IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.9.2022
COM(2022) 442 final
2022/0263(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar ir-Reviżjoni tal-Miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022DC0442
Proposal for a COUNCIL RECOMMENDATION on the Revision of the Barcelona Targets on early childhood education and care
Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar ir-Reviżjoni tal-Miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal
Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar ir-Reviżjoni tal-Miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal
COM/2022/442 final
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Adopted by | 32022H1220(01) | 08/12/2022 |
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.9.2022
COM(2022) 442 final
2022/0263(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar ir-Reviżjoni tal-Miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-President von der Leyen ħabbret strateġija Ewropea għall-kura sabiex tappoġġa lill-irġiel u lin-nisa biex jirċievu l-aħjar kura fi stadji differenti tal-ħajja u jsibu l-aħjar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għalihom. L-inizjattiva tikkonsisti f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għall-kura 1 akkumpanjata minn żewġ proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, waħda dwar ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (Early Childhood Education and Care, ECEC), u l-oħra dwar il-kura fit-tul (Long-Term Care, LTC) 2 .
Id-disponibbiltà tas-servizzi tal-ECEC hija fattur kruċjali li jixpruna l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Il-korrelazzjoni bejn il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ommijiet u r-rati ta’ reġistrazzjoni fl-ECEC hija partikolarment b’saħħitha għal ommijiet li l-iżgħar wild tagħhom ikollu anqas minn 3 snin. Fid-dawl ta’ dan, il-miri ta’ Barċellona dwar il-kura tat-tfal ġew stabbiliti mill-Kunsill Ewropew 3 fl-2002 bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jissaħħaħ il-forniment tal-ECEC. Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa żewġ miri, jiġifieri rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 90 % tat-tfal mill-età ta’ 3 snin sal-età obbligatorja għall-iskola, u rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 33 % tat-tfal taħt l-età ta’ 3 snin 4 . Għalkemm bħala medja, fil-livell tal-UE, il-miri ta’ Barċellona ntlaħqu, xi Stati Membri għadhom lura b’mod sinifikanti, u għad hemm differenzi b’mod partikolari għal tfal minn unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx.
L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fl-ECEC sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-iżvilupp soċjali u konjittiv tat-tfal, b’mod partikolari għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tipproponi r-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona sabiex jinħoloq momentum ġdid għat-trawwim ta’ aktar konverġenza ’l fuq fost l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC 5 u b’hekk tiġi megħjuna l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi 6 . Tindirizza wkoll dimensjonijiet addizzjonali li huma rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ Barċellona, b’mod partikolari l-affordabilità, l-aċċessibilità u l-kwalità tal-ECEC li huma kruċjali sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-ġenituri u tat-tfal u, b’hekk, jinfluwenzaw l-użu attwali ta’ tali servizzi. Tistieden ukoll lill-Istati Membri jqisu l-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC, li jenħtieġ tkun biżżejjed sabiex tippermetti lill-ġenituri jinvolvu rwieħhom b’mod sinifikattiv fid-dinja tax-xogħol bi ħlas, u s-sehem tat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali li jipparteċipaw fl-ECEC.
Mill-2002, l-impjieg tan-nisa kompla jiżdied b’mod kostanti, u laħaq is-67,7 % fl-2021 meta mqabbel ma’ 60,7 % fl-2010 7 - għalkemm naqas fl-2020 (66,1 %) minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Din it-tendenza li dejjem tiżdied hija akkumpanjata minn xejra ta’ żieda fil-livell edukattiv tan-nisa, b’aktar nisa li qegħdin itemmu l-edukazzjoni għolja u jiksbu lawrji avvanzati 8 .
Minkejja dan it-titjib, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi għadha sinifikanti u laħqet livell wiesa’ ta’ 10,8 punti perċentwali fl-2021 9 . Skont l-istima tal-Eurofound fl-2018, it-telf li rriżulta mid-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi kien ta’ EUR 320 biljun. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-ammont kien dovut għal qligħ u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mitlufin għall-ekonomija minħabba nisa li ma jiħdux sehem fid-dinja tax-xogħol 10 . Id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi hija relatata mill-qrib mar-responsabbiltajiet ta’ kura. In-nisa għadhom l-indokraturi primarji tat-tfal u tal-adulti li jeħtieġu l-kura u għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għax-xogħol tad-dar. Dan l-iżbilanċ jillimita l-possibbiltà għalihom li jipparteċipaw fix-xogħol bi ħlas u li jallokaw il-ħin għalih.
Fl-2021, l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (Labour Force Survey, LFS) juri li, fl-EU-27, 27,9 % tan-nisa bejn il-25 u d-49 sena li kienu barra mill-forza tax-xogħol indikaw li r-raġuni ewlenija għaliex ma kinux qed ifittxu impjieg kien il-fatt li kienu qed jieħdu ħsieb tfal jew adulti, f’kuntrast ma’ 8.0 % biss tal-irġiel 11 . Qabel il-pandemija, fl-2019, dawn iċ-ċifri kienu 32,6 % u 7,6 % rispettivament 12 .L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (European Institute for Gender Equality, EIGE) jindika li r-responsabbiltajiet li jinvolvu kura jżommu 7,7 miljun mara fl-Ewropa barra mis-suq tax-xogħol u jillimitaw lil ħafna nisa sabiex jaħdmu part-time biss: 29 % tan-nisa li jaħdmu part-time semmew id-dmirijiet ta’ kura bħala r-raġuni ewlenija għal dan, meta mqabbla ma’ 6 % biss tal-irġiel 13 .
Id-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura, jiġifieri d-differenza fil-ħin dedikat għal xogħol ta’ kura mhux imħallas min-nisa u mill-irġiel, huwa marbut mal-isterjotipi tal-ġeneri fl-okkupazzjonijiet u fir-rwoli kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, u jkompli jsaħħaħhom. In-nisa għadhom fil-biċċa l-kbira mistennijin jipprovdu kura mhux imħallsa aktar mill-irġiel, anki fil-familji b’żewġ pagi. Qabel il-kriżi tal-COVID-19, in-nisa impjegati fl-UE bi tfal taħt is-seba’ (7) snin, li jgħixu bħala koppja, kienu jqattgħu medja ta’ 39 siegħa fil-ġimgħa fuq xogħol mhux imħallas meta mqabbla ma’ 19-il siegħa fil-ġimgħa 14 għall-irġiel impjegati fl-istess sitwazzjoni. Id-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura kien ogħla għan-nisa f’impjieg prekarju.
Bl-għeluq tas-servizzi tal-kura u bir-restrizzjonijiet imposti fuqhom matul il-pandemija, in-nisa kellhom saħansitra jagħmlu aktar xogħol ta’ kura. Il-kriżi tal-COVID-19 aggravat l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fil-kura mhux imħallsa 15 , saħħet ir-rwoli tradizzjonali tal-ġeneri u żvijat il-progress modest fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri li kien sar 16 . Skont stħarriġ elettroniku tal-Eurofound dwar l-għajxien, ix-xogħol u l-COVID-19 17 , in-nisa bi tfal sa 12-il sena qattgħu medja ta’ 62 siegħa fil-ġimgħa għall-kura tat-tfal, meta mqabbla ma’ 36 siegħa għall-irġiel fl-istess sitwazzjoni, u 23 siegħa fuq xogħol tad-dar, meta mqabbla ma’ 15-il siegħa għall-irġiel matul il-pandemija. Kważi terz minn dawn in-nisa (29 %) irrapportaw li sabuha diffiċli jikkonċentraw fuq ix-xogħol tagħhom minħabba r-responsabbiltajiet ta’ kura, meta mqabblin ma’ 11 % tal-irġiel.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li t-trattament u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel iridu jiġu żgurati u promossi fl-oqsma kollha, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-progressjoni tal-karriera. Jirrikonoxxi wkoll id-dritt tat-tfal għal ECEC affordabbli ta’ kwalità tajba; id-drittijiet tat-tfal għall-protezzjoni mill-faqar; u d-dritt għat-tfal minn sfondi żvantaġġati għal miżuri speċifiċi li jtejbu l-opportunitajiet indaqs.
Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali stabbilixxa mira ewlenija li tiżdied ir-rata ġenerali ta’ impjieg għal tal-anqas 78 % tal-popolazzjoni (20–64) sal-2030, u dan intlaqa’ tajjeb mill-mexxejja tal-UE fis-Summit ta’ Porto f’Mejju 2021 u mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2021. Sabiex tilħaq dak l-għan ġenerali, l-Ewropa trid tistinka sabiex tal-anqas tnaqqas bin-nofs id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi meta mqabbla mal-2019 u żżid il-forniment tal-ECEC, u b’hekk tikkontribwixxi għal rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja professjonali u privata u tappoġġa parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Id-Direttiva tal-2019 dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata 18 ħolqot standards minimi għal-liv tal-familja, billi introduċiet (i) id-dritt għal-liv tal-paternità bi ħlas u għal-liv ta’ indokraturi u saħħet il-liv tal-ġenituri mhux trasferibbli u bi ħlas, u (ii) id-dritt li jintalbu arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura, sabiex titħeġġeġ il-kondiviżjoni ugwali tal-kura bejn in-nisa u l-irġiel. Il-forniment ta’ ECEC ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u affordabbli jikkomplementa l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol sabiex jippermetti bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u huwa kruċjali sabiex il-ġenituri, speċjalment l-ommijiet, ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol.
L-appoġġ tas-settur pubbliku għas-settur tal-ECEC huwa investiment soċjali li jġib miegħu redditi multipli għall-individwi, għas-soċjetà u għall-ekonomija kollha kemm hi. Jippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jagħti spinta lin-nisa jieħdu impjiegi full-time, itejjeb l-iżvilupp tat-tfal, isaħħaħ l-inklużjoni soċjali u l-ġustizzja u jgħin sabiex jitkisser iċ-ċiklu interġenerazzjonali tal-faqar. Fil-kuntest tan-nuqqas ta’ ħaddiema u tad-differenzi persistenti fl-impjiegi, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jittejjeb l-aċċess għall-ECEC, tirrappreżenta opportunità kbira għal tkabbir inklużiv u sostenibbli 19 . L-investiment fl-ECEC għandu wkoll potenzjal sinifikanti għall-ħolqien tax-xogħol. Ir-riċerka riċenti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organisation, ILO) turi li l-investiment ta’ 1,1 % tal-PDG fl-ECEC u ta’ 1,8 % tal-PDG fil-kura fit-tul kull sena joħloq 26,7 miljun impjieg addizzjonali fl-Ewropa sal-2035 20 .
Tali investiment jista’ jiġġenera dħul addizzjonali mit-taxxa u mis-sigurtà soċjali. B’mod ġenerali, id-dħul mit-taxxa u mis-sigurtà soċjali minn żieda fil-qligħ u fl-impjiegi jiżdied, u b’hekk jitnaqqas ir-rekwiżit ta’ finanzjament totali tal-miżuri politiki dwar il-kura minn 3 % tal-PDG (qabel it-taxxi) għal 2 % nett tal-PDG (wara t-taxxi) 21 . L-ILO tistma li, bħala medja, ir-rata li biha l-Istati Membri jistgħu jirkupraw l-investimenti fis-settur tal-kura hija ta’ madwar 55 %, skont, b’mod partikolari, l-ammont ta’ investiment meħtieġ, id-domanda għall-ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat u l-livell ta’ tassazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jtejbu s-sostenibbiltà fiskali tal-investimenti fl-ECEC billi jevalwaw l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi u jiggarantixxu il-kosteffettività, inkluż permezz ta’ tfassil effiċjenti tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament li jkunu koerenti mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
Minbarra l-investiment fl-ECEC, ħafna Stati Membri introduċew intitolament legali għal post fl-ECEC, filwaqt li oħrajn għamlu l-attendenza fl-ECEC obbligatorja, speċjalment fl-aħħar sena qabel l-iskola primarja. Billi jagħmluha intitolament legali, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiggarantixxu post għal kull tifel u tifla li l-ġenituri tagħhom jitolbuha (fil-grupp ta’ età kopert mill-intitolament legali); filwaqt li f’pajjiżi fejn l-ECEC hija obbligatorja, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiżguraw numru suffiċjenti ta’ postijiet ta’ qabel il-primarja għat-tfal kollha fil-grupp ta’ età kopert mill-obbligu legali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, diġà jeżisti intitolament legali bħal dan, iżda l-età tal-bidu għall-intitolament tvarja b’mod sinifikanti. Fl-Ewropa, hemm differenzi sinifikanti fl-età li fiha t-tfal għandhom post garantit fl-ECEC. Seba’ Stati Membri tal-UE biss 22 introduċew intitolament legali għal post fl-ECEC għat-tfal minn età bikrija (6 xhur sa 18-il xahar). Dan spiss isegwi immedjatament wara t-tmiem tal-liv għall-indukrar tat-tfal peress li, idealment, jenħtieġ li ma jkunx hemm distakk bejn it-tmiem tal-liv tal-familja bi ħlas adegwat u intitolament legali għal post fl-ECEC. Għat-tfal ta’ 3 snin jew aktar, jeżisti intitolament legali fi 13-il Stat Membru 23 u xi Stati Membri impenjaw irwieħhom li jintroduċuh fil-kuntest tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza 24 .
L-evidenza turi li l-provvista ta’ ECEC ta’ kwalità għandha rwol kruċjali fit-titjib tal-iżvilupp konjittiv, soċjali u edukattiv tat-tfal sa minn età bikrija 25 . Titjib bħal dan spiss jissarraf f’eżiti tal-apprendiment aħjar u fi prospetti ta’ impjieg aħjar aktar tard fil-ħajja 26 . Il-parteċipazzjoni f’ECEC ta’ kwalità għolja hija ta’ benefiċċju għat-tfal kollha u speċjalment għal dawk f’sitwazzjoni żvantaġġata. Hija għodda essenzjali sabiex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi, jiġu indirizzati l-iżvantaġġi soċjali possibbli tat-tfal 27 u jiġu promossi opportunitajiet indaqs. Dawn l-aspetti jissemmew speċifikament fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal 28 u fil-Garanzija Ewropea għat-Tfal 29 . Il-benefiċċji jmorru lil hinn mit-tfal involuti. Fil-livell individwali, il-parteċipazzjoni fl-ECEC hija assoċjata ma’ livell edukattiv ogħla, ma’ qligħ aħjar, ma’ integrazzjoni soċjali mtejba u ma’ saħħa aħjar. Hemm ukoll ħafna benefiċċji f’livell soċjetali, li jvarjaw minn anqas infiq fuq il-benesseri u rati aktar baxxi ta’ kriminalità, sa dħul ogħla mit-taxxa u koeżjoni soċjali mtejba 30 .
Fl-aħħar nett, din ir-Rakkomandazzjoni proposta tindirizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-ECEC. Il-ħaddiema fis-settur, li ħafna minnhom huma nisa, spiss jiffaċċjaw kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli u prospetti tal-karriera limitati. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jeħtieġ djalogu soċjali aktar b’saħħtu, pagi adegwati u opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persunal fl-ECEC jenħtieġ li tikkontribwixxi sabiex tattira u żżomm lill-ħaddiema – kemm irġiel kif ukoll nisa - fis-settur, u tista’ tikkontribwixxi bl-istess mod sabiex tiġi indirizzata s-segregazzjoni skont il-ġeneru fis-settur u sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet tal-persunal esperjenzati f’ħafna pajjiżi 31 . Hija wkoll aspett importanti fl-iżgurar tal-kwalità tal-kura. L-UE qed tappoġġa l-investiment u r-riformi tal-Istati Membri fl-ECEC permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament differenti tagħha, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan l-appoġġ huwa partikolarment importanti sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi territorjali madwar u fi ħdan l-Istati Membri. L-UE qed tipprovdi wkoll appoġġ tekniku dirett għar-riformi taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-politiki tal-ECEC u tivvaluta l-progress lejn il-miri ta’ Barċellona fis-Semestru Ewropew u se tkompli tagħmel dan.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona għall-edukazzjoni u għall-kura bikrija tat-tfal hija mħabbra fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 32 . Hija waħda mill-inizjattivi ppreżentati fl-Istrateġija mmirati lejn il-promozzjoni tal-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-kondiviżjoni ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel. Ir-reviżjoni hija mħabbra wkoll fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 33 , kif ukoll fil-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 34 bħala parti mill-isforzi sabiex jintlaħqu, sal-2030, il-mira ewlenija ta’ rata ġenerali ta’ impjieg ta’ 78 % u l-għan komplementari li tal-anqas titnaqqas bin-nofs id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi meta mqabbla mal-2019.
Fil-Komunikazzjoni tagħha “Inizjattiva ta’ appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu” 35 , il-Kummissjoni enfasizzat, fost affarijiet oħrajn, l-importanza ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għal ECEC ta’ kwalità affordabbli bħala mod kif jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura.
Id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata għandha l-għan li tħeġġeġ kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel billi ssaħħaħ l-intitolamenti legali għal-liv tal-familja u tagħti d-dritt li jintalbu arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli. Din tinkludi b’mod partikolari xahrejn (2) liv tal-ġenituri mhux trasferibbli u bi ħlas adegwat għal kull ġenitur. Billi tagħti drittijiet mhux trasferibbli għal-liv tal-familja, id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata għandha l-għan li tħeġġeġ lill-missirijiet jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom, u b’hekk tiffaċilita r-ritorn tal-ommijiet fis-suq tax-xogħol.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal (“ir-Rakkomandazzjoni dwar l-ECEC”) għandha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-aċċess għas-sistemi tal-ECEC tagħhom. Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-ECEC tinkludi qafas ta’ kwalità li jiggwida lill-Istati Membri fit-titjib tal-aċċess għall-ECEC u tal-kwalità tagħhom. Tipprovdi fehim komuni tat-tifsira tal-kwalità fl-ECEC. Din il-proposta tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni dwar l-ECEC u fuq il-qafas ta’ kwalità billi tenfasizza l-elementi li huma partikolarment rilevanti għall-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u għat-trawwim tal-fiduċja tal-ġenituri fl-ECEC, bħall-proporzjon ta’ persunal/tfal, il-kwalifiki tal-persunal u t-taħriġ professjonali kontinwu, u l-governanza tas-sistema tal-ECEC.
Il-Komunikazzjoni tal-2020 intitolata “Il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni” 36 tiddeżinja l-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala waħda mis-sitt dimensjonijiet li għandhom jiġu kkonsolidati. Fuq il-bażi ta’ dik il-Komunikazzjoni, fid-19 ta’ Frar 2021 il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 37 li tinkludi mira fil-livell tal-UE li tal-anqas 96 % tat-tfal bejn it-tliet (3) snin u l-età tal-bidu tal-edukazzjoni primarja obbligatorja jenħtieġ li jipparteċipaw fl-ECEC. Ir-Riżoluzzjoni tenfasizza wkoll l-importanza tat-titjib tal-kwalità, tal-ekwità, tal-inklużjoni u tas-suċċess għal kulħadd fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, din il-proposta tuża l-mira taż-ŻEE bħala mira riveduta ta’ Barċellona għall-grupp ta’ età minn 3 snin sal-età obbligatorja tal-edukazzjoni primarja.
L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 38 , adottata mill-Kummissjoni f’Marzu 2021, tiġbor flimkien l-inizjattivi u l-azzjonijiet eżistenti u futuri kollha dwar id-drittijiet tat-tfal – inkluż ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona – taħt qafas ta’ politika koerenti wieħed. L-istrateġija għandha l-għan li tibni l-aħjar ħajja possibbli għat-tfal fl-Unjoni Ewropea u madwar id-dinja billi ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tat-tfal fis-soċjetà, u tissodisfa d-drittijiet tagħhom f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. L-istrateġija tiffoka, fost affarijiet oħrajn, fuq l-inklużjoni soċjoekonomika, fuq is-saħħa u fuq l-edukazzjoni tat-tfal u tindirizza l-ECEC bħala parti mill-bini ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għat-tfal kollha. Fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea enfasizza li t-tfal kollha għandhom dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi ewlenin, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija, is-saħħa, in-nutrizzjoni u l-akkomodazzjoni, li huma importanti għall-iżvilupp u għall-benessri tagħhom 39 .
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixi Garanzija Ewropea għat-Tfal, adottata fl-14 ta’ Ġunju 2021, għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled l-esklużjoni soċjali u tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri sabiex jiggarantixxu aċċess għal servizzi ewlenin ta’ kwalità għolja għat-tfal fil-bżonn, inkluż aċċess mingħajr ħlas u effettiv għall-ECEC. Fl-2019, fl-UE madwar 27 % tat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali bejn l-etajiet ta’ 0 u sentejn (2) ipparteċipaw fl-ECEC. Għalkemm din tirrappreżenta żieda ta’ madwar 11-il punt perċentwali fuq l-2010, hija sostanzjalment anqas mir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-popolazzjoni ġenerali tat-tfal (35 %) 40 .
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija komplementari u konsistenti ma’ numru ta’ inizjattivi oħrajn tal-UE.
Hija għalkollox konsistenti mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE għall-2021-2027 li jipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE fil-kuntest ta’ strumenti bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, inkluża l-fergħa tiegħu tal-Impjiegi u tal-Innovazzjoni Soċjali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, li lkoll għandhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-investiment tal-Istati Membri f’infrastruttura u f’servizzi tal-ECEC aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità. L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jappoġġa wkoll ir-riformi u l-investiment. Il-proposta hija wkoll konsistenti bis-sħiħ mar-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fir-rigward tar-riformi u tal-investimenti eliġibbli sabiex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus u sabiex l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej isiru aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjin aħjar għall-isfidi u għall-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fil-kuntest tal-objettiv tal-Faċilità.
Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-istrateġiji u mal-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Kummissjoni sabiex tinkiseb Unjoni ta’ ugwaljanza. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 41 għandu l-għan li jiġġieled ir-razziżmu permezz ta’ programmi ta’ politika u ta’ finanzjament fl-oqsma tal-impjiegi, tal-akkomodazzjoni u tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni. Fost affarijiet oħrajn, għandu l-għan li jiżgura aċċess ugwali għall-edukazzjoni għat-tfal ta’ oriġini razzjali jew etnika minn minoranzi. Barra minn hekk, jippromwovi t-taħriġ tal-għalliema sabiex jaħdmu mat-tfal kollha. Il-pjan ta’ azzjoni ppreveda wkoll rapport tal-Kummissjoni, ippubblikat fl-2021, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, inkluża d-diskriminazzjoni kontra t-tfal Rom, f’oqsma differenti bħall-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali 42 .
Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni 43 , flimkien mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, adottata fit-12 ta’ Marzu 2021 44 , jistiednu lill-Istati Membri jiġġieldu d-diskriminazzjoni multipla u strutturali kontra r-Rom, b’mod partikolari kontra t-tfal Rom, u sabiex jieħdu miżuri aktar b’saħħithom sabiex jappoġġaw lit-tfal Rom u lill-familji tagħhom fl-oqsma interrelatati tal-impjiegi, tas-servizzi soċjali, tal-edukazzjoni formali u tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u inklużivi, tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni u tal-aċċess għas-servizzi essenzjali, tan-nutrizzjoni u tal-aċċess għal attivitajiet ta’ rikreazzjoni. Il-qafas jistabbilixxi l-objettiv li jitnaqqas id-distakk fil-parteċipazzjoni fl-ECEC tat-tfal Rom tal-anqas bin-nofs sal-2030.
Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027 45 jiffoka fuq il-fatturi abilitanti essenzjali għall-integrazzjoni u għall-inklużjoni b’suċċess tal-migranti u taċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni, inklużi t-tfal, f’livelli differenti bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u l-ħiliet, u s-saħħa u l-akkomodazzjoni.
Fl-aħħar nett, l-istrateġija tal-2021-2030 għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità 46 għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità fl-UE u lil hinn minnha u li tippromwovi l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja. L-istrateġija tindirizza l-parteċipazzjoni fil-livelli u fil-forom edukattivi kollha, inklużi l-ECEC, fuq bażi ugwali ma’ oħrajn, u l-promozzjoni tal-għajxien indipendenti u ta’ servizzi bbażati fil-komunità. Din hija konformi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li għaliha, l-UE u l-Istati Membri kollha huma partijiet, u li tirrikjedi li l-partijiet jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw it-tgawdija sħiħa mit-tfal b’diżabilità tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha fuq bażi ugwali ma’ tfal oħrajn. F’konformità mal-Istrateġija, din ir-Rakkomandazzjoni tqis bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-tfal u tal-ġenituri b’diżabilità, b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet dwar l-aċċessibilità.
Il-proposta twieġeb ukoll għar-rakkomandazzjoni tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa dwar it-tranżizzjoni demografika (proposta Nru 15) u dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, dwar l-ugwaljanza u dwar il-kwalità tal-ħajja (proposta Nru 29). Il-proposta 15 titlob “l-iżgurar ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità, affordabbli u aċċessibbli madwar l-UE, sabiex l-ommijiet u l-missirijiet ikunu jistgħu jirrikonċiljaw b’fiduċja x-xogħol mal-ħajja tal-familja tagħhom” u “l-garanzija tal-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal servizzi bħall-edukazzjoni u l-kura.” Il-proposta 29 titlob li jiġu żgurati “l-ħolqien u l-faċilitazzjoni ta’ kindergartens affordabbli […] u indukrar tat-tfal mingħajr ħlas għal dawk fil-bżonn 47 .”
Fl-aħħar nett, din ir-Rakkomandazzjoni tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati fl-2015 bħala parti mill-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, li jenfasizzaw l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri (SDG 5.4 u SDG 8.5) u r-rilevanza tal-ECEC (SDG 4.2), u b’hekk jenfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni f’dawn l-oqsma.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li skontu l-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni, flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (i), tat-TFUE.
Skont l-Artikolu 153(1)(i) TFUE, l-UE tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol bil-għan li jikisbu l-objettivi tal-Artikolu 151 TFUE. Skont l-Artikolu 151 TFUE, l-objettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jinkludu l-promozzjoni ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, protezzjoni soċjali xierqa, u l-iżvilupp tar-riżorsi umani, bil-mira ta’ livell għoli ta’ impjiegi li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. L-iżgurar tal-opportunitajiet indaqs għat-tfal kollha li jgħixu fl-UE jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 3 tat-TUE).
Il-proposta tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, li jirrikonoxxi d-dritt ta’ kulħadd għall-edukazzjoni; l-Artikolu 23, li jirrikonoxxi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; l-Artikolu 24, li jirrikonoxxi li t-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benessri tagħhom; u l-Artikolu 33, li jistipula li l-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.
Din il-proposta ma tisboqx is-setgħa regolatorja tal-UE u lanqas ma timponi impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri. Huma l-Istati Membri li jiddeċiedu, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Filwaqt li l-politiki li jindirizzaw l-ECEC u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-UE għandha l-kompetenza li tappoġġa u tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri.
Il-proposta tiżgura li l-azzjoni fil-livell tal-UE jkollha valur miżjud. Tissodisfa impenn politiku li jsir progress fl-opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel u b’mod partikolari fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u li jiġu promossi d-drittijiet, l-opportunitajiet indaqs u l-benessri tat-tfal kollha.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-indirizzar tal-inugwaljanza tan-nisa u tal-irġiel, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kif ukoll fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet, tal-opportunitajiet indaqs u tal-benessri tat-tfal kollha. Tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi nazzjonali. Tirrikonoxxi li sitwazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali differenti jistgħu jwasslu għal differenzi fil-mod kif tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni. Dan jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu mir-Rakkomandazzjoni skont il-kuntest speċifiku tagħhom.
Il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-proporzjonalità wkoll kellhom rwol importanti fl-iggwidar tal-għażla tal-istrument.
•Għażla tal-istrument
L-istrument huwa proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Ikompli jibni fuq il-korp eżistenti tad-dritt u tal-politika tal-Unjoni Ewropea, u huwa allinjat mat-tip ta’ strumenti disponibbli għall-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika soċjali. Bħala strument legali, il-proposta tagħti sinjal tal-impenn tal-Istati Membri favur l-objettivi u l-miżuri stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni u tipprovdi bażi b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam fil-livell Ewropew, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati dwar din l-inizjattiva. Dawn l-attivitajiet kollha nġabru fil-qosor fir-Rapport fil-Qosor, ippubblikat flimkien ma’ din il-proposta għal rakkomandazzjoni 48 . L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni pprovdew aktar għarfien, mingħajr ebda diverġenza sostanzjali mill-għan wiesa’ u mill-qafas imfassal tal-inizjattiva. Ġew ikkunsidrati fil-ħidma preparatorja u arrikkew il-proposta b’perspettivi addizzjonali. Il-proċess ta’ konsultazzjoni bena fuq diversi konsultazzjonijiet pubbliċi reċenti, jiġifieri dawk għall-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 49 , għall-Green Paper dwar it-Tixjiħ 50 , u għall-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 51 . Dawk il-konsultazzjonijiet enfasizzaw l-importanza ta’ ECEC ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u affordabbli – b’mod partikolari fi gruppi mhux moqdijin biżżejjed – sabiex titħeġġeġ il-kondiviżjoni ugwali tal-attivitajiet ta’ kura bejn il-ġenituri.
Ġiet ippubblikata Sejħa għal Evidenza fuq il-portal Semma’ Leħnek mill-1 sad-29 ta’ Marzu 2022. B’kollox daħlu 123 kontribut; il-biċċa l-kbira (52 %) saru minn NGOs, l-oħrajn saru minn awtoritajiet pubbliċi, minn assoċjazzjonijiet tan-negozji, minn ċittadini tal-UE, minn trade unions u minn istituzzjonijiet tar-riċerka. Il-kummenti ffokaw fuq l-aċċess, fuq id-disponibbiltà, fuq l-affordabilità u fuq il-kwalità tas-servizzi tal-kura, fuq il-ħaddiema fil-qasam tal-kura, fuq l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u territorjali, u fuq id-dimensjoni tal-ġeneru.
Numru ta’ partijiet ikkonċernati diġà kienu talbu approċċ strateġiku u komprensiv għall-ECEC.
Il-Parlament Ewropew appella ripetutament għal approċċ olistiku għall-kura, filwaqt li appoġġa r-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona b’enfasi speċjali fuq il-ħtieġa li l-fokus ikun fuq it-tfal b’diżabilità 52 . Fir-rapport riċenti tiegħu dwar l-istrateġija Ewropea għall-kura adottata fis-Sessjoni Plenarja tal-5 ta’ Lulju 2022, il-Parlament Ewropew esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar ir-rieżami li se jsir tal-miri ta’ Barċellona u enfasizza l-importanza tal-ECEC sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u sabiex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri fil-kura, fil-paga u fil-pensjoni 53 .
Il-Kumitati tal-Parlament Ewropew għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) organizzaw Seduta konġunta bi tħejjija għal rapport fuq inizjattiva proprja dwar “Azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura” fl-24 ta’ Marzu 2022. Il-Membri tal-Parlament Ewropew esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bl-istrateġija Ewropea għall-kura u enfasizzaw b’mod partikolari l-potenzjal tas-settur tal-kura, li bħalissa ma huwiex iffinanzjat biżżejjed u li ma għandux biżżejjed persunal, f’termini ta’ ħolqien tax-xogħol. Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar jistgħu jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, filwaqt li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti fl-iżgurar ta’ persunal kwalifikat u tal-professjonalizzazzjoni. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li jiġi mmonitorjat il-progress u li titqies il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam ta’ politika.
Bl-istess mod, il-KESE ripetutament talab reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona u approċċ olistiku f’diversi opinjonijiet 54 , li fihom huwa enfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment f’servizzi u f’faċilitajiet ta’ kura ta’ kwalità għolja, affordabbli u disponibbli għal kull familja. Talab ukoll li l-investiment jiġi allokat għall-infrastruttura soċjali, b’mod partikolari għall-ECEC u għall-kura ta’ wara l-iskola, u li l-miri ta’ Barċellona dwar l-indukrar tat-tfal isiru aktar ambizzjużi filwaqt li tiġi koperta wkoll il-kura ta’ dipendenti oħrajn.
Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza li d-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u d-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura jiġu kkunsidrati flimkien 55 , peress li fil-biċċa l-kbira t-tnejn huma dipendenti fuq xulxin u huma fenomeni li jsaħħu lil xulxin. Il-Kunsill talab ukoll investiment pubbliku fit-tul f’faċilitajiet u f’infrastruttura tal-kura ta’ kwalità għolja, affordabbli u aċċessibbli, fl-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ kura, u fis-servizzi ta’ kura. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tippreżenta reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona sabiex tissaħħaħ il-konverġenza ’l fuq fil-forniment ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità fost l-Istati Membri 56 u enfasizza d-dritt tat-tfal kollha għal aċċess mhux diskriminatorju għas-servizzi ewlenin, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija 57 .
Fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi f’Jannar 2022, l-Istati Membri taw feedback pożittiv wiesa’ dwar il-proposta għal strateġija għall-kura. B’mod partikolari, huma qablu dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-aċċessibilità, il-kwalità u l-affordabilità tas-servizzi; itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura; jirriflettu dwar, fost affarijiet oħrajn, l-aspett edukattiv tal-ECEC; u jindirizzaw l-stereotipizzazzjoni tal-ġeneru fir-rigward tal-kura.
Matul id-dibattiti ta’ esplorazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (is-17 ta’ Marzu 2022) u fil-Kumitat tal-Impjiegi (l-1 ta’ April 2022), l-Istati Membri qasmu numru ta’ eżempji u ta’ prattiki nazzjonali tajbin u esprimew qbil preliminari mifrux mal-għan ġenerali tal-inizjattiva, tal-analiżi tal-isfidi u tal-objettivi ta’ politika proposti. Diversi Stati Membri indikaw li l-inizjattiva jenħtieġ li tiġi żviluppata b’rispett sħiħ tal-kompetenzi nazzjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll iċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti u l-istabbiliment tas-sistemi tal-kura, u li jiġi evitat il-piż amministrattiv. Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tal-finanzjament tal-UE, l-appoġġ għall-apprendiment reċiproku u t-titjib tal-bażi tal-evidenza.
Fit-13 ta’ Settembru 2021, il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel adotta Opinjoni dwar “The care gap in the EU: a holistic and gender-transformative approach” 58 . L-Opinjoni appoġġat it-titjib tad-disponibbiltà u tal-affordabilità tas-servizzi tal-kura u tal-ECEC ta’ kwalità għat-tfal, filwaqt li jiġu rriveduti ’l fuq il-miri ta’ Barċellona, u l-istabbiliment ta’ qafas ta’ politika għal LTC sostenibbli permezz tal-finanzjament tal-UE, inkluż permezz tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza bħala parti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Saru diversi konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, dibattiti esploratorji u seduti sabiex ikopru d-diversi elementi tal-inizjattiva f’aktar dettall.
Il-Kummissjoni organizzat djalogu strateġiku ma’ aktar minn 50 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-11 ta’ Marzu 2022. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona u qablu mal-isfidi identifikati mill-Kummissjoni. Enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu vvalutati l-ostakli għall-parteċipazzjoni: li jiġu esplorati diżaggregazzjonijiet ulterjuri tar-rati ta’ parteċipazzjoni (eż. tfal minn sfond ta’ migrazzjoni, tfal b’diżabilità, eċċ.); l-inklużjoni tat-tfal u l-iżvilupp f’saħħtu tagħhom fiċ-ċentru tal-politika; it-trawwim ta’ investiment f’sistemi ta’ servizzi ta’ intervent bikri tat-tfal għat-tfal b’diżabilità bħala miżura sabiex jiġu promossi l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ECEC u, b’hekk, il-parteċipazzjoni tal-ommijiet tagħhom f’xogħol bi ħlas.
Fl-aħħar nett, ġiet organizzata seduta ddedikata mas-sħab soċjali fil-livell tal-UE fis-7 ta’ April 2022. F’Diċembru 2020, is-sħab soċjali kienu diġà ħarġu “dikjarazzjoni konġunta dwar l-għoti ta’ servizzi ta’ indukrar tat-tfal fl-UE” li enfasizzat kif faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li jkunu disponibbli, aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità huma essenzjali biex b’hekk il-ġenituri joħorġu jaħdmu, b’mod partikolari l-ommijiet. Is-sħab soċjali talbu wkoll li ssir reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona sabiex jippromwovu l-valur tax-xogħol fis-settur, u għal kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, inkluż billi jsaħħu n-negozjar kollettiv u jiżguraw impjiegi ta’ kwalità u stabbli, salarji ġusti u livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali. Talbu wkoll azzjoni sabiex jattiraw il-persunal lejn is-settur, b’mod partikolari l-irġiel. Dawn il-fehmiet ġew ikkonfermati fis-seduta tas-sħab soċjali f’April. B’mod partikolari, is-sħab soċjali enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ integrat tul iċ-ċiklu tal-ħajja, u l-ħtieġa li jiżdied l-investiment fis-settur u li dan isir aktar attraenti għall-ħaddiema fl-isfond tat-tibdil demografiku u tal-perspettiva ekonomika.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni bniet fuq l-għarfien espert taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tagħha u ta’ esperti esterni sabiex tinforma l-bażi tal-evidenza għal din l-inizjattiva. Il-kontribut relatat isir disponibbli għall-pubbliku ġenerali flimkien mal-proposta attwali għal Rakkomandazzjoni.
Il-JRC ipprovda analiżi fil-fond tas-sett ta’ data ta’ referenza tal-EU-SILC sabiex jittestja l-fattibbiltà ta’ rfinamenti possibbli tal-indikaturi u r-robustezza tal-kejl fil-livell tal-Istati Membri 59 . Il-JRC ipproduċa wkoll simulazzjoni tal-impatt possibbli ta’ livelli differenti tal-mira għall-indikaturi rilevanti f’termini tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol abbażi tal-mudell EUROMOD 60 . Fl-aħħar nett, ġie kkummissjonat rieżami tal-letteratura sabiex tinkiseb ħarsa ġenerali lejn ir-riformi effettivi tal-indukrar tat-tfal fl-Istati Membri 61 .
Barra minn hekk, grupp ta’ esperti 62 bi 15-il membru inklużi esperti individwali u rappreżentanti tal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), tal-EIGE, tal-Eurofound, tal-ILO, tal-OECD u tal-Unicef ipprovdew kontribut dwar is-sitwazzjoni attwali u d-differenzi bejn il-pajjiżi fl-approċċ għall-ECEC, fil-kundizzjonijiet tal-forza tax-xogħol, u fil-kwalità tal-ECEC. Taw ukoll kontribut dwar miżuri sabiex itejbu l-parteċipazzjoni fl-ECEC, b’mod partikolari għat-tfal minn sfondi żvantaġġati, u dwar l-elementi rilevanti għat-tisħiħ tal-konverġenza ’l fuq.
•Drittijiet fundamentali
Ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona tikkontribwixxi għall-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, inklużi l-impjiegi, ix-xogħol u l-pagi. Tikkontribwixxi għas-salvagwardja tad-dritt ta’ kulħadd għall-edukazzjoni u d-drittijiet tat-tfal kollha għal tali protezzjoni u kura għall-benessri tagħhom, u għall-protezzjoni ekonomika tal-familja (l-Artikoli 23, 14, 24 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar
Il-Kummissjoni Ewropea tkompli timmonitorja l-miri ta’ Barċellona fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, li huwa strument importanti għall-monitoraġġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż permezz tal-analiżi pprovduta fir-rapporti tal-pajjiżi u permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, fejn xieraq. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tagħha tinkludi l-intensità tal-parteċipazzjoni tat-tfal kollha fl-ECEC (in-numru ta’ sigħat li jattendu fil-ġimgħa), u l-parteċipazzjoni ta’ tfal minn gruppi differenti, inklużi tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali u, fejn fattibbli, tfal b’diżabilità, bi sfond ta’ migrazzjoni, tfal Rom u gruppi rilevanti oħrajn, filwaqt li titqies l-età tat-tfal u karatteristiċi nazzjonali speċifiċi.
Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tiġi mmonitorjata permezz tar-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Portal ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 63 .
Ir-reviżjoni tal-miri tkopri dimensjonijiet addizzjonali rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ Barċellona (aċċessibilità, affordabilità u kwalità). Meta jkun hemm indikaturi disponibbli dwar dawn id-dimensjonijiet, jiġu inklużi fil-Portal ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u fir-Rapport Annwali dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.
Sabiex jissaħħu d-disponibbiltà, l-ambitu u r-rilevanza tad-data pertinenti fil-livell tal-UE, din ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw jew itejbu l-ġbir tad-data f’numru ta’ oqsma relatati mal-implimentazzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’mod partikolari jtejbu l-ġbir tad-data dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC inkluż b’referenza għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn gruppi żvantaġġati.
Il-Kummissjoni se tippubblika rapport fil-fond fi żmien ħames snin sabiex tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, fuq il-bażi tal-miri ta’ Barċellona u tad-dimensjonijiet rilevanti kollha, inklużi l-politiki u l-eżempji ta’ prattika tajba mill-Istati Membri.
2022/0263 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar ir-Reviżjoni tal-Miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (i), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Sabiex jitneħħew id-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, fl-2002 il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-miri ta’ Barċellona dwar l-indukrar tat-tfal, li jikkonsistu f’żewġ miri: rata ta’ parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ 33 % tat-tfal taħt l-età ta’ 3 snin u ta’ 90 % għat-tfal mill-età ta’ 3 snin sal-età obbligatorja għall-iskola 64 . Filwaqt li dawn il-miri ntlaħqu bħala medja tal-Unjoni, għad hemm differenzi sinifikanti bejn u fi ħdan l-Istati Membri, b’mod partikolari għal tfal minn familji b’introjtu aktar baxx u għall-iżgħar grupp ta’ tfal.
(2)L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fl-ECEC sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jsaħħu l-iżvilupp soċjali u konjittiv tat-tfal kollha, u b’mod partikolari għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati.
(3)Ir-responsabbiltajiet ta’ kura għat-tfal, b’mod partikolari għat-tfal żgħar ħafna, huma restrizzjoni qawwija għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fl-2021, l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (Labour Force Survey, LFS) 27,9 % tan-nisa bejn il-25 u d-49 sena li kienu barra mill-forza tax-xogħol indikaw li r-raġuni ewlenija għaliex ma kinux qed ifittxu impjieg kien il-fatt li kienu qed jieħdu ħsieb tfal jew adulti, f’kuntrast ma’ 8 % biss tal-irġiel; fl-2019, għalhekk qabel il-pandemija, dawn iċ-ċifri kienu 32,6 % u 7,6 % rispettivament 65 . Fl-istess ħin, ir-rata ta’ impjieg ta’ persuni ta’ 25-49 sena bi tfal taħt l-età ta’ 6 snin kienet ta’ 90,1 % għall-irġiel meta mqabbla ma’ 67,2 % għan-nisa. Ir-responsabbiltajiet ta’ kura mhux imħallsa iżommu lil madwar 7,7 miljun mara fl-Ewropa milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, meta mqabblin ma’ 450 000 raġel biss.
(4)In-nisa wkoll huma aktar probabbli li jadattaw ix-xejriet tax-xogħol tagħhom għar-responsabbiltajiet ta’ kura, li għandhom impatt dejjiemi fuq il-karrieri tagħhom u jikkontribwixxu għad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet. In-nisa impjegati jqattgħu medja ta’ 90 minuta kuljum aktar mill-irġiel impjegati fuq xogħol tad-dar u fuq attivitajiet ta’ kura diretta. L-indirizzar tad-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi jirrappreżenta argument għall-vijabbiltà ċar peress li jikkontribwixxi għat-tkabbir u x’aktarx li jiġġenera impatti pożittivi għall-produttività. Barra minn hekk, l-indirizzar tad-differenzi bejn il-ġeneri għandu impatti pożittivi ferm stabbiliti fuq it-tnaqqis tal-faqar u fuq l-inklużjoni soċjali u jikkostitwixxi waħda mir-reazzjonijiet għal forza tax-xogħol li qiegħda tonqos.
(5)Id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ kura affordabbli u ta’ kwalità għolja għandha impatt pożittiv qawwi fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-indokraturi, b’mod partikolari n-nisa. Filwaqt li l-forniment tal-ECEC żdied madwar l-Unjoni, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi tnaqqset minn 17,7-il punt perċentwali fl-2002 għal 10,8 punti perċentwali fl-2021. Madankollu, il-progress waqaf f’dawn l-aħħar snin.
(6)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal bħala objettivi ewlenin tal-Unjoni. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li t-trattament u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel iridu jiġu żgurati u promossi fl-oqsma kollha, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-progressjoni tal-karriera. Jirrikonoxxi wkoll id-dritt tat-tfal għal ECEC affordabbli ta’ kwalità tajba; id-dritt tat-tfal għall-protezzjoni mill-faqar; u d-dritt għat-tfal minn sfondi żvantaġġati għal miżuri speċifiċi li jtejbu l-opportunitajiet indaqs. Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipproponi, fost il-miri ewlenin tal-Unjoni tiegħu li għandhom jintlaħqu sal-2030, li jenħtieġ li tal-anqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena tkun taħdem sal-2030. Sabiex tintlaħaq dik il-mira, il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi l-għan li tal-anqas, meta mqabbla mal-2019, id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi titnaqqas bin-nofs, inkluż permezz tar-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona. Il-pjan ta’ azzjoni jirrikonoxxi li ż-żieda fl-għoti ta’ ECEC formali ssostni parteċipazzjoni aktar b’saħħitha tan-nisa fis-suq tax-xogħol u rikonċiljazzjoni aħjar bejn il-ħajja professjonali u dik privata. B’din ir-rakkomandazzjoni, l-Unjoni qed twettaq l-impenn tagħha fil-pjan ta’ azzjoni.
(7)Fil-livell tal-Unjoni, diversi rakkomandazzjonijiet u direttivi fl-oqsma tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jindirizzaw ċerti elementi li huma rilevanti għall-miri ta’ Barċellona. Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 66 toħloq qafas li jippermetti li l-liv tal-familja jittieħed b’mod bilanċjat bejn il-ġeneri u li l-arranġamenti tax-xogħol ikunu flessibbli kif ukoll il-liv tal-indokraturi.
(8)Diversi inizjattivi tal-Unjoni enfasizzaw l-importanza tal-ECEC għat-tfal. Din ir-rakkomandazzjoni tibni fuq dawn l-inizjattivi ta’ politika: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal 67 tgħin lill-Istati Membri jtejbu s-servizzi tal-ECEC u tenfasizza li tali servizzi jridu jkunu inklużivi, aċċessibbli, affordabbli u ta’ kwalità għolja. L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 68 tipprovdi qafas għal azzjoni tal-UE sabiex tippromwovi u tipproteġi aħjar id-drittijiet tat-tfal u tirrikonoxxi r-rwol tal-ECEC bħala ta’ benefiċċju għall-iżvilupp konjittiv u soċjali tat-tfal. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal 69 għandha l-għan li tiżgura li t-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jkollhom aċċess mingħajr ħlas u effettiv għas-servizzi ewlenin, inkluż għall-ECEC, fir-reġjuni kollha, anke f’żoni remoti u rurali.
(9)Meta jinvestu fis-servizzi tal-ECEC, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu numru ta’ dimensjonijiet lil hinn mis-sempliċi disponibbiltà ta’ postijiet, bħall-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni, is-sehem tat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali li jipparteċipaw kif ukoll l-aċċessibilità, l-affordabilità u l-kwalità tas-servizzi ta’ kura pprovduti. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi miżuri sabiex jiġu indirizzati dawn l-aspetti.
(10)Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għall-indokraturi primarji, l-aktar in-nisa, jenħtieġ li l-attendenza, f’termini tan-numru ta’ sigħat tal-ECEC, tkun biżżejjed sabiex tippermetti lill-ġenituri jqattgħu ħin sinifikattiv f’xogħol bi ħlas. Jenħtieġ li titħeġġeġ l-attendenza, filwaqt li jitqies l-aħjar interess tat-tfal. Meta t-tfal ikunu għadhom ma jattendux l-ECEC full-time, jenħtieġ li ż-żewġ ġenituri jagħmlu użu mid-drittijiet għal-liv tal-familja u mill-arranġamenti flessibbli tax-xogħol mogħtijin mid-Direttiva (UE) 2019/1158, bħal xogħol part-time, ħinijiet flessibbli tax-xogħol u telexogħol, sabiex jiżguraw li r-responsabbiltajiet ta’ kura jinqasmu b’mod ugwali, u jenħtieġ li l-attendenza tiżdied gradwalment mal-età tat-tfal. Minħabba l-importanza ta’ din id-dimensjoni, jenħtieġ li l-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni tat-tfal tiġi mmonitorjata flimkien mal-parteċipazzjoni fl-ECEC.
(11)Barra minn hekk, in-nisa b’livell baxx ta’ ħiliet professjonali u n-nisa minn familji b’introjtu baxx bit-tfal jiffaċċjaw aktar ostakli fit-taħriġ u sabiex isibu impjieg u aktar diżinċentivi sabiex (jerġgħu) jidħlu fid-dinja tax-xogħol minħabba restrizzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għall-parteċipazzjoni tat-tfal tagħhom fl-ECEC. It-tħeġġiġ ta’ rata ogħla ta’ parteċipazzjoni ta’ tfal f’sitwazzjoni vulnerabbli u minn sfondi żvantaġġati f’ECEC inklużivi jkollu impatt ta’ benefiċċju fuq ir-ritorn ta’ ommijiethom fid-dinja tax-xogħol. Is-sitwazzjoni tan-nisa b’diżabilità jew tan-nisa bi tfal b’diżabilità hija partikolarment diffiċli.
(12)Il-parteċipazzjoni fl-ECEC għandha diversi benefiċċji għat-tfal. L-evidenza turi li l-provvista ta’ ECEC ta’ kwalità għandha rwol kruċjali fit-titjib tal-iżvilupp konjittiv, soċjali u edukattiv tat-tfal sa minn età bikrija. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal, il-parteċipazzjoni fl-ECEC tista’ tkun għodda effettiva għall-kisba ta’ ekwità edukattiva għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata, bħal tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, tfal bi sfond ta’ migrazzjoni, tfal refuġjati, tfal Rom u tfal minn gruppi tal-minoranzi oħrajn, tfal li jgħixu f’żoni rurali u remoti b’infrastruttura inadegwata tal-kura u tfal f’kura alternattiva.
(13)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal 70 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 71 jenfasizzaw li l-aċċess ugwali għall-ECEC ta’ kwalità u inklużiva huwa ċentrali sabiex titkisser it-trażmissjoni tal-esklużjoni soċjali u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għat-tfal f’sitwazzjoni żvantaġġata. Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal talbet lill-Istati Membri jissottomettu pjanijiet nazzjonali li jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni fi żmien 9 xhur wara l-adozzjoni. Madankollu, ir-rati ta’ attendenza tagħhom huma konsiderevolment aktar baxxi, b’mod partikolari fost l-iżgħar tfal, li jistgħu jirriżultaw aktar tard f’eżiti edukattivi agħar u f’rati għoljin ta’ tluq bikri mill-iskola, b’mod partikolari tat-tfal Rom jew tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni kif ukoll ta’ tfal imċaħħda mill-kura tal-ġenituri. Il-parteċipazzjoni fl-ECEC hija rilevanti wkoll għat-tfal li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, bħal fil-każ ta’ tfal oħrajn li jfittxu jew li jibbenefikaw mill-protezzjoni fl-Unjoni. Għal dawn it-tfal potenzjalment vulnerabbli kollha jenħtieġ li jiġi żgurat aċċess ugwali għal servizzi tal-ECEC formali inklużivi u mhux segregati.
(14)Bl-istess mod, it-tfal b’diżabilità għandhom id-dritt li jipparteċipaw fl-ECEC formali fuq bażi ugwali ma’ oħrajn. Nofs it-tfal b’diżabilità jindukrawhom il-ġenituri tagħhom biss. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-ECEC ikunu aċċessibbli, inklużivi u kkombinati ma’ miżuri mmirati li jgħinu fl-indirizzar ta’ ħtiġijiet speċifiċi, inkluż permezz ta’ miżuri li jindirizzaw l-ostakli u s-segregazzjoni, filwaqt li l-persunal jiġi mgħammar bil-kompetenzi neċessarji jew jiġi impjegat persunal dedikat sabiex jindirizza ħtiġijiet individwali u kurrikuli individwalizzati, fejn meħtieġ.
(15)Kwalità għolja tal-ECEC hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li t-tfal jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni fl-ECEC. Filwaqt li ma hemm l-ebda mod uniku kif jiġi ddefinit u jitkejjel il-kunċett ta’ kwalità fl-ambjenti tal-ECEC, l-essenza tiegħu tinsab fil-kwalità tal-interazzjoni bejn l-adulti u t-tfal, irrispettivament mis-sistema tal-ECEC fis-seħħ. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw il-forniment ta’ ECEC ta’ kwalità għolja, filwaqt li jqisu diversi dimensjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal, inkluż l-aċċess għas-servizzi tal-ECEC, il-kwalifiki u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal, il-kurrikulu pedagoġiku, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u l-governanza u l-finanzjament. Jenħtieġ li jkunu ta’ importanza partikolari elementi bħall-proporzjon tal-persunal/tat-tfal, il-kwalifiki tal-persunal u t-taħriġ professjonali kontinwu.
(16)Il-kwalità tal-forniment tal-ECEC hija wkoll fattur importanti sabiex tiġi stabbilita l-fiduċja bejn il-ġenituri u l-istituzzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u l-kura, u għalhekk fattur importanti sabiex tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni akbar fl-ECEC.
(17)L-aċċessibilità hija dimensjoni importanti oħra tal-forniment tal-ECEC. Tinkludi infrastruttura adegwata u kapaċitajiet ta’ akkoljenza disponibbli u l-ħinijiet tal-ftuħ. Tkopri wkoll l-adattament għall-ħtiġijiet speċjali tal-ġenituri, u l-assistenza sabiex jingħelbu proċeduri amministrattivi kumplessi. Jenħtieġ li l-appoġġ fin-navigazzjoni tal-proċeduri amministrattivi jiġi pprovdut f’diversi forom, inkluż l-appoġġ lingwistiku u diġitali, speċjalment għal gruppi f’sitwazzjoni vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati li, pereżempju, ma jkunux jistgħu jużaw jew ikollhom aċċess għal għodod diġitali. Dan jinkludi wkoll l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità, inklużi t-tfal, il-ġenituri u l-professjonisti, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibilità stabbiliti fl-Annessi I u III tad-Direttiva (UE) 2019/882.
(18)Barra minn hekk, l-aċċessibilità tinkludi l-professjonalizzazzjoni tal-persunal u tal-ispeċjalisti sabiex it-tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali jiġu appoġġati b’mod adegwat, f’faċilitajiet formali mhux segregati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ostakli għall-użu tas-servizzi tal-ECEC jitneħħew u jiġu evitati, inkluż għal persuni b’diżabilità, u li s-servizzi tal-ECEC ikunu verament inklużivi.
(19)Meta tiġi indirizzata l-aċċessibilità, jenħtieġ li jitqiesu l-iżbilanċi territorjali. Il-ħin twil tal-ivvjaġġar marbut mad-distanza, man-nuqqas ta’ konnessjonijiet tat-trasport jew ma’ konnessjonijiet tat-trasport limitati, u mal-konġestjoni tat-traffiku jista’ jkun ostaklu għall-parteċipazzjoni. Iż-żoni remoti u rurali huma partikolarment żvantaġġati min-nuqqas ta’ servizzi suffiċjenti tal-ECEC lokalment. Tali żbilanċi territorjali jistgħu jżidu mal-problemi relatati mal-affordabilità. Għalhekk huwa importanti li jiġu kkunsidrati l-profili differenti tal-utenti tas-servizzi tal-ECEC fil-pjanijiet ta’ mobbiltà, u li tiġi inkluża l-kopertura territorjali fil-ġbir tad-data għall-finijiet ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ.
(20)F’ħafna Stati Membri, il-kost għoli tal-ECEC għadu ostaklu kbir għall-parteċipazzjoni. Id-data tal-Eurostat turi li l-fattur tal-kost għandu rwol sinifikanti fid-deċiżjoni li ma jintużawx servizzi ta’ indukrar formali tat-tfal f’ħafna pajjiżi, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi fir-riskju tal-faqar. Skont l-istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-2016, 13 % tal-ġenituri ma jagħmlux użu mill-indukrar tat-tfal minħabba l-kost tiegħu 72 u 11 % isibu diffikultajiet moderati jew kbar sabiex jaffordjawh 73 . Dawn il-perċentwali jikbru b’aktar mid-doppju, għal 28 % u għal 27 % rispettivament, għall-unitajiet domestiċi fir-riskju tal-faqar. Ir-riċerka xjentifika turi l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali, edukattivi u ta’ żvilupp sostanzjali tal-ECEC ta’ kwalità għolja. Għalhekk, l-iżgurar ta’ ECEC affordabbli huwa ta’ benefiċċju għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; u dan għandu wkoll impatt pożittiv ta’ tkabbir fit-tul fuq l-edukazzjoni minn età bikrija, u b’hekk iwitti t-triq għal atitudni pożittiva rigward l-apprendiment tul il-ħajja, li tmur lil hinn mit-tfal involuti u testendi għas-soċjetà inġenerali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kostijiet tal-ECEC ikunu proporzjonati għall-introjtu tal-unitajiet domestiċi u ma jikkostitwixxux ostaklu għall-parteċipazzjoni fl-ECEC. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu wkoll kostijiet oħrajn relatati mal-parteċipazzjoni fl-ECEC bħat-trasport, il-ħwejjeġ u t-tagħmir meħtieġ f’sitwazzjoni ta’ kura.
(21)Mod wieħed kif jiġi żgurat il-forniment adegwat ta’ ECEC ta’ kwalità għolja aċċessibbli u affordabbli huwa billi jiġi stabbilit intitolament legali għall-ECEC, li permezz tiegħu, l-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu post għat-tfal kollha li l-ġenituri tagħhom jitolbu dan, irrispettivament mill-istatus fl-impjieg, soċjoekonomiku jew tal-familja tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, diġà jeżisti intitolament legali bħal dan, iżda l-età tal-bidu għall-intitolament tvarja b’mod sinifikanti. Idealment, jenħtieġ li ma jkunx hemm distakk bejn it-tmiem tal-liv tal-familja bi ħlas adegwat u intitolament legali għal post fl-ECEC.
(22)Iż-żieda fid-disponibbiltà ta’ ECEC ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u affordabbli għall-familji u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarji fis-settur huma mistennijin iġibu benefiċċji ekonomiċi. Fl-istess ħin, is-sostenibbiltà fiskali tal-investiment fl-ECEC tista’ tiġi ottimizzata billi jiġi evalwat l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi u billi jsir monitoraġġ regolari u billi tittejjeb kontinwament il-kosteffettività, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki, inkluż it-tfassil effiċjenti ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament li jkunu koerenti mas-sostenibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi.
(23)L-aċċess faċli għal informazzjoni online u offline adegwata dwar l-ECEC huwa ta’ importanza kbira għall-ġenituri. Dan jikkonċerna l-informazzjoni dwar l-intitolamenti għal servizzi xierqa u d-disponibbiltà tagħhom, il-modalitajiet ta’ aċċess u l-eliġibbiltà għall-appoġġ finanzjarju, fejn applikabbli.
(24)In-nuqqas ta’ għarfien dwar id-drittijiet tal-ġenituri u tat-tfal fir-rigward tal-ECEC u r-rilevanza tagħhom għall-kisbiet edukattivi futuri huwa ostaklu addizzjonali għall-adozzjoni tas-servizzi li jħalli impatt fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-għoti ta’ informazzjoni korretta u bir-reqqa lill-ġenituri jwassal għal deċiżjonijiet informati u kkunsidrati sew dwar l-għażliet ta’ kura.
(25)L-ECEC ibatu minn nuqqas ta’ persunal f’ħafna pajjiżi. Dan jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ strateġiji multipli, bħat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-prospetti tal-karriera u remunerazzjoni adegwata, possibbiltajiet regolari ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, l-iżvilupp ta’ strateġiji kreattivi ta’ reklutaġġ, u l-appell lil gruppi sottorappreżentati differenti sabiex jingħaqdu mal-forza tax-xogħol tal-ECEC, bħall-irġiel jew persuni b’diversi sfondi kulturali, eż. migranti u refuġjati. Mekkaniżmu sempliċi u rapidu għar-rikonoxximent tal-kwalifiki jista’ jgħin sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet. Pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/554 74 tindirizza l-aċċess ta’ dawk li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna għal professjonijiet regolati.
(26)Jenħtieġ li l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persunal fl-ECEC tikkontribwixxi sabiex tattira ħaddiema ġodda u fl-istess ħin tgħin sabiex jiġi żgurat li dawk li qed jaħdmu f’dan is-settur ikunu lesti u kapaċi jibqgħu fl-impjieg tagħhom sakemm jirtiraw. Tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-indirizzar tas-segregazzjoni tas-sessi fis-settur. F’dan il-kuntest, il-linji gwida ta’ politika tal-ILO dwar il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti għal persunal tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal 75 jagħtu gwida dwar l-implimentazzjoni possibbli ta’ rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp professjonali u tal-karriera, rimunerazzjoni xierqa, inklużi paga ugwali, impjieg u kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli, kif ukoll il-promozzjoni tad-djalogu soċjali f’dan is-settur.
(27)Il-kura għat-tfal ma tispiċċax malli jidħlu l-iskola primarja. Il-ħtiġijiet ta’ kura għat-tfal mill-età tal-iskola primarja wkoll jistgħu jillimitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol tal-ommijiet jekk ma jkunx hemm soluzzjonijiet adegwati, ta’ kwalità u affordabbli għall-kura wara l-iskola u matul il-vaganzi, fil-kuntest tas-sistemi skolastiċi nazzjonali. Jekk ma jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ kura disponibbli għal tfal akbar fl-età, id-disponibbiltà tal-ECEC għall-aħwa iżgħar fl-età ma tkunx tippermetti l-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, li min-naħa tagħha jista’ jkollha impatt fuq l-użu tal-ECEC għall-aħwa iżgħar fl-età. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu kura adegwata, ta’ kwalità u affordabbli barra mill-iskola. Din jenħtieġ li tinkludi, fejn rilevanti, offerta għas-superviżjoni u għall-appoġġ għax-xogħol tad-dar, b’mod partikolari għal tfal minn sfondi żvantaġġati.
(28)Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għadu sfida kbira għal ħafna ġenituri, b’mod partikolari għan-nisa. Id-diffikultà fl-ibbilanċjar tar-responsabbiltajiet tax-xogħol u ta’ kura hija ostaklu kbir li jikkontribwixxi għar-rappreżentanza insuffiċjenti tan-nisa fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, l-istereotipi relatati mal-ġeneru spiss jinfluwenzaw ir-rwoli tan-nisa u tal-irġiel fir-rigward tal-kura. L-iżbilanċ fir-responsabbiltajiet ta’ kura tan-nisa meta mqabblin mal-irġiel min-naħa tiegħu jsaħħaħ l-istereotipi marbutin mal-ġeneru kemm fl-impjiegi kif ukoll fir-rwoli tal-irġiel u tan-nisa.
(29)Jenħtieġ li dan id-distakk persistenti bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura jiġi indirizzat, b’mod partikolari billi l-missirijiet jiġu nkoraġġiti jagħmlu użu mil-liv tal-familja u minn arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli, fejn rilevanti, flimkien ma’ kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura fost il-koppji fir-rigward ta’ xogħol bi ħlas u mhux bi ħlas. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1158 ittejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura għal-liv tal-familja u li jitolbu arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol flessibbli. Jenħtieġ li azzjoni ulterjuri tiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni dwar dawn id-drittijiet il-ġodda u l-monitoraġġ ta’ jekk il-ħaddiema jistgħux jagħmlu użu sħiħ minn dawn id-drittijiet mingħajr ma jesperjenzaw trattament mhux favorevoli fuq ix-xogħol.
(30)Sabiex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet u r-restrizzjonijiet tal-kura, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data adegwata bi grad suffiċjenti ta’ granularità, ta’ affidabbiltà u ta’ komparabbiltà. Minħabba li d-Direttiva (UE) 2019/1158 ma fihiex dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ġbir ta’ data, jenħtieġ li din id-data tkun tinkludi l-użu tal-liv tal-familja, filwaqt li jitqies il-manwal metodoloġiku għall-qafas tal-indikaturi tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li ġie żviluppat mill-Kumitat tal-Impjiegi u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali li jappoġġa l-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni xierqa tad-Direttiva.
(31)Jenħtieġ li l-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jiġi mmonitorjat b’mod regolari fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea u tal-Portal ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw b’mod partikolari lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fil-kalkolu ta’ indikatur għall-kejl tad-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura, li jfisser id-differenza fil-ħin iddedikat għall-kura min-nisa u mill-irġiel, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, u l-użu tal-ħin f’xogħol bi ħlas u bla ħlas, sabiex jiġu mifhuma aħjar l-interdipendenzi bejn dawn l-elementi bl-għan li jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta’ politiki soċjali bbażati fuq l-evidenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu wkoll bl-isforzi tagħhom sabiex ifasslu u jimplimentaw riformi fil-qasam tal-ECEC filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mill-appoġġ tal-Kummissjoni, inkluż permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajbin, proċessi u metodoloġiji xierqa, il-ġbir ta’ data, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u koordinazzjoni interistituzzjonali aktar effettivi u effiċjenti u l-ippjanar, l-allokazzjoni u l-iżvilupp professjonali tar-riżorsi umani fis-settur tal-ECEC.
(32)Jenħtieġ li t-terminu “edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal” jinftiehem kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ECEC ta’ Kwalità Għolja, bħala li jirreferi għal kwalunkwe arranġament regolat li jipprovdi edukazzjoni u kura għat-tfal mit-twelid sal-età obbligatorja għall-iskola primarja — irrispettivament mill-kuntest, mill-finanzjament, mill-ħinijiet tal-ftuħ jew mill-kontenut tal-programm — u jinkludi l-kura f’ċentru u l-kura binhar għall-familja; provvediment iffinanzjat privatament u pubblikament; provvediment ta’ qabel l-iskola u preprimarju.
(33)Sabiex jiġi vvalutat l-impatt ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw il-progress tagħha u jirrapportaw regolarment dwarha.
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:OBJETTIV U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
1.Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-iżvilupp soċjali u konjittiv tat-tfal, b’mod partikolari għal dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati.
2.Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonċerna l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għat-tfal kollha.
REVIŻJONI TAL-MIRI TA’ BARĊELLONA
3.Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jipprovdu servizzi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija (ECEC) ta’ kwalità għolja għat-tfal f’konformità max-xejriet nazzjonali tal-provvista, filwaqt li jiżguraw li sal-2030:
(a)tal-anqas 50 % tat-tfal taħt l-età ta’ 3 snin jipparteċipaw fl-ECEC 76 ; u
(b)tal-anqas 96 % tat-tfal bejn l-età ta’ 3 snin u l-età tal-bidu għall-edukazzjoni primarja obbligatorja jipparteċipaw fl-ECEC 77 .
INTENSITÀ TAL-PARTEĊIPAZZJONI
4.Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC li tkun kompatibbli ma’ parteċipazzjoni sinifikattiva tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol, speċjalment tal-ommijiet.
5.L-Istati Membri huma mistiedna jiżguraw li s-servizzi tal-ECEC ikunu disponibbli sabiex jippermettu l-parteċipazzjoni tat-tfal, li tista’ tiżdied gradwalment mal-età tat-tfal, ta’:
(a)tal-anqas 25 siegħa fil-ġimgħa għal tfal taħt it-tliet (3) snin; u
(b)tal-anqas 35 siegħa fil-ġimgħa għal tfal mill-età ta’ 3 snin.
L-INKLUŻJONI TA’ TFAL MINN SFONDI ŻVANTAĠĠATI, TA’ TFAL B’DIŻABILITÀ JEW BI BŻONNIJIET SPEĊJALI
6.Jenħtieġ li l-Istati Membri:
(a)ikollhom fis-seħħ miżuri mmirati sabiex jippermettu u jżidu l-parteċipazzjoni fl-ECEC ta’ tfal minn sfondi żvantaġġati, li jinkludu tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali;
(b)inaqqsu d-distakk fil-parteċipazzjoni fl-ECEC bejn it-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali u l-popolazzjoni ġenerali tat-tfal.
KWALITÀ
7.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li:
(a)is-servizzi tal-ECEC għat-tfal kollha jkunu ta’ kwalità għolja, sabiex iżidu l-fiduċja tal-ġenituri fis-servizzi, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp fiżiku, soċjali, emozzjonali, konjittiv u edukattiv f’saħħtu tat-tfal;
(b)l-oqfsa ta’ kwalità nazzjonali li l-Istati Membri huma mħeġġin jiżviluppaw f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u ta’ Kura Bikrija tat-Tfal ta’ Kwalità Għolja jinkludu l-forniment ta’ servizzi għat-tfal taż-żewġ gruppi ta’ età koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li l-oqfsa nazzjonali tal-kwalità jipprevedu b’mod partikolari:
–proporzjonijiet persunal-tfal adegwati u daqsijiet adegwati tal-gruppi, filwaqt li jqisu l-età tat-tfal u kwalunkwe diżabilità jew ħtieġa speċjali li jista’ jkollhom; u
–jappoġġaw il-professjonalizzazzjoni tal-persunal kollu tal-ECEC, inkluż billi jżidu l-livell meħtieġ ta’ edukazzjoni inizjali u jiżguraw żvilupp professjonali kontinwu permezz ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ adegwati u tul il-ħajja.
DISTRIBUZZJONI TERRITORJALI
8.Jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi għat-tfal u għall-familji tagħhom fl-aċċess għal faċilità ta’ edukazzjoni u ta’ kura xierqa billi jipprovdu kopertura territorjali suffiċjenti tal-forniment tal-ECEC. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri b’mod partikolari:
(a)jorganizzaw il-forniment tal-ECEC b’mod adegwat fiż-żoni urbani u rurali, fiż-żoni u fir-reġjuni għonja u żvantaġġati, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi taż-żoni bħad-densità tal-popolazzjoni tat-tfal, id-distribuzzjoni tat-tfal skont l-età, filwaqt li dan jenħtieġ li jkun kompletament allinjat mal-prinċipji tad-desegregazzjoni u tan-nondiskriminazzjoni u jseħħ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;
(b)iqisu l-ħtieġa għal ħinijiet raġonevoli ta’ vjaġġar, b’mod partikolari bit-trasport pubbliku, meta jiddeċiedu dwar il-postijiet għas-servizzi tal-ECEC.
AFFORDABILITÀ
9.Għal tfal għajr dawk koperti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal, li jenħtieġ li jgawdu aċċess mingħajr ħlas u effettiv għas-servizzi tal-ECEC, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kost nett tal-ECEC ikun raġonevolment proporzjonat għal spejjeż oħrajn tal-unitajiet domestiċi u għall-introjtu disponibbli, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġin:
(a)jillimitaw l-ispejjeż mill-but għall-ġenituri;
(b)fejn applikabbli, jintroduċu tariffi fuq skala flessibbli proporzjonati għall-introjtu tal-familja jew tariffa massima għall-ECEC.
AĊĊESSIBILITÀ
10.Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu kontinwament l-ostakli għall-aċċess għall-ECEC. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari sabiex:
(a)jiġu offruti soluzzjonijiet għall-ġenituri b’ħinijiet tax-xogħol mhux tipiċi sabiex jirrikonċiljaw aħjar ix-xogħol u l-ħajja privata;
(b)jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ ġenituri waħedhom;
(c)jiġi żgurat l-aċċess għall-ECEC irrispettivament mill-istatus tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol b’mod koerenti mal-provvediment ta’ inċentivi favur ix-xogħol;
(d)tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-bini, tal-infrastruttura u tat-trasport kif ukoll tal-materjal ta’ apprendiment u tal-għodod diġitali għall-ġenituri u għat-tfal b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali;
(e)jiġu offruti appoġġ effettiv u informazzjoni u komunikazzjoni xierqa għat-tfal u għall-ġenituri b’diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, u jiġu indirizzati l-ostakli lingwistiċi u kulturali, sabiex tkun permessa l-parteċipazzjoni tagħhom f’faċilitajiet formali inklużivi u mhux segregati;
(f)tiġi pprovduta b’mod proattiv informazzjoni ċara dwar il-benefiċċji tal-attendenza għall-ECEC u dwar l-opportunitajiet eżistenti, ir-regoli ta’ eliġibbiltà, u l-proċeduri amministrattivi għall-aċċess għas-servizzi tal-ECEC;
(g)jingħata appoġġ amministrattiv għar-reġistrazzjoni, b’attenzjoni partikolari għall-ġenituri f’sitwazzjoni vulnerabbli jew minn sfond żvantaġġat.
11.Jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu intitolament legali għall-ECEC. Meta jiddeterminaw l-età tal-bidu għall-intitolament legali, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu d-disponibbiltà u t-tul tal-liv tal-familja bi ħlas adegwat, bl-għan li jiġu evitati distakki bejn it-tmiem ta’ dan il-liv u l-bidu tal-ECEC.
KURA BARRA MILL-ISKOLA
12.Minbarra l-ECEC, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw approċċ komprensiv għall-kura għat-tfal, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet ta’ kura għat-tfal ta’ etajiet differenti, inkluża l-età tal-iskola primarja, billi jiffaċilitaw kura barra mill-iskola affordabbli u ta’ kwalità għolja għat-tfal kollha fl-iskola primarja (kopertura ta’ wara l-iskola u tal-vaganzi), inklużi dawk b’diżabilità jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, filwaqt li jqis l-organizzazzjoni nazzjonali tal-iskola u tal-vaganzi. Jenħtieġ li dan jinkludi appoġġ għax-xogħol tad-dar, speċjalment għal tfal minn sfondi żvantaġġati jew f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.
GĦARFIEN DWAR ID-DRITTIJIET
13.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom, inkluż, fejn applikabbli, tal-intitolament għal post fl-ECEC, filwaqt li jżommu f’moħħhom li tradizzjonijiet u sfondi differenti jistgħu jinfluwenzaw l-għarfien, il-perċezzjoni u l-fiduċja fis-sistema tal-ECEC.
14.L-Istati Membri huma mħeġġin jinformaw b’mod proattiv lill-ġenituri dwar il-possibbiltajiet, il-benefiċċji, il-kostijiet u, fejn ikun hemm, l-appoġġ finanzjarju għall-użu tal-ECEC. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni:
(a)għall-ħtiġijiet tal-ġenituri għal informazzjoni dwar l-ECEC filwaqt li jitqiesu d-diversità tal-ħiliet, il-kapaċitajiet, l-isfond soċjoekonomiku, u kwalunkwe diżabilità tagħhom;
(b)għall-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-informazzjoni online kif ukoll offline, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet lingwistiċi differenti u d-disponibbiltà ta’ għodod diġitali.
15.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri effettivi, imparzjali u aċċessibbli għall-ilmenti sabiex jiġu rrapportati problemi jew inċidenti lill-awtoritajiet kompetenti.
KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL U ĦILIET TAL-PERSUNAL
16.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persunal tal-ECEC, b’mod partikolari billi jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv u billi jappoġġaw l-iżvilupp ta’ pagi attraenti fis-settur, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tas-sħab soċjali.
17.Jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ħiliet u n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema fl-ECEC, b’mod partikolari billi:
(a)itejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi sabiex il-ħaddiema attwali u futuri fl-ECEC jiġu mgħammra bil-ħiliet u bil-kompetenzi neċessarji;
(b)jibnu perkorsi tal-karriera fis-settur tal-ECEC, inkluż permezz ta’ titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u servizzi ta’ informazzjoni u ta’ gwida;
(c)joffru status professjonali u prospetti ta’ karriera attraenti lill-ħaddiema tal-ECEC;
(d)jimplimentaw miżuri sabiex jiġu indirizzati l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u s-segregazzjoni skont il-ġeneru u sabiex jagħmlu l-professjoni attraenti kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.
DISTAKK BEJN IL-ĠENERI FL-GĦOTI TAL-KURA
18.Jenħtieġ li l-Istati Membri jħeġġu l-kondiviżjoni ugwali tal-kura għat-tfal bejn il-ġenituri billi:
(a)jiġġieldu kontra l-istereotipi skont il-ġeneru u jħeġġu involviment bilanċjat taż-żewġ ġenituri fir-responsabbiltajiet ta’ kura fuq l-istess livell, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni;
(b)jippromwovu u jappoġġaw arranġamenti dwar ħinijiet tax-xogħol li jgħinu fis-sejbien ta’ bilanċ mal-ħajja tal-familja u t-teħid tal-liv tal-familja miż-żewġ ġenituri, speċjalment mill-irġiel, matul il-ħajja.
GOVERNANZA U ĠBIR TA’ DATA
19.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw governanza tal-politika soda u effettiva fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal, b’mod partikolari billi:
(a)jiżguraw kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet differenti tat-tfassil tal-politika u s-servizzi tal-ECEC, u jappoġġaw il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u ma’ servizzi oħrajn tat-tfassil tal-politika inkarigati mill-iżvilupp u mill-edukazzjoni bikrija tat-tfal; u
(b)jimmobilizzaw u jagħmlu użu kosteffettiv minn finanzjament xieraq u sostenibbli għall-edukazzjoni u għall-kura bikrija tat-tfal, inkluż billi jagħmlu użu mill-fondi u mill-istrumenti tal-Unjoni, u billi jsegwu politiki li jwasslu għall-finanzjament sostenibbli tas-servizzi tal-kura tat-tfal li jkunu koerenti mas-sostenibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi.
20.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw jew itejbu l-ġbir ta’ data dwar:
(a)il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-ECEC, fuq bażi annwali u bi stħarriġiet b’daqs adegwat tal-kampjuni, inkluż b’referenza għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati;
(b)id-differenzi fl-użu tal-ħin f’xogħol bi ħlas u mhux bi ħlas bejn in-nisa u l-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ kura, idealment billi jintużaw stħarriġiet dwar l-użu tal-ħin fuq il-bażi tal-istandard stabbilit mill-Istħarriġiet Ewropej Armonizzati dwar l-Użu tal-Ħin;
(c)it-teħid tal-liv tal-familja skont il-ġeneru, minn data amministrattiva b’mod armonizzat għall-UE kollha u japprovaw il-qafas tal-indikatur tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata żviluppat mis-sottogrupp konġunt tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC);
(d)il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal fl-ECEC, li jkopru b’mod partikolari l-aspetti msemmijin fir-Rakkomandazzjonijiet 16 u 17;
(e)in-nuqqas, l-aċċessibilità, l-affordabilità u l-kwalità tal-ECEC fuq bażi regolari tal-anqas kull sitt (6) snin; u dwar id-distribuzzjoni territorjali tal-ECEC, b’mod partikolari biex jiġu vvalutati d-disparitajiet territorjali, inkluż f’żoni remoti u rurali.
21.Jenħtieġ li l-Istati Membri iżidu l-isforzi sabiex jiżguraw li d-data tkun komparabbli fil-livell tal-UE bi granularità suffiċjenti.
IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI
22.Jenħtieġ li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni dwar miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sa [sena (1) wara l-adozzjoni].
23.Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni fir-rigward tal-intenzjoni tagħha li:
(a)ittejjeb il-forniment regolari tad-data billi tagħmel disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat kif ukoll fuq il-Portal ta’ Monitoraġġ tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri:
(1)tikseb diżaggregazzjoni ulterjuri skont l-età tat-tfal li jipparteċipaw fl-ECEC, l-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni u r-rata ta’ parteċipazzjoni għat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali;
(2)intervalli ta’ kunfidenza għall-indikatur ewlieni tal-EU-SILC “Tfal fil-kura formali tat-tfal jew fl-edukazzjoni” u indikaturi rilevanti oħrajn flimkien mar-rati ta’ parteċipazzjoni sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà bejn is-snin u l-pajjiżi;
(3)informazzjoni ta’ spjegazzjoni aktar komprensiva dwar id-data miġbura, b’mod partikolari fir-rigward tal-programmi tal-ECEC koperti mid-definizzjoni tal-indikaturi.
(b)timmobilizza l-finanzjament tal-Unjoni b’appoġġ tar-riformi u tal-investimenti nazzjonali fl-ECEC;
(c)tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-kuntest tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni u tas-Semestru Ewropew, inkluż, fejn xieraq, billi toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lill-Istati Membri, u tirrapporta lill-Kunsill fi żmien ħames snin dwar il-progress fir-rigward ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;
(d)tiffaċilita l-iżvilupp ta’ indikaturi ulterjuri fil-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u fil-Kumitat tal-Impjiegi, tal-iskambju ta’ prattiki tajbin u tal-apprendiment reċiproku fost l-Istati Membri kif ukoll tal-attivitajiet tekniċi ta’ bini tal-kapaċità, u tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex ifasslu u jimplimentaw riformi fil-qasam tal-ECEC b’mod partikolari permezz tal-Qafas Strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku;
(e)tħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Eurofound jiġbru d-data regolarment, jiżviluppaw indikaturi u jwettqu analiżijiet dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-kura, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, u l-użu tal-ħin f’xogħol bi ħlas u mhux bi ħlas, attivitajiet individwali u soċjali min-nisa u mill-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ kura u dwar arranġamenti tax-xogħol matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President