IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.10.2021
COM(2021) 626 final
2021/0322(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Estonja ddaħħal miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2021, l-Estonja talbet awtorizzazzjoni biex iddaħħal miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt ta' deduzzjoni l-VAT tal-input fir-rigward tal-infiq marbut mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali.
F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra datata d-19 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Estonja. Permezz ta' ittra datata t-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis li kellha bżonn biex tevalwa t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT jistipula li persuna taxxabbli hija intitolata għal deduzzjoni tal-VAT dovut minn fuq xiri li jkun sar għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jeżiġi li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għal finijiet privati, ikun provvista ta’ servizzi li jitqiesu jekk il-VAT fuq il-merkanzija kienet eliġibbli għal deduzzjoni. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun ġiet dedotta fil-bidu b’rabta mal-użu privat.
Fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu privat u dak professjonali. Meta jinżammu r-reġistri, iż-żamma u l-verifika tagħhom iżidu piż addizzjonali kemm fuq l-impriża kif ukoll fuq l-amministrazzjoni.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.
L-Estonja ġiet awtorizzata abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE biex tillimita għal 50 % id-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju, u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri kif ukoll in-nefqa relatata magħhom meta dawk il-karozzi ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali. Il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2017/1854/UE sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Minħabba li l-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2014/797 kienet skadiet qabel ma l-Estonja ppreżentat, fi Frar 2021, l-aħħar talba biex il-kamp ta’ applikazzjoni temporali tagħha jiġi estiż ulterjorment, din it-talba se tiġi ttrattata bħala talba oriġinali biex tiġi applikata miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT tal-input fir-rigward tan-nefqa marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali.
Għalhekk, l-Estonja talbet li titħalla tillimita d-dritt ta’ deduzzjoni għal perċentwal stabbilit u min-naħa l-oħra biex tneħħi l-obbligu li n-negozji jiddikjaraw it-taxxa fuq l-użu privat. Dan għandu l-benefiċċju li jissimplifika s-sistema għal dawk kollha kkonċernati u fl-istess ħin tipprevjeni l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa minħabba żamma ta’ rekords skorretta.
L-Estonja infurmat lill-Kummissjoni li r-raġunijiet għall-għoti tal-miżura huma fil-biċċa l-kbira l-istess bħal dawk stabbiliti fit-talbiet li wasslu għad-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE u 2017/1854/UE.
L-Estonja ppreżentat data li tissuġġerixxi li mill-mument tal-implimentazzjoni tad-deroga skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE, il-maġġoranza l-kbira tal-karozzi tal-kumpaniji komplew jintużaw għal finijiet privati, u dan jikkonferma li d-deroga hija ġġustifikata.
Jenħtieġ li din il-miżura tapplika għall-vetturi tal-passiġġieri kollha b'massimu ta' tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, li ma jaqbżux it-3 500 kilogramma u li ma jintużawx esklużivament għal finijiet kummerċjali. Madankollu, il-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw għal ċerti attivitajiet speċifiċi jiġu ttrattati skont ir-regoli normali: karozzi mixtrijin biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għal-lokazzjoni, karozzi użati għat-trasport tal-passiġġieri (bħat-taksis) u karozzi użati għal-lezzjonijiet tas-sewqan.
Jenħtieġ li r-restrizzjoni tad-dritt ta’ deduzzjoni tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri speċifikati kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom.
Skont l-Estonja, jenħtieġ li l-limitu ta’ deduzzjoni jiġi stabbilit għal 50 %, minħabba li s-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx meta mqabbla ma’ meta l-miżura speċjali ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-2014. Għalkemm l-użu privat tal-karozzi tal-kumpaniji fl-Estonja huwa stmat li huwa madwar 60 %, abbażi ta’ evidenza indiretta u suppożizzjonijiet disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa Estonjani, limitu ta’ deduzzjoni tal-VAT tal-input ta’ 50 % huwa meqjus l-aktar xieraq, sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ sopravalutazzjoni tal-proporzjon tal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri.
Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura fuq il-piż amministrattiv kemm tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa, qed jiġi propost li tiġi awtorizzata l-miżura ta’ deroga. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun limitata fiż-żmien, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2024, sabiex ikun jista’ jrid rieżami tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura li tidderoga u r-rata ta' porzjonament bejn l-użu kummerċjali u dan mhux kummerċjali li hija bbażata fuqu. Jenħtieġ li kull talba għal estensjoni tkun akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u li tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Derogi simili b’rabta mad-dritt ta’ deduzzjoni ngħataw lil Stati Membri oħrajn (l-Ungerija, il-Latvja, il-Kroazja, il-Polonja, l-Italja u r-Rumanija).
L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax tiġi dedotta l-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għalhekk, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ sospensjoni li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.
Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt ta’ deduzzjoni, tali deroga hija xierqa sakemm dawn ir-regoli jiġu armonizzati fil-livell tal-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li l-proposta hija bbażata fuqha, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, meta jitqies il-potenzjal li n-negozji jonqsu milli jiddikjaraw bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-verifiki skabrużi tad-data dwar il-kilometraġġ lill-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % tissimplifika l-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.
•Għażla tal-istrument
Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT tkun possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjoni mal-partijiet interessati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mill-Estonja u tikkonċerna lil dan l-Istat Membru biss.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa billi tneħħi l-ħtieġa li persuni taxxabbli jżommu rekords dwar l-użu privat ta' karozzi tal-passiġġieri speċifikati u, fl-istess ħin, tipprevjeni li jkun hemm evażjoni tal-VAT permezz ta’ żamma ta' rekords skorretta. Għalhekk, hija għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. L-Estonja tqis li din is-soluzzjoni hija miżura adegwata u hija komparabbli ma' derogi oħrajn tal-imgħoddi u tal-lum.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ta’ deroga jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta hija limitata biż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni għall-31 ta’ Diċembru 2024.
F’każ li l-Estonja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-2024, jenħtieġ li jintbagħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024.
2021/0322 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lill-Estonja ddaħħal miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt li persuni taxxabbli jiddeduċu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jirċievu li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a) ta' dik id-Direttiva, l-użu ta' assi tan-negozju għall-użu privat ta' persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b'mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra li ma jkunux dawk tan-negozju tagħhom irid jiġi ttrattat bħala provvista ta' servizzi.
(2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE tawtorizza lill-Estonja biex tirrestrinġi d-dritt ta’ deduzzjoni tal-VAT għal 50 % fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' ċerti karozzi tal-passiġġieri u biex teħles mill-obbligu li l-persuna taxxabbli jkollha tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali tal-vetturi koperti minn din ir-restrizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2017.
(3)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2017/1854/UE estendiet id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/797/UE sal-31 ta’ Diċembru 2020.
(4)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Frar 2021, l-Estonja ressqet talba lill-Kummissjoni biex tiġi awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tillimita d-dritt ta’ deduzzjoni fir-rigward tax-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri użati għal finijiet mhux kummerċjali.
(5)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/UE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Marzu 2021, infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Estonja. Permezz ta' ittra tat-23 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Estonja li kellha l-informazzjoni kollha li tqis li kellha bżonn biex tevalwa t-talba.
(6)Ħafna drabi jkun diffiċli ħafna li jiġi identifikat preċiżament l-użu mhux kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri, u anke meta jkun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ biex dan isir huwa wieħed oneruż. Skont l-awtorizzazzjoni mitluba, jenħtieġ li, ħlief f’xi eċċezzjonijiet, l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għad-deduzzjoni fir-rigward ta' vetturi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali ikun iffissat b'rata perċentwali fissa. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, l-awtoritajiet Estonjani jemmnu li rata ta' 50 % hija ġustifikabbli. Fl-istess ħin, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, jenħtieġ li r-rekwiżit ta' dikjarazzjoni tal-VAT fuq l-użu mhux kummerċjali ta' karozzi tal-passiġġieri jkun sospiż meta dawn ikunu ġew soġġetti għal limitazzjoni. Din il-miżura ta' simplifikazzjoni tneħħi l-ħtieġa li jinżammu rekords dwar l-użu privat ta' karozzi kummerċjali u, fl-istess ħin, tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa permezz taż-żamma ta' rekords skorretta.
(7)Jenħtieġ li l-limitazzjoni tad-dritt ta' deduzzjoni skont l-awtorizzazzjoni mitluba tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' kategoriji speċifiċi ta’ karozzi tal-passiġġieri u fuq l-infiq marbut magħhom, inkluż ix-xiri tal-fjuwil.
(8)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tapplika biss għall-karozzi tal-passiġġieri b'piż massimu awtorizzat ta' mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, peress li kull użu mhux kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri li jaqbżu it-3 500 kilogramma jew li jkollhom aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq, huwa negliġibbli minħabba n-natura ta’ dawk il-karozzi tal-passiġġieri jew it-tip ta' kummerċ li jintużaw għalih. Jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll lista dettaljata ta' karozzi tal-passiġġieri speċifiċi esklużi minn dik l-awtorizzazzjoni, abbażi tal-użu partikolari tagħhom.
(9)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun limitata fiż-żmien sal-31 ta' Diċembru 2024, sabiex ikun jista’ jsir rieżami tan-neċessità u l-effikaċja tal-miżura derogattiva u r-rata ta' porzjonament bejn l-użu kummerċjali u dak mhux kummerċjali li hija bbażata fuqu.
(10)Jekk l-Estonja tikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni tal-awtorizzazzjoni għal wara l-2024, ikun jenħtieġ li, sal-31 ta' Marzu 2024, tibgħat talba lill-Kummissjoni għal estensjoni flimkien ma' rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat.
(11)Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jiġu mill-VAT,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja hija awtorizzata tillimita għal 50 % id-dritt ta’ deduzzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq in-nefqa fuq karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali meta dik in-nefqa tkopri x-xiri, il-lokazzjoni, l-akkwist intra-Komunitarju jew l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx unikament għal finijiet kummerċjali, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni u t-tiswija ta’ tali karozzi u max-xiri tal-fjuwil għalihom.
Artikolu 2
B'deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Estonja ma għandhiex tittratta bħala provvista ta' servizzi l-użu għal finijiet mhux kummerċjali ta' karozza tal-passiġġieri inkluża fl-assi tan-negozju ta' persuna taxxabbli, meta dik il-karozza kienet suġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
1.Din id-Deċiżjoni għandha tapplika biss għal karozzi tal-passiġġieri b'piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx it-3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien sedili minbarra s-sedil tas-sewwieq.
2.Din id-deċiżjoni ma għandhiex tapplika għall-kategoriji ta' karozzi tal-passiġġieri li ġejjin:
(a)karozzi mixtrijin biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għal-lokazzjoni;
(b)karozzi użati għat-trasport tal-passiġġieri bi ħlas, inklużi servizzi tat-taksi;
(c)karozzi użati biex jingħataw lezzjonijiet tas-sewqan.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President