This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021XC0426(01)
Publication of an application for amendment pursuant to Article 17(6) of Regulation (EC) No 110/2008 of the European Parliament and of the Council on the definition, description, presentation, labelling and the protection of geographical indications of spirit drinks and repealing Council Regulation (EEC) No 1576/89 (OJ L 39, 13.2.2008, p. 16.) 2021/C 147/05
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.) 2021/C 147/05

C/2021/2727
ĠU C 147, 26.4.2021, p. 7–20
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
26.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 147/7 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (1)
(2021/C 147/05)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)
APPLIKAZZJONI GĦALL-EMENDA TAL-FAJL TEKNIKU TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA
“ÚJFEHÉRTÓI MEGGYPÁLINKA”
Nru tal-UE: PGI-HU-01829-AM01 – 18 ta’ April 2017
Lingwa tal-emenda: L-Ungeriż
Intermedjarju
Stat Membru: L-Ungerija
L-isem tal-intermedjarju: Il-Ministeru tal-Agrikoltura
L-indirizz(i) sħiħ/sħaħ (in-numru u l-isem tat-triq, ir-raħal/il-belt u l-kodiċi postali, il-pajjiż):
Kossuth Lajos tér 11 |
1055 Budapest |
L-UNGERIJA |
Tel. + 36 17951705
Posta elettronika: gi@am.gov.hu
Isem l-Indikazzjoni Ġeografika
Újfehértói meggypálinka
Intestatura tal-Ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda
— |
Deskrizzjoni tax-xorb spirituż |
— |
Żona ġeografika kkonċernata |
— |
Rabta |
— |
Isem u indirizz tal-awtoritajiet ta’ spezzjoni |
— |
Oħrajn:
|
Emenda
Emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott li twassal għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ewlenin.
Spjegazzjoni tal-emenda
Emenda 1:
Is-sottotaqsima “Karatteristiċi organolettiċi” fit-Taqsima B tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
Ċara, bla kulur, togħma u aroma ta’ ċirasa qarsa pjaċevoli; b’riħa ta’ ċitru mill-frotta u riħa ta’ marżipan mill-għadma taċ-ċirasa qarsa.
Test ta’ sostituzzjoni:
— |
Ċara, bla kulur, togħma u aroma ta’ ċirasa qarsa pjaċevoli; b’riħa ta’ ċitru mill-frotta u riħa ta’ marżipan mill-għadma taċ-ċirasa qarsa. |
— |
Fil-każ tal-pálinka mmaturata, din hija safranija, kulur l-ambra u b’karattru matur, filwaqt li żżomm il-fwieħa u l-aroma essenzjali taċ-ċirasa qarsa. Il-maturazzjoni fil-btieti tal-injam tagħti lill-pálinka mmaturata l-kulur u l-aroma karatteristiċi tagħha. |
— |
Wara maturazzjoni twila f’bettija tal-injam, it-togħma u l-aroma tal-pálinka antika huma aktar rikki u jkollha kulur dehbi antik u aktar skur. |
— |
Fil-każ tal-pálinka mmaturata fuq il-frott, il-fwieħa tiġi rfinata permezz tal-maturazzjoni tal-frott, u l-kulur jikkorrispondi għal dak taċ-ċirasa. Il-maturazzjoni fuq saff ta’ frott frisk u niexef tagħti lill-pálinka valuri ta’ kontenut ogħla, aroma aktar intensa u togħma aktar tipika. |
Spjegazzjoni:
Minħabba li fis-sottotaqsima “Mistrieħ, maturazzjoni” fit-Taqsima D tal-fajl tekniku żdiedu tliet proċessi ta’ maturazzjoni li jibdlu l-karatteristiċi organolettiċi tal-pálinka prodotta bl-użu ta’ dawn il-proċessi, kien meħtieġ li l-karatteristiċi organolettiċi jiġu emendati kif xieraq.
Emenda 2:
Is-sottotaqsima “Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi” fit-Taqsima B tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
— |
qawwa alkoħolika: tal-inqas 40 % v/v; |
— |
kontenut ta’ metanol: massimu ta’ 1 000 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol; |
— |
kontenut ta’ sustanzi volatili: minimu ta’ 200 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol; |
— |
kontenut ta’ aċidu ċjanidriku: massimu ta’ 7 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol. |
Test ta’ sostituzzjoni:
— |
qawwa alkoħolika: tal-inqas 40 % v/v; (+/- 0,3 % v/v, għall-“Újfehértói meggypálinka” immaturata fuq saff ta’ frott +/- 1,5 % v/v) |
— |
kontenut ta’ metanol: massimu ta’ 1 000 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol; |
— |
kontenut ta’ sustanzi volatili: minimu ta’ 200 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol; |
— |
kontenut ta’ aċidu ċjanidriku: massimu ta’ 7 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol. |
Spjegazzjoni:
Il-qawwa alkoħolika tal-“Újfehértói meggypálinka” hija 40 % v/v (+/- 0,3 % v/v, għall-“Újfehértói meggypálinka” immaturata fuq saff ta’ frott +/- 1,5 % v/v). L-emenda fiha t-tolleranza għad-denominazzjoni kif speċifikat fl-Anness XII tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi biex titqies il-fluttwazzjoni naturali fil-qawwa alkoħolika u l-varjazzjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni u mill-proċeduri tal-ħżin.
Emenda 3:
It-Taqsima B (Id-deskrizzjoni tax-xorb spirituż, inkluż tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi ewlenin) tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Jiżdied paragrafu ġdid:
Karatteristiċi speċifiċi (imqabbla max-xorb spirituż tal-istess kategorija)
Togħma u aroma ta’ ċirasa qarsa pjaċevoli; b’riħa ta’ ċitru mill-frotta u riħa ta’ marżipan mill-għadma taċ-ċirasa qarsa.
Spjegazzjoni:
F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 716/2013, il-karatteristiċi speċifiċi tax-xarba spirituża ġew miżjuda mad-deskrizzjoni tax-xarba spirituża.
Emenda 4:
Fit-Taqsima B tal-fajl tekniku, il-materja prima użata hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
Għall-produzzjoni tal-pálinka bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Újfehértói meggypálinka” jistgħu jintużaw il-varjetajiet ta’ ċirasa qarsa “Újfehértói fürtös” u “Debreceni bőtermő” biss.
Test ta’ sostituzzjoni:
Għall-produzzjoni tal-pálinka bl-Indikazzjoni Ġeografika “Újfehértói meggypálinka” jistgħu jintużaw il-varjetajiet ta’ ċirasa qarsa “Újfehértói fürtös”, “Debreceni bőtermő”, “Kántorjánosi 3”, “Petri” u “Éva” biss.
Spjegazzjoni:
Il-ġustifikazzjoni għaż-żieda tal-varjetajiet: kundizzjonijiet tat-temp imprevedibbli u varjabbli b’mod mhux tas-soltu għamluha neċessarja li fil-produzzjoni ta’ “Újfehértói meggypálinka” jiġu inklużi l-varjetajiet Kántorjánosi 3, Petri u Éva, minħabba li ilhom jiġu kkultivati fiż-żona ġeografika definita għal deċennji u huma inqas sensittivi għall-ġlata. Il-varjetajiet ta’ ċirasa qarsa Kántorjánosi 3, Petri u Éva ġew imnissla wkoll f’Újfehértó permezz ta’ għażla minn fost il-kultivari lokali u t-tliet karatteristiċi kollha tal-materjal ġenetiku lokali. Id-differenzi fiż-żmien tal-istadji fenoloġiċi tat-tliet varjetajiet ta’ ċirasa qarsa ġodda miżjuda fil-fajl tekniku jfissru li aktar varjetajiet se jimmitigaw l-impatt ta’ distribuzzjoni tal-fallimenti tal-uċuħ tar-raba’ kkawżati mill-ġlata tar-rebbiegħa. Il-ħsad u l-ipproċessar tal-frott iseħħ matul perjodu itwal minn qabel, mill-aħħar ta’ Ġunju sal-bidu ta’ Lulju, u dan jagħmel il-produzzjoni tal-pálinka aktar affidabbli. Il-ħames varjetajiet kollha taċ-ċirasa qarsa ilhom jiġu kkultivati għal deċennji fiż-żona ġeografika ddefinita fit-Taqsima C.
Emenda 5:
It-Taqsima C (Definizzjoni taż-żona ġeografika kkonċernata) tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
“Újfehértói meggypálinka” tista’ tiġi prodotta u bbottiljata biss f’distilleriji li jinsabu fiż-żona definita hawnhekk.
Test ta’ sostituzzjoni:
L-“Újfehértói meggypálinka” tista’ tiġi prodotta biss f’distilleriji li jinsabu fiż-żona ddefinita hawnhekk.
Spjegazzjoni:
L-imballaġġ (ibbottiljar) fiż-żona ġeografika ma jistax jiġi ġustifikat.
Emenda 6:
Is-sottotaqsima “Il-kontroll tal-kwalità jkopri l-aspetti tal-frott li ġejjin” fit-Taqsima D tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
— |
il-purità tal-varjetà: il-varjetajiet aċċettabbli huma Újfehértói fürtös u Debreceni bőtermő |
— |
il-maturità: kompletament matura (iz-zokk jinqala’ minn mal-frotta mingħajr ma jikkawża l-ebda ħsara) |
— |
is-saħħa: il-frott irid ikun b’saħħtu |
— |
l-indafa: ma jistax ikun fih zkuk niexfa, weraq jew impuritajiet oħra |
— |
il-kontenut ta’ materja niexfa taċ-ċirasa qarsa: minimu ta’ 15 ref. % |
— |
il-valur tal-pH taċ-ċirasa qarsa: 4/5 |
Test ta’ sostituzzjoni:
— |
il-purità tal-varjetà: il-varjetajiet aċċettabbli huma Újfehértói fürtös, Debreceni bőtermő, Kántorjánosi 3, Petri u Éva |
— |
il-maturità: kompletament matura (iz-zokk jinqala’ minn mal-frotta mingħajr ma jikkawża l-ebda ħsara) |
— |
is-saħħa: mingħajr moffa u taħsir, l-ebda ħsara jew daqqiet |
— |
l-indafa: ma jistax ikun fih zkuk niexfa, weraq jew impuritajiet oħra |
— |
il-kontenut ta’ materja niexfa taċ-ċirasa qarsa: minimu ta’ 14 ref. % |
— |
il-valur tal-pH taċ-ċirasa qarsa: 3,5-4,5 |
Spjegazzjoni:
L-emenda taġġorna l-ewwel punt, il-kontenut ta’ materja niexfa u l-valur pH sabiex tqis il-karatteristiċi tat-tliet varjetajiet ġodda ta’ ċirasa qarsa. Ir-rekwiżit tas-saħħa ġie emendat f’konformità mal-punt 3 tal-fajl tekniku.
Emenda 7:
Is-sottotaqsima “Maturità u mistrieħ” fit-Taqsima D tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Emenda 7(a):
It-titolu tas-sottotaqsima huwa emendat kif ġej:
Test preċedenti:
Muturità u mistrieħ
Test ta’ sostituzzjoni:
Mistrieħ, maturità
Spjegazzjoni:
Emenda ta’ natura teknika.
Emenda 7(b):
Il-kontenut tas-sottotaqsima huwa emendat kif ġej:
Test preċedenti:
Wara d-distillazzjoni, id-distillat joqgħod u jimmatura f’kontenitur nadif tal-azzar li ma jissaddadx għal tal-inqas tliet xhur. (Imħassar)
Test ta’ sostituzzjoni:
L-“Újfehértói meggypálinka” trid titħalla tistrieħ sakemm ikollha bilanċ tajjeb. Ir-reċipjent użat għall-mistrieħ irid ikun magħmul minn materjal li l-kostitwenti tal-pálinka ma jirreaġixxux għalih u li ma jkun jista’ jirrilaxxa l-ebda materjal li jkun ta’ ħsara għas-saħħa.
L-“Újfehértói meggypálinka” tista’ tiġi mmaturata wkoll permezz ta’ wieħed mill-proċessi li ġejjin :
— |
L-“Újfehértói meggypálinka” immaturata: Maturazzjoni għal tal-inqas tliet xhur f’bettija tal-injam b’volum ta’ mhux aktar minn 1 000 litru, u għal tal-inqas sitt xhur f’bettija ta’ volum akbar, sabiex il-pálinka tikseb elementi tat-togħma ġodda, parzjalment permezz tal-ossidazzjoni u parzjalment permezz tat-taħlil. |
— |
L-“Újfehértói meggypálinka” antika: Maturazzjoni għal tal-inqas sena f’bettija tal-injam b’volum ta’ inqas minn 1 000 litru, jew għal tal-inqas sentejn f’bettija tal-injam b’volum ta’ 1 000 litru jew aktar. |
— |
L-“Újfehértói meggypálinka” immaturata fuq saff ta’ frott: Maturazzjoni għal mill-inqas tliet xhur b’mill-inqas 10 kg ta’ ċirasa qarsa mmaturata jew mill-inqas 5 kg ta’ ċirasa qarsa niexfa tal-varjetajiet speċifikati fit-Taqsima D li joriġinaw miż-żona speċifikata fit-Taqsima C għal kull 100 l ta’ pálinka. |
Spjegazzjoni:
Il-produzzjoni ta’ “Újfehértói meggypálinka” permezz ta’ proċessi ta’ maturazzjoni differenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti kienet meħtieġa sabiex id-domanda tal-konsumatur tintlaħaq aħjar, u s-sottotaqsima ġiet aġġornata skont dan.
Emenda 8:
L-informazzjoni dwar il-metodu ta’ produzzjoni (Taqsima D) fl-ispeċifikazzjonijiet ewlenin tal-fajl tekniku ġiet issupplimentata fl-informazzjoni dwar il-metodu ta’ produzzjoni tax-xarba spirituża li diġà tinsab fil-verżjoni oriġinali tal-fajl tekniku.
Spjegazzjoni:
L-informazzjoni teknoloġika li diġà tinsab fil-verżjoni oriġinali tal-fajl tekniku ġiet inkluża fl-ispeċifikazzjonijiet ewlenin sabiex tiddeskrivi aħjar il-proċess teknoloġiku.
Emenda 9:
Is-sottotaqsima “Ibbottiljar” fit-Taqsima D tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
Ibbottiljar
Meta l-pálinka taċ-ċirasa qarsa tkun lesta biex tinbiegħ tiġi mferra’ fi fliexken tal-ħġieġ nodfa u li jingħalqu b’tappijiet tal-plastik b’għatu tal-injam u jinksew bix-xama’, jew jingħalqu b’tappijiet tal-plastik b’għatu tal-injam jew tappijiet tal-pilver jew li jiċkienu. Il-flixkun magħluq jista’ jiġi ppakkjat f’kaxex tal-karti jew f’imballaġġ dekorattiv. Il-kontenut massimu tal-unità ta’ imballaġġ ma jistax jaqbeż il-litru. Kwalunkwe valur akbar minn dan jista’ jiġi ppakkjat biss bħala kampjun ta’ darba, li jingħata bħala rigal. (Imħassar)
Spjegazzjoni:
L-imballaġġ (ibbottiljar) fiż-żona ġeografika ma jistax jiġi ġustifikat.
Emenda 10:
Ir-raba’ paragrafu tat-Taqsima E tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
(Ir-raba’ paragrafu tat-Taqsima E)
Tqabbil tar-rekwiżiti tal-produzzjoni tal-varjetà tal-Újfehértói fürtös mal-karatteristiċi taż-żona ġeografika deżinjata juri koinċidenza tajba bejniethom, u mhijiex sempliċiment probabbiltà li l-produzzjoni taċ-ċirasa qarsa bdiet hawn u li l-varjetà tal-Újfehértói fürtös għandha l-oriġini tagħha hawn; jew li ħafna mill-għelejjel taċ-ċirasa qarsa tal-Kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg jiġu prodotti hawn.
Test ta’ sostituzzjoni:
Tqabbil tar-rekwiżiti ta’ produzzjoni tal-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa “Újfehértói fürtös”, “Debreceni bőtermő”, “Kántorjánosi 3”, “Petri” u “Éva” li jipprovdu l-materja prima għal “Újfehértói meggypálinka” mal-karatteristiċi taż-żona ġeografika deżinjata juri koinċidenza tajba bejniethom, u mhijiex sempliċiment probabbiltà li l-produzzjoni taċ-ċirasa qarsa bdiet hawn u li l-varjetà taċ-ċirasa qarsa ta’ Újfehértó għandha l-oriġini tagħha hawn; jew li ħafna mill-għelejjel taċ-ċirasa qarsa tal-Kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg jiġu prodotti hawn.
Spjegazzjoni:
L-ewwel varjetà magħżula fl-istazzjon tar-riċerka ta’ Újfehértó kienet “Újfehértói fürtös”. L-isem “Újfehértó” sar popolari kemm fl-Ungerija kif ukoll barra ’l pajjiż. Il-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa elenkati fit-Taqsima B ġew imnissla wkoll f’Újfehértó permezz tal-għażla minn fost il-kultivari lokali u kollha huma karatteristiċi tal-materjal ġenetiku lokali.
Emenda 11:
Id-disa’ paragrafu tat-Taqsima E tal-fajl tekniku huwa emendat kif ġej:
Test preċedenti:
(Id-disa’ paragrafu tat-Taqsima E)
Sa mill-bidu tas-seklu 19 Újfehértó kellha għadd ta’ vinji estensivi. Minbarra l-vinji, wieħed seta’ jara wkoll diversi siġar tal-frott, bħaċ-ċirasa qarsa “żingara” nofsha selvaġġa u, f’għadd dejjem jikber, is-siġar taċ-ċirasa qarsa Szilágyi u Pándy. F’nofs is-snin sebgħin l-għelieqi tas-siġar tal-frott taċ-ċirasa qarsa bdew jidhru f’azjendi agrikoli iżgħar u magħmula l-aktar mill-varjetà taċ-ċirasa qarsa Pándy u ċ-ċirasa qarsa “fürtös” żviluppati fil-post tar-riċerka ta’ Újfehértó fl-1965.
Test ta’ sostituzzjoni:
Sa mill-bidu tas-seklu 19 Újfehértó kellha għadd ta’ vinji estensivi. Minbarra l-vinji, wieħed seta’ jara wkoll diversi siġar tal-frott, bħaċ-ċirasa qarsa “żingara” nofsha selvaġġa u, f’għadd dejjem jikber, is-siġar taċ-ċirasa qarsa Szilágyi u Pándy. F’nofs is-snin sebgħin l-għelieqi tas-siġar tal-frott taċ-ċirasa qarsa bdew jidhru f’azjendi agrikoli iżgħar u magħmula l-aktar mill-varjetà taċ-ċirasa qarsa Pándy u l-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa ta’ Újfehértói żviluppati fil-post tar-riċerka ta’ Újfehértó fl-1965.
Spjegazzjoni:
L-emenda tad-disa’ paragrafu sempliċiment tissostitwixxi t-test “[i]ċ-ċirasa qarsa ‘fürtös’ żviluppati fil-post tar-riċerka ta’ Újfehértó fl-1965” bit-test “[i]l-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa ta’ Újfehértói żviluppati fil-post tar-riċerka ta’ Újfehértó fl-1965”.
Emenda 12:
Dan li ġej ġie miżjud mat-Taqsima E (Dettalji li jikkonfermaw ir-rabta bejn l-ambjent ġeografiku jew l-oriġini ġeografika):
It-tipi ta’ ċirasa qarsa b’rendiment għoli magħrufa lokalment bħala “Fehértói csüngős Pándy” jew “Fehértói fürtös Pándy” infirxu b’mod wiesa’ f’Újfehértó u madwarha fl-ewwel nofs tas-seklu 20. It-tnissil lokali selettiv, fl-istazzjon tar-riċerka ta’ Újfehértó u madwaru beda fis-snin sittin taħt il-gwida ta’ Dr Ferenc Pethő, u kien jinvolvi l-ġbir ta’ kloni ta’ frott awtofertili, ta’ kwalità għolja u b’rendiment għoli li jinqala’ faċilment minn maz-zokk. Il-klonu taċ-ċirasa qarsa bl-aktar karatteristiċi favorevoli ġie individwat, u kklassifikat bħala varjetà li ngħatat rikonoxximent preliminari mill-Istat taħt l-isem “Újfehértói fürtös” fl-1970. It-tnissil lokali selettiv ġie estiż għall-muniċipalitajiet tal-madwar tar-reġjun. Il-varjanti miġbura hawnhekk ġew ittestjati wkoll f’Újfehértó, u l-aħjar varjetajiet bħal “Debreceni bőtermő”, “Kántorjánosi 3”, “Petri” u “Éva” ingħataw ukoll rikonoxximent mill-Istat; dawn il-varjetajiet jipprovdu l-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka”.
Hemm relazzjoni ta’ rigressjoni lineari bejn il-fluttwazzjoni wiesgħa fit-temperaturi ta’ matul il-jum u dawk ta’ matul il-lejl u l-kontenut taz-zokkor tal-frott. Id-differenza konsiderevoli bejn it-temperaturi ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl fiż-żona ġeografika matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni jagħtu lill-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa użati fil-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka” kontenut għoli ta’ zokkor (tal-inqas 14 ° Brix). Il-varjetajiet huma kkaratterizzati wkoll min-nuqqas ta’ togħmiet morri. Dan jagħti liċ-ċirasa qarsa t-togħma pjaċevolment ħelwa u aċiduża jew kemxejn aċiduża tagħha.
Taħt l-effett ikkombinat ta’ xita aktar qawwija fiż-żona ġeografika matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni u l-kapaċità tajba ta’ żamma tal-ilma tal-ħamrija ramlija umika medja-densa tagħha, iċ-ċirasa qarsa għandha kontenut baxx ta’ aċidu (aċidità totali ta’ 0,6 %-1,5 %); u dan jgħin ukoll biex jagħti lill-varjetajiet li jipprovdu l-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka”, it-togħma pjaċevolment ħelwa u aċiduża jew kemxejn aċiduża karatteristika tagħhom.
Fit-tħejjija tal-maxx, mal-maxx tal-fermentazzjoni jiżdied għadam imkisser u niexef, flimkien mill-kwantità żgħira ta’ għadam imkisser permess (massimu ta’ 3 %), jekk ikun meħtieġ biex tiġi żgurata t-togħma tal-marżipan tal-“Újfehértói meggypálinka”.
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa mkabbra fiż-żona ġeografika huma dderivati mill-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona ġeografika u l-għarfien tal-bniedem marbut ma’ Újfehértó.
Spjegazzjoni:
Ġiet miżjuda informazzjoni dwar ir-rabta maż-żona ġeografika u r-rabtiet bejn il-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa qodma u dawk ġodda, kif ukoll dwar l-influwenza tal-varjetajiet ta’ ċirasa qarsa fuq il-karatteristiċi tal-prodott finali. Dawn iż-żidiet huma maħsuba biex isostnu d-dikjarazzjoni li l-kwalità tal-ispirti prodotti mill-varjetajiet il-ġodda inklużi fil-fajl tekniku hija essenzjalment attribwibbli għaż-żona ġeografika.
Emenda 13:
It-Taqsima F tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 |
— |
L-Att LXXIII tal-2008 dwar il-pálinka, it-törkölypálinka u l-Kunsill Nazzjonali tal-Pálinka |
Test ta’ sostituzzjoni:
— |
L-Att XI tal-1997 dwar il-protezzjoni tat-trademarks u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi |
— |
L-Att LXXIII tal-2008 dwar il-pálinka, il-pálinka mir-residwu tal-għasra u l-Kunsill Nazzjonali tal-Pálinka |
— |
Id-Digriet tal-Gvern Nru 158/2009 tat-30 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel u għall-verifika tal-prodotti |
— |
Id-Digriet tal-Gvern Nru 22/2012 tad-29 ta’ Frar 2012 dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 |
— |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż |
Spjegazzjoni:
L-emenda taġġorna l-isfond leġiżlattiv rilevanti.
Emenda 14:
Fit-Taqsima G tal-fajl tekniku, isem l-applikant huwa emendat kif ġej:
Test preċedenti:
Isem: Zsindelyes Pálinka Kft.
Test ta’ sostituzzjoni:
Isem: Zsindelyes Pálinka Zrt.
Spjegazzjoni:
Id-dettalji tal-applikant ġew mibdula.
Emenda 15:
It-Taqsima H tal-fajl tekniku hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
Minbarra r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti, id-denominazzjoni tinkludi wkoll dan li ġej:
|
“Újfehértói meggypálinka” |
|
“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” |
Test ta’ sostituzzjoni:
Minbarra r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti, id-denominazzjoni tinkludi wkoll dan li ġej:
|
“Indikazzjoni Ġeografika” |
Spjegazzjoni:
Emendi ta’ natura teknika li jirriżultaw minn bidla fil-leġiżlazzjoni.
Emenda 16:
Ir-regoli individwali li ġejjin ġew miżjuda mat-Taqsima H tal-fajl tekniku:
Test addizzjonali:
L-isem “Újfehértói meggypálinka” jista’ jiġi ssupplimentat ukoll b’dan li ġej:
Suppliment: “érlelt” [immaturat]
Il-kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi: Prodott jista’ jkollu dan is-suppliment jekk jitħalla jimmatura għal tal-inqas tliet xhur f’bettija tal-injam b’volum ta’ mhux inqas minn 1 000 litru, u tal-inqas sitt xhur f’bettija ta’ volum akbar.
Suppliment: “ópálinka” [pálinka antika]
Il-kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi: Prodott jista’ jkollu dan is-suppliment jekk jitħalla jimmatura għal tal-inqas sena f’bettija tal-injam b’volum ta’ inqas minn 1 000 litru, u tal-inqas sentejn f’bettija tal-injam ta’ volum b’1 000 litru jew aktar.
Suppliment: “gyümölcságyon érlelt” jew “ágyas” [immaturat fuq saff ta’ frott]
Il-kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi: Prodott jista’ jkollu dan is-suppliment jekk waqt il-maturazzjoni jintużaw tal-inqas 10 kg ta’ ċirasa qarsa mmaturata jew tal-inqas 5 kg ta’ ċirasa qarsa niexfa tal-varjetajiet speċifikati fit-Taqsima D li joriġinaw miż-żona speċifikata fit-Taqsima C għal kull 100 l ta’ pálinka u l-prodott jitħalla jimmatura mal-frott għal tal-inqas tliet xhur. Il-kwantità netta ta’ pálinka trid tintwera fuq it-tikketta tal-flixkun.
Spjegazzjoni:
Minħabba li fit-Taqsima D tal-fajl tekniku ġew miżjuda metodi ta’ maturazzjoni addizzjonali, hemm bżonn li r-regoli fir-rigward tad-denominazzjoni jiġu emendati.
Emenda 17:
Il-Punt 2 (L-awtoritajiet ta’ spezzjoni u l-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti) ta’ “Intestaturi skont it-Taqsima 10(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 158/2009 tat-30 ta’ Lulju 2009” huwa emendat kif ġej:
Test preċedenti:
L-Uffiċċju tal-Gvern tal-Kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg - Id-Direttorat tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari u tas-Saħħa tal-Annimali |
Keleti Márton út 1, H-4400 Nyíregyháza |
Tel. +36 42451200
Faks +36 42451221
Posta elettronika: elelmiszerlanc@szabolcs.gov.hu
Web: http://www.kormanyhivatal.hu/hu/szabolcs-szatmar-bereg
Test ta’ sostituzzjoni:
L-Uffiċċju tal-Gvern tal-Kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg |
Hősök tere 5, H-4400 Nyíregyháza |
Tel. +36 42599300
Posta elettronika: hivatal@szabolcs.gov.hu
Web: http://www.kormanyhivatal.hu/hu/szabolcs-szatmar-bereg
Spjegazzjoni:
L-isem tal-awtorità ta’ spezzjoni reġjonali nbidel.
Emenda 18:
It-tielet punt tat-taqsima dwar l-ispezzjoni fil-fajl tekniku huwa emendat kif ġej:
Test preċedenti:
Kontenut ta’ metanol |
massimu ta’ 1 200 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol kif stipulat fil-punt 9(b) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 |
Test ta’ sostituzzjoni:
Kontenut ta’ metanol |
massimu ta’ 1 000 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol kif stipulat fil-punt 9(b) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 |
Spjegazzjoni:
L-emenda ġġib il-valur f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.
Emenda 19:
It-taqsima “Referenzi” hija emendata kif ġej:
Test preċedenti:
Jenő Tamás: Pálinka. Pálinkák és más nemes párlatok [Pálinka. Pálinka u spirti fini oħra], Alexandra Kiadó, 2003 (ISBN 9633686105)
Endre Némethy: Adatok a népi pálinkafőző eljárás előfordulásához [Informazzjoni dwar it-twettiq tal-proċess ta’ distillazzjoni tradizzjonali tal-pálinka], Ethnographia 1945.
Dr Lajos Sólyom: Pálinkafőzés kézikönyv kisüzemek számára [Manwal dwar id-distillazzjoni tal-Pálinka għal distilleriji żgħar], Mezőgazdasági Kiadó, 1986
MAGYAR NÉPRAJZ II. Gazdálkodás/Gyümölcskultúra [ETNOLOĠIJA UNGERIŻA II. Biedja/Kultivazzjoni tal-Frott], Akadémiai Kiadó, Budapest 2001
Test ta’ sostituzzjoni:
Géza Balázs: Pálinka, a hungarikum [Pálinka, Hungaricum], Állami Nyomda Részvénytársaság Budapest, 2004 (ISBN 9789638567437)
Jenő Tamás: Pálinka. Pálinkák és más nemes párlatok [Pálinka. Pálinka u spirti fini oħra], Alexandra Kiadó, 2003 (ISBN 9633686105)
Géza Balázs: A magyar pálinka [Pálinka Ungeriża], Aula Kiadó, Budapest, 1998, paġna 29
Géza Balázs: Az égetett szeszesitalok megjelenése [Id-dehra tal-ispirti], Néprajzi látóhatár VI. 1997
Endre Némethy: Adatok a népi pálinkafőző eljárás előfordulásához [Informazzjoni dwar it-twettiq tal-proċess ta’ distillazzjoni tradizzjonali tal-pálinka], Ethnographia 1945.
Dr Lajos Sólyom: Pálinkafőzés kézikönyv kisüzemek számára [Manwal dwar id-distillazzjoni tal-Pálinka għal distilleriji żgħar], Mezőgazdasági Kiadó, 1986
MAGYAR NÉPRAJZ II. Gazdálkodás/Gyümölcskultúra [ETNOLOĠIJA UNGERIŻA II. Biedja/Kultivazzjoni tal-Frott], Akadémiai Kiadó, Budapest 2001
Spjegazzjoni:
Ġew miżjuda referenzi letterarji ulterjuri mal-biblijografija bħala riżultat tar-riċerka mwettqa biex tiġi pprovduta evidenza tar-reputazzjoni tajba ta’ Újfehértói meggypálinka.
L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET EWLENIN TAL-FAJL TEKNIKU
“ÚJFEHÉRTÓI MEGGYPÁLINKA”
Nru tal-UE: PGI-HU-01829-AM01 – 18 ta’ April 2017
1. Isem
“Újfehértói meggypálinka”
2. Kategorija tax-xorb spirituż
Spirtu tal-frott (Kategorija Nru 9 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008)
3. Id-Deskrizzjoni tax-xorb spirituż
Karatteristiċi organolettiċi
— |
Ċara, bla kulur, togħma u aroma ta’ ċirasa qarsa pjaċevoli; b’riħa ta’ ċitru mill-frotta u riħa ta’ marżipan mill-għadma taċ-ċirasa qarsa. |
— |
Fil-każ tal-pálinka mmaturata, din hija safranija, kulur l-ambra u b’karattru matur, filwaqt li żżomm il-fwieħa u l-aroma essenzjali taċ-ċirasa qarsa. Il-maturazzjoni fil-btieti tal-injam tagħti lill-pálinka mmaturata l-kulur u l-aroma karatteristiċi tagħha. |
— |
Wara maturazzjoni twila f’bettija tal-injam, it-togħma u l-aroma tal-pálinka antika huma aktar rikki u jkollha kulur dehbi antik u aktar skur. |
— |
Fil-każ tal-pálinka mmaturata fuq il-frott, il-fwieħa tiġi rfinata permezz tal-maturazzjoni tal-frott, u l-kulur jikkorrispondi għal dak taċ-ċirasa. Il-maturazzjoni fuq saff ta’ frott frisk u niexef tagħti lill-pálinka valuri ta’ kontenut ogħla, aroma aktar intensa u togħma aktar tipika. |
Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi
— |
qawwa alkoħolika: tal-inqas 40 % v/v; (+/- 0,3 % v/v, għall-“Újfehértói meggypálinka” immaturata fuq saff ta’ frott +/- 1,5 % v/v); |
— |
kontenut ta’ metanol: massimu ta’ 1 000 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol; |
— |
kontenut ta’ sustanzi volatili: minimu ta’ 200 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol; |
— |
kontenut ta’ aċidu ċjanidriku: massimu ta’ 7 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol. |
Karatteristiċi speċifiċi (imqabbla max-xorb spirituż tal-istess kategorija)
Togħma u aroma ta’ ċirasa qarsa pjaċevoli; b’riħa ta’ ċitru mill-frotta u riħa ta’ marżipan mill-għadma taċ-ċirasa qarsa.
Materja prima użata għall-produzzjoni tal-prodott:
Għall-produzzjoni tal-pálinka bl-Indikazzjoni Ġeografika “Újfehértói meggypálinka” jistgħu jintużaw biss il-varjetajiet “Újfehértói fürtös”, “Debreceni bőtermő”, “Kántorjánosi 3”, “Petri” u “Éva”.
4. Iż-żona ġeografika
L-“Újfehértói meggypálinka” tista’ toriġina biss minn dawn il-lokalitajiet tal-kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg li ġejjin: Bálintbokor, Butyka, Császárszállás, Érpatak, Geszteréd, Kálmánháza, Kismicske, Kisszegegyháza, Lászlótanya, Ludastó, Petőfitanya, Szirond, Újfehértó, Újsortanya, Táncsicstag, Vadastag, Zsindelyes.
L-“Újfehértói meggypálinka” tista’ tiġi prodotta biss f’distilleriji li jinsabu fiż-żona ddefinita hawnhekk.
5. Il-metodu kif isir ix-xorb spirituż
Aċċettazzjoni tal-frott taċ-ċirasa qarsa: Il-bażi għal pálinka ta’ kwalità tajba huwa frott matur u b’saħħtu. Meta l-frott jiġi rċevut, tiġi vverifikata kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tiegħu.
Il-kontroll tal-kwalità jkopri l-aspetti tal-frott li ġejjin:
— |
il-purità tal-varjetà: il-varjetajiet aċċettabbli huma Újfehértói fürtös, Debreceni bőtermő, Kántorjánosi 3, Petri u Éva |
— |
il-maturità: kompletament matura (iz-zokk jinqala’ minn mal-frotta mingħajr ma jikkawża l-ebda ħsara) |
— |
is-saħħa: mingħajr moffa u taħsir, l-ebda ħsara jew daqqiet |
— |
l-indafa: ma jistax ikun fih zkuk niexfa, weraq jew impuritajiet oħra |
— |
il-kontenut ta’ materja niexfa taċ-ċirasa qarsa: minimu ta’ 14 ref. % |
— |
il-valur tal-pH taċ-ċirasa qarsa: 3,5-4,5 |
Immaxxjar
Il-frott maħsul jiġi ttrasferit għall-magna għat-tneħħija tal-għadam fejn il-frott jitneħħielu l-għadma. Meta jiġu aġġustati l-magni, irid jitqies id-daqs medju tal-għadam, biex b’hekk il-proporzjon ta’ għadam imkisser li jispiċċa fil-maxx jinżamm kemm jista’ jkun baxx. L-għadam imkisser huwa perikoluż fil-maxx, minħabba li bl-immaxxjar u bil-fermentazzjoni, l-amigdalina meta titherra ssir ċjanur tal-idroġenu u benżaldeid. Għall-frott bl-għadma huwa importanti li tiġi ppreservata t-togħma tal-għadma tal-frott; għalhekk, jekk ikun meħtieġ, jiżdied għadam imkisser u mnixxef mal-maxx ta’ fermentazzjoni flimkien mal-għadam imkisser permess (massimu ta’ 3 %). Il-maxx ħelu jiġi ppumpjat b’pompa tal-maxx f’reċipjenti ta’ fermentazzjoni tal-maxx ippreparat. Matul l-immaxxjar, tiżdied kwantità xierqa ta’ enzima pektinolitika (1-3 g/100 kg, skont is-sena u l-lott) mal-maxx taċ-ċirasa qarsa li titneħħielha l-għadma sabiex tiġi ffaċilitata l-estrazzjoni tal-meraq, tiġi żgurata fermentazzjoni uniformi u jiġi megħjun ir-rilaxx tat-togħmiet u l-aromi.
Ladarba l-valur tal-pH tal-lott ikun ġie stabbilit, jiġi stabbilit il-valur tal-pH ta’ 3,0 permezz tal-aċidu fosforiku, li jipprovdi l-protezzjoni tal-pH xierqa matul il-fermentazzjoni u waqt li l-maxx ikun qed jiġi maħżun, u jgħin fil-preservazzjoni tal-aromi tal-frott. Huwa importanti li l-aċidu mal-maxx jiżdied f’forma dilwita. Il-fermentazzjoni hija kkontrollata: il-maxx - b’pektina degradata u taħt il-protezzjoni tal-aċidu - jinżamm f’temperatura ta’ bejn 18 u 20 oC permezz ta’ tagħmir tat-tkessiħ, u mbagħad jiġi inokulat b’razza ta’ ħmira reidrata ppreparata kif xieraq; dan jippermetti t-tqassir tal-ewwel stadju tal-fermentazzjoni.
Fermentazzjoni
Sabiex is-saff ta’ fuq tal-polpa (kappell jew kowt) li jifforma fuq nett tal-maxx jitfarrak, dan jitħawwad diversi drabi matul il-jum, li jwassal biex il-polpa tassorbi l-likwidu, u l-materjal poruż mhux imwaħħal fuq is-superfiċje tal-mass jinħall, u b’hekk jgħin biex jiġi evitat kwalunkwe telf kbir ta’ aroma jew rendiment. Il-fermentazzjoni normalment tieħu bejn 7 u 10 ijiem u l-parametri neċessarji għall-kontroll tal-proċess tal-fermentazzjoni jitkejlu kontinwament (referenza %, kontenut ta’ zokkor u alkoħol, pH, eċċ.). Il-maxx iffermentat jiġi distillat mill-aktar fis possibbli. Il-kontenut ta’ zokkor riduċenti tal-maxx iffermentat ma jistax ikun aktar minn 4 g/l.
Distillazzjoni, irfinar
Il-maxx taċ-ċirasa qarsa jista’ jiġi distillat minn żewġ tipi ta’ tagħmir (lampiki frazzjonali jew tagħmir tad-distillazzjoni kontinwa). L-għan fiż-żewġ każijiet huwa li jiġi prodott distillat jew pálinka tal-aħjar kwalità. Għalhekk ix-xejra ta’ separazzjoni (l-ammont ta’ distillat tar-“ras”, tal-“qalb” u tat-“tarf”) tiġi stabbilita għal kull lott, li b’mod naturali tista’ tinbidel matul id-distillazzjoni (fattur ta’ żmien). Is-separazzjoni tar-“ras” u tat-“tarf” normalment issir permezz ta’ evalwazzjoni organolettika. Id-distillatur jitnaddaf permezz ta’ sistema tas-CIP wara kull proċess ta’ distillazzjoni għal madwar 5 minuti.
Mistrieħ, maturità
L-“Újfehértói meggypálinka” trid titħalla tistrieħ sakemm ikollha bilanċ tajjeb. Ir-reċipjent użat għall-mistrieħ irid ikun magħmul minn materjal li l-kostitwenti tal-pálinka ma jirreaġixxux għalih u li ma jkun jista’ jirrilaxxa l-ebda materjal li jkun ta’ ħsara għas-saħħa.
L-“Újfehértói meggypálinka” tista’ tiġi mmaturata wkoll permezz ta’ wieħed mill-proċessi li ġejjin :
— |
L-“Újfehértói meggypálinka” immaturata: Maturazzjoni għal mill-inqas tliet xhur f’bettija tal-injam b’volum ta’ mhux aktar minn 1 000 litru, u għal mill-inqas sitt xhur f’bettija ta’ volum akbar, sabiex il-pálinka tikseb elementi tat-togħma ġodda, parzjalment permezz tal-ossidazzjoni u parzjalment permezz tat-taħlil. |
— |
L-“Újfehértói meggypálinka” antika: Maturazzjoni għal mill-inqas sena f’bettija tal-injam b’volum ta’ inqas minn 1 000 litru, jew għal mill-inqas sentejn f’bettija tal-injam b’volum ta’ 1 000 litru jew aktar. |
— |
L-“Újfehértói meggypálinka” immaturata fuq saff ta’ frott: Maturazzjoni għal tal-inqas tliet xhur b’mill-inqas 10 kg ta’ ċirasa qarsa mmaturata jew tal-inqas 5 kg ta’ ċirasa qarsa niexfa tal-varjetajiet speċifikati fit-Taqsima D li joriġinaw miż-żona speċifikata fit-Taqsima C għal kull 100 l ta’ pálinka. |
L-aġġustament tal-kontenut tal-alkoħol
Il-kontenut tal-alkoħol tad-distillati jiġi dilwit permezz ta’ ilma potabbli mrattab ta’ kwalità kkontrollata (massimu ta’ 1 odH) sa livell xieraq għall-konsum. Id-dilwizzjoni tiġi segwita minn perjodu ta’ mistrieħ u maturazzjoni ieħor qabel ma l-prodott jiġi bbottiljat.
6. Rabta mal-ambjent ġeografiku jew l-oriġini
Il-bażi għal pálinka tajba huwa frott ta’ kwalità tajba bi kwalitajiet eċċezzjonali. Dan jista’ jinkiseb biss jekk għall-produzzjoni tal-frott jintgħażel l-aħjar post possibbli bl-attenzjoni dovuta għall-fatturi klimatiċi u tal-ħamrija u l-pożizzjoni tas-sit.
Iż-żona ġeografika speċifikata hawn fuq tinsab fil-Kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg f’nofs ir-reġjun ta’ Nyírség. Ix-xita annwali li tinżel f’din iż-żona tvarja bejn 570 u 590 mm, iżda f’ċerti żoni tista’ tvarja bejn 550 u 600 mm. L-ammont ta’ xita li tinżel waqt l-istaġun tat-tkabbir huwa ta’ madwar 420 mm, li bejn 65 u 78 mm minnhom tinżel f’Ġunju, li huwa favorevoli għat-tkabbir tal-frott. It-temperatura medja annwali hija bejn 9,3 u 9,9 oC. L-aħħar jiem kesħin jaħbtu għal madwar nofs April u l-ewwel ġlata tal-ħarifa tiġi f’nofs Ottubru. L-aktar xahar sħun huwa Lulju b’temperatura ta’ bejn 20,2 oC u 20,7 oC, li huwa 1/2 oC aktar baxx minn dak f’żoni oħrajn ta’ Alföld [il-Pjanura l-Kbira Ungeriża]. Is-sajf huwa aktar moderat f’din iż-żona ġeografika milli f’żoni oħra ta’ Alföld minħabba li l-iljieli jiksħu sew anke fis-sajf. Ir-rebbiegħa tibda aktar tard milli fir-reġjuni tal-madwar, għalhekk iż-żahar taċ-ċirasa qarsa normalment jeħles mill-ġlata tar-rebbiegħa. It-temp verament sħun jibda f’din iż-żona wara nofs Lulju, iżda sa dan iż-żmien, il-ħsad taċ-ċirasa qarsa jkun diġà sar. Id-dawl tax-xemx annwali huwa bejn 1950 u 2030 siegħa, li bejn 760 u 800 minnhom huma matul il-perjodu tas-sajf.
It-tip ta’ ħamrija ewlenija fiż-żona ġeografika ddeżinjata hija ħamrija ramlija bil-ħumus fuq blat li jifforma r-ramel. Din it-tip ta’ ħamrija hija kkaratterizzata minn kontenut ta’ ħumus ta’ aktar minn 1 % u saff ta’ fuq tal-ħamrija ta’ 40 cm. Għandha kapaċità tajba ta’ żamma tal-ilma u permeabbiltà tajba, hija arjuża u diffiċli biex tinxef, u l-kapaċità tan-nutrijenti tagħha hija biżżejjed biex jinkiseb rendiment tajjeb. Żieda fir-riżervi tan-nitroġenu tista’ żżid ir-rendimenti b’mod sostanzjali. Minbarra t-tip ta’ ħamrija msemmija hawn fuq, jinstabu wkoll irqajja’ akbar jew iżgħar ta’ ħamrija tal-foresti ta’ lewn aħmar fil-kannella, b’kontenut ta’ ħumus li jvarja bejn 1 u 1,5 %. Il-karatteristiċi tal-immaniġġjar tal-ilma tal-ħamrija huma favorevoli wkoll, minħabba li l-permeabbiltà moderata tal-ilma tikkombina ruħha ma’ kapaċità tajba ta’ żamma tal-ilma. Il-karatteristiċi tal-ġestjoni tal-arja fiha u tan-nutrijenti tagħha huma fatturi pożittivi ulterjuri.
Tqabbil tar-rekwiżiti ta’ produzzjoni tal-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa “Újfehértói fürtös”, “Debreceni bőtermő”, “Kántorjánosi 3”, “Petri” u “Éva” li jipprovdu l-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka” mal-karatteristiċi taż-żona ġeografika ddeżinjata juri koinċidenza tajba bejniethom, u mhijiex sempliċiment probabbiltà li l-produzzjoni taċ-ċirasa qarsa bdiet hawn u li l-varjetà taċ-ċirasa qarsa ta’ Újfehértó għandha l-oriġini tagħha hawn; jew li ħafna mill-għelejjel taċ-ċirasa qarsa tal-Kontea ta’ Szabolcs-Szatmár-Bereg jiġu prodotti hawn.
It-tipi ta’ ċirasa qarsa b’rendiment għoli magħrufa lokalment bħala “Fehértói csüngős Pándy” jew “Fehértói fürtös Pándy” infirxu b’mod wiesa’ f’Újfehértó u madwarha fl-ewwel nofs tas-seklu 20. It-tnissil lokali selettiv, fl-istazzjon tar-riċerka ta’ Újfehértó u madwaru beda fis-snin sittin taħt il-gwida ta’ Dr Ferenc Pethő, u kien jinvolvi l-ġbir ta’ kloni ta’ frott awtofertili, ta’ kwalità għolja u b’rendiment għoli li jinqala’ faċilment minn maz-zokk. Il-klonu taċ-ċirasa qarsa bl-aktar karatteristiċi favorevoli ġie individwat, u kklassifikat bħala varjetà li ngħatat rikonoxximent preliminari mill-Istat taħt l-isem “Újfehértói fürtös” fl-1970. It-tnissil lokali selettiv ġie estiż għall-muniċipalitajiet tal-madwar tar-reġjun. Il-varjanti miġbura hawnhekk ġew ittestjati wkoll f’Újfehértó, u l-aħjar varjetajiet bħal “Debreceni bőtermő”, “Kántorjánosi 3”, “Petri” u “Éva” ingħataw ukoll rikonoxximent mill-Istat; dawn il-varjetajiet jipprovdu l-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka”.
Hemm relazzjoni ta’ rigressjoni lineari bejn il-fluttwazzjoni wiesgħa fit-temperaturi ta’ matul il-jum u dawk ta’ matul il-lejl u l-kontenut taz-zokkor tal-frott. Id-differenza konsiderevoli bejn it-temperaturi ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl fiż-żona ġeografika matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni jagħtu lill-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa użati fil-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka” kontenut għoli ta’ zokkor (tal-inqas 14 ° Brix). Il-varjetajiet huma kkaratterizzati wkoll min-nuqqas ta’ togħmiet morri. Dan jagħti liċ-ċirasa qarsa t-togħma pjaċevolment ħelwa u aċiduża jew kemxejn aċiduża tagħha.
Taħt l-effett ikkombinat ta’ xita aktar qawwija fiż-żona ġeografika matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni u l-kapaċità tajba ta’ żamma tal-ilma tal-ħamrija ramlija umika medja-densa tagħha, iċ-ċirasa qarsa għandha kontenut baxx ta’ aċidu (aċidità totali ta’ 0,6 %-1,5 %); u dan jgħin ukoll biex jagħti lill-varjetajiet li jipprovdu l-materja prima għall-“Újfehértói meggypálinka”, it-togħma pjaċevolment ħelwa u aċiduża jew kemxejn aċiduża karatteristika tagħhom.
Fit-tħejjija tal-maxx, mal-maxx tal-fermentazzjoni jiżdied għadam imkisser u niexef, flimkien mill-kwantità żgħira ta’ għadam imkisser permess (massimu ta’ 3 %), jekk ikun meħtieġ biex tiġi żgurata t-togħma tal-marżipan tal-“Újfehértói meggypálinka”.
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa mkabbra fiż-żona ġeografika huma dderivati mill-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona ġeografika u l-għarfien tal-bniedem marbut ma’ Újfehértó.
Il-produzzjoni u l-konsum tal-pálinka fil-Baċir Karpazjan ilhom miż-żminijiet bikrija ta’ meta n-nies stabbilew ruħhom hawnhekk. In-nies ta’ Árpád diġà kienu jafu kif jipproduċu l-ispirti, minħabba li din is-sengħa ġabuha magħhom minn darhom aktar lejn il-Lvant. Il-proċess ta’ qlib mill-għodod primittivi, mid-distillaturi sempliċi magħmula mit-tafal u mill-betula, għal-lampiki ta’ distillazzjoni u rfinar tal-pálinka tal-lum ħa bosta eluf ta’ snin. L-użu tal-ispirti u l-funzjoni attribwita lilhom inbidlu skont iċ-ċirkostanzi taż-żmien. In-nektar qawwi li kien jintuża bħala mediċina fil-passat, fit-tħejjija ta’ essenzi tal-pjanti. (Il-memorja ta’ dan baqgħet tgħix fl-għarfien kollettiv sa ftit taż-żmien ilu f’Újfehértó, minħabba li sa nofs is-seklu 20 l-anzjani kienu jżommu d-diversi ħxejjex aromatiċi li jiġbru mgħaddsa fil-pálinka biex jassorbu l-effett ta’ fejqan.) Ix-xarba intossikanti saret popolari matul il-Medjuevu. Minkejja dan, anke fis-snin tletin u erbgħin kienet għadha ma saritx xarba ta’ kuljum kif nafuha llum, billi skont ir-residenti anzjani ta’ Újfehértó, il-pálinka kienet għadha tinxtorob f’festi speċjali, bħall-ħsad.
Fil-jiem bikrija tal-produzzjoni tal-pálinka, l-lampiki ma kinux jiġu sseparati u kienu jintużaw għad-distillazzjoni tal-frott, tal-inbid, taċ-ċereali, tal-patata, eċċ. Matul is-seklu 18 il-kapaċità tal-lampiki kienet għadha baxxa ħafna. L-ewwel data dwar il-bejgħ ta’ spirti f’Újfehértó tmur lura għal dan iż-żmien u toriġina mit-taverni tal-lokalità, li kienu jinkrew u jiġu pprovduti lil-lokalità b’introjtu eċċellenti. Dawn it-taverni, li d-detenturi tal-kera tagħhom dak iż-żmien kienu fil-biċċa l-kbira ġejjin mill-komunità Lhudija li stabbiliet ruħha fiż-żona, kienu involuti fil-bejgħ tal-pálinka flimkien mal-inbid. Madankollu, l-ammont tal-pálinka kien żgħir ħafna, li huwa xhieda wkoll ta’ xi tip ta’ għodod magħmula d-dar u ta’ kapaċità żgħira li wisq probabbli servew bħala lampik għall-produzzjoni tagħha. Madankollu, aktar tard saret aktar u aktar popolari fir-reġjun, kif joħroġ biċ-ċar mid-dikjarazzjoni tal-logutenent irtirat tad-dazju tas-sisa Sándor Bakó.
F’Újfehértó, kif ukoll f’Alföld b’mod ġenerali, il-frott kellu rwol importanti fin-nutrizzjoni. Frotta tali kienet iċ-ċirasa qarsa, li l-varjetajiet selvaġġi tagħha kienu diġà jinstabu fiż-żoni tal-madwar fil-bidu tas-seklu 17.
Il-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar u b’azjendi agrikoli akbar u b’ġonna tas-siġar tal-frott kienu jagħmlu l-pálinka tas-sajf tagħhom fl-istess ħin li kienet tiġi prodotta l-“pálinka tal-ħsad” għall-abitanti tal-lokalità.
Sa mill-bidu tas-seklu 19 Újfehértó kellha għadd ta’ vinji estensivi. Minbarra l-vinji, wieħed seta’ jara wkoll diversi siġar tal-frott, bħaċ-ċirasa qarsa “żingara” nofsha selvaġġa u, f’għadd dejjem jikber, is-siġar taċ-ċirasa qarsa Szilágyi u Pándy. F’nofs is-snin sebgħin l-għelieqi tas-siġar tal-frott taċ-ċirasa qarsa bdew jidhru f’azjendi agrikoli iżgħar u magħmula l-aktar mill-varjetà taċ-ċirasa qarsa Pándy u l-varjetajiet taċ-ċirasa qarsa ta’ Újfehértói żviluppati fil-post tar-riċerka ta’ Újfehértó fl-1965.
Darba kien hemm żewġ distilleriji industrijali akbar tal-pálinka li joperaw f’Újfehértó, waħda ffinanzjata mill-komunità tal-lokalità u l-oħra mis-sidien tal-artijiet lokali. L-ewwel waħda kienet tinsab fil-parti tat-Tramuntana tal-lokalità, it-tieni waħda - li kienet twaqqfet minn Lőrinc Csernyus, l-ewwel logutenent tar-rivoluzzjoni tal-1848/49 - fil-parti tan-Nofsinhar għadha qed topera f’Rákóczi út.
B’mod ġenerali, nistgħu ngħidu li fid-dawl tal-kundizzjonijiet klimatiċi xierqa, il-produzzjoni u l-konsum tal-pálinka taċ-ċirasa qarsa għandhom tradizzjonali twila fiż-żona ddeżinjata.
7. Dispożizzjonijiet nazzjonali/reġjonali jew tal-Unjoni Ewropea
— |
L-Att XI tal-1997 dwar il-protezzjoni tat-trademarks u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi |
— |
L-Att LXXIII tal-2008 dwar il-pálinka, il-pálinka mir-residwu tal-għasra u l-Kunsill Nazzjonali tal-Pálinka |
— |
Id-Digriet tal-Gvern Nru 158/2009 tat-30 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel u għall-verifika tal-prodotti |
— |
Id-Digriet tal-Gvern Nru 22/2012 tad-29 ta’ Frar 2012 dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari |
— |
Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 |
— |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 716/2013 tal-25 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi ta’ xorb spirituż |
8. Applikant
Isem: Zsindelyes Pálinka Zrt.
Indirizz postali: Zsindelyes tanya 1. sz, H-4245 Érpatak
9. Suppliment mal-isem tal-Indikazzjoni Ġeografika
L-isem “Újfehértói meggypálinka” jista’ jiġi ssupplimentat ukoll b’dan li ġej:
Suppliment: “érlelt” [immaturat]
Il-kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi: Prodott jista’ jkollu dan is-suppliment jekk jitħalla jimmatura għal tal-inqas tliet xhur f’bettija tal-injam b’volum ta’ mhux inqas minn 1 000 litru, u tal-inqas sitt xhur f’bettija ta’ volum akbar.
Suppliment: “ópálinka” [pálinka antika]
Il-kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi: Prodott jista’ jkollu dan is-suppliment jekk jitħalla jimmatura għal tal-inqas sena f’bettija tal-injam b’volum ta’ inqas minn 1 000 litru, u tal-inqas sentejn f’bettija tal-injam ta’ volum b’1 000 litru jew aktar.
Suppliment: “gyümölcságyon érlelt” jew “ágyas” [immaturat fuq saff ta’ frott]
Il-kundizzjonijiet ta’ użu speċifiċi: Prodott jista’ jkollu dan is-suppliment jekk waqt il-maturazzjoni jintużaw tal-inqas 10 kg ta’ ċirasa qarsa mmaturata jew tal-inqas 5 kg ta’ ċirasa qarsa niexfa tal-varjetajiet speċifikati fit-Taqsima D li joriġinaw miż-żona speċifikata fit-Taqsima C għal kull 100 l ta’ pálinka u l-prodott jitħalla jimmatura mal-frott għal tal-inqas tliet xhur. Il-kwantità netta ta’ pálinka trid tintwera fuq it-tikketta tal-flixkun.
10. Regoli speċifiċi għat-tikkettar
Minbarra r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti, id-denominazzjoni tinkludi wkoll dan li ġej:
“Indikazzjoni Ġeografika”