Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0427(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2021/C 149/06

    C/2021/2927

    ĠU C 149, 27.4.2021, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 149/11


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2021/C 149/06)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    “Jászsági nyári szarvasgomba”

    Nru tal-UE: PGI-HU-02475 – 4 ta’ Lulju 2018

    DOP ( ) IĠP (X)

    1.   Isem/Ismijiet

    “Jászsági nyári szarvasgomba”

    2.   Stat membru jew Pajjiż Terz

    L-Ungerija

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6: Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Jászsági nyári szarvasgomba” tindika l-varjetà lokali friska tal-ispeċi ta’ faqqiegħ li jikber taħt l-art tat-tartuf tas-sajf (Tuber aestivum Vittad.) li tinġabar fiż-żona ġeografika ddefinita.

    Karatteristiċi morfoloġiċi tal-“Jászsági nyári szarvasgomba”:

    Il-korp fruttiferu jvarja fid-daqs: id-daqs minimu rakkomandat għall-kummerċjalizzazzjoni huwa dak ta’ ġewża; ma hemmx livell limitu. Il-piż minimu tal-korp fruttiferu rrakkomandat għall-użu huwa ta’ 40 g.

    Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għandu forma sferika bejn wieħed u ieħor regolari, normalment mingħajr l-ebda daħla fil-bażi tat-tuberu.

    Il-kulur tal-qoxra ta’ barra jvarja minn kannella fl-iswed għal iswed. Il-parti ta’ barra tagħha hija raffa, miksija bi qxur suwed, li ħafna drabi jkunu kbar (312-il mm), forma ta’ piramida (b’bejn 5 u 7 uċuħ), prominenti, sodi, bi xfar ippuntati, ġeneralment iċċattjati min-naħa ta’ fuq, b’marki djagonali, bi strixxi tul il-ġenb, u mwaħħla sew mal-gleba.

    Il-laħam ġol-faqqiegħ għandu konsistenza soda u għandu strixxi li jvarjaw fil-kulur minn abjad sa kannella. Matul il-maturazzjoni, fil-bidu l-lewn tiegħu jkun abjad, imbagħad griż maħmuġ safrani, kannella qastni ċar, u fl-aħħar nett kannella lewn iċ-ċikkulata skur. Il-korp fruttiferu misjur sew ikun pjuttost iktar skur, jagħti mill-kannella safrani għall-aħmar.

    Karatteristiċi organolettiċi tal-“Jászsági nyári szarvasgomba”:

    Għandu aroma unika u pjaċevoli. Meta jinġabar, l-aroma tiegħu fil-bidu tkun tfakkar fil-qamħirrum imsajjar jew fil-malt tax-xgħir inkaljat u ffermentat, flimkien ma’ riħa pjaċevoli ta’ ħaxix maqtugħ frisk. Matul il-ħsad u l-ħżin, l-aroma tinbidel, iżda żżomm ir-riħa distintiva pjaċevoli ta’ ħaxix maqtugħ frisk.

    It-togħma nnifisha hija intensa, u tfakkar aktar fil-ġewż bnin.

    Il-“Jászsági nyári szarvasgomba” jikber mill-aħħar ta’ Mejju sal-aħħar ta’ Awwissu, bil-maqlub ta’ tartuf oħra, li jistgħu jinġabru sa tmiem Novembru.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-faqqiegħ irid jitkabbar u jinġabar fiż-żona tal-produzzjoni.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Jászsági nyári szarvasgomba” tinkludi ż-żona amministrattiva tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Jászivány, Jászkisér, Jászdózsa, Jászapáti, Jászágó, Jászárokszállás, Jászjákóhalma, Jásztelek u Jászszentandrás, kif ukoll il-muniċipalitajiet ta’ Besenyszög u Újszász, li jinsabu maġenb ir-reġjun ta’ Jászság, minkejja li ma jiffurmawx żona tal-produzzjoni kontigwa, billi dawn jiġbru fihom iż-żona fejn il-“Jászsági nyári szarvasgomba” tikber b’mod naturali, jiġifieri ż-żona li fiha t-tip ta’ ħamrija ideali biex il-faqqiegħ jikber fiha.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Ir-rabta bejn il-“Jászsági nyári szarvasgomba” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-prodott u attributi oħra.

    Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Jászság jinsab fiż-żona amministrattiva tal-Kontea ta’ Jász-Nagykun-Szolnok fir-rokna tal-Majjistral tal-Pjanura l-Kbira Ungeriża. Jifforma parti mir-reġjun Ċentrali ta’ Tisza, u jinsab bejn ix-xmajjar Zagyva u Tarna, li huma tributarji tat-Tisza. F’termini ġeoloġiċi u botaniċi, huwa subreġjun naturali li jifforma parti mill-pjanura ta’ Tisza. Jieħu ismu mill-poplu Jász (Jassic) li beda jgħix hawn fis-seklu 13.

    Il-“Jászsági nyári szarvasgomba” jikber b’mod naturali fis-sistema tal-għeruq prinċipalment tas-siġar tal-ballut, il-ġellewż u l-karpin, iżda jikber ukoll fi pjantaġġuni, magħrufa bħala ġonna tat-“Trifla” (tartuf). Il-ġonna tat-tartuf tal-Jászság tipikament jinsabu fil-foresti tal-ballut.

    Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Jászsági nyári szarvasgomba” huma ffurmati mill-proprjetajiet naturali tal-ħamrija u mill-kompożizzjoni tal-ispeċi tal-pjanta tipika taż-żona. Il-biċċa l-kbira ta’ dan is-sottoreġjun, li jifforma baċir għani tal-ilma tal-wiċċ, għandu livell għoli tal-ilma ta’ taħt l-art, li flimkien mal-ħamrija taċ-chernozem sewda, jipprovdi opportunità unika biex jikber il-“Jászsági nyári szarvasgomba”.

    Il-kundizzjonijiet tal-ħamrija tal-Jászság huma favorevoli ħafna għat-tħawwil u t-tkabbir tat-tartuf tas-sajf. Il-ħamrija mielħa tas-solonetz fil-Lvant tar-reġjun, li testendi sax-xmara Tisza, hija koperta minn mergħat u ħamrija alluvjali b’kompożizzjoni varjata, b’ħamrija newtrali għall-pH jew ħamrija bażika dgħajfa, iebsa, taflija iżda b’ħafna humus, li għandha kopertura tal-ħamrija taċ-chernozem.

    Speċifiċità tal-prodott

    Il-korp fruttiferu tal-“Jászsági nyári szarvasgomba” għandu forma relattivament regolari u jikber b’mod abbundanti u uniformi. Dan bis-saħħa tal-foresti tal-ballut komuni li jinsabu fir-reġjun ta’ Jászság, il-ħamrija ta’ kwalità eċċellenti taċ-chernozem tipika tal-isteppa ta’ qabel l-afforestazzjoni, il-livell għoli tal-ilma ta’ taħt l-art qrib il-wiċċ, il-klima, u l-koeżistenza ma’ speċijiet oħra ta’ pjanti.

    Matul il-maturazzjoni, il-faqqiegħ jarmi aroma unika, dejjem aktar b’saħħitha u qawwija ta’ ħaxix maqtugħ frisk u qamħirrum imsajjar, li tista’ titħallat ma’ rwejjaħ oħra, skont iż-żona tal-produzzjoni: ta’ duħħan tal-veġetazzjoni li tikber taħt is-siġar kbar, ġellewż, tabakk, marżipan, jew ċikkulata skura.

    Karatteristika interessanti oħra li tiddistingwi l-faqqiegħ hija li jkun fl-aħjar tiegħu bejn Lulju u nofs Awwissu. Bil maqlub ta’ tartuf tas-sajf Ungeriżi jew barranin oħra, il-“Jászsági nyári szarvasgomba” normalment ikun misjur min-nofs sal-aħħar ta’ Awwissu. Il-ġbir tat-tartuf jaf ikun għaddej bis-sħiħ f’żoni oħra f’dan iż-żmien, iżda dawk it-tartuf se jkollhom kwalità u aroma differenti. Matul dan il-perjodu, il-“Jászsági nyári szarvasgomba” se jkollu riħa pjaċevoli ta’ ħuxlief, u l-korp fruttiferu se jkun ta’ daqs aktar kummerċjabbli.

    Rabta bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott

    Bis-saħħa tal-ħamrija rikka fil-humus taċ-chernozem u l-komunitajiet tal-pjanti li żviluppaw hawnhekk, jiġi prodott aktar kumarin f’din iż-żona matul il-perjodu kollu tal-veġetazzjoni, li lill-“Jászsági nyári szarvasgomba” jagħtih ir-riħa ta’ ħaxix maqtugħ frisk. L-aroma, li tinbidel kontinwament matul il-maturazzjoni, issir aktar b’saħħitha u qawwija, tifforma prinċipalment minħabba l-kopertura tal-ħamrija rikka fil-humus taċ-chernozem tar-reġjun.

    Bis-saħħa tal-afforestazzjoni artifiċjali, qed jiżviluppaw ħabitats li jipproduċu tartuf ta’ kwalità għolja fil-Jászság, fejn jeżistu flimkien ma’ speċijiet orkidej protetti, li għandhom ukoll influwenza ta’ benefiċċju fuq l-aroma distintiva tal-“Jászsági nyári szarvasgomba”.

    Biex jiġu ppreservati t-tradizzjonijiet tal-Ungeriżi li jiġbru t-tartuf, fl-2002 infetaħ l-ewwel mużew tat-tartuf tal-pajjiż f’Jászszentandrás, li huwa wkoll it-tieni wieħed fl-Ewropa. Kull sena, il-Magyar Szarvasgombász Szövetség [il-Federazzjoni Ungeriża ta’ dawk li jiġbru t-Tartuf] torganizza avveniment biex tiċċelebra l-bidu tal-istaġun. Jászszentandrás għandu t-titolu onorarju ta’ kapitali tat-tartuf tal-Ungerija. Il-Jászsági Hollós László Trifflász Egyesület [l-Assoċjazzjoni ta’ dawk li jiġbru t-tartuf ta’ Jászság László Hollós] twaqqfet hawnhekk fl-2004, bl-għan li tipproteġi l-ħabitats naturali u tgħin biex il-ġbir tat-tartuf jiġi rregolat bil-liġi. Għal dawn l-aħħar ħames snin, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija (IPA) u l-awtorità lokali, kif ukoll il-Federazzjoni ta’ dawk li jiġbru t-Tartuf Ungeriż u Szent László Szarvasgomba Lovagrend (L-Ordni tal-Kavallieri tat-Tartuf ta’ San László), ingħaqdu flimkien biex jorganizzaw kompetizzjoni tat-tisjir għall-platti bbażati fuq it-tartuf, li tgawdi popolarità dejjem akbar. Waqt il-kompetizzjoni, l-organizzaturi jagħtu lil kull kompetitur tartufa “Jászsági nyári szarvasgomba” waħda.

    Il-“Jászsági nyári szarvasgomba” huwa magħruf ukoll komunement b’epitetti oħra, bħal “perla sewda ta’ Jászság”, “id-deheb ta’ Jászság”, jew “tartuf ta’ Jász”, li juri r-reputazzjoni għolja li l-prodott għandu fir-reġjun. Dawn it-titli qed jintużaw ukoll dejjem aktar fil-media.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

    https://gi.kormany.hu/foldrajzi-arujelzok


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top