EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0052

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli

COM/2022/52 final

Brussell, 17.2.2022

COM(2022) 52 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli



I.    Introduzzjoni

Fl-2017 l-Unjoni Ewropea (UE) adottat ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli 1 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-UE”). Ir-Regolament tal-UE daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2017 u r-rekwiżiti ewlenin tiegħu japplikaw għall-importaturi tal-UE mill-1 ta’ Jannar 2021.

Ir-Regolament tal-UE jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista (“sistema tal-Unjoni”) sabiex irażżan l-opportunitajiet għall-gruppi armati u l-forzi tas-sigurtà għal kummerċ fil-landa, tantalu u tungstenu, minerali tagħhom, u deheb. Huwa mfassal biex jipprovdi trasparenza u ċertezza fejn jidħlu l-prattiki tal-provvista ta’ importaturi tal-Unjoni, u ta’ funderiji u raffineriji bi provenjenza f’żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli. Fl-Artikolu 19(2) tiegħu, ir-Regolament tal-UE jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati fir-rigward ta’: (1) l-istabbiliment u l-emendar tal-limiti tal-volum tal-importazzjoni ta’ minerali u metalli, u (2) l-istabbiliment tal-metodoloġija u l-kriterji għar-rikonoxximent ta’ skemi ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista.

Ir-Regolament tal-UE jistabbilixxi obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista f’konformità mal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta 2 inkluż l-Anness II tagħha. Dawn l-obbligi japplikaw għall-importaturi tal-Unjoni ta’ minerali u metalli kif stabbilit fl-Anness I tar-Regolament tal-UE. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-Unjoni, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness I billi jiġu stabbiliti u emendati l-limiti tal-volum ta’ minerali u metalli.

Ir-Regolament tal-UE jistipula wkoll li s-sidien ta’ skemi ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista jistgħu japplikaw mal-Kummissjoni biex l-iskemi tagħhom jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-UE. Skemi bħal dawn jenħtieġ li jiġu allinjati mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-iskemi ta’ diliġenza dovuta li jistgħu jiġu rikonoxxuti skont ir-Regolament tal-UE, il-Kummissjoni hija ddelegata bis-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istabbiliment tal-metodoloġija u l-kriterji għal dik il-valutazzjoni għar-rikonoxximent.

II.    Bażi Ġuridika

F’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fir-rigward tar-rispett tad-delega tas-setgħa.

III.    Tħaddim tad-delega

Ir-Regolament tal-UE, permezz tal-Artikolu 19(2) tiegħu, jikkonferixxi setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta d-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-Regolament:

-fir-rigward tal-emenda tal-Anness I, billi jiġu stabbiliti l-limiti tal-volum għal minerali u konċentrati tat-tantalu jew tan-nijobju, minerali u konċentrati tad-deheb, ossidi u idrossidi tal-landa, tantalati u karburi tat-tantalu, sal-1 ta’ April 2020, jekk fattibbli, iżda mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2020 (l-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-UE);

-fir-rigward tal-emenda tal-limiti eżistenti elenkati fl-Anness I kull tliet snin wara l-1 ta’ Jannar 2021 (l-Artikolu 1(5) tar-Regolament UE);

-fir-rigward tas-supplimentar ta’ dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti l-metodoloġija u l-kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta jekk l-iskemi ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista jiffaċilitawx l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mill-operaturi ekonomiċi u għaldaqstant jippermettu lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-iskemi (l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-UE).

Il-Kummissjoni adottat żewġ (2) atti delegati bbażati fuq ir-Regolament UE kif ġej:

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/429 tal-11 ta’ Jannar 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metodoloġija u l-kriterji għall-valutazzjoni u r-rikonoxximent ta’ skemi ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista li jikkonċernaw il-landa, it-tantalu, it-tungstenu u d-deheb 3

-Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1588 tal-25 ta’ Ġunju 2020 li jemenda l-Anness I għar-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi limiti ta’ volum għal minerali u konċentrati tat-tantalju jew nijobju, minerali u konċentrati tad-deheb, ossidi u idrossidi tal-landa, tantalati, u karburi tat-tantalju. 4

L-atti delegati biex jemendaw il-limiti eżistenti elenkati fl-Anness I tar-Regolament tal-UE sa issa għadhom ma ġewx adottati, peress li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadottahom kull tliet snin wara l-1 ta’ Jannar 2021, skont l-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-UE.

IV.    Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport fil-kuntest tal-eżerċitar kif suppost min-naħa tal-Kummissjoni tas-setgħat delegati mir-Regolament tal-UE.

(1)

ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

(2)

  http://www.oecd.org/daf/inv/mne/mining.htm  

(3)

ĠU L 75, 19.3.2019, p. 59.

(4)

ĠU L 360, 30.10.2020, p. 1.

Top