Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2010/31/UE)
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?
|
Peress li l-bini huwa responsabbli għal 40 % tal-konsum tal-enerġija totali u 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) relatati mal-enerġija fl-UE, id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-bini hija vitali biex jitwettqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija tal-2030 u l-2050 stabbiliti fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u fil-proposti “Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew”. Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika jidentifika l-ħtieġa li l-emissjonijiet tal-GHG fil-bini jonqsu b’madwar 60 % sabiex tintlaħaq il-mira globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 55 % sal-2030. Dan jeħtieġ tal-inqas l-irduppjar tar-rati ta’ rinnovazzjoni.
|
X’għandu jinkiseb?
|
Ir-reviżjoni tal-EPBD għandha żewġ objettivi ewlenin: (1) il-kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG tal-bini u tal-konsum finali tal-enerġija sal-2030; (2) l-iżgurar li l-bini jagħti kontribut adegwat biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. L-objettivi speċifiċi huma: li jiżdiedu r-rata u l-profondità tar-rinnovazzjonijiet tal-bini (qasam ta’ politika A); li tittejjeb l-informazzjoni dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u s-sostenibbiltà tal-bini bl-użu tal-għodod diġitali (fl-oqsma kollha ta’ politika); li jiġi żgurat li l-bini ġdid ikun konformi mal-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050 (qasam ta’ politika B); u li l-bini jiġi integrat f’sistemi tal-enerġija dekarbonizzati u diġitalizzati (qasam ta’ politika C).
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?
|
It-tisħiħ tal-qafas komuni se jiżgura li s-settur tal-bini madwar l-UE jnaqqas l-emissjonijiet tal-GHG tiegħu fuq l-iskala meħtieġa. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar ma jiħdux azzjoni, dan jimplika kostijiet ġenerali ogħla ta’ tnaqqis tal-GHG għall-UE kollha kemm hi. L-azzjoni fil-livell tal-UE toffri wkoll ingranaġġ fil-mobilizzazzjoni tas-settur madwar ambizzjoni komuni u twassal għall-eżiti tas-suq mistennija ogħla. Dan se jixpruna l-investiment fir-rinnovazzjoni, joħloq l-impjiegi, jistimula l-innovazzjoni u jżid il-benefiċċji tas-suq intern għall-prodotti u l-apparat għall-bini.
|
B. Soluzzjonijiet
|
X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?
|
Il-miżura ewlenija skont il-qasam ta’ politika A hija li jiġu introdotti standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (MEPS), ikkumplimentati minn ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija aktar b’saħħithom, l-introduzzjoni tal-passaporti ta’ rinnovazzjoni tal-bini u d-definizzjoni ta’ rinnovazzjoni profonda. Il-miżura ewlenija skont il-qasam ta’ politika B hija l-introduzzjoni ta’ standard għall-“bini b’emissjonijiet żero” (ZEBs). Il-miżura ewlenija skont il-qasam ta’ politika C hija r-rekwiżiti msaħħa għall-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi fil-bini. Il-miżuri identifikati għal kull qasam ta’ politika huma miġbura f’erba’ għażliet, li jirrappreżentaw livell ogħla ta’ ambizzjoni: ambizzjoni baxxa, moderata u għolja (b’żewġ varjanti, I - II). L-għażla 3 “Ambizzjoni għolja I” hija l-għażla ppreferuta fil-Valutazzjoni tal-impatt. Din l-għażla hija taħlita ta’ tisħiħ tal-miżuri eżistenti u l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda b’enfasi kemm fuq il-bini ġdid kif ukoll fuq il-bini eżistenti. Dan jirriżulta b’mod partikolari fil-proposta ta’ MEPSs li jinkludu taħlita ta’ standards vinkolanti għal bini bl-agħar rendiment stabbiliti fil-livell tal-UE, ikkumplimentati mill-istandards stabbiliti fil-livell nazzjonali. Wara l-opinjonijiet negattivi tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjoni tal-impatt, li qajmu tħassib li din ma tipprovdix evidenza soda biżżejjed li tappoġġa s-sett ippreferut ta’ miżuri ta’ politika, b’mod partikolari fir-rigward tal-proporzjonalità u l-grad ta’ armonizzazzjoni tal-UE, il-proposta leġiżlattiva ġiet allinjata mal-għażla 2 dwar l-ambizzjoni moderata għal diversi aspetti, inkluż ir-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti, filwaqt li tinżamm l-għażla 3 — approċċ ta’ ambizzjoni għolja I — għall-bini ġdid u l-modernizzazzjoni tiegħu.
|
X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?
|
Il-partijiet ikkonċernati esprimew appoġġ mifrux dwar it-tisħiħ tal-qafas tal-EPBD u l-introduzzjoni tal-miżuri ta’ politika ġodda proposti. Madankollu, ġew espressi fehmiet differenti dwar id-disinn preċiż tagħhom. Il-MEPS huma appoġġati minn 75 % tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika (PC), 84 % tar-rispondenti huma favur li iż-ZEBs jiġu ddefiniti fl-EPBD. Hemm appoġġ qawwi (89 %) għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-objettivi identifikati mill-SM fl-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni fit-tul tagħhom. Aktar minn żewġ terzi (68 % tar-rispondenti huma favur l-inklużjoni ta’ miżuri biex l-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu jiġu rrapportati. 68 % jemmnu wkoll li jkun ta’ benefiċċju li tingħata definizzjoni legali ta’ “rinnovazzjoni profonda”. Aktar minn tliet kwarti (76 %) jappoġġaw l-armonizzazzjoni taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPC).
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
Il-miżuri ta’ politika skont l-għażla 3 (“ambizzjoni għolja I”) se jġibu l-benefiċċji massimi meta mqabbla max-xejriet attwali tar-rinnovazzjoni tal-bini. Meta mqabbla mal-linja bażi, ir-rati ta’ rinnovazzjoni huma pproġettati li jkunu bħala medja 1,35 punti perċentwali ogħla fl-2030 u l-konsum tal-enerġija għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku 11,7 % anqas sal-2030 u 34 % inqas sal-2050. L-emissjonijiet tal-GHG huma pproġettati li jkunu 23 % u 53,5 % anqas fl-2030 u fl-2050, rispettivament, u t-tniġġis tal-arja u l-użu tal-ilma se jitnaqqsu wkoll. Meta mqabbla mal-linja bażi, il-kostijiet tal-enerġija għall-konsumaturi huma pproġettati li jkunu 8 % anqas fl-2030 u 27,6 % anqas fl-2050. Il-miżuri se jiġġeneraw ukoll l-impjiegi u l-valur miżjud fl-ekosistema tal-kostruzzjoni. L-għażla tal-ambizzjoni moderata f’konformità mal-għażla 2 hija stmata li se twassal għal rata medja ta’ rinnovazzjoni ta’ 0,2 punti perċentwali ogħla milli fix-xenarju ta’ referenza. Hawnhekk, il-konsum finali tal-enerġija se jitnaqqas bi 3,6 % u b’16 % fl-2030 u fl-2050, rispettivament, u l-emissjonijiet tal-GHG għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku b’4,2 % u b’21 % fl-2030 u fl-2050, rispettivament. Meta mqabbla mal-linja bażi, il-kostijiet tal-enerġija għall-konsumaturi fl-għażla ta’ ambizzjoni moderata huma pproġettati li se jkunu 2 % ogħla u 12 % anqas sal-2030 u l-2050, rispettivament.
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
Il-kostijiet ewlenin huma relatati mal-investimenti fir-rinnovazzjonijiet tal-enerġija skattati mill-MEPS u mal-konformità mar-rekwiżiti ta’ emissjonijiet żero għall-kostruzzjonijiet ġodda. Meta mqabbla mal-linja bażi, iż-żieda relattiva stmata tal-investiment hija ta’ 80 % sal-2030 fix-xenarju ta’ “ambizzjoni għolja I”. B’kuntrast mal-għażla ppreferuta, l-għażla tal-ambizzjoni moderata għar-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti hija stmata li se tkun teħtieġ żieda relattiva ta’ investiment aktar baxxa ta’ 22,4 % sal-2030.
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
Aktar minn 90 % tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni, l-arkitettura u l-inġinerija ċivili huma SMEs. Fl-għażla ppreferuta, huwa pproġettat li l-attività se tiżdied b’mod sinifikanti sal-2030, u twassal għal EUR 104 biljuni fis-sena ta’ valur miżjud addizzjonali meta mqabbel mal-2020. Fl-għażla moderata, huwa pproġettat li sal-2030 se jiġu ġġenerati madwar EUR 29 biljun fis-sena ta’ valur miżjud addizzjonali.
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
Il-proposta temenda Direttiva eżistenti għat-tielet darba u tiddependi ħafna fuq l-istrutturi u r-regoli li diġà qegħdin fis-seħħ. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi se jiffaċċjaw il-kostijiet marbuta mat-traspożizzjoni nazzjonali, il-monitoraġġ u l-infurzar, u ċerti kostijiet amministrattivi mġarrba biex jikkonformaw mal-obbligi li jipprovdu l-informazzjoni. Dwar dan tal-aħħar, id-diġitalizzazzjoni taċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija u d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar l-iskambju tad-data u l-bażijiet tad-data huma mistennija li jnaqqsu l-kostijiet tal-konformità u jiffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi marbuta mar-rinnovazzjonijiet.
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
Il-kontijiet orħos tal-enerġija se jgħinu biex jittaffa l-faqar enerġetiku. It-tnaqqis relattiv stmat tal-faqar enerġetiku se jkun jikkonċerna madwar 3,5 miljun unità domestika għall-għażla ppreferuta u 2,3 miljun unità domestika għall-ambizzjoni ta’ moderazzjoni sal-2030. Barra minn hekk, it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija se jġib miegħu benefiċċji ambjentali u tas-saħħa sinifikanti, u se jnaqqas ukoll id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija.
|
Proporzjonalità?
|
Il-miżuri proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex is-settur tal-bini jagħti l-kontribut adegwat tiegħu għall-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030 u l-2050. It-tħassib espress mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġie indirizzat bil-modifikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva.
|
D. Segwitu
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
Il-Kummissjoni biħsiebha tirrieżamina l-EPBD sa mhux aktar tard minn tmiem l-2027. L-impatti tal-EPBD riveduta se jiġu mmonitorjati u l-progress se jiġi evalwat abbażi tad-dispożizzjonijiet fl-EPBD attwali, tal-Pjanijiet għar-Rinnovazzjoni tal-Bini, u tal-progress fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika. Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-miżuri fis-seħħ, inkluż l-ipprezzar tal-karbonju, humiex se jġibu biżżejjed titjib biex jitwassal stokk tal-bini kompletament dekarbonizzat u b’emissjonijiet żero sal-2050, jew jekk hux se jkun meħtieġ li jiġu introdotti aktar miżuri vinkolanti fil-livell tal-Unjoni bħal standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija msaħħa madwar l-UE kollha.
|