Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021SC0027

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (Riformulazzjoni)

    SWD/2021/27 final

    Brussell, 24.2.2021

    SWD(2021) 27 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (Riformulazzjoni)

    {COM(2021) 85 final} - {SEC(2021) 90 final} - {SWD(2021) 28 final} - {SWD(2021) 29 final}


    Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

    Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-rieżami u l-estensjoni tar-Regolament dwar ir-Roaming (riformulazzjoni)

    A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

    X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

    Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2022. Mingħajr estensjoni tar-regoli dwar ir-roaming, il-benefiċċji tar-“ir-roaming daqslikieku f’pajjiżek” (RLAH) jistgħu jintilfu għall-konsumaturi u għan-negozji, filwaqt li ostakli addizzjonali jistgħu jillimitaw l-użu bla xkiel ta’ servizzi mobbli u ta’ applikazzjonijiet innovattivi waqt l-ivvjaġġar fis-suq uniku tal-UE/ŻEE. Kważi 170 miljun klijent Ewropew tar-roaming bħalissa jgawdu l-RLAH u l-benefiċċji li jibqgħu konnessi daqslikieku f’pajjiżhom waqt li jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE/fiż-ŻEE. 

    Ir-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni tal-2019 identifika l-problemi li din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza. L-analiżi tibni fuq firxa wiesgħa ta’ data u rispons mingħand il-partijiet ikkonċernati, li ntużaw biex tiġi evalwata l-prestazzjoni ta’ dan ir-Regolament u biex jiġi evalwat kif jaħdem is-suq tar-roaming skont ir-regoli eżistenti tal-UE dwar ir-roaming. Il-problemi ewlenin huma spjegati fil-qosor hawn taħt:

    A.L-RLAH ma jistax jiġi sostnut mingħajr tariffi regolati bl-ingrossa jew servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, minħabba dinamika insuffiċjenti tal-kompetizzjoni (falliment tas-suq).

    B.Il-konsumaturi mhux dejjem ikunu jafu x’livell ta’ servizz għandhom jistennew (kwalità tas-servizz) jew kif jiġu ċċarġjati t-telefonati għal servizzi ta’ valur miżjud waqt ir-roaming (tariffi ogħla). Il-kwalità tas-servizz offrut xi kultant tkun aktar baxxa minn dik li jgawdu f’pajjiżhom, anki jekk ikun hemm disponibbli l-livell ekwivalenti. L-aċċess mingħajr ħlas għas-servizzi ta’ emerġenza permezz ta’ mezzi alternattivi u l-forniment ta’ informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta’ min qed jagħmel it-telefonata mhux dejjem jiġu żgurati, speċjalment lill-utenti finali b’diżabbiltà.

    C.Il-fornituri tar-roaming xi kultant jiffaċċjaw problemi biex jiksbu aċċess għar-roaming bl-ingrossa għan-networks mitluba. Minħabba li hemm ukoll nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tat-telefonati lejn servizzi ta’ valur miżjud, il-fornituri tar-roaming ma jistgħux jidentifikaw il-meded ta’ numri rilevanti u, b’riżultat ta’ dan, jistgħu jġarrbu kostijiet mhux mistennija. Ir-regoli attwali tal-UE dwar ir-roaming jaf ma jkunux adattati biżżejjed biex jippermettu l-innovazzjoni u jindirizzaw il-bidliet teknoloġiċi u kummerċjali.

    X’għandu jinkiseb?

    L-inizjattiva għandha l-għan li tikseb dan li ġej:

    A) Li jiġi żgurat li l-RLAH ikun sostenibbli għall-operaturi, u li dawn ikunu jistgħu jirkupraw il-kost tal-forniment tas-servizzi tar-roaming fil-livell bl-ingrossa, filwaqt li tippreserva l-inċentivi għall-investiment f’networks miżjura u tevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni domestika fis-swieq miżjura.

    B) Li tikseb esperjenza ġenwina tal-RLAH għall-klijenti tar-roaming u li tagħti lill-utenti finali l-kunfidenza biex jibqgħu konnessi meta jivvjaġġaw fl-UE. Il-konsumaturi u l-utenti finali tan-negozju għandhom jibbenefikaw mill-istess kwalità tas-servizz waqt ir-roaming daqslikieku f’pajjiżhom, u għandhom ikunu jistgħu jużaw servizzi innovattivi u jibbenefikaw minn trasparenza akbar biex jevitaw ħasdiet bil-kont li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi ta’ valur miżjud. Għandu jiġi żgurat ukoll aċċess ekwivalenti għas-servizzi ta’ emerġenza għal kulħadd, bl-istess mod bħal fil-pajjiż tal-oriġini.

    C) Li tiffaċilita l-innovazzjoni, li tiżgura aċċess għar-roaming bl-ingrossa għat-teknoloġiji tan-network mitluba u li tgħin lill-operaturi jevitaw telf marbut ma’ servizzi ta’ valur miżjud. L-inizjattiva għandha l-għan ukoll li tissimplifika l-affarijiet u li tnaqqas il-piż għall-operaturi u għal partijiet ikkonċernati oħra.

    X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

    Fis-suq internazzjonali tar-roaming, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE biex jittejjeb is-suq uniku għall-komunikazzjoni elettronika. Kif ġie osservat f’kawża storika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-roaming (C-58/08 Vodafone), il-fatt li r-roaming internazzjonali huwa transfruntier fih innifsu jiġġustifika azzjoni fil-livell tal-UE minħabba li l-Istati Membri waħedhom ma jistgħux jindirizzaw il-kwistjoni b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma kellhomx l-għodod biex jindirizzaw il-problemi huma stess.

    Is-sejbiet tar-rapport ta’ rieżami tal-Kummissjoni tal-2019 u s-sejbiet tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) jikkonfermaw li t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming bl-imnut fiż-ŻEE kkontribwiet b’mod sostanzjali għat-tlestija tas-suq uniku. L-utenti finali setgħu jibbenefikaw ukoll mill-RLAH b’żieda sinifikanti fil-volumi minn Ġunju 2017. Ir-rapport jikkonkludi li, minkejja sinjali ta’ xi dinamika tal-kompetizzjoni kemm fis-swieq tar-roaming bl-imnut kif ukoll bl-ingrossa, il-kundizzjonijiet bażiċi sottostanti tal-kompetizzjoni ma nbidlux, u aktarx li mhux se jinbidlu fil-futur qrib, tant li r-regolamentazzjoni bl-imnut jew bl-ingrossa tas-suq tar-roaming jaf titneħħa. Il-valur miżjud qed jippermetti RLAH sostenibbli u ġenwin għall-utenti finali, permezz ta’ limiti massimi bl-ingrossa fl-UE kollha li strument tal-UE biss jista’ jiżgura.

    B. Soluzzjonijiet

    X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta? Jekk le, għaliex?

    Il-Kummissjoni qed tipproponi u tivvaluta erba’ għażliet differenti:

    L-Għażla 1 (Linja bażi) – Estensjoni tar-regoli, u ż-żamma tad-dispożizzjonijiet attwali tar-Regolament dwar ir-Roaming kemm fil-livell bl-imnut kif ukoll fil-livell bl-ingrossa. 

    L-Għażla 2 – Kontinwità tar-Regolament dwar ir-Roaming bi kjarifiki, aktar trasparenza u miżuri biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni.

    L-Għażla 3 – RLAH sostenibbli u ġenwin (l-għażla ppreferuta).

    L-Għażla 4 – Obbligi estensivi fil-livell bl-ingrossa u bl-imnut għal esperjenza mtejba tal-RLAH. 

    L-għażla ppreferuta hija l-Għażla 3, li tiżgura l-akbar effikaċja u effiċjenza biex jintlaħqu l-objettivi tar-rieżami u l-estensjoni tar-Regolament dwar ir-Roaming (fil-forma ta’ riformulazzjoni). Tinkludi miżuri biex jiġi żgurat il-forniment sostenibbli tal-RLAH, b’perkors ta’ tnaqqis gradwali (glide path) propost biex jitnaqqsu l-limiti massimi fil-livell bl-ingrossa. Tintroduċi bosta titjib biex twieġeb għall-iżviluppi teknoloġiċi u kummerċjali u tiżgura esperjenza ġenwina tal-RLAH għall-utenti finali b’rabta mal-kwalità tas-servizz, is-servizzi ta’ valur miżjud u l-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza. Tinkludi simplifikazzjoni orizzontali u miżuri għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

    X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

    Il-partijiet ikkonċernati għandhom fehmiet differenti dwar il-livell tal-limiti massimi tal-prezzijiet, ir-rekwiżiti dwar il-kwalità tas-servizz, u l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza. L-operaturi inbounder kbar tan-networks (u speċjalment il-gruppi pan-Ewropej) għandhom it-tendenza li jiffavorixxu ż-żamma tal-limiti massimi bl-ingrossa għal-livell attwali. Min-naħa l-oħra, l-operaturi outbounder żgħar tan-networks (“li jkollhom klijentela li tuża aktar servizzi mobbli barra mill-pajjiż minn dawk użati mill-klijentela tal-operaturi sħab fuq in-network tagħhom stess) u l-operaturi virtwali jidher li jappoġġaw tnaqqis sinifikanti fil-limiti massimi bl-ingrossa.

    C. Impatti tal-għażla ppreferuta

    X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

    L-għażla ppreferuta tibbilanċja l-interessi tal-operaturi fl-iżgurar ta’ forniment sostenibbli tal-RLAH mingħajr ma thedded l-irkupru tal-kostijiet fil-forniment tas-servizzi tar-roaming bl-ingrossa. It-tnaqqas fil-limiti massimi bl-ingrossa jimplika li aktarx jonqsu l-kostijiet tar-roaming bl-ingrossa għall-operaturi outbounder. L-analiżi tas-sostenibbiltà tal-Kummissjoni tistma li dan se jwassal għal tnaqqis fil-perċentwal tal-operaturi mhux sostenibbli (marġni negattiv tar-roaming li jaqbeż it-3 % tal-marġni domestiku tagħhom) u għal tnaqqis relatat fil-marġni negattiv totali tar-roaming meta mqabbel mal-linja bażi ta’ 42 % fl-2023 u ta’ 52 % fl-2025.

    Il-benefiċċji għall-klijenti huma importanti wkoll; il-proporzjon ta’ utenti finali f’riskju li jiffaċċjaw ħlasijiet supplimentari meta l-operatur ikun ingħata deroga għas-sostenibbiltà, jitnaqqas b’aktar minn 40 %, u l-ħlasijiet supplimentari mħallsa eċċezzjonalment jitnaqqsu aktar. Din l-għażla se ttejjeb l-esperjenza tal-utenti finali waqt ir-roaming billi tikkontribwixxi għal kwalità aħjar tas-servizz u aktar għarfien fost il-konsumaturi dwar il-kwalità tas-servizz li għandhom jistennew waqt ir-roaming, u billi tgħin lill-utenti tar-roaming jevitaw ħasdiet bil-kont minn telefonati lejn servizzi ta’ valur miżjud. It-tnejn aktarx jirriżultaw f’żieda fis-sodisfazzjon tal-klijenti u f’inqas ilmenti.

    Din l-għażla tipprovdi wkoll l-għodod meħtieġa għall-operaturi biex jimplimentaw aċċess mingħajr ħlas għas-servizzi ta’ emerġenza u biex jipprovdu informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta’ min qed jagħmel it-telefonata għall-utenti finali kollha tar-roaming, inkluż dawk b’diżabbiltà. Din se tgħin biex jiġu salvagwardjati s-saħħa tagħhom, kif ukoll ħajjithom u l-proprjetà tagħhom.

    Fl-aħħar nett, l-għażla ppreferuta għandha l-għan li tippermetti lill-konsumaturi u lill-utenti tan-negozju jibbenefikaw mill-iżviluppi teknoloġiċi u mill-innovazzjoni xprunata mill-5G waqt li jkunu qed jivvjaġġaw.

    Mistennija wkoll xi benefiċċji ambjentali (żgħar) billi tagħmilha aktar faċli biex min juża r-roaming jagħmel użu minn servizzi u applikazzjonijiet mobbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (eż. servizzi mobbli ġodda tal-5G u tal-IoT għall-konnessjoni ma’ vetturi u infrastruttura tat-toroq li jistgħu jipprevjenu l-imwiet tan-nies u jnaqqsu l-kostijiet tal-fjuwil u t-tniġġis tal-arja).

    X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

    It-tnaqqis fil-limiti massimi bl-ingrossa jimplika li aktarx jonqos id-dħul tar-roaming bl-ingrossa għall-operaturi inbounder, filwaqt li xorta waħda jiżgura l-irkupru sħiħ tal-kostijiet. Għall-operaturi, tnaqqis possibbli fid-dħul tar-roaming bl-imnut huwa marbut ma’ ħlasijiet supplimentari aktar baxxi – il-konsumaturi jistgħu jintalbu jħallsu fil-każijiet eċċezzjonali meta dawn ikunu permessi (politika ta’ użu ġust u d-derogi għas-sostenibbiltà), f’liema każijiet il-ħlasijiet supplimentari ma jistgħux jaqbżu l-limiti massimi bl-ingrossa. Il-kostijiet addizzjonali ta’ konformità għall-operaturi u l-amministrazzjonijiet huma minuri (stmati li bħala medja huma inqas minn 6 ijiem ta’ persuna fis-sena għal kull wieħed minnhom).

    Il-miżura proposta dwar l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza timplika kostijiet ta’ implimentazzjoni. Madankollu, dawn huma marbuta l-aktar mal-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi diġà definiti f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE (il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi). Fl-aħħar nett, l-iżvilupp u ż-żamma ta’ bażi tad-data għall-meded ta’ numri għas-servizzi ta’ valur miżjud fiż-ŻEE kollha se jġarrbu kostijiet għall-BEREC (responsabbli għaż-żewġ kompiti) u kostijiet modesti għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (responsabbli għall-aġġornament tal-kontenut tal-bażi tad-data).

    X’inhuma l-impatti fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)?

    L-SMEs se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn esperjenza ġenwina tal-RLAH, bis-saħħa ta’ kwalità mtejba tas-servizz u r-riskju mnaqqas ta’ derogi għas-sostenibbiltà. L-SMEs u l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet se jibbenefikaw ukoll mill-fatt li l-klijenti jużaw l-applikazzjonijiet meta jivvjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor, bi kwalità tas-servizz kemm aħjar kif ukoll magħrufa. Applikazzjonijiet u servizzi ġodda, li jeħtieġu servizz ta’ kwalità għolja jew 5G jistgħu jibbenefikaw indirettament: l-użu bla xkiel fis-Suq Intern kollu jista’ jappoġġa l-użu tagħhom.

    Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

    Ma huma mistennija l-ebda impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. 

    Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

    Tnaqqis fil-piż amministrattiv huwa possibbli bis-saħħa ta’ proposta biex jiġu riveduti l-limiti massimi bl-ingrossa, jekk meħtieġ, permezz ta’ att delegat, li jissimplifika l-proċess leġiżlattiv (wara l-2025). Iffrankar ulterjuri huwa marbut ma’ sistema ta’ monitoraġġ simplifikata, rekwiżiti simplifikati għall-operaturi barra miż-żona tal-euro u t-tħassir ta’ dispożizzjonijiet skaduti.

    Il-proporzjonalità? 

    L-għażla ppreferuta fiha sett ta’ miżuri li la huma intrużivi u lanqas sproporzjonati. Huma limitati għal dawk l-aspetti li ġew osservati u li ma ġewx indirizzati biżżejjed mir-Regolament attwali, u li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell nazzjonali. It-tul limitat ta’ 10 snin ikompli jiżgura l-proporzjonalità.

    D. Segwitu

    Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

    Il-Kummissjoni tipproponi li r-Regolament il-ġdid jibqa’ għaddej għal 10 snin biex tiġi żgurata ċ-ċertezza fis-suq u jiġi minimizzat il-piż regolatorju. Il-kompetizzjoni fis-suq mhijiex mistennija li tinbidel b’mod sinifikanti f’dan il-perjodu. L-ewwel rapport ta’ rieżami huwa ppjanat għall-2025, meta l-Kummissjoni se tivvaluta kif ikun qed jiffunzjona s-suq tar-roaming u jekk hemmx bżonn rieżami tal-politika biex jiġu indirizzati xi sfidi emerġenti.

    Top