Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AT40127(02)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Novembru 2021 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.40127 – Canned vegetables) (notifikat bid-dokument Nru C(2021)8259 final) (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 2022/C 412/05

C/2021/8259

ĠU C 412, 27.10.2022, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 412/6


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tad-19 ta’ Novembru 2021

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(Il-Każ AT.40127 – Canned vegetables)

(notifikat bid-dokument Nru C(2021)8259 final)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 412/05)

Fid-19 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda każ ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-entitajiet legali li ġejjin (imsejħa kollettivament bħala “destinatarji”): Conserve Italia Soc. coop. agricola (“Conserve Italia SCA”) u Conserves France S.A. (“Conserves France”) (flimkien, “Conserve Italia”). L-indirizzi jiffurmaw parti mill-grupp Conserve Italia.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(3)

Wara applikazzjoni għall-immunità f’Ġunju 2013 minn produttur tal-ħxejjex fil-laned mhux indirizzat mid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għall-għarrieda mill-1 ta’ Ottubru sal-4 ta’ Ottubru 2013 fil-bini ta’ Conserve Italia u produtturi oħra tal-ħxejjex fil-laned. Fis-17 ta’ Ottubru 2013, Conserve Italia talbet l-immunità mill-multi skont il-punt (14) tal-Avviż ta’ Klemenza jew, bħala alternattiva, tnaqqis tal-multa skont il-punt (27) tal-Avviż ta’ Klemenza (2).

(4)

Fis-17 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bdiet proċeduri skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (3) kontra Conserve Italia u produtturi oħra tal-ħaxix fil-laned (“il-partijiet”) bil-għan li jinbdew diskussjonijiet ta’ riżolviment magħhom skont l-Avviz ta’ Riżolviment (4). Id-diskussjonijiet ta’ riżolviment mal-partijiet saru bejn Marzu 2017 u Ġunju 2019. Sussegwentement, il-partijiet minbarra Conserve Italia, ippreżentaw kull waħda minnhom, talba formali għal riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) No773/2004.

(5)

Fid-dawl li Conserve Italia għażlet li ma tippreżentax talba formali għal riżolviment, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni dwar l-imġiba ta’ Conserve Italia skont il-proċedura standard.

(6)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-Qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fis-17 ta’ Novembru 2021 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontra Conserve Italia fid-19 ta’ Novembru 2021.

2.2.   Sommarju tal-każ ta’ ksur

(7)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna każ ta’ ksur relatat mal-bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ ħxejjex fil-laned lill-bejjiegħa bl-imnut u/jew lill-industrija tas-servizzi tal-ikel.

(8)

Il-każ ta’ ksur uniku u kontinwu kien jikkonċerna tliet ftehimiet orizzontali relatati mill-qrib li permezz tagħhom Conserve Italia u l-produtturi l-oħra tal-ħaxix fil-laned involvew koordinazzjoni tal-imġiba kummerċjali tagħhom fis-suq: (i) ftehim li jkopri bejgħ b’tikketta privata (li jinbiegħ bil-marki tad-ditta tal-bejjiegħa bl-imnut) ta’ ħxejjex fil-laned bħal fażola ħadra, piżelli, taħlita ta’ piżelli u karrotti, u taħlita ta’ ħaxix (5) lil bejjiegħa bl-imnut fiż-ŻEE, b’mod partikolari fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza u fin-Netherlands; (ii) ftehim li jkopri l-bejgħ b’tikketta privata (mibjugħ bil-marki tad-ditta tal-bejjiegħa bl-imnut, bħal hawn fuq) ta’ qamħirrum fil-laned lil bejjiegħa bl-imnut fiż-ŻEE, b’mod partikolari fil-Belġju, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Irlanda, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, in-Norveġja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit; u (iii) ftehim li jkopri kemm il-marki proprji tad-ditta kif ukoll il-bejgħ b’tikketta privata tat-tipi kollha ta’ ħxejjex fil-laned (6), inklużi taħlitiet ta’ ħxejjex u preparazzjonijiet u platti veġetali fil-laned (iżda esklużi taħlitiet, insalati u preparazzjonijiet li ma għandhomx ħxejjex bħala l-ingredjent ewlieni tagħhom) lill-bejjiegħa bl-imnut (7) u lill-industrija tas-servizzi tal-ikel fi Franza. Conserve Italia pparteċipat biss fl-ewwel żewġ ftehimiet.

(9)

Il-każ ta’ ksur kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ (żidiet fil-prezzijiet, prezzijiet minimi, prezzijiet immirati) u l-koordinazzjoni tal-politika tal-ipprezzar u l-istruttura tal-prezzijiet; l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ volum u ishma tas-suq; l-allokazzjoni ta’ klijenti u swieq; il-koordinazzjoni tal-offerti tal-prezzijiet u l-offerti tal-prezzijiet li għandhom jiġu ppreżentati lill-bejjiegħa bl-imnut u/jew lill-industrija tas-servizzi tal-ikel; il-koordinazzjoni ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ bejgħ u ribassi, inklużi l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-politika promozzjonali; u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(10)

Il-każ ta’ ksur kopra ż-ŻEE kollha kemm hi, u dam għaddej mid-19 ta’ Jannar 2000 sal-1 ta’ Ottubru 2013.

2.3.   Id-destinatarji u għal kemm żmien

(11)

Id-destinatarji tad-Deċiżjoni huma Conserve Italia Soc. coop. agricola u Conserves France S.A. Huma kienu responsabbli għall-każ ta’ ksur għat-tul ta’ żmien kif ġej: mill-15 ta’ Marzu 2000 (u mill-20 ta’ Ottubru 2000 kienu relatati biss mal-ftehim dwar il-qamħirrum fil-laned) sal-1 ta’ Ottubru 2013.

2.4.   Rimedji

(12)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 (8) u timponi multi fuq l-indirizzi.

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(13)

Fid-determinazzjoni tal-multi, il-Kummissjoni qieset il-medja tal-bejgħ ta’ Conserve Italia tal-ħxejjex fil-laned kopert mill-kartell fiż-ŻEE għall-perjodu 2000-2013, il-fatt li l-koordinazzjoni tal-prezzijiet u l-kondiviżjoni tas-suq huma fost l-aktar restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni dannużi, kemm dam għaddej il-każ ta’ ksur, il-fatt li l-każ ta’ ksur kopra ż-ŻEE kollha kemm hi u li ġie implimentat bis-sħiħ, u ammont addizzjonali biex l-impriżi ma jitħallewx jidħlu f’tali prattiki.

2.4.2.   Aġġustamenti tal-ammont bażiku

(14)

Il-Kummissjoni applikat ċirkustanzi attenwanti għal Conserve Italia, billi hija kellha rwol iktar limitat fil-każ ta’ ksur u ma pparteċipatx fil-każ ta’ ksur bl-istess mod bħall-partijiet l-oħra.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu ta’ 10 % tal-fatturat

(15)

L-ammont bażiku tal-multa (qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ klemenza u ta’ saldu) qabeż l-10 % tal-fatturat totali tal-grupp Conserve Italia madwar id-dinja kollha fis-sena ta’ negozju li tippreċedi d-data tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multa kien limitat għal dan il-limitu.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006

(16)

Il-Kummissjoni tat lil Conserve Italia tnaqqis ta’ 50 % tal-multa tagħha.

2.4.5.   Inabbiltà li jsir il-pagament

(17)

Conserve Italia ppreżentat talba għal tnaqqis tal-multa tagħha fuq il-bażi tal-inkapaċità tagħha li tħallas. Il-Kummissjoni vvalutat din l-applikazzjoni u kkonkludiet li għandha tiġi aċċettata.

3.   KONKLUŻJONI

(18)

Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-multa li ġejja ġiet imposta fuq Conserve Italia Soc. coop. agricola u Conserves France S.A., responsabbli in solidum: EUR 20 000 000.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 (ĠU L 171, 1.7.2008, p. 3) u bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1348 (ĠU L 208, 5.8.2015, p. 3).

(4)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli, ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1.

(5)  Conserve Italia pproduċiet biss fażola ħadra fil-laned, piżelli, u taħlita ta’ piżelli u karrotti.

(6)  Ħlief tadam fil-laned, faqqiegħ, kondimenti jew żebbuġ, u prodotti fil-laned li jkollhom dawn bħala ingredjenti ewlenin.

(7)  Il-bejgħ ta’ prodotti b’tikketta privata lil bejjiegħa bl-imnut ikkonċernaw biss il-prodotti mhux koperti miż-żewġ ftehimiet l-oħra.

(8)  Linji gwida dwar il-metodu ta' kif jiġu stabbiliti multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2).


Top