EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021SC0356

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-trasparenza u l-immirar ta’ reklamar politiku

SWD/2021/356 final

Brussell, 25.11.2021

SWD(2021) 356 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-trasparenza u l-immirar ta’ reklamar politiku

{COM(2021) 731 final} - {SEC(2021) 575 final} - {SWD(2021) 355 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattiva dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Ir-reklamar politiku jwassal messaġġi politiċi lill-votanti permezz ta’ diversi mezzi medjatiċi bħall-istampa, it-televiżjoni u l-media soċjali. Dan jintuża f’kampanji politiċi u, b’mod aktar ġenerali, biex isawwar l-opinjoni pubblika u jikkontribwixxi għal dibattiti dwar suġġetti ta’ importanza soċjetali. Huwa regolat b’mod speċifiku biex jiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti. Element importanti tar-regoli eżistenti huwa li dawn għandhom l-għan li jiżguraw li r-reklamar politiku jintuża b’mod trasparenti, biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħrfu r-reklami u biex dawk li jagħmluhom ikunu jistgħu jinżammu responsabbli. Hemm interess pubbliku leġittimu biex dan jiġi protett, bħall-ġustizzja, l-opportunitajiet indaqs u t-trasparenza fil-proċess elettorali u d-dritt fundamentali li wieħed ikun infurmat b’mod oġġettiv, trasparenti u pluralistiku. Għalhekk, ir-regoli nazzjonali jimponu obbligi fuq l-atturi politiċi u fuq il-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ reklamar politiku. Tradizzjonalment, dawn ir-regoli kienu jiffukaw fuq il-media “offline” (gazzetti, xandara, eċċ.); madankollu, ir-reklamar online kompla jsir dejjem aktar komuni peress li jista’ jixxerred b’aktar flessibbiltà u jkun immirat lejn udjenzi speċifiċi ħafna. Ir-reklamar online ġab miegħu sfidi ġodda, b’mod partikolari dawk relatati ma’ kwistjonijiet ta’ trasparenza, responsabbiltà u mmirar manipulattiv.

L-Istati Membri kollha għandhom leġiżlazzjoni rilevanti għar-reklamar politiku, li tirriżulta f’taħlita frammentata ta’ regoli nazzjonali fejn jidħlu s-sustanza, il-kamp ta’ applikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar. Dawn jimponu obbligi fuq il-fornituri tas-servizzi u japplikaw b’mod differenti fost l-Istati Membri, u jiddependu mill-mezz li bih jixxerrdu r-reklami. Dan jikkonċerna, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet rilevanti u r-rekwiżiti ta’ trasparenza, li jaffettwaw il-kontenut tar-reklami. Peress li xi Stati Membri beħsiebhom jintroduċu leġiżlazzjoni ġdida biex tkopri l-media online l-ġdida, din il-frammentazzjoni mistennija tiżdied. Dan il-kuntest legali kumpless jiġġenera kostijiet u sfidi, li joħolqu wkoll ostakli għar-reklamar politiku bħala servizz transfruntier fis-suq intern, b’impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

Id-data personali tintuża biex il-messaġġi politiċi jkunu mmirati lejn iċ-ċittadini billi r-reklami jkunu diretti lejn gruppi u l-kontenut ikun imfassal apposta għalihom. L-ipproċessar ta’ data personali għal dawn il-finijiet, b’mod partikolari data meqjusa sensittiva skont il-GDPR, u l-immirar lejn gruppi żgħar biżżejjed biex messaġġi politiċi mfassla apposta jkunu jistgħu jaslulhom b’mod mhux trasparenti, għandhom effetti negattivi speċifiċi u distinti fuq id-drittijiet protetti taċ-ċittadini. Barra minn hekk, xi Stati Membri ippruvaw jew qed jikkunsidraw jintervjenu fir-rigward tal-immirar, iżda rriżulta li dawn il-miżuri huma problematiċi.

Dawn il-kwistjonijiet jaffettwaw ukoll il-proċessi demokratiċi u l-kampanji fil-livell tal-UE, inkluż mill-partiti politiċi Ewropej (European political parties, EUPPs). Il-qafas legali tal-UE għall-EUPPs ma jirregolax l-użu tar-reklamar politiku, u l-frammentazzjoni u l-inċertezza jistgħu jfixklu l-abbiltà tal-EUPPs li jwettqu kampanji madwar l-UE kollha.

Din il-valutazzjoni tal-impatt tanalizza l-problemi ewlenin bir-reklami politiċi u x’jikkawżahom, minn 3 perspettivi:

1.L-atturi ekonomiċi li jixtiequ jwettqu kampanji multimedjali u/jew multinazzjonali jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli sinifikanti u kostijiet addizzjonali, minħabba d-differenzi fir-regolamentazzjoni tat-trasparenza fost l-Istati Membri u bejn kuntesti online u offline. Xi atturi politiċi u ekonomiċi jisfruttaw din is-sitwazzjoni biex jevitaw ir-regoli. Din is-sitwazzjoni twassal ukoll biex sehem kbir ta’ reklami politiċi jsiru online.

2.Din is-sitwazzjoni xxekkel il-kapaċità tar-regoli nazzjonali dwar ir-reklami politiċi li jipproteġu l-proċessi demokratiċi u d-drittijiet fundamentali. L-immirar ta’ reklami politiċi online, kif ukoll tekniki manipulattivi oħra, joħolqu problemi addizzjonali.

3.M’hemmx biżżejjed trasparenza fir-reklami politiċi sponsorjati mill-EUPPs li jwettqu kampanji madwar l-UE dwar kwistjonijiet tal-UE.

X’għandu jinkiseb?

L-għanijiet ġenerali huma li: (1) jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ reklamar politiku u servizzi relatati fis-suq intern, filwaqt li jiġu appoġġati proċessi demokratiċi ġusti abbażi ta’ standards ta’ trasparenza għoljin u armonizzati u l-użu legali ta’ tekniki ta’ mmirar; (2) jiġu previsti standards ta’ trasparenza għoljin għall-partiti politiċi fl-UE li jappoġġaw elezzjonijiet ħielsa u ġusti.

L-għanijiet speċifiċi huma li: (a) titnaqqas il-frammentazzjoni legali, jitneħħew l-ostakli u jitnaqqsu l-kostijiet għas-servizzi transfruntieri, (b) jiġu ddefiniti rekwiżiti ta’ trasparenza għoljin għar-reklami politiċi (inkluż reklami dwar kwistjonijiet), (c) jiġu indirizzati riskji speċifiċi tal-protezzjoni tad-data li jirriżultaw mill-użu ta’ ċerti tekniki ta’ mmirar u amplifikazzjoni, (d) tiġi żgurata sorveljanza effettiva tal-obbligi previsti u jissaħħu l-eżiti regolatorji, (e) jiġu promossi trasparenza aktar b’saħħitha u elezzjonijiet ħielsa u ġusti billi l-partiti politiċi fl-UE jikkonformaw mar-regoli. Jekk jintlaħqu dawn l-għanijiet, tiżdied ukoll ir-reżiljenza kontra l-manipulazzjoni u l-interferenza barranija tal-informazzjoni.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Din il-kwistjoni hija indirizzata l-aħjar fil-livell tal-UE peress li l-Istati Membri individwali la jistgħu jindirizzaw il-frammentazzjoni tas-suq u lanqas in-natura transfruntiera tal-kwistjonijiet identifikati. Diversi Stati Membri għaddew jew qed jikkunsidraw leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku. Għalhekk, il-frammentazzjoni se tiżdied, u din tipperikola d-dritt għal-libertà tal-istabbiliment u għall-forniment tas-servizzi fl-UE, mingħajr ma jintlaħqu l-għanijiet maħsuba tar-regolamenti. Standards għal reklami politiċi u servizzi relatati li jkopru l-UE kollha jġibu magħhom iċ-ċertezza legali, ineħħu l-kostijiet ta’ konformità għall-forniment tas-servizzi transfruntieri, u jnaqqsu r-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità. Dawn itaffu l-inċentivi għall-atturi ekonomiċi biex jaqsmu s-suq intern u jinċentivawhom biex jipprovdu servizzi ta’ reklami politiċi transfruntieri konformi, kif ukoll biex jiżviluppaw oħrajn ġodda. Min-naħa l-oħra, l-effetti ta’ leġiżlazzjoni purament nazzjonali huma limitati għal Stat Membru wieħed. Dawn jippreżentaw ir-riskju li l-fornituri tas-servizzi minn Stati Membri oħra jevitawhom jew ma jifhmuhomx sew. Dawn ma jindirizzawx il-problemi li hemm fl-UE kollha li ġew identifikati hawn fuq, u saħansitra jistgħu jżidu magħhom. Barra minn hekk, in-natura transfruntiera tal-attivitajiet, b’mod partikolari fl-ambjent online, toħloq sfidi sinifikanti rigward it-trasparenza u l-immirar, li regolamentazzjoni purament nazzjonali f’dan il-qasam ma tkunx tista’ tindirizza. Il-protezzjoni tad-data hija armonizzata fil-livell tal-UE u jenħtieġ li jiġu pprovduti miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, l-UE biss tista’ tipprovdi miżuri li japplikaw fl-UE kollha għar-reklamar politiku tal-EUPP: dawn jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma xxekkilx il-kampanji tagħhom tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jintlaħqu l-għanijiet? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

L-għażliet relatati mal-atturi ekonomiċi fis-suq intern jinkludu:

1.1 Miżuri vinkolanti limitati biex jallinjaw ċerti definizzjonijiet u jipprevedu ż-żamma tal-informazzjoni, u miżuri u standards mhux vinkolanti biex jippromwovu t-trasparenza fl-użu tar-reklami politiċi online u offline u jappoġġaw aktar interventi, fosthom l-awtoregolamentazzjoni. Il-miżuri mhux vinkolanti jkopru wkoll l-użu ta’ tekniki ta’ mmirar.

1.2. Miżuri vinkolanti biex jarmonizzaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għar-reklami politiċi akkumpanjati minn miżuri u standards mhux vinkolanti. Il-miżuri vinkolanti jindirizzaw ukoll l-użu ta’ tekniki ta’ mmirar fir-reklami politiċi.

L-għażliet indirizzati lill-partiti politiċi jinkludu:

2.1. Miżuri vinkolanti limitati biex jadattaw il-qafas eżistenti dwar l-EUPPs, biex jintroduċu obbligu għall-partiti biex jappoġġaw l-użu trasparenti tar-reklami politiċi; u

2.2 L-estensjoni tal-qafas eżistenti biex jintroduċu obbligi komplementari fuq l-EUPPs biex jipprovdu trasparenza sinifikanti għall-użu tar-reklami politiċi. Dan jagħti s-setgħa xierqa lill-Awtorità għall-EUPPs biex tirrapporta dwar il-konformità.

Kemm għall-punt 2.1 kif ukoll għall-punt 2.2 japplikaw miżuri mhux vinkolanti għall-partiti politiċi nazzjonali, b’rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati lill-Istati Membri biex jintroduċu standards ekwivalenti għall-atturi politiċi kollha.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

·Hemm domanda ġenerali għal definizzjoni uniformi ta’ x’jikkostitwixxi reklamar politiku.

·Appoġġ wiesa’ għall-azzjoni tal-UE, b’mod partikolari għal miżuri ta’ trasparenza biex jiżguraw li (i) tiġi pprovduta biżżejjed informazzjoni dwar ir-reklami politiċi — biex il-kampanji jkunu jistgħu jiġu segwiti fuq pjattaformi u f’mezzi medjatiċi differenti — u (ii) l-informazzjoni tinżamm u ssir aċċessibbli għall-pubbliku.

·Appoġġ għall-projbizzjoni ta’ reklami politiċi mmirati, jew biex ikunu permessi biss wara li l-utenti jagħżlu li jirċevuhom b’mod espliċitu.

·Ir-regolamentazzjoni offline (regolata b’mod estensiv) u r-reklami online (regolamentazzjoni limitata jew l-ebda regolamentazzjoni) jeħtieġu riekwilibriju.

·B’mod ġenerali, l-Istati Membri jappoġġaw ukoll possibbiltajiet ta’ sorveljanza aktar effettivi (offline u online) biex jindirizzaw prattiki ta’ reklami politiċi mhux trasparenti.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ppreferuta mistennija jkollha effett pożittiv fuq il-linja bażi billi:

·iżżid iċ-ċertezza legali u tneħħi l-kostijiet assoċjati mal-frammentazzjoni regolatorja.

·iżżid it-trasparenza fl-immirar, b’impatti pożittivi fuq id-drittijiet fundamentali.

·tipprovdi bażi ċara għas-sorveljanza, u b’hekk tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jitolbu l-informazzjoni meħtieġa biex jissorveljaw ir-reklami politiċi, u jikkooperaw fl-investigazzjoni u l-infurzar.

·iżżid it-trasparenza fil-proċessi demokratiċi, kif ukoll il-protezzjoni kontra l-manipulazzjoni permezz ta’ tekniki ta’ mmirar.

·is-superviżjoni attiva tal-kampanji politiċi għall-elezzjonijiet tal-UE teħtieġ ukoll divulgazzjoni attiva u f’waqtha mill-EUPPs u li ssaħħaħ ir-rwol u r-riżorsi tal-Awtorità biex tiżgura s-sorveljanza.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-atturi ekonomiċi — kostijiet ta’ konformità biex jimplimentaw obbligi dwar it-trasparenza u s-sorveljanza (kemm kostijiet ta’ adattament ta’ darba kif ukoll kostijiet ta’ konformità kontinwi). Madankollu, il-kostijiet b’mod ġenerali għandhom ikunu aktar baxxi minn dawk tal-linja bażi, peress li t-tnaqqis fil-frammentazzjoni jwassal għal titjib fl-effiċjenza.

L-awtoritajiet nazzjonali u l-Awtorità għall-EUPPs — kostijiet ta’ darba għat-taħriġ u l-kapaċità li jadattaw u jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet il-ġodda għal regolamentazzjoni aktar effettiva. Il-kost għall-akkwist tar-repożitorju tal-EUPP. Dan huwa kkumpensat minn titjib fl-effiċjenza, aċċess aħjar għall-informazzjoni u koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE.

L-EUPPs — ċerti kostijiet għad-divulgazzjonijiet fuq pjattaforma komuni li sservi bħala repożitorju tar-reklami, ikkumpensati minn żieda fiċ-ċertezza legali u tnaqqis fl-ispejjeż tal-kampanji fl-UE kollha.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Ir-rekwiżiti l-ġodda se jgħinu lill-SMEs jespandu s-servizzi ta’ reklamar politiku tagħhom bejn il-fruntieri fis-suq intern. Jekk jadattaw is-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligu passiv li jżommu informazzjoni dwar ir-reklami politiċi, dan jinvolvi kostijiet żgħar ta’ darba. Dawn l-ispejjeż jiġu kkumpensati mill-iffrankar minn regoli aktar konsistenti fl-UE.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Kostijiet ta’ darba għat-taħriġ tal-persunal amministrattiv u kostijiet rikorrenti għall-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi tat-trasparenza u l-immirar. Dawn għandhom jiġu kkumpensati mill-iffrankar tal-effiċjenza minn obbligi armonizzati u l-proċess ta’ sorveljanza ssimplifikat u msaħħaħ. Madankollu, l-infurzar attwali huwa baxx.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Iż-żieda fir-responsabbiltà tal-atturi politiċi tħeġġeġ kultura ta’ kampanji trasparenti u onesti, u għandha tgħin biex terġa’ tibni l-fiduċja tal-pubbliku fl-użu tar-reklamar politiku, u b’mod aktar ġenerali fid-dibattitu politiku pubbliku u l-integrità tal-proċess elettorali.

Proporzjonalità? 

Il-miżuri proposti huma proporzjonati għall-għanijiet definiti (ara l-kaxxa għas-sussidjarjetà hawn fuq).

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Fi żmien 5 snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament previst.

Top