IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.10.2021
COM(2021) 637 final
ANNESS
ta' [...]
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u fil-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Kummerċ fl-Inbejjed u l-Ispirti stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tiegħu rispettivament
HEMŻA 1
Abbozz ta’ DEĊIŻJONI Nru [...]
TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-FAĊILITAZZJONI DOGANALI U KUMMERĊJALI
fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
IL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-FAĊILITAZZJONI DOGANALI U KUMMERĊJALI
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), iffirmat f’Kasane, fl-10 ta’ Ġunju 2016, u b’mod partikolari l-Artikoli 50(2)(f) tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali huma stabbiliti kif stipulat fl-Anness.
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi...
Magħmul fi ... nhar il ...
Anness
REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-FAĊILITAZZJONI DOGANALI U KUMMERĊJALI
KAPITOLU I
ORGANIZZAZZJONI
Artikolu 1
Għamla u Presidenza
1.Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali li huwa stabbilit skont l-Artikolu 50 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) għandu jwettaq dmirijietu kif previst fl-Artikolu 50 tal-Ftehim.
2.Ir-referenza f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għal “Partijiet” għandha tikkorrispondi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 104 tal-Ftehim.
3.Kif previst fl-Artikolu 50(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet.
4.Kif previst fl-Artikolu 50(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jiġi ppresjedut b’mod alternat minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal għoli tal-Istati EPA SADC. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jiġi ppresjedut b’mod alternat minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea u minn uffiċjal għoli tal-Istati EPA SADC.
5.Il-mandat li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u jintemm fil-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 2
Laqgħat
1.Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jiltaqa’ darba fis-sena jew fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru fi Brussell jew fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati tal-EPA SADC b’mod alternattiv, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.
2.Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.
Artikolu 3
Osservaturi
Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jista’ jiddeċiedi li jistieden osservaturi fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda se jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.
Artikolu 4
Segretarjat
1.Il-Parti li tospita l-laqgħa tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.
2.Meta il-laqgħa ssir permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.
KAPITOLU II
OPERAT
Artikolu 5
Dokumenti
Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ikunu bbażati fuq dokumenti ta’ sostenn miktubin, dawn id-dokumenti għandhom jiġu enumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali bħala dokumenti tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali.
Artikolu 6
Notifika u Aġenda għal-Laqgħat
1.Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet bil-fatt li ssejħet Laqgħa u jitlob għal inputs fl-aġenda mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa. F’każ ta’ xi kwistjoni urġenti u / jew ċirkostanzi mhux previsti biex jiġi kkunsidrat il-laqgħa tista’ tissejjaħ fi żmien qasir.
2.Aġenda provviżorja għal kull laqgħa għandha titfassal mis-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-membri tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.
3.L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-aspetti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ikun irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mingħand Parti.
4.L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali fil-bidu ta’ kull laqgħa. Aspetti oħra barra minn dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5.Il-President tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jista’ jistieden, bi qbil mal-Partijiet kollha, esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.
Artikolu 7
Rapport ta’ Laqgħa
Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-Rapport ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali u jiġi adottat fit-tmiem ta' kull laqgħa.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jadotta b’kunsens deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt jew mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp.
2.Fejn il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ikollu s-setgħa li jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet skont il-Ftehim, jew fejn it-tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kunsill Konġunt, dawn l-atti jingħatalhom it-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapport tal-laqgħat. Is-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandu jagħti numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett għal kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda. Kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tipprovdi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3.F’każ li Stat EPA SADC ma jkunx preżenti, id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lil dak il-membru li ma setax jattendi l-laqgħa mis-Segretarjat. L-Istat EPA SADC għandu jipprovdi tweġiba bil-miktub fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji minn meta jintbagħtu d-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet, b’indikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet li ma jkunx jaqbel magħhom, inklużi r-raġunijiet tiegħu. Fin-nuqqas ta’ risposta bil-miktub imsemmija hawn fuq fi żmien għaxart (10) ijiem kalendarji, id-deċiżjonijiet u / jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati. F'każ li l-Istat EPA SADC li ma attendiex il-laqgħa ma jaqbilx ma' xi deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, għandha tapplika l-proċedura prevista fil-Paragrafu 4.
4.Fil-perijodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.
5.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali għandhom jiġu awtentikati permezz ta’ kopja awtentika ffirmata minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Istati EPA SADC.
Artikolu 9
Aċċess pubbliku
1.Il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor.
2.Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 10
Spejjeż
1.Kull Parti għandha tieħu ħsieb in-nefqa li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali, kemm fir-rigward tan-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, kif ukoll fir-rigward tan-nefqa postali u ta’ telekomunikazzjoni.
2.In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat, mal-provvediment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 11
Emenda tar-Regoli ta' Proċedura
Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali skont l-Artikolu 8.
HEMŻA 2
Abbozz ta’ DEĊIŻJONI Nru [...]
TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI U L-KUMMERĊ TAL-INBID U L-ISPIRTI
fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu
IL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI U L-KUMMERĊ FL-INBID U L-ISPIRTI
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), iffirmat f’Kasane, fl-10 ta’ Ġunju 2016, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Ir-regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali huma stabbiliti kif stabbilit fl-Anness.
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi...
Magħmul fi ... nhar il ...
Anness
REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI U L-KUMMERĊ TAL-INBEJJED U L-ISPIRTI
KAPITOLU I
ORGANIZZAZZJONI
Artikolu 1
Għamla u Presidenza
1.Il-Kumitat Speċjali dwar il-Faċilitazzjoni Doganali u Kummerċjali (‘il-Kumitat Speċjali’), stabbilit taħt l-Artikolu 13 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), għandu jwettaq dmirijietu f'konformità ma' dak l-Artikolu.
2.Ir-referenza f’dawn ir-regoli ta’ proċedura għal “Partijiet” għandha tikkorrispondi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim, l-aktar l-Afrika t’Isfel u l-UE.
3.Il-Kumitat Speċjali għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Partijiet.
4.Il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali għandhom ikunu ppreseduti minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u minn kwalunkwe uffiċjal tal-Afrika t’Isfel.
5.Il-mandat imsemmi fil-paragrafu 4 li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Speċjali u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.
Artikolu 2
Laqgħat
1.Il-Kumitat Speċjali għandu jiltaqa' f'intervalli regolari, għallinqas darba fis-sena u fuq it-talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Il-laqgħat għandhom isiru b'mod alternat fi Brussell jew fit-territorju ta' wieħed mill-Istati EPA SADC, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.
2.Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.
3.Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jagħmlu laqgħat tal-Kumitat Speċjali permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Artikolu 3
Osservaturi
Il-Kumitat Speċjali jista' jiddeċiedi li jistieden osservaturi biex jattendu laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc u jiddetermina liema punti fl-aġenda jkunu miftuħa għal dawk l-osservaturi.
Artikolu 4
Segretarjat
1.Il-Parti li tospita l-laqgħa tal-Kumitat Speċjali għandha taġixxi bħala s-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali (“is-Segretarjat”).
2.Meta l-laqgħa ssir permezz ta' mezzi elettroniċi, il-Parti li jkollha l-presidenza għandha taġixxi bħala s-Segretarjat.
KAPITOLU II
OPERAT
Artikolu 5
Dokumenti
Fejn id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali jkunu bbażati fuq dokumenti bil-miktub ta’ appoġġ, it-tali dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarju bħala dokumenti tal-Kumitat Speċjali.
Artikolu 6
Notifika u aġenda għal-laqgħat
1.Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar is-sejħa ta' laqgħa u jitlob għal entrati fl-aġenda mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-laqgħa. F'każ ta' xi kwistjoni urġenti jew ta' ċirkostanzi mhux previsti li jridu jiġu kkunsidrati, il-laqgħa tista' tissejjaħ fi żmien qasir.
2.Għandha titfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat lill-President u lill-Membri tal-Kumitat Speċjali mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-laqgħa.
3.L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom is-Segretarjat ikun irċieva talba għall-inklużjoni mingħand Parti.
4.L-aġenda għandha tkun adottata mill-Kumitat Speċjali fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda punti oħra barra minn dawk fl-aġenda proviżorja jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
5.Il-President tal-Kunsill Kumitat Speċjali jista’ jistieden, bi qbil mal-Partijiet kollha, esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi.
Artikolu 7
Rapport ta' laqgħa
Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, ir-rapport ta' kull laqgħa għandu jitfassal mis-Segretarjat u jiġi adottat fit-tmiem ta' kull laqgħa.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.F’konformità mal-Artikolu 13(3) tal-Protokoll 3 tal-Ftehim, il-Kumitat Speċjali jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet b’kunsens fil-każijiet previsti fil-Protokoll 3 tal-Ftehim.
2.Fejn il-Kumitat Speċjali jkollu s-setgħa, taħt il-Protokoll 3 tal-Ftehim, li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, jew fejn tali setgħa tkun ġiet iddelegata lilu mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, tali atti għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament fir-rapporti tal-laqgħat imsemmija fl-Artikolu 7. Is-Segretarjat għandu jagħti, lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni adottata, numru ta' serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kwalunkwe deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tipprovdi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
3.Fil-perijodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat Speċjali jista' jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jew b'mezzi elettroniċi jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet.
4.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp għandhom jiġu awtentikati permezz ta' żewġ eżemplari oriġinali ffirmati minn rappreżentant tal-UE u minn rappreżentant tal-Afrika t’Isfel.
Artikolu 9
Aċċess pubbliku
1.Il-laqgħat tal-Kumitat Speċjali ma għandhomx ikunu pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet.
2.Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 10
Spejjeż
1.Kull Parti għandha tkopri kull nefqa li tagħmel b'riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa postali u ta' telekomunikazzjoni.
2.L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni ta' laqgħa, mal-provvediment ta' servizzi ta' interpretazzjoni u mar-riproduzzjoni ta' dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.
Artikolu 11
Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp
Il-Kumitati Speċjali għandhom jirrapportaw lill-Kumitat tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp.
Artikolu 12
Emenda tar-regoli ta' proċedura
Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b'deċiżjoni tal-Kumitat Speċjali adottata skont l-Artikolu 8.