EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE0598

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma” (COM(2022) 140 final) u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE” (COM(2022) 142 final — 2022/0095(COD))

EESC 2022/00598

ĠU C 443, 22.11.2022, p. 123–129 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 443/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma”

(COM(2022) 140 final)

u “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE”

(COM(2022) 142 final — 2022/0095(COD))

(2022/C 443/18)

Relatur:

Thomas WAGNSONNER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 16.5.2022

Parlament Ewropew, 2.5.2022

Kunsill, 10.6.2022

Bażi legali

Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

30.6.2022

Adottata fil-plenarja

14.7.2022

Sessjoni plenarja Nru

571

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

205/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) japprezza l-proposti li jinsabu fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari u, f’din l-Opinjoni, jappoġġja b’mod partikolari l-isforzi biex il-prodotti jsiru aktar sostenibbli. Barra minn hekk, iqis ukoll li l-approċċ legali armonizzat huwa neċessarju. Fl-istess ħin, jirrimarka li l-Proposta għal Regolament ġdid dwar l-Ekodisinn fil-biċċa l-kbira tagħha għadha vaga minħabba l-għadd kbir ta’ atti delegati. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi implimentazzjoni aktar mgħaġġla u ambizzjuża fid-dawl tal-ħtieġa ta’ tnaqqis fl-użu tar-riżorsi u l-ħarsien tal-klima.

1.2.

Il-KESE jirrimarka b’mod partikolari l-fatt li dan il-perkors għall-ekonomija ċirkolari jista’ jirnexxi biss jekk l-operaturi ekonomiċi kollha, jiġifieri l-produtturi, il-konsumaturi, il-ħaddiema, kif ukoll l-awtoritajiet, ikunu involuti u infurmati b’mod adatt. Biex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba, huma meħtieġa regolamenti korrispondenti ċari, tajbin u koerenti bil-għan li l-prodotti sostenibbli jingħataw opportunità ġusta għall-kompetizzjoni.

1.3.

L-elementi l-ġodda tar-Regolament, bħall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, ir-rekwiżiti l-ġodda tal-ekodisinn (id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklaġġ, l-integrità ambjentali, l-emissjonijiet tas-CO2, eċċ.), u r-rekwiżiti tal-informazzjoni permezz tal-passaport diġitali tal-prodotti u t-tikketti huma milqugħa, u qed tiġi enfasizzata l-importanza ta’ informazzjoni korretta u xierqa, b’mod partikolari għall-konsumaturi.

1.4.

Il-KESE jappoġġja l-projbizzjoni tal-qerda ta’ oġġetti mhux mibjugħa, li għandhom jinftiehmu bħala oġġetti ġodda, ritornati jew li jistgħu jissewwew. Jilqa’ wkoll il-fatt li, flimkien mal-pakkett ċirkolari, ir-Regolament jindirizza problemi eżistenti bħall-“greenwashing” u l-obsolexxenza.

1.5.

Il-Forum dwar l-Ekodisinn huwa korp ta’ appoġġ b’ħafna kompiti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni. F’dan il-kuntest, il-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, għandhom jingħataw l-opportunità li jagħtu l-ideat u s-suġġerimenti tagħhom għat-titjib tal-proċess.

1.6.

Il-KESE huwa konxju tal-isfidi li jiffaċċjaw il-produtturi u n-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u tal-fatt li għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi bla bżonn. Huwa jara wkoll l-opportunità li jinħoloq livell ta’ produzzjoni Ewropew ġdid “Made in Europe” bi standards ta’ prodotti sostenibbli.

1.7.

L-istrumenti għad-dikjarazzjoni tal-konformità u l-awtoregolamentazzjoni jagħtu lok għall-intraprenditorija. Kontrolli effiċjenti u kkoordinati bejn l-Istati Membri b’informazzjoni tajba għall-konsumatur isaħħu l-fiduċja fi tranżizzjoni b’suċċess mill-ekonomija lineari għal dik ċirkolari.

1.8.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-Regolament ma jkoprix id-dimensjoni soċjali. Referenza għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva ma titqiesx suffiċjenti.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Is-sistema ekonomika lineari hija ta’ piż kbir għar-riżorsi globali. Fil-perjodu bejn il-Konferenzi tan-NU ta’ Pariġi u Glasgow dwar it-Tibdil fil-Klima, ġew ikkunsmati aktar minn nofs triljun tunnellata ta’ riżorsi ġodda. Is-Circularity Gap Report 2022 (1) jiddikjara li 8,6 % biss ta’ dak li jintuża madwar id-dinja jiġi riċiklat. Fi kliem ieħor, hemm distakk fiċ-ċirkolarità ta’ aktar minn 90 %. L-ekonomija ċirkolari tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-tnaqqis fil-konsum tar-riżorsi.

2.2.

Il-ħtieġa li jiġu kkonservati r-riżorsi giet rikonoxxuta fl-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet il-Patt Ekoloġiku, l-istrateġija ta’ tkabbir tal-UE għal soċjetà ġusta u għanja b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni kibret minħabba l-problemi relatati mal-katina tal-provvista kkawżati mill-pandemija u mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna. In-negozji u l-konsumaturi qed jesperjenzaw skarsezzi u żidiet fil-prezzijiet f’ħafna oqsma.

2.3.

B’mod aktar speċifiku, fl-aħħar ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-inizjattivi li ġejjin fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma”

Proposta għal Regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli

Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2022-2024

Strateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari

Proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini

Proposta fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika

2.4.

Din l-Opinjoni tindirizza l-kommunikazzjoni “Nagħmlu l-prodotti sostenibbli bħala n-norma” (COM(2022) 140 final) u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti sostenibbli u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (COM(2022) 142 final — 2022/0095 (COD)).

2.5.

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-mudell ekonomiku lineari prevalenti u li jittieħdu passi lejn ekonomija ċirkolari. Azzjoni armonizzata madwar l-Ewropa se ssaħħaħ il-kompetittività, toħloq l-impjiegi u toffri lill-konsumaturi prodotti sostenibbli. Din tirrikjedi approċċ ġdid għall-manifattura ta’ prodotti li jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi attwali (REACH, it-tikettar tal-enerġija, l-imballaġġ, eċċ.).

2.6.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar l-Ekodisinn se jiġi estiż ħafna u permezz tal-inizjattivi tiegħu speċifiċi għas-settur tat-tessuti, tal-prodotti għall-bini, eċċ. se jikkontribwixxi għall-effiċjenżja fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija. B’mod partikolari, il-kontenut il-ġdid dwar it-tisħiħ taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott (id-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklaġġ aħjar, eċċ.) u dwar it-titjib fl-informazzjoni tal-prodott permezz tal-passaport diġitali tal-prodott se jirrikjedi li n-negozji jippreżentaw b’mod trasparenti l-kwalitajiet u l-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tagħhom. Il-konsumaturi se jingħataw l-opportunità li jqabblu u b’hekk jevalwaw prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti Ewropej tas-sostenibbiltà.

2.7.

L-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fir-Regolament dwar l-Ekodisinn se jkunu supplimentati b’aktar miżuri ta’ akkumpanjament. Il-pożizzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi se jissaħħu permezz ta’ informazzjoni obbligatorja dwar il-benefiċċji tal-prodott u dawk ambjentali kif ukoll dwar it-tiswija, id-durabbiltà u l-projbizzjoni ta’ “greenwashing”. Il-kontrolli tal-prodott mill-awtoritajiet u l-monitoraġġ trasparenti tal-konformità mal-kriterji tal-prodott joffru s-sigurtà li wieħed jista’ jagħżel prodotti ta’ kwalità għolja u b’hekk jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Fil-prinċipju, il-KESE japprova l-objettivi tal-ekonomija ċirkolari u tal-inizjattiva dwar il-prodotti sostenibbli, għaliex f’dan ir-rigward is-sostenibbiltà tfisser il-kombinazzjoni tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Dan ifisser li l-operaturi ekonomiċi kollha jeħtieġ li jissodisfaw rekwiżiti ġodda u ta’ sfida. Il-kumpaniji huma meħtieġa jiffokaw il-produzzjoni u d-disinn tal-prodotti tagħhom fuq is-sostenibbiltà u jipprovdu informazzjoni dwar dan. Il-konsumaturi jridu jifhmu din l-informazzjoni u jieħdu d-deċiżjoni “t-tajba” b’mod responsabbli abbażi tagħha. F’dan ir-rigward jinħtieġu kampanji rilevanti ta’ sensibilizzazzjoni. Jeħtieġ li jsir kontroll effettiv biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri u li ma jiġux ipperikolati, peress li dan ikun ta’ ħsara għall-pożizzjoni tal-Ewropa jew jippromovi “xettiċiżmu ekoloġiku”. Minflok, l-għan huwa: impjiegi tajbin, żvilupp aħjar, approċċ olistiku, u konsumaturi u klijenti infurmati.

3.2.

Dan ir-Regolament u l-ekonomija ċirkolari jistabbilixxu standards ġodda. Sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu aċċettati, implimentati u jwasslu għal proċess ta’ ċiklu ekonomiku, l-operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-konsumaturi, il-manifatturi, l-intraprendituri, it-trade unions u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, għandhom jiġu involuti b’mod attiv u proattiv. F’dan il-kuntest, se jkun utli li tingħata informazzjoni rilevanti dwar l-opportunitajiet u l-objettivi u li l-partijiet ikkonċernati jiġu involuti fil-ħin.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-approċċ armonizzat tar-Regolament u tal-atti delegati biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u biex jiġu indirizzati l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti, l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet għall-konsumaturi u l-kompetizzjoni. Il-prodotti sostenibbli huma opportunità Ewropea għan-negozji, għall-innovazzjoni u għall-impjiegi, u jissodisfaw ix-xewqa tal-konsumaturi fir-rigward tal-impatt ambjentali u ċiklu ta’ ħajja itwal tal-prodotti.

3.4.

L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu inklużi aktar prodotti u rekwiżiti ogħla hija milqugħa. Il-KESE jinnota li l-kumpaniji tal-produzzjoni se jiffaċċjaw sfidi ġodda, pereżempju permezz tal-passaport diġitali tal-prodotti, ir-regolamenti dwar oġġetti mhux mibjugħa u r-regolamenti speċifiċi għall-prodott, iżda li dan huwa meħtieġ biex tinkiseb l-ekonomija ċirkolari. Fl-istess ħin, b’dan se jiġi stabbilit standard ġdid “Made in Europe”. Barra minn hekk, se jinħolqu opportunitajiet għall-ekonomija fl-oqsma tad-disinn, tar-rimi u tat-tiswija.

3.5.

Il-KESE jirrimarka l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-oqsma legali kollha kkonċernati. Dan jinkludi l-koerenza fil-qafas ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni f’termini ta’ żmien u kontenut, sabiex ma titnaqqasx l-effettività minħabba s-segmentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u approċċi differenti fl-Istati Membri. Madankollu, huwa daqstant importanti li tiġi żgurata l-koerenza ma’ oqsma legali importanti oħra ta’ akkumpanjament, bħad-Direttiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva li ġiet ippreżentata reċentament, ir-regolamenti dwar l-iskart li huma importanti għaċ-ċirkolarità, inklużi l-miżuri ta’ esportazzjoni, ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Suq, eċċ.

3.6.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu adottati atti delegati u, peress li għad hemm ħafna affarijiet li mhumiex ċari, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal pjan ta’ ħidma aktar dettaljat. Dan sabiex jiġi żgurat li għadd kbir ta’ prodotti jkunu koperti mill-atti delegati. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions għandhom ikunu involuti fi stadju bikri.

3.7.

Il-KESE jinnota li r-Regolament dwar l-Ekodisinn huwa qasam ta’ leġiżlazzjoni kumplessa ħafna li se ġġib magħha bidla fil-mudell ekonomiku. Tinħtieġ implimentazzjoni mgħaġġla iżda tajba tal-kontenut. Għalhekk hemm bżonn ta’ riżorsi umani adegwati għall-implimentazzjoni tal-atti delegati. Peress li qed jiġu imposti wkoll rekwiżiti ġodda fuq il-konsumaturi, in-negozji, il-faċilitajiet tat-tiswija u l-awtoritajiet tal-kontroll, jeħtieġ ukoll li l-operaturi ekonomiċi kollha jiġu involuti b’mod adegwat fil-proċess ta’ informazzjoni.

3.8.

L-entitajiet tas-settur pubbliku għandhom ikunu minn ta’ quddiem nett fir-rigward tal-akkwist ekoloġiku fil-proċessi tal-akkwist pubbliku tagħhom. Madankollu, jista’ jinkiseb ukoll impatt ikbar billi l-akkwist ekoloġiku jsir kundizzjoni fid-direttivi dwar il-finanzjament għas-sussidji jew għall-għotjiet, bħall-bosta programmi ta’ investiment tal-EU għall-kumpaniji jew għall-partijiet terzi.

3.9.

Il-KESE jinnota li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom ikunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u li għandhom ikunu ċari u faċli biex jiġu identifikati. Il-bidliet usa’ fir-rekwiżiti tar-Regolament il-ġdid dwar l-Ekodisinn jistgħu jżidu l-prezz tal-bejgħ tal-prodotti, iżda dan huwa kkumpensat mill-iffrankar tal-ispejjeż permezz ta’ titjib fil-prestazzjoni, id-durabbiltà, il-kapaċità ta’ titjib fil-kwalità, il-possibbiltà ta’ tiswija u żieda fil-valur fit-tmiem tal-ħajja. Tagħmir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jista’ jiffranka l-enerġija u l-flus. Barra minn hekk, il-prodotti b’ħajja twila huma aktar ekonomiċi. Bil-Proposta l-ġdida għal Direttiva, il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw medja ta’ EUR 285 (2) fis-sena. Ir-Regolament jenfasizza l-affordabbiltà, u dan ir-rekwiżit għandu jqis il-baġits differenti tal-unitajiet domestiċi, sabiex l-ekodisinn ma jsirx fattur esklużiv. Għalhekk huwa aktar u aktar importanti li jingħata appoġġ finanzjarju lill-konsumaturi għax-xiri inizjali u għat-tiswija ta’ prodotti sostenibbli.

3.10.   Aspetti ekoloġiċi

3.10.1.

L-ekodisinn jitlob li naħsbu b’mod ċirkolari. Il-KESE jagħmel enfasi fuq dan b’mod partikolari b’rabta mal-punti li ġejjin:

Ir-regolamentazzjoni u l-miżuri ta’ kontroll: nuqqasijiet jew eċċezzjonijiet fl-atti delegati jew fl-impenn volontarju kif ukoll il-possibilitajiet ta’ evażjoni u l-lakuni fil-kontroll imorru kontra l-miri. Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn, tal-prestazzjoni u tal-informazzjoni, inklużi l-parametri tal-prodott, għandhom ikunu konsistenti fil-livell meħtieġ.

Il-kumpaniji li, sa mill-istadju tad-disinn, għandhom jaħsbu dwar l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-użu twil tal-prodott, il-manutenzjoni u t-tiswija sempliċi, jew dwar il-prodott suċċessur li jista’ jinħoloq minn dak oriġinali. L-istandardizzazzjoni tal-prodott għandha terġa’ tiġi kkunsidrata wkoll. Eżempji ta’ dan jinkludu d-dimensjonijiet differenti tat-tajers jew tal-kejbils tal-iċċarġjar.

Il-konsumaturi għandhom jirċievu l-informazzjoni essenzjali dwar l-impatt ambjentali, id-durabbiltà, it-tiswija, l-użu sussegwenti u r-rimi meta jiddeċiedu li jixtru prodott.

3.10.2.

Ir-riċiklaġġ huwa l-element li jmiss tar-Regolament li jippermetti l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi wara l-użu twil u l-użu mill-ġdid. Dan huwa maħsub biex iżid il-kontenut irriċiklat fil-prodotti, ir-riċiklabbiltà tal-prodotti u l-valur tas-setturi tar-riċiklaġġ u tat-tiswija. Il-KESE jappoġġja l-objettiv, iżda jirrimarka li f’dan ir-rigward għad hemm xi ostakli tekniċi, legali u kunċettwali li jridu jingħelbu.

Il-ħsieb f’termini taċ-ċiklu ta’ materjal juri l-ħtieġa enormi li ssir bidla. Eżempju ta’ dan huwa li rati ogħla ta’ riċiklaġġ għandhom ikunu akkumpanjati minn kwoti minimi għall-użu ta’ materjal riċiklat jew li r-riċiklabbiltà teoretika (3) tal-prodotti għandha tkun konsistenti mar-riċiklabbiltà teknika u mal-implimentazzjoni prattika tal-miżuri ta’ riċiklaġġ. Pereżempju, fis-settur tal-plastik, huma meħtieġa bidliet kbar fid-disinn u l-manifattura, sal-punt li l-materja prima sekondarja ma tiġix ittrattata fuq l-istess livell mal-materja prima primarja (4).

Ir-riċiklaġġ huwa wkoll opportunità għall-Ewropa. Pereżempju, il-minerali metalliċi ta’ kwalità għolja jiġu importati bħala materja prima jew prodotti u, wara li jintużaw, jintremew jew jintbagħtu madwar id-dinja kważi b’xejn; dan jinkludi, b’mod partikolari, il-karozzi u l-iskart elettroniku. Dawn għandhom jitqiesu bħala materjali ta’ valur u għandhom jiġu ttrattati bħala tali. Iż-żarmar, ir-riproċessar u r-riċiklaġġ huma ta’ benefiċċju għall-klima, iżda joħolqu wkoll valur miżjud kbir, u impjiegi (5). F’dan kollu, huwa kruċjali wkoll li wieħed josserva mill-qrib il-bilanċ ekonomiku, ekoloġiku u soċjali.

3.10.3.

Il-KESE jilqa’ l-proposta li tittieħed azzjoni kontra prodotti mhux mibjugħa, iżda jista’ jkun hemm approċċ aktar ambizzjuż. Il-qerda ta’ prodotti intatti, inklużi prodotti ġodda, ritornati jew li jistgħu jissewwew, mhijiex mixtieqa mis-soċjetà peress li hija ħela ta’ riżorsi. Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-proposta tal-Kummissjoni li, bħala l-ewwel pass, titlob lill-kumpaniji biss jipprovdu dokumentazzjoni u li teżenta lill-SMEs minn dan ir-rekwiżit, mhijiex suffiċjenti. Is-sempliċi possibbiltà li jinkisbu miżuri aktar b’saħħithom permezz ta’ atti delegati tagħti lok għal dubji dwar l-ilħuq effettiv tal-objettivi. Il-KESE jappoġġja l-projbizzjoni tal-qerda ta’ prodotti mhux mibjugħa, sakemm dawn ma jkunux perikolużi. Barra minn hekk, in-negozji u l-pjattaformi tal-bejgħ bl-imnut se jintalbu jaħdmu fuq prattiki kummerċjali li se jnaqqsu b’mod sinifikanti l-għadd ta’ prodotti ritornati u inventarju mhux mibjugħ. Il-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa wkoll dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti rritornati.

3.11.   Aspetti ekonomiċi

3.11.1.

Il-KESE jirrimarka li l-Proposta għal Regolament għandha tintlaqa’ tajjeb mill-perspettiva tal-SMEs, iżda se titqies ukoll b’xettiċiżmu. L-SMEs għandhom riżorsi (umani) limitati għad-dispożizzjoni tagħhom. B’mod partikolari, il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fir-Regolament għandhom ikunu mmirati lejn il-ħtiġijiet u n-neċessitajiet tal-SMEs. Barra minn hekk, l-SMEs qed jifaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għall-akkwist pubbliku meħtieġ. Għalhekk, għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jippermettulhom jipparteċipaw fil-proċeduri rilevanti. Fl-aħħar nett, mill-perspettiva tal-SMEs, jeħtieġ li jkun hemm komplementarjetà bejn ir-regolamentazzjoni sostenibbli tal-prodott u r-regolamentazzjoni speċifika għall-prodott. Dan għandu jevita l-irduppjar tal-ispejjeż u l-burokrazija.

3.11.2.

Dawk li jipprovdu servizzi ta’ tiswija jinsabu f’pożizzjoni ewlenija biex jiżġuraw li l-prodotti jkollhom ħajja twila. Għaldaqstant, għandu jsir faċli għall-fornituri tas-servizzi ta’ tiswija, il-kumpaniji soċjoekonomiċi li jispeċjalizzaw fl-użu mill-ġdid u l-inizjattivi ta’ tiswija mnedija mis-soċjetà ċivili/mil-livell lokali biex jieħdu posthom f’dan il-mudell ċirkolari. Pereżempju, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, il-fatt li l-inizjattivi ta’ tiswija ħadu assigurazzjoni għat-tiswijiet kien ta’ suċċess, u fl-istess ħin dan ipprovdilhom il-leġittimità biex iwettqu t-tiswijiet.

3.12.

Mudelli ġodda ta’ negozju ċirkolari (6) huma identifikati bħala għodda importanti fil-Komunikazzjoni. Dawn iridu jkunu attraenti, interessanti u ta’ inċentiv għan-negozji u l-konsumaturi u għandhom jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Diġa jeżistu mudelli fil-prattika, bħall-ekonomija kollaborattiva, il-prodott bħala servizz, u l-ħlas skont l-użu. Il-KESE jissuġġerixxi li l-pjattaforma tal-aħjar prattika eżistenti tiġi promossa billi jitħeġġeġ l-użu tagħha u billi tiġi adattata għall-isfidi attwali tal-ekonomija ċirkolari. Eżempji li bħalissa huma elenkati fil-pjattaforma jinkludu l-karużell tal-kostruzzjoni — il-materjali jiġu offruti lil utenti ġodda wara xogħlijiet ta’ demolizzjoni jew konverżjoni — jew in-networks ta’ tiswija, li jġibu lill-konsumaturi u lil dawk li jagħmlu t-tiswijiet f’kuntatt. Madankollu, ħafna bażijiet tad-data mhumiex attraenti għall-fornituri u l-utenti.

3.13.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar azzjoni sostenibbli u li l-prodotti jintużaw sa tmiem il-ħajja tagħhom. L-istudji xjentifiċi (7) juru li l-unitajiet domestiċi jaħżnu prodotti funzjonali iżda li ma għadhomx jintużaw (eż. laptops, mowbajls, toasters, eċċ,) sa sitt snin. Għalhekk, hemm bżonn ta’ inċentivi adatti għall-konsumaturi biex l-oġġetti li ma għadhomx jintużaw iżommuhom fiċ-ċiklu tal-użu.

3.14.   Aspetti soċjali

3.14.1.

Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-Regolament ma jkoprix id-dimensjoni soċjali. Mhuwiex biżżejjed li ssir referenza għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (8) peress li din id-Direttiva tiffoka b’mod ċar fuq approċċ orjentat lejn il-proċess fir-rigward tal-ktajjen tal-valur globali u l-kwistjonijiet soċjali speċifiċi għall-prodott ma jiġux koperti b’mod adegwat. Il-KESE jirrimarka b’mod espliċitu li, mill-perspettiva tas-sostenibbiltà, it-tliet dimensjonijiet kollha, jiġifieri s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, iridu dejjem jiġu indirizzati flimkien, u jissuġġerixxi għalhekk li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid ir-Regolament biex tara hemmx lok li jiġu inklużi aspetti soċjali speċifiċi għall-prodott.

3.14.2.

Il-KESE jirrimarka li l-impjiegi ekoloġiċi ma humiex awtomatikament impjiegi sostenibbli, sakemm ma jitqisux l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha. Għandu jiġi żgurat, speċjalment għal raġunijiet ta’ kompetizzjoni, li l-istandards tax-xogħol jiġu rrispettati.

3.14.3.

Proġett tal-imsieħba soċjali Ewropej (9) indirizza l-impatt tal-ekonomija ċirkolari fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tista’ toħloq bejn 250 000 u 700 000 impjieg sal-2030. L-impatt ivarja ħafna skont is-settur u r-reġjun. Is-setturi tal-iskart u t-tiswija se jibbenefikaw aktar mill-medja, mentri s-setturi tal-estrazzjoni u tal-kimika se jintlaqtu b’mod negattiv. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’ forza tax-xogħol b’edukazzjoni tajba (eż. ġestjoni tal-iskart). B’mod ġenerali, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli impjiegi tajbin u li jitħallsu pagi deċenti. Il-KESE jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni bħalissa ma tipprevedix djalogu soċjali biex jitqiesu l-konsegwenzi għall-ħaddiema li se ġġib magħha t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.   Informazzjoni dwar il-Passaport Diġitali tal-Prodotti, it-tikketti u l-ekotikketti

4.1.1.

Il-KESE jilqa’ l-aċċess għal informazzjoni komprensiva dwar il-prodott fil-Passaport Diġitali tal-Prodotti. L-informazzjoni għandha tkun immirata u faċilment aċċessibbli mill-utent għall-atturi kollha tul il-katina tal-provvista. Il-kontenut għandu jipprovdi lill-konsumaturi bil-bażi għal teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ix-xiri, l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-rimi f’loġika ta’ ċirkolarità. Dan jinkludi l-kontenut tas-CO2 tal-prodott, il-proporzjon ta’ elementi tal-materjali tal-art rari, il-komponenti perikolużi, il-materjali mhux riċiklabbli, il-lista ta’ partijiet li jistgħu jissewwew kif ukoll id-disponibbiltà tagħhom jew, fil-każ ta’ software, il-kompatibbiltà u l-ispejjeż. Il-possibbiltà li tiġi inkluża informazzjoni dwar aspetti oħra tas-sostenibbiltà fil-Passaport Diġitali tal-Prodotti hija milqugħa (10). Hawnhekk, huwa ssuġġerit li l-Passaport Diġitali tal-Prodotti jiġi akkumpanjat b’indiċi ta’ tiswija li jkun fih informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ tiswija, b’mod partikolari, tal-partijiet importanti li jiddeterjoraw bl-użu, il-prezz tal-partijiet tal-bdil u d-disponibbiltà temporali tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li fihom ġew immanifatturati l-prodotti. L-informazzjoni essenzjali għandha tkun disponibbli wkoll għall-konsumaturi f’forma fiżika, bħall-garanzija u l-kontenut tal-karbonju tal-prodott.

Il-Passaport Diġitali tal-Prodotti ma għandux ikun strument għall-kumpaniji li jgħaqqad riżorsi addizzjonali (ġbir ta’ data), iżda għandu jintegra s-sistemi eżistenti. Madankollu, ir-rekwiżit li tiġi pprovduta data dejjem aktar trasparenti, iżda fl-istess ħin sensittiva, jista’ jeħtieġ ukoll reviżjoni tal-koerenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.

4.1.2.   Tikketti

L-informazzjoni dwar il-prodott, li għad trid tiġi definita fl-atti delegati, għandha tiġi kkomunikata lill-konsumaturi permezz ta’ tikketti. Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-klijenti għandhom jingħataw informazzjoni korretta, viżibbli u ċara, b’data essenzjali dwar l-impatt fuq il-klima, il-kontenut u l-kompożizzjoni, il-konformità mal-istandards tal-ħaddiema, id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija.

4.1.3.   L-ekotikketta

Ħafna prodotti u servizzi huma ċċertifikati taħt l-Ekotikketta Ewropea permezz ta’ opinjoni esperta. L-għan huwa li jkun faċli għall-konsumaturi biex jidentifikaw il-prestazzjoni ambjentali, id-durabbiltà u l-kwalità għolja ta’ dawn il-prodotti u servizzi u li jkunu jistgħu jqabbluhom ma’ oħrajn. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-ekotikketta jistgħu biss jikkomplementaw u mhux jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti bbażata fuq ir-Regolament dwar l-Ekodisinn, u l-kontrolli mill-awtoritajiet skont ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għandhom ikopru wkoll l-informazzjoni fuq l-ekotikketti.

4.2.   Swieq online

Kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha huma importanti, għalhekk id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà għas-swieq online għandhom japplikaw b’mod partikolari f’każijiet meta l-ebda attur ieħor fil-katina tal-provvista ma jieħu azzjoni kontra prodott mhux konformi (11).

4.3.

Is-sorveljanza tas-suq — il-kontrolli, il-projbizzjonijiet, il-multi — hija ddelegata lill-Istati Membri, u l-informazzjoni dwar il-ksur tiġi ppubblikata fl-ICSMS (is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq), sistema Ewropea ta’ rappurtar u informazzjoni għal prodotti meqjusa mhux konformi jew perikolużi. Il-KESE jappoġġja l-proposta biex tiġi estiża u mtejba s-sorveljanza tas-suq peress li bejn 10 % u 25 % tal-prodotti eżaminati ma jikkonformawx mad-Direttiva tal-Ekodisinn (12). Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, jeħtieġ li s-sorveljanza tas-suq tingħata r-riżorsi adatti. B’mod partikolari b’rabta man-nuqqas ta’ konformità, jeħtieġ li jiġi żgurat li n-nonkonformità tal-prodott tiġi segwita b’mod adatt mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Sfortunatament, dejjem ikun hemm eżempji negattivi tal-evitar tat-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità, bħall-każ reċenti tal-maskri protettivi kontra l-COVID-19. L-awtoritajiet għandhom dejjem iwettqu verifiki għal għarrieda. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom ikunu involuti wkoll bħala informaturi kompetenti dwar każijiet ta’ nonkonformità. Dan jista’ jsir b’mod rapidu u effettiv, flimkien mad-Direttiva dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi. Sorveljanza effettiva tas-suq fl-Istati Membri kollha teħtieġ rwol attiv ħafna għall-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam, sabiex in-negozji kollha fiż-Żona Ekonomika Ewropea jgawdu minn kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni permezz ta’ livell ugwali ta’ kontroll. Barra minn hekk, qed tinġibed l-attenzjoni għall-potenzjal għal titjib fl-aċċessibbiltà u l-informazzjoni tal-paġna ewlenija tal-ICSMS.

4.4.

Il-Forum dwar l-Ekodisinn u l-involviment tal-partijiet interessati kollha f’dan il-proċess għandhom jintlaqgħu tajjeb, iżda għandha tingħata attenzjoni għall-funzjonament effettiv u li jiġu żgurati r-responsabbiltajiet, il-kompetenzi u r-riżorsi għal dawn il-kompiti. Pereżempju, il-Forum ma jistax iwettaq l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni; dan huwa kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi jew tal-Kummissjoni Ewropea.

4.5.

L-użu ta’ miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni bħala strument alternattiv għal att delegat għal grupp ta’ prodotti għandu jkun eċċezzjoni. Jekk dawn il-miżuri jiġu applikati, il-kriterji tagħhom fir-rigward taċ-ċarezza, il-kopertura tas-suq u l-kwalità għandhom ikunu qrib l-atti delegati.

4.6.

Il-KESE jixtieq isemmi b’mod espliċitu l-“Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari” (13) fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni. L-inizjattiva, li tnediet f’Marzu 2017 b’mod konġunt mill-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, tappoġġja sħubijiet ġodda u l-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjonijiet għall-ekonomija ċirkolari fl-Ewropa. Hija maħsuba wkoll biex tesprimi l-kontribut importanti li l-ekonomija ċirkolari tista’ tagħti għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Circle Economy: The Circularity Gap Report 2022, Project Platform for Accelarating the Circular Economy (PACE).

(2)  https://ec.europa.eu/info/energy-climate-change-environment/standards-tools-and-labels/products-labelling-rules-and-requirements/energy-label-and-ecodesign/about_mt

(3)  Pomberger, R. (2020). Über theoretische, praktische und reale Recyclingfähigkeit (Dwar ir-riċiklabbiltà teoretika, prattika u reali, mhux disponibbli bil-Malti) https://doi.org/10.1007/s00506-020-00721-5, https://doi.org/10.1007/s00506-019-00648-6

(4)  Komunikazzjoni dwar Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari, COM(2018) 28 final.

(5)  ĠU C 220, 9.6.2021, p. 118.

(6)  Ara INT/778 dwar “L-innovazzjoni bħala mutur għal mudelli ekonomiċi ġodda” (Opinjoni esploratorja), ĠU C 303, 19.8.2016, p. 28.

(7)  Seduta pubblika, NAT/851, preżentazzjoni minn Gudrun Obersteiner, 29.4.2022.

(8)  COM(2022) 71 final.

(9)  https://www.etuc.org/en/publication/european-social-partners-project-circular-economy-and-world-work-0

(10)  COM(2022) 142 final — 2022/0095(COD), p. 29, punt 26.

(11)  Nota: L-Opinjoni: INT/957 dwar “Direttiva dwar is-Sikurezza tal-Prodotti/reviżjoni (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 99) diġà tindirizza aspetti importanti dwar is-sikurezza tal-prodotti.

(12)  J. Bürger/G. Paulinger, Kamra tax-Xogħol ta’ Vjenna (2022) https://emedien.arbeiterkammer.at/viewer/resolver?urn=urn:nbn:at:at-akw:g-5230098, p. 88.

(13)  https://circulareconomy.europa.eu/platform/.


Top