirizzati fil-ħin ir-riskji emerġenti u x-xejriet ta’ frodi.

L-Istati Membri għandhom jaġixxu wkoll fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni f’din l-analiżi strateġika kif ukoll f’analiżijiet u f’rapporti mmirati oħra, u jipprovdu feedback fil-pront dwar l-azzjonijiet li jieħdu sabiex jgħinu fil-monitoraġġ tar-riskji u x-xejriet ta’ frodi.

(1)    Magħruf ukoll bħala r-rapport PIF, minn Protection des Intérêts Financiers bil-Franċiż, dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn sitt dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar:
(2)    L-Artikolu 1.2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995, ĠUKE 23.12.1995 L312 u l-Artikolu 2(35) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013, ĠU 20.12.2013, L347.
(3)    Ara pereżempju l-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta’ Lulju 2015, ĠU L293, 10.11.2015.
(4)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017, l-Artikolu 2.1(a), ĠU 28.07.2017 L198, p. 29.
(5)    Ir-RPT jikkonsistu prinċipalment f’dazji doganali wara t-tnaqqis tar-rata ta’ żamma ta’ 25 %.
(6)    Għall-proċedura ta’ adozzjoni annwali tal-baġit tal-UE, https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/about_the_european_commission/eu_budget/budgetary-procedure.pdf  
(7)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(8)    It-Taqsima 5.2 għandha aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tiegħu.
(9)    ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
(10)    ĠU L 172, 17.5.2021, p. 110–122.
(11)    Ara t-Taqsima 4.2.2 għal aktar informazzjoni.
(12)    Is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2021, EU:C:2021:782
(13)    Is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2021, EU:C:2021:856
(14)    Konvenzjoni li saret fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49-57.
(15)    Is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2021, EU:C:2021:1034
(16)    Għall-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE matul l-ewwel tliet deċennji (1989-2018) tal-aspett tal-PIF tal-ħidma tal-UE ara r-Rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi – 2018 tal-Kummissjoni Ewropea, COM(2019) 444 final, 11.10.2019. Għall-aħħar sentejn (2019-2020) ara, rispettivament ir-Rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi – 2019 tal-Kummissjoni Ewropea, COM(2020) 363 final, 3.9.2020, u r-Rapport annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi – 2020 tal-Kummissjoni Ewropea, COM(2021) 578 final, 20.9.2021.
(17)    L-arkitettura tal-UE kontra l-frodi u l-atturi prinċipali involuti ġew ippreżentati f’COM(2021) 444 final, cit., Taqsima 3, pp. 11-19.
(18)    2020/2140(DEC) tat-28.4.2021.
(19)    2021/2106(DEC). Il-PE adotta r-riżoluzzjoni ta’ kwittanza f’Mejju 2021. Huwa approva r-riżoluzzjoni ta’ kwittanza dwar il-Kummissjoni li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, b’451 vot favur, 175 kontra u 17-il astensjoni.
(20)    Il-fajl tal-proċedura 2020/2246(INI), Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - ġlieda kontra l-frodi – rapport annwali 2019.
(21)    Għas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tas-CAFS, ara l-“Pjan ta’ Azzjoni tas-CAFS - Sitwazzjoni attwali Ġunju 2022” li jakkumpanja dan ir-rapport.
(22)    Is-sottovalwazzjoni identifikata fir-Renju Unit diġà ġiet irrapportata fir-rapport PIF tal-2020, cit., Daqqa ta’ għajn 1, p. 13.
(23)    Il-qafas legali li jirregola r-relazzjoni bejn l-UPPE u l-OLAF jipprevedi arranġamenti ta’ ħidma bejn iż-żewġ korpi sabiex jiġu stabbiliti l-aspetti prattiċi tar-relazzjoni tagħhom. L-arranġamenti ta’ ħidma ġew iffirmati fil-5 ta’ Lulju 2021.
(24)    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), The OLAF Report 2021 , p. 38.
(25)    Id-Danimarka, l-Irlanda, l-Ungerija, il-Polonja u l-Iżvezja ma jiħdux sehem fl-UPPE. L-Iżvezja hija mistennija li tingħaqad mal-UPPE fl-2023.
(26)    Għal statistika aktar dettaljata, b’mod partikolari għal kull Stat Membru parteċipanti, ara l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, 2021 Annual Report .
(27)    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri , Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2020 , 26.10.2021.
(28)    F’konformità mal-Artikolu 12a tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) 2016/2030 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 u r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020.
(29)    Ara “Miżuri adottati mill-Istati Membri biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE fl-2021 – L-implimentazzjoni tal-Artikolu 325 tat-TFUE” li jakkumpanja dan ir-rapport għal aktar informazzjoni dwar inizjattivi nazzjonali biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.
(30)    Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Iżvezja. Minn dawn, il-Ġermanja u l-Portugall kienu għadhom ma bagħtux id-dokumenti meħtieġa lill-OLAF. Fl-2020, l-Awstrija rrapportat li kellha strateġija fis-seħħ sa tmiem dik is-sena, iżda ma bagħtet l-ebda aġġornament ieħor għall-2021.
(31)    Il-Belġju, l-Irlanda, Spanja, Ċipru, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja.
(32)    Il-Belġju, Spanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija.
(33)    Ara wkoll it-taqsima 5.6.
(34)    Il-Bulgarija, il-Greċja, Franza, l-Italja, l-Ungerija.
(35)    Għal ħarsa ġenerali sħiħa lejn is-segwitu mogħti mill-Istati Membri, ara “L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 mill-Istati Membri” li jakkumpanja dan ir-rapport.
(36)    Id-Danimarka u l-Irlanda għandhom nonparteċipazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.
(37)    Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja.
(38)      Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza.
(39)      Id-Danimarka, il-Kroazja, Malta, in-Netherlands, is-Slovakkja, il-Finlandja.
(40)    Iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja.
(41)      Il-Belġju, il-Bulgarija, Franza.
(42)      Id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Kroazja, Malta, in-Netherlands, is-Slovakkja, il-Finlandja.
(43)      Id-Danimarka, l-Estonja, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja
(44)      Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Ungerija, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja.
(45)      Il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, is-Slovenja.
(46)      Il-Bulgarija, il-Greċja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Iżvezja.
(47)      Il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Spanja, Franza, ir-Rumanija, il-Finlandja.
(48)      Il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, is-Slovenja.
(49)    Arachne hija sistema unika integrata tal-IT għall-estrazzjoni ta’ data u l-għoti ta’ punteġġ għar-riskju li l-Kummissjoni żviluppat u poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tal-koeżjoni, l-agrikoltura u l-RRF.
(50)    Għal deskrizzjoni tas-sistema, ara t-Taqsima 7.2.
(51)      Il-Bulgarija, il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja.
(52)      Il-Kroazja, il-Litwanja, ir-Rumanija, il-Finlandja.
(53)      Il-Ġermanja, l-Estonja, l-Iżvezja.
(54)    Comoros, Madagascar, Mauritius, is-Seychelles, iż-Żambja u ż-Żimbabwe.
(55)    Permezz ta’ ittra tal-Kummissarju Johansson indirizzata lid-Direttur Eżekuttiv tal-UNODC.
(56)      Rapport finali dwar is-COSP 9.
(57)    Għal aktar informazzjoni ara “Ħarsa ġenerali annwali b’informazzjoni dwar ir-riżultati tal-programm tal-Unjoni kontra l-frodi fl-2021” li jakkumpanja dan ir-rapport.
(58)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).
(59)    Għal deskrizzjoni tas-sistema ara t-Taqsima 7.2.
(60)    Il-Kroazja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja.
(61)    Il-Belġju, Ċipru, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvezja.
(62)    L-Estonja, l-Ungerija, Malta u n-Netherlands.
(63)    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43-74.
(64)     https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/financial-supervision-and-risk-management/anti-money-laundering-and-counter-terrorist-financing_en#eu
(65)     https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/european-semester_en  
(66)     https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/european-semester/european-semester-timeline/spring-package_mt  
(67)    L-ebda miżura inkluża fl-RRF ma għandha twassal għal objettivi ta’ ħsara sinifikanti, kif definiti mill-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar it-Tassonomija.
(68)    L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75.
(69)     L-Ungerija u n-Netherlands għadhom ma ġewx adottati.
(70)    Id-Danimarka, il-Litwanja, Malta, il-Portugall u l-Iżvezja.
(71)    Il-Kroazja, Ċipru, Franza u l-Latvja.
(72)    L-Ungerija.
(73)    Id-Danimarka, Franza u l-Latvja.
(74)    COM(2021) 700 final tal-20.07.2021.
(75)    COM(2022) 500 final tat-13.07.2022
(76)    COM(2022) 1382 final tat-2.3.2022.
(77)    Din hija d-diskrepanza ta’ żmien imkejla għall-irregolaritajiet irrapportati fil-politika ta’ koeżjoni. Ara l-“Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati fl-2021” li takkumpanja dan ir-rapport, it-taqsima 4.5.1.
(78)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/615 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014 ġie adottat fil-5 ta’ April 2022.
(79)    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, Rapport Annwali 2021, p. 10.
(80)    FDR – Rata ta’ Identifikazzjoni tal-Frodi: Il-proporzjon tal-ammonti finanzjarji relatati ma’ irregolaritajiet frawdolenti fuq ir-riżorsi proprji totali stabbiliti u l-ammont stmat.
(81)    IDR – Rata ta’ Detezzjoni ta’ Irregolaritajiet: Il-proporzjon tal-ammonti finanzjarji relatati ma’ irregolaritajiet mhux frawdolenti fuq ir-riżorsi proprji totali stabbiliti u l-ammont stmat.
(82)    Għal analiżi sħiħa tal-irregolaritajiet irrapportati fir-RPT, ara “Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati għall-2021” li takkumpanja dan ir-rapport, it-Taqsima 2.
(83)    Il-Kummissjoni Ewropea, 32nd Annual Report on the protection of the EU’s financial interests and the fight against fraud – 2020, daqqa ta’ għajn 1, p. 13.
(84)    Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2022. EU:C:2022:167.
(85)      Abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku dwar l-Anti-dumping, isseħħ ċirkomvenzjoni meta l-produtturi esportaturi f’pajjiżi terzi jinvolvu ruħhom fi prattiki bħat-trasport bil-baħar tal-prodott permezz ta’ pajjiż mhux soġġett għal dazji (trażbord), u jimmodifikaw ftit il-prodott sabiex ma jaqax taħt id-dazji, jew jesportaw permezz ta’ produttur esportatur b’rati individwali aktar baxxi ta’ dazji anti-dumping jew kumpensatorji (direzzjonar tal-kumpanija).
(86)

     Prattika oħra hija l-assorbiment tad-dazju meta l-esportaturi, minkejja l-miżuri imposti, inaqqsu l-prezzijiet tagħhom biex jegħlbu d-dazji jew l-importaturi ma jirriflettux id-dazju meta jbigħu mill-ġdid il-prodott fl-Unjoni.

(87)      It-tessuti tal-fibra tal-ħġieġ jintużaw, pereżempju, għall-produzzjoni ta’ pali għat-turbini tar-riħ, fil-produzzjoni tad-dgħajjes, tat-trakkijiet u tat-tagħmir tal-isport, kif ukoll fis-sistema ta’ riabilitazzjoni tal-pajpijiet
(88)    Ara t-32 Rapport PIF, cit., it-Taqsima 6.2, pp. 37-40.
(89)    Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar is-segwitu għat-talbiet li saru mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ kwittanza u mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2020, COM(2022) 331 final, 30.6.2022, p. 2.
(90)    Ibidem.
(91)    L-oqsma ta’ nfiq relatati mal-perjodi ta’ programmazzjoni jikkonċernaw il-politiki dwar l-iżvilupp rurali, ta’ koeżjoni, tas-sajd u interni.
(92)    FDR – Rata ta’ Identifikazzjoni tal-Frodi: Il-proporzjon tal-ammonti finanzjarji relatati ma’ irregolaritajiet frawdolenti mill-pagamenti totali magħmulin.
(93)    IDR – Rata ta’ Detezzjoni ta’ Irregolaritajiet: Il-proporzjon tal-ammonti finanzjarji relatati ma’ irregolaritajiet mhux frawdolenti mill-pagamenti totali magħmulin.
(94)    Għal analiżi sħiħa tal-irregolaritajiet irrapportati fl-agrikoltura, ara “Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati għall-2021” li takkumpanja dan ir-rapport, it-Taqsima 3.
(95)    Ara t-32 Rapport PIF 2020, cit., p. 35.
(96)    COM(2021) 141.
(97)    TRACES hija l-pjattaforma online tal-Kummissjoni Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni sanitarja u fitosanitarja meħtieġa għall-importazzjoni ta’ annimali, prodotti tal-annimali, ikel u għalf ta’ oriġini mhux mill-annimali u pjanti fl-Unjoni Ewropea, u l-kummerċ intra-UE u l-esportazzjonijiet tal-UE ta’ annimali u ċerti prodotti tal-annimali.
(98)    Għal analiżi sħiħa tal-irregolaritajiet irrapportati fir-rigward tal-FSIE, ara “Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati għall-2021” li takkumpanja dan ir-rapport, it-Taqsima 4.
(99)    B’referenza għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-FDR hija influwenzata ħafna minn identifikazzjonijiet sinifikanti mir-Rumanija u mis-Slovakkja, iżda ta’ irregolaritajiet uniċi li kienu jinvolvu ammonti finanzjarji kbar. Dawn l-irregolaritajiet kellhom ukoll impatt sinifikanti fuq l-FDR tal-EU-27. It-tqabbil bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni huwa importanti peress li jippermetti li wieħed jifhem li ż-żieda b’186 % fl-2021 meta mqabbla mal-medja ta’ 5 snin hija relatata ma’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali.
(100)     https://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/how/improving-investment/integrity-pacts/  
(101)    Għal analiżi tal-irregolaritajiet irrapportati fir-rigward ta’ dawn il-fondi, ara “Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati għall-2021”, li takkumpanja dan ir-rapport, it-Taqsima 4.6.
(102)    Għal analiżi tal-irregolaritajiet irrapportati fir-rigward ta’ qabel l-adeżjoni, ara “Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati għall-2021”, li takkumpanja dan ir-rapport, it-Taqsima 5.
(103)    Għal analiżi tal-irregolaritajiet identifikati fir-rigward tal-ġestjoni diretta, ara “Evalwazzjoni statistika tal-irregolaritajiet irrapportati għall-2021”, li takkumpanja dan ir-rapport, it-Taqsima 6.
(104)    Ara d-Daqqa ta’ għajn 3 u 4.
(105)    Is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2022. EU:C:2022:97.
(106)    Is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2022. EU:C:2022:98.
(107)    COM(2022) 184 final, 22.4.2022.
(108)    F’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (GDPR) u (UE) 2018/1725.
(109)    Għal ħarsa ġenerali dettaljata lejn id-deċiżjonijiet meħudin mill-Bord fl-2021, ara “Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) — Bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju” li jakkumpanja dan ir-rapport.
Top

Brussell, 23.9.2022

COM(2022) 482 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

it-33 Rapport Annwali dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-ġlieda kontra l-frodi - 2021

{SWD(2022) 302 final} - {SWD(2022) 303 final} - {SWD(2022) 304 final} - {SWD(2022) 305 final} - {SWD(2022) 306 final} - {SWD(2022) 307 final}


Anness 1 - Irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti fl-2021

L-għadd ta’ irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti jgħodd ir-riżultati tax-xogħol tal-Istati Membri biex jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Għaldaqstant, iċ-ċifri ma għandhomx ikunu interpretati li jindikaw il-livell ta’ frodi fit-territorji tal-Istati Membri. L-Anness għar-Rapport tal-PIF ma jinkludix pajjiżi terzi (qabel l-adeżjoni), ir-Renju Unit u n-nefqa diretta.



Anness 2 - Irregolaritajiet irrappurtati bħala mhux frodulenti fl-2021

L-Anness għall-PIF ma jinkludix pajjiżi terzi (qabel l-adeżjoni), ir-Renju Unit u n-nefqa diretta.

Top