EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0581

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera

COM/2021/581 final

Brussell, 22.9.2021

COM(2021) 581 final

2021/0295(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 620 final} - {SWD(2021) 260 final} - {SWD(2021) 261 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-importanza ekonomika u soċjali tal-assigurazzjoni 1 tiġġustifika intervent mill-awtoritajiet pubbliċi, fil-forma ta’ superviżjoni prudenzjali. L-assiguraturi jipprovdu protezzjoni kontra avvenimenti futuri li jistgħu jirriżultaw f’telf, u jidderieġu t-tfaddil tal-unitajiet domestiċi fis-swieq finanzjarji u fl-ekonomija reali. Id-Direttiva 2009/138/KE 2 (“Solvenza II”) tistabbilixxi regoli prudenzjali għas-settur tal-assigurazzjoni u għandha l-għan li tabilita suq uniku għas-servizzi tal-assigurazzjoni, filwaqt li tipproteġi wkoll lid-detenturi ta’ poloz.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha mandat legali sabiex twettaq rieżami komprensiv tal-komponenti ewlenin tad-Direttiva Solvenza II, b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ kapital ibbażat fuq ir-riskju u r-regoli dwar il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet fit-tul, u sabiex tislet konklużjonijiet mill-ewwel ħames snin ta’ esperjenza bil-qafas. Din l-esperjenza wriet ukoll li l-proporzjonalità tas-Solvenza II tista’ tittejjeb, u enfasizzat in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE sabiex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, sabiex tiġi żgurata t-tħejjija għall-kriżijiet jew sabiex jiġu riżolti l-assiguraturi, fejn dan ikun neċessarju.

Barra minn hekk, il-qafas jeħtieġ li jkun konsistenti mal-prijoritajiet politiċi tal-UE. B’mod partikolari, jenħtieġ li s-settur tal-assigurazzjoni jkollu rwol fil-finanzjament tal-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID-19, fit-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) 3 u fil-kisba tal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 4 . B’mod aktar speċifiku, is-settur se jkun strumentali għal “riekwitizzazzjoni” fis-settur korporattiv u għal finanzjament tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà.

Istituzzjonijiet Ewropej oħrajn iqisu wkoll ir-rieżami bħala inizjattiva ewlenija sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tas-CMU. Ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp ulterjuri tas-CMU 5 jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta jekk ir-rekwiżiti kapitali għall-investimenti fin-negozji, b’mod partikolari fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jiskoraġġixxux l-investimenti fit-tul. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 6 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU jistiednu lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-assiguraturi bħala investituri fit-tul u tivvaluta modi kif tinċentiva investimenti fit-tul fin-negozji, b’mod partikolari fl-SMEs, mingħajr ma tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew il-protezzjoni tal-investituri.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni identifikat l-objettivi li ġejjin għar-rieżami:

·li jiġu pprovduti inċentivi lill-assiguraturi sabiex jikkontribwixxu għall-finanzjament sostenibbli fit-tul tal-ekonomija;

·it-titjib tas-sensittività għar-riskju;

·il-mitigazzjoni tal-volatilità eċċessiva fuq terminu qasir fil-pożizzjonijiet ta’ solvenza tal-assiguraturi;

·it-titjib tal-kwalità, tal-konsistenza u tal-koordinazzjoni tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni madwar l-UE, u t-titjib tal-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u tal-benefiċjarji, inkluż meta l-assiguratur tagħhom ifalli;

·l-indirizzar aħjar tal-akkumulazzjoni potenzjali ta’ riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tibni fuq u ssaħħaħ il-qafas prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni stabbilit fid-Direttiva 2009/138/KE, kif spjegat f’aktar dettall fit-taqsima 5 hawn taħt. Id-Direttiva Solvenza II tirrappreżenta, flimkien mar-Regolament Delegat (UE) 2015/35 7 , il-pedament tal-qafas prudenzjali tal-UE għall-assigurazzjoni. Komunikazzjoni 8 adottata flimkien ma’ din il-proposta tispjega f’aktar dettall l-interazzjoni bejn il-proposta u l-emendi li ġejjin għar-Regolament Delegat (UE) 2015/35.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Din il-proposta hija adottata bħala parti minn pakkett wieħed, flimkien ma’ proposta leġiżlattiva dwar ir-riżoluzzjoni għall-impriżi tal-assigurazzjoni; dan il-pakkett għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq uniku u l-fiduċja fih għall-assigurazzjoni. Il-proposti fil-pakkett jorbtu ma’ xulxin, peress li l-proposta temenda r-regoli dwar is-superviżjoni qabel ma tfalli kumpanija tal-assigurazzjoni, filwaqt li r-regoli l-ġodda dwar l-istandardizzazzjoni jindirizzaw il-proċeduri u s-setgħat wara tali falliment.

Permezz ta’ emendi għar-regoli dwar il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assiguraturi, din il-proposta tgħin sabiex titlesta s-CMU. B’mod partikolari, l-emendi rilevanti jagħmlu l-imġiba proċiklika mhux xierqa anqas probabbli u jirriflettu aħjar in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni. Dawn il-bidliet se jkunu akkumpanjati minn miżuri addizzjonali skont ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35, sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kalkolu tal-marġni ta’ riskju u tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-klassi tal-assi ta’ ekwità fit-tul.

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni qed issegwi diversi inizjattivi sabiex iżżid il-finanzjament privat tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u sabiex tiżgura li r-riskji klimatiċi u ambjentali jkunu ġestiti mis-sistema finanzjarja. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà 9 li tiċċara r-rekwiżiti ta’ rapportar mhux finanzjarju għas-sostenibbiltà u li testendi l-ambitu, fost affarijiet oħrajn, għal impriżi tal-assigurazzjoni ta’ daqs medju. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, din il-proposta ma tindirizzax ir-rekwiżiti ta’ żvelar relatat mas-sostenibbiltà.

Billi tintroduċi rekwiżit sabiex titwettaq analiżi tax-xenarju tat-tibdil fil-klima, il-proposta tikkontribwixxi għall-istrateġija għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli 10 , li għandha l-għan li ssaħħaħ il-pedamenti għal investimenti sostenibbli, li tintegra bis-sħiħ il-kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà fis-sistema finanzjarja u li timmaniġġjahom.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata l-inkonsistenza bejn din il-proposta u l-emendi li ġejjin għar-regoli għas-settur bankarju.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva Solvenza II tipprevedi qafas regolatorju komprensiv dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni fl-UE. Il-bażijiet ġuridiċi tad-Direttiva kurrenti huma l-Artikoli 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; Hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni f’konformità ma’ dawn l-Artikoli sabiex ikomplu jiġu allinjati r-regoli kurrenti jew sabiex jiġu introdotti regoli standardizzati ġodda.

Sussidjarjetà

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Unjoni tista’ tieħu azzjoni biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom. Ir-regolamentazzjoni tal-assigurazzjoni fil-livell Ewropew ilha stabbilita, minħabba li azzjoni tal-Unjoni biss tista’ tistabbilixxi qafas regolatorju komuni għall-assiguraturi li jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u mil-libertà li jipprovdu servizzi. F’dan ir-rigward, din il-proposta, bħal-leġiżlazzjoni li tfittex li temenda, hija f’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Din il-proposta għandha l-għan li temenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II, b’mod partikolari dawk dwar ir-rekwiżiti kapitali, dwar il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni lejn id-detenturi ta’ poloz u dwar is-superviżjoni transfruntiera. Tintroduċi wkoll kjarifiki u bidliet neċessarji għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dawn il-bidliet huma neċessarji u proporzjonati sabiex itejbu l-funzjonament tal-qafas regolatorju għall-assiguraturi u sabiex jilħqu l-objettivi ta’ Solvenza II.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta għandha l-għan li temenda d-Direttiva Solvenza II eżistenti, u għalhekk l-istrument magħżul huwa Direttiva emendatorja.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-anness għall-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja fih evalwazzjoni tal-qafas ta’ Solvenza II. Il-konklużjonijiet ewlenin huma li l-qafas huwa ġeneralment effettiv u koerenti, għadu jindirizza l-ħtiġijiet u l-problemi, u jġib il-valur miżjud maħsub. Madankollu, huwa jenfasizza wkoll numru ta’ kwistjonijiet fl-implimentazzjoni tal-prinċipji u tar-rekwiżiti tiegħu, u fil-proċess ta’ konverġenza superviżorja. Barra minn hekk, il-qafas ma jikkunsidrax bis-sħiħ l-ambjent finanzjarju u ekonomiku l-ġdid, b’mod partikolari fir-rigward tar-rati baxxi tal-imgħax.

Ukoll, għad hemm volatilità eċċessiva fuq terminu qasir, minkejja l-għodod eżistenti li għandhom l-għan li jimmitigaw dawn l-effetti. Ir-rekwiżiti kapitali jeħtieġ li jitjiebu sabiex jiġu żgurati s-sensittività għar-riskju u t-trattament xieraq tal-investimenti fit-tul. Barra minn hekk, ma jqisux in-natura sostenibbli tal-assi miżmumin mill-assiguraturi. Xi karatteristiċi tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar u l-iżvelar jistgħu jittejbu u, b’mod aktar ġenerali, l-implimentazzjoni tal-proporzjonalità ma kinitx biżżejjed sabiex tnaqqas b’mod effettiv il-piż regolatorju għal assiguraturi iżgħar.

L-evalwazzjoni tindika wkoll nuqqasijiet regolatorji u superviżorji fil-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz. Hemm opportunitajiet sabiex jiġu allinjati aktar il-proċessi superviżorji u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn is-superviżuri fil-każ ta’ attivitajiet transfruntiera. Barra minn hekk, l-awtoritajiet superviżorji għandhom biss għodod limitati sabiex jindirizzaw l-akkumulazzjoni potenzjali ta’ riskju sistemiku fis-settur tal-assigurazzjoni u jwettqu superviżjoni makroprudenzjali xierqa.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni għal dan ir-rieżami. Fid-29 ta’ Jannar 2020, hija organizzat konferenza pubblika dwar ir-rieżami, ma’ rappreżentanti mill-industrija tal-assigurazzjoni, mill-assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni, mill-awtoritajiet pubbliċi, mis-soċjetà ċivili u mill-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika mill-1 ta’ Lulju 2020 sal-21 ta’ Ottubru 2020, li fiha rċeviet 73 tweġiba minn varjetà ta’ partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw l-industrija tal-assigurazzjoni (56 %), is-soċjetà ċivili (14 %) u l-awtoritajiet pubbliċi (11 %). Il-Kummissjoni ppubblikat rapport sommarju dwar il-feedback għal din il-konsultazzjoni fl-1 ta’ Frar 2021 11 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddiskutiet diversi aspetti tar-rieżami f’diversi laqgħat ta’ grupp ta’ esperti mill-Istati Membri.

Dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jikkomplementaw tliet konsultazzjonijiet immexxijin mill-EIOPA bejn Lulju 2019 u Jannar 2020.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Wara talba formali għal pariri 12 mibgħuta mill-Kummissjoni fi Frar 2019, l-EIOPA pprovdiet Opinjoni 13 dwar ir-rieżami ta’ Solvenza II, flimkien ma’ analiżi tal-isfond u ma’ valutazzjoni tal-impatt, fis-17 ta’ Diċembru 2020. L-Opinjonijiet tal-EIOPA informaw il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u l-iżvilupp ta’ din il-proposta. L-Anness 10 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja jelenka sorsi addizzjonali kkunsidrati waqt it-tħejjija ta’ din il-proposta.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata b’valutazzjoni tal-impatt 14 . Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet sottomessa lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fid-19 ta’ Marzu 2021, u rċeviet opinjoni pożittiva fit-23 ta’ April 2021 15 . Filwaqt li l-RSB faħħar in-natura komprensiva u strutturata tajjeb tal-valutazzjoni tal-impatt, huwa rrakkomanda li jiġu żviluppati aktar l-analiżi tal-problemi u n-narrattiva, inkluż fir-rigward tal-proporzjonalità. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata kif xieraq.

Il-valutazzjoni tal-impatt tidentifika sett ta’ għażliet ta’ politika preferuti li jindirizzaw ħames problemi ewlenin:

i)id-diżinċentivi għal investimenti fit-tul fl-ekwità u r-riflessjoni mhux adegwata tar-riskji għas-sostenibbiltà;

ii)ir-riflessjoni mhux adegwata tal-ambjent tar-rati tal-imgħax baxxi u, possibbilment, ta’ volatilità għolja bla bżonn fil-pożizzjonijiet ta’ solvenza;

iii)il-kumplessità għal assiguraturi żgħar u anqas riskjużi;

iv)il-fallimenti riċenti ta’ assiguraturi li joperaw bejn il-fruntieri, li xeħtu dawl fuq in-nuqqasijiet superviżorji u fuq il-protezzjoni li tvarja tad-detenturi ta’ poloz madwar l-UE wara dawn il-fallimenti;

v)l-għodod għall-prevenzjoni ta’ riskji sistemiċi jistgħu ma jkunux biżżejjed.

Il-kompromess ewlieni fl-indirizzar ta’ dawn il-problemi huwa relatat mal-impatt kwantitattiv ġenerali tar-rieżami. Żieda sinifikanti fir-rekwiżiti kapitali tfixkel il-kontribut tal-assiguraturi għall-irkupru ekoloġiku u sostenibbli. Fl-istess ħin, tnaqqis sinifikanti jipperikola l-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u l-istabbiltà finanzjarja.

Fil-fatt, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-bidliet fir-rati tal-imgħax, l-għażliet ta’ politika preferuti jkunu jirriżultaw f’salvataġġ kapitali sinifikanti, stmat għal EUR 90 000 000 000 fit-terminu qasir. Fi tmiem il-perjodu tranżitorju, l-għażliet ta’ politika preferuti huma stmati li jirriżultaw, meta mqabblin mas-sitwazzjoni attwali, f’kapital bejn wieħed u ieħor stabbli jew kemxejn miżjud li jaqbeż ir-rekwiżiti regolatorji (skont il-kundizzjonijiet tas-suq).

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Id-Direttiva proposta ttejjeb l-idoneità regolatorja u tissimplifika l-qafas kif ġej:

·teskludi aktar ditti żgħar minn Solvenza II;

·tqiegħed regoli aktar proporzjonati disponibbli awtomatikament għal “impriżi bi profil tar-riskju baxx” u, wara l-approvazzjoni superviżorja, għal assiguraturi oħrajn;

·tissimplifika l-kwantifikazzjoni tar-riskji immaterjali;

·tiżgura li l-iżvelar meħtieġ ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-benefiċjarji.

Fir-rigward tal-prontezza diġitali, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Solvenza II diġà huma teknoloġikament newtrali. Barra minn hekk, is-setgħat eżistenti għall-Kummissjoni u għall-EIOPA jkunu jippermettu aġġustamenti ulterjuri, b’mod partikolari dwar ir-rapportar superviżorju u l-iżvelar.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16) u l-protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress fil-kisba tal-objettivi speċifiċi bbażati fuq il-lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi fit-Taqsima 8 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja.

F’ħames snin, il-Kummissjoni se twettaq l-evalwazzjoni li jmiss tad-Direttiva Solvenza II, inklużi l-emendi ta’ din il-proposta, f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Din il-proposta ma teħtieġx pjan ta’ implimentazzjoni.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

L-ebda dokument ta’ spjegazzjoni ma jitqies meħtieġ.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jemenda d-Direttiva 2009/138/KE.

Proporzjonalità

Il-paragrafu 2 jemenda l-Artikolu 4 sabiex jiżdiedu l-limiti tad-daqs għall-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, u b’hekk jippermetti li jiġu esklużi aktar impriżi żgħar.

Il-paragrafu 12 jiċċara fl-Artikolu 29 l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari billi jintroduċi l-kunċett il-ġdid ta’ impriżi bi profil tar-riskju baxx.

Il-paragrafu 13 jintroduċi l-Artikoli 29a sa 29e l-ġodda. L-Artikolu 29a jistabbilixxi kriterji għall-identifikazzjoni ta’ impriżi bi profil tar-riskju baxx, li jistgħu jiġu ssupplimentati f’atti delegati. L-Artikolu 29b jistabbilixxi l-proċess għall-klassifikazzjoni bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx.

L-Artikolu 29c jelenka l-miżuri ta’ proporzjonalità disponibbli “awtomatikament” għal impriżi bi profil tar-riskju baxx u jistabbilixxi r-regoli f’każ ta’ bidla fil-profil tar-riskju. L-Artikolu 29d jistabbilixxi kif l-impriżi mhux ikklassifikati bħala profil tar-riskju baxx jistgħu jiġu awtorizzati sabiex jużaw miżuri ta’ proporzjonalità. L-Artikolu 29e jistabbilixxi l-obbligi ta’ rapportar għall-impriżi bi profil tar-riskju baxx.

Il-paragrafu 63 jintroduċi l-Artikolu 213a l-ġdid, li jistabbilixxi l-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ gruppi bi profil tar-riskju baxx, kif ukoll ir-regoli dwar l-użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità minn dawn il-gruppi tal-assigurazzjoni.

Il-paragrafu 21 jintroduċi paragrafu 2a ġdid fl-Artikolu 41 sabiex jippermetti lill-impriżi bi profil tar-riskju baxx jassenjaw persuna waħda sabiex ikollha diversi funzjonijiet ewlenin. Il-paragrafu jipprovdi wkoll miżuri ta’ proporzjonalità fir-rigward tar-regoli ta’ governanza; fil-każ ta’ impriżi bi profil tar-riskju baxx, il-politiki interni elenkati fl-Artikolu 41(3) jeħtieġ li jiġu aġġornati biss kull tliet snin minflok kull sena.

L-Artikolu 45 huwa emendat sabiex jippermetti lill-impriżi bi profil tar-riskju baxx, lill-impriżi tal-assigurazzjoni captive u lill-impriżi tar-riassigurazzjoni captive li jissodisfaw ċerti kriterji l sabiex iwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u tas-solvenza tagħhom stess kull sentejn minflok tal-anqas kull sena.

Il-bidliet fl-Artikolu 77 jippermettu l-użu ta’ valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja b’opzjonijiet u b’garanziji mhux meqjusin materjali minflok l-użu ta’ tekniki ta’ valwazzjoni stokastika.

L-Artikolu 109 il-ġdid jintroduċi simplifikazzjonijiet fil-formula standard meta modulu jew submodulu ta’ riskju ma jkunx materjali, dment li jiġu ssodisfati xi kriterji speċifiċi.

Kwalità tas-superviżjoni

L-emenda għall-Artikolu 25 tiżgura li kull rifjut ta’ awtorizzazzjoni, inkluża r-raġuni, għandu jiġi nnotifikat lill-EIOPA u rreġistrat f’bażi ta’ data li tista’ tiġi kkonsultata mill-awtoritajiet superviżorji. Il-bidla fl-Artikolu 26 tintroduċi l-possibbiltà ta’ valutazzjoni konġunta ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fuq talba ta’ waħda mill-awtoritajiet superviżorji li jeħtieġ li jiġu kkonsultati mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

L-emendi għall-Artikoli 30, 36 u 42 għandhom l-għan li jtejbu l-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ idoneità fir-rigward tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju (AMSB) jew ta’ persuni li għandhom funzjonijiet ewlenin oħrajn fl-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. L-Artikolu 42(4) jagħti s-setgħa lill-awtoritajiet superviżorji sabiex jitolbu t-tneħħija ta’ membru tal-AMSB jew ta’ detentur ta’ funzjoni ewlenija.

Rapportar

Il-modifiki għall-Artikolu 35 u għall-Artikolu 35a l-ġdid jadattaw l-obbligi ta’ rapportar għal impriżi bi profil tar-riskju baxx, b’mod partikolari sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għal eżenzjonijiet u għal limitazzjonijiet fuq ir-rapportar għal dawn l-entitajiet.

L-Artikolu 35(5a) il-ġdid u l-Artikolu 256b il-ġdid dwar ir-Rapport Superviżorju Regolari (RSR) minn impriżi u minn gruppi jistabbilixxu l-prinċipji u l-frekwenza għal dan ir-rapport narrattiv. L-Artikolu 35b il-ġdid jistabbilixxi skadenzi għar-rapportar u jintroduċi l-possibbiltà li dawn jinbidlu meta dan ikun iġġustifikat minn ċirkostanzi straordinarji.

Il-paragrafi 26 u 83 jemendaw l-Artikolu 51 u, rispettivament, l-Artikolu 256 sabiex jimmodifikaw l-istruttura tar-Rapport dwar is-Solvenza u l-Kondizzjoni Finanzjarja (SFCR) minn impriżi u minn gruppi, filwaqt li jaqsmu l-kontenut tiegħu f’parti indirizzata lid-detenturi ta’ poloz u f’parti indirizzata lil partijiet ikkonċernati oħrajn.

Il-paragrafi 27 u 84 jintroduċu, permezz tal-Artikoli 51a u 256c il-ġodda, rekwiżit ta’ awditjar għall-karta tal-bilanċ prudenzjali, il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata u/jew l-SFCR uniku.

Il-paragrafu 28 jintroduċi fl-Artikolu 52 l-obbligu għas-superviżuri li jissottomettu lill-EIOPA statistika dwar l-użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità u ta’ simplifikazzjonijiet fis-suq tagħhom.

Il-paragrafu 47 jemenda l-Artikolu 112 sabiex jirrikjedi li l-impriżi li jużaw mudell intern jirrapportaw regolarment lis-superviżuri stima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kkalkolat bil-formula standard.

Miżuri ta’ garanzija fit-tul

Il-paragrafu 37 jissostitwixxi l-Artikolu 77a dwar ir-regoli għall-estrapolazzjoni tal-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju. L-emendi jeħtieġu li l-estrapolazzjoni tqis, fejn disponibbli, informazzjoni mis-swieq finanzjarji għall-maturitajiet fejn tiġi estrapolata l-istruttura tat-terminu. Il-metodu ta’ estrapolazzjoni l-ġdid li jirriżulta jiġi introdott gradwalment b’mod lineari fuq perjodu li jibqa’ għaddej sal-2032, li matulu l-assiguraturi se jkollhom jiżvelaw l-impatt tal-metodu ta’ estrapolazzjoni l-ġdid mingħajr introduzzjoni gradwali.

Il-paragrafu 38 jemenda l-Artikolu 77d dwar l-aġġustament tal-volatilità. Każijiet ġodda ta’ użu tal-aġġustament tal-volatilità se jsiru soġġetti għal awtorizzazzjoni superviżorja. Barra minn hekk, fl-aġġustament tal-volatilità jitqies perċentwal ogħla ta’ 85 % tal-firxa aġġustata għar-riskju. Sabiex jittaffa r-riskju li l-aġġustament tal-volatilità jikkumpensa lil hinn mit-telf fuq l-investimenti minn żieda fil-firxiet tal-kreditu, ġie introdott “proporzjon tas-sensittività tal-firxa tal-kreditu” speċifiku għall-impriża. Fl-aħħar nett, il-komponent tal-pajjiż tal-aġġustament tal-volatilità huwa sostitwit b’aġġustament tal-volatilità makro għall-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro sabiex jittaffa l-impatt tal-kriżijiet tal-firxa fil-livell tal-pajjiż filwaqt li jiġu evitati effetti ta’ preċipizju.

Dawn il-bidliet huma kkomplementati mill-paragrafu 48, li jintroduċi fl-Artikolu 122 salvagwardji fejn mudell intern iqis l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità (“aġġustament dinamiku tal-volatilità”).

Il-paragrafu 44 jemenda l-Artikolu 106(3) sabiex jippermetti l-aġġustament simetriku għar-riskju ta’ ekwità li jżid jew inaqqas l-imposti kapitali b’massimu ta’ 17 %, minflok 10 %.

Il-paragrafu 51 jemenda l-Artikolu 138 sabiex jiżgura li l-EIOPA, minflok l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, tikkonsulta lill-BERS qabel ma tiddikjara sitwazzjoni avversa eċċezzjonali.

Il-paragrafu 90 jissostitwixxi l-Artikolu 304(2) dwar is-submodulu tar-riskju ta’ ekwità bbażat fuq id-durata, li l-użu tiegħu jenħtieġ li ma jibqax jiġi approvat, b’dispożizzjoni ta’ anterjorità.

Il-paragrafi 95 u 96 jemendaw l-Artikolu 308c dwar il-miżura tranżizzjonali dwar ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju u, rispettivament, l-Artikolu 308d dwar il-miżura tranżizzjonali dwar il-provvedimenti tekniċi. Approvazzjonijiet ġodda tal-użu ta’ dawk il-miżuri tranżizzjonali huma ristretti għal lista magħluqa ta’ ċirkostanzi. Barra minn hekk, il-kumpaniji li jużaw dawk il-miżuri se jkollhom jiżvelaw ir-raġunijiet għall-użu kif ukoll valutazzjoni u miżuraturi tat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-miżuri.

Il-paragrafi 39, 40 u 46 jallinjaw l-Artikolu 77e, l-Artikolu 86 u, rispettivament, l-Artikolu 111 dwar l-awtorizzazzjonijiet għal atti delegati u ta’ implimentazzjoni bil-bidliet deskritti aktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-paragrafu 40 jintroduċi awtorizzazzjoni ġdida għal atti delegati dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-assi fil-kuntest tal-aġġustament ta’ korrispondenza.

Għodod makroprudenzjali

Il-paragrafu 24 jintegra l-kunsiderazzjonijiet u l-analiżi makroekonomiċi fl-Artikolu 45 dwar il-Riskju Proprju u Valutazzjoni tas-Solvibbiltà mill-assiguraturi. L-assiguraturi se jkunu meħtieġa jivvalutaw l-impatt ta’ żviluppi makroekonomiċi u tas-suq finanzjarju plawżibbli, inklużi xenarji ekonomiċi avversi, fuq il-profil tar-riskju speċifiku tagħhom, fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali u fuq il-ħtiġijiet ta’ solvenza, u reċiprokament kif l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaffettwaw il-motivaturi tas-suq. L-awtoritajiet superviżorji se jkunu meħtieġa jipprovdu kontribut lil impriżi speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji u tat-tħassib makroprudenzjali li jirriżultaw mill-analiżi tagħhom.

Il-paragrafu 49 jintegra kunsiderazzjonijiet makroekonomiċi fl-Artikolu 132 dwar il-prinċipju tal-“persuna prudenti” għall-investimenti. L-assiguraturi se jkunu meħtieġa jqisu l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji plawżibbli fl-istrateġija ta’ investiment tagħhom u jivvalutaw sa liema punt l-investimenti tagħhom jistgħu jżidu r-riskju sistemiku. L-awtoritajiet superviżorji se jkunu meħtieġa jipprovdu kontribut lil impriżi speċifiċi fir-rigward ta’ tħassib makroprudenzjali partikolari.

Il-paragrafu 54 jintroduċi l-Artikoli 144a sa 144d l-ġodda. L-Artikolu 144a jintroduċi rekwiżiti dwar l-immaniġġjar u l-ippjanar tal-likwidità sabiex tiġi żgurata l-kapaċità li jiġu saldati l-obbligi finanzjarji lejn id-detenturi ta’ poloz. B’mod partikolari, l-assiguraturi se jkollhom jiżviluppaw indikaturi tar-riskju tal-likwidità sabiex jimmonitorjaw ir-riskju tal-likwidità.

L-Artikolu 144b jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji jintervjenu meta l-vulnerabbiltajiet tal-likwidità ma jiġux indirizzati kif xieraq minn assiguratur. Barra minn hekk, l-awtoritajiet superviżorji se jkollhom il-possibbiltà, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali u bħala l-aħħar miżura, li jimponu fuq kumpaniji individwali jew fuq is-suq kollu ffriżar temporanju fuq l-opzjonijiet ta’ tifdija fuq il-poloz ta’ assigurazzjoni tal-ħajja.

L-Artikolu 144c jintroduċi setgħat superviżorji li għandhom l-għan li jippreservaw il-pożizzjoni ta’ solvenza ta’ impriżi speċifiċi matul sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal avvenimenti ekonomiċi jew tas-suq avversi li jaffettwaw parti kbira mis-suq tal-assigurazzjoni jew is-suq kollu tal-assigurazzjoni. Soġġetti għal kriterji bbażati fuq ir-riskju u għal salvagwardji speċifiċi, id-distribuzzjonijiet lill-azzjonisti u lil mutwanti subordinat oħrajn ta’ impriża partikolari jistgħu jiġu sospiżi jew ristretti qabel ma jseħħ ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Emendi relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-paragrafu 25 jintroduċi l-Artikolu 45a l-ġdid dwar l-analiżi tax-xenarju klimatiku. L-assiguraturi se jkollhom jidentifikaw kwalunkwe skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima u, fejn rilevanti, jivvalutaw l-impatt ta’ xenarji fit-tul dwar it-tibdil fil-klima fuq in-negozju tagħhom. L-assiguraturi kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx huma eżentati minn analiżijiet tax-xenarji.

Il-paragrafu 91 jintroduċi l-Artikolu 304a l-ġdid b’żewġ mandati għall-EIOPA fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà. L-EIOPA għandha l-mandat li sal-2023 tesplora trattament prudenzjali dedikat ta’ skoperturi relatati ma’ assi jew ma’ attivitajiet assoċjati sostanzjalment mal-objettivi ambjentali u/jew soċjali u li tirrieżamina regolarment il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kalibrar tal-parametri tal-formula standard li jappartjenu għar-riskju ta’ katastrofi naturali.

Superviżjoni tal-grupp

L-Artikolu 212 tad-Direttiva Solvenza II huwa emendat sabiex jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ impriżi li jifformaw grupp, b’mod partikolari fir-rigward ta’ gruppi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE dwar ir-rapporti finanzjarji annwali, ir-rapporti finanzjarji konsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u fir-rigward ta’ gruppi orizzontali. Barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni hija ċċarata b’mod simili bħall-emendi għad-definizzjoni ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja fid-Direttiva 2013/36/UE dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment.

L-Artikolu 213 huwa emendat sabiex il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jiddaħħlu direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas prudenzjali tal-UE. Il-paragrafu 3a l-ġdid jeħtieġ governanza interna u struttura korporattiva xierqa għal gruppi li l-kumpanija omm tagħhom hija kumpanija azzjonarja, sabiex tkun tista’ ssir superviżjoni effettiva tal-grupp. Il-paragrafi 3b u 3c jiddaħħlu sabiex jiġu żgurati setgħat ta’ infurzar xierqa, inkluża, bħala l-aħħar miżura, is-setgħa li l-grupp jintalab jagħmel ristrutturazzjoni.

Il-paragrafu 64 jemenda l-Artikolu 214 sabiex jiċċara meta impriża tista’ tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp, meta tista’ tingħata eżenzjoni mis-superviżjoni tal-grupp jew meta tista’ tiġi eżerċitata fil-livell ta’ kumpanija omm intermedja.

L-Artikoli 244, 245 u 265 huma emendati sabiex tiġi estiża l-lista ta’ indikaturi li fuq il-bażi tagħhom superviżuri ta’ grupp jistgħu jiddefinixxu tranżazzjonijiet intragrupp u konċentrazzjonijiet tar-riskju sinifikanti u sabiex jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet intragrupp.

Il-paragrafu 86 jintroduċi fl-Artikolu 258 sett minimu ta’ setgħat li jistgħu jiġu applikati għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin.

Il-paragrafu 87 jemenda l-Artikolu 262 billi jiċċara l-objettivi u s-setgħat neċessarji meta jiġu applikati “metodi oħrajn” għas-superviżjoni ta’ gruppi li l-kumpaniji omm apikali tagħhom ikollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom barra miż-ŻEE.

Jiddaħħal l-Artikolu 229a l-ġdid sabiex tingħata l-possibbiltà, soġġetta għall-approvazzjoni superviżorja, li jintuża approċċ simplifikat għall-integrazzjoni ta’ impriżi relatati mhux materjali fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp. Ġew introdotti limiti tal-materjalità.

L-Artikoli 220, 222, 228, 230, 233, 234 u 308b(17) huma emendati u jiddaħħal l-Artikolu 233a l-ġdid sabiex jiġu pprovduti l-kjarifiki li ġejjin dwar ir-regoli li jirregolaw il-kalkolu tas-solvenza tal-grupp:

·it-tip ta’ impriżi li jistgħu jiġu inklużi permezz tal-metodu 2;

·kif jenħtieġ li jiġi kkalkolat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat fil-każ ta’ taħlita ta’ metodi;

·kif jiġu inklużi impriżi minn setturi finanzjarji oħrajn, eż. istituzzjonijiet ta’ kreditu, fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp;

·kif jiġu vvalutati l-fondi proprji tal-grupp, b’mod partikolari l-kunċett ta’ “ħieles minn restrizzjonijiet”, it-trattament ta’ miżuri tranżizzjonali dwar il-provvedimenti tekniċi u dwar ir-rata mingħajr riskju, u t-trattament ta’ entrati ta’ fondi proprji li effettivament ma jistgħux isiru disponibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

·fil-każ ta’ użu tal-metodu 1 jew ta’ taħlita ta’ metodi, kif jiġi kkalkolat il-limitu minimu għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat.

Barra minn hekk, ġie introdott “Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Minimu tal-Grupp Konsolidat” rivedut li jirrifletti r-regoli dwar ir-Rekwiżit Kapitali Minimu fil-livell individwali.

L-Artikoli 246 u 257 huma emendati sabiex tiġi ċċarata l-applikazzjoni mutatis mutandis fil-livell tal-grupp tar-regoli ta’ governanza applikabbli għal impriżi individwali. Dawk l-emendi jinkludu r-rwol tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-kumpanija omm u jirrikjedu li l-gruppi jiżguraw il-konsistenza tal-politiki bil-miktub tal-grupp ma’ dawk adottati minn impriżi relatati. Fl-aħħar nett, huma jiċċaraw li l-persuni responsabbli minn funzjonijiet ewlenin oħrajn fi ħdan il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jenħtieġ li jkunu kompetenti u idonei.

Barra minn hekk, jiddaħħlu l-Artikoli 246a u 246b sabiex jiġi speċifikat kif japplikaw ir-regoli makroprudenzjali l-ġodda fil-livell tal-gruppi tal-assigurazzjoni.

Superviżjoni tan-negozju tal-assigurazzjoni transfruntier

Id-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni fl-Artikolu 18 huma emendati minn rekwiżit dwar l-applikanti sabiex jipprovdu informazzjoni dwar ċaħdiet jew irtirar preċedenti ta’ awtorizzazzjoni fi Stati Membri oħrajn u dwar l-awtoritajiet superviżorji sabiex iqisu dik l-informazzjoni fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet. Fil-kuntest tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni, il-bidliet fl-Artikolu 23 jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jiġu informati wkoll dwar in-negozju transfruntier maħsub.

Il-paragrafu 15 jintroduċi fl-Artikolu 33a rekwiżiti minimi rigward l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti dwar l-assiguraturi u l-attivitajiet tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

L-emendi għall-Artikoli 149 u 152 jiċċaraw li jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jinnotifikaw il-bidliet materjali u r-riskji emerġenti relatati mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni transfruntiera li jkunu għaddejjin. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jiskambjaw tali informazzjoni.

Il-paragrafu 58 tal-Artikolu 152b isaħħaħ ir-rwol tal-EIOPA f’każijiet transfruntiera kumplessi li fihom l-awtoritajiet superviżorji involuti jonqsu milli jaslu għal fehma komuni fi pjattaforma ta’ kooperazzjoni.

L-emenda għall-Artikolu 153 tiżgura aċċess f’waqtu għall-informazzjoni minn awtorità superviżorja ta’ Stat Membru ospitanti. 

L-Artikolu 159a jagħti s-setgħa lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti li titlob lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ solvenza tal-impriża u, f’każ ta’ tħassib qawwi, li titlob it-twettiq ta’ spezzjoni konġunta fuq il-post. L-EIOPA tingħata rwol fir-riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji.

Miżuri tranżizzjonali introdotti mid-Direttiva 2014/51/UE

Il-paragrafu 94(b) jissostitwixxi miżura tranżizzjonali skaduta fil-kuntest ta’ skoperturi għall-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri jew għall-banek ċentrali denominati u ffinanzjati fil-valuta domestika ta’ Stat Membru ieħor. Skont dispożizzjoni ta’ anterjorità ġdida, l-iskoperturi ta’ dan it-tip imġarrbin qabel l-2020 jistgħu jibbenefikaw mill-istess trattament bħall-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri jew għall-banek ċentrali denominati u ffinanzjati fil-valuta domestika tagħhom stess. Għall-kuntrarju tal-miżura tranżizzjonali preċedenti, id-dispożizzjoni ta’ anterjorità l-ġdida ma hijiex stipulata biex tiskadi.

Aġġornamenti u tiswijiet minuri

Diversi paragrafi jimmodifikaw id-Direttiva 2009/138/KE għal aġġornamenti u għal tiswijiet minuri, b’mod partikolari sabiex jallinjaw id-definizzjonijiet, ir-referenzi intra u extra legali mal-bidliet introdotti f’paragrafi oħrajn u sabiex ineħħu r-referenzi obsoleti għar-Renju Unit.

2021/0295 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 16 ,

Filwaqt li aġixxew f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 ħolqot regoli prudenzjali aktar ibbażati fuq ir-riskju u aktar armonizzati għas-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma soġġetti għal klawżoli ta’ rieżami. L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kkontribwiet sostanzjalment għat-tisħiħ tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u għamlet l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni aktar reżiljenti għal varjetà ta’ riskji. Għalkemm hija komprensiva ħafna, din id-Direttiva ma tindirizzax id-dgħufijiet identifikati kollha li jaffettwaw l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(2)Il-pandemija tal-Covid-19 ikkawżat ħsara soċjoekonomika tremenda u ħalliet l-ekonomija tal-UE fil-bżonn ta’ rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Din għamlet il-ħidma fuq il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni saħansitra aktar urġenti, b’mod partikolari l-iżgurar li l-ekonomija tkun għas-servizz tan-nies u tilħaq l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Is-settur tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jista’ jipprovdi sorsi privati ta’ finanzjament lin-negozji Ewropej u jista’ jagħmel l-ekonomija aktar reżiljenti billi jipprovdi protezzjoni kontra firxa wiesgħa ta’ riskji. B’dan ir-rwol doppju, is-settur għandu potenzjal kbir li jikkontribwixxi għall-kisba tal-prijoritajiet tal-Unjoni.

(3)Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Settembru 2020 “Unjoni tas-swieq kapitali għan-nies u n-negozji” 18 , l-inċentivar lill-investituri istituzzjonali, b’mod partikolari lill-assiguraturi, sabiex jagħmlu investimenti aktar fit-tul, se jkun strumentali fl-appoġġ tar-riekwitizzazzjoni fis-settur korporattiv. Sabiex tiġi ffaċilitata l-kontribuzzjoni tal-assiguraturi għall-finanzjament tal-irkupru ekonomiku tal-Unjoni, jenħtieġ li l-qafas prudenzjali jiġi aġġustat sabiex iqis aħjar in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, meta jiġi kkalkolat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont il-formula standard, jenħtieġ li tiġi ffaċilitata l-possibbiltà li jintuża parametru standard aktar favorevoli għall-investimenti fl-ekwità li jinżammu b’perspettiva fit-tul, dment li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jikkonformaw ma’ kriterji sodi u robusti, li jippreservaw il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li tali kriterji jkollhom l-għan li jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu jistgħu jevitaw il-bejgħ furzat ta’ ekwitajiet maħsubin sabiex jinżammu fit-tul, inkluż taħt kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq.

(4)Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 19 , il-Kummissjoni ħadet impenn li tintegra aħjar fil-qafas prudenzjali tal-Unjoni l-ġestjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni dwar it-tkabbir, li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra sal-2050. Se jikkontribwixxi għall-objettiv ta’ bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies, filwaqt li jsaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Unjoni, u jgħin sabiex jiġi żgurat li tkun lesta għall-futur u li twassal għal stabbiltà, għal impjiegi, għal tkabbir u għal investiment. Fil-proposta tagħha tal-4 ta’ Marzu 2020 għal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni pproponiet li l-objettiv ta’ newtralità klimatika u ta’ reżiljenza għall-klima sal-2050 isir vinkolanti fl-Unjoni. Din il-proposta ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju 2021 20 . L-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura tmexxija globali mill-UE fit-triq lejn l-2050 ġiet imtennija fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021 21 , li jidentifika l-bini ta’ sistemi ekonomiċi u finanzjarji reżiljenti u validi fil-futur bħala qasam strateġiku ta’ azzjoni.

(5)Il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE se jkollu rwol importanti fl-ilħuq tal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jenħtieġ li r-regolamentazzjoni ambjentali tiġi kkomplementata minn qafas ta’ finanzjament sostenibbli li jidderieġi l-finanzjament għall-investimenti li jnaqqsu l-iskopertura għal dawn ir-riskji klimatiċi u ambjentali. Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Lulju 2021 dwar Strategy for Financing the Transition to a Sustainable Economy 22 , il-Kummissjoni ħadet impenn li tipproponi emendi għad-Direttiva 2009/138/KE sabiex tintegra b’mod konsistenti r-riskji ta’ sostenibbiltà fil-ġestjoni tar-riskju tal-assiguraturi billi tirrikjedi analiżi tax-xenarju tat-tibdil fil-klima mill-assiguraturi.

(6)Id-Direttiva 2009/138/KE teskludi lil ċerti impriżi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, minħabba d-daqs tagħhom. Wara l-ewwel snin ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u bl-għan li jiġi żgurat li ma tapplikax bla bżonn għall-impriżi iżgħar, huwa xieraq li dawk l-esklużjonijiet jiġu rieżaminati billi jiżdiedu dawk il-limiti, sabiex aktar impriżi żgħar tal-assigurazzjoni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ma jkunux soġġetti għal dik id-Direttiva. Madankollu, jenħtieġ li l-impriżi li jibbenefikaw minn tali limiti ogħla jkollhom l-għażla li jżommu jew jitolbu awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE sabiex jibbenefikaw mil-liċenzja unika pprovduta fiha.

(7)Id-Direttiva 2009/138/KE ma tapplikax għal attività ta’ assistenza fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva. L-ewwel kundizzjoni tiddikjara li l-assistenza għandha tkun relatata ma’ aċċidenti jew ma’ ħsarat li jinvolvu vettura tat-triq li jseħħu fit-territorju tal-Istat Membru tal-impriża li tipprovdi kopertura. Dik id-dispożizzjoni tista’ tfisser rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni bħala assiguratur għall-fornituri ta’ assistenza għall-vetturi tat-triq fil-każ ta’ aċċident jew ta’ ħsara li sseħħ eżatt wara l-fruntiera u jista’ jfixkel bla bżonn l-assistenza. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq li dik il-kundizzjoni tiġi rieżaminata. Għalhekk, jenħtieġ li l-kundizzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2009/138/KE tiġi estiża wkoll għal aċċidenti jew għal ħsarat, li jinvolvu l-vettura tat-triq koperta minn dik l-impriża, li xi kultant iseħħu f’pajjiż ġar.

(8)L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe Stat Membru. L-informazzjoni dwar applikazzjonijiet preċedenti u l-eżiti tal-valutazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet jistgħu jipprovdu informazzjoni essenzjali għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tiġi informata mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tapplika dwar ċaħdiet jew irtirar preċedenti ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru ieħor.

(9)Qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju tikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji ta’ kwalunkwe Stat Membru kkonċernat. Fid-dawl ta’ żieda fl-attivitajiet tal-assigurazzjoni transfruntiera, huwa neċessarju li jissaħħu l-applikazzjoni konverġenti tad-dritt tal-Unjoni f’każijiet ta’ attività tal-assigurazzjoni transfruntiera u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, b’mod partikolari qabel ma jingħataw l-awtorizzazzjonijiet. Għalhekk, fejn ikun meħtieġ li jiġu kkonsultati diversi awtoritajiet superviżorji, jenħtieġ li kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata titħalla titlob valutazzjoni konġunta ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn ikun għaddej il-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

(10)Jenħtieġ li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi applikata f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni proporzjonata tad-Direttiva għal impriżi li jippreżentaw profil tar-riskju aktar baxx mill-impriża medja, u sabiex jiġi żgurat li huma ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta’ piż sproporzjonat, huwa neċessarju li jiġu pprovduti kriterji bbażati fuq ir-riskju li jippermettu l-identifikazzjoni tagħhom.

(11)Jenħtieġ li l-impriżi li jikkonformaw mal-kriterji bbażati fuq ir-riskju jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx skont proċess sempliċi ta’ notifika. Meta, fi żmien xahar wara tali notifika, l-awtorità superviżorja ma topponix il-klassifikazzjoni għal raġunijiet debitament ġustifikati marbutin mal-valutazzjoni tal-kriterji rilevanti, jenħtieġ li dik l-impriża titqies bħala impriża bi profil tar-riskju baxx. Fil-prinċipju jenħtieġ li, ladarba tiġi kklassifikata bħala impriża bi profil tar-riskju baxx, hija tibbenefika awtomatikament minn miżuri ta’ proporzjonalità identifikati dwar ir-rappurtar, il-governanza, ir-reviżjoni ta’ politiki bil-miktub, il-valutazzjoni tas-solvenza tar-riskju proprju u r-rekwiżiti ta’ żvelar.

(12)Huwa xieraq li l-miżuri ta’ proporzjonalità jkunu disponibbli wkoll għal impriżi li ma humiex ikklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx, iżda li għalihom xi wħud mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE huma għaljin u kumplessi wisq, fid-dawl tar-riskji involuti fin-negozju mwettaq minn tali impriżi. Jenħtieġ li dawk l-impriżi jitħallew jużaw miżuri ta’ proporzjonalità fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ każ b’każ u wara approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom.

(13)Implimentazzjoni xierqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità hija kruċjali sabiex jiġi evitat piż eċċessiv fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. L-awtoritajiet superviżorji jeħtieġ li jiġu informati regolarment dwar l-użu tal-miżuri ta’ proporzjonalità. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom informazzjoni dwar il-miżuri ta’ proporzjonalità li jużaw.

(14)L-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive li jkopru biss ir-riskji assoċjati mal-grupp industrijali jew kummerċjali li jappartjenu għalih, jippreżentaw profil tar-riskju partikolari li jenħtieġ li jitqies meta jiġu ddefiniti xi rekwiżiti, b’mod partikolari dwar il-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza, l-iżvelar u l-awtorizzazzjonijiet relatati biex il-Kummissjoni tispeċifika aktar ir-regoli dwar it-tali awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-miżuri ta’ proporzjonalità meta jiġu kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx.

(15)Huwa importanti li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jżommu pożizzjoni finanzjarja solida. Għal dak l-għan, id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi superviżjoni finanzjarja fir-rigward tal-istat ta’ solvenza ta’ impriża, tal-istabbiliment ta’ provvedimenti tekniċi ta’ impriża, tal-assi tagħha u tal-fondi proprji eliġibbli tagħha. Madankollu, is-sistema ta’ governanza ta’ impriża hija wkoll fattur importanti sabiex jiġi żgurat li l-impriża żżomm is-solidità finanzjarja tagħha. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu meħtieġa jwettqu rieżamijiet u evalwazzjonijiet regolari tas-sistema ta’ governanza bħala parti mis-superviżjoni finanzjarja tagħhom tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(16)Jenħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju li tat awtorizzazzjoni lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri fejn dik l-impriża twettaq attivitajiet billi tistabbilixxi fergħat jew billi tipprovdi servizzi, sabiex jiġu evitati aħjar il-problemi potenzjali u sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz madwar l-Unjoni. Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni tinkludi aktar informazzjoni li tiġi mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżitu tal-proċess ta’ rieżami superviżorju relatat mal-attività transfruntiera.

(17)Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu intitolati jirċievu minn kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni taħt superviżjoni u mill-gruppi tagħhom, tal-anqas kull tliet snin, rapport narrattiv regolari b’informazzjoni dwar in-negozju u l-prestazzjoni, is-sistema ta’ governanza, il-profil tar-riskju, il-ġestjoni kapitali u informazzjoni rilevanti oħra għal finijiet ta’ solvenza. Sabiex jiġi ssimplifikat dan l-obbligu ta’ rapportar għall-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li tiġi ppreżentata l-informazzjoni tar-rapport superviżorju regolari relatata mal-grupp u mas-sussidjarji tiegħu b’mod aggregat għall-grupp kollu.

(18)Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-impriżi bi profil tar-riskju baxx jingħataw prijorità meta s-superviżuri jagħtu eżenzjonijiet u limitazzjonijiet għar-rapportar. Għal dan it-tip ta’ entitajiet, jenħtieġ li l-proċess ta’ notifika li japplika għall-klassifikazzjoni bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx jiżgura li jkun hemm biżżejjed ċertezza fir-rigward tal-użu ta’ eżenzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet għar-rapportar.

(19)Jenħtieġ li l-iskadenzi għar-rapportar u għall-iżvelar jiġu stabbiliti b’mod ċar fid-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li ċirkostanzi straordinarji bħal emerġenzi sanitarji, katastrofijiet naturali u avvenimenti estremi oħrajn jistgħu jagħmluha impossibbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jissottomettu tali rapporti u żvelar, sal-iskadenzi stabbiliti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li testendi l-iskadenzi f’ċirkostanzi bħal dawn.

(20)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk kwalunkwe persuna ġdida maħtura sabiex timmaniġġja impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew sabiex twettaq funzjoni ewlenija tkunx kompetenti u idonea. Madankollu, jenħtieġ li dawk li jimmaniġġjaw l-impriża jew li jwettqu funzjoni ewlenija jkunu kompetenti u idonei fuq bażi kontinwa. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jirreaġixxu u, fejn xieraq, li jneħħu lill-persuna kkonċernata mill-pożizzjoni rilevanti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ idoneità.

(21)Peress li l-attivitajiet tal-assigurazzjoni jistgħu jwasslu jew jamplifikaw ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinkorporaw kunsiderazzjonijiet u analiżi makroprudenzjali fl-attivitajiet tagħhom ta’ investiment u ta’ ġestjoni tar-riskju. Dan jista’ jinkludi li titqies l-imġiba potenzjali ta’ parteċipanti oħrajn fis-suq, ta’ riskji makroekonomiċi, bħal tnaqqis fiċ-ċiklu tal-kreditu jew likwidità mnaqqsa fis-suq, jew ta’ konċentrazzjonijiet eċċessivi fil-livell tas-suq f’ċerti tipi ta’ assi, ta’ kontropartijiet jew ta’ setturi.

(22)Jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu kwalunkwe informazzjoni makroprudenzjali rilevanti pprovduta mill-awtoritajiet superviżorji fil-valutazzjoni tar-riskju u tas-solvenza tagħhom stess. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji janalizzaw ir-rapporti superviżorji tal-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza tal-impriżi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, jaggregawhom u jipprovdu kontribut lill-impriżi dwar l-elementi li jenħtieġ li jitqiesu fil-valutazzjonijiet tar-riskju proprju u tas-solvenza futuri tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji makroprudenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta jafdaw awtorità b’mandat makroprudenzjali, l-eżitu u s-sejbiet tal-valutazzjonijiet makroprudenzjali mill-awtoritajiet superviżorji jiġu kondiviżi ma’ dik l-awtorità makroprudenzjali.

(23)F’konformità mal-Prinċipji Fundamentali tal-Assigurazzjoni adottati mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu jistgħu jidentifikaw, jimmonitorjaw u janalizzaw l-iżviluppi tas-suq u finanzjarji li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u s-swieq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u jenħtieġ li jużaw dik l-informazzjoni fis-superviżjoni ta’ impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Jenħtieġ li, fejn xieraq, dawk il-kompiti jużaw informazzjoni u għarfien miksub minn awtoritajiet superviżorji oħrajn.

(24)L-awtoritajiet b’mandat makroprudenzjali huma responsabbli mill-politika makroprudenzjali għas-suq nazzjonali tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tagħhom. Il-politika makroprudenzjali tista’ tiġi segwita mill-awtorità superviżorja jew minn awtorità jew korp ieħor fdat b’dan l-għan.

(25)Koordinazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-korpi u l-awtoritajiet rilevanti b’mandat makroprudenzjali hija importanti għall-identifikazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-analiżi tar-riskji possibbli għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, u għat-teħid ta’ miżuri sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv u xieraq dawk ir-riskji. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet timmira wkoll li tevita kwalunkwe forma ta’ azzjonijiet duplikati jew inkonsistenti.

(26)Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkollhom, bħala parti integrata mill-istrateġija kummerċjali tagħhom, valutazzjoni perjodika tar-riskju proprju u tas-solvenza. Xi riskji, bħar-riskji tat-tibdil fil-klima, huma diffiċli sabiex jiġu kkwantifikati jew jimmaterjalizzaw fuq perjodu li jkun itwal minn dak użat għall-kalibrar tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Dawn ir-riskji jistgħu jitqiesu aħjar fil-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza. Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkollhom skopertura materjali għar-riskji klimatiċi, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jwettqu, f’intervalli xierqa u bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza, analiżijiet tal-impatt ta’ xenarji fit-tul tar-riskju tat-tibdil fil-klima fuq in-negozju tagħhom. Jenħtieġ li tali analiżijiet ikunu proporzjonati man-natura, mal-iskala u mal-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriżi. B’mod partikolari, filwaqt li jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-materjalità tal-iskopertura għar-riskji klimatiċi tkun meħtieġa mill-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa analiżi tax-xenarju klimatiku fit-tul għal impriżi bi profil tar-riskju baxx.

(27)Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi l-iżvelar, tal-anqas, kull sena, ta’ informazzjoni essenzjali permezz tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja. Dak ir-rapport għandu żewġ tipi ewlenin ta’ destinatarji: min-naħa l-waħda, id-detenturi ta’ poloz u l-benefiċjarji, u, min-naħa l-oħra, l-analisti u parteċipanti oħrajn fis-suq. Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta’ dawk iż-żewġ gruppi differenti, jenħtieġ li l-kontenut tar-rapport jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti, indirizzata prinċipalment lid-detenturi ta’ poloz u lill-benefiċjarji, jenħtieġ li jkun fiha l-informazzjoni ewlenija dwar in-negozju, il-prestazzjoni, il-ġestjoni kapitali u l-profil tar-riskju. It-tieni parti, indirizzata lill-analisti u lil parteċipanti oħrajn fis-suq, jenħtieġ li jkun fiha informazzjoni dettaljata dwar is-sistema ta’ governanza, informazzjoni speċifika dwar il-provvedimenti tekniċi u obbligazzjonijiet oħrajn, il-pożizzjoni ta’ solvenza kif ukoll data oħra rilevanti għal analisti speċjalizzati.

(28)Huwa possibbli li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jaġġustaw l-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għall-kalkolu tal-aħjar stima f’konformità mal-movimenti tal-firxa tal-assi tagħhom wara l-approvazzjoni superviżorja (“aġġustament ta’ korrispondenza”) jew f’konformità mal-moviment medju tal-firxa tal-assi miżmumin mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f’valuta jew f’pajjiż partikolari (“aġġustament tal-volatilità”). Jenħtieġ li l-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja indirizzata lid-detenturi ta’ poloz ikun fiha biss l-informazzjoni li hija mistennija li tkun rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ detentur ta’ polza medju. Filwaqt li jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżvelaw pubblikament l-impatt li ma jiġix applikat l-aġġustament ta’ korrispondenza, l-aġġustament tal-volatilità u l-miżuri tranżizzjonali fuq ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju u fuq il-provvedimenti tekniċi fuq il-pożizzjonijiet finanzjarji tagħhom, jenħtieġ li tali żvelar ma jitqiesx rilevanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ detentur ta’ polza medju. Għalhekk, jenħtieġ li l-impatt ta’ tali miżuri jiġi żvelat fil-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja indirizzat lill-parteċipanti fis-suq u mhux fil-parti indirizzata lid-detenturi ta’ poloz.

(29)Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ żvelar ma jkunux ta’ piż eċċessiv għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Għal dan l-għan, jenħtieġ li xi miżuri ta’ simplifikazzjonijiet u ta’ proporzjonalità jiġu inklużi fid-Direttiva 2009/138/KE, b’mod partikolari meta ma jipperikolawx il-leġġibbiltà tad-data pprovduta mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(30)Sabiex jiġi ggarantit l-ogħla grad ta’ akkuratezza tal-informazzjoni żvelata lill-pubbliku, jenħtieġ li parti sostanzjali mir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tkun soġġetta għal awditu. Jenħtieġ li tali rekwiżit tal-awditjar ikopri l-karta tal-bilanċ ivvalutata f’konformità mal-kriterji ta’ valwazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE.

(31)Il-piż tar-rekwiżit tal-awditjar ma jidhirx li huwa ġġustifikat għal impriżi bi profil tar-riskju baxx, li ma humiex mistennijin ikunu rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u li d-detenturi ta’ poloz tagħhom ma humiex numerużi. Wieħed mill-kriterji li l-impriżi bi profil tar-riskju baxx huma meħtieġa jissodisfaw huwa li jkunu ta’ daqs żgħir. Sabiex jittaffa dan il-piż, jenħtieġ li tingħata esklużjoni minn dan ir-rekwiżit.

(32)Jenħtieġ li jiġi rrikonoxxut, li, għalkemm ta’ benefiċċju, ir-rekwiżit tal-awditjar ikun ta’ piż addizzjonali għal kull impriża. Għalhekk, jenħtieġ li l-iskadenzi annwali għar-rapportar u għall-iżvelar għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u għall-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiġu estiżi sabiex dawk l-impriżi jingħataw biżżejjed żmien bl-għan li jipproduċu rapporti awditjati.

(33)Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-metodi għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi tal-kuntratti b’opzjonijiet fuq il-garanzija jkunu proporzjonati għan-natura, għall-iskala u għall-kumplessità tar-riskji affaċċjati mill-assiguratur. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu pprovduti xi simplifikazzjonijiet.

(34)Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju tibbilanċja l-użu ta’ informazzjoni derivata minn strumenti finanzjarji rilevanti mal-kapaċità tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jiħħeġġjaw ir-rati tal-imgħax derivati minn strumenti finanzjarji. B’mod partikolari, jista’ jiġri li impriżi iżgħar tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ma jkollhomx il-kapaċitajiet li jiħħeġġjaw ir-riskju tar-rata tal-imgħax ma’ strumenti għajr bonds, self jew assi simili bi flussi ta’ flus fissi. Għalhekk, jenħtieġ li l-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju tiġi estrapolata għall-maturitajiet meta s-swieq għall-bonds ma jibqgħux fondi, likwidi u trasparenti. Madankollu, jenħtieġ li l-metodu għall-estrapolazzjoni jagħmel użu minn informazzjoni derivata minn strumenti finanzjarji rilevanti għajr bonds, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli minn swieq profondi, likwidi u trasparenti għall-maturitajiet meta s-swieq tal-bonds ma jibqgħux profondi, likwidi u trasparenti. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-applikazzjoni armonizzata filwaqt li tkun tista’ tinkiseb ukoll reazzjoni f’waqtha għall-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tispeċifika kif jenħtieġ li japplika l-metodu ta’ estrapolazzjoni l-ġdid.

(35)Id-determinazzjoni tal-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandha impatt sinifikanti fuq il-pożizzjoni ta’ solvenza b’mod partikolari għall-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja b’obbligazzjonijiet fit-tul. Sabiex jiġi evitat tfixkil għan-negozju tal-assigurazzjoni eżistenti u sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni bla xkiel għall-metodu l-ġdid ta’ estrapolazzjoni, huwa neċessarju li jiġu previsti miżura ta’ introduzzjoni gradwali u miżura tranżizzjonali. Jenħtieġ li l-miżuri tranżizzjonali jkollhom l-għan li jevitaw it-tfixkil fis-suq u jipprovdu perkors trasparenti għall-metodu ta’ estrapolazzjoni finali.

(36)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi aġġustament tal-volatilità, li jfittex li jtaffi l-effett ta’ eżaġerazzjonijiet tal-firxiet tal-bonds u huwa bbażat fuq portafolli ta’ referenza għall-valuti rilevanti tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u, fil-każ tal-euro, fuq portafolli ta’ referenza għas-swieq nazzjonali tal-assigurazzjoni. L-użu ta’ aġġustament uniformi tal-volatilità għal valuti jew għal pajjiżi sħaħ jista’ jwassal għal benefiċċji li jaqbżu l-mitigazzjoni ta’ firxiet eżaġerati ta’ bonds, b’mod partikolari meta s-sensittività tal-assi rilevanti ta’ dawk l-impriżi għall-bidliet fil-firxiet tal-kreditu tkun aktar baxxa mis-sensittività tal-aħjar stima rilevanti għall-bidliet fir-rati tal-imgħax. Sabiex jiġu evitati tali benefiċċji eċċessivi mill-aġġustament għall-volatilità, jenħtieġ li l-aġġustament għall-volatilità jkun soġġett għal approvazzjoni superviżorja u jenħtieġ li l-kalkolu tiegħu jqis il-karatteristiċi speċifiċi għall-impriża relatati mas-sensittività tal-firxa tal-assi u s-sensittività tar-rata tal-imgħax tal-aħjar stima tal-provvedimenti tekniċi. Fid-dawl tas-salvagwardji addizzjonali, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jitħallew jiżdiedu sa proporzjon akbar ta’ 85 % tal-firxa kkoreġuta għar-riskju derivata mill-portafolli rappreżentattivi għall-istruttura ta’ terminu tar-rata tal-imgħax bażika mingħajr riskju.

(37)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi komponent ta’ pajjiż fl-aġġustament tal-volatilità li għandu l-għan li jiżgura li l-eżaġerazzjonijiet tal-firxiet tal-bonds f’pajjiż speċifiku jiġu mmitigati. Madankollu, l-attivazzjoni tal-komponent tal-pajjiż hija bbażata fuq limitu assolut u fuq limitu relattiv fir-rigward tal-firxa aġġustata għar-riskju tal-pajjiż, li tista’ twassal għal effetti fuq il-bażi tal-klijentela u, għalhekk, iżżid il-volatilità tal-fondi proprji tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-eżaġerazzjoni tal-firxiet tal-bonds fi Stat Membru speċifiku li l-valuta tiegħu hija l-euro tiġi mmitigata b’mod effettiv, jenħtieġ li l-komponent tal-pajjiż jiġi ssostitwit b’makrokomponent li għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-differenzi bejn il-firxa aġġustata għar-riskju għall-euro u l-firxa aġġustata għar-riskju għall-pajjiż. Sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ preċipizju, jenħtieġ li l-kalkolu jevita diskontinwitajiet fir-rigward tal-parametri tal-input.

(38)Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-prattiki ta’ investiment tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex tistabbilixxi kriterji għall-eliġibbiltà tal-assi li għandhom jiġu inklużi fil-portafoll assenjat ta’ assi fejn in-natura tal-assi tkun tista’ twassal għal prattiki diverġenti fir-rigward tal-kriterji għall-applikazzjoni u għall-kalkolu tal-aġġustament ta’ korrispondenza.

(39)Sabiex jiġi żgurat li jiġi applikat l-istess trattament għall-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jikkalkolaw l-aġġustament tal-volatilità, jew sabiex jitqiesu l-iżviluppi tas-suq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kalkolu ta’ elementi speċifiċi għall-impriża tal-aġġustament tal-volatilità.

(40)Għall-finijiet tal-kalkolu tal-fondi proprji tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 , l-istituzzjonijiet li jappartjenu għal konglomerati finanzjarji li huma soġġetti għad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 jistgħu jitħallew ma jnaqqsux l-investimenti sinifikanti tagħhom f’impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, dment li jiġu ssodisfati ċerti kriterji. Hemm bżonn li jiġi żgurat li r-regoli prudenzjali applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jippermettu kundizzjonijiet ekwi xierqa bejn il-gruppi finanzjarji mmexxijin mill-banek u dawk immexxijin mill-assigurazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jitħallew ukoll ma jnaqqsux mill-parteċipazzjonijiet ta’ fondi proprji eliġibbli tagħhom f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, soġġetti għal kundizzjonijiet simili. B’mod partikolari, jenħtieġ li jew is-superviżjoni tal-grupp f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE jew is-superviżjoni supplimentari f’konformità mad-Direttiva 2002/87/KE tapplika għal grupp li jinkludi kemm l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif ukoll l-istituzzjoni relatata. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-istituzzjoni tkun investiment fl-ekwità ta’ natura strateġika għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu sodisfatti fir-rigward tal-livell ta’ ġestjoni integrata, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontrolli interni fir-rigward tal-entitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp jew tas-superviżjoni supplimentari.

(41)Il-limiti eżistenti imposti fuq il-livell tal-aġġustament simetriku jirrestrinġu l-kapaċità ta’ dan l-aġġustament sabiex itaffi l-effetti proċikliċi potenzjali tas-sistema finanzjarja u sabiex jevita sitwazzjoni li fiha l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu mġiegħla bla bżonn iżidu kapital addizzjonali jew ibigħu l-investimenti tagħhom bħala riżultat ta’ movimenti avversi mhux sostnuti fis-swieq finanzjarji, bħal dawk skattati mill-pandemija tal-Covid-19. Għalhekk, jenħtieġ li l-aġġustament simetriku jiġi emendat sabiex jippermetti bidliet akbar fl-imposta standard ta’ kapital ta’ ekwità u jkompli jtaffi l-impatt ta’ żidiet jew ta’ tnaqqis qawwi fis-swieq tal-ekwità.

(42)Sabiex tittejjeb il-proporzjonalità fi ħdan ir-rekwiżiti kwantitattivi, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jingħataw il-possibbiltà li jikkalkolaw ir-rekwiżit kapitali għal riskji immaterjali fil-formula standard b’approċċ simplifikat għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin. Jenħtieġ li tali approċċ simplifikat jippermetti lill-impriżi jistmaw ir-rekwiżit kapitali għal riskju immaterjali fuq il-bażi ta’ daqs xieraq tal-volum li jvarja maż-żmien. Jenħtieġ li dan l-approċċ ikun ibbażat fuq regoli komuni u soġġett għal kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ riskji immaterjali.

(43)L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw l-aġġustament ta’ korrispondenza iridu jidentifikaw, jorganizzaw u jiġġestixxu l-portafoll assenjat ta’ assi u ta’ obbligi b’mod separat mill-partijiet l-oħrajn tan-negozju u, għaldaqstant, jenħtieġ li ma jitħallewx jindirizzaw riskji li jitfaċċaw xi mkien ieħor fin-negozju billi jużaw il-portafoll assenjat ta’ assi. Madankollu, il-ġestjoni separata tal-portafoll ma tirriżultax f’żieda fil-korrelazzjoni bejn ir-riskji fi ħdan dak il-portafoll u dawk fil-bqija tal-impriża. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw l-aġġustament ta’ korrispondenza jitħallew jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħhom abbażi tas-suppożizzjoni ta’ diversifikazzjoni sħiħa bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-portafoll u l-bqija tal-impriża, sakemm il-portafolli tal-assi li jkopru l-aħjar stima korrispondenti tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jifformawx fond delimitat.

(44)Bħala parti mill-proċess ta’ rieżami superviżorju, huwa importanti li l-awtoritajiet superviżorji jkunu jistgħu jqabblu l-informazzjoni bejn il-kumpaniji li tagħhom iwettqu s-superviżjoni. Il-mudelli interni parzjali u sħaħ jippermettu l-ġbir aħjar tar-riskju individwali ta’ kumpanija u d-Direttiva 2009/138/KE tippermetti lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jużawhom għad-determinazzjoni tar-rekwiżiti kapitali mingħajr limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-formula standard. Madankollu, il-mudelli interni parzjali u sħaħ jagħmlu t-tqabbil bejn il-kumpaniji aktar diffiċli u, għalhekk, l-awtoritajiet superviżorji jibbenefikaw mill-aċċess għall-eżitu tal-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali tal-formula standard. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jirrapportaw regolarment tali informazzjoni lis-superviżuri tagħhom.

(45)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi l-possibbiltà għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sabiex jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħhom b’mudell intern soġġett għall-approvazzjoni superviżorja. Meta jiġi applikat mudell intern, dik id-Direttiva ma timpedixxix lill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni milli tqis l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità fil-mudell intern tagħha. Peress li l-użu tal-aġġustament tal-volatilità jista’ jwassal għal benefiċċji li jaqbżu l-mitigazzjoni ta’ firxiet tal-bonds eżaġerati fil-kalkolu tal-aħjar stima, tali benefiċċji eċċessivi jistgħu wkoll ifixklu l-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fejn l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità jitqies fil-mudell intern. Sabiex tiġi evitata din id-distorsjoni, jenħtieġ li jiġi applikat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, fejn l-awtoritajiet superviżorji jippermettu lill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tqis l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità fil-mudell intern tagħhom, f’livell li taħtu jkunu mistennijin iseħħu l-benefiċċji fuq ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza li jaqbżu l-mitigazzjoni ta’ firxiet tal-bonds eżaġerati.

(46)Jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jingħataw inċentivi sabiex jibnu reżiljenza għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità fil-mudell intern tagħhom, filwaqt li jikkunsidraw ukoll l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità, dan jista’ jimmina b’mod sever kwalunkwe inċentiv sabiex tinbena r-reżiljenza għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ma jitħallewx iqisu aġġustament tal-volatilità makro fil-mudell intern tagħhom.

(47)Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu jistgħu jiġbru informazzjoni makroprudenzjali rilevanti dwar l-istrateġija ta’ investiment tal-impriżi, janalizzawha flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra li tista’ tkun disponibbli minn sorsi oħrajn tas-suq, u jinkorporaw perspettiva makroprudenzjali fis-superviżjoni tagħhom tal-impriżi. Dan jista’ jinkludi s-superviżjoni tar-riskji relatati ma’ ċikli ta’ kreditu speċifiċi, ma’ reċessjoni ekonomika u ma’ mġiba kollettiva jew komunitarja fl-investimenti.

(48)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi estensjoni tal-perjodu ta’ rkupru f’każijiet ta’ ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza meta l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) tkun iddikjarat l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali. Id-dikjarazzjonijiet jistgħu jsiru wara talbiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, li huma meħtieġa jikkonsultaw lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), fejn xieraq qabel it-talba. Il-konsultazzjoni mal-BERS b’mod deċentralizzat mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali hija anqas effiċjenti minn konsultazzjoni mal-BERS b’mod ċentralizzat mill-EIOPA. Sabiex jiġi żgurat proċess effiċjenti, jenħtieġ li tkun l-EIOPA, u mhux l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, li tikkonsulta lill-BERS qabel id-dikjarazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali, meta n-natura tas-sitwazzjoni tkun tippermetti tali konsultazzjoni minn qabel.

(49)Id-Direttiva 2009/138/KE tirrikjedi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinformaw lill-awtorità superviżorja kkonċernata minnufih meta josservaw nuqqas ta’ konformità, jew riskju ta’ nuqqas ta’ konformità fit-tliet xhur ta’ wara, mar-Rekwiżit Kapitali Minimu. Madankollu, Dik id-Direttiva ma tispeċifikax meta n-nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità fit-tliet xhur ta’ wara jista’ jiġi osservat u l-impriżi jistgħu jdewmu l-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji sa tmiem it-trimestru rilevanti meta jkun se jsir il-kalkolu tar-rekwiżit kapitali minimu jiġi rrapportat formalment lill-awtorità superviżorja. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji jirċievu informazzjoni f’waqtha u jkunu jistgħu jieħdu l-azzjoni meħtieġa, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jinformaw minnufih lill-awtoritajiet superviżorji dwar nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew riskju ta’ nuqqas ta’ konformità anke meta dan ikun ġie osservat fuq il-bażi ta’ stimi jew ta’ kalkoli bejn żewġ dati ta’ kalkoli uffiċjali tar-Rekwiżit Kapitali Minimu, fit-trimestru rilevanti.

(50)Il-protezzjoni tal-interessi tal-persuni assigurati hija objettiv ġenerali tal-qafas prudenzjali li jenħtieġ li jiġi segwit mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti f’kull stadju tal-proċess superviżorju, inkluż f’każ ta’ ksur jew ta’ ksur probabbli tar-rekwiżiti mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jista’ jwassal għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li dak l-objettiv jiġi segwit qabel l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u b’kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe implikazzjoni legali għall-persuni assigurati li tista’ tirriżulta minnu, wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni wkoll.

(51)Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu mgħammrin b’għodod sabiex jipprevjenu l-materjalizzazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja fis-swieq tal-assigurazzjoni, jillimitaw l-imġiba proċiklika mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u jtaffu l-effetti konsegwenzjali negattivi fis-sistema finanzjarja u fl-ekonomija reali.

(52)Kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji riċenti, b’mod partikolari l-kriżi li tirriżulta mill-pandemija tal-Covid-19, urew li ġestjoni tajba tal-likwidità mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tista’ tipprevjeni riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jsaħħu l-ġestjoni u l-ippjanar tal-likwidità, speċjalment fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet avversi li jaffettwaw parti kbira jew it-totalità tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

(53)Kull meta l-impriżi bi profili partikolarment vulnerabbli, bħal dawk li għandhom obbligazzjonijiet likwidi jew li għandhom assi illikwidi, jew b’vulnerabbiltajiet ta’ likwidità li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja ġenerali, ma jirrimedjawx kif xieraq is-sitwazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jkunu jistgħu jintervjenu sabiex isaħħu l-pożizzjoni ta’ likwidità tagħhom.

(54)Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex jippreservaw il-pożizzjoni ta’ solvenza ta’ impriżi speċifiċi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni matul sitwazzjonijiet eċċezzjonali bħal avvenimenti ekonomiċi jew tas-suq negattivi li jaffettwaw parti kbira jew it-totalità tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, sabiex jipproteġu lid-detenturi ta’ poloz u jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jinkludu l-possibbiltà li jiġu ristretti jew sospiżi d-distribuzzjonijiet lill-azzjonisti u lil mutwanti subordinati oħrajn ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni partikolari qabel ma jseħħ ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu applikati fuq bażi ta’ każ b’każ, jirrispettaw kriterji komuni bbażati fuq ir-riskju u ma jfixklux il-funzjonament tas-suq intern.

(55)Peress li r-restrizzjoni jew is-sospensjoni tad-distribuzzjoni tad-dividendi u ta’ bonusijiet oħrajn jaffettwaw, anke fuq bażi temporanja, id-drittijiet tal-azzjonisti u ta’ kredituri subordinati oħrajn, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jqisu kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità u tan-neċessità meta jieħdu tali miżuri. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jiżguraw ukoll li l-ebda waħda mill-miżuri adottati ma tkun tinvolvi effetti negattivi sproporzjonati fuq is-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fi Stati Membri oħrajn jew fl-Unjoni kollha kemm hi. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jirrestrinġu biss id-distribuzzjonijiet kapitali fi grupp tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u meta jkun debitament iġġustifikat sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-suq tal-assigurazzjoni u tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

(56)Il-fallimenti riċenti tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joperaw b’mod transfruntier enfasizzaw il-ħtieġa li l-awtoritajiet superviżorji jkunu informati aħjar dwar l-attivitajiet imwettqin mill-impriżi. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar kwalunkwe bidla materjali li taffettwa l-profil tar-riskju tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tal-assigurazzjoni transfruntiera tagħhom li jkunu għaddejjin, u jenħtieġ li dik l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati.

(57)Skont id-Direttiva 2009/138/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , l-EIOPA għandha s-setgħa li tistabbilixxi u tikkoordina pjattaformi ta’ kollaborazzjoni sabiex ittejjeb il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji rilevanti fejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq, jew ikollha l-ħsieb li twettaq, attivitajiet li huma bbażati fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew fuq il-libertà tal-istabbiliment. Madankollu, fid-dawl tal-kumplessità tal-kwistjonijiet superviżorji ttrattati f’dawk il-pjattaformi, f’diversi każijiet, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jonqsu milli jilħqu fehma komuni dwar kif jindirizzaw kwistjonijiet relatati ma’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li qed topera fuq bażi transfruntiera. Fil-każ li l-awtoritajiet superviżorji involuti fil-pjattaformi ta’ kollaborazzjoni ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar kwistjonijiet relatati ma’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed topera fuq bażi transfruntiera, jenħtieġ li l-EIOPA jkollha s-setgħa li ssolvi n-nuqqas ta’ qbil f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(58)Skont id-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma humiex meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar it-twettiq tan-negozju tagħhom lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti fil-ħin. Tali informazzjoni tista’ tinkiseb biss billi tintalab lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju. Madankollu, approċċ bħal dan ma jiżgurax l-aċċess għall-informazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti, bħall-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju, ikollhom ukoll is-setgħa li jitolbu direttament informazzjoni lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-ħin.

(59)Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq attivitajiet transfruntiera sinifikanti fi Stat Membru ospitanti, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja ta’ dak l-Istat Membru jkollha s-setgħa li titlob informazzjoni bażika mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju dwar il-pożizzjoni ta’ solvenza ta’ dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti jkollha tħassib serju dwar dik il-pożizzjoni ta’ solvenza, jenħtieġ li jkollha s-setgħa li titlob it-twettiq ta’ spezzjoni konġunta fuq il-post flimkien mal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn ikun hemm nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Jenħtieġ li l-EIOPA tiġi mistiedna tipparteċipa. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-EIOPA tindika jekk ikollhiex l-intenzjoni li tipparteċipa mill-aktar fis prattikabbli. Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux dwar l-opportunità li jwettqu spezzjoni konġunta fuq il-post, jenħtieġ li l-EIOPA jkollha s-setgħa li ssolvi n-nuqqas ta’ qbil f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(60)Sabiex tiġi identifikata bħala kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, jenħtieġ li kumpanija omm b’mod partikolari jkollha, bħala n-negozju ewlieni tagħha, l-akkwiżizzjoni u ż-żamma ta’ parteċipazzjonijiet f’impriżi sussidjarji, fejn dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklussivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi. Bħalissa, l-awtoritajiet superviżorji għandhom interpretazzjonijiet differenti fir-rigward tat-tifsira ta’ “esklussivament jew prinċipalment” f’dak il-kuntest. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi pprovduta kjarifika ta’ dak il-kunċett, simili għall-kjarifika prevista fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 , għas-settur bankarju. Jenħtieġ li l-impriżi sussidjarji jitqiesu bħala “prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi” meta tali ditti jkunu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-ekwità, tal-assi konsolidati, tad-dħul, tal-persunal jew ta’ indikatur ieħor meqjus rilevanti tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni mill-awtorità superviżorja.

(61)F’xi każijiet, diversi impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jifformaw grupp de facto u jaġixxu bħala tali, għalkemm ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ grupp kif stabbilit fid-Direttiva 2009/138/KE. Għalhekk, it-Titolu III ta’ dik id-Direttiva ma japplikax għal tali impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. F’każijiet bħal dawn, b’mod partikolari għal gruppi orizzontali mingħajr rabtiet kapitali bejn impriżi differenti, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jkollhom is-setgħa li jidentifikaw l-eżistenza ta’ grupp. Jenħtieġ li jiġu pprovduti wkoll kriterji oġġettivi sabiex issir identifikazzjoni bħal din.

(62)Il-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni huma liberi li jiddeċiedu dwar l-arranġamenti interni speċifiċi, id-distribuzzjoni tal-kompiti u l-istruttura organizzazzjonali fi ħdan il-grupp kif jaraw li jkunu xierqa sabiex jiżguraw il-konformità mad-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, fi ftit każijiet, tali arranġamenti u strutturi organizzazzjonali jistgħu jipperikolaw is-superviżjoni effettiva tal-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom is-setgħa - f’ċirkostanzi eċċezzjonali u wara li jikkonsultaw lill-EIOPA u lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn - li jirrikjedu bidliet f’dawk l-arranġamenti jew fl-istrutturi organizzazzjonali. Jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jiġġustifikaw kif xieraq id-deċiżjoni tagħhom u jispjegaw għaliex l-arranġamenti jew l-istrutturi eżistenti jxekklu u jipperikolaw is-superviżjoni effettiva tal-grupp.

(63)Is-superviżuri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu li jeskludu impriża mis-superviżjoni tal-grupp, b’mod partikolari meta tali impriża titqies ta’ interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp. L-EIOPA nnotat interpretazzjonijiet diverġenti dwar il-kriterju ta’ interess negliġibbli, u identifikat li, f’xi każijiet, esklużjonijiet bħal dawn jirriżultaw f’eżenzjonijiet sħaħ tas-superviżjoni tal-grupp jew fis-superviżjoni fil-livell ta’ kumpanija omm intermedja. Għalhekk huwa neċessarju li jiġi ċċarat li jenħtieġ li każijiet bħal dawn iseħħu biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna u li jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jikkonsultaw lill-EIOPA qabel ma jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn. Jenħtieġ li jiġu introdotti wkoll kriterji sabiex ikun hemm aktar ċarezza dwar x’għandu jitqies bħala interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp.

(64)Hemm nuqqas ta’ ċarezza rigward it-tipi ta’ impriżi li għalihom il-Metodu 2, jiġifieri metodu ta’ tnaqqis u ta’ aggregazzjoni kif definit fl-Artikolu 233 tad-Direttiva 2009/138/KE, jista’ jiġi applikat meta tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp, li hija ta’ detriment għall-kundizzjonijiet ekwi fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat b’mod ċar liema impriżi jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp permezz tal-Metodu 2. Jenħtieġ li t-tali metodu japplika biss għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi, għal impriżi li jappartjenu għal setturi finanzjarji oħrajn, għal kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin, għal kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, u għal kumpaniji omm oħrajn li n-negozju ewlieni tagħhom huwa li jakkwistaw u jżommu parteċipazzjonijiet f’impriżi sussidjarji, fejn dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklussivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi.

(65)F’xi gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija omm intermedja għajr impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz takkwista u żżomm parteċipazzjonijiet f’impriżi sussidjarji fejn dawk l-impriżi jkunu esklussivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz. Skont ir-regoli attwali, jekk dawk il-kumpaniji omm intermedji ma jkollhomx parteċipazzjoni f’tal-anqas impriża sussidjarja waħda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, dawn ma jiġux ittrattati bħala kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni għall-fini tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, għalkemm in-natura tar-riskji tagħhom hija simili ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli jiġu emendati sabiex tali kumpaniji azzjonarji ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni għall-fini tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp.

(66)Id-Direttiva 2009/138/KE, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 27 jipprovdu erba’ metodi ta’ inklużjoni fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp ta’ impriżi li jappartjenu għal setturi finanzjarji oħrajn, inklużi l-metodi 1 u 2 stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE. Dan iwassal għal approċċi superviżorji inkonsistenti u għal kundizzjonijiet mhux ekwi, u jiġġenera kumplessità żejda. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli jiġu ssimplifikati sabiex l-impriżi li jappartjenu għal setturi finanzjarji oħrajn dejjem jikkontribwixxu għas-solvenza tal-grupp billi jużaw ir-regoli settorjali rilevanti rigward il-kalkolu tal-fondi proprji u tar-rekwiżiti kapitali. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji u kapitali sempliċiment jiġu aggregati mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji u kapitali tal-parti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-grupp.

(67)Skont ir-regoli attwali, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi jingħataw possibbiltajiet limitati sabiex jużaw kalkoli simplifikati għall-fini tad-determinazzjoni tas-solvenza tal-grupp tagħhom meta jintuża l-metodu 1, jiġifieri l-metodu bbażat fuq il-konsolidament kontabilistiku. Dan jiġġenera piż sproporzjonat, b’mod partikolari meta l-gruppi jżommu parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati li jkunu ta’ daqs żgħir ħafna. Għalhekk, soġġetti għall-approvazzjoni superviżorja minn qabel, jenħtieġ li l-impriżi parteċipi jitħallew jintegraw impriżi relatati li d-daqs tagħhom huwa immaterjali fis-solvenza tal-grupp tagħhom billi jużaw approċċi simplifikati.

(68)Il-kunċett ta’ restrizzjonijiet li jenħtieġ li jitqies meta l-entrati ta’ fondi proprji jiġu kklassifikati f’livelli ma huwiex speċifikat. B’mod partikolari, ma huwiex ċar kif dak il-kunċett japplika għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li ma għandhomx detenturi ta’ poloz u benefiċjarji bħala klijenti diretti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti kriterji minimi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ każijiet li fihom entrata ta’ fondi proprji maħruġa minn kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew minn kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tkun ħielsa minn restrizzjonijiet.

(69)Jenħtieġ li l-ambitu tal-impriżi li jenħtieġ li jitqies meta jiġi kkalkolat il-livell minimu għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp ikun konsistenti mal-ambitu tal-impriżi li jikkontribwixxu għall-fondi proprji eliġibbli li jkunu disponibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat. Għalhekk, meta jikkalkolaw il-minimu, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin.

(70)Il-formula għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat tista’ twassal għal sitwazzjonijiet li fihom dak il-minimu jkun qrib, jew saħansitra daqs, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat. F’każijiet bħal dawn, jista’ jkun hemm nuqqas ta’ konformità ma’ dak il-minimu għalkemm tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat. Jenħtieġ li tiġi evitata tali konsegwenza mhux intenzjonata. Għalhekk, jenħtieġ li l-formula tal-kalkolu tiġi emendata sabiex, b’mod simili għall-impriżi individwali tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu konsolidat tal-grupp qatt ma jkun ogħla minn 45 % tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat.

(71)Għall-fini tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, jenħtieġ li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jiġu ttrattati bħala impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Dan jimplika l-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali nozzjonali għal tali impriżi. Madankollu, jenħtieġ li tali kalkoli qatt ma jimplikaw li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin ikunu meħtieġa jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti kapitali nozzjonali fil-livell individwali.

(72)Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tispeċifika kif għandha tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp meta tintuża kombinazzjoni tal-Metodu 1 u tal-Metodu 2. Dan iwassal għal prattiki inkonsistenti u għal inċertezzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod kif tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni inkluż permezz tal-Metodu 2. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat kif is-solvenza tal-grupp għandha tiġi kkalkolata meta tintuża kombinazzjoni ta’ metodi. Sabiex jiġu evitati żidiet materjali fir-rekwiżiti kapitali, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, għall-fini tal-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, ma għandha tiġi applikata l-ebda imposta kapitali għar-riskju ta’ ekwità għal tali parteċipazzjonijiet. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-imposta għar-riskju tal-kambju tiġi applikata biss għall-valur ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet li jkun ogħla mir-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza ta’ dawk l-impriżi relatati. Jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi jitħallew iqisu d-diversifikazzjoni bejn dawk ir-riskji tal-valuta u riskji oħrajn sottostanti għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat.

(73)Bħalissa, is-superviżuri tal-grupp jistgħu jiddeterminaw il-limiti li fuqhom il-konċentrazzjoni intragrupp u tar-riskju jitqiesu sinifikanti fuq il-bażi tar-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza, tal-provvedimenti tekniċi, jew tat-tnejn. Madankollu, kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi oħrajn ibbażati fuq ir-riskju, pereżempju fondi proprji eliġibbli, jistgħu jkunu xierqa wkoll għad-determinazzjoni tal-limiti. Għalhekk, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom aktar flessibbiltà meta jiddefinixxu tranżazzjoni intragrupp sinifikanti jew konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti.

(74)Is-superviżuri tal-grupp jistgħu jitilfu informazzjoni importanti dwar tranżazzjonijiet intragrupp li ma humiex meħtieġa jiġu rrapportati skont ir-regoli attwali, b’mod partikolari dawk li jinvolvu impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi riveduta d-definizzjoni ta’ “tranżazzjonijiet intragrupp li għandhom jiġu rrapportati”. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom is-setgħa li jfasslu d-definizzjoni ta’ “tranżazzjonijiet intragrupp li għandhom jiġu rrapportati” sabiex tkun taqbel aħjar mal-ispeċifiċitajiet ta’ kull grupp.

(75)Il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jistgħu jkunu kumpaniji omm ta’ gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. F’dak il-każ, l-applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp hija meħtieġa fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata ta’ tali kumpaniji azzjonarji. Peress li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkontrollati minn tali kumpaniji azzjonarji mhux dejjem ikunu jistgħu jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti dwar is-superviżjoni tal-grupp, huwa neċessarju li jiġi żgurat li s-superviżuri tal-grupp ikollhom is-setgħat superviżorji u ta’ infurzar xierqa sabiex jiżguraw il-konformità mill-gruppi mad-Direttiva 2009/138/KE. Għalhekk, simili għall-emendi għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 introdotti bid-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp ikollhom sett minimu ta’ setgħat fuq il-kumpaniji azzjonarji, inklużi s-setgħat superviżorji ġenerali li huma applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għall-finijiet tas-superviżjoni tal-grupp.

(76)Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu parti minn grupp li l-kumpanija omm tiegħu jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’pajjiż terz li ma jitqiesx ekwivalenti jew temporanjament ekwivalenti f’konformità mal-Artikolu 260 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-eżerċitar tas-superviżjoni tal-grupp ikun aktar ta’ sfida. Is-superviżuri tal-grupp jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-hekk imsejħa “metodi oħrajn” f’konformità mal-Artikolu 262 ta’ din id-Direttiva. Madankollu, dawk il-metodi ma humiex definiti b’mod ċar u l-objettivi li jenħtieġ li jinkisbu minn dawk il-metodi l-oħrajn huma inċerti. Għalhekk, jenħtieġ li l-iskop tal-metodi l-oħrajn jiġi speċifikat aktar, inkluż sett minimu ta’ miżuri li jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp jikkunsidraw.

(77)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/981 30 introduċa trattament preferenzjali għal investimenti fit-tul fl-ekwità. Is-submodulu tar-riskju ta’ ekwità bbażat fuq id-durata, li għandu l-għan ukoll li jirrifletti r-riskju aktar baxx ta’ investiment fuq perjodu ta’ żmien itwal, iżda li huwa ta’ użu limitat ħafna fl-Unjoni, huwa soġġett għal kriterji li huma aktar stretti minn dawk applikabbli għal investimenti f’ekwità fit-tul. Għalhekk, il-kategorija prudenzjali l-ġdida tal-investimenti fl-ekwità fit-tul tidher li telimina l-ħtieġa għas-submodulu eżistenti tar-riskju ta’ ekwità bbażat fuq id-durata. Peress li ma hemmx bżonn li jinżammu żewġ trattamenti preferenzjali distinti li jkollhom l-istess objettiv li jippremjaw investimenti fit-tul, jenħtieġ li jitħassar is-submodulu tar-riskju ta’ ekwità bbażat fuq id-durata. Madankollu, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha dawk l-emendi jwasslu għal effetti avversi, jenħtieġ li tiġi prevista klawżola ta’ anterjorità fir-rigward tal-assiguraturi li bħalissa qed japplikaw is-submodulu tar-riskju ta’ ekwità bbażat fuq id-durata.

(78)Il-kisba tal-ambizzjonijiet ambjentali u klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku teħtieġ id-direzzjonar ta’ ammonti kbar ta’ investimenti mis-settur privat, inkluż minn kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, lejn investimenti sostenibbli. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/138/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali ma jimpedixxux investimenti sostenibbli minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni iżda jenħtieġ li jirriflettu r-riskju sħiħ ta’ investimenti f’attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Filwaqt li f’dan l-istadju ma hemmx biżżejjed evidenza dwar id-differenzi fir-riskju bejn investimenti li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew soċjalment u investimenti oħrajn, tali evidenza tista’ ssir disponibbli matul is-snin li ġejjin. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni xierqa tal-evidenza rilevanti, jenħtieġ li l-EIOPA timmonitorja u tirrapporta sal-2023 dwar l-evidenza dwar il-profil tar-riskju ta’ investimenti li jagħmlu ħsara ambjentali jew soċjali. Fejn xieraq, jenħtieġ li r-rapport tal-EIOPA jagħti pariri dwar il-bidliet fid-Direttiva 2009/138/KE u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dik id-Direttiva. L-EIOPA tista’ tinvestiga wkoll jekk ikunx xieraq li jitqiesu ċerti riskji ambjentali, minbarra dawk relatati mat-tibdil fil-klima, u kif. Pereżempju, jekk l-evidenza tissuġġerixxi hekk, l-EIOPA tista’ tanalizza l-ħtieġa għall-estensjoni tal-analiżijiet tax-xenarji kif introdotti minn din id-Direttiva fil-kuntest tar-riskji relatati mat-tibdil fil-klima għal riskji ambjentali oħrajn.

(79)It-tibdil fil-klima qed jaffettwa u se jaffettwa tal-anqas matul id-deċennji li ġejjin il-frekwenza u s-severità tal-katastrofi naturali li x’aktarx ikomplu jaggravaw minħabba d-degradazzjoni u t-tniġġis ambjentali. Dan jista’ jbiddel ukoll l-iskopertura tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għar-riskju ta’ katastrofi naturali u jagħmel invalidi l-parametri standard għar-riskju ta’ katastrofi naturali stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/35. Sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskrepanza persistenti bejn il-parametri standard għar-riskju ta’ katastrofi naturali u l-iskopertura attwali tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għal tali riskji, jenħtieġ li l-EIOPA tirrieżamina regolarment l-ambitu tal-modulu tar-riskju ta’ katastrofi naturali u l-kalibrazzjonijiet tal-parametri standard tiegħu. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-EIOPA tqis l-aħħar evidenza disponibbli mix-xjenza klimatika u, fejn jinstabu diskrepanzi, jenħtieġ li tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni kif xieraq.

(80)Jenħtieġ li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 308b(12) tad-Direttiva 2009/138/KE jiġu emendati sabiex jiġu żgurati konsistenza mal-qafas bankarju u kundizzjonijiet ekwi fit-trattament tal-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew għall-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-valuta domestika ta’ kwalunkwe Stat Membru. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġi introdott reġim ta’ anterjorità għal tali skoperturi sabiex jiġu eżentati l-iskoperturi rilevanti mill-imposti kapitali tar-riskju tal-firxa u tal-konċentrazzjoni tas-suq, dment li l-iskoperturi jkunu ġġarrbu qabel l-1 ta’ Jannar 2020.

(81)F’xi każijiet, il-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jiddependu ħafna fuq l-użu tal-miżura tranżizzjonali fuq ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju u tal-miżura tranżizzjonali fuq il-provvedimenti tekniċi. Dan jista’ jirrappreżenta ħażin il-pożizzjoni attwali tas-solvenza tal-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jiżvelaw l-impatt fuq il-pożizzjoni ta’ solvenza tagħhom tas-suppożizzjoni li l-fondi proprji li jirriżultaw minn dawk il-miżuri tranżizzjonali ma humiex disponibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom ukoll is-setgħa li jieħdu miżuri xierqa sabiex l-użu tal-miżuri jkun jirrifletti b’mod xieraq il-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp. Madankollu, jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jaffettwawx l-użu minn impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatati ta’ dawk il-miżuri tranżizzjonali meta jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza individwali tagħhom.

(82)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi miżuri tranżizzjonali għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju u dwar provvedimenti tekniċi li huma soġġetti għal approvazzjoni superviżorja u li japplikaw fir-rigward ta’ kuntratti li jwasslu għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li ġew konklużi qabel l-2016. Filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri tranżizzjonali jħeġġu lill-impriżi sabiex jimxu b’mod kemm jista’ jkun puntwali lejn il-konformità ma’ dik id-Direttiva, l-applikazzjoni ta’ miżuri tranżizzjonali approvati għall-ewwel darba ferm wara l-2016 x’aktarx li jnaqqsu r-ritmu tal-perkors lejn il-konformità ma’ dik id-Direttiva. Għalhekk, jenħtieġ li tali approvazzjoni tal-użu ta’ dawk il-miżuri tranżizzjonali tkun ristretta għal każijiet li fihom impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ssir għall-ewwel darba soġġetta għar-regoli tad-Direttiva 2009/138/KE u, meta impriża tkun aċċettat portafoll ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-impriża trasferenti tkun applikat miżura tranżizzjonali fir-rigward tal-obbligi relatati ma’ dak il-portafoll, qabel it-trasferiment.

(83)Ir-Renju Unit sar pajjiż terz fl-1 ta’ Frar 2020 u d-dritt tal-Unjoni ma baqax japplika għar-Renju Unit u fih fil-31 ta’ Diċembru 2020. Minħabba li d-Direttiva 2009/138/KE għandha diversi dispożizzjonijiet li jindirizzaw l-ispeċifiċitajiet ta’ Stati Membri partikolari, meta t-tali dispożizzjonijiet jikkonċernaw speċifikament lir-Renju Unit, dawn ma baqgħux validi u, għalhekk, jenħtieġ li jitħassru.

(84)Għaldaqstant, id-Direttiva 2009/138/KE jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2(3), il-punt (a)(iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv) it-tipi tal-assigurazzjoni permanenti tas-saħħa li mhix suġġett għall-kanċellament li teżisti bħalissa fl-Irlanda;”;

(2)fl-Artikolu 4(1), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a) il-premjum gross miktub annwali tal-l-impriża ma jaqbiżx il-EUR 15 000 000;

(b) it-total tal-provvedimenti tekniċi tal-impriża, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, ma jaqbiżx il-EUR 50 000 000;”;

(3)l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)Fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) l-assistenza tkun ipprovduta fil-każ ta’ xi inċident jew waqfien li jinvolvi vettura tat-triq meta l-inċident jew il-waqfien iseħħ fit-territorju tal-Istat Membru tal-impriża li tipprovdi l-kopertura jew tal-pajjiżi ġirien;”;

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, (b)(i) u (b)(ii), il-kundizzjoni li l-inċident jew il-waqfien minħabba ħsara jrid ikun seħħ fit-territorju tal-Istat Membru tal-intrapriża li tipprovdi l-kopertura ma għandiex tkun applikabbli meta l-benefiċjarju jkun membru tal-korp li jipprovdi l-kopertura u s-servizz ta’ waqfien minħabba ħsara jew il-ġarr tal-vettura ikun provdut sempliċement fuq preżentazzjoni ta’ karta ta’ sħubija, mingħajr ma jitħallas primjum addizzjonali, minn korp simili fil-pajjiż ikkonċernat fuq il-bażi ta’ ftehim reċiproku.”;

(c)jitħassar il-paragrafu 3;

(4)fl-Artikolu 8, jitħassar il-punt (3);

(5)l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (7), jitħassar il-punt (d);

(b)jiddaħħlu l-punti (10a), (10b), (10c) u (10d) li ġejjin:

“(10a) ‘impriża bi profil tar-riskju baxx’ tfisser impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29a u li ġiet ikklassifikata bħala tali f’konformità mal-Artikolu 29b;

(10b) ‘ditta tal-awditjar’ tfisser ditta tal-awditjar skont it-tifsira tal-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

(10c) ‘awditur statutorju’ tfisser awditur statutorju skont it-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

(10d) ‘grupp bi profil tar-riskju baxx’ tfisser grupp li jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 213a u li jkun ġie kklassifikat bħala tali mis-superviżur tal-grupp skont il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu;

* Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;

(c)il-punti (15) u (16) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(15)    ‘impriża omm’ tfisser impriża prinċipali kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, kif ukoll impriża li l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu bħala impriża omm f’konformità mal-Artikolu 212 ta’ din id-Direttiva;”;

“(16)    ‘impriża sussidjarja’ tfisser kwalunkwe impriża sussidjarja kif imsemmi fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, inklużi sussidjarji tagħha, kif ukoll impriża li l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw bħala impriża sussidjarja f’konformità mal-Artikolu 212 ta’ din id-Direttiva;

*    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”;

(d)fil-punt (18), il-kliem “l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “l-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE”;

(e)il-punt (19) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(19)    ‘tranżazzjoni intragrupp’ tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li permezz tagħha impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz, kumpanija azzjonarja jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tiddependi, direttament jew indirettament, fuq impriżi oħra fl-istess grupp jew fuq persuna fiżika jew ġuridika konnessa mal-impriżi f’dak il-grupp b’rabtiet mill-qrib, għall-issodisfar ta’ obbligu, kemm jekk kuntrattwali jew le, u kemm jekk bi ħlas jew le;”;

(f)il-punt (22) huwa emendat kif ġej:

(i)fil-punt (a), il-kliem “l-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “il-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

____________________________________

* Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).”;

(ii)fil-punt (b)(i), il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/KE”;

(g)il-punt (25) huwa emendat kif ġej:

(i)fil-punt (a), il-kliem “l-Artikolu 4(1), (5) u (21) tad-Direttiva 2006/48/KE” huwa sostitwit bil-kliem “il-punti (1), (18) u (26) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

_________________________________

* Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”;

(ii)fil-punt (c), il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/KE”;

(h)il-punt (27) huwa emendat kif ġej:

(i)fil-punt (c), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii) fatturat nett, skont it-tifsira tal-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE, ta’ EUR 13 600 000;”;

(ii)il-kliem “id-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2013/34/UE”;

(i)jiżdied il-punt (41) li ġej:

“(41) ‘impriża regolata’ tfisser ‘entità regolata’ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2002/87/KE jew istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2341.”;

(6)fl-Artikolu 18(1), jiżdied il-punt (i) li ġej:

“(i) sabiex jiġi indikat jekk ġietx miċħuda jew irtirata talba fi Stat Membru ieħor għal awtorizzazzjoni sabiex jinbeda negozju ta’ assigurazzjoni diretta jew ta’ riassigurazzjoni jew sabiex jinbeda negozju ta’ impriża regolata oħra jew ta’ distributur tal-assigurazzjoni u r-raġunijiet għaċ-ċaħda jew għall-irtirar.”;

(7)fl-Artikolu 23(1), jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f) is-suq li fih l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata jkollha l-ħsieb li topera;”;

(8)fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(2), il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/UE”;

(9)fl-Artikolu 25, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Kull rifjut ta’ awtorizzazzjoni, inkluża l-identifikazzjoni tal-impriża applikanti u tar-raġunijiet għar-rifjut, għandu jiġi nnotifikat lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*. L-EIOPA għandha żżomm bażi ta’ data aġġornata b’tali informazzjoni u tagħti aċċess għall-bażi ta’ data lill-awtoritajiet superviżorji.

*Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).”;

(10)fl-Artikolu 25a, il-kliem “l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill6” huwa sostitwit bil-kelma “EIOPA”;

(11)fl-Artikolu 26, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Meta jkun meħtieġ li diversi awtoritajiet superviżorji jiġu kkonsultati skont il-paragrafu 1, kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata tista’ titlob lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju tivvaluta b’mod konġunt l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tikkunsidra l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni konġunta meta tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.”;

(12)l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu applikati b’mod xieraq li jkun proporzjonat għan-natura, għall-iskala u għall-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozji ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, b’mod partikolari dawk ikklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx.

4. L-atti delegati u l-istandards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni għandhom iqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità, sabiex b’hekk jiżguraw l-applikazzjoni proporzjonata ta’ din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward ta’ impriżi bi profil tar-riskju baxx.

L-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-EIOPA f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni sottomessi f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament u mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet maħruġin f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak ir-Regolament, għandhom jiżguraw l-applikazzjoni proporzjonata ta’ din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward ta’ impriżi bi profil tar-riskju baxx.”;

(b)jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati li jispeċifikaw jew jadattaw il-kriterji stabbiliti fil-punti (e), (f) u (h) tal-Artikolu 29a(1).

6. Sabiex jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti fl-applikazzjoni tal-proporzjonalità, l-EIOPA għandha tiżviluppa linji gwida sabiex tiffaċilita għodod superviżorji komuni u tispeċifika aktar il-metodoloġija li għandha tintuża meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiġu kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx.”;

(13)jiddaħħlu l-Artikoli 29a sa 29e li ġejjin:

“Artikolu 29a
Kriterji għall-identifikazzjoni ta’ impriżi bi profil tar-riskju baxx

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiġu kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx, skont il-proċess stabbilit fl-Artikolu 29b, fejn, għal sentejn finanzjarji konsekuttivi qabel tali klassifikazzjoni, jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)Għall-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja u għall-impriżi tal-assigurazzjoni li jwettqu kemm attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja f’konformità mal-Artikolu 73 li l-provvedimenti tekniċi relatati mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja tagħhom jirrappreżentaw 20 % jew aktar tal-provvedimenti tekniċi totali gross tal-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tal-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, u li l-introjtu mill-primjum gross miktub annwali relatat mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja jirrappreżenta anqas minn 40 % tal-primjum gross miktub annwali totali, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)is-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 105(5) ma jkunx ogħla minn 5 % tal-provvedimenti tekniċi, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(ii)in-negozju kkuntrattat fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju fejn l-impriża tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 14 ma jkunx ogħla minn 5 % tal-primjum gross miktub annwali totali tagħha;

(iii)il-provvedimenti tekniċi, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, ma jaqbiżx il-EUR 1 000 000 000;

(iv)l-investimenti f’investimenti mhux tradizzjonali ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-investimenti totali;

(v)in-negozju tal-impriża ma jinkludix operazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni li jaqbżu l-50 % tal-introjtu mill-primjum gross miktub annwali totali tagħha.

Il-kriterji stabbiliti fil-punti (ii) u (v) ma għandhomx japplikaw għal impriżi tal-assigurazzjoni captive jew għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive.

(b)Għal impriżi tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, u għal impriżi tal-assigurazzjoni li jwettqu attivitajiet tal-assigurazzjoni kemm tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja f’konformità mal-Artikolu 73 li l-introjtu mill-primjum gross miktub annwali tagħhom relatat mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja jirrappreżenta 40 % jew aktar tal-introjtu mill-primjum gross miktub annwali tagħhom u li l-provvedimenti tekniċi tagħhom relatati mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja jirrappreżentaw anqas minn 20 % tal-provvedimenti tekniċi totali tagħhom grossi mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti ta’ riassigurazzjoni u minn strumenti ta' għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)il-proporzjon medju kkombinat nett mir-riassigurazzjoni tal-aħħar tliet snin ikun anqas minn 100 %;

(ii)in-negozju kkuntrattat fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju fejn l-impriża tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 14 ma jkunx ogħla minn 5 % tal-primjum gross miktub annwali totali tagħha;

(iii)il-primjum gross miktub annwali ma jkunx ogħla minn EUR 100 000 000;

(iv)is-somma tal-primjums grossi miktubin annwali fil-klassijiet 3 sa 7, 14 u 15 tat-Taqsima A tal-Anness I ma tkunx ogħla minn 30 % tal-primjums miktubin annwali totali ta’ negozju mhux tal-ħajja;

(v)l-investimenti f’investimenti mhux tradizzjonali ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-investimenti totali;

(vi)in-negozju tal-impriża ma jinkludix operazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni li jaqbżu l-50 % tal-introjtu mill-primjum gross miktub totali tagħha.

Il-kriterji stabbiliti fil-punti (ii) u (vi) ma għandhomx japplikaw għal impriżi tal-assigurazzjoni captive jew għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive.

(c)Għall-impriżi tal-assigurazzjoni li jwettqu kemm attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja f’konformità mal-Artikolu 73 li l-provvedimenti tekniċi relatati mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja tagħhom jirrappreżentaw 20 % jew aktar tal-provvedimenti tekniċi totali gross tagħhom tal-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tal-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, u li l-introjtu annwali mill-primjum gross miktub relatat mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja jirrappreżenta 40 % jew aktar tal-introjtu annwali mill-primjum gross miktub totali tagħhom, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)is-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 105(5) ma jkunx ogħla minn 5 % tal-provvedimenti tekniċi, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(ii)il-proporzjon medju kkombinat nett mir-riassigurazzjoni tal-aħħar tliet snin ikun anqas minn 100 %;

(iii)il-provvedimenti tekniċi, grossi mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76, ma jaqbżux l-EUR 1 000 000 000;

(iv)il-primjum gross miktub annwali ma jkunx ogħla minn EUR 100 000 000;

(v)in-negozju kkuntrattat fi Stati Membri għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju fejn l-impriża tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 14 ma jkunx ogħla minn 5 % tal-primjum gross miktub annwali totali tagħha;

(vi)is-somma tal-primjum gross annwali miktub fil-klassijiet 3 sa 7, 14 u 15 tat-Taqsima A tal-Anness I ma hijiex ogħla minn 30 % tal-primjums miktubin annwali totali tan-negozju mhux tal-ħajja;

(vii)l-investimenti f’investimenti mhux tradizzjonali ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tal-investimenti totali;

(viii)in-negozju tal-impriża ma jinkludix operazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni li jaqbżu l-50 % tal-introjtu annwali mill-primjum gross miktub totali tagħha.

Il-kriterji stabbiliti fil-punti (v) u (viii) ma għandhomx japplikaw għal impriżi tal-assigurazzjoni captive jew għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-investimenti tradizzjonali għandhom jikkonsistu f’bonds, f’ekwitajiet, fi flus u f’ekwivalenti ta’ flus u depożiti u l-investimenti totali għandhom jikkonsistu fl-assi kollha, li jinkludu d-derivattivi, u jeskludu l-investimenti li jkopru kuntratti marbutin ma’ unità-indiċi, eskluża l-proprjetà għall-użu proprju, esklużi l-impjanti u t-tagħmir għall-użu proprju, minbarra l-proprjetà li tkun qed tinbena għall-użu proprju.

2. Għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jkunu kisbu awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14 għal anqas minn sentejn, il-konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi vvalutata biss fir-rigward tal-aħħar sena finanzjarja qabel il-klassifikazzjoni.

3. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li ġejjin qatt ma għandhom jiġu kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx:

(a)impriżi li jużaw mudell intern parzjali jew sħiħ approvat sabiex jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, f’konformità mar-rekwiżiti għal mudelli interni sħaħ u parzjali stabbiliti fis-Subtaqsima 3, tat-Taqsima 4, tal-Kapitolu VI;

(b)impriżi li huma impriżi omm ta’ grupp tal-assigurazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 212, li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 213(2), sakemm il-grupp ma jkunx ikklassifikat bħala grupp bi profil tar-riskju baxx.

Artikolu 29b
Proċess ta’ klassifikazzjoni għall-impriżi li jikkonformaw mal-kriterji

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29a(1) u (3) ikunu jistgħu jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja b’tali konformità bl-għan li jiġu kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx.

2.In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi sottomessa mill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru li tkun tat l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 14. Dik in-notifika għandha tinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)evidenza tal-konformità mal-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 29a applikabbli għal dik l-impriża;

(b)dikjarazzjoni li l-impriża ma tippjana l-ebda bidla strateġika li tkun twassal għal nuqqas ta’ konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a fit-tliet snin li ġejjin;

(c)identifikazzjoni bikrija tal-miżuri ta’ proporzjonalità li l-impriża tistenna li timplimenta, b’mod partikolari jkun maħsub li tintuża s-simplifikazzjoni tal-aħjar stima u jekk l-impriża tippjana li tuża l-metodu ssimplifikat sabiex tikkalkola l-provvedimenti tekniċi stabbiliti fl-Artikolu 77(7).

3.L-awtorità superviżorja tista’ topponi l-klassifikazzjoni bħala impriża bi profil tar-riskju baxx fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għal raġunijiet relatati esklussivament man-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29a. Deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li topponi l-klassifikazzjoni għandha ssir bil-miktub u tiddikjara r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tal-awtorità superviżorja. Fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala impriża bi profil tar-riskju baxx minn tmiem il-perjodu ta’ oppożizzjoni ta’ xahar jew data aktar kmieni meta l-awtorità superviżorja tkun, aktar kmieni, ħarġet deċiżjoni li tikkonferma l-konformità mal-kriterji.

4.Fir-rigward tat-talbiet riċevuti mill-awtoritajiet superviżorji fl-ewwel sitt xhur ta’ [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-perjodu msemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi estiż għal xahrejn.

5.L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala impriża bi profil tar-riskju baxx dment li din il-klassifikazzjoni ma tkunx intemmet f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

Meta impriża bi profil tar-riskju baxx ma tibqax tikkonforma ma’ kwalunkwe wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 29a(1), hija għandha tinforma lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien. Meta tali nuqqas ta’ konformità jippersisti kontinwament fuq sentejn konsekuttivi, l-impriża għandha tinnotifika lill-awtorità superviżorja b’din is-sitwazzjoni, u ma tibqax tiġi kklassifikata bħala impriża bi profil tar-riskju baxx mit-tielet sena finanzjarja.

Meta impriża bi profil tar-riskju baxx ma tibqax tikkonforma ma’ kwalunkwe kundizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29a(3), dik l-impriża għandha tinnotifika lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien u ma tibqax tiġi kklassifikata bħala impriża bi profil tar-riskju baxx mis-sena finanzjarja ta’ wara.

Artikolu 29c
Użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità minn impriżi kklassifikati bħala bi profil tar-riskju baxx 

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’kull miżura ta’ proporzjonalità, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx jistgħu jużaw il-miżuri kollha ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 35(5a), fl-Artikolu 41, fl-Artikolu 45(1b), fl-Artikolu 45(5), fl-Artikolu 45a(5), fl-Artikolu 51(6), fl-Artikolu 51a(1), fl-Artikolu 77(7) u fl-Artikolu 144a(4), u kwalunkwe miżura ta’ proporzjonalità prevista fl-atti delegati adottati skont din id-Direttiva.

2.Meta l-awtorità superviżorja jkollha tħassib serju fir-rigward tal-profil tar-riskju ta’ impriża bi profil tar-riskju baxx, l-awtorità superviżorja tista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, titlob lill-impriża kkonċernata toqgħod lura milli tuża miżura ta’ proporzjonalità waħda jew aktar minn fost dawk elenkati fil-paragrafu 1 dment li dan ikun ġustifikat bil-miktub wara kunsiderazzjoni tal-impatt fuq l-organizzazzjoni tal-impriża u tal-ispeċifiċitajiet jew tal-bidla tal-profil tar-riskju tagħha.

Artikolu 29d
Użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità minn impriżi mhux ikklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li ma jkunux ikklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx jistgħu jużaw kwalunkwe miżura ta’ proporzjonalità prevista fl-Artikolu 35(5a), fl-Artikolu 41, fl-Artikolu 45(1b), fl-Artikolu 45(5), fl-Artikolu 77(7) u fl-Artikolu 144a(4) u kwalunkwe miżura ta’ proporzjonalità prevista fl-atti delegati adottati skont din id-Direttiva, soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tissottometti talba bil-miktub għall-approvazzjoni lill-awtorità superviżorja. Dik it-talba għandha tinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)il-lista tal-miżuri ta’ proporzjonalità li hemm il-ħsieb li jintużaw u r-raġunijiet għaliex l-użu tagħhom huwa ġġustifikat fir-rigward tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b)kwalunkwe informazzjoni materjali oħra dwar il-profil tar-riskju tal-impriża;

(c)dikjarazzjoni li l-impriża mhijiex tippjana xi bidla strateġika li jkollha impatt fuq il-profil tar-riskju tal-impriża fit-tliet snin li ġejjin.

2. L-awtorità superviżorja għandha, fi żmien xahrejn mir-riċevuta, tivvaluta t-talba u tinforma lill-impriża bl-approvazzjoni jew bir-rifjut tagħha, kif ukoll bil-miżuri ta’ proporzjonalità approvati. Meta l-awtorità superviżorja tapprova l-użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità skont ċerti termini jew kundizzjonijiet, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandu jkun fiha r-raġunijiet għal dawk it-termini u l-kundizzjonijiet. Deċiżjoni tal-awtorità superviżorja li topponi l-użu ta’ xi miżura jew aktar ta’ proporzjonalità minn fost dawk elenkati fit-talba sottomessa mill-impriża għandha ssir bil-miktub, u tiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja. Dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu marbutin mal-profil tar-riskju tal-impriża,

3. L-awtorità superviżorja tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni ulterjuri li tkun neċessarja sabiex titlesta l-valutazzjoni. Il-perjodu ta’ valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi sospiż għall-perjodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji u r-riċevuta ta’ tweġiba għaliha mill-impriża kkonċernata. Kwalunkwe talba oħra mill-awtorità superviżorja ma għandhiex tirriżulta f’sospensjoni tal-perjodu ta’ valutazzjoni.

4. Fir-rigward tat-talbiet riċevuti mill-awtoritajiet superviżorji fl-ewwel sitt xhur ta’ [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva], il-perjodu msemmi fil-paragrafu 2 għandu jkun ta’ erba’ xhur.

5. L-approvazzjoni għall-użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità tista’ tiġi emendata jew irtirata fi kwalunkwe mument jekk jinbidel il-profil tar-riskju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. L-awtorità għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha kif xieraq.

Artikolu 29e
Monitoraġġ tal-użu tal-miżuri ta’ proporzjonalità

1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw miżuri ta’ proporzjonalità jirrapportaw kull sena lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom informazzjoni dwar il-miżuri ta’ proporzjonalità użati bħala parti mill-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-finijiet superviżorji msemmijin fl-Artikolu 35.

2. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw kwalunkwe miżura ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 29c(1) jew fl-Artikolu 29d(1) sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] jistgħu jkomplu japplikaw tali miżuri mingħajr ma japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 29b, 29c u 29d, għal perjodu li ma jaqbiżx l-erba’ snin finanzjarji.”;

(14)fl-Artikolu 30(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Is-superviżjoni finanzjarja skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi verifika, rigward tan-negozju kollu tal-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, is-sistema ta’ governanza tagħha, l-istat ta’ solvenza tagħha, l-istabbiliment tar-riżorsi tekniċi, l-assi tagħha u l-fondi proprji eliġibbli, f’konformità mar-regoli stipulati jew mal-prattika segwita fl-Istat Membru ta’ domiċilju skont id-dispożizzjonijiet adottati fil-livell tal-Unjoni.”;

(15)jiddaħħal l-Artikolu 33a li ġej:

“Artikolu 33a
Kooperazzjoni superviżorja bejn l-awtoritajiet superviżorji ta’ domiċilju u ospitanti

1. Fil-każ ta’ attivitajiet transfruntiera sinifikanti mwettqin minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tikkoopera mal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti sabiex tivvaluta jekk l-impriża tal-assigurazzjoni għandhiex fehim ċar tar-riskji li qed tiffaċċja, jew li tista’ tiffaċċja, fl-Istat Membru ospitanti.

Din il-kooperazzjoni għandha tkopri tal-anqas l-aspetti li ġejjin:

(a) is-sistema ta’ governanza inkluża l-kapaċità tal-maniġment tal-uffiċċju reġistrat li jifhem l-ispeċifiċitajiet tas-suq transfruntier, l-għodod għall-ġestjoni tar-riskju, il-kontrolli interni fis-seħħ u l-proċeduri ta’ konformità għan-negozju transfruntier;

(b) arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni u sħubijiet ta’ distribuzzjoni;

(c) l-istrateġija tan-negozju u t-trattament tal-klejms;

(d) il-protezzjoni tal-konsumatur.

2. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, fil-ħin, tinforma lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti dwar l-eżitu tal-proċess ta’ rieżami superviżorju tagħha relatat mal-attività transfruntiera fejn ikunu ġew identifikati kwistjonijiet potenzjali ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istat Membru ospitanti.

3. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘attivitajiet transfruntiera sinifikanti’ tfisser attivitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt id-dritt ta’ stabbiliment u dawk imwettqin taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru ospitanti partikolari, li jaqbżu l-5 % tal-primjum gross miktub annwali tal-impriża, imkejjel b’referenza għall-aħħar rapport finanzjarju disponibbli tal-impriża.”;

(16)l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji l-informazzjoni li hija neċessarja għall-finijiet tas-superviżjoni, filwaqt li jqisu l-objettivi tas-superviżjoni stabbiliti fl-Artikoli 27 u 28 u l-prinċipji ġenerali tas-superviżjoni stabbiliti fl-Artikolu 29.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a. Filwaqt li jqisu l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafi 1 u 2 u l-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji rapport superviżorju regolari li jinkludi informazzjoni dwar in-negozju u l-prestazzjoni tal-impriża, is-sistema ta’ governanza, il-profil tar-riskju, il-valwazzjoni għall-finijiet ta’ solvenza u l-ġestjoni tal-kapital matul il-perjodu ta’ rapportar.

Il-frekwenza tar-rapport superviżorju regolari għandha tkun:

(a)kull tliet snin, għal impriżi bi profil tar-riskju baxx;

(b)tal-anqas kull tliet snin għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għajr l-impriżi bi profil tar-riskju baxx.”;

(c)jitħassru l-paragrafi 6, 7 u 8;

(d)il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu u l-kriterji għal rapportar superviżorju limitat għal impriżi tal-assigurazzjoni captive u għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive b’kunsiderazzjoni tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji ta’ dawn it-tipi speċifiċi ta’ impriżi bl-għan li tiġi żgurata, sa fejn xieraq, il-konverġenza tar-rapportar superviżorju.”;

(e)fil-paragrafu 10, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar ir-rapportar superviżorju regolari fir-rigward tal-mudelli għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji msemmijin fil-paragrafi 1 u 2, inklużi l-limiti bbażati fuq ir-riskju li jistabbilixxu l-iskattatur għall-obbligi ta’ rapportar meta applikabbli jew kwalunkwe eżenzjoni ta’ informazzjoni speċifika għal ċerti tipi ta’ impriżi bħall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni captive b’kunsiderazzjoni tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji ta’ tipi speċifiċi ta’ impriżi.”;

(f)jitħassar il-paragrafu 11;

(g)jiżdied il-paragrafu 12 li ġej:

“12. Sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = sentejn wara d-data tal-pubblikazzjoni], l-EIOPA għandha tissottometti lill-Kummissjoni rapport dwar miżuri potenzjali, inklużi tibdiliet leġiżlattivi, sabiex tiżviluppa ġbir integrat tad-data bl-għan li:

(a)tnaqqas l-oqsma ta’ duplikazzjonijiet u ta’ inkonsistenzi bejn l-oqfsa ta’ rapportar fis-settur tal-assigurazzjoni u f’setturi oħrajn tal-industrija finanzjarja; u

(b)ittejjeb l-istandardizzazzjoni tad-data u l-kondiviżjoni u l-użu effiċjenti tad-data diġà rrapportata fi ħdan kwalunkwe qafas ta’ rapportar tal-Unjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti rilevanti, kemm tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali.

L-EIOPA għandha tipprijoritizza, iżda ma tillimitax ruħha għal informazzjoni dwar l-oqsma tal-impriżi ta’ investiment kollettiv u r-rapportar tad-derivattivi.

Meta tħejji r-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-EIOPA għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħrajn u mal-Bank Ċentrali Ewropew u għandha, fejn rilevanti, tinvolvi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”;

(17)jiddaħħal l-Artikolu 35a li ġej:

“Artikolu 35a
Eżenzjonijiet u limitazzjonijiet għar-rapportar superviżorju regolari kwantitattiv mogħti mill-awtoritajiet superviżorji

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 129(4), meta l-perjodi predefiniti msemmijin fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 35(2) ikunu anqas minn sena, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jillimitaw ir-rapportar superviżorju regolari, meta:

(a) is-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni tkun ta’ piż żejjed fid-dawl tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b) l-informazzjoni tkun irrapportata tal-anqas darba fis-sena.

Dik il-limitazzjoni għar-rapportar superviżorju regolari għandha tingħata biss lil impriżi li ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-ħajja jew mhux tal-ħajja, rispettivament, ta’ Stat Membru, fejn is-sehem tas-suq mhux tal-ħajja jkun ibbażat fuq primjums grossi miktubin u s-sehem tas-suq tal-ħajja jkun ibbażat fuq provvedimenti tekniċi grossi.

Meta jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-impriżi għal dawk il-limitazzjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu prijorità lill-impriżi bi profil tar-riskju baxx.

2. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jillimitaw ir-rapportar superviżorju regolari, jew jeżentaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni milli jirrapportaw fuq bażi ta’ element b’element, meta:

(a) is-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni tkun ta’ piż żejjed fid-dawl tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b) is-sottomissjoni ta’ dik l-informazzjoni ma tkunx neċessarja għas-superviżjoni effettiva tal-impriża;

(c) l-eżenzjoni ma ddgħajjifx l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji kkonċernati fl-Unjoni; u

(d) l-impriża tkun tista’ tipprovdi l-informazzjoni fuq talba.

L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx jeżentaw mir-rapportar fuq bażi ta’ element b’element lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu parti minn grupp fis-sens tal-punt (c) tal-Artikolu 212(1), sakemm l-impriża ma tkunx tista’ turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li dak ir-rapportar fuq bażi ta’ element b’element ma jkunx xieraq, minħabba n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-grupp u filwaqt li jitqies l-objettiv ta’ stabilità finanzjarja.

L-eżenzjoni mir-rapportar fuq bażi ta’ element b’element għandha tingħata biss lil impriżi li ma jirrappreżentawx aktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-ħajja jew mhux tal-ħajja rispettivament, fejn is-sehem tas-suq mhux tal-ħajja jkun ibbażat fuq primjums grossi miktubin u s-sehem tas-suq tal-ħajja jkun ibbażat fuq provvedimenti tekniċi grossi. Meta jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-impriżi għal dawk il-limitazzjonijiet jew l-eżenzjonijiet, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu prijorità lill-impriżi bi profil tar-riskju baxx.

3. L-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive għandhom ikunu eżentati minn rapportar superviżorju regolari fuq bażi ta’ entrata b’entrata meta l-perjodi predefiniti msemmijin fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 35(2) ikunu iqsar minn sena, dment li jikkonformaw maż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-persuni u l-benefiċjarji assigurati kollha huma kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

entitajiet ġuridiċi tal-grupp li tiegħu hija parti l-impriża tal-assigurazzjoni captive jew l-impriża tar-riassigurazzjoni captive,

persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti taħt il-poloz tal-assigurazzjoni ta’ dak il-grupp, dment li n-negozju li jkopri dawk il-persuni fiżiċi jibqa’ taħt il-5 % tal-provvedimenti tekniċi;

(b)l-obbligi tal-assigurazzjoni u l-kuntratti tal-assigurazzjoni li huma l-bażi tal-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive jew tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f’xi assigurazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltà ta’ parti terza.

4. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, bħala parti mill-proċess ta’ rieżami superviżorju, fir-rigward ta’ impriżi kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk is-sottomissjoni tal-informazzjoni tkunx ta’ piż żejjed fir-rigward tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji tal-impriża, filwaqt li jitqiesu, tal-anqas:

(a)ir-riskji tas-suq li joħolqu l-investimenti tal-impriża;

(b)il-livell ta’ konċentrazzjonijiet tar-riskju;

(c)l-effetti possibbli tal-ġestjoni tal-assi tal-impriża fuq l-istabilità finanzjarja;

(d)is-sistemi u l-istrutturi tal-impriża sabiex tipprovdi informazzjoni għal skopijiet ta’ superviżjoni u l-polza bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 5.

5. Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, bħala parti mill-proċess ta’ rieżami superviżorju, fir-rigward ta’ impriżi mhux ikklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk is-sottomissjoni tal-informazzjoni tkunx ta’ piż żejjed fir-rigward tan-natura, tal-iskala u tal-kumplessità tar-riskji tal-impriża, filwaqt li jitqiesu, tal-anqas:

(a)il-volum ta’ primjums, ta’ provvedimenti tekniċi u ta’ assi tal-impriża;

(b)il-volatilità tal-klejms u tal-benefiċċji koperti mill-impriża;

(c)in-numru totali ta’ klassijiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja li għalihom tingħata awtorizzazzjoni;

(d)l-idoneità tas-sistema ta’ governanza tal-impriża;

(e)il-livell ta’ fondi proprji li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u r-Rekwiżit Kapitali Minimu;

(f)jekk l-impriża tkunx impriża tal-assigurazzjoni captive jew impriża tar-riassigurazzjoni captive li tkopri biss riskji assoċjati mal-grupp industrijali jew kummerċjali li tappartjeni għalih.

6. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti u konsistenti tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1094/2010 sabiex tispeċifika aktar:

(a)il-metodi għad-determinazzjoni tal-ishma tas-suq imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, u fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)il-proċess li għandu jintuża mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jinformaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni dwar kwalunkwe limitazzjoni jew eżenzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.”;

(18)jiddaħħal l-Artikolu 35b li ġej:

“Artikolu 35b
Skadenzi għar-rapportar

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) sa (4) fuq bażi annwali jew anqas frekwenti fi żmien 16-il ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) sa (4) fuq bażi trimestrali mhux aktar tard minn ħames ġimgħat wara t-tmiem ta’ kull trimestru.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu r-rapport superviżorju regolari msemmi fl-Artikolu 35(5a) mhux aktar tard minn 18-il ġimgħa wara li tintemm is-sena finanzjarja tal-impriża.

4. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a sabiex tbiddel l-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, u 3 ta’ dan l-Artikolu, dment li l-bidla tkun neċessarja minħabba emerġenzi sanitarji, katastrofijiet naturali jew avvenimenti estremi oħrajn.”;

(19)fl-Artikolu 36(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) is-sistema ta’ governanza, inklużi r-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ idoneità, kif stabbiliti fl-Artikolu 42 u l-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza, kif stabbilita fit-Taqsima 2, tal-Kapitolu IV;”;

(20)l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e) l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika waħda mill-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikoli 308c u 308d u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i) l-impriża ma tikkonformax mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni tal-miżura tranżizzjonali;

(ii) l-impriża tkun naqset milli tissottometti lill-awtorità superviżorja jew il-pjan ta’ introduzzjoni gradwali inizjali fil-perjodu meħtieġ kif stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 308e, jew ir-rapport annwali meħtieġ kif stabbilit fit-tielet paragrafu ta’ dak l-Artikolu.”;

(b)fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1, is-supplimentazzjoni kapitali għandha tkun proporzjonata għar-riskji materjali li jirriżultaw mid-devjazzjoni u rispettivament in-nuqqas ta’ konformità msemmi f’dawk il-punti.”;

(21)l-Artikolu 41 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Is-sistema ta’ governanza għandha tkun soġġetta għal rieżami intern regolari. Tali rieżami intern għandu jinkludi valutazzjoni dwar l-adegwatezza tal-kompożizzjoni, tal-effettività u tal-governanza interna tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju filwaqt li jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża.”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jaħtru persuni differenti sabiex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, attwarjali, ta’ verifika tal-konformità u tal-awditjar intern, u li kull waħda minn dawn il-funzjonijiet titwettaq b’mod indipendenti mill-oħra sabiex jiġi evitat kunflitt ta’ interessi.

Meta l-impriża tkun ġiet ikklassifikata bħala impriża bi profil tar-riskju baxx, il-persuni responsabbli għall-funzjonijiet ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, il-funzjoni attwarjali u ta’ verifika tal-konformità jistgħu jwettqu wkoll kwalunkwe funzjoni ewlenija oħra differenti mill-awditu intern, kwalunkwe funzjoni oħra mhux ewlenija jew ikunu membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kunflitti ta’ interessi potenzjali jiġu ġestiti kif xieraq;

(b) il-kombinazzjoni ta’ funzjonijiet jew il-kombinazzjoni ta’ funzjoni mal-kundizzjoni ta’ sħubija tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ma tikkompromettix il-kapaċità tal-persuna li twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha.”;

(c)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandu jkollhom poloz miktubin rigward minn tal-anqas il-ġestjoni tar-riskju, il-kontroll intern, l-awditjar intern u, fejn tkun rilevanti, l-esternalizzazzjoni. Għandhom jiżguraw li dawk il-poloz jiġu implimentati.

Dawn il-poloz miktubin għandhom jiġu rieżaminati tal-anqas kull sena. Għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u għandhom jiġu adattati fid-dawl ta’ kull bidla sinifikanti fis-sistema jew fil-qasam ikkonċernat. L-impriżi bi profil tar-riskju baxx jistgħu jwettqu rieżami anqas frekwenti, tal-anqas kull tliet snin, sakemm l-awtorità superviżorja ma tikkonkludix, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dik l-impriża, li jkun meħtieġ rieżami aktar frekwenti.”;

(22)l-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-awtorità superviżorja tagħhom jekk kwalunkwe waħda mill-persuni msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 1 jew tkun ġiet issostitwita għal dik ir-raġuni.”;

(b)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Meta persuna li effettivament tmexxi l-impriża jew li jkollha funzjonijiet ewlenin oħrajn ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tneħħi lil tali persuna minn dik il-pożizzjoni.”;

(23)l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) ġestjoni tar-riskju operazzjonali, inkluża ċ-ċibersigurtà kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;

* Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).”;

(ii)jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni japplikaw l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, il-pjanijiet ta’ likwidità tagħhom għandhom iqisu l-użu tal-aġġustament tal-volatilità u jivvalutaw jekk jistgħux jinħolqu restrizzjonijiet tal-likwidità li ma jkunux konsistenti mal-użu tal-aġġustament tal-volatilità.”;

(b)il-paragrafu 2a huwa emendat kif ġej:

(i)l-ewwel subparagrafu huwa emendat b’dan li ġej:

fil-punt (b), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i) is-sensittività tal-provvedimenti tekniċi u tal-fondi proprji eliġibbli tagħhom għas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-aġġustament ta’ korrispondenza, inkluż il-kalkolu tal-firxa fundamentali msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 77c(1);”;

fil-punt (b), jitħassar il-punt (iii);

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) meta jiġi applikat l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, is-sensittività tal-provvedimenti tekniċi u tal-fondi proprji eliġibbli tagħhom għall-bidliet fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li jkunu jaffettwaw il-firxa kkoreġuta tar-riskju msemmija fl-Artikolu 77d(3).”;

(ii)it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Meta jiġi applikat l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, il-politika miktuba dwar il-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 41(3) għandha tqis l-aġġustament tal-volatilità.”;

(24)l-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti (d), (e) u (f) li ġejjin:

“(d) il-kunsiderazzjoni u l-analiżi tas-sitwazzjoni makroekonomika, u l-iżviluppi possibbli tas-swieq makroekonomiċi u finanzjarji, u, fuq talba motivata tal-awtorità superviżorja, it-tħassib makroprudenzjali, li jistgħu jaffettwaw il-profil speċifiku tar-riskju, il-limiti approvati tat-tolleranza tar-riskju, l-istrateġija tan-negozju, l-attivitajiet ta’ sottoskrizzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ investiment, u l-ħtiġijiet globali ta’ solvenza msemmijin fil-punt (a) tal-impriża;

(e) il-kunsiderazzjoni u l-analiżi tal-attivitajiet tal-impriża li jistgħu jaffettwaw l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji, u li għandhom il-potenzjal li jinbidlu f’sorsi ta’ riskju sistemiku;

(f) il-kapaċità ġenerali tal-impriża li ssalda l-obbligi finanzjarji tagħha lejn id-detenturi ta’ poloz u kontropartijiet oħrajn meta dawk l-obbligi jkunu dovuti, anke taħt kundizzjonijiet ta’ stress.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a. Għall-finijiet tal-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1, l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji għandhom jinkludu, tal-anqas, bidliet f’dawn li ġejjin:

(a) il-livell tar-rati tal-imgħax u tal-firxiet;

(b) il-livell tal-indiċijiet tas-suq finanzjarju;

(c) l-inflazzjoni;

(d) l-interkonnettività ma’ parteċipanti oħra fis-swieq finanzjarji;

(e) it-tibdil fil-klima, il-pandemiji, avvenimenti oħrajn fuq skala tal-massa u katastrofi oħrajn, li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

Għall-fini tal-punt (d) tal-paragrafu 1, it-tħassib makroprudenzjali għandu jinkludi, tal-anqas, xenarji futuri mhux favorevoli u riskji plawżibbli relatati maċ-ċiklu ta’ kreditu u ma’ reċessjoni, mal-imġiba ta’ akkomunament fl-investimenti jew mal-konċentrazzjonijiet eċċessivi ta’ skopertura fil-livell settorjali.

1b. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-analiżi meħtieġa skont il-punt (d) tal-paragrafu 1 tkun proporzjonata man-natura tar-riskji kif ukoll mal-iskala u mal-kumplessità tal-attivitajiet tal-impriżi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma kklassifikati bħala impriżi bi profil ta’ riskju baxx, skont l-Artikolu 29c, u l-impriżi li kisbu approvazzjoni superviżorja minn qabel, skont l-Artikolu 29d, ma jkunux obbligati jwettqu l-analiżi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e).”;

(c)jiżdied il-paragrafu 2b li ġej:

“2b. Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha, barra minn hekk, tinkludi s-sinifikanza li bih il-profil tar-riskju tal-impriża kkonċernata jiddevja mis-suppożizzjonijiet sottostanti għall-aġġustament tal-volatilità.”;

(d)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi annwali, u mingħajr dewmien wara kull bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju tagħhom.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-anqas kull sentejn u mingħajr dewmien wara kwalunkwe bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju tagħhom, sakemm l-awtorità superviżorja ma tikkonkludix fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-impriża li tkun meħtieġa valutazzjoni aktar frekwenti, fejn tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-impriża tal-assigurazzjoni tkun ikklassifikata bħala impriża bi profil tar-riskju baxx;

(b) l-impriża tal-assigurazzjoni tkun impriża tal-assigurazzjoni captive jew impriża tar-riassigurazzjoni captive li tikkonforma mal-kriterji kollha li ġejjin:

(i) il-persuni u l-benefiċjarji assigurati kollha jkunu entitajiet legali tal-grupp li l-impriża tal-assigurazzjoni captive jew l-impriża tar-riassigurazzjoni captive tkun parti minnu jew persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni ta’ dak il-grupp u n-negozju li jkopri l-persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti taħt il-poloz tal-assigurazzjoni tal-grupp jibqa’ anqas minn 5 % tal-provvedimenti tekniċi;

(ii) l-obbligi tal-assigurazzjoni u l-kuntratti tal-assigurazzjoni li huma l-bażi tal-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive jew tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f’xi assigurazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltà ta’ parti terza.

L-eżenzjoni mill-valutazzjoni annwali ma għandhiex tipprevjeni lill-impriża milli tidentifika, tkejjel, timmonitorja, timmaniġġja u tirrapporta r-riskji fuq bażi kontinwa.”;

(e)jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8. Għall-finijiet tal-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta awtoritajiet minbarra l-awtoritajiet superviżorji jkunu fdati b’mandat makroprudenzjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jaqsmu s-sejbiet tal-valutazzjonijiet makroprudenzjali tagħhom tal-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, kif imsemmijin fl-Artikolu 45, mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti b’mandat makroprudenzjali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jikkooperaw ma’ kwalunkwe awtorità nazzjonali b’mandat makroprudenzjali sabiex janalizzaw ir-riżultati u, fejn applikabbli, jidentifikaw kwalunkwe tħassib makroprudenzjali dwar kif l-impriżi jistgħu jaffettwaw l-iżviluppi tas-swieq makroekonomiċi u finanzjarji.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jaqsmu kwalunkwe tħassib makroprudenzjali u parametri tal-input rilevanti għall-valutazzjoni mal-impriża kkonċernata.”;

(25)jiddaħħal l-Artikolu 45a li ġej:

“Artikolu 45a
Analiżi tax-xenarju għat-tibdil fil-klima

1. Għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-valutazzjoni tar-riskji msemmijin fl-Artikolu 45(2), l-impriża kkonċernata għandha tivvaluta wkoll jekk għandhiex xi skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima. L-impriża għandha turi l-materjalità tal-iskopertura tagħha għar-riskji tat-tibdil fil-klima fil-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1).

2. Meta l-impriża kkonċernata jkollha skopertura materjali għar-riskji tat-tibdil fil-klima, l-impriża għandha tispeċifika tal-anqas żewġ xenarji fit-tul għat-tibdil fil-klima, inklużi dawn li ġejjin:

(a) xenarju fit-tul għat-tibdil fil-klima li fih iż-żieda fit-temperatura globali tibqa’ taħt żewġ gradi Celsius;

(b) xenarju fit-tul għat-tibdil fil-klima li fih iż-żieda fit-temperatura globali tkun ugwali għal żewġ gradi Celsius jew aktar.

3. F’intervalli regolari, il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1) għandu jkun fiha analiżi tal-impatt fuq in-negozju tal-impriża tax-xenarji fit-tul għat-tibdil fil-klima speċifikati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-intervalli għandhom ikunu proporzjonati man-natura, mal-iskala u mal-kumplessità tar-riskji tat-tibdil fil-klima inerenti fin-negozju tal-impriża, iżda ma jkunux itwal minn tliet snin.

4. Ix-xenarji fit-tul għat-tibdil fil-klima msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rrieżaminati, tal-anqas kull tliet snin, u aġġornati fejn ikun neċessarju.

5. B’deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx la għandhom ikunu meħtieġa jispeċifikaw ix-xenarji għat-tibdil fil-klima u lanqas jivvalutaw l-impatt tagħhom fuq in-negozju tal-impriża.”;

(26)l-Artikolu 51 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. B’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 35(4), l-Istati Membri għandhom jesiġu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sabiex, kull sena, jiżvelaw pubblikament rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom.

Ir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja għandu jkun fih żewġ partijiet separati. L-ewwel parti għandha tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lid-detenturi ta’ poloz u lill-benefiċjarji, u t-tieni parti għandha tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lil parteċipanti oħrajn fis-suq. Iż-żewġ partijiet għandhom jiġu żvelati separatament jew flimkien filwaqt li jiġi indikat b’mod ċar li r-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja jikkonsisti fiż-żewġ partijiet.”;

(b)il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a. Il-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja li tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lid-detenturi ta’ poloz u lill-benefiċjarji għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)deskrizzjoni tan-negozju u tal-prestazzjoni tal-impriża; u

(b)deskrizzjoni fil-qosor tal-ġestjoni kapitali u tal-profil tar-riskju tal-impriża.”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 1b u 1c li ġejjin:

“1b. Il-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja li tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lil parteċipanti oħrajn fis-suq għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja, sħiħa jew permezz ta’ referenzi għal informazzjoni ekwivalenti, kemm fin-natura kif ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni, żvelata pubblikament skont rekwiżiti legali jew regolatorji oħrajn:

(a) deskrizzjoni tas-sistema ta’ governanza;

(b) deskrizzjoni, separatament għall-assi, għall-provvedimenti tekniċi, u għal obbligazzjonijiet oħrajn, tal-bażijiet u tal-metodi użati għall-valwazzjoni tagħhom;

(c) deskrizzjoni tal-ġestjoni kapitali u tal-profil tar-riskju, li tinkludi tal-anqas dawn li ġejjin:

(i) l-istruttura u l-ammont ta’ fondi proprji, u l-kwalità tagħhom;

(ii) l-ammonti tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u tar-Rekwiżit Kapitali Minimu;

(iii) għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistemi finanzjarji fl-Unjoni, informazzjoni dwar is-sensittività għar-riskju;

(iv) l-għażla stipulata fl-Artikolu 304 użata għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(v) informazzjoni li tippermetti fehim xieraq tad-differenzi ewlenin bejn is-suppożizzjonijiet sottostanti tal-formula standard u dawk ta’ kwalunkwe mudell intern użat mill-impriża għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħha;

(vi) l-ammont ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza matul il-perjodu ta’ rapportar, anke jekk dan jiġi riżolt aktar tard, flimkien ma’ spjegazzjoni tal-oriġini u tal-konsegwenzi tiegħu u ta’ kwalunkwe miżura rimedjali meħuda.

1c. Meta jiġi applikat l-aġġustament ta’ korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b, id-deskrizzjoni msemmija fil-punti (b), (c)(i) u (c)(ii) tal-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu għandu jiddeskrivi wkoll l-aġġustament ta’ korrispondenza u tal-portafoll tal-obbligi u tal-assi assenjati li għalihom ikun applikat l-aġġustament ta’ korrispondenza, kif ukoll kwantifikazzjoni tal-impatt ta’ bidla għal żero tal-aġġustament ta’ korrispondenza fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża.

Id-deskrizzjoni msemmija fil-punti (b), (c)(i) u (c)(ii) tal-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fiha wkoll dikjarazzjoni dwar jekk l-impriża tużax l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d u, fejn jintuża l-aġġustament tal-volatilità, hija għandha tiżvela l-informazzjoni li ġejja:

(a) kwantifikazzjoni tal-impatt ta’ bidla għal żero tal-aġġustament tal-volatilità fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża;

(b) għal kull valuta rilevanti jew, kif applikabbli, il-pajjiż, l-aġġustament tal-volatilità kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 77d u l-aħjar stimi korrispondenti għall-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.”;

(d)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Id-deskrizzjoni msemmija fil-punt (c)(i) tal-paragrafu 1b għandha tinkludi analiżi ta’ kwalunkwe bidla sinifikanti meta mqabbla mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti u spjegazzjoni ta’ kwalunkwe differenza kbira fir-rigward tal-valur tat-tali elementi fir-rapporti finanzjarji, u deskrizzjoni fil-qosor tat-trasferibbiltà tal-kapital.

L-iżvelar tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza msemmi fil-punt (c)(ii) tal-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu għandu juri, separatament, l-ammont ikkalkolat f’konformità mas-Subtaqsimiet 2 u 3, tat-Taqsima 4, tal-Kapitolu VI u kwalunkwe supplimentazzjoni kapitali imposta f’konformità mal-Artikolu 37 jew l-impatt tal-parametri speċifiċi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun meħtieġa li tuża f’konformità mal-Artikolu 110, flimkien ma’ informazzjoni konċiża dwar il-ġustifikazzjoni tagħha mill-awtorità superviżorja kkonċernata.

L-iżvelar tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza għandu jkun akkumpanjat, fejn applikabbli, b’indikazzjoni li l-ammont finali tiegħu għadu soġġett għall-valutazzjoni superviżorja.”;

(e)jiżdiedu il-paragrafi 3 sa 8 li ġejjin:

“3. L-impriżi tal-assigurazzjoni captive ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżvelaw il-parti indirizzata lid-detenturi ta’ poloz u lill-benefiċjarji u għandhom ikunu meħtieġa jinkludu biss fil-parti indirizzata lil parteċipanti oħrajn fis-suq id-data kwantitattiva meħtieġa mill-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 56 dment li dawn l-impriżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-persuni u l-benefiċjarji assigurati kollha jkunu entitajiet legali tal-grupp li l-impriża tal-assigurazzjoni captive tkun parti minnu jew persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni ta’ dan il-grupp u n-negozju li jkopri l-persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti taħt il-poloz tal-assigurazzjoni tal-grupp jibqa’ anqas minn 5 % tal-provvedimenti tekniċi;

(b)l-obbligi tal-assigurazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni captive ma jkunux jikkonsistu f’xi assigurazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltà ta’ parti terza.

4. L-impriżi tar-riassigurazzjoni captive ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżvelaw il-parti indirizzata lid-detenturi ta’ poloz u lill-benefiċjarji. Tali impriżi għandhom ikunu meħtieġa biss li jinkludu d-data kwantitattiva meħtieġa mill-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 56, u l-parti indirizzata lil partijiet ikkonċernati oħrajn dment li dawn l-impriżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-persuni u l-benefiċjarji assigurati kollha jkunu entitajiet legali tal-grupp li l-impriża tal-assigurazzjoni captive tkun parti minnu jew persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni ta’ dan il-grupp u n-negozju li jkopri l-persuni fiżiċi eliġibbli li jkunu koperti taħt il-poloz tal-assigurazzjoni tal-grupp jibqa’ anqas minn 5 % tal-provvedimenti tekniċi; ;

(b) il-kuntratti tal-assigurazzjoni sottostanti għall-obbligi tar-riassigurazzjoni tal-impriża tar-riassigurazzjoni captive ma humiex relatati ma’ xi assigurazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltà ta’ parti terza;

(c) is-self fis-seħħ mal-kumpanija omm jew ma’ kwalunkwe kumpanija fil-grupp, inkluż ippuljar ta’ flus kontanti, ma jaqbiżx l-20 % tal-assi totali miżmumin mill-impriża tar-riassigurazzjoni captive;

(d) it-telf massimu li jirriżulta mill-provvedimenti tekniċi grossi jkun jista’ jiġi vvalutat b’mod deterministiku mingħajr l-użu ta’ metodi stokastiċi.

5. B’deroga mill-paragrafu 1, l-impriżi tar-riassigurazzjoni ma jistgħux jiżvelaw il-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja indirizzata lid-detenturi ta’ poloz u lill-benefiċjarji.

6. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1b ta’ dan l-Artikolu, l-impriżi tal-assigurazzjoni li huma kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx jistgħu jiżvelaw biss id-data kwantitattiva meħtieġa mill-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 56 fil-parti tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja li tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lil parteċipanti oħrajn fis-suq, dment li jiżvelaw rapport sħiħ li jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa f’dan l-Artikolu kull tliet snin.

7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu fuq bażi annwali jew anqas frekwenti fi żmien 18-il ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.

8. Bħala parti mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom ikunu meħtieġa jiżvelaw l-impatt tal-użu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-provvedimenti tekniċi skont l-Artikolu 77, l-istruttura ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju ddeterminata mingħajr l-applikazzjoni tat-tranżizzjonali għall-estrapolazzjoni kif imsemmi fil-punt (aa) tal-Artikolu 77e(1), minflok l-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju.

Madankollu, b’deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-rekwiżit ta’ żvelar ma għandux japplika għal valuta li għaliha japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) is-sehem ta’ flussi futuri ta’ flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’dik il-valuta meta mqabblin mal-flussi futuri kollha ta’ flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jaqbiżx il-5 %;

(ii) fir-rigward ta’ flussi futuri ta’ flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’dik il-valuta, is-sehem ta’ flussi futuri ta’ flus relatati mal-maturitajiet fejn l-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju tiġi estrapolata b’rabta mal-flussi futuri kollha ta’ flus assoċjati mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jaqbiżx l-10 %.”;

(27)jiddaħħal l-Artikolu 51a li ġej:

“Artikolu 51a
Rekwiżiti tal-awditjar

1. Għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għajr impriżi bi profil tar-riskju baxx u impriżi tal-assigurazzjoni captive u impriżi tar-riassigurazzjoni captive, il-karta tal-bilanċ żvelata bħala parti mir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja jew bħala parti mir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja għandha tkun soġġetta għal awditu.

2. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 għal impriżi tal-assigurazzjoni captive u għal impriżi tar-riassigurazzjoni captive.

3. L-awditu għandu jitwettaq minn awditur statutorju jew minn ditta tal-awditjar, f’konformità mal-istandards internazzjonali applikabbli, sakemm din id-Direttiva, jew l-atti delegati adottati skont din, ma jistabbilixxux prinċipji u rekwiżiti oħrajn għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe entrata tal-karta tal-bilanċ. L-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar, meta jwettqu dan il-kompitu, għandhom jikkonformaw mad-dmirijiet tal-awdituri stabbiliti fl-Artikolu 72.

4. Rapport separat, inkluża deskrizzjoni tan-natura, u tar-riżultati, tal-awditu, imħejji mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar għandu jiġi sottomess flimkien mar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja lill-awtorità superviżorja mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.”;

(28)l-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti (e) u (f) li ġejjin:

“(e) in-numru ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, diviż bl-impriżi bi profil tar-riskju baxx u oħrajn, bl-użu ta’ simplifikazzjonijiet jew ta’ miżuri oħrajn ta’ proporzjonalità u l-miżuri ta’ proporzjonalità użati minn kull impriża;

(f) in-numru ta’ gruppi, diviż bil-grupp ta’ profil tar-riskju baxx u oħrajn, bl-użu ta’ simplifikazzjonijiet jew ta’ miżuri oħrajn ta’ proporzjonalità u l-miżuri ta’ proporzjonalità użati minn kull grupp.”;

(b)fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f) għal kull Stat Membru, in-numru ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u n-numru ta’ gruppi, diviż bl-impriżi bi profil tar-riskju baxx u oħrajn, bl-użu ta’ simplifikazzjonijiet jew ta’ miżuri oħrajn ta’ proporzjonalità u s-simplifikazzjonijiet u miżuri oħrajn ta’ proporzjonalità użati minn kull impriża.”;

(c)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. L-EIOPA għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ rapport li jiddeskrivi l-grad ta’ konverġenza superviżorja fl-użu ta’ supplimentazzjonijiet kapitali u fl-użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità bejn l-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri differenti.”;

(29)fl-Artikolu 53, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 51(1).”;

(30)fl-Artikolu 56, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 301a, li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni huma meħtieġa jiżvelaw. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a sabiex tbiddel l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 51(7), dment li bidla tkun neċessarja minħabba emerġenzi sanitarji, katastrofijiet naturali u avvenimenti estremi oħrajn.”;

(31)fl-Artikolu 58(3), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a) jinsab jew huwa rregolat barra l-Unjoni; jew

(b)    persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont din id-Direttiva, id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, id-Direttiva 2013/36/UE, jew id-Direttiva 2014/65/UE.

________________________________________

* Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).”;

(32)fil-punt (a) tal-Artikolu 60(1), il-kliem “il-punt 2 tal-Artikolu 1a tad-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “il-punt (b) tal-Artikolu 2(1), tad-Direttiva 2009/65/KE”;

(33)fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Meta l-influwenza eżerċitata mill-persuni msemmijin fl-Artikolu 57 x’aktarx li taħdem kontra l-ġestjoni tajba u prudenti ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ dik l-impriża li fiha tinżamm, titfittex jew tiżdied il-parteċipazzjoni kwalifikanti, biex tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm dik is-sitwazzjoni.”;

(34)fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 63, il-kliem “id-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2014/65/UE”;

(35)fl-Artikolu 72(1), il-kliem “l-Artikolu 51 tad-Direttiva 78/660/KEE, l-Artikolu 37 tad-Direttiva 83/349/KEE jew l-Artikolu 31 tad-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “l-Artikolu 34 jew 35 tad-Direttiva 2013/34/UE jew l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE”;

(36)fl-Artikolu 77, jiżdiedu l-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

“6.Meta l-kuntratti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinkludu opzjonijiet u garanziji finanzjarji, il-metodi użati għall-kalkolu tal-aħjar stima għandhom jirriflettu b’mod xieraq li l-valur preżenti tal-flussi ta’ flus li jirriżultaw minn dawk il-kuntratti jista’ jiddependi kemm fuq l-eżitu mistenni ta’ avvenimenti u ta’ żviluppi futuri kif ukoll fuq devjazzjonijiet potenzjali tal-eżitu attwali mill-eżitu mistenni f’ċerti xenarji. 

7.Minkejja l-paragrafu 6, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx jistgħu jużaw valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja b’opzjonijiet u b’garanziji li ma jitqisux materjali.”;

(37)l-Artikolu 77a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 77a
Estrapolazzjoni tal-istruttura ta’ terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti

1. Id-determinazzjoni tal-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju msemmija fl-Artikolu 77(2) għandha tagħmel użu mill-informazzjoni miksuba minn strumenti finanzjarji rilevanti u tkun konsistenti magħha. Dik id-determinazzjoni għandha tikkunsidra l-istrumenti finanzjarji rilevanti ta’ dawk il-maturitajiet meta s-swieq għal dawk l-istrumenti finanzjarji jkunu profondi, likwidi u trasparenti. L-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandha tiġi estrapolata għal maturitajiet itwal mill-ewwel punt ta’ livellar. L-ewwel punt ta’ livellar għal valuta għandu jkun l-itwal maturità li għaliha jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) is-swieq għall-istrumenti finanzjarji ta’ dik il-maturità jkunu profondi, likwidi u trasparenti;

(b) il-perċentwal ta’ bonds pendenti ta’ din il-maturità jew ta’ maturità itwal fost il-bonds pendenti kollha denominati f’din il-valuta jkun għoli biżżejjed.

Il-parti estrapolata tal-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandha tkun ibbażata fuq rati forward li jikkonverġu gradwalment minn rata tal-imgħax waħda jew minn sett ta’ rati tal-imgħax fir-rigward tal-itwal maturitajiet li għalihom il-bonds jistgħu jiġu osservati f’suq profond, likwidu u trasparenti sa rata forward aħħarija.

Il-parti estrapolata tar-rati tal-imgħax rilevanti mingħajr riskju għandha tqis l-informazzjoni minn strumenti finanzjarji għajr bonds għall-maturitajiet meta tiġi estrapolata l-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju u meta s-swieq għal dawk l-istrumenti finanzjarji jkunu profondi, likwidi u trasparenti.

2. Għall-fini tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, kwalunkwe parametru li jiddetermina l-veloċità tal-konverġenza tar-rati forward lejn ir-rata forward aħħarija tal-estrapolazzjoni jista’ jintgħażel b’tali mod li fi [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni] l-istruttura ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju tkun simili biżżejjed għall-istruttura ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju f’dik id-data ddeterminata f’konformità mar-regoli għall-estrapolazzjoni applikabbli fi [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = jum qabel id-data tal-applikazzjoni]. Dawk il-parametri tal-estrapolazzjoni għandhom jitnaqqsu b’mod lineari fil-bidu ta’ kull sena kalendarja, matul perjodu tranżitorju. Il-parametri finali tal-estrapolazzjoni għandhom jiġu applikati mill-1 ta’ Jannar 2032.

Il-mekkaniżmu tranżizzjonali stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaffettwa d-determinazzjoni tal-profondità, tal-likwidità u tat-trasparenza tas-swieq finanzjarji u tal-ewwel punt ta’ livellar imsemmi fil-paragrafu 1.”;

(38)l-Artikolu 77d huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tista’ tapplika aġġustament tal-volatilità għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju sabiex tikkalkola l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2) soġġetta għal approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-aġġustament tal-volatilità għal valuta partikolari jiġi applikat fil-kalkolu tal-aħjar stima tal-obbligi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-impriża denominati f’dik il-valuta fejn l-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju użata sabiex tiġi kkalkolata l-aħjar stima għal dawk l-obbligi ma tinkludix aġġustament ta’ korrispondenza kif imsemmi fl-Artikolu 77b;

(b) l-impriża turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li għandha proċessi adegwati fis-seħħ sabiex tikkalkola l-aġġustament tal-volatilità skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 1a u 1b li ġejjin:

“1a. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li applikaw aġġustament tal-volatilità għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju sabiex jikkalkolaw l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2) qabel [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = sena qabel id-data tal-applikazzjoni] jistgħu, mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja, ikomplu japplikaw aġġustament tal-volatilità dment li jikkonformaw mal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni].

1b. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tieqaf tapplika aġġustament tal-volatilità għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju sabiex jikkalkolaw l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2) meta l-impriża ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta impriża tirrestawra l-konformità mal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ titlob approvazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet superviżorji sabiex japplikaw aġġustament tal-volatilità għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju sabiex jikkalkolaw l-aħjar stima skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)il-paragrafi 2 sa 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2. Għal kull valuta rilevanti, l-aġġustament tal-volatilità għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandu jkun ibbażat fuq il-firxa bejn ir-rata tal-imgħax li tista’ tinkiseb minn portafoll ta’ referenza ta’ investimenti fi strumenti tad-dejn għal dik il-valuta u r-rati tal-istruttura rilevanti bażika ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għal dik il-valuta.

Il-portafoll ta’ referenza ta’ investimenti fi strumenti ta’ dejn għal valuta għandu jkun rappreżentattiv għall-assi li huma denominati f’dik il-valuta u li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni huma investiti fihom sabiex ikopru l-aħjar stima għall-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni denominati f’dik il-valuta.

3. L-ammont tal-aġġustament tal-volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju għal valuta għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Fejn:

(a) VAcu hija l-aġġustament tal-volatilità għal valuta cu;

(b) CSSRcu hija l-proporzjon tas-sensittività tal-firxa tal-kreditu ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-valuta cu;

(c) RCScu hija l-firxa kkoreġuta għar-riskju għall-valuta cu.

Is-CSSRcu ma għandhiex tkun negattiva u ma għandhiex tkun ogħla minn wieħed. Hija għandha tieħu valuri anqas minn wieħed fejn is-sensittività tal-assi ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’valuta għall-bidliet fil-firxiet tal-kreditu tkun anqas mis-sensittività tal-provvedimenti tekniċi ta’ dik l-impriża f’dik il-valuta għal bidliet fir-rati tal-imgħax.

RSCcu għandha tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn il-firxa msemmija fil-paragrafu 2 u l-porzjon ta’ dik il-firxa li hija attribwibbli għal valutazzjoni realistika tat-telf mistenni jew tal-kreditu mhux mistenni jew ta’ riskju ieħor tal-assi.

VAcu għandha tapplika għar-rati tal-imgħax rilevanti mingħajr riskju tal-istruttura ta’ terminu li ma humiex derivati permezz ta’ estrapolazzjoni f’konformità mal-Artikolu 77a. Meta l-parti estrapolata tar-rati tal-imgħax rilevanti mingħajr riskju tqis l-informazzjoni minn strumenti finanzjarji għajr bonds skont l-Artikolu 77a(1), VAcu għandha tapplika wkoll għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju derivati minn dawk l-istrumenti finanzjarji. L-estrapolazzjoni tal-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandha tkun ibbażata fuq dawn ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju aġġustati.

4. Għall-euro, l-aġġustament tal-volatilità għandu jiżdied b’aġġustament tal-volatilità makro. L-aġġustament tal-volatilità makro għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Fejn:

(a)VAEuro,macro hija l-aġġustament tal-volatilità makro għal pajjiż co;

(b) CSSREuro hija l-proporzjon tas-sensittività tal-firxa tal-kreditu ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-euro;

(c) RCSco hija l-firxa kkoreġuta għar-riskju għall-pajjiż co;

(d) RCSEuro hija l-firxa kkoreġuta għar-riskju għall-euro;

(e) wco hija l-fattur ta’ aġġustament tal-pajjiż għall-pajjiż co.

CSSREuro għandha tiġi kkalkolata bħala l-proporzjon tas-sensittività tal-firxa ta’ kreditu ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-euro f’konformità mal-paragrafu 3.

RCSco għandha tiġi kkalkolata bl-istess mod bħall-firxa kkoreġuta għar-riskju għall-euro skont il-paragrafu 3, iżda fuq il-bażi ta’ portafoll ta’ referenza li huwa rappreżentattiv għall-assi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni qed jinvestu fihom sabiex ikopru l-aħjar stima għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ prodotti mibjugħin fis-suq tal-assigurazzjoni ta’ dak il-pajjiż u denominati f’euro.

RSCEuro hija kkalkolata bħala l-firxa kkoreġuta għar-riskju għall-euro f’konformità mal-paragrafu 3.

Il-fattur ta’ aġġustament tal-pajjiż imsemmi fil-punt (e) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Fejn RSCco* hija l-firxa kkoreġuta għar-riskju għall-pajjiż co kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, immoltiplikata bil-perċentwal ta’ investimenti fi strumenti ta’ dejn fir-rigward tal-assi totali miżmumin mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni awtorizzati fil-pajjiż co.”;

(39)l-Artikolu 77e huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) għall-finijiet tal-iżvelar skont l-Artikolu 51(8), struttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju mingħajr kwalunkwe aġġustament ta’ korrispondenza jew aġġustament tal-volatilità u ddeterminata mingħajr l-applikazzjoni tat-tranżizzjoni għall-estrapolazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;”;

(ii)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) għal kull valuta rilevanti u suq nazzjonali tal-assigurazzjoni, firxa kkoreġuta għar-riskju msemmija fl-Artikolu 77d(3) u (4) rispettivament;”;

(iii)jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) għal kull Stat Membru rilevanti, il-perċentwal ta’ investimenti fi strumenti ta’ dejn relatati mal-assi totali miżmumin minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni awtorizzati fil-pajjiż kif imsemmi fl-Artikolu 77d(4).”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. L-EIOPA għandha tistabbilixxi u tippubblika, tal-anqas fuq bażi annwali, għal kull valuta rilevanti u għal kull maturità meta s-swieq għall-istrumenti finanzjarji jew għall-bonds rilevanti ta’ dik il-maturità jkunu profondi, likwidi u trasparenti, il-perċentwal ta’ bonds b’dik il-maturità jew b’maturità itwal minn fost il-bonds kollha denominati f’dik il-valuta kif imsemmi fl-Artikolu 77a(1);”;

(c)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u tal-fondi proprji bażiċi, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu, għal kull valuta rilevanti, l-informazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ewwel punt ta’ livellar skont l-Artikolu 77a(1). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jagħmlu użu mill-informazzjoni ppubblikata mill-EIOPA skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(d)fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rigward ta’ valuti meta l-firxa kkoreġuta għar-riskju msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma tkunx stabbilita fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2, ma għandu jiġi applikat l-ebda aġġustament tal-volatilità għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju sabiex tiġi kkalkolata l-aħjar stima. Fir-rigward tal-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro u fejn il-firxa kkoreġuta għar-riskju msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, u l-perċentwal imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ma jkunux stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 2, ma għandu jiżdied l-ebda aġġustament tal-volatilità mal-aġġustament tal-volatilità.”;

(e)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-ewwel punt ta’ livellar għal valuta stabbilita f’att ta’ implimentazzjoni ma għandux jiġi mmodifikat, sakemm valutazzjoni tal-perċentwali ta’ bonds b’maturità akbar minn jew ugwali għal maturità partikolari fost il-bonds kollha denominati f’dik il-valuta ma tindikax l-ewwel punt ta’ livellar differenti skont l-Artikolu 77a(1) u l-perċentwal stabbilit fl-atti delegati msemmijin fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 86(1) għal tal-anqas sentejn konsekuttivi.”;

(40)l-Artikolu 86 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)jiddaħħal il-punt (aa) li ġej:

“(aa) il-valwazzjoni deterministika prudenti msemmija fl-Artikolu 77(7) kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tintuża dik il-valwazzjoni sabiex tiġi vvalutata l-aħjar stima tal-provvedimenti tekniċi b’opzjonijiet u b’garanziji.”;

(ii)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) il-metodoloġiji, il-prinċipji u t-tekniki għad-determinazzjoni tal-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2), b’mod partikolari:

(i) il-formula għall-estrapolazzjoni msemmija fl-Artikolu 77a(1), inklużi l-parametri li jiddeterminaw il-veloċità ta’ konverġenza tal-estrapolazzjoni;

(ii) il-metodu għad-determinazzjoni tal-profondità, tal-likwidità u tat-trasparenza tas-swieq tal-bonds imsemmijin fl-Artikolu 77a(1);

(iii) il-perċentwal li taħtu s-sehem ta’ bonds b’maturitajiet itwal minn jew ugwali għal maturità partikolari fost il-bonds kollha għandu jitqies bħala baxx għall-finijiet tal-Artikolu 77a(1);”;

(iii)il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i) metodi u suppożizzjonijiet għall-kalkolu tal-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, inklużi dawn li ġejjin:

(i) formula għall-kalkolu tal-firxa msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu;

(ii) formula għall-kalkolu tal-proporzjon ta’ sensittività tal-firxa tal-kreditu msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dak l-Artikolu;

(iii) għal kull klassi ta’ assi rilevanti, il-perċentwal tal-firxa li tirrappreżenta l-porzjon attribwibbli għal valutazzjoni realistika tat-telf mistenni jew għal kreditu mhux mistenni jew għal riskji oħrajn tal-assi kif imsemmijin fl-Artikolu 77d(3);

(iv) il-mekkaniżmu tranżitorju kif imsemmi fl-Artikolu 77a(2);”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jistabbilixxu l-kriterji għall-assi li għandhom ikunu eliġibbli sabiex jiġu inklużi fil-portafoll tal-assi msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 77b(1).”;

(c)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 77(7), l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw is-sett ta’ xenarji li għandhom jintużaw għall-valwazzjoni deterministika prudenti tal-aħjar stima għall-obbligi tal-ħajja msemmijin f’dak il-paragrafu.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(41)l-Artikolu 92 jiġi emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.    Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw it-trattament tal-parteċipazzjonijiet, skont it-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 212(2), f’istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-fondi proprji, inklużi approċċi għat-tnaqqis mill-fondi proprji bażiċi ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ parteċipazzjonijiet materjali f’istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji.

Minkejja t-tnaqqis tal-parteċipazzjonijiet mill-fondi proprji eliġibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kif speċifikat fl-att delegat adottat skont l-ewwel subparagrafu, għall-fini tad-determinazzjoni tal-fondi proprji bażiċi kif imsemmi fl-Artikolu 88, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jippermettu lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tnaqqasx il-valur tal-parteċipazzjoni tagħha f’istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)    l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun f’waħda miċ-ċirkostanzi deskritti fil-punt (i) jew (ii) ta’ dan il-punt:

(i)l-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja u l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jappartjenu għall-istess grupp, kif iddefinit fl-Artikolu 212, li għalih tapplika s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 213(2), u l-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja relatata ma tkunx soġġetta għat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 228(6);

(ii)l-awtoritajiet superviżorji jirrikjedu jew jippermettu lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni japplikaw metodi tekniċi ta’ kalkolu f’konformità mal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2002/87/KE, u l-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja tkun inkluża fl-istess superviżjoni supplimentari skont dik id-Direttiva bħall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(b)    l-awtoritajiet superviżorji jkunu sodisfatti fir-rigward tal-livell ta’ ġestjoni integrata, ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern fir-rigward tal-impriżi fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp imsemmija fil-punt (a)(i) ta’ dan is-subparagrafu jew fl-ambitu tas-superviżjoni supplimentari msemmija fil-punt (a)(ii) ta’ dan is-subparagrafu;

(c)    il-parteċipazzjoni relatata fl-istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja tkun investiment fl-ekwità ta’ natura strateġika kif speċifikat fl-att delegat adottat skont il-punt (m) tal-Artikolu 111(1).”;

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.Parteċipazzjonijiet f’istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu kif imsemmija fil-paragrafu 1a għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) parteċipazzjonijiet li impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom f’dawn:

(i) istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji skont it-tifsira tal-punti (1) u (26) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii) ditti ta’ investiment skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b) strumenti tal-Grad 1 addizzjonali msemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u strumenti tal-Grad 2 imsemmijin fl-Artikolu 63 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll strumenti tal-Grad 1 u tal-Grad 2 Addizzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 2019/2033, li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkollhom fir-rigward tal-entitajiet imsemmijin fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu li fihom ikollhom parteċipazzjoni.”;

(42)fl-Artikolu 95, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dak l-għan, u fejn applikabbli, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirreferu għal-lista ta’ fondi proprji msemmija fl-Artikolu 97(1).”;

(43)fl-Artikolu 96, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 95 u għall-Artikolu 97(1) għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu applikati l-klassifikazzjonijiet li ġejjin:

(1) fondi minn surplus skont l-Artikolu 91(2) għandhom jiġu kklassifikati fil-Livell 1;

(2) ittri ta’ kreditu u garanziji li huma miżmumin fi trust għall-benefiċċju ta’ kredituri tal-assigurazzjoni minn trustee indipendenti u pprovduti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jiġu kklassifikati fil-Livell 2;

(3) kwalunkwe klejm futura li jista’ jkollhom kontra l-membri tagħhom l-assoċjazzjonijiet mutwi jew tat-tip mutwu tas-sidien tal-vapuri b’kontribuzzjonijiet varjabbli li jassiguraw biss ir-riskji elenkati fil-klassijiet 6, 12 u 17 fil-Parti A tal-Anness I permezz ta’ sejħa għal kontribuzzjonijiet supplementari, fit-12-il xahar li jsegwu, għandha tiġi kklassifikata fil-Livell 2.”;

(44)fl-Artikolu 106, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.L-aġġustament simetriku li jsir għall-imposta tal-kapital ta’ ekwità standard li jkopri r-riskju li jirriżulta minn bidliet fil-livell tal-prezzijiet tal-ekwità ma għandux jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ imposta tal-kapital ta’ ekwità li tkun aktar minn 17-il punt perċentwali aktar baxxa jew ogħla mill-imposta tal-kapital ta’ ekwità standard.”;

(45)l-Artikolu 109 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 109
Simplifikazzjonijiet fil-formula standard

1. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu jużaw kalkolu ssimplifikat għal sottomodulu speċifiku jew għal modulu tar-riskju meta n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji li jiffaċċjaw jiġġustifikawh u meta jkun sproporzjonat li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa japplikaw il-kalkolu standardizzat.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, kalkoli simplifikati għandhom jiġu kkalibrati f’konformità mal-Artikolu 101(3).

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 102(1), meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tikkalkola r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u modulu jew submodulu tar-riskju ma jirrappreżentax sehem ta’ aktar minn 5 % tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 103, l-impriża tista’ tuża kalkolu simplifikat għal dak il-modulu jew is-submodulu tar-riskju matul perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara dak il-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, is-somma fuq l-ishma, relattiva għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku, ta’ kull modulu jew submodulu tar-riskju fejn jiġu applikati l-kalkoli simplifikati skont il-paragrafu 2 ma għandhiex taqbeż l-10 %.

Is-sehem ta’ modulu jew ta’ submodulu tar-riskju relattiv għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun dak is-sehem kif ikkalkolat l-aħħar darba meta l-modulu jew is-submodulu tar-riskju jkun ġie kkalkolat mingħajr kalkolu simplifikat skont il-paragrafu 2.”;

(46)l-Artikolu 111(1) huwa emendat kif ġej:

(a)il-punti (l) u (m) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(l) il-kalkoli simplifikati previsti għal moduli u għal submoduli speċifiċi tar-riskju msemmijin fl-Artikolu 109(1) u għal moduli u għal submoduli tar-riskju immaterjali msemmijin fl-Artikolu 109(2), kif ukoll il-kriterji li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, inklużi l-impriżi tal-assigurazzjoni captive u l-impriżi tar-riassigurazzjoni captive, għandhom ikunu meħtieġa jissodisfaw sabiex ikunu intitolati jużaw is-simplifikazzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 109(1);

(m) l-approċċ li għandu jintuża fir-rigward ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 13(21) fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, b’mod partikolari l-kalkolu tas-submodulu tar-riskju ta’ ekwità msemmi fl-Artikolu 105(5), filwaqt li jitqies it-tnaqqis probabbli fil-volatilità tal-valur ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet kwalifikanti li jirriżulta min-natura strateġika ta’ dawk l-investimenti u mill-influwenza eżerċitata mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fuq dawk id-destinatarja ta’ investiment;”;

(b)jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, il-metodi u l-aġġustamenti li għandhom jintużaw sabiex jirriflettu l-ambitu mnaqqas għad-diversifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni relatati ma’ fondi delimitati ma għandhomx japplikaw għall-portafolli tal-assi li ma humiex fondi delimitati u li huma assenjati sabiex ikopru l-aħjar stima korrispondenti tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 77b(1).”;

(47)fl-Artikolu 112, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7. Wara li jkunu rċevew approvazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jużaw mudell intern, u kull darba li jirrapportaw ir-riżultat ta’ kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont l-Artikolu 102(1), l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet superviżorji bi stima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ddeterminata f’konformità mal-formula standard, kif stabbilit fis-Subtaqsima 2.”;

(48)fl-Artikolu 122, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 77d fil-mudell intern tagħhom, biss meta:

(a) il-metodu li għandu jqis l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità għall-euro ma jikkunsidrax żieda possibbli tal-aġġustament tal-volatilità b’aġġustament tal-volatilità makro skont l-Artikolu 77d(4);

(b) ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ma jkunx anqas minn kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza nozzjonali kkalkolat bħala r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ħlief li l-effett tal-movimenti tal-firxiet tal-kreditu fuq l-aġġustament tal-volatilità jitqies f’konformità mal-metodoloġija użata mill-EIOPA għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni teknika skont il-punt (c) tal-Artikolu 77e(1);

(ii) Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza nozzjonali kkalkolat f’konformità mal-punt (i), ħlief li l-portafoll rappreżentattiv għal valuta msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 77d(2) jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-assi li fihom l-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tkun qed tinvesti minflok l-assi tal-impriżi kollha tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni b’obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni denominati f’dik il-valuta.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, id-determinazzjoni tal-portafoll rappreżentattiv għal valuta partikolari għandha tkun ibbażata fuq l-assi tal-impriża denominati f’dik il-valuta u użati sabiex ikopru l-aħjar stima għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni denominati f’dik il-valuta.”;

(49)l-Artikolu 132 jiġi emendat kif ġej:

(a)fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, il-kliem “id-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2009/65/KE”;

(b)jiżdiedu l-paragrafi 5, 6 u 7 li ġejjin:

“5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jqisu l-iżviluppi possibbli tas-swieq makroekonomiċi u finanzjarji u, fuq talba tal-awtorità superviżorja, it-tħassib makroprudenzjali meta jiddeċiedu dwar l-istrateġija ta’ investiment tagħhom.

6. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jivvalutaw sa liema punt l-istrateġija ta’ investiment tagħhom tista’ taffettwa l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-swieq finanzjarji u jkollha l-potenzjal li tbiddel f’sorsi ta’ riskju sistemiku, u jinkorporaw tali kunsiderazzjonijiet bħala parti mid-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom.

7. Għall-finijiet tal-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, l-iżviluppi makroekonomiċi u t-tħassib makroprudenzjali għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 45.”;

(50)fl-Artikolu 133(3), il-kliem “id-Direttiva 85/611/KEE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2009/65/KE”;

(51)l-Artikolu 138(4) huwa emendat kif ġej:

(a)l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fil-każ ta’ sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali li jaffettwaw l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mis-suq jew mil-linji operatorji affettwati, kif iddikjarat mill-EIOPA, l-awtorità superviżorja tista’ testendi, għall-impriżi affettwati, il-perjodu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 b’perjodu massimu ta’ seba’ snin b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha inkluża d-durata medja tal-provvedimenti tekniċi.”;

(b)fit-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’din li ġejja:

“Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-EIOPA skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-EIOPA, wara talba mill-awtorità superviżorja kkonċernata u, fejn xieraq, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tiddikjara l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet avversi eċċezzjonali.”;

(52)l-Artikolu 139 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 139
Nuqqas ta’ Konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu

1. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinformaw lill-awtorità superviżorja immedjatament meta jaraw li r-Rekwiżit Kapitali Minimu ma jkunx għadu qed jitħares, jew meta jkun hemm riskju ta’ nuqqas ta’ konformità fit-tliet xhur sussegwenti.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ir-rekwiżit li l-awtorità superviżorja tiġi informata għandu japplika irrispettivament minn jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tosservax in-nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità matul kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali Minimu skont l-Artikolu 129(4) jew matul kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali Minimu bejn żewġ dati meta tali kalkolu jiġi rrapportat lill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 129(4).

2. Fi żmien xahar mill-osservazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew mill-osservazzjoni tar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità, l-impriża kkonċernata tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tissottometti, għall-approvazzjoni tal-awtorità superviżorja, skema finanzjarja għal perjodu qasir sabiex tirkupra, fi żmien tliet xhur minn din l-osservazzjoni, il-fondi bażiċi proprji eliġibbli, tal-anqas sal-livell tar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew sabiex tnaqqas il-profil tar-riskju tagħha bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu.

3. Jekk proċedura ta’ stralċ ma tinfetaħx fi żmien xahrejn mill-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tikkunsidra li tillimita jew tipprojbixxi d-disponiment liberu tal-assi tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti b’dan. Fuq it-talba tal-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju, dawk l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-istess miżuri. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tagħżel l-assi li għandhom ikunu koperti b’tali miżuri.

4. L-EIOPA tista’ tiżviluppa linji gwida għall-azzjonijiet li jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jieħdu meta josservaw nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali Minimu jew mar-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1.”;

(53)fl-Artikolu 144, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Fil-każ ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkomplu jkunu soġġetti għar-regoli u għall-objettivi ġenerali tas-superviżjoni tal-assigurazzjoni stabbiliti fil-Kapitolu III tat-Titolu I, sakemm jinfetaħ kwalunkwe proċediment ta’ stralċ.”;

(54)fit-Titolu I, jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

KAPITOLU VIIA 
Għodod makroprudenzjali

Artikolu 144a
Ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 44(2) tiżgura li l-impriżi jżommu likwidità adegwata sabiex isaldaw l-obbligu finanzjarju tagħhom fir-rigward tad-detenturi ta’ poloz u ta’ kontropartijiet oħrajn meta jsiru dovuti, anke taħt kundizzjonijiet ta’ stress.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jfasslu u jżommu pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jipproġetta l-flussi ta’ flus li jidħlu u li joħorġu fir-rigward tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżviluppaw sett ta’ indikaturi tar-riskju tal-likwidità sabiex jidentifikaw, jimmonitorjaw u jindirizzaw l-istress tal-likwidità potenzjal.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji l-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità bħala parti mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1).

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma kklassifikati bħala impriżi bi profil tar-riskju baxx skont l-Artikolu 29c u l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu kisbu approvazzjoni minn qabel mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 29d ma jkunux obbligati jfasslu pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5. L-Istati Membri għand hom jiżguraw li, meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni japplikaw l-aġġustament ta’ korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b jew l-aġġustament tal-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, huma jkunu jistgħu jikkombinaw il-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu mal-pjan meħtieġ f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 44(2).

6. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-kontenut u l-frekwenza tal-aġġornament tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [OP jekk jogħġbok żid id-data = 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 144b 
Setgħat superviżorji sabiex jirrimedjaw il-vulnerabbiltajiet tal-likwidità f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1. Bħala parti mir-rieżami superviżorju regolari, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jimmonitorjaw il-pożizzjoni tal-likwidità tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Meta jidentifikaw riskji materjali ta’ likwidità, huma għandhom jinformaw lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata dwar din il-valutazzjoni. L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tispjega kif ikun biħsiebha tindirizza dawk ir-riskji ta’ likwidità.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex jirrikjedu lill-impriżi jsaħħu l-pożizzjoni tal-likwidità tagħhom meta jiġu identifikati riskji jew nuqqasijiet ta’ likwidità. Tali setgħat għandhom jiġu applikati meta jkun hemm biżżejjed evidenza dwar l-eżistenza ta’ vulnerabbiltajiet tar-riskju tal-likwidità u n-nuqqas ta’ rimedji effettivi meħudin mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

Il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet superviżorji fuq il-bażi ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu rieżaminati tal-anqas darba fis-sena mill-awtorità superviżorja u jitneħħew meta l-impriża tkun ħadet rimedji effettivi.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jissospendu temporanjament id-drittijiet tat-tifdija tad-detenturi ta’ poloz fuq poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja ta’ impriżi li jkunu qed jiffaċċjaw riskji sinifikanti ta’ likwidità li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Tali setgħa għandha tiġi eżerċitata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħala miżura tal-aħħar istanza. Qabel ma teżerċita t-tali setgħa, l-awtorità superviżorja għandha tqis l-effetti potenzjali mhux intenzjonati fuq is-swieq finanzjarji u fuq id-drittijiet tad-detenturi ta’ poloz, inkluż f’kuntest transfruntier.

L-applikazzjoni tal-miżura msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ddum tliet xhur. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżura tkun tista’ tiġġedded jekk ir-raġunijiet sottostanti li jiġġustifikawha jkunu għadhom preżenti u ma tibqax tiġi applikata meta dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux preżenti.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 144c(6), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kkonċernati ma jagħmlux distribuzzjonijiet lill-azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn, u ma jħallsux bonusijiet jew remunerazzjoni varjabbli oħra sakemm is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ tifdija titneħħa mill-awtoritajiet superviżorji.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet b’mandat makroprudenzjali, fejn differenti mill-awtoritajiet superviżorji, ikunu informati kif xieraq dwar l-intenzjoni tal-awtorità superviżorja li tagħmel użu mis-setgħa msemmija f’dan il-paragrafu, u jkunu involuti kif xieraq fil-valutazzjoni tal-effetti potenzjali mhux intenzjonati msemmijin fit-tieni subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jinnotifikaw lill-EIOPA u lill-BERS kull meta tiġi eżerċitata s-setgħa msemmija fil-paragrafu 3 sabiex jiġi indirizzat riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

4. Is-setgħa msemmija fil-paragrafu 3 tista’ tiġi eżerċitata fir-rigward tal-impriżi kollha li joperaw f’dak l-Istat Membru fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmijin fil-paragrafu 3 jaffettwaw il-parti sħiħa jew parti sinifikanti tas-suq tal-assigurazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità sabiex teżerċita s-setgħa msemmija f’dan il-paragrafu.

Meta l-awtorità maħtura tkun differenti mill-awtorità superviżorja, l-Istat Membru għandu jiżgura koordinazzjoni u skambju xierqa ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet għandhom ikunu meħtieġa jikkooperaw mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni kollha li tista’ tkun neċessarja għat-twettiq b’mod adegwat tad-dmirijiet fdati lill-awtorità maħtura skont dan il-paragrafu.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 tinnotifika lill-EIOPA u, fejn tittieħed il-miżura sabiex jiġi indirizzat riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, lill-BERS dwar l-użu tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 4.

In-notifika għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżura applikata, id-durata tagħha, u deskrizzjoni tar-raġunijiet u tar-riskji li jkunu mmotivaw l-użu tas-setgħa, inklużi r-raġunijiet għaliex tqieset effettiva u proporzjonata fir-rigward tal-effetti negattivi tagħha fuq id-detenturi ta’ poloz.

6. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tiżviluppa linji gwida sabiex:

(a) tipprovdi gwida ulterjuri dwar miżuri sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità u dwar il-forma, l-attivazzjoni u l-kalibrazzjoni tas-setgħat li l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jeżerċitaw sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-likwidità tal-impriżi meta jiġu identifikati r-riskji tal-likwidità u ma jkunux rimedjati b’mod adegwat minn dawn l-impriżi;

(b) tispeċifika l-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li jistgħu jiġġustifikaw is-sospensjoni temporanja tad-drittijiet ta’ tifdija;

(c) tispeċifika l-kundizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tas-sospensjoni temporanja tad-drittijiet ta’ tifdija madwar l-Unjoni u l-aspetti li għandhom jitqiesu għall-protezzjoni ugwali u adegwata tad-detenturi ta’ poloz fil-ġurisdizzjonijiet kollha ta’ domiċilju u ospitanti.

Artikolu 144c 
Miżuri superviżorji sabiex tiġi ppreservata l-pożizzjoni finanzjarja tal-impriżi matul xokkijiet eċċezzjonali fis-suq kollu

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 141, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jieħdu miżuri sabiex jippreservaw il-pożizzjoni finanzjarja ta’ impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni matul perjodi ta’ xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu li għandhom il-potenzjal li jheddu l-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża kkonċernata jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

2. Matul perjodi ta’ xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi bi profil tar-riskju partikolarment vulnerabbli sabiex jieħdu tal-anqas il-miżuri li ġejjin:

(a) jirrestrinġu jew jissospendu d-distribuzzjonijiet tad-dividendi lill-azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn;

(b) jirrestrinġu jew jissospendu pagamenti oħrajn lill-azzjonisti u lil kredituri subordinati oħrajn;

(c) jirrestrinġu jew jissospendu x-xiri lura ta’ ishma u r-ripagament jew it-tifdija ta’ entrati ta’ fondi proprji;

(d) ir-restrizzjoni jew is-sospensjoni tal-bonusijiet jew ta’ remunerazzjoni varjabbli oħra.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti li jkollhom mandat makroprudenzjali jiġu informati kif xieraq dwar l-intenzjoni tal-awtorità superviżorja nazzjonali li tagħmel użu minn dan l-Artikolu, u li jkunu involuti kif xieraq fil-valutazzjoni ta’ xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

3. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tqis kif xieraq il-kriterji ta’ proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 29(3), u l-eżistenza ta’ kwalunkwe limitu ta’ tolleranza tar-riskju maqbul b’mod preventiv ta’ limiti stabbiliti għall-ippjanar intern tal-kapital.

4. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tqis l-evidenza li tirriżulta mill-proċess superviżorju u minn valutazzjoni li tħares ’il quddiem tal-pożizzjoni tas-solvenza u finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, f’konformità mal-valutazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(1).

5. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 2 għandha ddum sakemm ikunu preżenti r-raġunijiet sottostanti li jiġġustifikaw il-miżura. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati kull tliet xhur u għandhom jitneħħew malli jintemmu l-kundizzjonijiet sottostanti li jkunu mmotivaw il-miżuri.

6. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti msemmijin fl-Artikolu 245(2) li jinkludu distribuzzjonijiet tad-dividendi intragrupp, għandhom jiġu sospiżi jew ristretti biss meta jkunu ta’ theddida għall-pożizzjoni tas-solvenza jew tal-likwidità tal-grupp jew ta’ waħda mill-impriżi fi ħdan il-grupp. L-awtorità superviżorja ta’ impriża relatata għandha tikkonsulta lis-superviżur tal-grupp qabel ma tissospendi jew tirrestrinġi t-tranżazzjonijiet mal-bqija tal-grupp.

7. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet konsistenti ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tiżviluppa standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-eżistenza ta’ xokkijiet eċċezzjonali fis-settur kollu.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [OP jekk jogħġbok żid id-data = 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(55)fl-Artikolu 145, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) l-isem ta’ persuna li jkollha setgħat suffiċjenti sabiex torbot, fir-rigward ta’ partijiet terzi, lill-impriża tal-assigurazzjoni;”;

(b)jitħassar it-tieni subparagrafu;

(56)l-Artikolu 149 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 149
Tibdil fin-natura tar-riskji jew tal-impenji

1 Il-proċedura prevista fl-Artikoli 147 u 148 għandha tapplika għal kwalunkwe bidla li impriża tal-assigurazzjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 147.

2. Fejn ikun hemm bidla fin-negozju mwettaq mill-impriża tal-assigurazzjoni taħt il-libertà li tipprovdi servizzi li taffettwa materjalment il-profil tar-riskju tagħha jew li tinfluwenza materjalment l-attivitajiet tal-assigurazzjoni fi Stat Membru ospitanti wieħed jew aktar, l-impriża tal-assigurazzjoni għandha tinforma minnufih lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati mingħajr dewmien.”;

(57)fl-Artikolu 152a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika lill-EIOPA u lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti rilevanti jekk tidentifika kondizzjonijiet finanzjarji li qed jiddeterjoraw jew riskji emerġenti oħrajn, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi, miġjubin minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li twettaq attivitajiet li jkunu bbażati fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment u li jista’ jkollhom effett transfruntier. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tista’ wkoll tinnotifika lill-EIOPA u lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju rilevanti fejn ikollha tħassib serju u motivat fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-assistenza tagħha meta ma tkun tista’ tinstab l-ebda soluzzjoni bilaterali.”;

(58)fl-Artikolu 152b jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5. Meta żewġ awtoritajiet rilevanti jew aktar ta’ pjattaforma ta’ kollaborazzjoni ma jaqblux dwar il-proċedura jew il-kontenut ta’ azzjoni li għandha tittieħed, jew nuqqas ta’ azzjoni, fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, l-EIOPA, fuq talba ta’ kwalunkwe awtorità rilevanti jew fuq inizjattiva tagħha stess, tista’ tgħin lill-awtoritajiet jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

6. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-pjattaforma u fejn ikun hemm tħassib serju dwar l-effetti negattivi fuq id-detenturi ta’ poloz jew dwar il-kontenut ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, l-EIOPA tista’ tiddeċiedi, fuq inizjattiva tagħha stess, li tibda u tikkoordina spezzjonijiet fuq il-post. Hija għandha tistieden lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju kif ukoll lil awtoritajiet superviżorji rilevanti oħrajn tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni sabiex jipparteċipaw f’dawk l-ispezzjonijiet fuq il-post.”;

(59)l-Artikolu 153 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 153
Perjodu ta’ żmien u l-lingwa tat-talbiet għal informazzjoni

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tista’ titlob l-informazzjoni li hija intitolata titlob fir-rigward tan-negozju ta’ impriża tal-assigurazzjoni li topera fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ dik l-impriża jew mill-impriża tal-assigurazzjoni. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’perjodu ta’ żmien raġonevoli fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew f’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti. Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti tindirizza direttament lill-impriża tal-assigurazzjoni, hija għandha tinforma lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju dwar it-talba għal informazzjoni.”;

(60)jiddaħħal l-Artikolu 159a li ġej:

“Artikolu 159a
Rekwiżiti addizzjonali relatati ma’ attivitajiet transfruntiera sinifikanti

1. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, fuq talba tal-awtorità superviżorja ta’ Stat Membru ospitanti, tissottometti l-informazzjoni kollha li ġejja riċevuta f’konformità mal-Artikolu 35, fir-rigward ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni b’attivitajiet transfruntiera sinifikanti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru ospitanti:

(a)    ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(b)ir-Rekwiżit Kapitali Minimu;

(c)l-ammont ta’ fondi proprji eliġibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(d)    l-ammont ta’ fondi proprji bażiċi eliġibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali Minimu.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, "attivitajiet transfruntiera sinifikanti" tfisser attivitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin taħt id-dritt ta’ stabbiliment u dawk imwettqin taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru li għalihom il-primjum gross miktub annwali jaqbeż il-5 % tal-primjum gross miktub annwali tal-impriża, imkejjel b’referenza għall-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli tal-impriża.

2. Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tikkonformax jew x’aktarx ma tikkonformax mar-Rekwiżit Kapitali Minimu fit-tliet xhur ta’ wara, jew meta jkun hemm nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, u fin-nuqqas ta’ miżuri xierqa mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju sabiex tirrimedja b’mod xieraq tali sitwazzjoni, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ospitanti li fih dik l-impriża jkollha attivitajiet transfruntiera sinifikanti tista’ titlob lill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju twettaq b’mod konġunt spezzjoni fuq il-post tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għal tali talba.

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha taċċetta jew tirrifjuta t-talba msemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien xahar mill-wasla tagħha.

3. Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju taċċetta li twettaq spezzjoni konġunta fuq il-post, hija għandha tistieden lill-EIOPA tipparteċipa fl-ispezzjoni konġunta fuq il-post.

Wara l-konklużjoni tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jilħqu konklużjonijiet konġunti fi żmien xahrejn. L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tqis tali konklużjonijiet konġunti meta tiddeċiedi dwar ir-risponsi superviżorji adegwati.

Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux dwar il-konklużjonijiet tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post, kwalunkwe waħda minnhom, fi żmien xahrejn wara l-iskadenza tal-perjodu msemmi fit-tieni subparagrafu, u mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet u għas-setgħat superviżorji li għandhom jittieħdu mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew in-nuqqas ta’ konformità jew in-nuqqas ta’ konformità probabbli mar-Rekwiżit Kapitali Minimu, tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-EIOPA u titlob l-assistenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-EIOPA wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ xahrejn imsemmi f’dan is-subparagrafu u lanqas wara li jkun intlaħaq ftehim dwar konklużjonijiet konġunti bejn l-awtoritajiet superviżorji f’konformità mat-tieni subparagrafu.

Jekk, fil-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fit-tielet subparagrafu, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun irreferiet il-kwistjoni lill-EIOPA f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tiddifferixxi l-adozzjoni tal-konklużjonijiet finali tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post u tistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-EIOPA tista’ tieħu f’konformità mal-Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament, u għandha tadotta l-konklużjonijiet f’konformità mad-deċiżjoni tal-EIOPA. L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati kollha għandhom jirrikonoxxu dawk il-konklużjonijiet bħala determinanti.

4. Meta l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju tirrifjuta li twettaq spezzjoni konġunta fuq il-post, hija għandha tispjega bil-miktub ir-raġunijiet għal tali rifjut lill-awtorità superviżorja rikjedenti.

Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux mar-raġunijiet għar-rifjut, huma jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-EIOPA u jitolbu l-assistenza tagħha f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien xahar wara n-notifika tad-deċiżjoni mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju. F’dak il-każ, l-EIOPA tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtijin lilha permezz ta’ dak l-Artikolu. ”;

(61)l-Artikolu 212 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)fil-punt (a), il-kliem “l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit b’“l-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE”;

(ii)fil-punt (b), il-kliem “l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 83/349/KEE” huwa sostitwit b’“l-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE”;

(iii)il-punt (c) huwa emendat kif ġej:

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i) jikkonsisti f’impriża parteċipi, fis-sussidjarji tagħha, fl-entitajiet li fihom l-impriża parteċipi jew is-sussidjarji tagħha jkollhom parteċipazzjoni u impriżi li huma ġestiti mill-impriża parteċipi jew mis-sussidjarji tagħha b’mod konġunt ma’ impriża waħda jew aktar li ma humiex parti mill-grupp, kif ukoll impriżi marbutin ma’ xulxin b’relazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-impriżi relatati tagħhom; jew”;

jiżdied il-punt (iii) li ġej:

“(iii) jikkonsisti f’taħlita tal-punti (i) u (ii);”;

(iv)il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)    ‘kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni’ tfisser kumpanija omm li ma hijiex kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta u li n-negozju ewlieni tagħha huwa li takkwista u żżomm parteċipazzjonijiet f’impriżi sussidjarji, fejn dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklussivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz, b’tal-anqas waħda minn dawn l-impriżi sussidjarji li tkun impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni; l-impriżi sussidjarji huma prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi fejn aktar minn 50 % tal-ekwità, tal-assi konsolidati, tad-dħul, tal-persunal jew ta’ indikatur ieħor tal-kumpanija omm meqjus rilevanti mill-awtorità superviżorja jkunu assoċjati ma’ sussidjarji li huma impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, ma’ kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi jew ma’ kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin;”;

(v)jiddaħħal il-punt (fa) li ġej:

“(fa)    ‘kumpanija azzjonarja ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi’ tfisser kumpanija omm minbarra kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta skont it-tifsira tal-Artikolu 2(15) tad-Direttiva 2002/87/KE, li n-negozju ewlieni tagħha huwa li takkwista u żżomm parteċipazzjonijiet f’impriżi sussidjarji, meta dawk l-impriżi sussidjarji jkunu esklussivament jew prinċipalment impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi.”;

(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw ukoll bħala kumpanija omm kwalunkwe impriża li, fl-opinjoni tal-awtoritajiet superviżorji, effettivament teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra, inkluż fejn din l-influwenza tiġi eżerċitata permezz ta’ koordinazzjoni ċentralizzata, fuq id-deċiżjonijiet tal-impriża l-oħra.”;

(c)jiżdiedu l-paragrafi 3, 4, 5 u 6 li ġejjin:

“3. Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw ukoll li żewġ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew aktar jifformaw grupp skont it-tifsira tal-punt (c) tal-paragrafu 1, fejn fl-opinjoni tal-awtoritajiet superviżorji, dawk l-impriżi jkunu ġestiti fuq bażi unifikata.

Meta tali grupp ikun soġġett għal superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 213(2), il-grupp għandu jaħtar waħda minn dawk l-impriżi bħala kumpanija omm li għandha tkun responsabbli għall-konformità ma’ dan it-Titolu. L-impriżi l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu bħala impriżi sussidjarji.

4. Meta grupp jiġi identifikat f’konformità mal-paragrafi 2 u 3, u meta kumpanija omm jew impriża sussidjarja ta’ dak il-grupp tkun ukoll l-impriża parteċipi apikali ta’ grupp ieħor skont it-tifsira tal-punt (c) tal-paragrafu 1, dak il-grupp l-ieħor għandu jitqies bħala inkluż fl-ambitu tal-grupp identifikat f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

L-awtoritajiet superviżorji jistgħu japplikaw il-paragrafi 2 u 3 sabiex jestendu l-ambitu ta’ grupp skont it-tifsira tal-punt (c) tal-paragrafu 1.

5. Meta jidentifikaw relazzjoni bejn tal-anqas żewġ impriżi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)il-kontroll jew il-kapaċità ta’ persuna fiżika jew ta’ impriża li tinfluwenza d-deċiżjonijiet, inklużi dawk finanzjarji, ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, b’mod partikolari minħabba ż-żamma ta’ kapital jew ta’ drittijiet tal-vot, rappreżentanza fil-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, jew li tkun fost il-persuni li effettivament imexxu impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew li jkollhom funzjonijiet ewlenin, kritiċi jew importanti oħrajn;

(b)dipendenza qawwija ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fuq impriża jew persuna ġuridika oħra, minħabba l-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ operazzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarji materjali;

(c)evidenza ta’ koordinazzjoni bejn żewġ impriżi jew aktar ta’ deċiżjonijiet, ta’ strateġiji, jew ta’ proċessi finanzjarji.

6. Meta l-grupp jonqos milli jaħtar kumpanija omm f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jaħtru kumpanija omm li għandha tkun responsabbli għall-konformità ma’ dan it-Titolu. L-impriżi l-oħrajn f’tali grupp għandhom jitqiesu bħala impriżi sussidjarji.

Meta jaħtru f’konformità mal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi li ġejjin:

(a)l-ammont ta’ provvedimenti tekniċi ta’ kull impriża;

(b)il-primjums grossi miktubin annwali ta’ kull impriża;

(c)l-għadd ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatati ta’ kull impriża.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw regolarment jekk il-ħatra tibqax xierqa. Meta dan ma jkunx il-każ, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jaħtru kumpanija omm oħra. Dik l-awtorità l-oħra għandha tkun responsabbli għall-konformità ma’ dan it-Titolu.”;

(62)l-Artikolu 213 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżjoni tal-grupp tapplika meta grupp jinkludi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    L-ambitu tal-grupp li għalih tapplika s-superviżjoni tal-grupp skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi identifikat f’konformità mal-Artikolu 212.”;

(c)jiddaħħlu l-paragrafi 3a, 3b u 3c li ġejjin:

“3a. Fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 2, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-arranġamenti interni u d-distribuzzjoni tal-kompiti fi ħdan il-grupp huma adegwati għall-fini tal-konformità ma’ dan it-Titolu u, b’mod partikolari, huma effettivi sabiex:

(i)jiġu kkoordinati l-impriżi sussidjarji kollha tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta inkluż, fejn neċessarju, permezz ta’ distribuzzjoni adegwata tal-kompiti fost dawk l-impriżi;

(ii)jiġu evitati jew ġestiti kunflitti intragrupp; u

(iii)jiġu infurzati l-politiki tal-grupp kollu stabbiliti mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni omm jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm fil-grupp kollu;

(b)l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp li tkun parti minnu l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ma xxekkilx jew b’xi mod ieħor ma timpedixxix is-superviżjoni effettiva tal-grupp u tal-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tiegħu, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari:

(i)l-pożizzjoni tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta fi grupp b’ħafna saffi;

(ii)l-istruttura azzjonarja; u

(iii)ir-rwol tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta fi ħdan il-grupp.

3b. Meta ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 3a, is-superviżur tal-grupp għandu jkollu s-setgħa li jirrikjedi li l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jibdlu l-arranġamenti interni u d-distribuzzjonijiet tal-kompiti fi ħdan il-grupp.

Meta ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 3a, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tkun soġġetta għal miżuri superviżorji xierqa mis-superviżur tal-grupp sabiex jiġu żgurati jew irrestawrati, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità tas-superviżjoni tal-grupp u l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan it-Titolu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta sabiex jistrutturaw il-grupp b’mod li jippermetti lill-awtorità superviżorja rilevanti teżerċita b’mod effettiv is-superviżjoni tal-grupp. Tali setgħa għandha tiġi eżerċitata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, wara li jiġu kkonsultati l-EIOPA u, fejn applikabbli, awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħrajn, u għandha tiġi ġġustifikata kif xieraq mal-grupp.

3c. Fil-każijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu meta l-organizzazzjoni strutturali ta’ grupp li jikkonsisti f’impriżi marbutin ma’ xulxin b’relazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 2013/34/UE u l-impriżi relatati tagħhom, jew li jiġi identifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 212(3) ta’ din id-Direttiva, tkun tali li tfixkel jew tipprevjeni s-superviżjoni effettiva ta’ dak il-grupp jew tipprevjeni lil dak il-grupp milli jikkonforma ma’ dan it-Titolu, il-grupp għandu jkun soġġett għal miżuri superviżorji xierqa sabiex jiġu żgurati jew irrestawrati, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità tas-superviżjoni tal-grupp u l-konformità ma’ dan it-Titolu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jirrikjedu l-istabbiliment ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, jew l-istabbiliment ta’ impriża fl-Unjoni li effettivament teżerċita, permezz ta’ koordinazzjoni ċentralizzata, influwenza dominanti fuq id-deċiżjonijiet, inklużi d-deċiżjonijiet finanzjarji, tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma parti mill-grupp. F’dak il-każ, dik il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew l-impriża li effettivament teżerċita koordinazzjoni ċentralizzata għandha tkun responsabbli għall-konformità ma’ dan it-Titolu.”;

(d)fil-paragrafu 5, il-kliem “id-Direttiva 2006/48/KE” huwa sostitwit bil-kliem “id-Direttiva 2013/36/KE”;

(63)jiddaħħal l-Artikolu 213a li ġej:

“Artikolu 213a
Użu ta’ miżuri ta’ proporzjonalità fil-livell tal-grupp

1. Il-gruppi skont it-tifsira tal-Artikolu 212 li huma soġġetti għal superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 213(2) għandhom jiġu kklassifikati bħala gruppi bi profil tar-riskju baxx mis-superviżur tal-grupp tagħhom, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu meta jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin fil-livell tal-grupp għall-aħħar sentejn finanzjarji:

(a) meta tal-anqas impriża waħda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-ambitu tal-grupp ma tkunx impriża mhux tal-ħajja, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i) is-submodulu tar-riskju tar-rata tal-imgħax imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 105(5) ma jkunx ogħla minn 5 % tal-provvedimenti tekniċi tal-grupp, gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(ii) ir-redditu fuq l-investimenti, esklużi l-investimenti miżmumin għall-obbligi tal-assigurazzjoni b’benefiċċji marbutin mal-indiċi u marbutin mal-unitajiet, ikun ogħla mir-rati tal-imgħax medji garantiti;

(iii) it-total tal-provvedimenti tekniċi tal-grupp iddefinit bħala gross mill-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u minn strumenti ta’ għan speċjali ma jkunx ogħla minn EUR 1 000 000 000;

(b) meta tal-anqas impriża waħda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-ambitu tal-grupp ma tkunx impriża tal-ħajja, għandhom jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(i) il-proporzjon medju kkombinat nett mir-riassigurazzjoni tal-aħħar tliet snin finanzjarji jkun anqas minn 100 %

(ii) il-primjum gross miktub annwali tal-grupp ma jkunx ogħla minn EUR 100 000 000;

(iii) is-somma tal-primjums grossi miktubin annwali fil-klassijiet 3 sa 7 u fil-klassijiet 14 u 15 tat-Taqsima A tal-Anness I ma tkunx ogħla minn 30 % tal-primjums miktubin annwali totali tan-negozju mhux tal-ħajja tal-grupp;

(c) in-negozju kkuntrattatt mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fl-ambitu tal-grupp li għandhom l-uffiċċji reġistrati tagħhom fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tas-superviżur tal-grupp ma jkunx ogħla minn 5 % tal-primjum gross miktub annwali totali tal-grupp;

(d) in-negozju kkuntrattat mill-grupp fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tas-superviżur tal-grupp ma jkunx ogħla minn 5 % tal-primjum gross miktub annwali totali tiegħu;

(e) l-investimenti f’investimenti mhux tradizzjonali ma jkunux jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-investimenti totali;

(f) in-negozju tal-grupp ma jkunx jinkludi operazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni li jaqbżu l-50 % tal-introjtu mill-premjum gross miktub totali tal-grupp.

2. L-Artikolu 29b għandu japplika mutatis mutandis fil-livell tal-kumpanija omm apikali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta

3. Il-gruppi li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 213(2) għal anqas minn sentejn għandhom iqisu biss l-aħħar sena finanzjarja meta jivvalutaw jekk jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-gruppi li jużaw mudell intern parzjali jew sħiħ approvat sabiex jikkalkolaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tagħhom qatt ma għandhom jiġu kklassifikati bħala gruppi bi profil tar-riskju baxx.

5. Il-kumpaniji omm apikali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin għandhom jikkunsidraw, fil-valutazzjoni tagħhom tal-konformità mal-kriterji ddefiniti fil-paragrafu 1, il-pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju għat-tliet snin finanzjarji li jmiss.

6. L-Artikoli 29c, 29d u 29e għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;

(64)l-Artikolu 214 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.L-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 213 ma għandux jimplika li l-awtoritajiet superviżorji jkunu meħtieġa jkollhom rwol ta’ superviżjoni rigward l-impriża tal-assigurazzjoni ta’ pajjiż terz, l-impriża tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz jew il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni b’attività mħallta meħuda individwalment.”;

(b)fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Meta jivvaluta jekk impriża tkunx ta’ interess negliġibbli fir-rigward tal-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, is-superviżur tal-grupp għandu jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)id-daqs tal-impriża, f’termini tal-assi totali u tal-provvedimenti tekniċi, ikun żgħir meta mqabbel ma’ dak ta’ impriżi oħrajn tal-grupp u tal-grupp kollu kemm hu;

(ii)l-esklużjoni tal-impriża mill-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp ma jkollha l-ebda impatt materjali fuq is-solvenza tal-grupp;

(iii)ir-riskji kwalitattivi u kwantitattivi, inklużi dawk li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet intragrupp, li l-impriża toħloq jew tista’ toħloq għall-grupp kollu, huma immaterjali.”;

(c)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.Meta l-esklużjoni ta’ impriża waħda jew aktar mill-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tirriżulta f’każ li ma jkunx jiskatta l-applikazzjoni tas-superviżjoni tal-grupp skont il-punti (a), (b) u (c), tal-Artikolu 213(2), is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta lill-EIOPA u, fejn applikabbli, lil awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati qabel ma jieħu d-deċiżjoni dwar esklużjoni. Tali deċiżjoni għandha tittieħed biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u għandha tkun debitament ġustifikata mill-EIOPA u, fejn applikabbli, minn awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħrajn. Is-superviżur tal-grupp għandu jivvaluta mill-ġdid regolarment jekk id-deċiżjoni tiegħu tkunx għadha xierqa. Meta dan ma jkunx għadu l-każ, is-superviżur tal-grupp għandu jinnotifika lill-EIOPA u, fejn applikabbli, lil awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati li se jibda jeżerċita s-superviżjoni tal-grupp.

   Qabel ma jeskludi lill-kumpanija omm apikali mis-superviżjoni tal-grupp skont il-punt (b) tal-paragrafu 2, is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta lill-EIOPA, u fejn applikabbli, lil awtoritajiet superviżorji oħrajn ikkonċernati, u għandu jivvaluta l-impatt tal-eżerċitar tas-superviżjoni tal-grupp fil-livell ta’ impriża parteċipi intermedja fuq il-pożizzjoni tas-solvenza tal-grupp. B’mod partikolari, tali esklużjoni ma għandhiex tkun possibbli jekk tirriżulta f’titjib materjali fil-pożizzjoni tas-solvenza tal-grupp.”;

(65)l-Artikolu 220 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-kliem “stipulati fl-Artikoli 221 sa 233” huwa sostitwit bil-kliem “stipulati fl-Artikoli 221 sa 233a”;

(b)fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, meta jassumu r-rwol ta’ superviżur tal-grupp fir-rigward ta’ grupp partikolari, li jiddeċiedu, wara li jikkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn u lill-grupp innifsu, li japplikaw għal dak il-grupp il-metodu 2 f’konformità mal-Artikoli 233 u 234, jew, meta l-applikazzjoni esklużiva tal-metodu 1 ma tkunx xierqa, kombinazzjoni tal-metodi 1 u 2 f’konformità mal-Artikoli 233a u 234.”;

(c)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.Mingħajr preġudizzju għat-trattament tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 228(1), l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jiddeċiedu biss li japplikaw il-metodu 2 skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, ta’ dan l-Artikolu għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi, għal kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni, għal kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin, u għal kumpaniji azzjonarji ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi.”;

(66)fl-Artikolu 221, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għall-iskop uniku tal-Artikolu 228, irrispettivament minn jekk jintużax il-metodu 1 jew il-metodu 2, ‘sehem proporzjonali’ tfisser il-proporzjon tal-kapital sottoskritt li jinżamm, direttament jew indirettament, mill-impriża parteċipi fl-impriża relatata.”;

(67)fl-Artikolu 222, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.Is-somma tal-fondi proprji msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhiex teċċedi l-kontribuzzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.”;

(68)fl-Artikolu 226, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-kumpaniji azzjonarji ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom jiġu ttrattati wkoll bħala impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.”;

(69)fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 227(1), jiddaħħal il-kliem “u l-Artikolu 233a” wara l-kliem “l-Artikolu 233”;

(70)l-Artikolu 228 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 228
Trattament ta’ impriżi relatati speċifiċi minn setturi finanzjarji oħrajn

1. Irrispettivament mill-metodu użat f’konformità mal-Artikolu 220 ta’ din id-Direttiva, għall-fini tal-kalkolu tas-solvenza tal-grupp, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tqis il-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp u għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi li ġejjin:

(a)istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti ta’ investiment skont it-tifsira tal-punt (1) jew (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)kumpaniji maniġerjali tal-UCITS skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew kumpaniji ta’ investiment awtorizzati skont l-Artikolu 27 ta’ dik id-Direttiva dment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali skont dik id-Direttiva;

(c)maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(d)impriżi għajr impriżi regolati li jwettqu waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fejn dawk l-attivitajiet jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-attività ġenerali tagħhom;

(e)istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

2. Il-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp tal-impriżi relatati msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma tas-sehem proporzjonali tal-fondi proprji ta’ kull impriża, fejn dawn il-fondi proprji jiġu kkalkolati kif ġej:

(a)għal kull impriża msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mar-regoli settorjali rilevanti, kif iddefiniti fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE;

(b)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(c)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-punt (ad) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(d)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mar-regoli settorjali rilevanti kif iddefiniti fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE jekk ikunu entitajiet regolati skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Direttiva;

(e)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-marġni ta’ solvenza disponibbli kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 17a tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ammont ta’ fondi proprji ta’ kull impriża relatata li jikkorrispondi għal riżervi mhux distribwibbli u għal entrati oħrajn identifikati mis-superviżur tal-grupp bħala li għandhom kapaċità mnaqqsa ta’ assorbiment tat-telf, kif ukoll ishma privileġġati, kont mutwalist subordinat, obbligazzjonijiet subordinati, u assi ta’ taxxa differita, li huma inklużi fil-fondi proprji li jaqbżu r-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkolati f’konformità mal-paragrafu 3, ma għandhomx jitqiesu, sakemm l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi ma tkunx tista’ tiġġustifika, għas-sodisfazzjon tas-superviżur tal-grupp, li dawn l-entrati jistgħu jsiru disponibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp. Meta tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-fondi proprji eċċessivi, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tqis li ċerti rekwiżiti ta’ xi impriżi relatati għandhom jiġu ssodisfati biss b’kapital ta’ Ekwità Komuni tal-Grad 1 jew b’kapital tal-Grad 1 addizzjonali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3. Il-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi relatati msemmijin fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma tas-sehem proporzjonali tar-rekwiżit kapitali jew tar-rekwiżit kapitali nozzjonali ta’ kull impriża relatata, meta dak ir-rekwiżit kapitali jew ir-rekwiżit kapitali nozzjonali jiġi kkalkolat kif ġej:

(a)għal impriżi relatati msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità ma’ dan li ġej:

(b)għal kull ditta ta’ investiment li hija soġġetta għal rekwiżiti ta’ fondi proprji f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/2033, is-somma tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ fondi proprji msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jew ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji lokali f’pajjiżi terzi;

(c)għal kull istituzzjoni ta’ kreditu, l-ogħla minn dawn li ġejjin:

is-somma tar-rekwiżit stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inklużi l-miżuri msemmijin fl-Artikoli 458 u 459 ta’ dak ir-Regolament, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ fondi proprji sabiex jiġu indirizzati riskji għajr ir-riskju ta’ ingranaġġ eċċessiv imsemmi fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, ir-rekwiżit ta’ buffer kombinat definit fil-punt (6) tal-Artikolu 128 ta’ dik id-Direttiva, jew kwalunkwe rekwiżit ta’ fondi proprji lokali f’pajjiżi terzi;

is-somma tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inklużi l-miżuri msemmijin fl-Artikoli 458 u 459 ta’ dak ir-Regolament, ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ fondi proprji sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ ingranaġġ eċċessiv imsemmi fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, ir-rekwiżit ta’ buffer għall-proporzjon ta’ lieva finanzjarja stabbilit fl-Artikolu 92(1a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji lokali f’pajjiżi terzi sa fejn dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfati mill-kapital tal-Grad 1;

(d)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(e)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-punt tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/61/UE;

(f)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-rekwiżit kapitali li magħha l-impriża relatata jkollha tikkonforma skont ir-regoli rilevanti tas-settur kif iddefiniti fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE li kieku kienet entità regolata skont it-tifsira tal-punt (4) tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva;

(g)għal kull impriża relatata msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-marġni ta’ solvenza meħtieġ ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 17b tad-Direttiva (UE) 2016/2341.

4. Meta diversi impriżi relatati msemmija fil-paragrafu 1 jifformaw sottogrupp li jkun soġġett għal rekwiżit kapitali fuq bażi konsolidata f’konformità ma’ waħda mid-Direttivi jew wieħed mir-Regolamenti msemmijin fil-paragrafu 3, is-superviżur tal-grupp jista’ jippermetti l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ dawk l-impriżi relatati għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp bħala s-sehem proporzjonali tal-fondi proprji ta’ dak is-sottogrupp minflok ma japplika l-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 2 għal kull impriża individwali li tappartjeni għal dak is-sottogrupp. F’dak il-każ, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tikkalkola wkoll il-kontribuzzjoni ta’ dawk l-impriżi relatati mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp bħala s-sehem proporzjonali tar-rekwiżit kapitali ta’ dak is-sottogrupp, minflok ma tapplika l-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 3 għal kull impriża individwali li tappartjeni għal dak is-sottogrupp.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għas-sottogrupp.

5.Minkejja l-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, meta jassumu r-rwol ta’ superviżur tal-grupp fir-rigward ta’ grupp partikolari, jiddeċiedu, fuq talba tal-impriża parteċipi jew fuq inizjattiva tagħhom stess, li jnaqqsu kwalunkwe parteċipazzjoni kif imsemmi fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 mill-fondi proprji eliġibbli għas-solvenza tal-grupp tal-impriża parteċipi.”;

(71)fis-Subtaqsima 3, tat-Taqsima 1, tal-Kapitolu II, tat-Titolu III, jiżdied l-Artikolu 229a li ġej:

“Artikolu 229a
Kalkoli simplifikati

1. Għall-finijiet tal-Artikolu 230, is-superviżur tal-grupp, wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn, jista’ jippermetti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi tapplika approċċ simplifikat għall-parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati li huma immaterjali.

L-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat, imsemmi fl-ewwel subparagrafu, għal impriża relatata waħda jew aktar għandha tkun iġġustifikata kif xieraq mill-impriża parteċipi lis-superviżur tal-grupp, filwaqt li jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji tal-impriża jew tal-impriżi relatati.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża parteċipi tivvaluta, fuq bażi annwali, jekk l-użu tal-approċċ simplifikat għadux iġġustifikat, u għandha tiżvela pubblikament, fir-rapport tagħha dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tal-grupp, il-lista u d-daqs tal-impriżi relatati soġġetti għal dak l-approċċ simplifikat.

2. Għall-fini tal-paragrafu 1, l-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha turi, għas-sodisfazzjon tas-superviżur tal-grupp, li l-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat għall-parteċipazzjonijiet f’impriża relatata waħda jew aktar tkun prudenti biżżejjed sabiex tiġi evitata sottovalutazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn dik l-impriża jew minn dawk l-impriżi meta tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp.

Meta tiġi applikata għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’pajjiż li ma huwiex ekwivalenti jew proviżorjament ekwivalenti skont it-tifsira tal-Artikolu 227, l-approċċ simplifikat ma għandux jirriżulta f’kontribuzzjoni tal-impriża relatata għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp li tkun aktar baxxa mir-rekwiżit kapitali ta’ dik l-impriża, kif stabbilit mill-pajjiż terz ikkonċernat.

L-approċċ simplifikat ma għandux jiġi applikat għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata ta’ pajjiż terz, fejn l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi ma jkollha l-ebda informazzjoni affidabbli dwar ir-rekwiżit kapitali kif stabbilit f’dak il-pajjiż terz.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-impriżi relatati għandhom jitqiesu bħala immaterjali meta l-valur kontabilistiku ta’ kull waħda minnhom ikun jirrappreżenta anqas minn 0,2 % tal-kontijiet konsolidati tal-grupp u s-somma tal-valuri kontabilistiċi ta’ dawn l-impriżi kollha tkun tirrappreżenta anqas minn 0,5 % tal-kontijiet konsolidati tal-grupp.”;

(72)l-Artikolu 230 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.Il-kalkolu tas-solvenza tal-grupp tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandu jsir fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati.

Is-solvenza tal-grupp tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi hija d-differenza bejn dawn li ġejjin:

(a)is-somma tal-fondi proprji eliġibbli sabiex jiġi kopert ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikkalkolat abbażi ta’ data konsolidata, u l-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp ta’ impriżi relatati msemmija fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 228(2) jew (4);

(b)is-somma tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fil-livell tal-grupp ikkalkolata fuq il-bażi ta’ data konsolidata u l-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp tal-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 228(3) jew (4).

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, il-parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Is-Subtaqsimiet 1, 2 u 3, tat-Taqsima 3, tal-Kapitolu VI, tat-Titolu I, u is-Subtaqsimiet 1, 2 u 3, tat-Taqsima 4, tal-Kapitolu VI, tat-Titolu I għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-fondi proprji eliġibbli għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fil-livell tal-grupp fuq il-bażi ta’ data konsolidata. B’mod partikolari, entrata ta’ fond proprju li tinħareġ minn impriża parteċipi ma għandhiex titqies bħala ħielsa minn restrizzjonijiet skont it-tifsira tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(2) jekk ir-ripagament ta’ din l-entrata ma jistax jiġi rrifjutat lid-detentur tagħha meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata tiġi stralċjata.”;

(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)fit-tieni subparagrafu, jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

“(c)    is-sehem proporzjonali tar-rekwiżiti kapitali lokali, li fihom tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni, għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni relatati ta’ pajjiżi terzi;

(d)is-sehem proporzjonali tar-Rekwiżit Kapitali Minimu nozzjonali tal-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin.”;

(ii)it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt (d), tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ir-Rekwiżit Kapitali Minimu nozzjonali ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni u ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandu jkun ugwali għal 35 % tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza nozzjonali tagħha, meta r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza nozzjonali jiġi kkalkolat f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 226(1).”;

(iii)jitħassar ir-raba’ subparagrafu;

(c)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi għandhom jikkonformaw mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat tagħhom, li huwa l-anqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)45 % tal-eżitu tal-kalkolu msemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1;

(b)l-eżitu tal-kalkolu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.

Dak il-minimu għandu jkun kopert minn fondi proprji bażiċi eliġibbli kif iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 98(4), u kkalkolat abbażi ta’ data konsolidata. Għal dak l-għan, il-parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 221 sa 229 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk fondi proprji eliġibbli bħal dawn jikkwalifikawx sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat. L-Artikolu 139(1) u (2) għandu japplika mutatis mutandis.”;

(73)fil-kliem introduttorju tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 232, il-kliem “msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 37(1)” għandu jiġi ssostitwit bil-kliem “msemmija fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 37(1)”;

(74)l-Artikolu 233 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    il-valur fl-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi ta’ impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 220(3) u fl-Artikolu 228(1) u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp aggregat, kif previst fil-paragrafu 3.”;

(b)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)    is-sehem proporzjonali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi fil-fondi proprji eliġibbli għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatati.”;

(ii)jiddaħħal il-punt (c) li ġej:

“(c)    il-kontribuzzjoni għall-fondi proprji eliġibbli tal-grupp ta’ impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 228(2) jew mal-Artikolu 228(4);

(c)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) is-sehem proporzjonali tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta’ kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata individwali.”

(ii)jiddaħħal il-punt (c) li ġej:

“(c)    il-kontribuzzjoni għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp ta’ impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), fejn dik il-kontribuzzjoni tiġi kkalkolata f’konformità mal-Artikolu 228(3) jew mal-Artikolu 228(4).”;

(75)jiddaħħal l-Artikolu 233a li ġej:

“Artikolu 233a
Taħlita tal-metodi 1 u 2

1.Is-solvenza tal-grupp ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi għandha tkun id-differenza bejn dawn li ġejjin:

(a)    is-somma ta’ dawn li ġejjin:

(i)għal impriżi li għalihom jiġi applikat il-metodu 1, il-fondi proprji eliġibbli sabiex jiġi kopert ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, ikkalkolat fuq il-bażi ta’ data konsolidata;

(ii)għal kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata li għaliha jiġi applikat il-metodu 2, is-sehem proporzjonali tal-fondi proprji eliġibbli għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħha;

(iii)il-kontribuzzjoni tal-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 228(2) jew mal-Artikolu 228(4); u

(b)is-somma ta’ dawn li ġejjin:

(i)għal impriżi li għalihom jiġi applikat il-metodu 1, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 230(2) fuq il-bażi ta’ data konsolidata;

(ii)għal kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li għaliha jiġi applikat il-metodu 2, is-sehem proporzjonali tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħha;

(iii)il-kontribuzzjoni tal-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1), ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 228(3) jew mal-Artikolu 228(4).

2.Għall-finijiet tal-punt (a)(i) tal-paragrafu 1 u tal-punt (b)(i) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

3.Għall-finijiet tal-punt (a)(i) tal-paragrafu 1 u tal-punt (b)t(i) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati msemmija fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-metodu 2 ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Għall-finijiet tal-punt (b)(i) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-valur tal-parteċipazzjonijiet f’impriżi msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-metodu 2, lil hinn mir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tagħhom stess, għandu jiġi inkluż fid-data konsolidata meta tiġi kkalkolata s-sensittività tal-assi u tal-obbligazzjonijiet għall-bidliet fil-livell jew fil-volatilità tar-rati tal-kambju tal-valuta (“riskju tal-kambju”). Madankollu, il-valur ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet ma għandux jiġi preżunt li huwa sensittiv għall-bidliet fil-livell jew fil-volatilità tal-prezzijiet tas-suq tal-ekwitajiet (“riskju ta’ ekwità”).

4.L-Artikolu 233(4) għandu japplika mutatis mutandis għall-finijiet tal-punti (a)(ii) u (b)(ii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

5.L-Artikolu 231 għandu japplika mutatis mutandis fil-każ ta’ applikazzjoni għall-permess sabiex ikun ikkalkolat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, fuq il-bażi ta’ mudell intern, sottomessa minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u mill-impriżi relatati tagħha, jew b’mod konġunt mill-impriżi relatati ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni.

6.L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi għandhom jikkonformaw mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat tagħhom, li huwa l-minimu minn dawn li ġejjin:

(a)45 % tas-somma tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat imsemmi fil-punt (b)(i) tal-paragrafu 1, u tal-kontribuzzjoni msemmija fil-punt (b)(iii) tal-paragrafu 1;

(b)l-eżitu tal-kalkolu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 230(2).

Ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat għandu jkun kopert minn fondi proprji bażiċi eliġibbli kif iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 98(4), ikkalkolati fuq il-bażi ta’ data konsolidata. Għall-fini ta’ dak il-kalkolu, il-parteċipazzjonijiet f’impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) ma għandhomx jiġu inklużi fid-data konsolidata.

Il-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 221 sa 229 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-fini li jiġi ddeterminat jekk fondi proprji eliġibbli bħal dawn jikkwalifikawx sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza minimu tal-grupp konsolidat. L-Artikolu 139(1) u (2) għandu japplika mutatis mutandis.

7.Fid-determinazzjoni ta’ jekk l-ammont ikkalkolat fil-punt (b)(ii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jirriflettix b’mod xieraq il-profil tar-riskju tal-grupp fir-rigward tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-Metodu 2, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil kwalunkwe riskju speċifiku eżistenti fil-livell tal-grupp li ma jkunx kopert biżżejjed minħabba li jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat.

Meta l-profil tar-riskju tal-grupp fir-rigward tal-impriżi msemmijin fl-Artikolu 220(3) li għalihom jiġi applikat il-Metodu 2 jiddevja b’mod sinifikanti mis-suppożizzjonijiet sottostanti għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp aggregat imsemmi fl-Artikolu 233(3), tista’ tiġi imposta supplimentazzjoni kapitali għall-ammont ikkalkolat fil-punt (b)(ii) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-Artikolu 37(1) sa (5), flimkien mal-atti delegati u mal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 37(6), (7) u (8) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;

(76)l-Artikolu 234 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 234
Atti delegati għall-prinċipji u għall-metodi tekniċi fl-Artikoli 220 sa 229, l-approċċ simplifikat fl-Artikolu 229a, u l-applikazzjoni tal-Artikoli 230 sa 233a

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw dawn li ġejjin:

(a) il-prinċipji u l-metodi tekniċi stabbiliti fl-Artikoli 220 sa 229;

(b) id-dettalji tekniċi għall-approċċ simplifikat stabbiliti fl-Artikolu 229a(1), kif ukoll il-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet superviżorji jistgħu japprovaw l-użu tal-approċċ simplifikat;

(c) l-applikazzjoni tal-Artikoli 230 sa 233a, li jirriflettu n-natura ekonomika ta’ strutturi legali speċifiċi.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom is-superviżur tal-grupp jista’ japprova l-applikazzjoni tal-approċċ simplifikat stabbilit fl-Artikolu 229a(2).”;

(77)fl-Artikolu 244(3), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jidentifika konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti li għandha tiġi rrapportata, is-superviżur tal-grupp, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn u lill-grupp, għandu jimponi limiti xierqa bbażati fuq ir-Rekwiżiti Kapitali tas-Solvenza, il-provvedimenti tekniċi, il-fondi proprji eliġibbli, kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi oħrajn ibbażati fuq ir-riskju meqjusin xierqa jew taħlita tagħhom.”;

(78)l-Artikolu 245 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-kliem “il-paragrafi 2 u 3” huwa sostitwit bil-kliem “il-paragrafi 2, 3 u 3a”;

(b)jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a. Minbarra tranżazzjonijiet intragrupp skont it-tifsira tal-punt (19) tal-Artikolu 13, għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, fejn ġustifikat, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirrikjedu li l-gruppi jirrapportaw ukoll tranżazzjonijiet intragrupp li jinvolvu impriżi għajr impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiżi terzi, kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin.”;

(79)l-Artikolu 246 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 2, tal-Kapitolu IV, tat-Titolu I għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-grupp. Is-sistema ta’ governanza tal-grupp għandha tkopri l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji omm tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin omm, kif ukoll l-impriżi relatati kollha fl-ambitu tal-grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212 li huwa soġġett għal superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 213(2). Is-sistema ta’ governanza tal-grupp għandha tkopri wkoll l-impriżi kollha li huma ġestiti mill-impriża parteċipi jew mis-sussidjarji tagħha b’mod konġunt ma’ impriża waħda jew aktar li ma tkunx parti mill-istess grupp.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern u l-proċeduri ta’ rapportar għandhom jiġu implimentati b’mod konsistenti fl-impriżi kollha inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 213(2) sabiex dawk is-sistemi u l-proċeduri ta’ rapportar ikunu jistgħu jiġu kkontrollati fil-livell tal-grupp.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża omm apikali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, jew l-impriża parteċipi maħtura f’konformità mal-Artikolu 212(3), ikollha r-responsabbiltà finali għall-konformità, mill-grupp li għalih tapplika s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 213(2), mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva. Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fi ħdan il-grupp għandu jibqa’ responsabbli għall-konformità tiegħu mar-rekwiżiti kollha, kif speċifikati fl-Artikolu 40 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 213(1).

Is-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju għandha tkopri tal-anqas l-attivitajiet kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin fil-grupp, kif ukoll l-attivitajiet materjali mhux tal-assigurazzjoni. Dan għandu jkopri wkoll ir-riskji li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet li għalihom huwa jew jista’ jkun skopert il-grupp, u l-interdipendenzi tagħhom.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontroll intern u l-proċeduri ta’ rapportar għandhom jiġu implimentati b’mod konsistenti fl-impriżi kollha inkluż fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 213(2) sabiex dawk is-sistemi u l-proċeduri ta’ rapportar ikunu jistgħu jiġu kkontrollati fil-livell tal-grupp.”;

(b)fil-paragrafu 2 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandhom jimmonitorjaw regolarment l-attivitajiet tal-impriżi relatati tagħha, inklużi l-impriżi relatati msemmijin fl-Artikolu 228(1) u l-impriżi mhux regolati. Dak il-monitoraġġ għandu jkun proporzjonat man-natura, mal-iskala u mal-kumplessità tar-riskji li l-impriżi relatati jiġġeneraw jew li jistgħu jiġġeneraw fil-livell tal-grupp.

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandu jkollha politiki miktubin fil-livell tal-grupp, u għandha tiżgura konsistenza mal-politiki tal-grupp tal-politiki miktubin tal-impriżi regolati kollha fl-ambitu tal-grupp. Għandha tiżgura wkoll li l-politiki tal-grupp jiġu implimentati b’mod konsistenti mill-impriżi regolati kollha fl-ambitu tal-grupp.”;

(c)fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, it-tieni sentenza tinbidel b’din li ġejja:

“Il-valutazzjoni tar-riskju proprju u tas-solvenza mwettqa fil-livell tal-grupp għandha tkopri tal-anqas l-attivitajiet kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin fil-grupp, kif ukoll l-attivitajiet materjali mhux tal-assigurazzjoni. Għandha tkopri wkoll ir-riskji li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet li għalihom huwa jew jista’ jkun skopert il-grupp, u l-interdipendenzi tagħhom. Għandha tkun soġġetta għal rieżami superviżorju mis-superviżur tal-grupp f’konformità mal-Kapitolu III.”;

(d)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tiżgura li l-grupp ikollu arranġamenti ta’ governanza robusti li jinkludu struttura organizzazzjonali ċara b’linji ta’ responsabbiltà definiti sew, trasparenti u konsistenti u segregazzjoni tad-dmirijiet fi ħdan il-grupp. Is-sistema ta’ governanza tal-grupp għandha tagħmel ħilitha sabiex tipprevjeni l-kunflitti ta’ interess, jew fejn dan ma jkunx possibbli, għandha jimmaniġġjahom.

Il-persuni li effettivament imexxu grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni huma l-persuni li effettivament imexxu l-kumpanija omm jew l-impriża parteċipi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jidentifikaw il-persuni responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn fi ħdan il-grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma soġġetti għal superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 213(2). Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet imwettqin minn dawk il-persuni.

Meta l-persuni li effettivament imexxu grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ikunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn ikunu wkoll il-persuni li effettivament imexxu impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda jew aktar jew impriżi relatati oħrajn, jew ikunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn fi ħdan kwalunkwe waħda minn dawk l-impriżi, l-impriża parteċipi għandha tiżgura li r-rwoli u r-responsabbiltajiet fil-livell tal-grupp ikunu segregati b’mod ċar minn dawk applikabbli fil-livell ta’ kull impriża individwali.”;

(80)fit-Titolu III, jiddaħħal il-Kapitolu IIA li ġej:

KAPITOLU IIA 
Regoli makroprudenzjali fil-livell tal-grupp

Artikolu 246a
Ġestjoni tar-Riskju tal-Likwidità fil-livell tal-grupp

1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin ifasslu u jżommu pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell tal-grupp. L-Artikolu 144a għandu japplika mutatis mutandis.

2.B’deroga mill-Artikolu 144a, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li huma fl-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 213(2) huma eżentati mit-tfassil u miż-żamma ta’ pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell individwali kull meta l-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopri l-immaniġġjar tal-likwidità u l-ħtiġijiet tal-likwidità tas-sussidjarji kkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull impriża individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tibbenefika mill-eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu tissottometti l-partijiet tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jkopru s-sitwazzjoni tal-grupp kollu u s-sitwazzjoni tagħha stess lill-awtorità superviżorja tagħha.

3.Minkejja l-paragrafu 2, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirrikjedu li sussidjarja tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tfassal u żżomm pjan ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità fil-livell individwali kull meta tidentifika vulnerabbiltà speċifika tal-likwidità jew il-pjan ta’ ġestjoni tal-likwidità fil-livell tal-grupp ma jinkludix informazzjoni xierqa li l-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat is-sussidjarja tirrikjedi li impriżi komparabbli jipprovdu għall-fini tal-monitoraġġ tal-pożizzjoni ta’ likwidità tagħhom.

4.Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżviluppa standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-kontenut u l-frekwenza tal-aġġornament tal-pjan ta’ qafas ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità fil-livell tal-grupp.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO jekk jogħġbok żid id-data = 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 246b 
Regoli makroprudenzjali oħrajn

L-Artikoli 144b u 144c għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.”;

(81)fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 252, il-kliem “istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fid-Direttiva 2006/48/KE, jew ditta ta’ investiment kif definita fid-Direttiva 2004/39/KE” huwa sostitwit bil-kliem “istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ditta ta’ investiment kif definita fid-Direttiva 2014/65/UE”;

(82)fl-Artikolu 254, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. L-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni u l-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandhom jissottomettu lis-superviżur tal-grupp l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu fuq bażi annwali fi żmien 20 ġimgħa wara li tintemm is-sena finanzjarja tal-impriża, u, meta l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu tkun meħtieġa fuq bażi trimestrali, fi żmien 11-il ġimgħa wara t-tmiem ta’ kull trimestru.”;

(83)l-Artikolu 256 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin jiżvelaw pubblikament, fuq bażi annwali, rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp. Dan ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar il-grupp indirizzat lil parteċipanti oħrajn fis-suq, kif imsemmi fl-Artikolu 51(1b). L-Artikoli 51, 53, 54 u 55 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tiżvela l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu fuq bażi annwali jew anqas frekwenti fi żmien 24 ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.”;

(b)fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) l-informazzjoni għal kwalunkwe waħda mis-sussidjarji fi ħdan il-grupp, liema informazzjoni trid tkun identifikabbli individwalment, inklużi ż-żewġ partijiet tar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja, u trid tiġi żvelata f’konformità mal-Artikoli 51, 53, 54 u 55.”;

(c)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni li trid tiġi żvelata fir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u r-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(d)fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni fir-rigward tar-rapport singolu dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp, l-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-mudelli u l-mezzi għall-iżvelar tar-rapport dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja singola u tal-grupp kif stabbilit f’dan l-Artikolu.”;

(84)jiddaħħlu l-Artikoli 256b u 256c li ġejjin:

“Artikolu 256b
Rapport superviżorju regolari tal-grupp

1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jissottomettu lill-awtoritajiet superviżorji, fuq bażi annwali, rapport superviżorju regolari fil-livell tal-grupp. L-Artikolu 35(5a) għandu japplika mutatis mutandis.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu fuq bażi annwali jew anqas frekwenti f’24 ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.

2. Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipanti, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tista’, soġġetta għall-qbil tal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati, tipprovdi rapport superviżorju regolari uniku li għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a) l-informazzjoni fil-livell tal-grupp li għandha tiġi rrapportata f’konformità mal-paragrafu 1;

(b) l-informazzjoni għal kwalunkwe waħda mis-sussidjarji fi ħdan il-grupp, li għandhom ikunu identifikabbli individwalment, għandha tiġi rrapportata f’konformità mal-Artikolu 35(5a) u ma għandhiex tirriżulta f’anqas informazzjoni minn dik li kieku tiġi pprovduta mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jissottomettu rapport superviżorju regolari f’konformità mal-Artikolu 35(5a).

Qabel jagħti kunsens f’konformità mal-ewwel subparagrafu, is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta u jieħu kont b’mod debitu ta’ kwalunkwe fehma u riżerva tal-membri tal-kulleġġ tas-superviżuri. In-nuqqas ta’ qbil mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati għandu jkun iġġustifikat kif xieraq. Jekk ir-rapport superviżorju regolari uniku f’konformità mal-paragrafu 2 jiġi approvat mill-kulleġġ tas-superviżuri, kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni individwali għandha tippreżenta r-rapport superviżorju regolari uniku lill-awtorità superviżorja tagħha. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħa li twettaq superviżjoni tal-parti speċifika tar-rapport superviżorju regolari uniku lis-sussidjarja rilevanti. Jekk ir-rapport superviżorju regolari uniku sottomess ma jkunx sodisfaċenti għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, tali approvazzjoni tista’ tiġi rtirata.

4. Meta r-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 jonqos milli jinkludi informazzjoni li l-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat sussidjarja fi ħdan il-grupp teħtieġ li impriżi paragunabbli jipprovdu, u meta l-ommissjoni tkun materjali, l-awtorità superviżorja kkonċernata għandu jkollha s-setgħa li tirrikjedi lis-sussidjarja kkonċernata sabiex tirrapporta l-informazzjoni addizzjonali neċessarja.

5. Meta l-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat sussidjarja fil-grupp tidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 35(5a) jew titlob kwalunkwe emenda jew kjarifika rigward ir-rapport superviżorju regolari uniku, hija għandha tinforma wkoll lill-kulleġġ tas-superviżuri u s-superviżur tal-grupp għandu jissottometti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, lill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta l-istess talba.

6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata.

Artikolu 256c
Rekwiżiti tal-awditjar

1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ta’ grupp, tkun soġġetta għal awditu, il-karta tal-bilanċ konsolidata bħala parti mir-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tal-grupp jew bħala parti mir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja.

2. Rapport separat, inkluża l-identifikazzjoni tat-tip ta’ assigurazzjoni kif ukoll ir-riżultati tal-awditu, imħejjija mid-ditta tal-awditjar għandha tiġi sottomessa lill-awtorità superviżorja tal-grupp flimkien mar-rapport dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja jew ir-rapport uniku dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.

3. Meta jkun hemm rapport wieħed dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja, ir-rekwiżiti tal-awditjar imposti fuq impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata għandhom jiġu rrispettati u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 51a(4) għandu jiġi sottomess lill-awtorità superviżorja ta’ dik l-impriża mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta.

4. L-Artikolu 51a għandu japplika mutatis mutandis.”;

(85)l-Artikolu 257 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 257
Rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ idoneità għal persuni li effettivament imexxu kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew li jkollhom funzjonijiet ewlenin oħrajn

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li dawk li effettivament imexxu l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta, u fejn applikabbli, il-persuni li jkunu responsabbli għal funzjonijiet ewlenin oħrajn, ikunu kompetenti u idonei sabiex iwettqu dmirijiethom.

L-Artikolu 42 għandu japplika mutatis mutandis.”;

(86)l-Artikolu 258 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji kollha sabiex jieħdu miżuri fir-rigward ta’ kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u ta’ kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li huma neċessarji sabiex jiżguraw li l-gruppi li għalihom tiġi applikata s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 213(2) jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan it-Titolu. Dawk is-setgħat għandhom jinkludu s-setgħat superviżorji ġenerali msemmijin fl-Artikolu 34.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt penali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet fuq jew jadottaw il-miżuri relatati mal-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u mal-kumpanniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li jiksru l-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi li ddaħħlu fis-seħħ sabiex jiġi traspost dan it-Titolu, jew fir-rigward tal-persuna li tkun qiegħda effettivament timmaniġġja dawk il-kumpaniji. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li tali sanzjonijiet jew miżuri jkunu effettivi, speċjalment meta l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment ewlieni ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ma tkunx tinsab fl-istess Stat Membru bħall-uffiċċju reġistrat tagħha.”;

(b)jiddaħħlu l-paragrafi 2a u 2b li ġejjin:

“2a.    Meta s-superviżur tal-grupp ikun stabbilixxa li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 213(3a) ma jkunux issodisfati jew ma baqgħux ikunu ssodisfati, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandha tkun soġġetta għal miżuri superviżorji adatti sabiex jiġu żgurati jew restawrati, skont il-każ, il-kontinwità u l-integrità ta’ superviżjoni tal-grupp u tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan it-Titolu. Fil-każ ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta, il-miżuri superviżorji għandhom, b’mod partikolari, iqisu l-effetti fuq il-konglomerat finanzjarju kollu kemm hu kif ukoll fuq l-impriżi regolati relatati tiegħu.

2b.    Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2a ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri superviżorji li jistgħu jiġu applikati għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jinkludu, tal-anqas, dawn li ġejjin:

(a) is-sospensjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbutin mal-ishma tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni miżmumin mill-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew mill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta;

(b) il-ħruġ ta’ rimedji b’mandat ta’ inibizzjoni, ta’ sanzjonijiet jew ta’ pieni kontra l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni, il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ dawk il-kumpaniji;

(c) l-għoti ta’ struzzjonijiet jew ta’ direzzjonijiet lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja jew lill-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta sabiex tittrasferixxi lill-azzjonisti tagħha l-parteċipazzjonijiet fl-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sussidjarji tagħha;

(d) il-ħatra fuq bażi temporanja ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni oħra, ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta jew ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-grupp bħala responsabbli sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan it-Titolu;

(e) ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni ta’ distribuzzjonijiet jew ta’ pagamenti tal-imgħax lill-azzjonisti;

(f) il-ħtieġa li l-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin jiddivestu minn jew inaqqsu l-parteċipazzjonijiet f’impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew f’impriżi relatati oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 228(1);

(g) il-ħtieġa li l-kumpanniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jippreżentaw pjan dwar ir-ritorn, mingħajr dewmien, għall-konformità.

Is-superviżur tal-grupp għandu jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn u lill-EIOPA qabel ma jieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu, meta dawk il-miżuri jaffettwaw lill-impriżi li jkollhom l-uffiċċji reġistrati tagħhom f’aktar minn Stat Membru wieħed.”;

(87)l-Artikolu 262 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom japplikaw metodi oħrajn li jiżguraw superviżjoni xierqa tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jappartjenu għal grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 212, u li għalihom tapplika s-superviżjoni tal-grupp f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 213(2). Dawk il-metodi għandhom jiġu miftiehma mis-superviżur tal-grupp, identifikati f’konformità mal-Artikolu 247, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħrajn.

Il-metodi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jippermettu li jintlaħqu l-objettivi tas-superviżjoni tal-grupp kif speċifikat f’dan it-Titolu. Dawk l-objettivi għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) il-preservazzjoni tal-allokazzjoni tal-kapital u l-kompożizzjoni tal-fondi proprji tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-prevenzjoni tal-ħolqien materjali ta’ kapital fi ħdan il-grupp meta tali ħolqien ta’ kapital intragrupp ikun iffinanzjat mir-rikavati ta’ dejn jew minn strumenti finanzjarji oħrajn li ma jikkwalifikawx bħala entrati ta’ fondi proprji mill-kumpanija omm;

(b) il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji li jirriżultaw minn impriżi kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, u l-limitazzjoni tar-riskju ta’ kontaġju minn dawk l-impriżi u minn impriżi mhux regolati oħrajn għal impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, u lis-sottogrupp li l-kumpanija omm apikali tiegħu tkun impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija finanzjarja mħallta li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 215, fejn jeżisti sottogrupp bħal dan.

Il-metodi msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu ġġustifikati, dokumentati u nnotifikati kif xieraq lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kkonċernati, lill-EIOPA u lill-Kummissjoni.”;

(b)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu b’mod partikolari japplikaw wieħed jew aktar mill-metodi li ġejjin għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, għall-kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li jkunu parti minn grupp li huwa soġġett għal superviżjoni ta’ grupp f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 213(2):

(a)il-ħatra ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda li għandha tkun responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan it-Titolu, meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jappartjenu għall-grupp ma jkollhomx kumpanija omm komuni fl-Unjoni;

(b)il-ħtieġa tal-istabbiliment ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jappartjenu għall-grupp ma jkollhomx kumpanija omm komuni fl-Unjoni, u l-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp immexxi minn dik il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta;

(c)meta diversi impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jappartjenu għall-grupp jifformaw sottogrupp li l-kumpanija omm tiegħu jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, minbarra l-applikazzjoni ta’ dan it-Titolu għal dan is-sottogrupp, it-teħid ta’ miżuri addizzjonali jew l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali, inklużi r-rekwiżiti msemmijin fil-punti (d), (e), u (f) ta’ dan is-subparagrafu u superviżjoni mtejba tal-konċentrazzjoni tar-riskju skont it-tifsira tal-Artikolu 244 u ta’ tranżazzjonijiet intragrupp skont it-tifsira tal-Artikolu 245, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(d)il-ħtieġa li l-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-kumpanija omm apikali fl-Unjoni jkunu indipendenti mill-kumpanija omm apikali barra mill-Unjoni;

(e)il-projbizzjoni, il-limitazzjoni, ir-restrizzjoni, il-monitoraġġ jew il-ħtieġa ta’ notifika minn qabel tat-tranżazzjonijiet, inklużi d-distribuzzjonijiet tad-dividendi u l-pagamenti tal-kupuni fuq id-dejn subordinat, fejn tali tranżazzjonijiet huma jew jistgħu jkunu ta’ theddida għall-pożizzjoni finanzjarja jew tas-solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fi ħdan il-grupp, u jinvolvu, minn naħa waħda, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, impriża li tappartjeni għall-grupp li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha barra mill-Unjoni; meta s-superviżur tal-grupp fl-Unjoni ma jkunx waħda mill-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru li fih impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, is-superviżur tal-grupp fl-Unjoni għandu jinforma lil dawk l-awtoritajiet superviżorji dwar is-sejbiet tiegħu sabiex jippermettilhom jieħdu l-miżuri xierqa;

(f)il-ħtieġa ta’ informazzjoni dwar is-solvenza u l-pożizzjoni finanzjarja, il-profil tar-riskju, u l-limiti tat-tolleranza tar-riskju tal-kumpaniji omm li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom barra mill-Unjoni, inklużi, fejn applikabbli, rapporti dwar dawk is-suġġetti li huma sottomessi lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew lill-awtoritajiet superviżorji ta’ dawk il-kumpaniji omm ta’ pajjiżi terzi.”;

(88)fl-Artikolu 265, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, meta l-kumpanija omm ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda jew aktar tkun istituzzjoni ta’ kreditu, ditta tal-investiment, istituzzjoni finanzjarja, kumpanija maniġerjali tal-UCITS, maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv, istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali jew impriża mhux regolata li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fejn dawk l-attivitajiet jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-attività ġenerali tagħha, l-awtoritajiet superviżorji responsabbli għas-superviżjoni ta’ dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jeżerċitaw superviżjoni ġenerali fuq it-tranżazzjonijiet bejn dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-kumpanija omm u l-impriżi relatati tagħha.”;

(89)l-Artikolu 301a huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 29, 35b u 256b għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva emendatorja].”;

(ii)jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ durata identika, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għat-tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.”;

(b)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 17, 29, 31, 35, 35b, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 216, 217, 227, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 256b, 258, 260 u 308b, tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”;

(c)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 17, 29, 31, 35, 35b, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 216, 217, 227, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 256b, 258, 260 jew 308b għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(90)l-Artikolu 304(2) huwa sostitwit b’dan li ġej;

“2. Minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja], l-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja jistgħu jkomplu japplikaw l-approċċ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss fir-rigward tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li għalihom l-awtoritajiet superviżorji approvaw l-applikazzjoni tas-submodulu tal-ekwità bbażat fuq id-durata qabel [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja].”;

(91)jiddaħħal l-Artikolu 304a li ġej:

“Artikolu 304a
Rieżamijiet fir-rigward tar-riskju għas-sostenibbiltà

1. L-EIOPA, wara li tikkonsulta mal-BERS, għandha tivvaluta, fuq il-bażi tad-data disponibbli u tas-sejbiet tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u tal-EBA fil-kuntest tal-ħidma tagħha skont il-mandat stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 501c tar-Regolament (UE) 575/2013 jekk ikunx iġġustifikat trattament prudenzjali dedikat ta’ skoperturi relatati ma’ assi jew ma’ attivitajiet assoċjati sostanzjalment ma’ objettivi ambjentali jew soċjali. B’mod partikolari, l-EIOPA għandha tivvaluta l-effetti potenzjali ta’ trattament prudenzjali dedikat ta’ skoperturi relatati ma’ assi u ma’ attivitajiet li huma assoċjati sostanzjalment ma’ objettivi ambjentali u/jew soċjali jew li huma assoċjati sostanzjalment mal-ħsara għal tali objettivi dwar il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni.

L-EIOPA għandha tissottometti rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Ġunju 2023. Fejn xieraq, ir-rapport għandu jqis trattament prudenzjali possibbli tal-iskoperturi relatati mal-assi u mal-attivitajiet li huma assoċjati sostanzjalment mal-objettivi ambjentali jew soċjali jew li huma assoċjati sostanzjalment mal-ħsara għal tali objettivi u jkun akkumpanjat minn valutazzjoni tal-impatt tal-emendi proposti fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

2. L-EIOPA għandha tirrieżamina tal-anqas kull tliet snin, fir-rigward tar-riskju ta’ katastrofi naturali, l-ambitu u l-kalibrazzjoni tal-parametri standard tas-submodulu ta’ katastrofi mhux tal-ħajja tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza msemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 105(2). Għall-finijiet ta’ dawk ir-rieżamijiet, l-EIOPA għandha tqis l-aħħar evidenza rilevanti disponibbli dwar ix-xjenza klimatika u r-rilevanza tar-riskji f’termini tar-riskji assigurati mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw il-formula standard għall-kalkolu tas-submodulu ta’ katastrofi mhux tal-ħajja tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

L-ewwel rieżami skont l-ewwel subparagrafu għandu jitlesta sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Meta l-EIOPA ssib, matul rieżami skont l-ewwel subparagrafu, li, minħabba l-ambitu jew il-kalibrazzjoni tal-parametri standard tas-submodulu tar-riskju ta’ katastrofi mhux tal-ħajja, ikun hemm diskrepanza sinifikanti bejn il-parti tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza relatata mal-katastrofi naturali u r-riskju reali ta’ katastrofi naturali li jiffaċċjaw l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, l-EIOPA għandha tissottometti opinjoni dwar ir-riskju ta’ katastrofi naturali lill-Kummissjoni.

Opinjoni dwar ir-riskju ta’ katastrofi naturali ppreżentata lill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu għandha tikkunsidra l-ambitu jew il-kalibrazzjoni tal-parametri standard tas-submodulu ta’ katastrofi mhux tal-ħajja tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza sabiex tiġi rrimedjata d-diskrepanza misjuba u tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tal-emendi proposti fuq l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

* Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”;

(92)fl-Artikolu 305, jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(93)jitħassar l-Artikolu 308a;

(94)l-Artikolu 308b huwa emendat kif ġej:

(a)jitħassru l-paragrafi 5 sa 8;

(b)il-paragrafu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12. Minkejja l-Artikolu 100, l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parametri standard li għandhom jintużaw meta tiġi kkalkolata l-konċentrazzjoni tar-riskju tas-suq u s-submoduli tar-riskju tal-firxa f’konformità mal-formula standard għandhom ikunu l-istess fir-rigward tal-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew għall-banek ċentrali tal-Istati Membri mġarrbin qabel l-1 ta’ Jannar 2020 u ddenominati u ffinanzjati fil-valuta domestika ta’ kwalunkwe Stat Membru bħal dawk li jkunu applikati għal tali skoperturi ddenominati u ffinanzjati fil-valuta domestika tagħhom;”;

(c)fil-paragrafu 17, jiddaħħlu s-subparagrafi li ġejjin wara l-ewwel subparagrafu:

“Meta grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew kwalunkwe waħda mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni sussidjarji tiegħu, tkun qed tapplika l-miżura tranżizzjonali fuq ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju msemmijin fl-Artikolu 308c jew il-miżura tranżizzjonali fuq il-provvedimenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 308d, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipi, il-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta għandhom jiżvelaw pubblikament, bħala parti mir-rapport tagħha dwar is-solvenza tal-grupp u l-kundizzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 256, u b’mod supplimentari għall-iżvelar imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 308c(4) u fil-punt (c) tal-Artikolu 308d(5), il-kwantifikazzjoni tal-impatt fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħha tas-suppożizzjoni li l-fondi proprji li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri tranżizzjonali ma jistgħux effettivament jitqiegħdu għad-dispożizzjoni sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriża parteċipi li għaliha tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp.

Meta grupp tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jiddependi b’mod materjali fuq l-użu tal-miżuri tranżizzjonali msemmijin fl-Artikoli 308c u 308d b’tali mod li jirrappreżenta ħażin il-pożizzjoni attwali ta’ solvenza tal-grupp, anke meta r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp jista’ jkun issodisfat mingħajr l-użu ta’ dawk il-miżuri tranżizzjonali, is-superviżur tal-grupp għandu jkollu s-setgħa li jieħu miżuri xierqa, li jinkludu l-possibbiltà li jitnaqqas l-ammont ta’ fondi proprji li jirriżulta mill-użu ta’ dawk il-miżuri tranżizzjonali li jistgħu jitqiesu eliġibbli sabiex ikopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.”;

(95)l-Artikolu 308c huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Wara [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja], l-awtoritajiet superviżorji għandhom japprovaw biss aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju fil-każijiet li ġejjin:

(a) matul perjodu ta’ 18-il xahar qabel l-approvazzjoni, ir-regoli ta’ din id-Direttiva applikati għall-ewwel darba għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni wara li tkun eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 4;

(b) matul perjodu ta’ sitt xhur qabel l-approvazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni tkun irċeviet awtorizzazzjoni sabiex taċċetta portafoll ta’ kuntratti, skont l-Artikolu 39, meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tittrasferixxi tkun applikat l-aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju fir-rigward ta’ dak il-portafoll ta’ kuntratti qabel it-trasferiment.”;

(b)fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) fil-parti tar-rapport tagħhom dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom li tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lil parteċipanti oħrajn fis-suq imsemmija fl-Artikolu 51(1b), jiżvelaw pubblikament dan kollu li ġej:

(i) il-fatt li japplikaw l-istruttura tranżitorja ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju;

(ii) il-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura tranżizzjonali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom;

(iii) meta l-impriża tkun konformi mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta’ din il-miżura tranżizzjonali, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-miżura tranżizzjonali;

(iv) valutazzjoni tad-dipendenza tal-impriża fuq din il-miżura tranżizzjonali u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-miżuri meħudin jew ippjanati mill-impriża sabiex tnaqqas jew tneħħi d-dipendenza.”;

(96)l-Artikolu 308d huwa emendat kif ġej:

(a)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a. Wara [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja], l-awtoritajiet superviżorji għandhom japprovaw biss tnaqqis tranżizzjonali għall-provvedimenti tekniċi fil-każijiet li ġejjin:

(a) matul perjodu ta’ 18-il xahar qabel l-approvazzjoni, ir-regoli ta’ din id-Direttiva applikati għall-ewwel darba għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni wara li tkun eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 4;

(b) matul perjodu ta’ sitt xhur qabel l-approvazzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li titlob l-approvazzjoni tkun aċċettat portafoll ta’ kuntratti, skont l-Artikolu 39, meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tittrasferixxi tkun applikat l-aġġustament tranżizzjonali għall-istruttura rilevanti ta’ terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju fir-rigward ta’ dak il-portafoll ta’ kuntratti qabel it-trasferiment.”;

(b)fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) fil-parti tar-rapport tagħhom dwar is-solvenza u l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom li tikkonsisti f’informazzjoni indirizzata lil parteċipanti oħrajn fis-suq imsemmija fl-Artikolu 51(1b), jiżvelaw pubblikament dan kollu li ġej:

(i) il-fatt li japplikaw it-tnaqqis tranżizzjonali għall-provvedimenti tekniċi;

(ii) il-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dak it-tnaqqis tranżizzjonali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom;

(iii) meta l-impriża tkun konformi mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta’ din il-miżura tranżizzjonali, ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-miżura tranżizzjonali;

(iv) valutazzjoni tad-dipendenza tal-impriża fuq din il-miżura tranżizzjonali u, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-miżuri meħudin jew ippjanati mill-impriża sabiex tnaqqas jew tneħħi d-dipendenza.”;

(97)fl-Artikolu 309(1), jitħassar ir-raba’ subparagrafu;

(98)fl-Artikolu 311, jitħassar it-tieni paragrafu;

(99)l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness ma’ din id-Direttiva;

Artikolu 2
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = 18-il xahar u jum wara d-dħul fis-seħħ].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Għall-finijiet ta’ dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni, u sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, it-terminu “assigurazzjoni” jirreferi għal “assigurazzjoni u riassigurazzjoni” f’daqqa.
(2)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(3)    COM/2020/590
(4)    COM/2019/640
(5)    2020/2036(INI)
(6)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar is-CMU (12898/1/20 REV 1).
(7)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).
(8)    COM(2021)580
(9)    COM(2021)189
(10)    COM(2021)390
(11)    Ref. Ares(2021)844869
(12)    Ref. Ares(2019)782244
(13)    Ref. EIOPA-BoS-20-749
(14)    SWD(2021)260
(15)    SEC(2021)620
(16)    ĠU C […], […], p. […].
(17)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.).
(18)    COM/2050/590 final
(19)    COM(2019)640 final
(20)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).
(21)    COM(2021)750 final
(22)    COM(2021)390
(23)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(24)    Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar impriżi ta’ assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).
(25)    Id-Direttiva (UE) 2019/2177 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), id-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 155).
(26)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150 7.6.2019, p. 1).
(27)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).
(28)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(29)    Id-Direttiva (UE) 2019/878 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, remunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni ta’ kapital (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 253).
(30)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/981 tat-8 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35, li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 161, 18.6.2019, p. 1).
Top

Brussell, 22.9.2021

COM(2021) 581 final

ANNESS

tal-

proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 2009/138/KE f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, il-kwalità tas-superviżjoni, ir-rappurtar, il-miżuri ta’ garanzija fit-tul, l-għodod makroprudenzjali, ir-riskji tas-sostenibbiltà, is-superviżjoni tal-gruppi u s-superviżjoni transfruntiera

{SEC(2021) 620 final} - {SWD(2021) 260 final} - {SWD(2021) 261 final}


ANNESS

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(1)fit-taqsima A. “Forom ta’ impriża ta’ assigurazzjoni mhux tal-ħajja”, il-punt (27) jitħassar;

(2)fit-taqsima B. “Forom ta’ assigurazzjoni tal-ħajja”, il-punt (27) jitħassar;

(3)fit-taqsima C. “Forom tal-impriżi tar-riassikurazzjoni” il-punt (27) jitħassar.

Top