IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2021
COM(2021) 656 final
2021/0340(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SEC(2021) 379 final} - {SWD(2021) 299 final} - {SWD(2021) 300 final} - {SWD(2021) 301 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti (“ir-Regolament dwar il-POPs”) jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma”), approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE, u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (“il-Protokoll dwar il-POPs”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE.
L-għan primarju tal-proposta huwa li jiġu implimentati, għas-sustanzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-obbligi internazzjonali tal-UE skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u, b’mod aktar speċifiku, dawk derivati mir-Regolament dwar il-POPs. Għalhekk, l-objettiv ewlieni tal-proposta huwa li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-effetti avversi kkawżati mis-sustanzi POP u li telimina jew timminimizza l-emissjonijiet tal-POPs mill-iskart. B’kont meħud ta’ dan, l-objettivi ġenerali ta’ din l-inizjattiva huma wkoll li jiġi żgurat, sa fejn ikun possibbli, bilanċ ottimali mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jinkisbu ċikli ta’ materja ħielsa mit-tossiċità, jiżdiedu r-riċiklaġġ u ċ-ċirkolarità u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Il-problemi kkawżati mis-sustanzi POP huma relatati mal-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi intrinsiċi tagħhom, ma’ kif u fejn intużaw, u mal-effetti avversi li għandu r-rilaxx progressiv tagħhom fuq is-saħħa tal-bnedmin, tal-ekosistemi u fuq is-servizzi li dawn jipprovdu. B’xi mod jew ieħor, is-sustanzi POP kollha huma rikonoxxuti li għandhom effetti avversi, ġeneralment fit-tul fuq l-organiżmi ħajjin. Dawn jippersistu għal żmien twil ħafna fl-ambjent u f’ġisimna u jistgħu jiġu ttrasportati mingħajr tibdil għal kważi kwalunkwe punt remot tad-dinja, ’il bogħod minn fejn ġew prodotti jew użati.
B’mod aktar konkret, l-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li taġġorna, għal ċerti sustanzi u gruppi ta’ sustanzi, il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs, li jiddeterminaw kif jiġi ttrattat l-iskart li fih il-POPs, b’mod partikolari jekk jistax jiġi riċiklat jew jekk jenħtieġx li jinqered jew jiġi ttrasformat b’mod irriversibbli. Dan l-aġġornament iġib l-Annessi IV u V tar-Regolament f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u mal-Anness I tar-Regolament dwar il-POPs billi jallinja mas-sustanzi elenkati fih u jintroduċi valuri limitu ta’ konċentrazzjoni għalihom. Jadatta wkoll, għall-progress xjentifiku u tekniku, il-valuri limitu għal xi sustanzi li diġà huma elenkati.
Il-ġestjoni tal-iskart tal-POPs, inkluż ir-riċiklaġġ tiegħu fejn dan ikun possibbli, jenħtieġ li ssir b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, b’impatt minimu fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Il-materji sekondarji li jirriżultaw jenħtieġ li dejjem ikunu jistgħu jintużaw b’mod sikur u jenħtieġ li jkunu adattati għall-iskop tagħhom u, sa fejn ikun fattibbli, ħielsa minn sustanzi tossiċi. Jenħtieġ li timminimizza wkoll kemm is-sustanzi tossiċi jiġu rilaxxati fl-ambjent, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ambizzjoni ta’ tniġġis żero billi tnaqqas l-impatt ambjentali u fuq is-saħħa tagħhom. Sabiex jinkiseb dan, iridu jkunu disponibbli teknoloġiji xierqa u tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku ta’ separazzjoni u ta’ dekontaminazzjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-ġestjoni ta’ pollutanti organiċi persistenti huma stabbiliti fir-Regolament dwar il-POPs. Barra minn hekk, l-obbligi tal-Unjoni relatati mal-esportazzjoni ta’ pollutanti organiċi persistenti huma implimentati mir-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Il-proposta temenda l-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs, timplimenta l-impenji tal-Unjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u tal-Protokoll dwar il-POPs, u hija konsistenti mal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-movimenti transkonfinali u r-rimi ta’ skart perikoluż u skart ieħor. Il-proposta timplimenta, għas-sustanzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, l-obbligu tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel li jiżguraw l-ġestjoni ambjentalment sana tal-iskart perikoluż u skart ieħor. Il-valuri stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament dwar il-POPs jimplimentaw fil-livell tal-Unjoni l-kunċett ta’ “valuri b’kontenut baxx ta’ POPs” li huma elenkati bħala valuri mhux vinkolanti skont il-“Linji gwida tekniċi ġenerali dwar il-ġestjoni ambjentalment sana tal-iskart li jikkonsisti minn, li fih jew li huwa kkontaminat b’pollutanti organiċi persistenti” ta’ Basel.
•
Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-objettiv fl-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà li jiġu mminimizzati u sostitwiti, kemm jista’ jkun, sustanzi kimiċi li għandhom effett kroniku fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent (tip wieħed ta’ sustanzi ta’ tħassib) u t-tneħħija gradwali ta’ dawk l-aktar dannużi f’applikazzjonijiet li ma humiex essenzjali għas-soċjetà, b’mod partikolari dawk fil-prodotti għall-konsumatur.
Bl-istess mod, il-proposta hija konsistenti mal-objettiv, ippreżentat fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, tal-kisba tan-newtralità klimatika fl-Ewropa sal-2050 u ma’ dak tal-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari biex jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ swieq ewlenin għal prodotti newtrali għall-klima u ċirkolari fl-UE u lil hinn minnha. Il-proposta hija wkoll konformi mal-Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, li fih l-UE ddefiniet viżjoni ta’ tniġġis żero għall-2050, fejn it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas għal livelli li ma għadhomx meqjusin ta’ ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali u li jirrispettaw il-konfini li l-pjaneta tagħna tista’ tlaħħaq magħhom.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-ambjent, minħabba li l-miżuri miftiehma skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma fil-biċċa l-kbira jsegwu objettiv ambjentali, jiġifieri l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ pollutanti organiċi persistenti.
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar il-POPs jispeċifika li l-Kummissjoni trid iżżomm l-Annessi IV u V taħt rieżami kostanti u, meta jkun xieraq, għandha tagħmel proposti leġiżlattivi biex temenda dawn l-Annessi, sabiex jiġu adattati għall-bidliet fil-lista ta’ sustanzi stabbilita fl-Annessi tal-Konvenzjoni jew tal-Protokoll jew biex timmodifika l-entrati jew id-dispożizzjonijiet eżistenti fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u tekniku.
•Sussidjarjetà
Is-sustanzi POP fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta jiġu ttrasportati bejn il-konfini interni tal-UE ’l bogħod mis-sorsi tagħhom, u l-evitar ta’ rilaxxi mill-POPs li fihom l-iskart huwa prijorità f’dan ir-rigward.
Il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem permezz ta’ sistema li tiggarantixxi l-ġestjoni sana tal-iskart tal-POPs tista’ tkun effiċjenti biss jekk jiġu definiti u stabbiliti regoli komuni fil-livell tal-UE. Għalhekk, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom, minħabba li huwa meħtieġ approċċ armonizzat biex jiġi żgurat li l-Unjoni, bħala Parti għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma, tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha.
•Proporzjonalità
Ir-Regolament dwar il-POPs jeħtieġ kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità, kif indikat fil-premessa 34 tar-Regolament. Il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ifittex li jistabbilixxi azzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE f’limiti speċifikati.
Il-miżuri fil-proposta huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha u jqisu d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5 tal-Protokoll numru 2 għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jindikaw li “l-abbozzi ta’ atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa’ fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista’ jkun u jkun proporzjonat ma’ l-objettiv li jrid jintlaħaq”.
Il-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-valuri limitu, deskritta fl-Anness IV tal-valutazzjoni tal-impatt, tappoġġa l-iżvilupp ta’ valuri limitu li huma fattibbli u li jistgħu jiġu implimentati għall-flussi ta’ skart rilevanti kollha. Titwettaq valutazzjoni dwar il-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-valuri limitu proposti għall-operaturi ewlenin li huma affettwati; kull valutazzjoni hija speċifika għall-każ u ssir abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Jitqiesu aspetti bħan-numru, id-daqs u n-natura tal-partijiet ikkonċernati li huma affettwati u l-kapaċità stmata tagħhom li jassorbu kostijiet u investimenti addizzjonali, kif ukoll il-kapaċità ta’ trattament disponibbli tal-operaturi tal-iskart.
Analiżi tal-impatt tal-għażliet ta’ politika hija miġbura fil-qosor fit-taqsima 8.2 tal-valutazzjoni tal-impatt.
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar il-POPs, il-Kummissjoni trid, fejn xieraq, tagħmel proposti leġiżlattivi biex temenda l-Annessi IV u V tar-Regolament, biex tadattahom għall-bidliet fil-lista ta’ sustanzi stabbiliti fl-Annessi tal-Konvenzjoni jew tal-Protokoll, jew li jiġu mmodifikati l-entrati jew id-dispożizzjonijiet eżistenti fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament, biex jiġu adattati għall-progress xjentifiku u tekniku. Għalhekk, kif stipulat fl-Artikolu 15(2), din l-inizjattiva tieħu l-forma ta’ Regolament li jemenda r-Regolament dwar il-POPs.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Minħabba n-natura limitata u teknika ta’ din il-proposta, u meta titqies ir-riformulazzjoni tar-Regolament dwar il-POPs fl-2019, ma tqieset meħtieġa l-ebda evalwazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta kienet soġġetta għal konsultazzjoni bir-reqqa mal-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat li l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati jkunu rrappreżentati u kkunsidrati kif xieraq. Minħabba n-natura teknika tal-proposta u l-livell profond ta’ dettall tagħha, l-eżerċizzju kien primarjament indirizzat lill-partijiet ikkonċernati professjonali, akkademiċi u industrijali/settorjali, kif ukoll lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bħall-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u t-trade unions.
Il-Pjan Direzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu ġie ppubblikat fid-29 ta’ Mejju 2020 u l-perjodu ta’ konsultazzjoni ġie konkluż fis-7 ta’ Awwissu 2020; wasal feedback minn 51 rispondent. L-analiżi ta’ dawn it-tweġibiet żvelat xi diskrepanzi distinti bejn il-partijiet ikkonċernati dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-POPs fl-ekonomija ċirkolari.
Skont ħafna tweġibiet, b’mod partikolari mill-NGOs, ir-riċiklaġġ tal-iskart li fih il-POPs huwa inkompatibbli ma’ ekonomija ċirkolari sikura. Dan l-argument jagħti prijorità lit-tneħħija tal-POPs minn ġewwa l-katina tal-provvista fuq il-benefiċċji potenzjali assoċjati mar-riċiklaġġ ta’ tali prodotti. Ir-reazzjonijiet tal-industrija jipprovdu opinjoni aktar sottili u jinnotaw li l-politiki tal-UE li jagħmlu ħilithom għal “ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi” u wkoll għal aktar riċiklaġġ spiss jindikaw direzzjonijiet kontradittorji, li jirriżulta f’li l-operaturi tal-iskart isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ir-regoli ma jkunux prevedibbli u mhux dejjem prattikabbli. Żewġ assoċjazzjonijiet indikaw li jenħtieġ li jiġi pprovdut aktar appoġġ pubbliku biex jitrawmu investimenti ġodda fl-għażla u fid-dekontaminazzjoni tal-iskart, peress li dan jippermetti aktar riċiklaġġ u riċiklaġġ aħjar.
Barra minn hekk, saret konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-istudju ta’ appoġġ, li tinkludi l-aspetti kollha rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatt, inklużi l-elementi soċjoekonomiċi, permezz ta’ kwestjonarju elettroniku u intervisti mal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw setturi u organizzazzjonijiet ewlenin. Il-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa din il-proposta tikkapitalizza wkoll fuq l-informazzjoni dwar il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, u tas-soċjetà b’mod ġenerali, fir-rigward tas-sustanzi ta’ tħassib fil-materjali riċiklati, li nġabru fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-interfaċċa bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart. Din il-konsultazzjoni, li saret fl-2018, indirizzat aspetti usa’ u anqas tekniċi rilevanti għal din il-miżura, u għalhekk din l-informazzjoni kienet diġà disponibbli u ntużat biex tappoġġa l-miżura. Fit-28 ta’ Frar 2019 ġie ppubblikat rapport fil-qosor ta’ dik il-konsultazzjoni.
Rendikont dettaljat tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u tar-riżultati tagħhom huwa inkluż fl-Anness 2 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Biex tappoġġa l-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni tat kuntratt ta’ appoġġ lil konsulenti esterni: “Studju biex jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatti assoċjati mar-rieżami tal-valuri limitu fl-iskart għall-POPs elenkati fl-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021” (RPA/INERIS, 2021). Il-valutazzjoni kienet ibbażata wkoll fuq studju mwettaq b’appoġġ għal emenda preċedenti tal-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs, b’mod partikolari għall-flussi tal-massa ta’ sustanzi u skart, li sar fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 850/2004: “Studju biex jappoġġa r-rieżami ta’ kwistjonijiet relatati mal-iskart fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) 850/2004” (Ramboll Environment & Health GmbH, Jannar 2019).
Minbarra dawn iż-żewġ studji, ġiet ikkunsidrata wkoll informazzjoni dwar sustanzi rilevanti li jinsabu fi studji aktar antiki li saru b’appoġġ għal emendi preċedenti tar-Regolament dwar il-POPs:
·Studju dwar kwistjonijiet relatati mal-iskart tal-POPs elenkati reċentement u l-POPs kandidati (Konsorzju ESWI, April 2011)
·Studju biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-iskart tar-Regolament dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs) (BiPRO, Awwissu 2005)
L-iżvilupp tal-valutazzjoni tal-impatt b’appoġġ għall-proposta kien megħjun ukoll minn Grupp ta’ Tmexxija ta’ Bejn is-Servizzi għall-Valutazzjoni tal-Impatt. Dan il-grupp ġie stabbilit mid-DĠ Ambjent u ltaqa’ erba’ darbiet minn Lulju 2020 sa Ġunju 2021.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta hija bbażata fuq valutazzjoni tal-impatt. Wara li indirizza l-kummenti tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju maħruġa fl-ewwel opinjoni tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2021, il-valutazzjoni tal-impatt irċeviet opinjoni pożittiva b’riżervi fid-29 ta’ Ġunju 2021. Fl-opinjoni finali tiegħu, il-Bord talab aktar dettalji dwar il-metodoloġija użata biex jiġu proposti l-valuri limitu differenti għall-POPs fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.
L-għażliet ta’ politika kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impatt jirreferu għal firxa ta’ valuri limitu għall-valuri tal-Anness IV li għandhom jiġu proposti għas-sustanzi differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. Il-valuri tal-Anness IV (magħrufa wkoll bħala “limiti baxxi ta’ konċentrazzjoni tal-POPs”) huma ddefiniti fl-Artikolu 7(4)(a) tar-Regolament dwar il-POPs. Dawn jiddefinixxu l-valur għas-sustanzi POP fl-iskart li f’dawn il-valuri jew ogħla minnhom għandhom jinqerdu jew jiġu ttrasformati b’mod irriversibbli. Fil-prattika, dan ifisser li l-iskart taħt dan il-valur li fih il-POPs jista’ jiġi ttrattat b’mezzi oħrajn, inkluż li jiġi rriċiklat.
Għal kull waħda mis-sustanzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, l-Għażla ta’ Politika 1 tiddeskrivi l-linja bażi attwali u tirrappreżenta l-ogħla valur ikkunsidrat (jew in-nuqqas ta’ limitu għal sustanzi li għadhom ma humiex elenkati). Taħt il-linja bażi, ma tiġi introdotta l-ebda bidla fl-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs. Dan ifisser li sustanzi elenkati reċentement skont il-Konvenzjoni ma jiġux inklużi fl-Annessi rilevanti. L-istess japplika wkoll għal sustanzi li għalihom diġà ġew stabbiliti limiti skont ir-Regolament dwar il-POPs, u li għalihom il-progress xjentifiku u tekniku jagħti parir li l-valuri jiġu rieżaminati.
L-Għażla ta’ Politika 2 tirrappreżenta valuri f’nofs il-medda taħt kunsiderazzjoni. F’din l-għażla, qed jiġi propost li jiġu stabbiliti valuri limitu ġodda skont l-Anness IV għal sustanzi ġodda u qed jiġi propost li l-valuri limitu jsiru aktar stretti għal ċerti POPs elenkati fejn dan jista’ jiġi ġġustifikat. L-ewwel każ jgħodd għas-sustanza ġdida elenkata PFOA, għall-imlieħ tagħha u għall-komposti relatati mal-PFOA. L-ebda valur intermedju tal-Għażla 2 ma ġie kkunsidrat għad-dikofol u għall-pentaklorofenol. Għas-sustanzi li jifdal fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta – il-PBDEs, l-HBCDD, is-SCCPs u d-diossini u l-furani (inkluż id-dl-PCBs) – fil-valutazzjoni tal-impatt tqies valur limitu ta’ medda medja.
Skont l-Għażla ta’ Politika 3, huma proposti valuri limitu aktar stretti fl-Anness IV għal tmien sustanzi. Għall-PBDEs, l-Għażla 3 hija analizzata bħala żewġ subgħażliet, waħda li tirriżulta fl-implimentazzjoni tal-valur limitu aktar baxx immedjatament u l-oħra li tipprevedi implimentazzjoni mdewma ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-miżura (bl-Għażla 2 li tiġi implimentata fl-interim).
L-Għażla ta’ Politika 4, b’valur addizzjonali aktar baxx ġiet ikkunsidrata għad-diossini u għall-furani (PCDD/Fs). Ir-raġuni għal din l-għażla addizzjonali hija li tiġi vvalutata l-possibbiltà li jiġi stabbilit valur aktar baxx tal-Anness IV għal dawn is-sustanzi, kif ukoll is-subgħażla addizzjonali li jiġi stabbilit valur speċifiku aktar baxx li għandu jintuża biss bħala limitu għall-iskart mhux trattat applikat direttament fuq l-art. (eż. f’applikazzjonijiet agrikoli).
It-tabella li ġejja tippreżenta firxa ta’ valuri (għażliet ta’ politika) għall-Anness IV għal kull sustanza/grupp ta’ sustanzi kkunsidrat:
Tabelli 1 u 2: Għażliet politiċi kkunsidrati għal-limiti tal-Anness IV
Tabella 1
|
Għażla 1
(linja bażi)
|
Għażla 2
|
Għażla 3
|
PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA (mg/kg)
|
-
|
50 għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu;
2 000 għall-komposti relatati
|
0,025 għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu;
1 għall-komposti relatati#
|
Dikofol (mg/kg)
|
-
|
-
|
50
|
Pentaklorofenol (PCP), l-imlieħ u l-esteri tiegħu (mg/kg)
|
-
|
-
|
100
|
Somma ta’ 5 PBDEs (mg/kg)
|
1 000
|
500
|
200
|
SCCPs (mg/kg)
|
10 000
|
1 500
|
420
|
HBCDD (mg/kg)
|
1 000
|
500
|
100
|
Nota: L-ebda valur tal-linja bażi ma huwa disponibbli għall-PFOA, għad-dikofol u għall-PCP, minħabba li dawn huma sustanzi elenkati reċentement.
Tabella 2
|
Għażla 1 (linja bażi)
|
Għażla 2
|
Għażla 3
|
Għażla 4
|
Diossini u furani*
(mg/kg)
|
0,015
|
0,010
|
0,005+ (0,001)
|
0,001++ (0,00005)
|
*: L-adegwatezza tal-inklużjoni tal-PCBs simili għad-diossini fil-valur tal-grupp għad-diossini u l-furani hija vvalutata wkoll.
+/++: Għad-diossini u l-furani, l-Għażliet 3 u 4 jiddefinixxu valur applikabbli b’mod ġenerali għall-operazzjonijiet kollha tal-ġestjoni tal-iskart. Kull waħda minnhom tinkludi subgħażla possibbli li tinkludi valur limitu speċifiku addizzjonali fil-parentesi li japplika biss għall-applikazzjoni tal-iskart fuq l-art.
Wara l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku tad-diversi għażliet ta’ politika kkunsidrati għall-valuri tal-Anness IV għas-sustanzi POP rilevanti, l-għażliet preferuti huma mmarkati fit-tabella ta’ hawn taħt.
Tabella 3: Għażla ppreferuta għal-limiti tal-Anness IV (skurata)
Sustanza
|
Għażla 1
Linja bażi
|
Għażla 2
|
Għażla 3
|
Għażla 4
|
PBDEs
|
1 000 mg/kg
|
500 mg/kg
|
L-implimentazzjoni inizjali ta’ 500 mg/kg, segwita minn tnaqqis għal 200 mg/kg ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-limitu inizjali
|
Mhux applikabbli
(mhux applikabbli)
|
HBCDD
|
1 000 mg/kg
|
500 mg/kg
|
100 mg/kg
|
Mhux applikabbli
|
PCDD/Fs (diossini u furani)
|
0,015 mg TEQ/kg
|
0,010 mg TEQ/kg
|
0,005 mg TEQ/kg
|
0,001 mg TEQ/ kg
|
PCBs simili għad-diossini
|
L-ebda kunsiderazzjoni speċifika tad-dl-PCBs (inklużi fil-limitu totali eżistenti tal-PCB ta’ 50 mg/kg)
|
Definizzjoni ta’ limitu awtonomu speċifiku għad-dl-PCBs
|
L-inklużjoni tal-dl-PCBs fil-limitu għall-PCDD/Fs
(taħt l-Għażla 3 tal-PCDD/Fs – 0,005 mg TEQ/kg)
|
Mhux applikabbli
|
Paraffini klorurati ta’ katina qasira (SCCPs)
|
10 000 mg/kg
|
1 500 mg/kg
|
420 mg/kg
|
Mhux applikabbli
|
PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati
|
Ma jeżisti l-ebda limitu
|
50 mg/kg (PFOA u imlieħ)
2 000 mg/kg (komposti relatati mal-PFOA)
|
1 mg/kg għall-PFOA u l-imlieħ u 40 mg/kg għall-komposti relatati mal-PFOA
[Nota: Il-valur ta’ hawn fuq huwa propost minflok l-Għażla 3 li ġiet ikkunsidrata inizjalment:
0,025 mg/kg (PFOA u mlieħ)
1 mg/kg (komposti relatati mal-PFOA)]
|
Mhux applikabbli
|
Pentaklorofenol (PCP), l-imlieħ u l-esteri tiegħu
|
Ma jeżisti l-ebda limitu
|
Mhux applikabbli
|
100 mg/kg
|
Mhux applikabbli
|
Dikofol
|
Ma jeżisti l-ebda limitu
|
Mhux applikabbli
|
50 mg/kg
|
Mhux applikabbli
|
Minbarra l-valuri tal-Anness IV ta’ hawn fuq, il-valutazzjoni tal-impatt tqis ukoll, għas-sustanzi li għalihom huwa propost elenkar ġdid, Għażla ta’ Politika waħda li tirrappreżenta valur li jrid jiġi inkluż fl-Anness V tar-Regolament. Għall-konsistenza, is-sustanza decaBDE hija proposta wkoll li tiġi inkluża fil-valur limitu għall-PBDEs (elenkati). Il-valuri tal-Anness V huma msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) tar-Regolament dwar il-POPs u huma magħrufa wkoll bħala “limiti massimi ta’ konċentrazzjoni tal-POPs”.
Tabella 4: Il-valuri limitu proposti tal-Anness V
Sustanza
|
Valur
|
PBDEs (inkluż decaBDE)
|
10 000 mg/kg
|
PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati
|
50 mg/kg għall-PFOA u l-imlieħ
2 000 mg/kg għal sustanzi relatati mal-PFOA
|
Pentaklorofenol (PCP)
|
1 000 mg/kg
|
Dikofol
|
5 000 mg/kg
|
L-għażliet ta’ politika preferuti proposti huma appoġġati mill-metodoloġija deskritta fit-taqsima 5.2 u fl-Anness IV tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt. Dawn iqisu l-objettivi ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (bħala objettiv ġenerali), iż-żieda fir-riċiklaġġ u l-adozzjoni ta’ materja prima sekondarja u l-kontribut għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (b’appoġġ għall-objettivi klimatiċi tal-UE).
Il-valuri proposti għall-Anness V huma infurmati bir-riżultati tal-applikazzjoni tal-metodoloġija u fl-aħħar mill-aħħar huma bbażati fuq il-valuri eżistenti miftiehma tal-Anness V għal sustanzi simili.
Minbarra s-sustanzi elenkati hawn fuq, il-valutazzjoni tal-impatt indirizzat sustanza addizzjonali, l-aċidu perfluworoeżan sulfoniku (PFHxS). Il-Kumitat ta’ Rieżami tal-POPs li jopera skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma adotta deċiżjoni li tirrakkomanda li l-Konferenza tal-Partijiet (COP) tikkunsidra l-elenkar tal-PFHxS, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFHxS fl-Anness A tal-Konvenzjoni mingħajr eżenzjonijiet speċifiċi. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, id-deċiżjoni għal din l-inklużjoni, oriġinarjament skedata għal Lulju 2021, ġiet ittardjata u issa għandha sseħħ fis-segment wiċċ imb wiċċ tal-COP10 tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma ppjanata għas-6-17 ta’ Ġunju 2022. Minħabba li l-PFHxS għadha ma hijiex elenkata taħt il-Konvenzjoni, l-elenkar tagħha skont ir-Regolament dwar il-POPs bħalissa ma huwiex propost. Jekk tali elenkar skont il-Konvenzjoni jseħħ matul il-proċess ta’ kodeċiżjoni, l-inklużjoni tiegħu fir-Regolament tista’ tiġi proposta abbażi tal-analiżi mwettqa fil-valutazzjoni tal-impatt.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Ma ġiet identifikata l-ebda miżura ta’ simplifikazzjoni, peress li r-Regolament dwar il-POPs dan l-aħħar għadda minn eżerċizzju ta’ riformulazzjoni. L-inizjattiva hija limitata għall-iffissar ta’ valuri għal sustanzi speċifiċi fl-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs; għalhekk, il-proposta ssegwi kamp ta’ applikazzjoni u format legali definiti b’mod strett.
•Drittijiet fundamentali
Il-ġestjoni mhux sana ta’ sustanzi perikolużi, b’mod partikolari tal-POPs, tikkontribwixxi għat-tniġġis ambjentali ġenerali li jista’ jkollu effetti serji fuq id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u d-dritt għal ambjent san.
Ir-Regolament dwar il-POPs jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u tal-Protokoll fl-Unjoni. B’kont meħud tal-Prinċipji 14 u 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, ir-Regolament jipprovdi miżuri biex jiġu mminimizzati – u bil-ħsieb li jiġu eliminati, fejn ikun fattibbli, malajr kemm jista’ jkun – ir-rilaxxi tal-POPs. Dan jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet dwar l-iskart li jikkonsisti minn, li fih jew li huwa kkontaminat bi kwalunkwe waħda minn dawk is-sustanzi.
Il-proposta temenda l-Annessi IV u V tar-Regolament dwar il-POPs, li jippermettu lill-Unjoni taderixxi mal-impenji tagħha, għas-sustanzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, magħmula mill-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma u l-Protokoll.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura proposta ma tipprevedix konsegwenzi baġitarji għall-Kummissjoni Ewropea. Konsegwentement, ma tiġix ipprovduta dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ tal-impatt u tal-effettività tar-Regolament dwar il-POPs, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-iskart, huwa obbligu eżistenti skont ir-Regolament; konsegwentement, l-ebda miżura jew mekkaniżmu addizzjonali ma huwa previst f’din il-proposta. Ir-rapporti ta’ sinteżi mħejjija mill-Kummissjoni, ibbażati fuq ir-rapportar tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-POPs, huma ppubblikati regolarment.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni
Peress li l-istrument legali propost huwa Regolament, li huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri, ma huwiex meħtieġ dokument ta’ spjegazzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jipprevedi l-emenda tal-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021.
L-Artikolu 2 fih dispożizzjonijiet dwar id-dħul fis-seħħ tal-miżura.
L-Anness fih dispożizzjonijiet speċifiċi li jemendaw l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021.
2021/0340 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pollutanti organiċi persistenti jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”), approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE, u fil-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes, approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE.
(2)Fis-seba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, li saret bejn l-4 u l-15 ta’ Mejju 2015, kien hemm qbil li l-pentaklorofenol, l-imlieħ u l-esteri tiegħu (“pentaklorofenol”) jiġu inklużi fl-Anness A tal-Konvenzjoni. Fid-disa’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, li saret mid-29 ta’ April sal-10 ta’ Mejju 2019, ġie miftiehem li d-dikofol kif ukoll l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA jiġu inklużi fl-Anness A tal-Konvenzjoni. Fid-dawl ta’ dawk l-emendi għall-Konvenzjoni u biex jiġi żgurat li l-iskart li jkun fih dawk is-sustanzi jiġi ġestit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, huwa meħtieġ li jiġu emendati wkoll l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 billi jiġu inklużi l-pentaklorofenol, id-dikofol u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fl-Annessi u li jindikaw il-limiti ta’ konċentrazzjoni korrispondenti tagħhom.
(3)Il-pentaklorofenol kien preċedentement elenkat fl-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/636, b’valur tal-Anness IV ta’ 100 mg/kg u b’valur tal-Anness V ta’ 1 000 mg/kg. Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1021, iżda l-pentaklorofenol tħalla barra b’mod mhux intenzjonat minn dak ir-Regolament. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu emendati l-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 biex jinkludu l-pentaklorofenol.
(4)L-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 diġà fihom limiti ta’ konċentrazzjoni għas-sustanzi jew għall-gruppi ta’ sustanzi li ġejjin: a) is-somma tal-konċentrazzjonijiet ta’ etere tat-tetrabromodifenil, etere tal-pentabromodifenil, etere tal-eżabromodifenil, etere tal-ettabromodifenil u etere tad-dekabromodifenil (bl-eċċezzjoni tal-aħħar, li ma huwiex elenkat fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament); b) Eżabromoċiklododekan; c) Alkani C10-C13, kloro (paraffini klorurati ta’ katina qasira) (SCCPs); u d) Dibenżo-p-diossini u dibenżofurani poliklorurati (PCDD/PCDF). Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1021, huwa xieraq li jiġu emendati l-limiti ta’ konċentrazzjoni fl-Anness IV għal dawk is-sustanzi biex jadattaw il-valuri limitu tagħhom għall-progress xjentifiku u tekniku. Għal raġunijiet ta’ konsistenza mal-lista tal-eteri tad-difenil polibromurati (PBDEs) elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1021, is-sustanza etere tad-dekabromodifenil jenħtieġ li tiġi inkluża fost il-PBDEs elenkati fit-tielet kolonna tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.
(5)Meta jitqies li sottogrupp ta’ 12-il konġeneru tal-PCB, magħrufa bħala PCBs simili għad-diossini (dl-PCBs), għandhom proprjetajiet tossikoloġiċi li jixbhu mill-qrib dawk tal-PCDD/PCDF, u biex jitqies l-effett aggregat tal-komposti kollha simili għad-diossini elenkati fir-Regolament (UE) 2019/1021, huwa xieraq li d-dl-PCBs jiġu inklużi fl-entrata eżistenti tal-grupp għall-PCDD/PCDF fl-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021. Il-lista tal-valuri tal-fattur ta’ ekwivalenza tossika fil-Parti 2 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li tiġi emendata wkoll biex jiġu introdotti l-valuri korrispondenti għall-konġeneri individwali tad-dl-PCB.
(6)Il-limiti ta’ konċentrazzjoni proposti fl-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 ġew stabbiliti bl-applikazzjoni tal-istess metodoloġija li ntużat biex jiġu stabbiliti l-limiti ta’ konċentrazzjoni fl-emendi preċedenti tal-Annessi IV u V tar-Regolament (KE) Nru 850/2004. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni proposti jenħtieġ li jilħqu l-objettiv ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent assoċjat mal-qerda jew mat-trasformazzjoni irriversibbli tas-sustanzi kkonċernati. Dawk il-limiti jenħtieġ li jqisu wkoll l-objettiv ta’ politika usa’ li tinkiseb ekonomija newtrali għall-klima u ċirkolari, minqux fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(7)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat kif xieraq.
(8)Huwa xieraq li jiġi previst perjodu suffiċjenti ta’ żmien li jippermetti lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet kompetenti jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi IV u V tar-Regolament (UE) 2019/1021 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, jekk jogħġobkom daħħlu d-data ta’ sitt xhur wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President