EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0440

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-istrateġija Ewropea għall-kura

COM/2022/440 final

Brussell, 7.9.2022

COM(2022) 440 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-istrateġija Ewropea għall-kura

{SWD(2022) 440 final}


“Lejl wara ieħor [waqt il-pandemija], qgħadna fit-twieqi u fuq l-għetiebi tagħna – biex inċapċpu lill-ħaddiema kritiċi. Kollha kemm aħna rajna kemm niddependu fuq dawn il-ħaddiema rġiel u nisa li ddedikaw ruħhom minkejja paga inferjuri, inqas protezzjoni u inqas sigurtà. Iċ-ċapċip forsi waqaf, iżda l-emozzjonijiet tagħna għadhom qawwija. […]

Huwa għalhekk li se nipproponu strateġija ġdida Ewropea dwar il-kura

sabiex kull persuna tkun tista’ tibbenefika mill-aħjar kura possibbli u ssib l-aħjar ekwilibriju tal-ħajja.” 1

       Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

1.Introduzzjoni

Il-kura tikkonċerna lilna lkoll. Hija l-kura li toħloq it-tessut li jżomm is-soċjetajiet tagħna flimkien u li tgħaqqad flimkien il-ġenerazzjonijiet tagħna. Matul ħajjitna kollha, kemm aħna kif ukoll l-għeżież tagħna se jkollna bżonn il-kura jew se nipprovdu l-kura.

Bl-għeluq temporanju tal-creches u tal-kindergartens, u bl-impatt sproporzjonat li l-pandemija kellha fuq l-anzjani tagħna, il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza li jkun hemm servizzi tal-kura formali robusti biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura. Billi kixfet id-dgħufijiet strutturali diġà eżistenti, il-pandemija poġġiet lenti fuq il-ħtieġa li tittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tagħna. Kellha wkoll impatt sinifikanti f’termini tal-problemi tas-saħħa mentali u l-ħtiġijiet tal-kura marbuta magħhom li jridu jiġu indirizzati. Dan kollu huwa partikolarment kruċjali għall-benesseri tar-riċevituri tal-kura u tal-persuni li jagħtu l-kura, għall-ħajja professjonali tan-nisa u għall-kisba tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Is-servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja għandhom benefiċċji ċari għall-etajiet kollha. It-tfal jeħtieġu kura biex jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi konjittivi, lingwistiċi u fiżiċi tagħhom. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni fit-tfulija bikrija għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tagħhom, tagħti spinta lill-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom aktar tard matul il-ħajja, lill-kapaċità tagħhom li jgħixu ħajja kuntenta u li jkollhom karriera sodisfaċenti, u tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Bħala tali, din tikkontribwixxi għat-tkissir taċ-ċiklu tal-inugwaljanza, u tal-iżvantaġġi. L-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija ta’ kwalità jippromwovu stili ta’ ħajja sana u attiva kmieni fil-ħajja, u dan għandu impatt pożittiv matul il-ħajja adulta kollha sal-età avvanzata. Fl-istess ħin, kura fit-tul ta’ kwalità għolja u affordabbli tagħti s-setgħa lill-persuni akbar fl-età billi tgħinhom iżommu l-awtonomija tagħhom u jgħixu b’dinjità. Dan huwa partikolarment importanti f’kuntest ta’ tibdil demografiku, fejn l-Ewropej qed jgħixu ħajja itwal u aktar b’saħħitha, u d-domanda għall-kura qed tiżdied b’mod esponenzjali. Il-politiki dwar it-tixjiħ attiv, kif ukoll l-intervent bikri, il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard jistgħu jappoġġaw ulterjorment l-għajxien indipendenti, san u attiv u jdewmu l-bidu tal-ħtiġijiet tal-kura.



Minkejja l-benefiċċji ċari tas-servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja, għal bosta persuni dawn għad mhumiex affordabbli, disponibbli jew aċċessibbli. Madwar terz tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin u qrib id-90 % tat-tfal ta’ bejn it-3 snin u l-età tal-iskola obbligatorja jinsabu fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, iżda xorta waħda ħafna ġenituri ma jistgħux jirreġistraw lit-tfal tagħhom minħabba li s-servizzi, sempliċiment, mhumiex disponibbli, jew minħabba li dawn huma għaljin wisq. Bl-istess mod, kważi nofs il-persuni tal-età ta’ 65 sena jew aktar bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul għandhom ħtieġa mhux issodisfata għal għajnuna bil-kura personali jew bl-attivitajiet domestiċi tagħhom. F’ħafna każijiet, is-servizzi tal-kura mhumiex disponibbli fejn u meta n-nies ikunu jeħtieġuhom, u l-listi twal ta’ stennija u proċeduri burokratiċi huma realtà. Minkejja li għandhom stennija tal-għomor f’kundizzjoni ta’ saħħa aħjar minn qatt qabel, hekk kif in-nies jikbru fl-età, aktar ikun hemm ċans li jiżviluppaw fraġilità, mard jew diżabbiltà, li jfisser li jkunu jeħtieġu kura fit-tul. Għal ħafna persuni b’diżabbiltà, servizzi tal-kura insuffiċjenti, appoġġ għall-familji u assistenza personali jimminaw id-dritt tagħhom għal għajxien indipendenti, li huwa minqux fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

Servizzi tal-kura inadegwati għandhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa peress li r-responsabbiltajiet ta’ kura supplimentari jew informali għadhom jaqgħu fuqhom b’mod predominanti u dan jaffettwa l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom u l-għażliet tagħhom li jidħlu għal xogħol bi ħlas.

Dan iwassal biex in-nisa jieħdu assenzi twal għal-liv tal-familja, inaqqsu l-ħinijiet tax-xogħol u jirtiraw kmieni mis-suq tax-xogħol. Għal ħafna nisa, dan iwassal għal inqas opportunitajiet ta’ karriera u għal pagi u pensjonijiet aktar baxxi minn dawk li jgawdu l-pari maskili tagħhom. Billi n-nisa bħala medja jgħixu ħajja itwal iżda ta’ spiss anqas f’saħħithom mill-irġiel, jeħtieġu kura fit-tul aktar intensiva u għal perjodi itwal ta’ żmien. Iżda spiss huma inqas kapaċi jaffordjawha minħabba l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet akkumulati matul ħajjithom.

Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin fis-settur tal-kura huma vitali għar-reżiljenza u għall-attraenza tas-settur, u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. In-nisa jammontaw għal 90 % tal-forza tax-xogħol tal-kura, spiss f’impjiegi b’paga baxxa u prekarji. Anke jekk dan jinvolvi l-kura ta’ dawk li huma l-aktar għeżież għalina, ix-xogħol ta’ indokrar spiss mhuwiex stmat biżżejjed. Barra minn hekk, il-ħaddiema fil-qasam tal-kura spiss ma jkollhomx prospetti għall-progressjoni fil-karriera u t-taħriġ disponibbli mhuwiex proporzjonat mal-ħtiġijiet tagħhom ta’ titjib tal-ħiliet. Il-prevalenza għolja ta’ xogħol part-time fis-settur tal-kura tfisser li ħafna ħaddiema qed jaqilgħu dħul saħansitra aktar baxx fix-xahar. Għal xi gruppi vulnerabbli ta’ indokraturi, bħal indokraturi residenti jew ħaddiema domestiċi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jkunu wkoll ta’ sfruttament. 

L-inadegwatezza tas-sistemi tal-kura għandha kost ekonomiku u ddgħajjef il-potenzjal tas-settur li joħloq l-impjiegi. L-investiment fis-servizzi tal-kura jgħin lil aktar nisa biex jingħaqdu fis-suq tax-xogħol u jrendi aktar dħul għall-baġits pubbliċi.

Din l-istrateġija tistabbilixxi aġenda biex ittejjeb is-sitwazzjoni kemm għall-indokraturi kif ukoll għal dawk li jirċievu l-kura. Din titlob li jissaħħaħ l-aċċess għal servizzi tal-kura ta’ kwalità, affordabbli u aċċessibbli u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-indokraturi. Din se tgħin biex il-prinċipji dwar l-aċċess għall-kura ta’ kwalità tajba u affordabbli tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jsiru realtà u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri ewlenin dwar l-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar għall-2030 fl-UE kollha, li l-mexxejja tal-UE aċċettaw fis-Summit ta’ Porto f’Mejju 2021 u li ġew approvati mill-Kunsill Ewropew.

Żewġ proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill huma fiċ-ċentru ta’ din l-istrateġija: dwar ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, u dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja. Dawn jipprovdu oqfsa ta’ politika għar-riformi u l-investimenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. It-tnejn ikopru l-adegwatezza, id-disponibbiltà u l-kwalità tal-kura kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-indokraturi. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi aktar azzjonijiet ta’ appoġġ fil-livell Ewropew u titlob azzjoni fil-livell nazzjonali 2 .

L-Istrateġija twieġeb għas-sejħiet minn diversi partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE kif ukoll nazzjonali. Il-Parlament Ewropew 3 , il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, is-sħab soċjali, u s-soċjetà ċivili kollha talbu għal azzjoni msaħħa tal-UE f’dan il-qasam 4 . L-istrateġija tibni fuq l-esperjenza miksuba bil-Miri ta’ Barċellona fl-aħħar perjodu, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ progress fl-ilħuq tal-mira f’għadd ta’ Stati Membri. L-Istrateġija twieġeb ukoll għall-proposta tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa 5 dwar it-tranżizzjoni demografika li titlob kura fit-tul affordabbli u aċċessibbli ta’ kwalità li tissodisfa l-ħtiġijiet kemm ta’ min jirċievi l-kura kif ukoll ta’ dawk li jipprovdu l-kura u li fl-UE jiġi żgurat indokrar tat-tfal ta’ kwalità, affordabbli u aċċessibbli, sabiex l-ommijiet u l-missirijiet ikunu jistgħu jirrikonċiljaw b’fiduċja l-ħajja tax-xogħol u tal-familja tagħhom.

2.It-titjib tas-servizzi tal-kura

Is-servizzi tal-kura għandhom jiġu estiżi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali u futuri għall-kura. Iż-żieda fid-disponibbiltà tas-servizzi tal-kura jeħtieġ li tmur id f’id mat-titjib tal-kwalità, l-affordabbiltà, u l-aċċessibbiltà tagħhom.

Il-kwalità tinkludi mhux biss l-infrastruttura u s-servizzi, iżda wkoll l-interazzjonijiet u r-relazzjonijiet umani bejn l-indokraturi u l-persuni li jirċievu l-kura.

Is-servizzi tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija iridu jkunu ta’ kwalità għolja, inklużivi, u mhux segregati biex iwasslu benefiċċji sħaħ għat-tfal kollha. Barra minn hekk, il-kwalità hija essenzjali biex tiżdied il-fiduċja tal-ġenituri fis-servizzi u biex jiġi żgurat li dawn is-servizzi jikkontribwixxu għal żvilupp emozzjonali u edukattiv tat-tfal li jkun san.

Kura fit-tul ta’ kwalità tippromwovi l-benesseri, id-dinjità u d-drittijiet fundamentali ta’ min jirċievi l-kura, inkluż billi tipprevjeni u ttaffi l-iżolament, is-solitudni u l-impatti fiżiċi u psikoloġiċi tagħhom. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, huma meħtieġa standards ta’ kwalità għolja. Għandhom japplikaw bl-istess mod għall-fornituri tal-kura pubbliċi u privati u għandhom ikunu sostnuti minn assigurazzjoni tal-kwalità b’saħħitha, mekkaniżmi ta’ infurzar, prattiki ta’ monitoraġġ u oqfsa tal-kwalità komprensivi li spiss ikunu neqsin. Ambjenti tal-kura innovattivi, bħal akkomodazzjoni kondiviża fejn persuni bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul jikkondividu servizzi ta’ appoġġ u tal-kura domestiċi, kif ukoll akkomodazzjoni adattata jew faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni multiġenerazzjonali, jistgħu jrawmu kuntatti u solidarjetà interġenerazzjonali filwaqt li jappoġġaw għajxien indipendenti u interazzjonijiet soċjali, b’impatt pożittiv fuq il-benesseri ta’ dawk li jeħtieġu l-kura u l-koeżjoni soċjali. Il-kuntesti tal-kura adattati għat-tibdil fil-klima jistgħu jipproteġu wkoll lill-persuni vulnerabbli, bħall-anzjani, minn kundizzjonijiet meteoroloġiċi diffiċli bħall-mewġiet ta’ sħana.

It-titjib tal-affordabbiltà tas-servizzi tal-kura jwassal għal aċċess aktar ġust għall-kura. Il-kostijiet għoljin huma wieħed mill-ostakli l-aktar sinifikanti għall-ġenituri li jirreġistraw lit-tfal tagħhom fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija. In-nuqqas ta’ affordabbiltà huwa wkoll sfida għall-kura fit-tul, peress li l-kopertura tal-protezzjoni soċjali għall-kura fit-tul hija inkonsistenti u ġeneralment limitata, u b’hekk il-kura ma tistax tintlaħaq għal ħafna nies. Madwar terz tal-unitajiet domestiċi bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul ma jużawx servizzi tal-kura fid-djar minħabba li ma jistgħux jaffordjawhom u ħafna persuni bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul u l-familji tagħhom jiffaċċjaw il-prospett ta’ kostijiet għoljin li jkollhom iħallsuhom huma stess. B’riżultat ta’ dan, ħafna huma f’riskju ta’ faqar fid-dħul u li jispiċċaw fi tbatija finanzjarja jekk jiżviluppaw ħtiġijiet ta’ kura fit-tul.

Li s-servizzi tal-kura jsiru aċċessibbli jfisser li l-persuni li jeħtieġu l-kura (u l-familji tagħhom) jiġu abilitati u jingħataw il-mezzi biex ikunu jistgħu tabilħaqq jagħmlu użu mis-servizzi disponibbli. Dan jista’ jirrikjedi l-adattament tal-faċilitajiet biex ikun jista’ jingħata aċċess fiżiku għall-persuni li jirċievu l-kura u għall-indokraturi li jkollhom diżabbiltà. L-azzjonijiet fil-qafas tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030 se jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità u tal-aċċessibbiltà tal-kura u għall-appoġġ ta’ għajxien u inklużjoni indipendenti fil-komunità. Barra minn hekk, li s-servizzi jsiru aċċessibbli jfisser li xejriet differenti tal-ħin tax-xogħol jistgħu jeħtieġu kura f’ħinijet atipiċi, eż. għall-ħaddiema bix-xift jew ta’ bil-lejl. Il-fatt li jkun hemm faċilitajiet tal-kura f’distanza raġonevoli u b’ħin ta’ vjaġġar faċli biex jiġu aċċessati s-servizzi tal-kura huwa wkoll fattur importanti. Li jkun hemm tali faċilitajiet fuq il-post tax-xogħol jew qrib tiegħu jista’ jnaqqas l-isfidi loġistiċi tal-ġenituri, b’mod partikolari għal kompiti li jeħtieġu preżenza fiżika. Fl-aħħar nett, il-proċessi ta’ reġistrazzjoni amministrattiva ineffiċjenti, inkluż fil-proċeduri tar-reġistrazzjoni online, ma għandhomx ikunu ta’ ostaklu għall-ġenituri li jkunu qed ifittxu li jirreġistraw lit-tfal tagħhom fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, inklużi l-familji f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Bl-istess mod, il-proċedura ta’ applikazzjoni kumplessa żżejjed għall-benefiċċji tista’ tkun sproporzjonata mal-ħin u mal-kapaċità tal-persuni li jeħtieġu kura biex ilaħħqu ma’ dan.

Iż-żoni rurali u remoti u r-reġjuni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni huma partikolarment affettwati min-nuqqas ta’ servizzi tal-kura disponibbli, kemm fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija kif ukoll fil-qasam tal-kura fit-tul, minħabba distanzi twal, jew minħabba opzjonijiet limitati tat-trasport pubbliku. L-aċċess għal u l-varjetà tal-opzjonijiet ta’ kura fit-tul mhumiex biżżejjed, u dan iqajjem tħassib dwar l-ekwità. L-għażla tradizzjonali tal-opzjonijiet ta’ kura kienet bejn il-kura informali (normalment ipprovduta minn membri tal-familja jew ħbieb, b’mod predominanti ħafna nisa) u l-faċilitajiet residenzjali. Opzjonijiet oħra bħall-kura fid-djar u l-kura bbażata fil-komunità, bdew jespandu, għalkemm mhux b’mod ugwali, fl-UE.

2.1. L-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija

Il-Prinċipju 11 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirrikonoxxi d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija li jkunu affordabbli u ta’ kwalità tajba. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal 6 tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għal u l-kwalità tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, u tħeġġiġhom jadottaw qafas ta’ kwalità. L-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal 7 u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal 8 jiffurmaw qafas ta’ politika tal-UE komprensiv ġdid għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kollha u għall-iżgurar ta’ aċċess għal servizzi bażiċi għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati. B’mod speċifiku, il-Garanzija Ewropea għat-Tfal għandha l-għan li tiżgura li t-tfal kollha fl-Ewropa f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali jkollhom aċċess liberu u effettiv għal edukazzjoni u indokrar fit-tfulija bikrija. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex dawn l-għanijiet jitqiegħdu fil-prattika.

Bħala parti mis-Semestru Ewropew, l-UE timmonitorja l-progress fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, ir-rabta bejn l-indokrar tat-tfal u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-progress fl-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari għal tfal ġejjin minn sfondi żvantaġġati. Din tappoġġa r-riformi u l-investiment tal-Istati Membri permezz tal-fondi tal-UE.

Fl-2002, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-miri ta’ Barċellona 9 , li għandhom l-għan li jneħħu d-diżinċentivi għan-nisa li jidħlu fis-suq tax-xogħol billi jżidu l-għoti tal-indokrar tat-tfal. Tul dawn l-aħħar 20 sena, sar progress konsiderevoli u bħala medja, il-miri inizjali ntlaħqu fil-livell tal-UE. Madankollu, għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri b’ħafna minnhom ma laħqux il-miri, b’mod partikolari għall-iżgħar grupp ta’ tfal u tfal minn sfondi żvantaġġati. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tirrevedi l-miri ta’ Barċellona biex tistabbilixxi miri ambizzjużi iżda realistiċi ġodda u biex tistimula konverġenza ’l fuq fl-UE kollha, biex b’hekk tiżgura progress realai fl-istati u r-reġjuni tal-Membri kollha.

Graff 1: Ir-rata ta’ reġistrazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija għat-tfal taħt it-3 snin (mira attwali 33 %, data tal-UE SILC 2019)

Graff 2: Ir-reġistrazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija għat-tfal li għandhom aktar minn 3 snin (mira attwali 90 %, data tal-UE SILC 2019)

Ir-reviżjoni propost tal-miri ta’ Barċellona jżid dimensjonijiet ġodda: 1) il-parteċipazzjoni tat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, u 2) l-intensità taż-żmien tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija (jiġifieri n-numru ta’ sigħat li persuna tattendi fil-ġimgħa).

Dawn l-aspetti l-ġodda huma partikolarment importanti għat-tfal f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jew minn sfondi żvantaġġati u għall-familji tagħhom. Dan jinkludi b’mod partikolari t-tfal b’diżabbiltà, it-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, it-tfal minn familji mingħajr dar, it-tfal Rom 10 u dawk minn gruppi ta’ minoranza, it-tfal li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni, it-tfal refuġjati u t-tfal li jkunu qed jaħarbu minn kunflitt armat. L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija huwa fl-aħjar interess tat-tfal f’termini tar-riżultati futuri tal-ħajja tagħhom, biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u biex jitkisser iċ-ċiklu ta’ żvantaġġ. Fl-istess ħin, l-ommijiet f’unitajiet domestiċi b’introjtu baxx jistgħu jiffaċċjaw ostakli akbar biex isibu impjieg jekk ikollhom livell baxx jew ħiliet jew esperjenza professjonali obsoleti. Dawn jistgħu jiffaċċjaw ukoll deterrenti biex (jerġgħu) jidħlu f’impjieg, bħal kostijiet relattivament għoljin għall-indokrar tat-tfal u diżinċentivi potenzjali mis-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa. Għalhekk, l-inkoraġġiment ta’ sehem ogħla ta’ tfal minn familji bi dħul baxx biex jattendu l-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija jista’ jkollu wkoll impatt ta’ benefiċċju fuq ir-ritorn tal-ommijiet tagħhom lejn ix-xogħol. 

L-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija għandhom jiġu pprovduti għal għadd suffiċjenti ta’ sigħat biex il-ġenituri, b’mod partikolari l-ommijiet, ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom b’mod sinifikanti f’xogħol bi ħlas. Intensità baxxa ħafna tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija ma twassalx għal rabta qawwija mas-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-progress fl-għoti tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija fl-Istati Membri jeħtieġ li jiġi vvalutat billi jitqiesu, kemm il-parteċipazzjoni ġenerali kif ukoll in-numru ta’ sigħat ta’ indokrar tat-tfal, peress li dawn jenfasizzaw aspetti differenti.

Mod wieħed kif jiġi żgurat għoti adegwat ta’ edukazzjoni u indokrar fit-tfulija bikrija huwa billi jiġi stabbilit intitolament legali għalihom, li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu post għal dawk it-tfal kollha li l-ġenituri tagħhom jitolbuh. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, tali intitolament legali jeżisti, iżda l-età tal-bidu tvarja b’mod sinifikanti. Idealment, ma għandu jkun hemm l-ebda distakk bejn it-tmiem tal-liv tal-familja mħallas b’mod adegwat u l-intitolament legali għal post fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija.

Ir-responsabbiltajiet ta’ kura għat-tfal ma jieqfux meta jidħlu fl-iskola primarja. Meta s-sigħat tax-xogħol tal-ġenituri ma jkunux kompatibbli mas-sigħat tal-iskola, il-kura barra mill-iskola affordabbli u ta’ kwalità għandha rwol importanti għat-tfal. Din tista’ tinkludi servizzi oħra ta’ appoġġ, bħall-għajnuna fil-homework, b’mod partikolari għat-tfal minn sfondi żvantaġġati. Barra minn hekk, it-tfal għandhom jikbru, jilagħbu u jissoċjalizzaw f’ambjenti li jippromwovu stil ta’ ħajja sana b’mod kumplessiv.

Flimkien ma’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni tressaq proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona, li tistieden lill-Istati Membri biex:

- jilħqu l-miri riveduti għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, sal-2030: mill-inqas 50 % tat-tfal taħt l-età ta’ tliet snin u mill-inqas 96 % tat-tfal mill-età ta’ 3 snin sal-età obbligatorja tal-iskola primarja għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, tal-aħħar f’konformità mal-mira taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni;

- jipprovdu għadd suffiċjenti ta’ sigħat tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija biex il-ġenituri jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom b’mod sinifikanti f’xogħol bi ħlas;

- inaqqsu d-distakk bejn l-attendenza fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija tat-tfal li jkunu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali u l-popolazzjoni ġenerali tat-tfal;

- jieħdu miżuri biex itejbu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija inklużiva għat-tfal kollha u jintroduċu intitolament legali għall-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, billi jqisu d-disponibbiltà u d-durata tal-liv tal-familja imħallas adegwatament;

- itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persunal fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, filwaqt li jieħdu miżuri biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u jnaqqsu d-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura.

 

Il-Kummissjoni se:

- tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi individwali tagħhom biex ifasslu u jimplimentaw riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija permezz tal-Qafas Strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, inkluż biex jiżguraw l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà, il-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni sodi. Se tkompli timmonitorja u tiggwida l-azzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam permezz tas-Semestru Ewropew b’analiżi u appoġġ immirati u billi tippromwovi u tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba, l-apprendiment reċiproku u attivitajiet tekniċi ta’ bini tal-kapaċità.

2.2. Il-kura fit-tul

Diversi strumenti u inizjattivi fil-livell tal-UE jipprovdu bażi għal viżjoni strateġika kondiviża għall-kura fit-tul fl-UE. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tirrikonoxxi d-drittijiet tal-persuni akbar fl-età li jgħixu ħajja ta’ dinjità u indipendenza u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali. Tħaddan id-dritt ta’ persuni b’diżabbiltajiet li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità. Il-Prinċipju 18 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jispjega d-dritt ta’ aċċess għall-kura fit-tul ta’ kwalità u affordabbli, b’mod partikolari l-kura fid-djar u s-servizzi bbażati fil-komunità. Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jilqgħu l-isfidi tal-kura fit-tul billi jwettqu ħidma analitika konġunta, jiskambjaw l-aħjar prattika u apprendiment reċiproku. Hija timmonitorja l-iżviluppi tal-politika matul is-Semestru Ewropew u tappoġġa r-riformi u l-investiment permezz tal-finanzjament tal-UE. 

Madankollu, hija meħtieġa azzjoni tal-UE aktar immirata biex tiġi stimulata r-riforma tal-politika. Is-servizzi tal-kura fit-tul spiss ma jkunux proporzjonati mal-ħtiġijiet, ma jkunux affordabbli u ma jirrispettawx livelli għoljin ta’ kwalità. Barra minn hekk, għad hemm sfidi sinifikanti fir-rigward tal-iżgurar tar-rispett tal-prinċipji tal-ugwaljanza, tal-libertà tal-għażla, tad-dritt għal għajxien indipendenti, u tal-projbizzjoni tal-forom kollha ta’ segregazzjoni għal persuni bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura huma diffiċli u l-pagi huma baxxi, u dan jispjega parzjalment n-nuqqas ta’ persunal fis-settur. Biex tgħin biex jingħelbu dawn id-dgħufijiet strutturali, il-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas ta’ politika komprensiv biex jiggwida l-investiment u r-riformi għall-kura fit-tul u diversi miżuri ta’ appoġġ addizzjonali.

Flimkien ma’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni tressaq proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kura fit-tul, li tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-isfidi komuni tal-kura fit-tul. B’mod partikolari, il-proposta għal rakkomandazzjoni:

- tħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-protezzjoni soċjali għall-kura fit-tul u jtejbu l-adegwatezza, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tal-kura fit-tul;

- tressaq sett ta’ prinċipji tal-kwalità u gwida dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, filwaqt li tibni fuq il-ħidma preċedenti tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali f’dan il-qasam;

- titlob azzjoni biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid fis-settur tal-kura, filwaqt li tenfasizza l-kontribut sinifikanti li sar minn indokraturi informali u l-ħtieġa tagħhom għal appoġġ;

- tistabbilixxi diversi prinċipji ta’ governanza tajba tal-politika u ta’ finanzjament sostenibbli.

Huwa meħtieġ approċċ strateġiku u integrat għall-kura. L-approċċi li huma ċċentrati fuq il-persuna u li jwasslu għal għajxien indipendenti spiss ikunu neqsin, aggravati minn integrazzjoni insuffiċjenti bejn il-kura fit-tul u l-kura tas-saħħa, jew bejn il-kura informali, il-kura fid-djar, il-kura fil-komunità u l-kura residenzjali. L-enfasi fuq il-persuna tinvolvi l-offerta ta’ għażla ta’ servizzi f’konformità mal-ħtiġijiet tal-persuni u t-titjib tat-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura fid-djar u s-servizzi bbażati fil-komunità. Is-servizzi tal-kura fit-tul li huma integrati b’mod tajjeb mal-kura tas-saħħa u li jipprovdu soluzzjonijiet tajbin ta’ kura, inkluż għall-persuni fil-kura palljativa, itejbu l-kwalità tal-ħajja u l-eżiti tas-saħħa u jistgħu jrawmu l-kosteffettività filwaqt li jgħinu biex jitnaqqas il-piż fuq l-isptarijiet u fuq faċilitajiet oħra tal-kura tas-saħħa. Assistenza esperta mmirata tista’ tgħin lill-Istati Membri jfasslu u jintroduċu approċċi ta’ kura integrata li jkunu ta’ benefiċċju kemm għas-sistemi tal-kura fit-tul kif ukoll għal dawk tal-kura tas-saħħa.

It-tranżizzjoni diġitali toffri wkoll diversi opportunitajiet. Għalkemm it-teknoloġija ma tistax u ma għandhiex tissostitwixxi l-interazzjoni umana, li tinsab fil-qalba tax-xogħol tal-kura, soluzzjonijiet diġitali innovattivi bħat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, it-teknoloġija assistiva, it-telekura, it-telesaħħa, l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika jistgħu jtejbu l-aċċess għal servizzi tal-kura affordabbli ta’ kwalità għolja u jgħinu l-għajxien indipendenti. Dawn għandhom ukoll il-potenzjal li jtejbu l-produttività tax-xogħol fis-settur billi jieħdu f’idejhom ċerti kompiti laborjużi jew ta’ periklu li jitwettqu minn indokraturi, itejbu l-ġestjoni tal-każijiet u s-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali fuq ix-xogħol, jgħinu fil-monitoraġġ mill-bogħod ta’ dawk li jirċievu l-kura u jiffaċilitaw it-taħriġ u r-reklutaġġ tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura. L-investimenti f’dawn it-teknoloġiji jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn investiment ukoll fil-ħiliet diġitali, it-tneħħija tal-ostakli għall-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà, u t-titjib tal-konnettività f’żoni rurali u remoti.

Il-Kummissjoni tappoġġa firxa wiesgħa ta’ riċerka u innovazzjoni dwar għodod diġitali għal għajxien attiv u san u dwar kura integrata u ċċentrata fuq il-persuna. Il-politiki Ewropej jippromwovu t-trasformazzjoni diġitali inkluża d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi permezz tad-Deċennju Diġitali Ewropew u s-servizzi pubbliċi diġitali li huma inklużivi u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. Il-proposta biex jiġi stabbilit Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa 11 għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-individwi biex jikkondividu d-data dwar is-saħħa tagħhom mal-fornituri tal-kura tal-għażla tagħhom għal twassil aħjar tal-kura tas-saħħa. Għalkemm jeżistu diversi prattiki ta’ suċċess u l-innovazzjoni f’dan is-settur qed tikber b’mod kostanti, iż-żieda fl-użu ta’ teknoloġija innovattiva u ta’ soluzzjonijiet diġitali għall-kura teħtieġ l-istabbiliment ta’ qafas abilitanti biex jgħin fit-trasferiment ta’ prattika tajba.

Ir-riformi ta’ politika jistgħu jiġu appoġġati wkoll b’kooperazzjoni internazzjonali. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-isfidi demografiċi poġġew il-kura fit-tul fuq quddiem nett fl-aġenda politika globali. L-għarfien espert disponibbli fuq livell internazzjonali jista’ jsaħħaħ l-iżvilupp tal-politika bbażata fuq l-evidenza wkoll fil-livell tal-UE. Il-“Global Call to Action for a human-centred recovery from the COVID-19 crisis that is inclusive, sustainable and resilient” tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-2021 enfasizzat l-opportunitajiet sinifikanti għal xogħol deċenti fl-ekonomija tal-kura. Din enfasizzat il-ħtieġa li jsir investiment fis-settur tal-kura, li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ riżorsi u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-ħidma tal-ILO fuq il-protezzjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura, inklużi l-ħaddiema domestiċi u l-indokraturi residenti, tipprovdi bażi analitika tajba tal-isfidi fis-settur madwar id-dinja u tal-istandards internazzjonali rilevanti. Il-kura integrata u l-kura fit-tul huma wkoll fil-qalba tal-azzjonijiet imnedija mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-qafas tad-Deċennju tat-Tixjiħ b’Saħħtu tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri tista’ tgħin biex jiżdied l-impatt ta’ dawn l-inizjattivi u biex l-UE tieħu rwol aktar prominenti fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi globali. Il-ħidma analitika mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), appoġġata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-kejl tal-effettività tal-protezzjoni soċjali, tista’ tgħin ukoll biex tiggwida t-tfassil ta’ politika b’saħħitha fiż-żieda tal-protezzjoni soċjali għall-kura fit-tul.

Il-Kummissjoni se:

- toffri appoġġ tekniku dirett mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku lill-Istati Membri fil-qafas ta’ proġett ewlieni ġdid “Lejn kura integrata ċċentrata fuq il-persuna”. Tali appoġġ għandu l-għan li jiffaċilita r-riformi f’konformità mal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura fit-tul ta’ kwalità għolja affordabbli. L-inizjattiva ewlenija se tgħin lill-Istati Membri, wara talba, biex ifasslu u jimplimentaw riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn is-saħħa, il-kura soċjali u l-kura fit-tul u l-integrazzjoni tal-livelli differenti tal-għoti tal-kura, billi tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru tas-servizzi biex tiżgura aċċess aħjar u kwalità aħjar tal-kura f’kull stadju tal-ħajja;

- tiffinanzja, fil-kuntest tas-sħubija li jmiss ta’ Orizzont Ewropa “It-Trasformazzjoni tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura”, ċentru ta’ għarfien għal teknoloġiji innovattivi u/jew soluzzjonijiet diġitali fl-għoti tal-kura tas-saħħa u tal-kura. Iċ-ċentru se jappoġġa l-valutazzjoni u t-trasferibbiltà ta’ prattiki tajbin u se jaġixxi bħala forum ta’ bini tal-komunità u ta’ skambju. Jikkomplementa dan, se jkun hemm disponibbli, fil-qafas tal-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-kura ċċentrata fuq il-persuna u għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali;

- ġiet stabbilita sħubija strateġika mad-WHO biex tipprovdi appoġġ speċifiku għall-pajjiż għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika għall-kura fit-tul ta’ kwalità għolja, inkluż permezz ta’ servizzi tal-kura integrata. Dawn se jiġu kkomplementati b’repożitorju b’aċċess miftuħ tal-għarfien u appoġġ għall-iskambji interdixxiplinarji tal-partijiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni tistieden:

- lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jisfruttaw il-potenzjal u jintegraw is-soluzzjonijiet diġitali meta jiġu biex ifasslu, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-politiki u l-finanzjament relatat għall-kura.

3. Is-settur tal-kura isir aktar reżiljenti u bbilanċjat bejn il-ġeneri

3.1. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura

Is-settur tal-kura għandu potenzjal kbir li joħloq aktar impjiegi, xprunat b’mod partikolari mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. Sal-2050 ikollhom jiżdiedu aktar minn 1,6 miljun ħaddiem fil-qasam tal-kura fit-tul biex tinżamm kopertura tal-kura fit-tul fl-istess livell. Sabiex iwieġeb għad-domanda dejjem akbar għall-kura, is-settur jeħtieġ mhux biss li jżomm il-persunal iżda wkoll li jattira aktar ħaddiema bil-ħiliet ix-xierqa.

Graff 3: L-għadd ta’ ħaddiema (ekwivalenti għal full-time) fil-qasam tal-kura fit-tul għal kull 100 persuna ta’ 65 sena +, 2019

Sors: Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE, 2019, f’: Barslund, M., et al., 2021.

Madankollu, in-nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE qed isir dejjem aktar prominenti, anke waqt l-irkupru tas-suq tax-xogħol ta’ wara l-pandemija. Dawn jirriflettu sfidi strutturali bħat-tixjiħ, it-tranżizzjoni doppja dwar id-diġitalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriżi klimatika, kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena f’xi setturi u okkupazzjonijiet, u nuqqasijiet ta’ ħiliet. Is-settur tal-kura huwa partikolarment affettwat minn nuqqasijiet ta’ ħaddiema minħabba kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ spiss diffiċli u pagi baxxi.

Peress li s-settur tal-kura huwa wieħed mill-aktar setturi segregati skont il-ġeneru, li jattira forza tax-xogħol aktar diversa, b’mod partikolari r-reklutaġġ ta’ aktar irġiel, jista’ jgħin biex titnaqqas is-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol u jiġu miġġielda l-isterjotipi tal-ġeneru fil-livelli kollha tal-kura. Filwaqt li l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi huwa ogħla f’żoni rurali, fejn il-popolazzjonijiet huma bħala medja akbar fl-età, in-nuqqasijet ta’ ħaddiema huma wkoll aktar evidenti hemmhekk, peress li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol hija aktar imnaqqsa u n-nisa, b’mod partikolari, għandhom it-tendenza li jitilqu 12 .

Kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi aħjar, appoġġati minn djalogu soċjali b’saħħtu, edukazzjoni u taħriġ, se jagħmlu l-impjiegi tal-kura aktar attraenti. Il-ħaddiema fil-qasam tal-kura fit-tul u tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, irrispettivament mit-tip ta’ impjieg jew jekk humiex impjegati jew jaħdmu għal rashom, inklużi dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi diġitali tax-xogħol. L-għoti ta’ opportunitajiet għall-żvilupp tal-karriera lill-ħaddiema fil-qasam tal-kura permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet jgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tas-settur għal xokkijiet mhux mistennija, bħall-pandemija tal-COVID-19, u jgħin lill-ħaddiema jagħmlu progress fil-karrieri tagħhom. Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar se jgħinu wkoll biex jattiraw aktar nies lejn il-professjoni, inkluż l-irġiel, u b’hekk itejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri fis-settur.

Il-ħaddiema fil-qasam tal-kura huma essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kura tas-soċjetà, iżda x-xogħol tagħhom huwa sottovalutat. Il-pandemija tal-COVID-19 uriet diskrepanza bejn il-livell ta’ paga u l-valur essenzjali tax-xogħol tal-kura. Paga baxxa tista’ tkun marbuta wkoll ma’ sterjotipi tal-ġeneru li jqisu l-ħiliet mhux vinkolanti meħtieġa għall-kura, bħall-komunikazzjoni, l-empatija jew il-kooperazzjoni, bħala ħiliet li jistgħu jiġu naturali għan-nisa u li ma humiex rikonoxxuti kif xieraq fil-valur ekonomiku tax-xogħol tagħhom 13 . L-isfidi relatati mal-affordabbiltà tal-kura jistgħu jeżerċitaw pressjoni ’l isfel fuq il-pagi. Minħabba l-proporzjon kbir ta’ nisa li jaħdmu fis-settur, iż-żieda fil-pagi tista’ tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-distakk bejn il-ġeneri fil-pagi, u għalhekk ukoll għad-disparità fil-pensjonijiet.

Is-settur tal-kura jeħtieġ proċessi ta’ djalogu soċjali aħjar fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Is-servizzi soċjali, inkluż l-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija u l-kura fit-tul, jirrappreżentaw settur ekonomiku kbir. Iżda, għal diversi raġunijiet, inkluża l-prevalenza ta’ impjieg irregolari f’dan is-settur, meded kbar ta’ forza tax-xogħol tal-kura fit-tul mhumiex irrappreżentati minn proċessi ta’ djalogu soċjali f’ħafna Stati Membri. Dan jista’ joħloq ċirku vizzjuż, b’kundizzjonijiet tax-xogħol mhux favorevoli u b’pagi baxxi li jirriżultaw f’rati għoljin ta’ dawran fost il-ħaddiema fil-qasam tal-kura, li min-naħa tiegħu jwassal għal rappreżentanza aktar baxxa tal-ħaddiema u għal nuqqas ta’ pressjoni biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Djalogu soċjali effettiv u negozjar kollettiv, inkluż fil-livell tal-UE, jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-kura.

Inizjattivi oħra tal-UE jikkontribwixxu għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura. L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 14 b’mod partikolari permezz tas-sħubijiet tal-Patt għall-Ħiliet, għandha potenzjal għoli biex tappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fis-settur tal-kura. Id-dritt tal-UE dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli 15 u pagi minimi jibbenefika lil indokraturi fl-UE kollha. Il-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-2021-2027 16 jistabbilixxi azzjonijiet biex jittejbu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali 17 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jestendu l-aċċess għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema f’forom mhux standard ta’ impjieg, inklużi persuni f’xogħol part-time. Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposti leġiżlattivi dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi 18 u t-tisħiħ tat-trasparenza fil-pagi 19 , li, meta jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, jistgħu jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fis-settur.

Madankollu, ir-rapporti riċenti u l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli fis-settur tal-kura fit-tul. Il-ħaddiema fil-qasam tal-kura huma esposti regolarment għal riskji għas-saħħa fiżika u għas-saħħa psikoloġika. Imġiba soċjali ta’ sfida, inkluż il-vjolenza verbali u dik fiżika, il-bullying u l-fastidju sesswali huma problemi frekwenti, b’mod partikolari għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura fit-tul. Kuntratti atipiċi u l-espansjoni kostanti tax-xogħol fuq il-pjattaformi għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti fis-settur tal-kura. Dan iġib sfidi, bħal ħaddiema li għandhom aċċess limitat għall-protezzjoni soċjali, għad-drittijiet tax-xogħol u għal saħħa u sikurezza okkupazzjonali adegwati. Hemm bżonn li jsir rieżami bir-reqqa tal-lakuni fl-infurzar fil-qafas legali tal-UE fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura fit-tul. Il-Konvenzjoni tal-ILO 190, flimkien mar-Rakkomandazzjoni 206 ta’ akkumpanjament, jipprovdu qafas internazzjonali għall-prevenzjoni, għar-rimedju u għall-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, minħabba li l-atturi tal-ekonomija soċjali huma fornituri importanti ta’ servizzi tal-kura fit-tul u tal-mudell ta’ governanza parteċipattiva tagħha, hemm lok għal riċerka aktar fil-fond dwar il-kontribut tal-ekonomija soċjali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura.

Il-ħaddiema domestiċi, li ħafna minnhom huma nisa u spiss bi sfond ta’ migrazzjoni, huma soġġetti għal xi wħud mill-iktar kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena fil-forza tax-xogħol tal-kura fit-tul. Dawn spiss jaħdmu b’mod mhux iddikjarat jew bħala persuni li jaħdmu għal rashom b’mod falz, jaqilgħu pagi baxxi ħafna, u xi drabi jiġu miċħuda mid-drittijiet bażiċi tax-xogħol, bħal perjodi ta’ mistrieħ adegwati u paga adegwata. Il-Konvenzjoni tal-ILO 189 tipprovdi standards għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti tal-ħaddiema domestiċi, inkluż l-indokraturi residenti, iżda r-ratifika għadha lura, bi tmien Stati Membri tal-UE biss li għamlu dan.

Il-Kummissjoni se:

- flimkien mas-sħab soċjali, tkompli tesplora l-modalitajiet għall-istabbiliment ta’ djalogu soċjali settorjali ġdid għas-servizzi soċjali fil-livell tal-UE;

- tipproponi appoġġ dejjem akbar għall-bini tal-kapaċità għad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali fis-settur tal-kura permezz ta’ sejħiet għal proposti għal djalogu soċjali u finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew Plus;

- tiffinanzja proġetti fil-kuntest tal-programm dwar iċ-Ċittadini, id-Drittijiet tal-Ugwaljanza u l-Valuri biex jiġu identifikati kriterji biex jiġi vvalutat il-valur soċjali u ekonomiku tax-xogħol f’setturi differenti, inkluż fis-settur tal-kura;

- tirrieżamina l-applikazzjoni tal-istandards tal-UE li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż għall-indokraturi residenti, f’kooperazzjoni mal-aġenziji deċentralizzati tal-UE. Ir-rieżami se jibni fuq l-analiżi li ġejja dwar is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għas-settur tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Is-sejbiet tar-rieżami se jikkontribwixxu għad-dibattiti u se jappoġġaw infurzar aħjar fil-livell nazzjonali, possibbilment appoġġati minn gwida dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura fit-tul;

- tuża l-possibbiltajiet kollha biex tiffinanzja r-riċerka fil-kuntest ta’ Orizzont Ewropa dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija soċjali, inkluż fis-settur tal-kura.

Il-Kummissjoni tistieden:

- lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali fil-livell tal-UE u nazzjonali biex irawmu djalogu soċjali effettiv u biex jikkonkludu ftehimiet kollettivi għas-settur tal-kura bl-objettiv li l-ħaddiema fil-qasam tal-kura jingħataw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u pagi adegwati;

- lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-lakuni fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-acquis tal-UE dwar il-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-kura u biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-ILO 189 dwar il-ħaddiema domestiċi. Tistieden ukoll lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex jifformalizzaw u jirregolaw is-sitwazzjoni speċifika tal-ħaddiema domestiċi u tal-indokraturi residenti;

- lill-Istati Membri biex jindirizzaw ir-riskji fuq il-post tax-xogħol relatati mal-vjolenza u l-fastidju fis-settur tal-kura u jadottaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO 190 dwar il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol.

Il-migrazzjoni legali tista’ tkun xprunatur ewlieni biex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ ħaddiema. Illum il-ġurnata, ħafna nies minn pajjiżi mhux tal-UE diġà qed jaħdmu fis-settur tal-kura. Iżda l-ħaddiema migranti fil-qasam tal-kura spiss jaħdmu f’kundizzjonijiet mhux iddikjarati jew prekarji. Il-komunikazzjoni “Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” 20 tenfasizza li perkorsi sostenibbli u legali għall-migrazzjoni minn pajjiżi mhux tal-UE biex jaħdmu fis-settur tal-kura jistgħu jipprovdu opportunità kemm għall-ħaddiema migranti fil-qasam tal-kura biex jibdew karriera fl-UE, kif ukoll għall-pajjiżi tal-UE biex jiġu megħjuna jissodisfaw id-domanda tagħhom għall-impjiegi. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jkunu siewja wkoll għal persuni li jaħarbu mill-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, speċjalment il-ħaddiema fil-qasam tal-kura b’esperjenza, li jixtiequ jfittxu impjieg waqt li jirrisjedu fl-UE. Hemm bżonn li jiġi vvalutat jekk u sa liema punt l-għodod tal-UE jistgħu jgħinu fit-titjib tal-ammissjoni ta’ ħaddiema migranti fil-qasam tal-kura fl-UE, għall-benefiċċju reċiproku tal-Istati Membri u l-pajjiżi ta’ oriġini kollha, filwaqt li jiġi żgurat ir-reklutaġġ etiku tal-migranti.

Opportunitajiet ta’ titjib u ta’ tiġdid tal-ħiliet se jtejbu l-attraenza u l-kwalità tax-xogħol tal-indokrar. Sabiex tinkiseb kwalità mtejba fl-għoti tal-kura kif ukoll biex jitnaqqas id-dawran tal-persunal, se jkun meħtieġ li jiġi żgurat li t-tipi kollha ta’ persunal tal-kura jkunu jistgħu jipparteċipaw kemm f’edukazzjoni u f’taħriġ inizjali ta’ kwalità għolja kif ukoll fi programmi ta’ żvilupp professjonali kontinwi matul il-karriera tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura fit-tul għandhom livell medju ta’ kwalifiki u l-ħiliet meħtieġa qegħdin jevolvu b’mod kostanti u qegħdin isiru dejjem aktar kumplessi. Is-settur jeħtieġ ħaddiema b’ħiliet personali, b’ħiliet diġitali u b’għarfien speċjalizzat (eż. dwar ċerti tipi ta’ mard bħall-marda tal-Alzheimer jew il-mard kroniku, jew dwar metodi dijanjostiċi u ta’ trattament, pereżempju permezz tat-telekura).

Il-Kummissjoni se:

- sa tmiem l-2022, tniedi studju li jimmappja l-kundizzjonijiet attwali ta’ ammissjoni u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura fit-tul minn pajjiżi mhux tal-UE fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-valur miżjud u l-fattibbiltà tal-iżvilupp ta’ skemi fil-livell tal-UE biex tattira ħaddiema fil-qasam tal-kura, filwaqt li tqis id-dimensjoni etika ta’ skemi bħal dawn, kif stabbilit fl-inizjattiva “Nattiraw il-Ħiliet u t-Talent lejn l-UE”. Sħubijiet tat-talent jistgħu jiġu żviluppati wkoll għal diversi setturi ekonomiċi, inkluż il-kura fit-tul, fuq bażi xprunata mid-domanda, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu r-riskji ta’ eżodu ta’ mħuħ;

- tippromwovi l-opportunitajiet disponibbli għall-persunal tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija fil-qafas tal-programmi Erasmus+ biex jiġu żviluppati kontinwament il-kompetenzi professjonali tagħhom permezz tat-tfassil ta’ programmi tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi u ta’ materjal ta’ appoġġ ġdid għall-apprendiment tat-tfal;

- tippromwovi l-istabbiliment ta’ sħubija dwar il-ħiliet skont il-Patt għall-Ħiliet għas-settur tal-kura fit-tul. Is-sħubija għandha tinkludi ħiliet diġitali u żvilupp ta’ kurrikuli korrispondenti tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, fil-kuntest tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u għandha tibni fuq sinerġiji ma’ sħubijiet fuq skala kbira f’setturi rilevanti (eż. il-kura tas-saħħa, il-prossimità u s-servizzi soċjali). Is-sejħiet fil-qafas tal-programm Erasmus+ se jappoġġaw il-kooperazzjoni settorjali dwar il-kura fit-tul (eż. Alleanza għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet);

- tieħu azzjoni speċifika dwar il-ħiliet diġitali fis-setturi tas-saħħa u tal-kura fil-qafas tal-programm Diġitali billi tniedi sejħiet għal proposti għal korsijiet tal-Masters u taħriġ għal żmien qasir u skont il-programm ta’ ħidma tal-UE għas-Saħħa billi tipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ għall-iżvilupp professjonali għall-ħaddiema tas-saħħa, inklużi l-infermiera;

- iġġib ’il quddiem l-intelliġenza dwar il-ħiliet dwar il-ħtiġijiet u x-xejriet attwali u futuri tal-ħiliet għas-settur tal-kura fit-tul, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-CEDEFOP. Din il-ħidma għandha tibni fuq l-Għodda għall-Analiżi tal-Ħiliett al-Postijiet tax-Xogħol Vakanti Online għall-Ewropa (Skills OVATE) u s-sett ta’ għodod għall-intelliġenza tas-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni tistieden:

- lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali fil-livell tal-UE u nazzjonali biex jieħdu azzjoni biex jiffaċilitaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema fil-qasam tal-kura, f’konformità mal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-azzjonijiet tagħha, b’mod partikolari l-Patt għall-Ħiliet.

3.2. Bilanċ aħjar bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-kura

Investiment fis-settur tal-kura jgħin biex jiġi żgurat li l-kura informali tkun għażla aktar milli ħtieġa. Il-kura tal-għeżież għandha valur soċjali u ekonomiku għoli. Pereżempju, il-valur tas-sigħat ta’ kura fit-tul ipprovduta minn indokraturi informali huwa stmat li huwa ta’ madwar 2.5 % tal-PDG tal-UE ogħla min-nefqa pubblika fuq il-kura fit-tul. Barra minn hekk, il-persuni b’responsabbiltajiet ta’ kura għandu jkollhom għażla dwar sa liema punt iridu jikkombinaw il-kura ma’ xogħol imħallas. Għalhekk, għandu jkollhom aċċess għal servizzi li jippermettulhom jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet ta’ kura tagħhom mal-ħajja professjonali tagħhom.

L-għoti tal-kura għandu konsegwenzi maġġuri għall-indokraturi informali, inkluż effetti negattivi fuq l-introjtu attwali u futur tagħhom u fuq is-saħħa mentali tagħhom. In-nisa jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-kura u dan spiss iwassal biex jadattaw ix-xejriet tax-xogħol tagħhom għar-responsabbiltajiet ta’ kura, inkluż billi jieħdu pawżi fil-karriera, jaħdmu part-time, jew jitilqu mis-suq tax-xogħol kompletament u qabel iż-żmien. Dan huwa partikolarment ta’ sfida għall-ġenituri waħedhom, bil-maġġoranza l-kbira jkunu nisa. Xi wħud jiffaċċjaw piż doppju ta’ kura tat-tfal u ta’ membri tal-familja dipendenti oħra fl-istess ħin. Qabel il-pandemija tal-2019, madwar terz (32.6 %) tan-nisa ta’ bejn il-25 u d-49 sena barra mill-forza tax-xogħol indikaw li r-responsabbiltajiet ta’ kura kienu r-raġuni ewlenija għaliex ma fittxewx impjieg, meta mqabbla ma’ 7.6 % tal-irġiel inattivi.

Is-servizzi tal-kura huma essenzjali biex jippermettu lin-nies jikkombinaw id-dmirijiet tax-xogħol u tal-kura, iżda mhumiex biżżejjed waħedhom. Din hija r-raġuni għaliex il-Prinċipju 9 tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li l-ġenituri u l-persuni b’responsabbiltajiet ta’ kura għandhom id-dritt għal liv xieraq, arranġamenti tax-xogħol flessibbli u li jkollhom aċċess għas-servizzi tal-kura. Miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandhom jgħinu lill-ħaddiema biex jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet ta’ kura tagħhom max-xogħol, filwaqt li l-benefiċċji għall-kura jistgħu jikkumpensaw parzjalment għas-sigħat ta’ kura pprovduti. Aċċess akbar għal liv speċjali u l-liv tal-familja u arranġamenti flessibbli tal-ħin tax-xogħol, bħal xogħol part-time, telexogħol u ħin flessibbli, jistgħu jgħinu lill-ħaddiema jtejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom.

Waħda mill-kawżi fundamentali tad-differenza fil-ħin iddedikat għax-xogħol ta’ indokrar mhux imħallas min-nisa u mill-irġiel hija l-kwistjoni ta’ sterjotipi dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tan-nisa u tal-irġiel fl-isferi privati u professjonali. Dan jista’ jiġi indirizzat biss billi jittieħed approċċ trasformattiv li għandu l-għan li jagħti valur mill-ġdid lix-xogħol ta’ indokrar u li jindirizza l-isterjotipi sabiex l-irġiel u n-nisa jitqiesu bħala ugwalment kapaċi li jindokraw, u li jkunu professjonisti jew mexxejja fis-settur tal-kura. 

Id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata 21 , li l-Istati Membri kellhom jittrasponu fil-liġi nazzjonali sa Awwissu 2022, trawwem kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura. Din tintroduċi drittijiet mhux trasferibbli għal-liv tal-familja u arranġamenti flessibbli għall-ħin tax-xogħol kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel. Hija mfassla speċifikament biex tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ dawn id-drittijiet mill-irġiel. Id-Direttiva tiddikjara wkoll li l-indokraturi li jeżerċitaw dawn id-drittijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod mhux favorevoli jew jiġu ddiskriminati fuq il-post tax-xogħol. Il-ħaddiema b’responsabbiltajiet ta’ kura jeħtieġ li jkunu konxji tad-drittijiet il-ġodda mogħtija mid-Direttiva u l-impjegaturi jeħtieġ li jiġu mħeġġin jistabbilixxu politiki favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata anke fid-dawl tal-adozzjoni ta’ arranġamenti ġodda ta’ (tele)xogħol xprunati miċ-ċirkostanzi tal-COVID-19. 

Il-Kummissjoni Ewropea - iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Impact on female employment of revising the Barcelona targets for childcare (GENDERMOD), Settembru 2022.

L-aċċess għal servizzi ta’ appoġġ adegwati u għal miżuri għal indokraturi informali bħal konsulenza, appoġġ psikoloġiku jew kura temporanja spiss ikun skars u irregolari. Ħafna indokraturi informali ma jirċevux taħriġ xieraq biex jieħdu ħsieb persuna dipendenti, u dan xi drabi jirriżulta f’sensazzjonijiet ta’ piż żejjed jew saħansitra fi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali (eż. eżawriment). Speċjalment għall-indokraturi informali akbar fl-età , ir-responsabbiltajiet ta’ kura jistgħu jkunu ta’ sfida u jaffettwaw l-għajxien san tagħhom stess. Hemm lok biex titrawwem prattika tajba fl-appoġġ tal-indokraturi informali, pereżempju billi jintuża l-għarfien espert tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Il-politiki biex tiġi fformalizzata l-indokrar informali, pereżempju permezz ta’ kuntratti ta’ servizzi mal-awtoritajiet pubbliċi, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-indokraturi informali u għad-dipendenti tagħhom u jgħinu fir-rikonoxximent u fil-valur tal-għoti tal-kura aħjar.

Il-Kummissjoni se:

- tissorvelja l-adozzjoni tad-drittijiet il-ġodda koperti mid-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja privata, inkluż permezz tal-qafas ta’ monitoraġġ imfassal mill-Kumitati tal-Impjiegi u l-Protezzjoni Soċjali dwar l-adozzjoni tal-liv tal-familja u arranġamenti flessibbli tal-ħin tax-xogħol min-nisa u mill-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ kura;

- tniedi kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet il-ġodda mogħtija mid-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata;

- tkopri l-kondiviżjoni mhux ugwali tax-xogħol ta’ indokrar mhux imħallas fil-kampanja ta’ komunikazzjoni tagħha li jmiss dwar il-ġlieda kontra l-isterjotipi tal-ġeneru;

- taħdem mal-EQUINET biex tidentifika miżuri biex jiġi indirizzat it-trattament possibbilment mhux favorevoli fl-Istati Membri ta’ ħaddiema li jieħdu liv tal-familja, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi tal-ugwaljanza u atturi oħra;

- tappoġġa skemi ta’ appoġġ li jippromwovu prattiki favur il-familja fil-kumpaniji, tinkoraġġixxi l-adozzjoni tad-drittijiet il-ġodda kemm min-nisa kif ukoll mill-irġiel u tippromwovi r-rwol tal-irġiel fir-responsabbiltajiet tal-kura u tal-familja fil-qafas tal-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri;

- tiffaċilita użu u sensibilizzazzjoni aħjar tal-għodod u l-materjali ta’ taħriġ tad-WHO dwar il-miżuri ta’ appoġġ disponibbli għall-indokraturi informali.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

- jiġġieldu kontra l-isterjotipi tal-ġeneru u jippromwovu kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel;

- ifasslu miżuri ta’ appoġġ għall-indokraturi informali, eż. konsulenza, appoġġ psikoloġiku, kura ta’ solliev u/jew appoġġ finanzjarju adegwat, li ma jiskoraġġixxux il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, flimkien ma’ politiki biex il-kura informali tiġi formalizzata.

4. L-investiment fil-kura

L-infiq pubbliku fuq il-kura jvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Dan jirrifletti approċċi differenti fir-rigward tal-organizzazzjoni, il-kwalità u l-ivvalutar tax-xogħol tal-indokrar u, fil-każ tal-kura fit-tul, ta’ piż varjabbli mogħti għall-għoti tal-kura formali kif ukoll informali.

Il-kura fit-tul hija mistennija li tkun l-aktar punt ta’ nefqa pubblika relatata mat-tixjiħ li se jiżdied bl-aktar rata mgħaġġla, li huwa mistenni li jiżdied għal 2,5 % tal-PDG sal-2050, b’varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri 22 .

L-appoġġ pubbliku għas-settur tal-kura huwa investiment soċjali li, b’mod parallel ma’ azzjoni dwar il-finanzjament sostenibbli, iġib miegħu redditi multipli għall-individwi, għas-soċjetà u għall-ekonomija. Iż-żieda fl-investiment fil-kura għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal u l-benesseri u d-dinjità tar-riċevituri tal-kura, tikkontribwixxi għall-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-ħolqien tal-impjiegi. Riċerka riċenti 23 turi li l-investiment fil-kura jista’ jiġġenera kontribuzzjonijiet addizzjonali tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali minn impjiegi maħluqa kif ukoll minn żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. B’mod ġenerali, id-dħul mit-taxxa minn żieda fl-introjtu u fl-impjiegi jiżdied, u dan inaqqas ir-rekwiżit ta’ finanzjament totali tal-miżuri tal-politika tal-kura minn 3 fil-mija tal-PDG (qabel it-taxxi) għal 2 fil-mija netti tal-PDG (wara t-taxxi) 24 . L-ILO tistma li r-rata li biha l-Istati Membri jistgħu jirkupraw l-investimenti fis-settur tal-kura hija bħala medja madwar 55 %, b’mod partikolari skont l-ammont ta’ investiment meħtieġ, id-domanda għax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat u l- livell ta’ tassazzjoni.

L-isfruttament tal-potenzjal tal-miżuri ta’ intervent bikri u ta’ prevenzjoni jista’ jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà fiskali tal-baġits pubbliċi. Il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard, il-kura tas-saħħa f’waqtha u ta’ kwalità tajba kif ukoll il-politiki dwar l-għajxien san għandhom potenzjal kbir li jipposponu jew li jnaqqsu l-ħtieġa għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul filwaqt li jippermettu t-tixjiħ fid-dar għal kemm jista’ jkun żmien.

Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ investiment fil-kura fit-tul u fil-prevenzjoni jirriskja li jibdel il-kostijiet għall-pensjonijiet, għall-assistenza soċjali u għall-baġits tal-kura tas-saħħa. L-inizjattiva Healthier Together u l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer jindirizzaw il-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta’ mard li ma jitteħidx, biex jiġi żgurat li l-pazjenti jkunu jistgħu jgħixu ħajja twila u sodisfaċenti u li jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji u l-indokraturi.

Is-sostenibbiltà fiskali tas-servizzi tal-kura tista’ tittejjeb billi tiġi żgurata l-kosteffettività tagħhom. Il-kosteffettività tista’ tittejjeb permezz tal-ħolqien ta’ qafas ta’ governanza koerenti u integrat, tal-monitoraġġ kontinwu u billi jkun żgurat li r-riżorsi disponibbli huma mmirati b’mod tajjeb filwaqt li, fir-rigward tal-kura fit-tul, permezz tal-appoġġ għall-għajxien indipendenti u bit-tqabbil tas-servizzi mal-ħtiġijiet tal-individwu. Il-kisba ta’ dan tista’ tibbenefika mill-immappjar tal-infrastruttura u tas-servizzi disponibbli u mill-istabbiliment ta’ analiżi tal-lakuni, filwaqt li jitqiesu l-inugwaljanzi territorjali u l-isfidi demografiċi. Soluzzjonijiet ta’ kura innovattivi u integrati u l-użu etiku ta’ teknoloġiji ġodda fil-kura jistgħu jgħinu wkoll biex tittejjeb is-sostenibbiltà fiskali tas-sistemi tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa.

Il-fornituri tal-kura jeħtieġu mekkaniżmi ta’ finanzjament stabbli u sostenibbli u jeħtieġu ambjenti regolatorji ċari u abilitanti. Minħabba l-funzjoni soċjali ċara tagħhom, is-servizzi tal-kura fit-tul huma ġid pubbliku. Meta jiġu pprovduti minn awtoritajiet u minn assoċjazzjonijiet pubbliċi, is-servizzi tal-kura fit-tul huma primarjament meqjusa bħala servizzi soċjali ta’ interess ġenerali. Kemm l-investimenti pubbliċi kif ukoll dawk privati fil-kura fit-tul għandhom isiru f’ambjent regolatorju ċar, bi standards ta’ kwalità għolja, li jqis il-valur soċjali tas-servizzi tal-kura u l-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuni li jeħtieġu kura u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u pagi għall-persunal tal-kura. Appoġġ aktar b’saħħtu għall-fornituri tal-kura reġjonali u lokali jista’ joħloq l-impjiegi u jagħti s-setgħa lill-komunitajiet lokali.

L-atturi tal-ekonomija soċjali jġibu valur miżjud għall-għoti ta’ servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja minħabba l-approċċ tagħhom iċċentrat fuq il-persuna u l-investiment mill-ġdid tal-profitti fil-missjoni u fil-komunitajiet lokali tagħhom. Kif mitlub fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali 25 , l-oqfsa ta’ politika u legali għandhom joħolqu l-ambjent xieraq għall-ekonomija soċjali biex jiġi ottimizzat il-kontribut tagħha għas-servizzi tal-kura. L-użu sistematiku ta’ akkwist pubbliku soċjalment responsabbli jista’ jagħti spinta lill-potenzjal tal-ekonomija soċjali biex tikkontribwixxi għal standards ta’ kwalità għolja fil-kura u biex tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Ir-rapport li jmiss tal-grupp ta’ livell għoli dwar il-futur tal-protezzjoni soċjali u tal-istati soċjali fl-UE se jipprovdi għarfien ulterjuri dwar il-finanzjament sostenibbli u r-rwol tas-servizzi soċjali fl-istati soċjali.

Hemm bżonn li jiżdied l-investiment pubbliku u privat fil-livell nazzjonali, u l-finanzjament tal-UE jista’ jikkomplementa dan. L-Istati Membri jistgħu jisfruttaw opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), inkluż il-fergħa tiegħu għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-programmi Orizzont Ewropa jew Ewropa Diġitali. Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tista’ tiffinanzja riformi u investimenti eliġibbli fil-kuntest tal-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19. L-istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jappoġġa wkoll ir-riformi u l-investiment. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom isegwu politiki li jwasslu għall-finanzjament sostenibbli tas-servizzi tal-kura li jkunu koerenti mas-sostenibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi.

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) appoġġa diversi azzjonijiet relatati mal-kura fit-tul li jvarjaw mit-tiġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, l-espansjoni tal-aċċess u l-kopertura, l-appoġġ tas-servizzi tal-kura integrata u tal-għajxien indipendenti, għal tixjiħ attiv u san. Ir-riżorsi tal-FSE ġew allokati wkoll għal proġetti fil-livell reġjonali u lokali biex itejbu l-għoti tal-indokrar tat-tfal, biex jindirizzaw il-lakuni esperjenzati minn tfal żvantaġġati, biex jgħinu lill-ġenituri jaċċessaw is-suq tax-xogħol u biex jagħmlu sforzi biex jindirizzaw id-disparitajiet fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa.

Il-programmazzjoni għall-perjodu 2021-2027 għadha għaddejja, u l-aċċess għall-FEŻR u għall-FSE+ huwa kondizzjonali fuq l-eżistenza tal-oqfsa ta’ politika strateġika nazzjonali jew reġjonali għas-saħħa u għall-kura fit-tul.

Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal tipprovdi lill-Istati Membri b’opportunità li jingranaw il-finanzjament tal-FSE+ biex jissaħħaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija. Tista’ tintuża wkoll biex tappoġġa l-kwalità tal-għoti f’ambjenti formali u informali, u biex tittejjeb l-inklużjoni tat-tfal b’diżabbiltà, tat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, u tat-tfal minn komunitajiet emarġinati.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), ibbażat fuq l-evidenza u l-fatti rilevanti deskritti fil-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni rurali, jipprovdi wkoll il-possibbiltà għall-Istati Membri li jappoġġaw l-indokrar tat-tfal rurali u l-kura fit-tul.

Filwaqt li l-għan ewlieni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa li jappoġġa l-investiment għall-mitigazzjoni tal-impatt tat-tranżizzjoni klimatika, fejn ikun debitament ġustifikat, il-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta jista’ jkun fihom attivitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali inkluż, investimenti fl-infrastruttura għall-finijiet ta’ ċentri ta’ taħriġ, faċilitajiet għall-indokrar tat-tfal u għall-kura fit-tul kif indikat fi pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tipprovdi lill-Istati Membri b’opportunitajiet sinifikanti biex jiffinanzjaw ir-riformi u l-investimenti fir-reżiljenza soċjali. Għadd kbir ta’ Stati Membri 26 mmobilizzaw l-RRF għas-settur tal-kura fit-tul. Eżempji ta’ riformi skont il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) jinkludu t-tisħiħ tas-sistema tal-kura fit-tul u l-promozzjoni ta’ bidla fil-mudell tal-appoġġ u l-kura fit-tul, iż-żieda fir-riżorsi umani u fil-kapaċità tal-infrastruttura għall-għoti ta’ servizzi tal-kura fit-tul, it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-professjonisti tal-kura fit-tul. Riformi addizzjonali huma mistennija wkoll li jtejbu l-għoti tal-kura fit-tul billi jimmodernizzaw jew jespandu s-servizzi soċjali, inklużi s-servizzi bbażati fil-komunità, u billi jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistemi tal-kura fit-tul. Mill-25 pjan adottati mill-20 ta’ Lulju 2022 fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, 12 minnhom jinkludu riformi u investimenti fil-qasam tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, li jammontaw għal madwar EUR 7,9 biljun 27 . Dawk l-investimenti huma mistennija li jżidu r-rati ta’ parteċipazzjoni, b’mod partikolari fost il-gruppi żvantaġġati, u b’hekk inaqqsu l-inugwaljanzi. Dawn il-miżuri huma appoġġati wkoll minn riformi li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess, l-inklużività u l-kwalità tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija.

 Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

- jiżguraw finanzjament u investimenti adegwati u sostenibbli f’sistemi tal-kura ta’ kwalità għolja, inkluż billi:

- l-insegwiment ta’ politiki li jwasslu għall-finanzjament sostenibbli tas-servizzi tal-kura li huma koerenti mas-sostenibbiltà ġenerali tal-finanzi pubbliċi;

- il-promozzjoni ta’ investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati fis-servizzi tal-kura, filwaqt li jiġi żgurat ambjent regolatorju ċar li jqis il-valur soċjali tas-servizzi tal-kura u l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-persuni;

- jużaw finanzjament eżistenti tal-UE biex jittejjeb l-aċċess ugwali għall-kura fit-tul ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari l-kura bbażata fil-komunità u l-kura fid-djar;

- jużaw finanzjament eżistenti tal-UE biex jiġi żgurat aċċess ugwali għal servizzi inklużivi u ta’ kwalità fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, inkluż fuq il-postijiet tax-xogħol tal-ġenituri, għat-tfal kollha, b’mod partikolari għat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali u għal gruppi emarġinati bħar-Rom, għat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni, għat-tfal b’diżabbiltà, u għat-tfal imċaħħda mill-kura tal-ġenituri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-garanzija ta’ aċċess liberu u effettiv tat-tfal f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali għall-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, kif deskritt fil-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

5. It-titjib tal-bażi tal-evidenza u l-monitoraġġ tal-progress

Data affidabbli u komparabbli hija essenzjali għall-monitoraġġ tal-progress u għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza. Dan jinkludi l-iżgurar ta’ livell suffiċjenti ta’ dettall fid-data ta’ referenza dwar il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, eż. permezz ta’ diżaggregazzjoni skont gruppi speċifiċi jew kategoriji tal-età. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-bażi tal-evidenza jeħtieġ data aħjar dwar it-tip u l-konsegwenzi tal-għoti tal-kura informali, jiġifieri biex jiġu identifikati l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol u l-adozzjoni tal-liv tal-familja.

Minkejja xi progress fil-bini ta’ indikaturi komuni tal-kura fit-tul dwar l-aċċess u l-finanzjament, l-istatistika dwar il-kura fit-tul għadha sottożviluppata. Din ma tinkludix data amministrattiva komparabbli, pereżempju dwar in-nefqa u l-għoti tal-kura. Għalhekk, hemm bżonn ta’ aktar ħidma biex jiġi żviluppat u armonizzat il-ġbir tad-data fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, it-teħid ta’ approċċ rigoruż u sistematiku għall-projezzjoni tal-ħtiġijiet nazzjonali li qed jevolvu għall-kura fit-tul se jgħin lill-Istati Membri biex jippjanaw minn qabel. Minkejja li l-evidenza tal-aċċess għall-kura hija aktar diffiċli fiż-żoni rurali u remoti, id-data dwar l-inugwaljanzi territorjali fl-għoti tal-kura fit-tul hija skarsa; hemm bżonn ta’ aktar evidenza dwar il-kawżi ewlenin ta’ dawn l-inugwaljanzi u dwar reazzjonijiet effettivi ta’ politika.

Il-Kummissjoni se:

- taħdem biex ittejjeb il-ġbir u l-analiżi tad-data relatata mal-kura, b’mod partikolari billi żżid ir-rapportar dwar il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Se żżid ukoll il-kooperazzjoni strateġika ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD u l-ILO, u l-iskambji mal-aġenziji tal-UE, jiġifieri l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-Eurofound. Fejn ikun fattibbli u rilevanti, id-data għandha tiġi diżaggregata skont is-sess, l-età, id-diżabbiltà u l-isfond etniku;

- b’kontribut min-network Eurydice tal-EACEA u mill-EIGE, se timmonitorja l-progress u l-ħidma biex jiġu żviluppati u analizzati indikaturi li jsegwu l-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija. Din il-ħidma se tibni fuq il-ħidma li diġà saret b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjonijiet dwar Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal u l-Garanzija għat-Tfal;

- se toħloq task force dwar l-istatistika tal-kura fit-tul biex tittejjeb il-bażi tal-evidenza għall-kura fit-tul. Din il-ħidma se tgħin fil-monitoraġġ u fl-iżvilupp ta’ indikaturi komuni tal-UE dwar il-kura fit-tul, maqbula mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali;

- tiżviluppa projezzjonijiet dettaljati dwar id-domanda għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul fl-UE (filwaqt li tibni fuq projezzjonijiet tal-popolazzjoni fit-tul disponibbli fil-livelli nazzjonali u reġjonali), biex jgħinu fl-ippjanar tar-riżorsi;

- tiffinanzja r-riċerka permezz ta’ sejħa għal proposti fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa dwar l-indirizzar tal-inugwaljanzi territorjali fil-kura u r-riċerka fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-kura integrata, inklużi għodod diġitali u telekura;

- tappoġġa lill-Istati Membri fil-kondiviżjoni tal-evidenza dwar l-għoti tal-kura fiż-żoni rurali permezz tal-Osservatorju Rurali stabbilit skont il-Pjan ta’ Azzjoni Rurali 28 u n-network tal-politika agrikola komuni.

Il-Kummissjoni tistieden:

- lill-aġenziji tal-Unjoni, bħall-EIGE, biex jiġbru d-data b’mod regolari, jiżviluppaw indikaturi u jwettqu analiżi dwar id-distakk bejn il-ġeneri fl-għoti tal-kura, id-distakk bejn il-ġeneri fil-pagi, u l-użu tal-ħin f’xogħol imħallas u mhux imħallas, f’attivitajiet individwali u soċjali min-nisa u mill-irġiel b’responsabbiltajiet ta’ kura u dwar arranġamenti ta’ xogħol matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

- lill-Istati Membri biex jiġbru data, imqassma skont il-ġeneru, l-età u aspetti oħra tal-użu tal-ħin (preferibbilment permezz ta’ stħarriġ dwar l-użu tal-ħin imwettaq fil-kuntest ta’ Stħarriġiet Ewropej Armonizzati dwar l-Użu tal-Ħin), dwar l-użu tal-liv tal-familja u dwar arranġamenti flessibbli dwar il-ħin tax-xogħol.

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija Ewropea għall-kura teħtieġ impenn kondiviż tal-partijiet ikkonċernati kollha. Fit-tmexxija ’l quddiem ta’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni se taħdem fi sħubija mill-qrib ma’ istituzzjonijiet u ma’ korpi oħra tal-UE, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, l-Istati Membri, is-sħab soċjali, l-atturi tal-ekonomija soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra.

Il-Kummissjoni se:

- tissorvelja l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija u tal-politiki tal-kura fit-tul, se tivvaluta l-progress lejn il-miri ta’ Barċellona fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew, u se tqis l-avvanz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fejn xieraq;

- tespandi l-opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkondividu l-esperjenza tagħhom u jitgħallmu minn xulxin, permezz ta’ programmi ta’ apprendiment reċiproku dwar id-dimensjonijiet kollha tal-kura.

Il-Kummissjoni tistieden:

- lill-Istati Membri biex joħolqu l-kundizzjonijiet biex jippermettu lill-fornituri tal-kura, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi tal-ekonomija soċjali biex ikollhom rwol attiv fit-tfassil u fl-għoti ta’ servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja u fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur u jappoġġaw l-isforzi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jinvestu fis-servizzi tal-kura;

- lill-Istati Membri biex jaqblu u jimplimentaw malajr ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill proposti dwar ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona dwar l-edukazzjoni u l-indokrar fit-tfulija bikrija u dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja.

6. Konklużjoni

Il-mod kif nagħtu valur lill-kura għandu jirrifletti l-mod kif aħna rridu li t-tfal, il-persuni akbar fl-età, il-persuni b’diżabbiltà u l-indokraturi jiġu vvalutati.

Din l-istrateġija hija l-pedament tal-approċċ tal-UE għall-politiki soċjali biex tgħin fl-adattament għat-tibdil demografiku, fl-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri persistenti u inugwaljanzi oħra, fl-isfruttament tal-potenzjal tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u fiż-żieda tar-reżiljenza għal xokkijiet esterni sinifikanti. Hija mfassla biex tkun ta’ benefiċċju għan-nies fil-bżonn tal-kura f’kull età billi ttejjeb l-aċċess tagħhom għal kura affordabbli, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja. Tikkonċerna l-għajxien b’dinjità, iż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-ebda persuna ma titħalla lura u tipprovdi opportunitajiet għal ħajja u għal prospetti ta’ karriera aħjar, li huma s-sinsla tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna.

It-titjib tas-settur tal-kura jgħin biex jiġi żgurat li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw fix-xogħol u fis-soċjetà fuq l-istess livell, filwaqt li jieħdu ħsieb l-għeżież tagħhom. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-ħaddiema fil-qasam tal-kura jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, li għandu jagħmel lis-settur aktar reżiljenti u attraenti u jgħin biex jinħolqu impjiegi ġodda biex tiġi ssodisfata ż-żieda fid-domanda.

Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lis-soċjetà ċivili, lis-sħab soċjali, u lil partijiet ikkonċernati oħra biex japprovaw din l-istrateġija u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha.

(1)

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-15 ta’ Settembru 2021.

(2)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (SWD(2022) 441) jipprovdi evidenza li tirfed l-isfidi ewlenin fis-settur kif ukoll eżempji speċifiċi ta’ kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi, ispirati minn miżuri meħuda fl-Istati Membri tal-UE.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2022 lejn azzjoni Ewropea komuni dwar il-kura (2021/2253(INI)).

(4)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2022) 440.

(5)

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa — Rapport dwar l-eżitu finali, Mejju 2022, Proposta 15.

(6)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 May 2019, ĠU C 189, 5.6.2019.

(7)

COM(2021)142 final

(8)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 ĠU C 223, 22.6.21.

(9)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona, 15 u 16 ta’ Marzu 2002. (2002), SN 100/1/02 REV 1 

(10)

COM(2020) 620 final, 7.10.2020, ĠU 2021C 93/01.

(11)

COM(2022) 197 final

(12)

Ara SWD(2021) 167final

(13)

Ara SWD(2021) 41 final.

(14)

COM/2020/274 final.

(15)

Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-20.06.2019.

(16)

COM/2021/323 final.

(17)

2019/C 387/01.

(18)

Ara COM/2021/762 final.

(19)

Ara COM/2021/93 final.

(20)

COM/2022/657 final.

(21)

Id-Direttiva (UE) 2019/1158, ĠU 2019, L 188.

(22)

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, 2021, The 2021 Ageing Report – Economic and budgetary projections for the 27 EU Member States (2019-2070).

(23)

Rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) – Care at work – Investing in care leave and services for a more gender equal world of work, 2022.

(24)

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-xogħol (ILO). 2022. Simulatur tal-Investiment tal-Politika tal-Kura tal-ILO (Ġinevra, għad irid joħroġ).

(25)

COM/2021/778 final.

(26)

Ara SWD(2022) 441.

(27)

AT, BE, CY, CZ, DE, EL, ES, HR, IT, LT, RO, SK.

(28)

 COM (2021) 345 final.

Top