Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE3515

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari” (COM(2022) 221 final) u “Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija” (C (2022) 3219 final)

    EESC 2022/03515

    ĠU C 75, 28.2.2023, p. 178–184 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/178


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari”

    (COM(2022) 221 final)

    u

    “Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija”

    (C (2022) 3219 final)

    (2023/C 75/26)

    Relatur:

    Kęstutis KUPŠYS

    Korelatur:

    Alena MASTANTUONO

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 28.6.2022

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    4.10.2022

    Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

    26.10.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    573

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    171/1/3

    1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tagħti spinta lill-enerġija solari u lil aktar kapaċitajiet Ewropej f’dan il-qasam bħala kwistjoni ta’ urġenza għal diversi raġunijiet: biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi, biex tiżdied l-awtonomija strateġika tal-enerġija tal-UE, biex jiġi promoss l-investiment pubbliku u privat u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, biex tissaħħaħ il-bażi industrijali u jitrawmu opportunitajiet ta’ negozju, u biex jingħata kontribut għall-aċċess għall-enerġija affordabbli mill-unitajiet domestiċi.

    1.2.

    Fl-istess waqt, il-KESE jinnota l-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti d-differenzi bejn l-Istati Membri f’termini tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, li tirrifletti l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tagħhom u d-disponibbiltà ta’ diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. It-titjib tal-enerġija solari jrid jikkonforma mal-kundizzjonijiet tekniċi u s-sostenibbiltà ambjentali. L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-enerġija solari fl-Ewropa jeħtieġ kooperazzjoni akbar fost l-Istati Membri.

    1.3.

    Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari (1) (minn hawn ’il quddiem “l-Istrateġija”), iżda jinnota b’dispjaċir li r-riżultati tagħha ser jaslu daqshekk tard. Huwa jappella lill-Istati Membri biex ma jistennewx l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda tal-UE u biex jibdew minn issa jiffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi u jqassru l-proċess tal-għoti tal-permessi. Il-KESE jappella lill-Istati Membri jsaħħu l-proċeduri ta’ punt uniku ta’ servizz, integrati u uniċi għall-għoti tal-permessi u jħaffu b’mod immedjat il-proċess għall-identifikazzjoni ta’ żoni deżinjati (go-to areas), u jillimataw l-proċess sħiħ ta’ implimentazzjoni għal massimu ta’ sentejn. Jenfasizza wkoll li l-istrateġija solari teħtieġ implimentazzjoni robusta tal-kapaċitajiet ta’ ħżin, u li n-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni jkunu lesti.

    Il-KESE jappella lil dawk li jfasslu l-politika biex jinkoraġġixxu, jappoġġjaw u jippermettu lin-nies isiru prosumaturi tal-enerġija solari u jibnu komunitajiet tal-enerġija. Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali jniedu proġetti biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku f’żoni fejn in-nies ma jaffordjawx jinvestu permezz tal-komunitajiet tal-enerġija. Il-KESE jitlob li ssir enfasi aktar qawwija fuq il-fotovoltajċi agrikoli, sabiex il-bdiewa jingħataw opportunitajiet u benefiċċji ġodda.

    1.4.

    Il-Kumitat jinnota li l-espansjoni tal-użu tal-pompi tas-sħana għandha titqies flimkien maż-żieda fl-installazzjoni ta’ fotovoltajċi solari, peress li kombinazzjoni ta’ sistema fotovoltajka solari (fuq il-bejt) u pompa tas-sħana tipprovdi l-aktar soluzzjoni għat-tkessiħ effiċjenti fl-użu tal-enerġija u ekonomikament aċċessibbli fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu. Il-KESE jara wkoll il-ħtieġa li jiġu promossi sistemi termali solari fuq skala ta’ utilità.

    1.5.

    Sabiex tiġi żgurata introduzzjoni fuq skala kbira tal-fotovoltajċi solari trid tissaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea u jiġu żgurati ktajjen tal-provvista bla xkiel u affidabbli fil-qasam solari. Għalhekk, il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE ssib modi kif tipproduċi fotovoltajċi solari fl-Ewropa, ittejjeb l-ambjent għall-investiment pubbliku u privat u toħloq kundizzjonijiet favorevoli għan-negozju, inkluż aċċess adatt għall-finanzi u enfasi qawwija fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni.

    1.6.

    Hemm ostakli kbar għall-installazzjoni tal-enerġija solari minħabba nuqqas kbir ta’ ħaddiema tas-sengħa, kif ukoll ostakli regolatorji u saħansitra tekniċi. Il-KESE jħeġġeġ il-promozzjoni intensiva tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet f’kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati rilevanti.

    1.7.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza li tinbena kapaċità industrijali domestika tal-UE għal prodotti tal-enerġija solari sostenibbli u bi prezz raġjonevoli u jappella għal appoġġ sod għall-Alleanza tal-Industrija tal-Fotovoltajċi Solari. Dan jenfasizza l-ħtieġa ċara li jiġu mobilizzati l-partijiet interessati kollha kkonċernati, bl-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali, biex jiġu żgurati l-għarfien prattiku u l-għarfien espert meħtieġa, kif ukoll appoġġ wiesa’ għall-użu ta’ fotovoltajċi solari.

    2.   Sfond

    2.1.

    Fit-18 ta’ Mejju 2022, fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna, l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja, u l-isforzi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-sovranità tal-enerġija, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-pjan REPowerEU (2), li għandu l-għan li jnaqqas b’mod rapidu d-“dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi billi nħaffu t-tranżizzjoni għal enerġija nadifa u ningħaqdu flimkien biex niksbu sistema tal-enerġija aktar reżiljenti u Unjoni tal-Enerġija reali”.

    2.2.

    Fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija nadifa, REPowerEU jipproponi modi kif l-UE tista’ tħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u tixpruna l-investiment massiv fl-enerġija rinnovabbli (3). Bħala parti mill-pjan REPowerEU, il-Kummissjoni Ewropea adottat Strateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari (minn hawn ’il quddiem “l-Istrateġija”). Din l-istrateġija tiffoka fuq erba’ inizjattivi:

    (a)

    inizjattiva Ewropea għall-bjut solari;

    (b)

    pakkett ta’ proċeduri għall-għoti ta’ permessi;

    (c)

    sħubija tal-UE fuq skala kbira għall-ħiliet;

    (d)

    Alleanza Ewropea tal-Industrija tal-Fotovoltajċi Solari.

    2.3.

    L-Istrateġija tibni fuq l-inizjattivi proposti tal-UE dwar is-sorsi rinnovabbli, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u l-effiċjenza enerġetika (minn hawn ’il quddiem “COM(2022) 222 final” (4)). COM(2022) 222 final tipprevedi l-adozzjoni ta’ tul ta’ żmien massimu għall-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni ressqet inizjattiva biex jiżdiedu l-miri stabbiliti fi proposti preċedenti għal reviżjonijiet tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (5) (RED II) u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (6) (EED).

    2.4.

    Din l-Opinjoni hija waħda mid-diversi Opinjonijiet tal-KESE relatati mal-enerġija u jeħtieġ li titqies f’dan il-kuntest ġenerali, fejn huma koperti l-Opinjonijiet dwar il-Pjan REPowerEU (7), is-swieq tal-enerġija, is-sigurtà tal-enerġija u l-prezzijiet tal-enerġija, fost l-oħrajn.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Istrateġija proposta, b’mod partikolari l-fatt li tindirizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-qasam kollu tal-enerġija solari: l-investimenti, l-innovazzjoni, il-produzzjoni tal-enerġija, l-elettriku, it-tfassil tas-suq, l-inċentivi, l-infrastruttura, il-ħaddiema tas-sengħa, is-sensibilizzazzjoni, is-sostenibbiltà, u l-ktajjen tal-valur.

    3.2.

    It-tisħiħ tal-enerġija solari u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej f’dan il-qasam huma kwistjoni ta’ urġenza għal diversi raġunijiet. Hemm bżonn li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi kif ukoll li tiżdied l-awtonomija strateġika tal-UE fl-enerġija. Hija ssaħħaħ ukoll l-investiment pubbliku u privat u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, tipprovdi opportunitajiet ta’ negozju u tikkontribwixxi għall-aċċess għall-enerġija affordabbli mill-unitajiet domestiċi.

    3.3.

    Għal Strateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari koerenti u sostenibbli, l-UE trid tiżgura:

    1.

    oqfsa regolatorji xierqa li jiffrankaw il-ħin u jnaqqsu l-ispejjeż;

    2.

    il-kontribut attiv tal-konsumaturi għall-produzzjoni tal-enerġija solari;

    3.

    l-użu ta’ ekonomiji ta’ skala;

    4.

    investiment pubbliku u privat robust fl-infrastruttura;

    5.

    inċentivi għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

    6.

    persuni tas-sengħa u impjiegi ta’ kwalità meħtieġa biex jattirawhom;

    7.

    is-suffiċjenza tal-materja prima;

    8.

    iċ-ċirkolarità u l-effiċjenza enerġetika fis-settur fotovoltajku solari kollu; u

    9.

    finanzjament adegwat.

    3.4.

    Il-KESE jinnota wkoll li l-Istrateġija trid tirrikonoxxi d-differenzi bejn l-Istati Membri f’termini tat-taħlita tal-enerġija tagħhom, li tirrifletti l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tagħhom u d-disponibbiltà ta’ diversi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, it-titjib tal-enerġija solari jrid jikkonforma mal-kundizzjonijiet tekniċi u l-qafas ambjentali.

    3.5.

    Il-Kumitat jittama li l-Istrateġija dwar l-Enerġija Solari ssir il-pedament tat-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija newtrali għall-klima fejn l-enerġija rinnovabbli taqdi rwol ċentrali. Għal dan l-għan, trid issir enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-ħżin, il-ġestjoni tad-domanda, u l-integrazzjoni tas-sistema ġenerali tal-enerġija.

    3.6.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-riċerka, l-iżvilupp tal-prodotti u l-ħolqien ta’ kapaċità industrijali tal-UE għall-produzzjoni ta’ tagħmir tal-enerġija solari sostenibbli u bi prezz kompetittiv. Għal dan l-għan, il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-Alleanza tal-Industrija tal-Fotovoltajċi Solari, li hija mistennija toħroġ b’soluzzjonijiet għall-problema persistenti tat-tnaqqis tal-kapaċità industrijali fl-UE. Hawnhekk, wieħed għandu juża l-esperjenza ta’ alleanzi oħrajn bħall-Alleanza Ewropea tal-Batteriji, u s-sinerġiji possibbli magħhom. L-atturi tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti mill-bidu nett, peress li jaqdu rwol essenzjali fl-għoti ta’ għarfien espert u prattiku, kif ukoll sabiex tintlaħaq udjenza usa’ u fl-iżgurar tal-appoġġ u l-konsultazzjoni tas-soċjetà.

    It-tisħiħ tal-użu tal-enerġija solari

    3.7.

    Sabiex intejbu l-adozzjoni tal-enerġija solari, neħtieġu politika li timmotiva lill-konsumaturi u lill-partijiet ikkonċernati kollha tas-sistema tal-enerġija biex jirrispondu għal din l-ambizzjoni meta jakkwistaw l-enerġija tagħhom. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġu mħeġġa jimpenjaw ruħhom favur miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ ffrankar tal-enerġija. Dan jista’ jinkiseb billi jsiru konxji mill-benefiċċji mistennija, eż. it-tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija, it-titjib tal-benesseri fil-ħajja ta’ kuljum u żieda fil-valur tal-proprjetà tagħhom, u billi jitfasslu strumenti finanzjarji xierqa.

    3.8.

    Il-KESE jitlob li dawk li jfasslu l-politika jinkoraġġixxu, jappoġġjaw u jippermettu lin-nies isiru mhux biss konsumaturi tal-enerġija konxji iżda wkoll prosumaturi tal-enerġija u jibnu komunitajiet tal-enerġija lokali. Dan jgħinhom ikunu aktar konxji u indipendenti mill-prezzijiet tas-suq komuni. Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali jniedu proġetti kollettivi tal-enerġija solari, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-bini pubbliku bħall-uffiċċji, l-iskejjel u l-isptarijiet, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-faqar enerġetiku f’żoni fejn in-nies ma jaffordjawx jinvestu permezz tal-komunitajiet tal-enerġija.

    3.9.

    Minħabba r-rwol prijoritarju tal-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija, l-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw l-użu ta’ arloġġi intelliġenti sabiex jippermettu lill-utenti tal-enerġija jkollhom stampa aħjar tal-konsum tagħhom u fehim aħjar ta’ kif jimmaniġġjawh. Il-KESE jappella biex titqies ir-rabta bejn it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u ż-żieda tar-rwol tal-enerġija solari fir-rinnovazzjoni tal-bini. L-Istati Membri huma mħeġġa jiggwidaw lill-utenti tal-enerġija biex iqassmu l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom b’mod għaqli fuq perjodi ta’ 24 siegħa sabiex inaqqsu d-domanda massima.

    3.10.

    Il-Kumitat jinnota li ż-żieda fl-installazzjoni ta’ fotovoltajċi solari għandha titqies flimkien mal-espansjoni tal-użu tal-pompi tas-sħana, peress li l-perjodi meta d-domanda għall-produzzjoni tal-enerġija solari tkun l-iktar għolja jikkoinċidu maż-żieda fid-domanda għall-elettriku għat-tkessiħ tal-bini. Il-kombinazzjoni ta’ sistema fotovoltajka solari (fuq il-bejt) u pompa tas-sħana għalhekk tipprovdi l-aktar soluzzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-irħas għat-tkessiħ (f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata) fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu. Il-bqija tal-ħin, il-produzzjoni hija marbuta mal-volatilità fl-intensità solari, li jfisser li jrid jintuża sors ieħor ta’ enerġija sabiex tiġi ssodisfata d-domanda għall-enerġija. Il-volatilità tista’ tittaffa parzjalment permezz tal-użu ta’ kapaċità ta’ ħżin robusta li għadha mhijiex disponibbli llum fi kwantitajiet suffiċjenti u konnessjonijiet ta’ trażmissjoni aħjar, li tesiġi kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri.

    3.11.

    Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-enerġija termali solari ġiet sottovalutata. Il-KESE jitlob għal użu akbar tas-sistemi termali solari, fejn possibbli, fuq skala ta’ utilità fil-pjani ta’ tranżizzjoni tal-enerġija fil-livell tal-Istati Membri, reġjonali u muniċipali. Bil-kriżi attwali tal-provvista tal-gass u l-ħtieġa li jiġi sostitwit il-gass naturali, prinċipalment użat għat-tisħin u l-ħtiġijiet industrijali, l-enerġija termali solari se tkun fattur importanti fis-sistema tal-enerġija.

    3.12.

    Il-KESE jara l-ħtieġa li jkompli jiġi vvalutat u jiżdied il-potenzjal għall-użu ta’ fotovoltajċi solari fuq il-bjut billi jinħolqu mekkaniżmi permanenti ta’ konsultazzjoni u kollaborazzjoni li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti. Dan jeħtieġ l-istabbiliment u l-finanzjament xieraq tal-aġenziji u l-entitajiet lokali u reġjonali tal-enerġija rinnovabbli biex jappoġġjaw liċ-ċittadini, lill-SMEs u lill-awtoritajiet lokali, filwaqt li jistabbilixxu inizjattivi ta’ taħriġ u jippromovu impjiegi ġodda u deċenti.

    3.13.

    Is-sistemi fotovoltajċi solari integrati fil-bini (BIPV) għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jimmassimizzaw il-produzzjoni tal-enerġija solari. Jekk mhux biss il-bejt iżda wkoll partijiet mill-faċċata ta’ bini jkunu miksija b’uċuħ li jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx, l-utent jkun jista’ jgawdi mill-possibbiltà li “jaħleb ix-xemx” għal porzjon ħafna itwal tal-ġurnata. Dan l-approċċ huwa tajjeb għas-sistema kollha tal-enerġija, minħabba li jfisser li jkunu jistgħu jiġu llivellati l-perjodi meta d-domanda għall-produzzjoni fotovoltajka solari tkun l-iktar għolja. Il-Kumitat jirrakkomanda li titħeġġeġ aktar riċerka dwar is-sistemi tal-BIPV u li jiżdied ukoll saff addizzjonali mal-inizjattiva Ewropea għall-bjut solari (Rooftop PV initiative), b’enfasi addizzjonali fuq l-appoġġ għall-installazzjoni fotovoltajka solari b’orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent.

    It-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-iżgurar tar-riżorsi finanzjarji

    3.14.

    Il-KESE jenfasizza li ser ikun hemm ħtieġa imminenti li jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-produzzjoni, il-ħżin, id-distribuzzjoni u t-trażmissjoni tagħha. Filwaqt li l-għoti tal-permessi huwa kwistjoni għall-Istati Membri, il-KESE jappoġġja l-linji ġenerali stabbiliti fil-COM(2022) 222 finali u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 3219 final (8), u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq l-iżvilupp tal-proċeduri tagħhom.

    3.15.

    Skont l-analiżi tal-industrija (9), il-perjodi ta’ żmien għall-għoti tal-permessi għal installazzjoni fotovoltajka solari jvarjaw minn 12-il xahar fil-Litwanja sa 48 xahar fil-Kroazja. Mit-12-il pajjiż b’informazzjoni disponibbli, tlieta biss kellhom perjodi ta’ żmien għall-għoti tal-permessi inqas mil-limitu tal-UE ta’ 24 xahar. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu skadenzi definiti u iqsar għall-proċeduri amministrattivi u tal-għoti tal-permessi u jissimplifikaw il-proċessi billi jtejbu l-proċeduri ta’ punt uniku ta’ servizz, integrati u uniċi għall-għoti tal-permessi. Fil-fehma tal-Kumitat, l-Istati Membri m’għandhomx jistennew l-adozzjoni tal-proposta iżda għandhom minn issa jibdew iqassru l-proċeduri. Barra minn hekk, il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jiġu diġitalizzati kemm jista’ jkun proċeduri fid-diversi stadji tal-proċess tal-għoti tal-permessi.

    3.16.

    Il-KESE japprova bis-sħiħ it-taqsima “Niffaċilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-komunità” tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (10). Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-komunitajiet tal-enerġija fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli hija essenzjali għall-involviment taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni tal-enerġija u għall-appoġġ tagħhom għaliha. Il-KESE jenfasizza li l-użu tal-enerġija solari m’għandux ikun privileġġ għal xi konsumaturi, u li l-konsumaturi foqra fl-enerġija u vulnerabbli għandu jkollhom aċċess għall-enerġija solari, eż. permezz ta’ installazzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali, komunitajiet tal-enerġija, jew appoġġ finanzjarju għal installazzjonijiet individwali.

    3.17.

    Skont COM(2022) 222 final, l-Istati Membri għandhom jadottaw pjan jew pjani li jistabbilixxu żoni deżinjati għal tip wieħed jew aktar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ tal-emendi għad-Direttiva. Il-Kumitat jenfasizza l-urġenza li dawk il-pjani jiġu stabbiliti kmieni kemm jista’ jkun, u b’hekk il-proċess sħiħ ta’ implimentazzjoni jiġi limitat għal massimu ta’ sentejn. Il-bjut huma żona omoġenja, ħlief naturalment f’żoni kulturalment protetti. Il-KESE jirrakkomanda perjodi iqsar biex jinbdew inizjattivi fejn is-soluzzjonijiet tekniċi huma magħrufa sew, bħal fil-każ ta’ fotovoltajċi solari fuq il-bjut.

    3.18.

    Il-KESE jinnota wkoll li l-moduli fotovoltajċi li jżommu fil-wiċċ tal-lagi u tal-ġibjuni jnaqqsu t-telf tal-ilma bl-evaporazzjoni filwaqt li jtejbu l-effiċjenza tal-konverżjoni tal-enerġija fotovoltajka minħabba t-tkessiħ inerenti pprovdut mill-ilma. Fil-każ ta’ digi, l-elettriku binhar jista’ jiġi fornut permezz ta’ fotovoltajċi li jżommu f’wiċċ l-ilma, u l-enerġija ta’ billejl tista’ tiġi ġġenerata bl-ilma rilaxxat mid-diga, kollox bl-użu tal-konnessjoni eżistenti mal-grilja.

    3.19.

    Madankollu, huwa meħtieġ approċċ bir-reqqa f’każi fejn is-soluzzjonijiet tekniċi huma inqas avvanzati u l-implikazzjonijiet għat-telf tal-bijodiversità ma ġewx eżaminati bis-sħiħ. Eżempju bħal dan jista’ jkun proġetti fotovoltajċi li jżommu f’wiċċ l-ilma, speċjalment f’korpi tal-ilma mhux artifiċjali. Dan in-nuqqas ta’ approċċ aktar granulari huwa wieħed min-nuqqasijiet rari tal-proposta msemmija hawn fuq.

    3.20.

    Il-KESE jitlob li ssir enfasi akbar fuq il-fotovoltajċi agrikoli (agri-PVs), possibbilment fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni. L-azzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam m’għandhomx ifixklu l-użu tal-art agrikola produttiva jew jagħmlu ħsara lill-produzzjoni tal-ikel (u b’hekk il-ħtieġa li tiġi inċentivata l-produzzjoni tal-enerġija solari fuq art inqas ta’ valur). Fl-istess ħin, l-opportunitajiet assoċjati ma’ introjtu addizzjonali mill-produzzjoni tal-enerġija għall-bdiewa u protezzjoni aħjar tal-għelejjel u l-annimali (l-effett tad-dell u tat-tkessiħ, it-tnaqqis tal-istress mis-sħana, il-protezzjoni kontra s-silġ, il-ġlata) għandhom jiġu enfasizzati fil-qasam tal-politika agrikola. Dan l-aħħar fattur għandu jitqies ukoll mil-lenti ta’ adattament imtejjeb għat-tibdil fil-klima. L-installazzjoni ta’ parks solari fuq skala kbira għandha tingħata prijorità fuq art marġinali u abbandunata.

    3.21.

    It-tisħiħ tal-enerġija solari huwa kwistjoni ta’ urġenza u għalhekk huwa meħtieġ li l-proġetti rispettivi minquxa fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jkunu prijorità. Billi l-kapaċità li tiġi prodotta l-enerġija ekoloġika, u b’mod partikolari l-enerġija solari, tvarja b’mod sostanzjali minn reġjun għal ieħor, il-politika ta’ koeżjoni tista’ u għandha tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-provvista globali tal-enerġija tal-UE; InvestEU jew programm simili wkoll għandu jaqdi rwol ewlieni. Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Istrateġija fuq l-għoti ta’ skop ġdid lil art li qabel kienet tintuża għal finijiet industrijali jew għall-minjieri, peress li art bħal din tirrappreżenta opportunità għall-użu ta’ sistemi tal-enerġija solari. F’dan ir-rigward, il-KESE jappoġġja l-użu tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għal żoni deżinjati.

    It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ installazzjoni

    3.22.

    Il-mira attwali tal-UE għall-fotovoltajċi solari ta’ 320 GW sal-2025 u ta’ 600 GW sal-2030 (il-Ġermanja waħedha trid 215 GW) hija ambizzjuża ħafna iżda meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE. Skont il-pjan REPowerEU, jeħtieġ li jiġu skjerati 42 GW kull sena sal-2025, b’pass aktar mgħaġġel sa 53 GW fis-sena wara l-2025. Wara dan il-pjan, l-UE trid tirdoppja l-pass tal-installazzjoni solari li rreġistrat fl-2021: hija meħtieġa minnufih qabża minn 21 GW fis-sena għal 42 GW fis-sena.

    3.23.

    Bħalissa, l-ekonomija Ewropea mhijiex lesta li tipprovdi l-komponenti meħtieġa għal tali introduzzjoni fotovoltajka solari fuq skala kbira minħabba nuqqas ta’ kapaċitajiet ta’ manifattura. Hemm ukoll ostakli kbar għall-installazzjoni minħabba nuqqas kbir ta’ ħaddiema tas-sengħa, kif ukoll ostakli regolatorji u saħansitra tekniċi. B’paragun, u f’kuntrast qawwi mal-UE, iċ-Ċina hija mistennija li tinstalla kapaċità fotovoltajka solari ta’ 100 GW oħra fl-2022, li kważi tirdoppja l-pass tal-installazzjoni tagħha (11), filwaqt li tkopri l-katina tal-valur kollha tal-industrija fotovoltajka solari tagħha.

    3.24.

    Il-Kumitat għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-bażi industrijali u l-ekonomija Ewropea, tiġi salvagwardjata l-awtonomija strateġika (b’mod partikolari l-awtonomija tal-provvista tal-enerġija), u jiġu żgurati ktajjen tal-provvista bla interruzzjonijiet u affidabbli. Il-KESE jirrimarka li l-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fl-industrija solari biss jekk il-kundizzjonijiet jippermettu każ ta’ negozju, u jenfasizza l-ħtieġa ċara li jiġu mobilizzati l-partijiet ikkonċernati kollha, bl-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali.

    3.25.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet fotovoltajċi innovattivi Ewropej permezz tal-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) tul il-katina kollha tal-valur solari. Qafas bħal dan jiżgura kundizzjonijiet kompetittivi fit-tul u sostenibbli għall-manifattura Ewropea tal-fotovoltajċi, inkluża t-tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji fotovoltajċi, is-sostenibbiltà, ir-riċiklaġġ u soluzzjonijiet fotovoltajċi integrati.

    3.26.

    Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-UE ssaħħaħ l-investiment pubbliku u privat u toħloq kundizzjonijiet favorevoli għas-settur tal-enerġija solari, pereżempju billi żżid it-taħriġ f’dak il-qasam u billi tiżgura aċċess xieraq għall-finanzjament, inkluż permezz tal-għodod tat-“tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli”. F’konformità mat-trasformazzjoni preżunta tal-Bank Ewropew tal-Investiment fil-bank klimatiku tal-Ewropa, il-KESE jappella għal enfasi fuq l-appoġġ għall-manifattura tal-fotovoltajċi solari fil-programmi ta’ finanzjament ipprovduti minn dan il-bank.

    3.27.

    Il-KESE jappella għal inċentivi għar-riċerka dwar teknoloġiji fotovoltajċi ġodda, pereżempju, abbażi ta’ materjali alternattivi. Biex tingħeleb il-problema tan-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa, huwa kruċjali li jiġu promossi t-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet, f’kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti biex isibu modi biex jiżviluppaw forza tax-xogħol li jkollha l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex l-għażliet kollha ta’ effiċjenza enerġetika u teknoloġiċi rinnovabbli jsiru operattivi.

    4.   Kummenti speċifiċi dwar il-ktajjen tal-provvista tal-manifattura

    4.1.

    Hemm dipendenzi strateġiċi sinifikanti fis-segmenti tal-manifattura upstream li jistgħu jfixklu l-espansjoni rapida tal-enerġija solari. L-akbar ostaklu minnhom kollha jibqa’ l-kapaċità limitata li jiġu pprovduti l-materjali meħtieġa għall-miri ambizzjużi tal-Istrateġija. Fi kważi l-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-fotovoltajċi solari, l-Ewropa – li qabel kienet fuq quddiem nett fil-produzzjoni fotovoltajka solari – mhux qed ikollha rwol viżibbli, minkejja li għadha fost il-mexxejja fir-riċerka fotovoltajka, b’faċilitajiet ta’ riċerka importanti.

    4.2.

    Tul il-katina tal-valur tal-industrija, l-UE għandha kapaċità limitata biex tikseb il-materja prima sottostanti, il-polisiliċju. Il-kwistjonijiet relatati mal-akkwist ta’ din il-materja prima huma aggravati mill-fatt li l-akbar erba’ fabbriki tal-polisiliċju ta’ grad solari, li jinkludu kważi nofs il-produzzjoni dinjija, jinsabu fir-reġjun ta’ Xinjiang fiċ-Ċina.

    4.3.

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni (12) li tipprojbixxi mis-suq uniku prodotti magħmula minn xogħol furzat. Din hija miżura simili għall-Att tal-Istati Uniti dwar il-Prevenzjoni tax-Xogħol Furzat tal-Ujguri, li kellu impatti diretti fuq id-distribuzzjoni fis-suq tal-polisiliċju, peress li l-prezz ta’ dan il-materjal primarju, prinċipalment prodott fiċ-Ċina, huwa mistenni li jiżdied għall-industrija fotovoltajka kollha. Madankollu, il-KESE jinnota li miżura bħal din, infurzata fuq skala globali, tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 8 dwar xogħol deċenti.

    4.4.

    Rispons possibbli, għalkemm simplistiku, għall-isfida huwa li tinbena l-kapaċità fl-Ewropa; madankollu, it-teknoloġiji attwali għall-produzzjoni tal-polisiliċju “mhux maħdum” u l-ingotti li jinħarġu minnu huma, paradossalment, intensivi ħafna fl-enerġija. Huwa tabilħaqq fattibbli u jista’ jsir fejn ikun hemm aċċess għal enerġija rħisa u affidabbli, inkluża l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (eż. permezz ta’ impjanti tal-enerġija ibridi, li jikkombinaw ir-riħ, ix-xemx u l-ħżin). B’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ materja prima u komponenti u regoli stretti tal-UE, inkluż dwar l-effiċjenza enerġetika, jagħmluh argument kummerċjali pjuttost inqas attraenti għall-industrija Ewropea, li wkoll qed tiffaċċja diffikultajiet biex taċċessa l-finanzjament.

    4.5.

    Il-KESE huwa konvint bis-sħiħ li l-kooperazzjoni Ewropea fl-innovazzjoni mmirata lejn l-iżvilupp ta’ sistemi fotovoltajċi kompletament riċiklabbli hija meħtieġa sabiex tinbena industrija tal-enerġija solari domestika Ewropea b’saħħitha. Għandhom isiru sforzi biex jiġi eżaminat l-użu ta’ materja prima aktar promettenti mis-silikon għal, fost affarijiet oħra, l-applikazzjoni ta’ ċelloli solari fuq fojl jew ċelloli solari li jistgħu jsiru transluċidi, pereżempju fi twieqi li jipproduċu l-enerġija.

    4.6.

    Fir-rigward tal-fażijiet ulterjuri fil-katina tal-valur, jiġifieri wejfers u ċelloli solari, l-Unjoni Ewropea tinsab f’pożizzjoni saħansitra agħar. 1 % biss tal-wejfers solari u 0,4 % biss taċ-ċelloli huma prodotti fl-Ewropa. Skont l-assoċjazzjoni tal-industrija SolarPower Europe, qed niffaċċjaw “nuqqas kritiku ta’ ingotti u kapaċità tal-manifattura tal-wejfers”.

    4.7.

    Skont id-data mill-Kunsill Ewropew għall-Manifattura Solari, 3 % biss tal-moduli fotovoltajċi solari huma prodotti fl-Ewropa, minn 29 kumpanija differenti. Dan ifisser li wieħed biss minn madwar 30 modulu mmuntat fl-Ewropa huwa ta’ oriġini Ewropea. Fl-2020, id-defiċit kummerċjali fil-prodotti tal-enerġija solari kien jilħaq USD 8,7 biljun.

    4.8.

    Inputs oħra għall-impjanti fotovoltajċi huma wkoll skarsi; madankollu, in-nuqqasijiet kritiċi li qed inħabbtu wiċċna magħhom huma inqas severi. L-istrutturi ta’ mmuntar huma prodotti b’kumplessità baxxa u jistgħu jiġu importati b’inqas dipendenzi kritiċi jew prodotti lokalment jekk id-domanda tkun għolja.

    4.9.

    Il-każ tal-ħġieġ solari, element essenzjali għall-pannelli fotovoltajċi prodotti lokalment, huwa eżempju perfett tal-viżjoni qasira tal-politika kummerċjali tal-UE, fejn tneħħew it-tariffi difensivi tal-kummerċ għall-prodotti finali (pannelli fotovoltajċi solari) li jaslu fl-Ewropa miċ-Ċina, li jesponi lill-produtturi Ewropej għal kompetizzjoni ħarxa minn barra, iżda miżuri difensivi simili għall-prodotti intermedji, bħall-ħġieġ solari, baqgħu fis-seħħ. Dan wassal biex il-ħġieġ solari li joriġina fl-Ewropa minn produtturi fotovoltajċi Ewropej jinbiegħ bi prezz eċċessiv b’mod sproporzjonat meta mqabbel ma’ produtturi pari f’reġjuni oħra tad-dinja. Dan imbagħad wassal ukoll għal pressjonijiet tal-ipprezzar għall-ħġieġ solari importat.

    4.10.

    Il-pannelli solari jistgħu jikkontribwixxu b’mod effiċjenti għas-sostenibbiltà jekk iċ-ċiklu kollu ma jkunx eżiġenti żżejjed f’termini ta’ enerġija, inkluż ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid. Il-manifattura, it-trasport u r-rimi ta’ kwalunkwe teknoloġija jiġġeneraw emissjonijiet. Il-mod kif jiġi manifatturat u riċiklat pannell jgħin biex jiġi ddeterminat kemm verament huwa ta’ għajnuna fit-tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li huwa importanti li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jiġu rispettati tul il-katina tal-provvista.

    Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Proposta COM(2022) 221.

    (2)  COM(2022) 230 final.

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 123) u Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Pjan REPowerEU” (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 185).

    (4)  COM(2022) 222 final.

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (6)  Id-irettiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

    (7)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pjan RePowerEU (ĠU C 486, 21.12.2022, p. 185).

    (8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (C(2022) 3219 final).

    (9)  https://ember-climate.org/insights/research/europes-race-for-wind-and-solar/

    (10)  C(2022) 3219 final.

    (11)  https://www.pv-magazine.com/2022/05/31/chinese-pv-industry-brief-chinas-nea-predicts-108-gw-of-solar-in-2022/

    (12)  COM(2022) 71, COM(2022) 66 u COM(2022) 453.


    Top