Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0935

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Italja – FEG/2021/003 IT/Porto Canale

    COM/2021/935 final

    Brussell, 28.10.2021

    COM(2021) 935 final

    2021/0337(BUD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Italja – FEG/2021/003 IT/Porto Canale


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stipulati fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 (minn hawn ’il quddiem jissejjaħ ir-Regolament dwar l-FEG).

    2.Fil-15 ta’ Lulju 2021, l-Italja ppreżentat applikazzjoni FEG/2021/003 IT/Porto Canale għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji f’Porto Industriale di Cagliari SpA l-Italja.

    3.Wara li valutat din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

    SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

    Applikazzjoni tal-FEG

    FEG/2021/003 IT/Porto Canale

    Stat Membru

    L-Italja

    Reġjun(i) ikkonċernat(i) (NUTS 2 livell 2)

    Sardenja (ITG2)

    Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

    il-15 ta’ Lulju 2021

    Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

    id-29 ta’ Lulju 2021

    Data tat-talba għal aktar informazzjoni

    id-29 ta’ Lulju 2021

    Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

    l-20 ta’ Awwissu 2021

    Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

    id-29 ta’ Ottubru 2021

    Kriterju għall-intervent

    L-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-FEG


    Intrapriża ewlenija

    Porto Canale
    (Porto Industriale di Cagliari SpA)


    L-għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

    1

    Is-settur(i) tal-attività ekonomika

    (Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 3

    Diviżjoni 52 (Magazzinaġġ u attivitajiet ta’ sostenn għat-trasport)

    Perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

    l-1 ta’ Settembru 2020 sal-1 ta’ Jannar 2021

    L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

    190

    L-għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

    0

    L-għadd totali ta’ sensji (a + b)

    190

    L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

    190

    L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

    190

    Baġit għas-servizzi personalizzati (EUR)

    1 686 750

    Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 4 (EUR)

    0 070 200

    Baġit totali (EUR)

    1 756 950

    Kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)

    1 493 407

    VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

    Il-Proċedura

    4.L-Italja ppreżentat l-applikazzjoni FEG/2021/003 IT/Porto Canale fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG, fil-15 ta’ Lulju 2021 5 . Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni u talbet aktar informazzjoni mingħand l-Italja fid-29 ta’ Lulju 2021. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni sħiħa li fiha l-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fid-29 ta’ Ottubru 2021.

    L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

    L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

    5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 190 ħaddiem issensjat, li l-attività tagħhom waqfet f’Porto Canale (Porto Industriale di Cagliari SpA). Din l-intrapriża kienet taħdem fis-settur ekonomiku kklassifikat fid-diviżjoni 52 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (Magazzinaġġ u attivitajiet ta’ sostenn għat-trasport). Is-sensji minn Porto Canale jinsabu fir-reġjun NUTS 2 ta’ Sardinja (ITG2).

    Il-kriterji għall-intervent

    6.L-Italja ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji għall-intervent tal-Artikolu 4(3) li jidderogaw mill-kriterji tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-inqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema ssensjati minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

    7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni huwa mill-1 ta’ Settembru 2020 sal-1 ta’ Jannar 2021.

    Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien ta’ attività

    8.Il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkulat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew tal-iskadenza tiegħu.

    Il-benefiċjarji eliġibbli

    9.Għaldaqstant, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 190.

    Deskrizzjoni tal-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

    10.Fl-2018, il-portijiet tal-Mediterran kienu jimmaniġġaw 35 % tat-traffiku tal-portijiet Ewropej, żieda ta’ seba’ punti perċentwali (pp) meta mqabbel mal-2008. Madankollu, il-portijiet Taljani ma bbenefikawx minn din ix-xejra. Bejn l-2011 u l-2018, it-tunnellati fi tranżitu tul il-Kanal ta’ Suez żdiedu bi 42 %, filwaqt li l-attività tal-portijiet Taljani żdiedet biss bi 2 % 6 u l-attività fil-port ta’ Cagliari naqset b’mod kostanti matul dan il-perjodu.

    It-trasport marittimu tal-merkanzija, il-flussi totali deħlin u ħierġin mill-portijiet ta’ Sardinja 
    (miljuni ta’ tunnellati)

    Dħul

    Ħruġ

    Sors: Banca d’Italia 7

    11.Il-proċess ta’ konċentrazzjoni li jinvolvi linji tat-tbaħħir globali 8 , wassal għal bidliet fl-operazzjonijiet ta’ trasbord fil-Baħar Mediterran. Il-volumi u l-operazzjonijiet tal-kontejners ġew ittrasferiti lejn iċ-ċentri li jinsabu fit-truf tal-baċir tal-Mediterran, bħal Piraeus, Port Said, Tanger-Med u Algeciras.

    12.Il-port ta’ Cagliari għandu żvantaġġ sinifikanti fin-network kummerċjali globali: ma jistax joffri konnessjonijiet fuq l-art mal-bqija tal-Italja u l-Ewropa. Fl-2018, it-traffiku naqas b’90 % u t-telf kien jammonta għal aktar minn EUR 3 miljun. Fl-2019, it-terminal tal-kontejners ta’ Cagliari ma rċieva l-ebda sejħa għall-bastimenti għal xi ftit xhur, bħala riżultat tal-għażliet strateġiċi tal-klijent ewlieni tiegħu (Hapag Lloyd) 9 . B’konsegwenza ta’ dan, Contship Italia Group, l-uniku azzjonista ta’ Porto Industriale di Cagliari S.p.A, il-konċessjonarju tat-terminal tal-kontejners, iddeċieda li jtemm l-operazzjonijiet tiegħu f’Cagliari u li jillikwida b’mod volontarju s-sussidjarja tiegħu, Porto Industriale di Cagliari SpA.

    13.F’Settembru tal-2019, sabiex jiġu evitati s-sensji waqt li l-awtoritajiet Taljani kienu qegħdin ifittxu konċessjonarju ġdid għat-terminal tal-kontejners, il-207 ħaddiema ta’ Porto Canale ngħataw CIGS, li hija xibka ta’ sikurezza soċjali li tissostitwixxi jew li tikkomplementa s-salarju tal-ħaddiema ta’ intrapriżi f’diffikultà, għal 12-il xahar. Intbagħtu l-ittri ta’ avviż ta’ tkeċċija fejn id-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt ingħatat bħala l-1 ta’ Settembru 2020.

    14.Is-sejħa għall-offerti biex jinstab konċessjonarju ġdid ma ħajret lil ebda offerent, minkejja tliet estensjonijiet. F’Settembru tal-2020, il-190 ħaddiem li kienu għadhom parti mill-intrapriża ngħataw is-sensja.

    Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

    15.Il-kriżi tal-pandemija wasslet għal deterjorament sinifikanti tas-suq tax-xogħol f’Sardinja, li minħabba l-insularità tiegħu ’l bogħod mill-art kontinentali, jikkostitwixxi suq tax-xogħol żgħir.

    16.L-għadd ta’ persuni f’impjieg, li kien qed jiżdied matul l-2018-19, naqas drastikament fl-2020. Skont l-istħarriġ tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika Taljan (ISTAT) dwar il-forza tax-xogħol, it-tnaqqis (-4,6 %) kien ta’ 2,6 punti perċentwali (pp) ogħla mill-medja tal-Italja kollha (-2,0 %) 10 .

    17.Fl-2020, id-differenza bejn il-ħolqien tal-impjiegi u l-qerda tal-impjiegi kienet fin-negattiv (-6 000 impjieg). Dan jirrappreżenta telf ta’ 2,6 impjieg full-time għal kull 100 impjegat. It-tnaqqis kien prinċipalment xprunat mit-turiżmu, mid-divertiment u mis-servizzi ta’ divertiment, u mit-trasport marittimu tal-merkanzija (prinċipalment it-trasbord), filwaqt li s-settur tal-kostruzzjoni rreġistra żviluppi pożittivi. Ir-rata ta’ attività naqset bi 3,1 pp. meta mqabbel mal-2019, għal 60,3 % 11 .

    18.Fl-ewwel nofs tal-2020, is-sigħat maħduma f’Sardinja naqsu bi kważi 20 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. It-tnaqqis fl-għadd ta’ sigħat maħduma ma rrriżultax f’qgħad bis-saħħa tal-użu estensiv ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u tad-dħul fis-seħħ tad-digriet liġi 12 li pprevjena s-sensjar tal-ħaddiema matul ix-xhur bikrin tal-pandemija.

    19.L-ekonomija ta’ Sardinja mhux biss qed tbati mill-impatt negattiv tas-sensji f’Porto Canale iżda wkoll mis-sensji fl-Air Italy, is-suġġett ta’ applikazzjoni oħra tal-FEG 13 .

    20.F’kuntest ġenerali ta’ tnaqqis fl-impjiegi, il-ħaddiema ssensjati minn Porto Canale se jkollhom bżonn ta’ aktar għajnuna biex jegħlbu l-problemi tas-suq tax-xogħol żgħir ta’ Sardinja u jsibu impjiegi ġodda.

    Spjegazzjoni taċ-ċirkostanzi li wasslu għall-ammissibbiltà tal-applikazzjoni

    21.L-Italja ssostni li, minkejja l-fatt li seħħew inqas minn 200 sensja fil-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur, din l-applikazzjoni jenħtieġ li madankollu tiġi assimilata ma’ applikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament tal-FEG, peress li s-sensji seħħew f’suq tax-xogħol żgħir.

    22.Is-suq tax-xogħol ta’ Sardinja huwawieħed żgħir minħabba l-insularità tagħha ’l bogħod mill-art kontinentali. Barra minn hekk, il-popolazzjoni tal-gżira hija żgħira. Id-densità tal-popolazzjoni hija ta’ 68 abitant/km2. lDan huwa taħt il-medja tal-UE-27 (109) u madwar terz tal-medja Taljana (201) 14 . Barra minn hekk, il-gżira qed titlef mill-popolazzjoni (-5,4 % fl-2019 meta mqabbel mal-2018) 15 . Id-distribuzzjoni ġeografika tal-popolazzjoni, tar-riżorsi naturali, tal-ġid ekonomiku, u tal-infrastrutturi ekonomiċi hija eteroġena u kkonċentrata fin-Nofsinhar u fil-Majjistral tal-gżira. Terz mill-impjiegi kollha ta’ Sardinja jinsabu f’Cagliari.

    23.Il-PDG per capita skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist 16 f’Sardinja huwa ħafna inqas mill-medja Taljana. Fl-2018, kien ta’ EUR 21 600, ferm anqas mill-medja Taljana (EUR 29 700) u mill-medja Ewropea (EUR 31 000) (Eurostat, 2020) 17 .

    24.Sardinja ntlaqtet ħażin ħafna mill-kriżi ekonomika. Mill-2008, l-ekonomija sofriet minn tkabbir bil-mod u minn żieda fil-qgħad 18 .

    25.Il-pandemija laqtet ħażin lis-settur tas-servizzi ta’ Sardinja: għal tnejn minn kull tliet intrapriżi, il-fatturat naqas. L-aktar li ġew affettwati kienu l-intrapriżi relatati mat-turiżmu, l-għadd ta’ viżitaturi naqas bi 58 % fl-2020 meta mqabbel mal-2019 19 . L-attività tal-manifattura, li kienet aktar reżiljenti għall-effetti tal-pandemija, tirrappreżenta biss 7 % tal-attività totali f’Sardinja, kapaċità tal-akkwist li hija 1,7 inqas mill-medja nazzjonali tal-attività tal-manifattura (ISTAT, 2020) 20 .

    26.Fl-2020, l-introjtu disponibbli bi prezzijiet kostanti tal-familji ta’ Sardinja naqas b’5,1 % meta mqabbel mal-2019 (-2,7 % fl-Italja). It-tnaqqis kien xprunat mit-tnaqqis fl-introjtu mix-xogħol, li jikkontribwixxi għal aktar minn erbgħa minn kull ħamsa għall-introjtu totali. Il-qligħ nett totali tal-impjegati naqas drastikament, prinċipalment affettwat mit-tnaqqis fis-sigħat maħduma (13 % inqas milli fl-2019) 21 .

    27.Minħabba l-pandemija, l-għadd ta’ unitajiet domestiċi f’Sardinja mingħajr introjtu mix-xogħol żdied sa 16,5 % fl-2020 (+3,5 pp (standards tal-kapaċità ta’ akkwist) mill-2019). F’kuntest ta’ introjtu mnaqqas tal-unitajiet domestiċi, l-użu tal-introjtu bażiku (redito di cittadinanza) fl-2020 żdied b’7,3 % meta mqabbel mal-2019. L-għadd ta’ unitajiet domestiċi benefiċjarji fi tmiem l-2020 kien ta’ 47 604 jew 6,5 % tal-unitajiet domestiċi ta’ Sardinja, 1,7 kapaċità ta’ akkwist ogħla mill-medja Taljana (4,8 %) 22 .

    28.F’Mejju 2020, tnieda l-introjtu ta’ emerġenza (reddito di emerenza), li huwa miżura temporanja simili għall-introjtu bażiku, iżda bi kriterji ta’ aċċess inqas restrittivi, biex jipprovdi l-għajnuna immedjata lill-familji milqutin ħażin mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija. Fi tmiem l-2020, madwar 8 500 unità domestika fir-reġjun kienu bbenefikaw minn din il-miżura. Iż-żewġ skemi ta’ introjtu appoġġaw 7,7 % tal-unitajiet domestiċi ta’ Sardinja 23 .

    29.L-introjtu bażiku għen biex jitnaqqas il-faqar 24 , li, skont l-indiċi tal-faqar relattiv, affettwa lil 25 % tal-popolazzjoni ta’ Sardinja fl-2018, 10 kapaċità ta’ akkwist ogħla mill-medja nazzjonali. L-indiċi tal-faqar tal-familja huwa ogħla mill-medja Taljana, ukoll. Fl-2018, dan kien ta’ 19,3 % għal Sardinja u 11,8 % għall-Italja. L-indiċi naqas fl-2019, għal 12,8 % (Sardinja) u 11,4 % (l-Italja). It-tnaqqis fl-indiċi għal Sardinja ċertament ġie skattat mill-introjtu bażiku li bbenefikaw minnu madwar 40 000 persuna f’Sardinja 25 .

    Applikazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)

    30.L-Italja ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni ta’ bidla u ta’ ristrutturar. Wara li Porto Canale nediet proċedura kollettiva ta’ sensji għall-forza tax-xogħol kollha, l-awtoritajiet ta’ Sardinja, il-ministeri rilevanti 26 , il-unjins 27 u l-intrapriża li tat is-sensji stabbilew diskussjonijiet madwar mejda bl-objettiv doppju li jiġi protett l-introjtu tal-ħaddiema permezz ta’ skemi ta’ supplimentar tal-pagi u billi jiġi żgurat li l-ħaddiema jżommu l-ħiliet vokazzjonali u l-għarfien tagħhom, u li tiżdied l-attrattività tal-port ta’ Cagliari għal investituri potenzjali, dment li l-investituri jkunu jistgħu jiġġeneraw prospetti ġodda ta’ impjieg.

    31.Regione Sardegna u l-ASPAL, is-servizzi pubbliċi reġjonali tal-impjiegi, ħadu azzjonijiet diretti biex jilħqu l-objettivi rakkomandati fil-QFR rigward it-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u l-impjieg mill-ġdid. L-ASPAL identifikat l-aktar miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-impjegabbiltà mill-ġdid tal-ħaddiema, ipprovditilhom ħiliet trasferibbli bħall-IT, il-lingwi jew il-ħiliet intraprenditorjali jew it-titjib tal-ħiliet fil-loġistika. Il-ħaddiema ngħataw CIGS għal 12-il xahar u servizzi intensivi ta’ assistenza għar-rilokazzjoni 28 marbuta mal-iskema CIGS. Is-sħab soċjali kienu involuti bis-sħiħ fl-ippjanar tal-miżuri.

    32.Fir-rigward tal-attivitajiet li twettqu biex jassistu lill-ħaddiema ssensjati, l-Italja rrapportat li l-“informazzjoni ġenerali u l-gwida vokazzjonali” kienu diġà ġew implimentati u 179 ħaddiem issensjat ipparteċipaw f’taħriġ ta’ titjib tal-ħiliet relatat mal-loġistika.

    Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

    33.L-Italja kkonfermat li l-miżuri li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

    34.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa l-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn bħas-servizz ta’ assistenza ta’ rilokazzjoni marbut mal-iskema CIGS diġà msemmija.

    Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    35.Ir-Reġjun ta’ Sardinja, l-ASPAL, il-Muniċipalità ta’ Cagliari, l-Awtorità tal-Port ta’ Cagliari u t-trade unions ħadmu b’mod konġunt biex identifikaw miżuri u mogħdijiet xierqa biex jiżguraw l-impjieg mill-ġdid ta’ eks ħaddiema ta’ Porto Canale. Minn Novembru 2020, l-ANPAL 29 u l-awtoritajiet ta’ Sardinja organizzaw diversi vidjokonferenzi bl-għan li jiġi rfinat il-pakkett ta’ miżuri u titħejja l-applikazzjoni tal-FEG.

    Il-benefiċjarji fil-mira u l-miżuri proposti

    Il-benefiċjarji fil-mira

    36.Il-190 ħaddiem ssensjati kollha huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp tal-età u l-livell edukattiv huwa kif ġej:

    Kategorija

    Għadd ta’
    benefiċjarji mistennija

    Ġeneru:

    Irġiel:

    172

    (90,5 %)

    Nisa:

    18

    (9,5 %)

    Mhux binarji

    0

    (0,0 %)

    Grupp ta’ età:

    Taħt it-30 sena:

    0

    (0,0 %)

    30-54 sena:

    187

    (98,4 %)

    Iktar minn 54 sena:

    3

    (1,6 %)

    Livell ta’ edukazzjoni

    Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas 30  

    18

    (9,5 %)

    Edukazzjoni sekondarja 31 tat-tieni livell jew postsekondarja 32

    159

    (83,7 %)

    Edukazzjoni terzjarja 33

    13

    (6,8 %)

    Il-miżuri proposti

    37.Is-servizzi personalizzati li jridu jingħataw lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

    Informazzjoni ġenerali u gwida vokazzjonali: Wara li tingħata informazzjoni ġenerali dwar il-miżuri disponibbli, tingħata gwida vokazzjonali lill-ħaddiema kollha. Din il-miżura, li diġà twettqet, ma hijiex parti mill-pakkett kofinanzjat tal-FEG. Madankollu, il-miżura hija deskritta għal raġunijiet ta’ koerenza tal-miżuri proposti lill-ħaddiema ssensjati.

    Konsulenza għall-iżvilupp tal-karriera: It-tfassil ta’ profili, li huwa parti mill-kontenut ta’ din il-miżura, huwa mfassal biex irawwem proċess ta’ sensibilizzazzjoni personali bl-għan li jidentifika oqsma ta’ interess, ħiliet, kapaċitajiet u kompetenzi, u oqsma fejn jista’ jsir titjib. L-eżitu ta’ dan il-proċess se jkun il-perkors personalizzat ta’ kull ħaddiem għar-riintegrazzjoni fl-impjieg.

    L-assistenza għat-tfittix ta’ impjieg inkluż it-tfittxija attiva ta’ opportunitajiet ta’ impjieg f’livell lokali u reġjonali, u t-tqabbil tal-ħaddiema mal-impjiegi.

    Mentoraġġ għall-aġġustament għal impjieg ġdid. Huma previsti sessjonijiet ta’ mentoraġġ biex jgħinu lill-ħaddiema jaġġustaw għall-ambjent tax-xogħol il-ġdid u għall-kuntest organizzazzjonali.

    Appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju. Il-ħaddiema interessati li jsiru persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu sessjonijiet ta’ tutoraġġ fi grupp/individwali, li jistgħu jkopru l-ippjanar, it-twettiq ta’ studji ta’ fattibbiltà, it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ negozju, għajnuna fl-identifikazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ finanzjament, eċċ. L-għodda għall-ħiliet intraprenditorjali “WeRentrepreneur” 34 se tkun għad-dispożizzjoni tagħhom.

    Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju. Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 22 000, biex ikunu megħjunin bil-kostijiet tat-twaqqif.

    Taħriġ. Offerta ta’ taħriġ relatata mal-loġistika bħal movimenti ta’ merkanzija, ippjanar tat-trasport, eċċ., manutenzjoni ta’ makkinarju involut fid-distribuzzjoni tal-merkanzija, jew il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta’ infrastrutturi loġistiċi. It-taħriġ ewlieni huwa kkumplimentat bi 30 siegħa ta’ taħriġ orizzontali (fl-Ingliż jew fis-software relatat mal-kontenut tat-taħriġ ewlieni).

    Il-ħaddiema li jitpoġġew fuq il-lista l-qasira għal offerta ta’ impjieg wara li jitqabblu ma’ impjieg, se jirċievu taħriġ biex jindirizzaw xi nuqqasijiet fil-ħiliet identifikat mill-impjegatur potenzjali. Se tingħata prijorità lill-aktar gruppi vulnerabbli ta’ ħaddiema, b’mod partikolari dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni jew li għandhom aktar minn 55 sena. It-taħriġ se jiffoka fuq l-ekonomija ekoloġika, l-ekonomija blu 35 , is-servizzi personali, is-servizzi tas-saħħa u soċjali, il-promozzjoni tal-wirt kulturali u l-attivitajiet kulturali. It-taħriġ dwar il-kwalifiki vokazzjonali inkluż fil-katalgi nazzjonali jew reġjonali huwa wkoll parti mill-offerta ta’ taħriġ.

    Il-ħaddiema li jkollhom l-għan li jaħdmu għal rashom jirċievu vawċer tat-taħriġ biex jintuża għat-taħriġ relatat mal-ħolqien u l-ġestjoni tan-negozju.

    Inċentivi u kontribuzzjoni għal spejjeż speċifiċi. (1) Inċentivi għar-reklutaġġ. L-intrapriżi li jirreklutaw eks ħaddiema ta’ Porto Canale se jirċievu EUR 3 500 għall-kuntratti permanenti full-time u EUR 1 500 għall-kuntratti għal żmien fiss. (2) Rimborż ta’ spejjeż tal-mobbiltà. Sabiex tiġi appoġġata l-mobbiltà ġeografika tal-ħaddiema fil-każ ta’ impjieg mill-ġdid f’intrapriża f’reġjun differenti jew 200 km jew aktar mill-post ta’ residenza tal-ħaddiem, huwa ppjanat rimborż tal-ispejjeż tat-trasferiment. (3) Inċentiv għat-taħriġ. Il-ħaddiema li jipparteċipaw b’mod attiv fit-taħriġ jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 500.

    38.Il-Miżuri kienu ppjanati biex ikunu konformi mal-Istrateġija Nazzjonali Taljana għall-Iżvilupp Sostenibbli (NSvS) 36 . Il-pakkett se jikkontribwixxi għat-tixrid tal-ħiliet orizzontali meħtieġa fl-era industrijali diġitali kif ukoll f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, f’konformità mal-Artikolu 7.2 tar-Regolament tal-FEG.

    39.Il-pakkett ikkoordinat propost ta’ servizzi personalizzati, deskritt hawnhekk, jikkostitwixxi miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan il-miżuri eliġibbli, stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

    40.L-Italja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar il-miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew f’konformità ma’ ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma hijiex se tissostitwixxi azzjonijiet bħal dawn.

    Baġit stmat

    41.L-ispejjeż totali stmati huma ta’ EUR 1 756 950, li jinkludu nefqa ta’ EUR 1 686 750 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 70 200 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.

    42.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 493 407 (85 % tal-ispejjeż totali).

    43.Il-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti minn Regione Sardegna.

    Miżuri

    Għadd stmat ta’ parteċipanti

    Spiża stmata għal kull parteċipant 
    (EUR) 37

    L-ispejjeż totali stmati

    (EUR) 38  

    Servizzi personalizzati (azzjonijiet skont l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament dwar l-FEG)

    Konsulenza għall-iżvilupp tal-karriera
    (
    counselling per lo sviluppo di carriera e patto di azione)

    190

    280

    53 200

    Għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg
    (
    accompagnamento e assistenza alla ricerca attiva di lavoro)

    150

    280

    42 000

    Mentoraġġ għall-aġġustament għal impjieg ġdid
    (
    accompagnamento all'inserimento lavorativo) 

    150

    175

    26 250

    Appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju
    (
    accompagnamento alla creazione d'impresa)

    20

    525

    10 500

    Kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ negozju.
    (
    bonus per la creazione di un'impresa) 

    20

    22 000

    440 000

    Taħriġ
    (
    formazione professionale su misura, voucher formativo specialistico, formazione specialistica in gestione aziendale)  

    176

    2 993

    526 800

    Subtotal (a):

    Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

    1 098 750

    (65,14 %)

    Benefiċċji u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-FEG)

    Inċentivi ta’ impjieg
    (
    Incentivo all’ assunzione) 

    170

    2 235

    380 000

    Rimborż tal-ispejjeż għall-mobbiltà
    (
    bonus per la mobilità territoriale)

    80

    1 500

    120 000

    Inċentiv għat-taħriġ
    (
    indennità per la frequenza della formazione)  

    176

    500

    88 000

    Subtotal (b):

    Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

    588 000

    (34,86 %)

    Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament tal-FEG

    1. Attivitajiet preparatorji

    15 000

    2. Maniġment

    30 000

    3. Informazzjoni u pubbliċità

    4 200

    4. Kontroll u rapportar

    21 000

    Subtotal (c):

    Perċentwal tal-ispejjeż totali :

    70 200

    (4,00 %)

    Spejjeż totali (a + b + c):

    1 756 950

    Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-ispejjeż totali)

    1 493 407

    44.L-ispejjeż tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. L-Italja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet huma kundizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.

    45.L-Italja kkonfermat li l-kostijiet tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, għall-ħolqien ta’ negozji ġodda u għall-akkwiżizzjoni minn impjegati ma humiex se jaqbżu l-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.

    Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

    46.L-Italja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fit-8 ta’ Ottubru 2020. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-8 ta’ Ottubru 2020 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament”.

    47.L-Italja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG mit-18 ta’ Jannar 2021. In-nefqa fuq attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għalhekk għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-18 ta’ Jannar 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

    Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

    48.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-ANPAL kif ġej: ANPAL—Divisione IV se taġixxi bħala awtorità maniġerjali u ANPAL—Divisione VI bħala awtorità taċ-ċertifikazzjoni. Il-Ministero del lavoro e delle politiche sociali-MLPS—Segretariato Generale se jaġixxi bħala awtorità tal-awditjar. L-ASPAL se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta’ ġestjoni.

    L-impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

    49.L-Italja pprovdiet l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha rigward dawn li ġejjin:

    il-prinċipji tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

    ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,

    ma jitħalliex isir finanzjament doppju,

    il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

    IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Proposta baġitarja

    50.L-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 39 .

    51.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament dwar l-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 493 407, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

    52.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 40 .

    Atti relatati

    53.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni li jiġi mmobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għal trasferiment għal-linja baġitarja rilevanti tal-ammont ta’ EUR 1 493 407 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    54.Fl-istess ħin li adottat din il-proposta għal deċiżjoni li jiġi mmobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju 41 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

    2021/0337 (BUD)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Italja – FEG/2021/003 IT/Porto Canale

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 42 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 43 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri s-solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk li jaħdmu għal rashom, li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti maġġuri ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal impjieg deċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

    (2)L-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (bi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 44 .

    (3)Fil-15 ta’ Lulju 2021, l-Italja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensjar tal-ħaddiema minn Porto Industriale di Cagliari SpA fl-Italja. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 2021/691.

    (4)F’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 2021/691, l-applikazzjoni mill-Italja titqies ammissibbli peress li t-territorju kkonċernat mis-sensji huwa suq tax-xogħol żgħir u s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija reġjonali.

    (5)Għalhekk jenħtieġ li l-FEG jenħtieġ jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 493 407 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Italja.

    (6)Sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas iż-żmien sakemm jiġi mmobilizzat l-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 493 407 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 45*.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
    (2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1-56
    (3)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
    (4)    F’konformità mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691.
    (5)    Il-limitu ta’ żmien ta’ 12-il ġimgħa ġie sospiż bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u t-3 ta’ Mejju 2021, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/691.
    (6)     Riflessioni sul sistema dei trasporti in Italia (it-tieni edizzjoni, Ottubru 2019) .
    (7)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021
    (8)    Tliet gruppi ta’ alleanza kbar, Ocean alliance, 2M u The Alliance, flimkien għandhom 100 % tal-kapaċità tal-istivar fuq ir-rotot tal-Asja-Tramuntana tal-Ewropa u tal-Asja-Mediterran.
    (9)     Hapag Lloyd eliminates Cagliari port from its services .
    (10)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021 .
    (11)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021 .
    (12)     Decreto Legge 17 marzo 2020, n.18. art. 46
    (13)    EGF/2021/002 IT / Air Italy. COM(2021) 936
    (14)     https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/demo_r_d3dens/default/table?lang=en
    (15)     https://ec.europa.eu/eurostat/cache/digpub/regions/
    (16)    Prodott domestiku gross skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist.
    (17)     https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/regional-innovation-monitor/base-profile/sardinia
    (18)     https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/regional-innovation-monitor/base-profile/sardinia .
    (19)     https://www.ansa.it/sardegna/notizie/2021/06/22/bankitalia-pandemia-affossa-pil-della-sardegna-giu-dell8_c3e46d5b-cc14-4605-aeeb-308b6ac8d54c.html
    (20)     https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/regional-innovation-monitor/base-profile/sardinia
    (21)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021 .
    (22)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021.
    (23)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021.
    (24)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021.
    (25)    Banca d’Italia. L’economia della Sardenia. Rapporto annuale, giugno 2021.
    (26)    Il-Ministeru tal-Infrastrutturi u tat-Trasport, il-Ministeru tax-Xogħol u tal-Politiki Soċjali, il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku u l-Ministeru għall-Koeżjoni tan-Nofsinhar u Territorjali.
    (27)    Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL), Unione Italiana del Lavoro (UIL), Federazione Italiana Lavoratori Trasporti- Confederazione Generale Italiana del Lavoro (FILT-CGIL), Federazione Italiana Trasporti-Confederazione Italiana Sindacati Lavoratori (FIT-CISL), UIL Trasporti, Unione Generale del Lavoro (UGL) Mare e Porti, Unione Sindacale di Base (USB) lavoro privato, and Rappresentanza Sindacale Unitaria (RSU).
    (28)    Assegno di ricollocazione-CIGS.
    (29)    Agenzia Nazionale per le Politiche Attive del Lavoro (ANPAL), l-aġenzija nazzjonali Taljana għall-politiki attivi għall-impjiegi.
    (30)    ISCED 0-2
    (31)    ISCED 3
    (32)    ISCED 4
    (33)    ISCED 5-8
    (34)     www.werentrepreneur.com
    (35)     https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/ocean/blue-economy/sustainable-blue-economy_en
    (36)     Strategia Nazionale per lo Sviluppo sostenibile (SNSvS)
    (37)    Biex jiġu evitati d-deċimali, l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem tqarrbu għall-eqreb numru sħiħ. Madankollu, l-ittondjar ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura, li jibqa’ bħalma hemm fl-applikazzjoni sottomessa mill-Italja.
    (38)    It-totali ma jaqblux minħabba li ċ-ċifri ġew ittondjati.
    (39)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/11.
    (40)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/29.
    (41)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1
    (42)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
    (43)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/29
    (44)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/11).
    (45) *     Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
    Top