Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0559

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    COM/2021/559 final

    Brussell, 14.7.2021

    COM(2021) 559 final

    2021/0223(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    {SEC(2021) 560 final} - {SWD(2021) 631 final} - {SWD(2021) 632 final} - {SWD(2021) 637 final} - {SWD(2021) 638 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Din il-proposta tikkonċerna l-ħolqien ta’ Regolament ġdid dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi. Ir-Regolament il-ġdid se jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi 1 .

    1.1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-mobbiltà u t-trasport huma essenzjali għal kull min jgħix fl-Ewropa u għall-ekonomija Ewropea kollha kemm hi. Il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija bejn il-fruntieri interni tal-Unjoni Ewropea huwa libertà fundamentali tal-UE u tas-suq uniku tagħha. Il-mobbiltà ġġib magħha ħafna benefiċċji soċjoekonomiċi għall-pubbliku u għan-negozji Ewropej, iżda għandha wkoll impatt li qiegħed dejjem jikber fuq l-ambjent, inkluż fil-forma ta’ żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u fit-tniġġis tal-arja lokali, li jaffettwaw is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem.

    F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 . Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) fit-trasport. L-għan huwa li l-UE ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, filwaqt li jsir progress ukoll lejn ambizzjoni ta’ tniġġis żero. F’Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Liġi Ewropea dwar il-Klima biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990 u biex l-Ewropa titpoġġa fi triq responsabbli biex issir newtrali għall-klima sal-2050 3 . Il-Komunikazzjoni It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 4 tinnota r-rilevanza ta’ approċċ olistiku għall-ippjanar tal-infrastruttura fuq skala kbira u lokali u l-ħtieġa tal-introduzzjoni xierqa ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn flotta ta’ karozzi b’emissjonijiet kważi żero sal-2050. Fil-21 ta’ April 2021, il-Kunsill u l-Parlament laħqu ftehim politiku proviżorju dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

    F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti 5 . L-istrateġija tistabbilixxi l-bażi ta’ kif is-sistema tat-trasport tal-UE tista’ tikseb din it-trasformazzjoni u tistabbilixxi stadji ewlenin konkreti biex it-tranżizzjoni tas-sistema tat-trasport lejn futur intelliġenti u sostenibbli tinżamm fit-triq it-tajba. Is-settur tat-trasport għadu jiddependi ħafna mill-fjuwils fossili. Iż-żieda fl-adozzjoni ta’ vetturi, bastimenti u ajruplani b’emissjonijiet żero u baxxi u ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-modi kollha tat-trasport hija objettiv prijoritarju fil-missjoni li l-modi kollha tat-trasport isiru aktar sostenibbli.

    Iż-żieda fil-varar u fl-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju trid timxi id f’id mal-ħolqien ta’ network komprensiv tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment b’bażi ġeografikament ġusta biex ikun possibbli l-adozzjoni mifruxa ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero fil-modi kollha tat-trasport. B’mod partikolari fis-swieq tal-karozzi tal-passiġġieri, il-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi se jaqilbu għal vetturi b’emissjonijiet żero biss ladarba jkunu ċerti li jistgħu jiċċarġjaw jew jimlew il-vetturi tagħhom kullimkien fl-UE u b’mod faċli daqs kif inhu l-każ bħalissa għal vetturi li jaħdmu bi fjuwils konvenzjonali. Huwa importanti li l-ebda reġjun jew territorju tal-UE ma jitħalla jaqa’ lura u li d-differenzi reġjonali fil-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi jiġu indirizzati sew fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa ta’ politika nazzjonali.

    Id-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (“id-Direttiva”) tistabbilixxi qafas ta’ miżuri komuni għall-varar ta’ tali infrastruttura fl-UE. Din tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa ta’ politika nazzjonali biex jistabbilixxu swieq għal fjuwils alternattivi u jiżguraw li jiġu varati għadd xieraq ta’ punti tal-irriċarġjar u ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari biex tiġi permessa ċ-ċirkolazzjoni transfruntiera libera ta’ tali vetturi u bastimenti fin-network TEN-T. Fir-rapport reċenti tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, il-Kummissjoni nnotat xi progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 6 . Madankollu, in-nuqqasijiet tal-qafas ta’ politika attwali jidhru wkoll b’mod ċar: peress li ma hemm l-ebda metodoloġija dettaljata u vinkolanti biex l-Istati Membri jikkalkulaw il-miri u jadottaw miżuri, il-livell ta’ ambizzjoni tagħhom fl-iffissar tal-miri u l-politiki ta’ appoġġ stabbiliti jvarja ħafna. Ir-rapport jikkonkludi li ma jeżistix network komprensiv u komplut ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi madwar l-UE. Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri nnotat fir-rapport speċjali tagħha dwar l-infrastruttura tal-irriċarġjar li għad hemm ostakli għall-ivvjaġġar madwar l-UE f’vetturi elettriċi u li l-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar fl-Unjoni jeħtieġ li jitħaffef 7 .

    Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post ta’ din id-Direttiva 8 . L-evalwazzjoni sabet li d-Direttiva ma hijiex adattata sew għall-iskop li tintlaħaq l-ambizzjoni klimatika akbar għall-2030. Il-problemi ewlenin jinkludu li l-ippjanar tal-infrastruttura tal-Istati Membri bħala medja huwa nieqes mil-livell ta’ ambizzjoni, konsistenza u koerenza meħtieġa, li jwassal għal infrastruttura insuffiċjenti li ma hijiex distribwita b’mod uniformi. Għadhom jippersistu problemi ulterjuri bl-interoperabbiltà ma’ konnessjonijiet fiżiċi, filwaqt li tfaċċaw problemi ġodda dwar l-istandards tal-komunikazzjoni, inkluż l-iskambju ta’ data bejn l-atturi differenti fl-ekosistema tal-elettromobbiltà. Fl-aħħar nett, hemm nuqqas ta’ informazzjoni trasparenti għall-konsumatur u sistemi komuni ta’ pagament, li jillimitaw l-aċċettazzjoni mill-utenti. Mingħajr azzjoni ulterjuri tal-UE, dan in-nuqqas ta’ infrastruttura interoperabbli u faċli biex tintuża tal-irriċarġjar u tar-riforniment x’aktarx li jsir ostaklu għat-tkabbir meħtieġ fis-suq ta’ vetturi, bastimenti u – fil-futur – inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi u żero.

    Din il-proposta hija parti mis-sett kumplessiv ta’ inizjattivi ta’ politika interkonnessi fil-qafas tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Dawn l-inizjattivi ta’ politika jikkorrispondu għall-azzjonijiet meħtieġa fis-setturi kollha tal-ekonomija biex jikkomplementaw l-isforzi nazzjonali sabiex tintlaħaq ambizzjoni klimatika akbar għall-2030, kif deskritt fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2021 9 .

    Din l-inizjattiva tfittex li tiżgura d-disponibbiltà u l-użu ta’ network dens u mifrux ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi madwar l-UE. L-utenti kollha ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv (inklużi bastimenti u inġenji tal-ajru) jeħtieġ li jkunu jistgħu jivvjaġġaw madwar l-UE b’mod faċli, ħaġa li ssir possibbli permezz ta’ infrastruttura ewlenija bħall-awtostradi, il-portijiet u l-ajruporti. L-objettivi speċifiċi huma: (i) l-iżgurar ta’ infrastruttura minima biex tiġi appoġġata l-adozzjoni meħtieġa ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv fil-modi kollha tat-trasport u fl-Istati Membri kollha sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE; (ii) l-iżgurar tal-interoperabbiltà sħiħa tal-infrastruttura; u (iii) l-iżgurar ta’ informazzjoni sħiħa għall-utenti u għażliet ta’ pagament adegwati.

    L-ilħuq tal-għan tal-Patt Ekoloġiku Ewropew dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport u l-iżvilupp ta’ suq komuni tat-trasport tal-UE jirrikjedu konnettività sħiħa u esperjenza tal-utenti bla xkiel tul in-network Ewropew tat-trasport għall-vetturi, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi u żero. Din min-naħa tagħha tirrikjedi kwantità suffiċjenti u interoperabbiltà sħiħa tal-infrastruttura li taqsam il-fruntieri. Huwa biss qafas leġiżlattiv Ewropew komuni li jista’ jilħaq dawn l-objettivi. Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għal żvilupp u introduzzjoni koerenti u konsistenti ta’ flotot ta’ vetturi, infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment u informazzjoni u servizzi għall-utenti.

    1.2.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-inizjattivi ta’ politika l-oħra tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Din l-inizjattiva tikkomplementa b’mod partikolari: (i) ir-regolamenti li jistabbilixxu standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief ġodda 10 u vetturi tqal 11 ; u (ii) il-proposta leġiżlattiva biex jiġu stabbiliti standards ġodda ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda u vetturi kummerċjali ħfief ġodda wara l-2020, li huma wkoll parti mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” 12 . L-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 jipprovdu spinta qawwija għall-varar ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, u b’hekk joħolqu wkoll domanda għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Din l-inizjattiva se tippermetti din it-tranżizzjoni billi tiżgura li jkun hemm infrastruttura suffiċjenti tal-irriċarġjar u tar-riforniment disponibbli għall-pubbliku għall-vetturi tat-trasport bit-triq ħfief u tqal.

    Din l-inizjattiva taġixxi wkoll f’sinerġija b’saħħitha mar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 13 , ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trasport sostenibbli bl-ajru (l-inizjattiva RefuelEU Aviation) 14 u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu (l-inizjattiva FuelEU Maritime) 15 , li jistabbilixxu obbligi dwar il-provvista ta’ fjuwils għat-trasport rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u d-domanda għalihom. Kull wieħed minn dawk l-istrumenti jippromwovi żieda fil-provvista jew fid-domanda ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli f’mod ta’ trasport wieħed jew aktar.

    Għat-trasport fuq l-ilma, din l-inizjattiva tissodisfa r-rekwiżit ċar tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li l-vapuri rmiġġati jiġu obbligati jużaw l-elettriku mix-xatt. Hija komplementari b’mod sħiħ mal-inizjattiva FuelEU Maritime billi tiżgura li tiġi installata provvista suffiċjenti tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet sabiex jiġi pprovdut l-elettriku waqt li l-vapuri tal-passiġġieri (inklużi l-vapuri ro-ro tal-passiġġieri, l-inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri u l-vapuri tal-kruċiera) u l-bastimenti tal-kontejners ikunu rmiġġati u billi takkomoda d-domanda għal gassijiet dekarbonizzati (jiġifieri l-bijo-LNG u fjuwils gassużi sintetiċi (gass-e). Fil-każ ta’ vapuri tal-passiġġieri, il-kategoriji differenti ta’ vapuri jvarjaw fil-karatteristiċi tad-domanda għall-enerġija tagħhom waqt li jkunu rmiġġati, u dan iwassal għal ħtiġijiet differenti ta’ investiment fil-port. Dan jeħtieġ li jiġi kkombinat mal-karatteristiċi operazzjonali differenti tal-portijiet, inklużi t-tqassim u t-terminali. Għal din ir-raġuni ssir distinzjoni ulterjuri dwar il-vapuri tal-passiġġieri meta mqabbla mal-inizjattiva FuelEU Maritime fl-identifikazzjoni ta’ żewġ kategoriji, dik tal-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u l-bastimenti tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja, u dik ta’ vapuri oħra tal-passiġġieri, b’mod partikolari l-vapuri tal-kruċiera. Għalhekk, flimkien mal-inizjattiva FuelEU Maritime, tikkontribwixxi biex tingħeleb il-kwistjoni attwali tal-“bajda u t-tiġieġa”, li fissret li d-domanda baxxa ħafna biex l-operaturi tal-vapuri jaqbdu mal-grilja elettrika filwaqt li jkunu rmiġġati għamlitha inqas attraenti għall-portijiet li jinvestu fl-elettriku mix-xatt. L-introduzzjoni limitata ta’ Provvista tal-enerġija fuq l-art (OPS) fil-portijiet tirriskja li tfixkel il-kundizzjonijiet ekwivalenti bejn il-portijiet, b’mod partikolari għall-investituri fi stadju bikri, peress li l-bastimenti li ma jkunux mgħammra bl-OPS jistgħu jibdlu t-traffiku tagħhom. Għalhekk huwa importanti li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-portijiet marittimi fin-network TEN-T kollu.

    L-inizjattiva hija wkoll komplementari għall-inizjattiva ReFuelEU Aviation. Hija tissupplimenta l-isforz ta’ dik l-inizjattiva biex jibdew jintużaw fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jirrikjedux infrastruttura distinta ta’ riforniment b’dispożizzjonijiet għall-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji kollha u b’hekk tappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni.

    Minbarra l-proposta leġiżlattiva, il-Kummissjoni se tindirizza l-ħtieġa ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni (R&I) addizzjonali, b’mod partikolari permezz tas-sħubija koprogrammata Trasport fuq l-Ilma b’Emissjonijiet Żero proposta mill-Pjattaforma tat-Teknoloġija Waterborne fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 u l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif li taħdem f’sinerġija ma’ dawn iż-żewġ sħubijiet tat-trasport.

    Din l-inizjattiva hija konsistenti wkoll mar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Hija tfittex li tiżgura li n-nuqqas tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment ma jfixkilx iż-żieda ġenerali fl-iskala tal-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tat-trasport, fejn dawn jirrikjedu infrastruttura distinta. Fil-livell tal-Unjoni, ma hemm l-ebda strument ta’ politika ekwivalenti għad-Direttiva dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi biex jiżgura l-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku fil-modi kollha tat-trasport b’mod simili. Din l-inizjattiva hija marbuta wkoll mill-qrib mal-proposta li ġejja biex jiġi rivedut ir-Regolament dwar il-Linji Gwida għan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport 16 . Ir-reviżjoni ppjanata ta’ dak ir-Regolament se tibni fuq l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi diġà varata permezz ta’ proġetti individwali fil-kurituri tan-network TEN-T, u tikkomplementaha. Permezz ta’ kontroreferenzjar konsistenti għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-inizjattiva, ir-reviżjoni tar-Regolament se tiżgura kopertura suffiċjenti fin-network ewlieni u komprensiv TEN-T.

    Billi tiżgura li jkun hemm l-infrastruttura meħtieġa għal vetturi u bastimenti b’emissjonijiet żero u baxxi, din l-inizjattiva se tikkomplementa wkoll sett ta’ inizjattivi ta’ politika oħrajn fil-qafas tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” li jistimula d-domanda għal tali vetturi billi jistabbilixxi sinjali tal-prezzijiet li jinkorporaw l-esternalitajiet klimatiċi u ambjentali tal-fjuwils fossili; inizjattivi bħal dawn jinkludu r-reviżjoni tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 17 , u r-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 18 .

    1.3.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din l-inizjattiva jeħtieġ li taħdem f’sinerġija mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 19 (EPBD), li tindirizza l-infrastruttura privata tal-irriċarġjar billi tistipula rekwiżiti għall-introduzzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar fil-bini. Ir-relazzjoni bejn l-infrastruttura pubblika u privata tal-irriċarġjar ġiet indirizzata bir-reqqa fil-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa din l-inizjattiva ta’ politika.

    Billi tiżgura li jkun hemm l-infrastruttura meħtieġa għal vetturi u bastimenti b’emissjonijiet żero u baxxi, din l-inizjattiva se tikkomplementa wkoll l-isforzi ta’ politika dwar l-iċċarġjar fit-triq, li huma maħsuba wkoll biex jistimulaw id-domanda għal tali vetturi. Il-mira ta’ dan hija li jiġu inkorporati aħjar l-esternalitajiet klimatiċi u ambjentali tal-fjuwils fossili, kif kien maħsub mid-Direttiva dwar il-Eurovignette 20 , li bħalissa qed tiġi riveduta wkoll.

    Strument ta’ politika ieħor li għandu l-għan li jħaffef il-varar ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi u żero huwa d-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa 21 . Disponibbiltà usa’ tal-infrastruttura u introduzzjoni aktar rapida ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi se jiffaċilitaw b’mod indirett il-varar ta’ vetturi nodfa fil-flotot pubbliċi. Madankollu, il-flotot pubbliċi (speċjalment il-flotot tax-xarabanks) tipikament jiddependu mill-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment tagħhom stess minflok fuq infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku. L-interazzjoni mad-Direttiva ssir prinċipalment permezz tal-istandardizzazzjoni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

    Il-varar ta’ aktar vetturi elettriċi tal-idroġenu u tal-batteriji fil-flotta tal-UE huwa wkoll parti importanti mill-istrateġija tal-Kummissjoni għall-idroġenu 22 u l-istrateġija dwar l-integrazzjoni intelliġenti tas-sistema tal-enerġija 23 ; disponibbiltà insuffiċjenti tal-infrastruttura korrispondenti għall-vetturi tirriskja li tipperikola dawn l-ambizzjonijiet.

    Billi tiffaċilita l-varar ta’ numri dejjem akbar ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, din l-inizjattiva tikkontribwixxi wkoll għall-ambizzjoni ta’ tniġġis żero fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi tikkomplementa l-istandards ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu Euro 6 (għall-karozzi u l-vannijiet) 24 u Euro VI (għax-xarabanks u t-trakkijiet) 25 , li jistabbilixxu limiti tal-emissjonijiet għall-vetturi kollha.

    Fl-aħħar nett, din l-inizjattiva taħdem flimkien mad-Direttiva dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti 26 , li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta proposta għal rieżami tagħha aktar tard din is-sena, u l-atti delegati tagħha, b’mod partikolari r-Regolament Delegat dwar servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha 27 . L-ambjent tad-data li qed jevolvi malajr għall-fjuwils alternattivi jirrikjedi li din l-inizjattiva tispeċifika t-tipi ta’ data rilevanti li għandhom isiru disponibbli, f’sinerġija mal-qafas ġenerali stabbilit fid-Direttiva dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti.

    Orizzont Ewropa huwa l-programm ta’ finanzjament prinċipali tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. 28 Dan jindirizza t-tibdil fil-klima, jgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir tal-UE. Raggruppament 5: Il-Klima, l-Enerġija u l-Mobbiltà għandu l-għan li jiġġieled it-tibdil fil-klima billi jagħmel is-setturi tal-enerġija u tat-trasport aktar favur il-klima u l-ambjent, aktar effiċjenti u kompetittivi, aktar intelliġenti, aktar sikuri u aktar reżiljenti. Ir-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej jistgħu jmexxu, jinnavigaw u jħaffu l-aġenda trasformattiva tal-Patt Ekoloġiku, billi jistabbilixxu d-direzzjoni, jittestjaw u juru soluzzjonijiet, jindirizzaw il-kompromessi, u jiżguraw li l-politika tkun koerenti, favur l-innovazzjoni, u infurmata mill-evidenza. Is-sħubijiet dwar it-Trasport bit-Triq Mingħajr Emissjonijiet (2Zero), dwar Mobbiltà Konnessa, Kooperattiva u Awtomatizzata (CCAM), dwar il-Katina tal-Valur tal-Batteriji Industrijali Ewropea (Batt4EU), dwar l-Idroġenu Nadif, dwar it-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa u dwar it-Tmexxija ta’ Tranżizzjonijiet Urbani lejn Futur Sostenibbli se jkollhom rwol ewlieni fit-twettiq ta’ mobbiltà newtrali għall-klima u favur l-ambjent. Il-Missjoni ta’ Orizzont Ewropa dwar bliet newtrali għall-klima u intelliġenti 29 għandha l-għan li tappoġġa, tippromwovi u tippreżenta 100 belt Ewropea fit-trasformazzjoni sistemika tagħhom lejn in-newtralità klimatika sal-2030.

    Il-politika ta’ koeżjoni se jkollha rwol ċentrali biex tgħin lir-reġjuni kollha fit-tranżizzjoni tagħhom lejn Ewropa aktar ekoloġika u newtrali għall-klima. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni huma disponibbli biex jappoġġaw l-investiment fl-innovazzjoni u fil-varar, b’mod partikolari fl-Istati Membri u fir-reġjuni inqas żviluppati. Il-politika ta’ koeżjoni se toffri appoġġ għal sistema tat-trasport sostenibbli, intelliġenti u reżiljenti, li tkopri l-modi kollha tat-trasport u l-livelli kollha tas-sistema tat-trasport f’konformità mar-rekwiżiti u mal-prijoritajiet speċifiċi identifikati fil-programmi nazzjonali u reġjonali.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    2.1.Bażi ġuridika

    Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prerogattiva tal-Unjoni li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-politika komuni tat-trasport, it-Titolu VI (l-Artikoli 90-91), u għan-networks trans-Ewropej, it-Titolu XVI (l-Artikoli 170-171). B’dan il-qafas legali, l-azzjoni tal-Unjoni tippermetti koordinazzjoni aħjar għall-varar uniformi u mifrux tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, minflok ma tiddependi mill-Istati Membri biss. Din tiffaċilita l-ivvjaġġar madwar l-Unjoni f’vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi kemm għall-utenti personali kif ukoll għan-negozji. Dan jgħin ukoll biex jiġi evitat li n-nuqqas ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, jew il-varar mhux uniformi tagħha, isiru ostaklu potenzjali għat-tlestija tas-suq intern u li jiskoraġġixxu l-produzzjoni tal-industrija tal-karozzi ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi.

    L-ilħuq tal-objettivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (kif ikkorroborat mill-istrateġija għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti) jirrikjedi żieda sostanzjali fil-vetturi u l-bastimenti b’emissjonijiet żero u baxxi. Dan mhux se jseħħ mingħajr il-varar ta’ network koerenti u komplut ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi kompletament interoperabbli li jagħmilha possibbli li wieħed jivvjaġġa madwar l-Unjoni f’vettura li taħdem bi fjuwil alternattiv. Kif kien innotat meta ġiet adottata d-Direttiva attwali, tali network ma jistax jiġi żviluppat b’mod adegwat mill-Istati Membri fuq bażi individwali; minflok, huwa meħtieġ l-intervent tal-Unjoni.

    2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-valur miżjud tal-Unjoni ta’ dan l-intervent f’termini ta’ effettività, effiċjenza u sinerġiji huwa ssottolinjat fl-evalwazzjoni tad-Direttiva attwali, flimkien mal-valutazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri. L-evalwazzjoni wriet li l-iżvilupp ta’ qafas komuni tal-UE sa ċertu punt għen biex tiġi evitata l-frammentazzjoni. Qafas bħal dan appoġġa l-iżvilupp ta’ politiki nazzjonali għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-Istati Membri kollha u appoġġa l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet aktar ekwivalenti fl-industrija. Billi ħeġġet l-interoperabbiltà, l-istandards tekniċi rilevanti u l-iffissar ta’ miri fuq perjodi ta’ żmien simili, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni pprovdiet xi ffrankar tal-kostijiet u valur aħjar għall-flus billi ffaċilitat l-ekonomiji ta’ skala, filwaqt li evitat id-duplikazzjoni tal-isforzi u tar-riżorsi, u pprovdiet investimenti ta’ finanzjament għall-infrastruttura. L-implimentazzjoni tad-Direttiva (u l-attivitajiet ta’ appoġġ tagħha) iffaċilitat il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar fjuwils alternattivi bejn l-atturi rilevanti pubbliċi u tal-industrija. Mingħajr id-Direttiva, tali kooperazzjoni x’aktarx li ma kinitx teżisti.

    Mingħajr l-intervent tal-Unjoni, kien ikun improbabbli ħafna li jiġi żviluppat network koerenti u komplut ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi kompletament interoperabbli fl-Istati Membri kollha, u b’hekk jiġi żgurat li jkun possibbli li wieħed jivvjaġġa madwar l-Unjoni f’vettura li taħdem bi fjuwil alternattiv. Dan min-naħa tiegħu huwa prerekwiżit għall-adozzjoni ta’ tali vetturi madwar l-Unjoni, li hija ta’ importanza essenzjali biex l-UE tilħaq l-ambizzjoni klimatika akbar tagħha għall-2030.

    2.3.Proporzjonalità

    F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Il-miżuri kollha jitqiesu proporzjonati f’termini tal-impatti tagħhom, kif muri fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din l-inizjattiva 30 . L-intervent propost jistabbilixxi rekwiżiti aktar vinkolanti fuq l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ infrastruttura suffiċjenti aċċessibbli għall-pubbliku tal-irriċarġjar u r-riforniment ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi fl-Unjoni. Dan huwa meħtieġ biex l-UE twettaq l-ambizzjoni akbar għall-klima u l-enerġija għall-2030 u tilħaq l-objettiv ġenerali li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, objettiv rifless, fost l-oħrajn, fl-istandards tas-CO2 għall-karozzi u għall-vannijiet u l-konnettività transfruntiera għal tali vetturi fin-network ewlieni u komprensiv TEN-T.

    L-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva attwali turi l-ħtieġa ta’ dan l-intervent rivedut. L-implimentazzjoni tad-Direttiva attwali qed twassal għal introduzzjoni mhux uniformi tal-infrastruttura fl-Istati Membri, li ma tirriżultax fin-network dens u wiesa’ ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi li huwa meħtieġ. Dan intwera bis-sħiħ fir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi 31 u fil-valutazzjoni tal-impatt li tappoġġa l-inizjattiva attwali. In-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-problema huma simili fost l-Istati Membri u hemm evidenza tal-ħtieġa u l-valur miżjud tal-iżgurar tal-konnettività transfruntiera għall-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi fl-Unjoni, li tiġġustifika kif xieraq l-azzjoni tal-Unjoni.

    Din l-inizjattiva toħloq qafas ta’ politika stabbli u trasparenti biex tgħin toħloq swieq miftuħa u kompetittivi, u b’hekk tistimula l-investiment fl-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment fil-modi kollha tat-trasport. Hija tistabbilixxi minimu komuni li s-swieq jistgħu jibnu fuqu u jibdew jipprovdu aktar infrastruttura b’reazzjoni għad-domanda tal-vetturi mis-swieq, abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ mira ċar u trasparenti li japplika madwar l-Unjoni.

    2.4.Għażla tal-istrument

    Filwaqt li l-Valutazzjoni tal-Impatt irriżultat f’Direttiva bħala l-għażla ta’ politika ppreferuta, il-Kummissjoni għażlet li tipproponi Regolament. L-għażla ta’ Regolament tiżgura żvilupp rapidu u koerenti lejn network dens u mifrux ħafna ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar kompletament interoperabbli fl-Istati Membri kollha. Id-deċiżjoni hija ġġustifikata b’mod partikolari fid-dawl tal-implimentazzjoni rapida u koerenti meħtieġa tal-miri tal-varar minimi nazzjonali bbażati fuq il-flotta stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri u l-miri obbligatorji bbażati fuq id-distanza tul in-network TEN-T, peress li l-ewwel miri proposti diġà jridu jkunu ntlaħqu sal-2025. B’dan il-perjodu ta’ żmien, il-bini ta’ network dens u mifrux biżżejjed ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għal vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi madwar l-Unjoni bl-istess pass u taħt l-istess kundizzjonijiet issa huwa ta’ rilevanza kbira biex tiġi appoġġata l-adozzjoni aċċellerata meħtieġa ħafna mis-suq ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi. Dan diġà jirrikjedi, fis-snin ta’ qabel l-2025, it-tfassil u l-iżvilupp ta’ pjanijiet u miżuri tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri. Regolament ġdid jistabbilixxi obbligi vinkolanti b’mod ċar u direttament applikabbli għall-Istati Membri fil-livell nazzjonali, u jiżgura l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni koerenti u f’waqthom tagħhom madwar l-UE kollha fl-istess ħin. Dan jevita r-riskju ta’ dewmien u inkonsistenzi fil-proċessi ta’ traspożizzjoni nazzjonali, u b’hekk joħloq ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ċari għas-swieq, li se jgħinu l-varar madwar l-Unjoni kollha tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment. Ir-Regolament se jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ governanza aktar robust li jsegwi l-progress tal-Istati Membri fil-kisba tal-miri u li jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-inċentivi t-tajbin sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw swieq kompetittivi tal-irriċarġjar. Skedi ta’ żmien ċari għat-tfassil u l-iżvilupp tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri, mekkaniżmi robusti ta’ monitoraġġ u rapportar, kif ukoll dispożizzjonijiet għal miżuri korrettivi mill-Istati Membri jistgħu jippermettu monitoraġġ u gwida ġenerali effiċjenti tal-isforzi fl-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri. Din l-inizjattiva tiggarantixxi approċċ bħal dan.

    3.RIŻULTATITAL-EVALWAZZJONIJIETEX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    3.1.Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Evalwazzjoni ex post ta’ “REFIT” uriet li d-Direttiva appoġġat l-iżvilupp ta’ politiki u miżuri għall-introduzzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fl-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tar-rekwiżit li jiġu żviluppati oqfsa ta’ politika nazzjonali (NPFs) 32 .

    Madankollu, fl-evalwazzjoni ġew indikati wkoll nuqqasijiet fil-qafas ta’ politika attwali. Barra minn hekk, l-objettiv ewlieni tad-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat żvilupp tas-suq koerenti fl-UE, ma ntlaħaqx. B’mod partikolari hemm nuqqasijiet fit-tliet oqsma li ġejjin: (i) in-nuqqas ta’ network komplut ta’ infrastruttura li tippermetti l-ivjaġġar bla xkiel madwar l-UE; (ii) il-ħtieġa ta’ aktar speċifikazzjonijiet tekniċi komuni biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà fid-dawl ta’ teknoloġiji emerġenti; u (iii) in-nuqqas ta’ informazzjoni sħiħa għall-utenti, metodi ta’ pagament uniformi u faċli biex jintużaw u trasparenza sħiħa fil-prezzijiet madwar l-Unjoni.

    L-evalwazzjoni kkonkludiet li sitt snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva, is-suq Ewropew kumplessiv għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għadu f’fażi ta’ żvilupp pjuttost bikrija, għalkemm is-swieq qed jimmaturaw f’xi partijiet tal-UE. Minħabba r-rilevanza ġenerali li tiġi żgurata infrastruttura suffiċjenti biex tappoġġa l-adozzjoni meħtieġa tal-vetturi u l-bastimenti fid-dawl tal-ambizzjoni klimatika akbar għall-2030, l-evalwazzjoni tad-Direttiva rrakkomandat li l-leġiżlazzjoni tinżamm iżda tiġi riveduta.

    3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati f’formati differenti.

    Saret konsultazzjoni pubblika dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (IIA) 33 għal din l-inizjattiva, bejn is-6 ta’ April u l-4 ta’ Mejju 2020. Il-Kummissjoni rċeviet 86 tweġiba, l-aktar (61) minn kumpaniji u assoċjazzjonijiet tan-negozju. Għall-IIA wieġbu wkoll NGOs u ċittadini kif ukoll network wieħed ta’ bliet.

    Saret konsultazzjoni pubblika miftuħa, organizzata mill-Kummissjoni, bejn is-6 ta’ April 2020 u d-29 ta’ Ġunju 2020. Il-konsultazzjoni stiednet lill-membri kollha tal-pubbliku u lill-organizzazzjonijiet jipprovdu l-fehmiet tagħhom kemm dwar l-evalwazzjoni kif ukoll dwar il-valutazzjoni tal-impatt 34 . B’kollox waslu 324 tweġiba.

    Intervisti u stħarriġiet immirati tal-partijiet ikkonċernati bejn Ottubru 2020 u Jannar 2021: il-Kummissjoni organizzat intervisti esploratorji ma’ rappreżentanti fil-livell tal-UE ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin, b’mod partikolari biex tappoġġa u tirfina d-definizzjoni ġenerali tal-problema u l-għażliet ta’ politika possibbli. Twettqu aktar intervisti u tqassam stħarriġ online fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet pubbliċi u korpi pubbliċi oħra (awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, korpi tal-UE), ir-rappreżentanti tal-industrija (inklużi l-assoċjazzjonijiet rilevanti), u l-membri tas-soċjetà ċivili (l-NGOs, il-gruppi tal-konsumaturi).

    Konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati, organizzata mill-konsulent inkarigat mill-istudju ta’ appoġġ estern għall-valutazzjoni tal-impatt, bejn Diċembru 2020 u Frar 2021. Il-konsultazzjoni kienet tinkludi stħarriġ immirat fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin u intervisti mmirati u talbiet għal data biex jimtlew talbiet speċifiċi għall-informazzjoni, b’mod partikolari biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ metodoloġija ħalli jiġi ddeterminat il-varar suffiċjenti tal-infrastruttura u tiġi appoġġata l-valutazzjoni tal-impatti ta’ miżuri ta’ politika possibbli.

    3.3.Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Fit-tħejjija ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni użat is-sejbiet tal-evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 35 . Il-partijiet ikkonċernati pprovdew ħafna informazzjoni fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni, issupplimentata b’informazzjoni li pprovdew lill-Kummissjoni fuq bażi ad hoc. Il-valutazzjoni tal-impatt tiddependi b’mod konsiderevoli minn studju ta’ appoġġ estern li jakkumpanjaha mwettaq minn konsulent 36 . Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għal konsultazzjoni wiesgħa mal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli, il-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-fjuwils alternattivi. Il-konsultazzjoni mal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli saret bejn Ottubru 2018 u Novembru 2019, b’enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet ta’ politika futuri fil-qasam tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi 37 . B’mod ġenerali, is-sorsi użati għall-abbozz tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt kienu diversi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma eżawrjenti u rappreżentattivi tad-diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati.

    3.4.Valutazzjoni tal-impatt

    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju rċieva l-verżjoni abbozz tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt fit-7 ta’ April 2021 u ħareġ opinjoni pożittiva fis-7 ta’ Mejju 2021. Il-Bord ikkunsidra li r-rapport jista’ jittejjeb aktar billi: (a) tiġi deskritta aħjar id-differenza bejn l-għażliet u kif dawn jorbtu mal-problemi identifikati; u (b) jiżdiedu l-isfumaturi fir-rapport biex jiġi ċċarat jekk l-impatti mistennija humiex ġejjin minn din l-inizjattiva speċifika jew minn politiki oħra, jew minn taħlita tat-tnejn”.

    Ir-rapport finali dwar il-valutazzjoni tal-impatt jinkludi deskrizzjoni u valutazzjoni komprensivi tal-valur miżjud tal-inizjattiva u r-rabtiet tagħha ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn. Dawn jistgħu jinstabu fit-Taqsimiet 1.3, 3.3 u 8.1 tar-rapport ta’ valutazzjoni. Deskrizzjoni dettaljata tal-għażliet ta’ politika hija inkluża fit-Taqsima 5, filwaqt li analiżi komprensiva tal-impatti tal-għażliet kollha hija ppreżentata fit-Taqsima 6. L-għażliet ta’ politika analizzati jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

    Għażla ta’ politika 1: bidliet sostantivi fid-Direttiva. L-iffissar ta’ miri nazzjonali u r-rapportar dwarhom skont il-qafas ta’ politika nazzjonali jibqa’ pilastru importanti, imsaħħaħ minn miri obbligatorji bbażati fuq il-flotta għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi għall-vetturi ħfief (LDVs). Għall-vetturi tqal (HDVs), jiġu introdotti miri obbligatorji bbażati fuq id-distanza tul in-network TEN-T għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi u l-punti ta’ riforniment tal-idroġenu, inklużi dispożizzjonijiet limitati għar-riforniment tal-idroġenu f’nodi urbani. Jiġu introdotti wkoll miri obbligatorji għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji u għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Barra minn hekk, xi aspetti tal-kwalità tal-infrastruttura jiġu indirizzati biex jittejbu l-interoperabbiltà u l-informazzjoni għall-utenti.

    Għażla ta’ politika 2: bidliet aktar sostantivi għad-Direttiva milli fl-għażla 1. Minbarra l-miri obbligatorji bbażati fuq il-flotta għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi għal-LDVs, jiġu stabbiliti miri bbażati fuq id-distanza għall-infrastruttura kollha tal-vetturi tat-triq għan-network TEN-T, inkluż għan-nodi urbani għall-infrastruttura tal-vetturi tqal. Din l-għażla tkun tinkludi wkoll dispożizzjonijiet aktar dettaljati għall-portijiet u l-ajruporti fin-network TEN-T u armonizzazzjoni akbar dwar l-għażliet ta’ pagament, l-istandards fiżiċi u ta’ komunikazzjoni u d-drittijiet tal-konsumaturi waqt l-iċċarġjar. Din issaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-prezzijiet u informazzjoni oħra għall-utenti, inkluż is-sinjalar fiżiku tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

    Għażla ta’ politika 3: bidla minn Direttiva għal Regolament (biex b’hekk isir l-aktar li jista’ jsir f’termini ta’ strumenti legali vinkolanti). Minbarra l-miri obbligatorji bbażati fuq il-flotta u bbażati fuq id-distanza fl-għażla 2, din l-għażla żżid aktar miri bbażati fuq il-post għal-LDVs elettriċi u żżid aktar miri għall-HDVs. L-għażla żżid ukoll ambizzjoni konsiderevoli għall-infrastruttura tal-portijiet, u tagħmel il-ħlas obbligatorju fit-terminal fiċ-ċarġers veloċi l-ġodda l-unika għażla ta’ pagament.

    Minħabba li tikseb l-aħjar bilanċ bejn l-objettivi miksuba u l-kost tal-implimentazzjoni, l-għażla 2 ġiet identifikata bħala l-aħjar għażla politika. Madankollu, l-għażla ta’ politika 2 hija miftuħa wkoll għal Regolament, b’impatt aċċellerat fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-każ. Il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri regolatorji inklużi fl-għażliet ta’ politika differenti.

    3.5.Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Hija meħtieġa ambizzjoni politika ħafna akbar għall-provvista ta’ infrastruttura suffiċjenti u kompletament interoperabbli tal-irriċarġjar u tar-riforniment biex jiġi appoġġat l-użu meħtieġ mis-suq ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi, f’konformità mal-ambizzjoni politika ġenerali tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-inizjattivi ta’ politika relatati tiegħu. L-idoneità regolatorja tinkiseb billi jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-atturi tas-suq. Il-kost relatat ogħla għall-awtoritajiet pubbliċi biex jappoġġaw l-introduzzjoni tal-infrastruttura, b’mod partikolari f’partijiet tan-network tat-trasport fejn id-domanda hija baxxa, irid jitqies fl-isfond ta’ żieda sinifikanti fid-domanda tal-utenti u ta’ opportunitajiet fuq skala kbira għat-tkabbir tas-suq. Ir-rieżami tal-politiki fil-qafas tal-pakkett ta’ politika “Lesti għall-mira ta’ 55 %” se jippermetti l-użu mis-suq ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u s-servizz ta’ manutenzjoni ta’ bastimenti mgħammra bi provvista tal-elettriku mix-xatt. Il-valutazzjoni tal-impatt tipprovdi analiżi dettaljata tal-kostijiet u l-benefiċċji, inkluż sommarju fl-Anness 3.

    Filwaqt li r-rieżami jżid l-ambizzjoni ġenerali tal-politika, dan jinkludi wkoll xi aspetti importanti ta’ simplifikazzjoni. Din is-simplifikazzjoni taffettwa primarjament lill-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi ċari u komuni se jissimplifika l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom, peress li se jiffaċċjaw rekwiżiti minimi simili fl-Istati Membri kollha. Tali rekwiżiti se jissimplifikaw l-użu tal-infrastruttura minn konsumaturi privati u korporattivi (li bħalissa qed jiffaċċjaw għadd kbir ta’ approċċi ta’ użu) u jippermettu innovazzjoni aħjar tas-servizzi tan-negozju. Il-fiduċja tal-konsumaturi fir-robustezza ta’ network Pan-UE ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment se tiżdied, ħaġa li se tkun ta’ sostenn għall-profittabbiltà ġenerali tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment u li se tappoġġa każ ta’ negozju stabbli. L-atturi tas-suq u l-gruppi tal-utenti kollha se jibbenefikaw minn kostijiet aktar baxxi ta’ informazzjoni u, fil-każ tal-atturi tas-suq, kostijiet aktar baxxi ta’ konformità legali fuq terminu medju, peress li r-rekwiżiti għall-proviżjonament tal-infrastruttura skont ir-Regolament se jkunu armonizzati aħjar. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn qafas koerenti li japplika fl-UE kollha li jissimplifika l-koordinazzjoni mal-atturi tas-suq pubbliku u privat.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ma identifikat l-ebda qasam fejn id-dispożizzjonijiet ippjanati ta’ din l-inizjattiva joħolqu kost sinifikanti u sproporzjonat għall-SMEs, meta mqabbla mal-intrapriżi kollha. Din l-inizjattiva toħloq ċertezza fit-tul għas-suq għall-investiment fl-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment u toħloq il-bażi għall-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ data miftuħa li l-intrapriżi jistgħu jużaw biex jiżviluppaw servizzi ġodda tas-suq, li se jkunu ta’ benefiċċju għall-SMEs innovattivi. L-inizjattiva b’mod kumplessiv għandha impatt pożittiv fuq il-kompetittività tal-intrapriżi li jinstallaw u joperaw l-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment, kif ukoll fuq il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi stess. Dan minħabba li l-provvista ta’ infrastruttura suffiċjenti għandha impatt fuq l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, aspett ewlieni tal-kompetittività futura tal-industrija tal-karozzi, kif spjegat fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt li tirfed il-proposta għar-reviżjoni tal-istandards tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet 38 .

    3.6.Drittijiet fundamentali

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    5.ELEMENTI OĦRA

    5.1.Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    L-implimentazzjoni tar-Regolament rivedut se tiġi mmonitorjata bl-użu ta’ indikaturi għal-introduzzjoni fiżika tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment fl-UE. Se jintużaw strumenti ta’ monitoraġġ stabbiliti sew biex jiġi segwit il-varar.

    L-Istati Membri se jkollhom jadottaw qafas ta’ politika nazzjonali rivedut biex jiżviluppaw is-suq għall-fjuwils alternattivi fis-settur tat-trasport u jvaraw l-infrastruttura rilevanti f’konformità mad-dispożizzjonijiet imsaħħa proposti. Dan se jippermetti lill-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni b’mod koerenti u konsistenti. Il-provvista ta’ data lill-punti ta’ aċċess nazzjonali u komuni tal-Istati Membri se ssegwi standards ta’ kwalità tad-data maqbula b’mod komuni 39 . Barra minn hekk, l-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi se jiġi aġġornat u se jkompli jiġbor u jaġġorna ta’ spiss l-adozzjoni tal-vetturi u l-varar tal-infrastruttura fl-Istati Membri kollha 40 . Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-grupp ta’ esperti tagħha, mal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (u s-sottogruppi ddedikati), biex timmonitorja l-iżviluppi fis-suq u tidentifika l-ħtiġijiet ta’ politika relatati.

    Huwa skedat rieżami sħiħ tar-Regolament għal tmiem l-2026 biex jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas possibbli u jiġu identifikati l-ħtiġijiet futuri ta’ azzjoni leġiżlattiva dwar teknoloġiji emerġenti. Għal ħarsa ġenerali lejn l-objettivi operazzjonali, l-indikaturi u s-sorsi tad-data, ara l-Anness 9 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din l-inizjattiva.

    5.2.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Din il-proposta tistabbilixxi Regolament ġdid li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE attwali dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. L-istruttura tar-Regolament il-ġdid hija kif ġej:

    L-Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett tar-Regolament, billi jagħmel bidliet speċifiċi, iżda mhux sostantivi, fis-suġġett tad-Direttiva attwali.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi lista ta’ definizzjonijiet, li tibni fuq il-lista ta’ definizzjonijiet tad-Direttiva attwali, u testendiha fejn meħtieġ u kif xieraq fid-dawl tal-bidliet ġenerali fil-kamp ta’ applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid.

    L-Artikoli 3-12 fihom dispożizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ ċerta infrastruttura għall-irriċarġjar u r-riforniment għall-vetturi tat-trasport bit-triq ħfief u tqal, il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru.

    L-Artikoli 3 u 4 fihom dispożizzjonijiet biex l-Istati Membri jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tat-trasport bit-triq ħfief u tqal fit-territorju tagħhom, inkluż fin-network ewlieni u komprensiv TEN-T.

    L-Artikolu 5 jipprovdi aktar dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata l-faċilità tal-użu tal-infrastruttura tal-irriċarġjar. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-għażliet ta’ pagament, it-trasparenza tal-prezzijiet u informazzjoni għall-konsumatur, prattiki mhux diskriminatorji, irriċarġjar intelliġenti, u regoli dwar is-sinjalazzjoni għall-provvista tal-elettriku għall-punti tal-irriċarġjar.

    L-Artikolu 6 fih dispożizzjonijiet għall-Istati Membri biex tiġi żgurata kopertura minima ta’ punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-idroġenu ddedikati għall-vetturi tqal u ħfief fin-network ewlieni u komprensiv TEN-T.

    L-Artikolu 7 jipprovdi aktar dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata l-faċilità tal-użu tal-infrastruttura tar-riforniment għall-idroġenu, inkluż permezz ta’ rekwiżiti minimi dwar l-għażliet ta’ pagament, it-trasparenza tal-prezzijiet u l-għażla kuntrattwali.

    L-Artikolu 8 fih dispożizzjonijiet biex l-Istati Membri jiżguraw, sal-1 ta’ Jannar 2025, kopertura minima ta’ punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-gass naturali likwifikat iddedikati għall-vetturi tqal fin-network ewlieni u komprensiv TEN-T.

    L-Artikoli 9 u 10 jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex l-Istati Membri jiżguraw l-installazzjoni ta’ provvista minima ta’ elettriku mix-xatt għal ċerti vapuri li jbaħħru f’portijiet marittimi u għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. L-Artikoli jiddefinixxu wkoll aktar il-kriterji għall-eżenzjoni ta’ ċerti portijiet u jistabbilixxu rekwiżiti biex tiġi żgurata provvista minima tal-elettriku mix-xatt.

    L-Artikolu 11 jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw għadd xieraq ta’ punti tar-riforniment għal-LNG fil-portijiet marittimi TEN-T u jidentifikaw il-portijiet rilevanti permezz tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom.

    L-Artikolu 12 jikkonċerna d-dispożizzjonijiet minimi għall-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji kollha fl-ajruporti tan-network ewlieni u komprensiv TEN-T.

    L-Artikolu 13 jifformula mill-ġdid id-dispożizzjonijiet għall-oqfsa ta’ politika nazzjonali tal-Istati Membri. Dan jipprevedi proċess iterattiv bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiġi żviluppat ippjanar konċiż għall-varar tal-infrastruttura u biex jintlaħqu l-miri kif stabbiliti fir-Regolament. Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet ġodda dwar il-formulazzjoni ta’ strateġija għall-varar ta’ fjuwils alternattivi f’modi oħra tat-trasport flimkien mal-partijiet ikkonċernati settorjali u reġjonali/lokali ewlenin. Dan japplika meta r-Regolament ma jistabbilixxix rekwiżiti obbligatorji, iżda fejn il-ħtiġijiet ta’ politika emerġenti marbuta mal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ fjuwils alternattivi jeħtieġu kunsiderazzjoni.

    L-Artikoli 14, 15 u 16 jistabbilixxu l-approċċ ta’ governanza. Dan jinkludi obbligi ta’ rapportar li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet għall-Istati Membri dwar l-oqfsa ta’ politika nazzjonali u r-rapporti ta’ progress nazzjonali fi proċess interattiv mal-Kummissjoni. Jistabbilixxi wkoll rekwiżiti biex il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-oqfsa ta’ politika u r-rapporti ta’ progress nazzjonali tal-Istati Membri.

    L-Artikolu 17 ikopri r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-utent fil-forma ta’ tikketti tal-fjuwil u rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar it-tqabbil tal-prezzijiet tal-fjuwil.

    L-Artikolu 18 jistabbilixxi rekwiżiti għall-provvista tad-data għall-operaturi jew is-sidien ta’ punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku dwar id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ ċerti tipi ta’ data statiċi u dinamiċi, inkluż l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-identifikazzjoni (IDRO) għall-ħruġ ta’ kodiċijiet tal-ID. Dan l-artikolu jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati oħra biex tispeċifika elementi ulterjuri kif meħtieġ.

    L-Artikolu 19 jispeċifika d-dispożizzjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, li jikkomplementaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni eżistenti b’sett ta’ oqsma ġodda li għalihom il-Kummissjoni se tkun intitolata tadotta atti delegati ġodda. Dawn se jibnu, kif jitqies meħtieġ, fuq l-istandards żviluppati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (ESO).

    L-Artikolu 20 jikkonċerna l-użu tad-delegazzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-provvista tad-data u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni.

    L-Artikolu 21 jikkonċerna l-kontinwazzjoni tal-proċedura tal-kumitat skont ir-Regolament il-ġdid.

    L-Artikoli 22, 23 u 24 jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għar-rieżami u d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-proposta tinkludi l-annessi:

    L-Anness I jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rapportar nazzjonali mill-Istati Membri, li jiżguraw rapportar konsistenti u komparabbli biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    L-Anness II jikkonċerna l-elenkar ta’ oqsma fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni skont dan ir-Regolament japplikaw għas-suq intern jew jeħtieġ li jiġu adottati skont dan ir-Regolament permezz ta’ atti delegati f’oqsma fejn żviluppi teknoloġiċi ġodda jirrikjedu l-istabbiliment ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni.

    L-Anness III jispeċifika r-rekwiżiti għall-Istati Membri li se jikkategorizzaw ir-rapportar tagħhom dwar il-varar ta’ vetturi elettriċi u l-infrastruttura tal-irriċarġjar.

    L-Anness IV fih it-tabella ta’ korrelazzjoni.

    2021/0223 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 41 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 42 ,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 stabbiliet qafas għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva 44 tindika l-iżvilupp mhux uniformi tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment madwar l-Unjoni u n-nuqqas ta’ interoperabbiltà u faċilità tal-użu. Hija tinnota li n-nuqqas ta’ metodoloġija komuni ċara għall-istabbiliment tal-miri u l-adozzjoni ta’ miżuri skont l-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali meħtieġa mid-Direttiva 2014/94/UE wassal għal sitwazzjoni fejn il-livell ta’ ambizzjoni fl-iffissar tal-miri u l-politiki ta’ appoġġ ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri.

    (2)Diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni diġà stabbilew miri għall-fjuwils rinnovabbli. Id-Direttiva 2018/2001/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 , pereżempju, tistabbilixxi mira ta’ sehem mis-suq ta’ 14 % għal sorsi rinnovabbli fil-fjuwils tat-trasport.

    (3)Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 u r-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 diġà jistabbilixxu standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda kif ukoll għal ċerti vetturi tqal. Dawk l-istrumenti jenħtieġ li jaċċelleraw l-adozzjoni b’mod partikolari ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u b’hekk joħolqu domanda għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

    (4)L-inizjattivi dwar ReFuelEU aviation 48 u FuelEU maritime 49 jenħtieġ li jagħtu spinta lill-produzzjoni u l-adozzjoni ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli fl-avjazzjoni u fit-trasport marittimu. Filwaqt li r-rekwiżiti tal-użu tal-fjuwil għall-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jistgħu jiddependu ħafna mill-infrastruttura eżistenti tar-riforniment, huma meħtieġa investimenti għall-provvista tal-elettriku ta’ inġenji tal-ajru stazzjonarji. L-inizjattiva FuelEU maritime tistabbilixxi rekwiżiti b’mod partikolari għall-użu tal-elettriku mix-xatt li jistgħu jiġu ssodisfati biss jekk jiġi varat livell adegwat ta’ provvista tal-enerġija fuq l-art fil-portijiet TEN-T. Madankollu, dawk l-inizjattivi ma fihom l-ebda dispożizzjoni dwar l-infrastruttura tal-fjuwil meħtieġa li hija prerekwiżit biex il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu.

    (5)Għalhekk, il-modi kollha tat-trasport jenħtieġ li jiġu indirizzati fi strument wieħed li jenħtieġ li jqis varjetà ta’ fjuwils alternattivi. L-użu ta’ teknoloġiji tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero jinsab fi stadji differenti ta’ maturità fil-modi differenti tat-trasport. B’mod partikolari, fis-settur tat-triq, qed ikun hemm adozzjoni rapida ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u ibridi rikarikabbli. Il-vetturi tat-triq b’ċellola tal-fjuwil tal-idroġenu huma disponibbli għas-swieq ukoll. Barra minn hekk, il-bastimenti elettriċi iżgħar tal-idroġenu u tal-batteriji u l-ferroviji taċ-ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu attwalment qed jiġu varati fi proġetti differenti u fl-ewwel operazzjonijiet kummerċjali, bil-varar kummerċjali sħiħ mistenni li jseħħ fis-snin li ġejjin. B’kuntrast ma’ dan, is-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport fuq l-ilma għadhom jiddependu minn fjuwils likwidi u gassużi, peress li s-soluzzjonijiet tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero u baxxi huma mistennija jidħlu fis-suq biss madwar l-2030 u b’mod partikolari għas-settur tal-avjazzjoni saħansitra aktar tard, bil-kummerċjalizzazzjoni sħiħa tieħu ż-żmien. L-użu ta’ fjuwils fossili gassużi jew likwidi huwa possibbli biss jekk ikun inkorporat b’mod ċar fi triq ċara ta’ dekarbonizzazzjoni konformi mal-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika fl-Unjoni, li jirrikjedi żieda fit-taħlit ma’, jew is-sostituzzjoni bi fjuwils rinnovabbli bħall-bijometan, bijofjuwils avvanzati jew fjuwils gassużi u likwidi sintetiċi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    (6)Bijofjuwils u fjuwils sintetiċi bħal dawn, li jissostitwixxu d-diżil, il-petrol u l-fjuwil tal-ġettijiet, jistgħu jiġu prodotti minn materja prima differenti u jistgħu jitħalltu fi fjuwils fossili bi proporzjonijiet għoljin ħafna ta’ taħlit. Dawn teknikament jistgħu jintużaw mat-teknoloġija attwali tal-vetturi b’adattamenti żgħar. Il-metanol rinnovabbli jista’ jintuża wkoll għan-navigazzjoni fuq l-ilma intern u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Il-fjuwils sintetiċi u paraffiniċi għandhom potenzjal li jnaqqsu l-użu ta’ fjuwils fossili fil-provvista tal-enerġija lit-trasport. Dawn il-fjuwils kollha jistgħu jiġu ddistribwiti, maħżuna u użati mal-infrastruttura eżistenti jew fejn meħtieġ mal-infrastruttura tal-istess tip.

    (7)L-LNG x’aktarx li jkollu rwol kontinwu fit-trasport marittimu, fejn attwalment ma hemm l-ebda teknoloġija tas-sistema tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero ekonomikament vijabbli disponibbli. Il-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għall-Mobbiltà Intelliġenti u Sostenibbli tindika li l-vapuri li jbaħħru b’emissjonijiet żero se jkunu lesti għas-suq sal-2030. Il-konverżjoni tal-flotta jenħtieġ li sseħħ gradwalment minħabba l-ħajja twila tal-vapuri. Għall-kuntrarju tat-trasport marittimu, għall-passaġġi fuq l-ilma interni, b’bastimenti normalment iżgħar u b’distanzi iqsar, it-teknoloġiji tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero, bħall-idroġenu u l-elettriku, jenħtieġ li jidħlu fis-swieq aktar malajr. L-LNG huwa mistenni li ma jibqax ikollu rwol sinifikanti f’dak is-settur. Il-fjuwils tat-trasport bħal-LNG jeħtieġ li jiġu dekarbonizzati dejjem aktar bit-taħlit/bis-sostituzzjoni bil-bijometan likwifikat (bijo-LNG) jew b’e-fjuwils gassużi sintetiċi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (e-gass), pereżempju. Dawk il-fjuwils dekarbonizzati jistgħu jintużaw fl-istess infrastruttura bħall-fjuwils fossili gassużi biex b’hekk jippermettu bidla gradwali lejn fjuwils dekarbonizzati.

    (8)Fis-settur tat-trasport bit-triq heavy-duty, it-trakkijiet tal-LNG huma kompletament maturi. Minn naħa, ix-xenarji komuni li jirfdu l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti u l-Pjan dwar il-Mira Klimatika kif ukoll ix-xenarji ta’ mmudellar “Lesti għall-mira ta’ 55 %” riveduti jissuġġerixxu rwol limitat għall-fjuwils gassużi, li se jiġu dekarbonizzati dejjem aktar fit-trasport bit-triq heavy-duty speċjalment fil-qasam ta’ vjaġġi fuq distanzi twal. Barra minn hekk, il-vetturi tal-LPG u tas-CNG li għalihom diġà jeżisti network ta’ infrastruttura suffiċjenti madwar l-Unjoni huma mistennija jiġu sostitwiti b’mod gradwali b’sistemi tal-mototrażmissjoni b’emissjonijiet żero u għalhekk hija meħtieġa biss politika mmirata limitata għall-varar ta’ infrastruttura tal-LNG li tista’ tipprovdi bl-istess mod fjuwils dekarbonizzati biex jitnaqqsu l-lakuni li fadal fin-networks ewlenin.

    (9)Il-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi ħfief ma kienx uniformi madwar l-Unjoni. Jekk tkompli d-distribuzzjoni mhux uniformi, din se tipperikola l-adozzjoni ta’ tali vetturi, u tillimita l-konnettività madwar l-Unjoni. Jekk tkompli d-diverġenza kontinwa fl-ambizzjonijiet u l-approċċi tal-politika fil-livell nazzjonali, mhux se tinħoloq iċ-ċertezza fit-tul meħtieġa għal investiment sostantiv fis-suq. Għalhekk, il-miri minimi obbligatorji għall-Istati Membri fil-livell nazzjonali jenħtieġ li jipprovdu orjentazzjonijiet ta’ politika u jikkomplementaw l-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali. Dak l-approċċ jenħtieġ li jikkombina l-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta ma’ miri bbażati fuq id-distanza għan-network trans-Ewropew għat-trasport (TEN-T). Il-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li jiżguraw li l-adozzjoni tal-vetturi f’kull Stat Membru tkun akkumpanjata mill-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar suffiċjenti aċċessibbli għall-pubbliku. Il-miri bbażati fuq id-distanza għan-network TEN-T jenħtieġ li jiżguraw kopertura sħiħa tal-punti tal-irriċarġjar elettriċi tul in-networks ewlenin tat-toroq tal-Unjoni u b’hekk jiġi żgurat vjaġġar faċli u bla xkiel madwar l-Unjoni.

    (10)Il-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tal-għadd totali ta’ vetturi elettriċi rreġistrati f’dak l-Istat Membru skont metodoloġija komuni li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi bħall-medda tas-sewqan akbar tal-vetturi elettriċi jew il-penetrazzjoni dejjem akbar fis-suq ta’ punti tal-iċċarġjar veloċi li jistgħu jirriċarġjaw għadd akbar ta’ vetturi f’kull punt tal-irriċarġjar milli f’punt tal-irriċarġjar normali. Il-metodoloġija għandha tqis ukoll ix-xejriet differenti tal-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli. Metodoloġija li skontha jiġu żviluppati l-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta abbażi tal-output tal-potenza massima totali tal-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li tippermetti flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji differenti tal-irriċarġjar fl-Istati Membri.

    (11)L-implimentazzjoni fl-Istati Membri jenħtieġ li tiżgura li jiġi installat għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku, b’mod partikolari fl-istazzjonijiet tat-trasport pubbliku, bħat-terminali tal-passiġġieri tal-portijiet, l-ajruporti jew l-istazzjonijiet ferrovjarji. Jenħtieġ ukoll li jiġi varat għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar veloċi u aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief biex tiżdied il-konvenjenza għall-konsumaturi b’mod partikolari tul in-network TEN-T biex tiġi żgurata konnettività transfruntiera sħiħa u biex il-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jiċċirkolaw madwar l-Unjoni.

    (12)Is-sidien ta’ vetturi elettriċi jenħtieġ li jagħmlu użu estensiv mill-punti tal-irriċarġjar fil-bini tagħhom stess jew f’parkeġġi kollettivi f’bini residenzjali u mhux residenzjali. Filwaqt li l-varar tal-infrastruttura ta’ kanali u ta’ punti tal-irriċarġjar f’dawk il-binjiet hija rregolata permezz tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 , l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu d-disponibbiltà ta’ tali infrastruttura privata meta jippjanaw il-varar ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

    (13)Il-vetturi elettriċi tqal jeħtieġu infrastruttura tal-irriċarġjar distinta differenti mill-vetturi ħfief. Madankollu, l-infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi tqal bħalissa ma hija disponibbli kważi mkien fl-Unjoni. Approċċ ikkombinat ta’ miri bbażati fuq id-distanza tul in-network TEN-T, miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar matul il-lejl u miri fin-nodi urbani jenħtieġ li jiżgura li tiġi stabbilita kopertura ta’ infrastruttura suffiċjenti aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi tqal madwar l-Unjoni biex tappoġġa l-adozzjoni mistennija mis-suq ta’ vetturi elettriċi tqal bil-batterija.

    (14)Jenħtieġ ukoll li jiġi varat għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar veloċi aċċessibbli għall-pubbliku li jkunu ddedikati għall-vetturi tqal tul in-network TEN-T biex tiġi żgurata konnettività sħiħa madwar l-Unjoni kollha. Dik l-infrastruttura jenħtieġ li jkollha output tal-potenza suffiċjenti biex tippermetti l-irriċarġjar tal-vettura fil-ħin tal-pawża legali tas-sewwieq. Minbarra l-punti tal-irriċarġjar veloċi tul in-network, il-vetturi tqal jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw ukoll infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-irriċarġjar matul il-lejl tul in-network ewlieni tat-trasport biex jappoġġaw b’mod speċifiku l-elettrifikazzjoni tas-settur ta’ sewqan fuq distanzi twal.

    (15)L-infrastruttura tal-irriċarġjar tul in-network TEN-T jenħtieġ li tiġi kkomplementata b’infrastruttura tal-irriċarġjar veloċi aċċessibbli għall-pubbliku f’nodi urbani. Dik l-infrastruttura hija meħtieġa b’mod partikolari biex jiġu pprovduti opportunitajiet tal-irriċarġjar għat-trakkijiet tal-kunsinna u għall-iċċarġjar fid-destinazzjoni għat-trakkijiet li jsuqu distanzi twal, filwaqt li l-mira nazzjonali bbażata fuq il-flotta jenħtieġ li tipprovdi punti tal-irriċarġjar għall-vetturi ħfief anke f’żoni urbani.

    (16)Il-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar huwa ugwalment importanti f’postijiet privati, bħal f’garaxxijiet privati u f’ċentri loġistiċi biex jiġi żgurat l-iċċarġjar matul il-lejl u fid-destinazzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jieħdu miżuri fil-kuntest tal-istabbiliment tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti tagħhom biex jiżguraw li tiġi pprovduta l-infrastruttura xierqa għal dak l-iċċarġjar matul il-lejl u fid-destinazzjoni.

    (17)Il-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jinkludu, pereżempju, punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment privati aċċessibbli għall-pubbliku li jinsabu fi proprjetajiet pubbliċi jew privati, bħal parkeġġi pubbliċi jew parkeġġi tas-supermarkets. Punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment li jinsab fi proprjetà privata li huwa aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala aċċessibbli għall-pubbliku anke f’każijiet fejn l-aċċess ikun ristrett għal ċertu grupp ġenerali ta’ utenti, pereżempju għall-klijenti. Il-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment għall-iskemi ta’ car sharing jenħtieġ li jiġu kkunsidrati aċċessibbli għall-pubbliku biss jekk jippermettu b’mod espliċitu aċċess għal utenti terzi. Il-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment li jinsabu fi proprjetajiet privati, li l-aċċess għalihom huwa ristrett għal ċirku limitat u determinat ta’ persuni, bħal parkeġġi f’uffiċini li għalihom għandhom aċċess biss l-impjegati jew persuni awtorizzati, jenħtieġ li ma jiġux ikkunsidrati bħala punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku.

    (18)Stazzjon tal-irriċarġjar huwa l-installazzjoni fiżika unika għall-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Kull stazzjon għandu output tal-potenza massima teoretika, espress f’kW. Kull stazzjon għandu mill-inqas punt wieħed tal-irriċarġjar li jista’ jservi biss vettura waħda fl-istess ħin. L-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar fi stazzjon tal-irriċarġjar jiddetermina l-għadd ta’ vetturi li jistgħu jiġu rriċarġjati f’dak l-istazzjon fi kwalunkwe mument partikolari. Fejn ikun hemm aktar minn vettura waħda tirriċarġja f’dak l-istazzjon tal-irriċarġjar f’mument partikolari, l-output tal-potenza massima jitqassam bejn il-punti differenti tal-irriċarġjar, b’tali mod li l-potenza pprovduta f’kull punt individwali tal-irriċarġjar tkun inqas mill-output tal-potenza ta’ dak l-istazzjon. Grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jikkonsisti fi stazzjon tal-irriċarġjar wieħed jew aktar f’post speċifiku, inkluż, skont il-każ, il-parkeġġi ddedikati li jmissu magħhom. Għall-miri stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-output minimu tal-potenza meħtieġ għal dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jista’ jiġi pprovdut minn stazzjon tal-irriċarġjar wieħed jew aktar.

    (19)Il-possibbiltà li jiġu żviluppati servizzi diġitali avvanzati, inklużi soluzzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kuntratt, u li tiġi żgurata informazzjoni trasparenti għall-utenti b’mezzi diġitali, tiddependi mill-varar ta’ punti tal-irriċarġjar konnessi b’mod diġitali u intelliġenti li jappoġġaw il-ħolqien ta’ infrastruttura konnessa b’mod diġitali u interoperabbli 51 . Dawk il-punti tal-irriċarġjar intelliġenti jenħtieġ li jinkludu sett ta’ attributi fiżiċi u speċifikazzjonijiet tekniċi (hardware u software) li huma meħtieġa biex tintbagħat u tiġi riċevuta data f’ħin reali, biex ikun permess il-fluss ta’ informazzjoni bejn atturi tas-suq li huma dipendenti minn din id-data għall-iżvilupp sħiħ tal-esperjenza tal-irriċarġjar, inklużi l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar, il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, il-pjattaformi tar-roaming elettroniku, l-operaturi ta’ sistemi tad-distribuzzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, il-konsumaturi finali.

    (20)Sistemi ta’ arloġġi intelliġenti kif iddefiniti fid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 jippermettu li tiġi prodotta data f’ħin reali, li tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tan-network tad-distribuzzjoni u jiġi mħeġġeġ l-użu razzjonali tas-servizzi tal-irriċarġjar. Billi jipprovdu l-kejl tal-enerġija f’ħin reali u informazzjoni preċiża u trasparenti dwar il-kost, dawn iħeġġu, flimkien mal-punti tal-irriċarġjar intelliġenti, l-irriċarġjar f’ħinijiet ta’ domanda ġenerali baxxa għall-elettriku u prezzijiet baxxi tal-enerġija. L-użu ta’ sistemi ta’ arloġġi intelliġenti flimkien ma’ punti tal-irriċarġjar intelliġenti jista’ jottimizza l-irriċarġjar, b’benefiċċji għas-sistema tal-elettriku u għall-utent finali. L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-użu ta’ sistema ta’ arloġġi intelliġenti għall-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi f’stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku, fejn teknikament fattibbli u ekonomikament raġonevoli, u jenħtieġ li jiżguraw li dawn is-sistemi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2019/444.

    (21)L-għadd dejjem akbar ta’ vetturi elettriċi fil-modi tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, marittimi u modi oħra tat-trasport se jirrikjedi li l-operazzjonijiet tal-irriċarġjar jiġu ottimizzati u ġestiti b’mod li ma jikkawżax konġestjoni u li jieħu vantaġġ sħiħ mid-disponibbiltà tal-elettriku rinnovabbli u tal-prezzijiet baxxi tal-elettriku fis-sistema. B’mod partikolari, l-irriċarġjar intelliġenti jista’ jiffaċilita l-integrazzjoni ulterjuri tal-vetturi elettriċi fis-sistema tal-elettriku peress li jippermetti rispons tad-domanda permezz tal-aggregazzjoni u permezz ta’ rispons tad-domanda bbażat fuq il-prezz. L-integrazzjoni tas-sistema tista’ tiġi ffaċilitata aktar permezz tal-irriċarġjar bidirezzjonali (vettura għall-grilja). Għalhekk, il-punti normali kollha tal-irriċarġjar li fihom il-vetturi tipikament jiġu pparkjati għal perjodu itwal jenħtieġ li jappoġġaw l-irriċarġjar intelliġenti.

    (22)L-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-vetturi elettriċi, l-interazzjoni ta’ dik l-infrastruttura mas-sistema tal-elettriku, u d-drittijiet u r-responsabbiltajiet assenjati lill-atturi differenti fis-suq tal-mobbiltà elettrika, għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2019/944. F’dak is-sens, jenħtieġ li l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jikkooperaw fuq bażi mhux diskriminatorja ma’ kwalunkwe persuna li tistabbilixxi jew topera punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku u jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-provvista tal-elettriku għal punt tal-irriċarġjar tista’ tkun is-suġġett ta’ kuntratt ma’ fornitur għajr l-entità li tipprovdi l-elettriku lill-unità domestika jew lill-bini fejn jinsab dan il-punt tal-irriċarġjar. L-aċċess tal-fornituri tal-elettriku tal-Unjoni għal punti tal-irriċarġjar jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-derogi skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    (23)L-istabbiliment u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi jenħtieġ li jiġu żviluppati bħala suq kompetittiv b’aċċess miftuħ għall-partijiet kollha interessati fil-varar jew fl-operazzjoni tal-infrastrutturi tal-irriċarġjar. Fid-dawl tal-postijiet alternattivi limitati fuq l-awtostradi, il-konċessjonijiet eżistenti tal-awtostradi bħal fil-każ ta’ stazzjonijiet konvenzjonali ta’ riforniment jew żoni ta’ mistrieħ huma kawża partikolari ta’ tħassib, peress li jistgħu jaħdmu fuq perjodi twal ħafna u xi drabi anke ma jkollhom l-ebda data tat-tmiem speċifikata. L-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu, sa fejn ikun possibbli u f’konformità mad-Direttiva (UE) 2014/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 , l-għoti ta’ konċessjonijiet ġodda b’mod kompetittiv speċifikament għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar fuq jew maġenb iż-żoni ta’ mistrieħ eżistenti fuq l-awtostrada sabiex jiġi limitat il-kost tal-varar u jiġu permessi parteċipanti ġodda fis-suq.

    (24)It-trasparenza tal-prezzijiet hija kruċjali biex jiġu żgurati l-irriċarġjar u r-riforniment faċli. Jenħtieġ li l-utenti ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi jingħataw informazzjoni preċiża dwar il-prezz qabel ma jibda s-servizz tal-irriċarġjar jew tar-riforniment. Il-prezz jenħtieġ li jiġi kkomunikat b’mod strutturat sew biex l-utenti finali jkunu jistgħu jidentifikaw il-komponenti differenti tal-kost.

    (25)Jitfaċċaw servizzi ġodda, b’mod partikolari b’appoġġ għall-użu ta’ vetturi elettriċi. L-entitajiet li joffru dawk is-servizzi, bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, jenħtieġ li jkunu jistgħu joperaw f’kundizzjonijiet ġusti tas-suq. B’mod partikolari, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar jenħtieġ li ma jagħtux trattament preferenzjali mhux xieraq lil kwalunkwe wieħed minn dawk il-fornituri ta’ servizzi, pereżempju permezz ta’ differenzjazzjoni mhux ġustifikata fil-prezzijiet li tista’ xxekkel il-kompetizzjoni u fl-aħħar mill-aħħar twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja l-iżvilupp tas-suq tal-irriċarġjar. Waqt ir-rieżami tar-Regolament, il-Kummissjoni se tieħu azzjonijiet fejn meħtieġ mill-iżviluppi fis-suq bħal limitazzjonijiet ta’ servizzi għall-utenti finali jew prattiki tan-negozju li jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni.

    (26)Il-vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu attwalment għandhom rati baxxi ħafna ta’ penetrazzjoni fis-suq. Madankollu, l-akkumulazzjoni ta’ infrastruttura suffiċjenti tar-riforniment tal-idroġenu hija essenzjali sabiex il-varar ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu jsir possibbli fuq skala kbira kif previst fl-istrateġija tal-Kummissjoni għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima 54 . Bħalissa, il-punti tar-riforniment tal-idroġenu ġew varati biss fi ftit Stati Membri u fil-biċċa l-kbira tagħhom ma humiex adatti għal vetturi tqal, u ma jippermettux iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu madwar l-Unjoni. Il-miri obbligatorji għall-varar għall-punti ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li jiżguraw li jiġi installat network dens biżżejjed ta’ punti ta’ riforniment tal-idroġenu tul in-network ewlieni TEN-T biex jippermetti l-ivvjaġġar bla xkiel ta’ vetturi ħfief u tqal li jaħdmu bl-idroġenu madwar l-Unjoni.

    (27)Il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu rifornuti fid-destinazzjoni jew qribha, li normalment tkun tinsab f’żona urbana. Sabiex jiġi żgurat li r-riforniment fid-destinazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jkun possibbli tal-inqas fiż-żoni urbani ewlenin, in-nodi urbani kollha kif iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 55 jenħtieġ li jipprovdu stazzjonijiet tar-riforniment bħal dawn. Fin-nodi urbani, l-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jikkunsidraw il-varar tal-istazzjonijiet f’ċentri tal-merkanzija multimodali peress li dawn mhux biss huma d-destinazzjoni tipika għall-vetturi tqal iżda jistgħu jipprovdu wkoll l-idroġenu għal modi oħra tat-trasport, bħat-trasport bil-ferrovija u t-tbaħħir intern.

    (28)Fl-istadju bikri tal-varar fis-suq għad hemm grad ta’ inċertezza fir-rigward tat-tip ta’ vetturi li se jidħlu fis-suq u tat-tip ta’ teknoloġiji li se jintużaw b’mod mifrux. Kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima” 56 , is-segment tal-vetturi tqal ġie identifikat bħala s-segment l-aktar probabbli għall-varar bikri tal-massa ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu. Għalhekk, l-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu jenħtieġ li tiffoka b’mod preliminari fuq dak is-segment filwaqt li tippermetti wkoll ir-riforniment tal-vetturi ħfief fi stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku. Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà, l-istazzjonijiet tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku kollha jenħtieġ li tal-inqas jipprovdu idroġenu gassuż f’700 bar. Il-varar tal-infrastruttura jenħtieġ li tqis ukoll il-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-idroġenu likwidu, li jippermettu medda tas-sewqan akbar għall-vetturi tqal u li huma l-għażla teknoloġika ppreferuta ta’ xi manifatturi tal-vetturi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li għadd minimu ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu jipprovdu wkoll l-idroġenu likwidu flimkien mal-idroġenu gassuż f’700 bar.

    (29)Ġew stabbiliti għadd ta’ punti tar-riforniment għal-LNG fl-Unjoni, li diġà jipprovdu pedament għaċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi tqal li jaħdmu bl-LNG. In-network ewlieni TEN-T jenħtieġ li jibqa’ l-bażi għall-varar tal-infrastruttura tal-LNG, u progressivament għall-bijo-LNG, peress li jkopri l-flussi ewlenin tat-traffiku u jippermetti l-konnettività transfruntiera madwar l-Unjoni. Fid-Direttiva 2014/94/UE kien irrakkomandat li tali punti ta’ riforniment jiġu installati kull 400 km fin-network ewlieni TEN-T, iżda għad hemm ċerti lakuni limitati fin-network sabiex jintlaħaq dak l-objettiv. Sal-2025, l-Istati Membri jenħtieġ li jilħqu dak l-objettiv u jindirizzaw il-lakuni li fadal, u wara dan il-mira jenħtieġ li tieqaf tapplika.

    (30)Jenħtieġ li l-utenti ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi jkunu jistgħu jħallsu faċilment u b’mod konvenjenti fil-punti kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr il-ħtieġa li jidħlu f’kuntratt mal-operatur tal-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Għalhekk, għall-irriċarġjar jew ir-riforniment fuq bażi ad hoc, il-punti kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li jaċċettaw strumenti ta’ pagament li jintużaw b’mod wiesa’ fl-Unjoni, u b’mod partikolari pagamenti elettroniċi permezz ta’ terminali u apparati użati għal servizzi ta’ pagament. Dak il-metodu ta’ pagament ad hoc jenħtieġ li dejjem ikun disponibbli għall-konsumaturi, anke meta jkunu offruti pagamenti bbażati fuq kuntratt fil-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment.

    (31)L-infrastruttura tat-trasport jenħtieġ li tippermetti mobbiltà u aċċessibbiltà mingħajr xkiel għall-utenti kollha, inklużi l-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani. Fil-prinċipju, il-post tal-istazzjonijiet kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment kif ukoll l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment infushom jenħtieġ li jitfasslu b’tali mod li jkunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku kemm jista’ jkun, b’mod partikolari mill-anzjani, persuni b’mobbiltà mnaqqsa u persuni b’diżabbiltà. Dan jenħtieġ li jinkludi pereżempju l-provvediment ta’ biżżejjed spazju madwar il-parkeġġ, biex jiġi żgurat li l-istazzjon tal-irriċarġjar ma tiġix installata fuq superfiċje li tkun bankina, l-iżgurar li l-buttuni jew l-iskrin tal-istazzjon tal-irriċarġjar ikunu f’għoli xieraq u li l-piż tal-kejbils tal-irriċarġjar u tar-riforniment ikun tali li l-persuni b’saħħa limitata jkunu jistgħu jużawhom b’mod faċli. Barra minn hekk, l-interfaċċa tal-utent tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar relatati jenħtieġ li tkun aċċessibbli. F’dak is-sens, ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà fl-Annessi I u III tad-Direttiva 2019/882 57 jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

    (32)Il-faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt jistgħu jservu lit-trasport marittimu u fil-passaġġi fuq l-ilma interni bħala provvista tal-enerġija nadifa u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-vapuri li jbaħħru u tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Fil-qafas tal-inizjattiva FuelEU maritime, l-operaturi tal-vapuri tal-kontejners u tal-passiġġieri jeħtieġ li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet waqt l-irmiġġ. Il-miri obbligatorji tal-varar jenħtieġ li jiżguraw li s-settur isib provvista tal-elettriku mix-xatt suffiċjenti fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni u komprensiv TEN-T biex jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti. L-applikazzjoni ta’ dawn il-miri għall-portijiet marittimi kollha TEN-T jenħtieġ li tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti bejn il-portijiet.

    (33)Il-vapuri tal-kontejners u tal-passiġġieri, li huma l-kategoriji tal-vapuri li qed jipproduċu l-ogħla ammont ta’ emissjonijiet għal kull vapur irmiġġat, jenħtieġ li bħala prijorità jiġu pprovduti bi provvista tal-elettriku mix-xatt. Sabiex jitqiesu l-karatteristiċi tad-domanda għall-potenza waqt l-irmiġġ ta’ vapuri differenti tal-passiġġieri, kif ukoll il-karatteristiċi operazzjonali tal-port, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-vapuri tal-passiġġieri għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u l-bastimenti tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja, u dawk għal vapuri tal-passiġġieri oħra.

    (34)Dawn il-miri jenħtieġ li jqisu t-tipi ta’ bastimenti moqdija u l-volumi tat-traffiku rispettivi tagħhom. Il-portijiet marittimi b’volumi baxxi ta’ traffiku ta’ ċerti kategoriji ta’ vapuri jenħtieġ li jiġu eżentati mir-rekwiżiti obbligatorji għall-kategoriji ta’ vapuri korrispondenti abbażi ta’ livell minimu ta’ volum ta’ traffiku, sabiex tiġi evitata l-installazzjoni ta’ kapaċità mhux użata biżżejjed. Bl-istess mod, il-miri obbligatorji jenħtieġ li ma jimmirawx lejn domanda massima, iżda volum għoli biżżejjed, sabiex tiġi evitata kapaċità mhux użata biżżejjed u jitqiesu l-karatteristiċi operazzjonali tal-port. It-trasport marittimu huwa rabta importanti għall-koeżjoni u għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer fl-Unjoni. Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-enerġija f’dawn il-gżejjer jista’ jkun li mhux dejjem tkun biżżejjed biex tkopri d-domanda għall-potenza meħtieġa biex tiġi appoġġata l-provvista tal-elettriku mix-xatt. F’każ bħal dan, il-gżejjer jenħtieġ li jiġu eżentati minn dan ir-rekwiżit ħlief jekk u sakemm tali konnessjoni elettrika mal-kontinent ma tkunx tlestiet jew ikun hemm biżżejjed kapaċità ġġenerata lokalment minn sorsi ta’ enerġija nadifa.

    (35)Sal-2025 jenħtieġ li jkun disponibbli network ewlieni ta’ punti tar-riforniment għal-LNG fil-portijiet marittimi. Il-punti tar-riforniment għal-LNG jinkludu terminali tal-LNG, tankijiet, kontejners mobbli, bastimenti bunker u barkuni.

    (36)Il-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji fl-ajruporti jenħtieġ li tissostitwixxi l-konsum tal-fjuwil likwidu mill-inġenji tal-ajru (l-użu ta’ Unità ta’ Potenza Awżiljarja) jew l-unitajiet tal-potenza tal-art (GPUs) b’sors ta’ enerġija aktar nadif. Dan jenħtieġ li jnaqqas l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa u ta’ storbju, itejjeb il-kwalità tal-arja u jnaqqas l-impatt fuq it-tibdil fil-klima. Għalhekk, l-operazzjoni kollha tat-trasport kummerċjali jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel użu mill-provvista esterna tal-elettriku waqt li tkun ipparkjata f’gates jew f’pożizzjonijiet esterni fir-rampa fl-ajruporti TEN-T.

    (37)F’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/94/UE, l-Istati Membri stabbilew oqfsa ta’ politika nazzjonali li jiddeskrivu l-pjanijiet u l-objettivi tagħhom biex jiżguraw li jintlaħqu dawk l-objettivi. Kemm il-valutazzjoni tal-qafas ta’ politika nazzjonali kif ukoll l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE enfasizzaw il-ħtieġa ta’ ambizzjoni akbar u approċċ ikkoordinat aħjar madwar l-Istati Membri fid-dawl tal-aċċellerazzjoni mistennija fl-adozzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, b’mod partikolari ta’ vetturi elettriċi. Barra minn hekk, se jkunu meħtieġa alternattivi għall-fjuwils fossili fil-modi kollha tat-trasport biex jiġu ssodisfati l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali eżistenti jenħtieġ li jiġu riveduti biex jiddeskrivu b’mod ċar kif il-ħtieġa ħafna akbar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku kif espressa fil-miri obbligatorji se tintlaħaq mill-Istati Membri. L-oqfsa riveduti jenħtieġ li jindirizzaw bl-istess mod il-modi kollha tat-trasport, inklużi dawk li għalihom ma teżisti l-ebda mira ta’ varar obbligatorja.

    (38)L-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti jenħtieġ li jinkludu azzjonijiet ta’ appoġġ għall-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-fjuwils alternattivi, inkluż il-varar tal-infrastruttura meħtieġa li għandha tiġi implimentata, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-industrija kkonċernata, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, l-oqfsa riveduti jenħtieġ li jiddeskrivu l-qafas nazzjonali ġenerali għall-ippjanar, għall-għoti ta’ permessi u għall-akkwist ta’ tali infrastruttura, inklużi l-ostakli u l-azzjonijiet identifikati biex dawn jitneħħew sabiex tkun tista’ tinkiseb introduzzjoni aktar veloċi tal-infrastruttura.

    (39)L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu ffaċilitati mill-Kummissjoni permezz ta’ skambji tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.

    (40)Sabiex jiġu promossi l-fjuwils alternattivi u tiġi żviluppata l-infrastruttura rilevanti, l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jenħtieġ li jikkonsistu fi strateġiji dettaljati għall-promozzjoni tal-fjuwils alternattivi f’setturi li huma diffiċli li jiġu dekarbonizzati, bħall-avjazzjoni, it-trasport marittimu, it-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma intern kif ukoll it-trasport bil-ferrovija f’segmenti tan-network li ma jistgħux jiġu elettrifikati. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw strateġiji ċari għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma intern tul in-network TEN-T f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dawk l-Istati Membri kkonċernati. Jenħtieġ li jiġu żviluppati wkoll strateġiji ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul għall-portijiet TEN-T u għall-ajruporti TEN-T, b’mod partikolari b’enfasi fuq il-varar ta’ infrastruttura għal bastimenti u inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi u żero kif ukoll għal-linji ferrovjarji li ma humiex se jiġu elettrifikati. Abbażi ta’ dawk l-istrateġiji, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina dan ir-Regolament bil-ħsieb li tistabbilixxi miri aktar obbligatorji għal dawk is-setturi.

    (41)L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ inċentivi u miżuri regolatorji u mhux regolatorji biex jilħqu l-miri obbligatorji u jimplimentaw l-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ atturi tas-settur privat, li jenħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi.

    (42)Skont id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 58 , huma riżervati ishma nazzjonali minimi tal-akkwist pubbliku għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero, fejn xarabank nadifa tuża fjuwils alternattivi kif iddefiniti fil-punt (3) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. B’ammont dejjem jiżdied ta’ awtoritajiet u operaturi tat-trasport pubbliku li qed jaqilbu għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero sabiex jilħqu dawk il-miri, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu l-promozzjoni mmirata u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa tax-xarabanks bħala element ewlieni fl-Oqfsa ta’ Politika Nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jżommu strumenti xierqa biex jippromwovu l-varar ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-riforniment anke għal flotot vinkolati, b’mod partikolari għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero fil-livell lokali.

    (43)Fid-dawl tad-diversità dejjem akbar fit-tipi ta’ fjuwils għall-vetturi bil-mutur, flimkien mat-tkabbir kontinwu fil-mobbiltà bit-triq taċ-ċittadini mal-Unjoni kollha, jeħtieġ li l-utenti tal-vetturi jiġu pprovduti b’informazzjoni ċara u faċli li tinftiehem dwar il-fjuwils disponibbli fl-istazzjonijiet tar-riforniment u dwar il-kompatibbiltà tal-vettura tagħhom ma’ fjuwils differenti jew mal-punti tal-irriċarġjar fis-suq tal-Unjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw dawn il-miżuri ta’ informazzjoni fir-rigward ukoll tal-vetturi mqiegħda fis-suq qabel it-18 ta’ Novembru 2016.

    (44)Informazzjoni sempliċi u li titqabbel faċilment rigward il-prezzijiet tal-fjuwils differenti jista’ jkollha rwol importanti biex tippermetti lill-utenti tal-vetturi jevalwaw aħjar il-kost relattiv tal-fjuwils individwali disponibbli fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li jintwera tqabbil tal-prezzijiet ta’ unità ta’ ċerti fjuwils alternattivi u fjuwils konvenzjonali, espress bħala “prezz tal-fjuwil għal kull 100 km”, għall-finijiet ta’ informazzjoni fl-istazzjonijiet tal-fjuwil rilevanti kollha.

    (45)Huwa meħtieġ li l-konsumaturi jingħataw biżżejjed informazzjoni dwar il-post ġeografiku, il-karatteristiċi u s-servizzi offruti fil-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku ta’ fjuwils alternattivi koperti minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-operaturi jew is-sidien ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jagħmlu disponibbli data statika u dinamika rilevanti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar it-tipi ta’ data rigward id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà għal data rilevanti relatata mal-irriċarġjar u mar-riforniment, li jibnu fuq l-eżiti tal-Azzjoni ta’ Appoġġ tal-Programm dwar “Il-ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għal fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (“IDACS”).

    (46)Jenħtieġ li d-data jkollha rwol fundamentali fil-funzjonament adegwat tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment. Il-format, il-frekwenza u l-kwalità li fihom jenħtieġ li din id-data ssir disponibbli u aċċessibbli jenħtieġ li jiddeterminaw il-kwalità ġenerali ta’ ekosistema tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li dik id-data tkun aċċessibbli b’mod koerenti fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, jenħtieġ li d-data tiġi pprovduta f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 59 għall-punti ta’ aċċess nazzjonali (NAPs).  

    (47)Huwa kruċjali li l-atturi kollha fl-ekosistema tal-elettromobbiltà jkunu jistgħu jinteraġixxu faċilment permezz ta’ mezzi diġitali biex jipprovdu l-aħjar kwalità tas-servizz lill-utent finali. Dan jirrikjedi identifikaturi uniċi tal-atturi rilevanti fil-katina tal-valur. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru Organizzazzjoni għar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjoni (“IDRO”) għall-ħruġ u l-ġestjoni ta’ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni unika (“ID”) biex jidentifikaw, tal-inqas, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà. L-IDRO jenħtieġ li tiġbor informazzjoni dwar il-kodiċijiet tal-ID tal-mobbiltà elettronika li diġà qed jintużaw fl-Istat Membru rispettiv; toħroġ kodiċijiet ġodda tal-elettromobbiltà, fejn meħtieġ, lill-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà skont loġika komuni miftiehma madwar l-Unjoni kollha li fiha jiġu fformattjati l-kodiċijiet tal-ID tal-elettromobbiltà; tippermetti l-iskambju u tivverifika l-uniċità ta’ dawn il-kodiċijiet tal-elettromobbiltà permezz ta’ Repożitorju tar-Reġistrazzjonijiet tal-Identifikazzjoni (“IDRR”) komuni possibbli fil-futur. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ gwida teknika dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni bħal din, b’referenza għall-Azzjoni ta’ Appoġġ tal-Programm dwar “Il-ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għal fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (“IDACS”).

    (48)It-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna jeħtieġu standards ġodda biex jiġi ffaċilitat u kkonsolidat id-dħul fis-suq ta’ fjuwils alternattivi, fir-rigward tal-provvista tal-elettriku u tal-idroġenu, il-bunkering tal-metanol u tal-ammonja, iżda wkoll standards għall-iskambju ta’ komunikazzjoni bejn il-bastimenti u l-infrastruttura.

    (49)L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) tiżviluppa standards ta’ sikurezza u ambjentali uniformi u rikonoxxuti fuq livell internazzjonali għat-trasport marittimu. Jenħtieġ li jiġu evitati kunflitti mal-istandards internazzjonali fid-dawl tan-natura globali tat-trasport marittimu. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasport marittimu adottati skont dan ir-Regolament ikunu konsistenti mar-regoli internazzjonali adottati mill-OMI.

    (50)L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment jenħtieġ li jiġu speċifikati fi standards Ewropej jew internazzjonali. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (“ESOs”) jenħtieġ li jadottaw standards Ewropej f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 60 . Dawk l-istandards jenħtieġ li jkunu bbażati fuq standards internazzjonali attwali jew fuq xogħol ta’ standardizzazzjoni internazzjonali li għaddej, fejn applikabbli.

    (51)L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif speċifikati fl-Anness II tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jibqgħu applikabbli kif speċifikat f’dik id-Direttiva.

    (52)Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta l-gruppi ta’ esperti rilevanti, u b’mod partikolari l-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (“STF”) u l-Forum Ewropew tat-Tbaħħir Sostenibbli (“ESSF”). Tali konsultazzjoni mal-esperti hija ta’ importanza partikolari meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tadotta atti delegati jew ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament.

    (53)L-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi hija qasam li qed jiżviluppa malajr. In-nuqqas ta’ speċifikazzjoni teknika komuni jikkostitwixxi ostaklu għall-ħolqien ta’ suq uniku ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi. Għalhekk, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tħejji speċifikazzjonijiet tekniċi għal oqsma fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni jkunu għadhom pendenti iżda meħtieġa. B’mod partikolari, dan jenħtieġ li jinkludi l-komunikazzjoni bejn il-vettura elettrika u l-punt tal-irriċarġjar, il-komunikazzjoni bejn il-punt tal-irriċarġjar u s-sistema ta’ ġestjoni tas-software tal-irriċarġjar (back-end); il-komunikazzjoni relatata mas-servizz tar-roaming tal-vettura elettrika u l-komunikazzjoni mal-grilja elettrika. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu ddefiniti l-qafas ta’ governanza u r-rwoli xierqa tal-atturi differenti involuti fl-ekosistema ta’ komunikazzjoni mill-vettura għall-grilja. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, bħas-sistemi ta’ toroq elettriċi (“ERS”). Fir-rigward tal-provvista tad-data, huwa meħtieġ li jiġu previsti tipi addizzjonali ta’ data u speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mal-format, il-frekwenza u l-kwalità li fihom din id-data jenħtieġ li ssir disponibbli u aċċessibbli.

    (54)Is-suq għall-fjuwils alternattivi u b’mod partikolari għall-fjuwils b’emissjonijiet żero għadu fl-istadji bikrija tal-iżvilupp u t-teknoloġija qed tevolvi malajr. Dan x’aktarx jaffettwa d-domanda għall-fjuwils alternattivi u konsegwentement għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fil-mezzi kollha. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament sa tmiem l-2026 b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-miri għall-punti tal-irriċarġjar elettriċi għall-HDV kif ukoll tal-miri għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għal bastimenti u inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero fit-trasport fuq l-ilma u fl-avjazzjoni.

    (55)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jitrawwem żvilupp estensiv tas-suq tal-fjuwils alternattivi, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri fuq bażi individwali, iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-ħtieġa ta’ azzjoni li tiġi ssodisfata d-domanda għal massa kritika ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi u għal żviluppi kosteffiċjenti mill-industrija Ewropea u biex tkun possibbli l-mobbiltà mal-Unjoni kollha tal-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

    (56)Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2014/94/UE titħassar,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi miri nazzjonali obbligatorji għall-varar ta’ infrastruttura suffiċjenti ta’ fjuwils alternattivi fl-Unjoni, għall-vetturi tat-triq, għall-bastimenti u għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji. Dan jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi komuni u rekwiżiti dwar l-informazzjoni għall-utenti, il-provvista tad-data u rekwiżiti dwar il-pagament għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

    2.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-oqfsa ta’ politika nazzjonali li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, inkluż il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi f’oqsma fejn ma tiġi stabbilita l-ebda mira obbligatorja għall-Unjoni kollha u r-rapportar dwar il-varar ta’ tali infrastruttura.

    3.Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rapportar biex jistimula l-kooperazzjoni u jiżgura segwiment robust tal-progress. Il-mekkaniżmu għandu jikkonsisti fi proċess strutturat, trasparenti u iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fini tal-finalizzazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom u l-azzjoni korrispondenti tal-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“aċċessibbiltà tad-data” tfisser il-possibbiltà li tintalab u tinkiseb id-data fi kwalunkwe mument f’format li jista’ jinqara mill-magni, kif iddefinit fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 61 ;

    (2)“prezz ad hoc” tfisser il-prezz impost minn operatur ta’ punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment fuq utent finali għall-irriċarġjar jew ir-riforniment fuq bażi ad hoc;

    (3)“fjuwils alternattivi” tfisser fjuwils jew sorsi tal-enerġija li jservu, tal-inqas parzjalment, ta’ sostitut għas-sorsi ta’ żejt fossili fil-provvista tal-enerġija għat-trasport, u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tiegħu u jsaħħu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport, inklużi:

    (a)“fjuwils alternattivi għal vetturi b’emissjonijiet żero”:

    l-elettriku,

    l-idroġenu,

    l-ammonja,

    (b)“fjuwils rinnovabbli”:

    fjuwils tal-bijomassa u bijofjuwils kif iddefiniti fil-punti (27) u (33) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001,

    fjuwils sintetiċi u paraffiniċi, inkluża l-ammonijaka, prodotti minn enerġija rinnovabbli,

    (c)“fjuwils fossili alternattivi” għal fażi tranżitorja:

    gass naturali, f’forma gassuża (gass naturali kkompressat (CNG)) u f’forma likwifikata (gass naturali likwifikat (LNG)),

    gass likwifikat miż-żejt (LPG),

    fjuwils sintetiċi u paraffiniċi prodotti minn enerġija mhux rinnovabbli;

    (4)“ajruport tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T” tfisser ajruport kif elenkat u kkategorizzat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (5)“korp ta’ tmexxija tal-ajruport” kif iddefinit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 62 ; 

    (6)“awtentikazzjoni awtomatika” tfisser l-awtentikazzjoni ta’ vettura f’punt tal-irriċarġjar permezz tal-konnettur tal-irriċarġjar jew tat-telematika;

    (7)“disponibbiltà tad-data” tfisser l-eżistenza ta’ data f’format diġitali li jista’ jinqara mill-magni.

    (8)“vettura elettrika bil-batterija” tfisser vettura elettrika li taħdem esklużivament bil-mutur elettriku, mingħajr l-ebda sors sekondarju ta’ propulsjoni;

    (9)“irriċarġjar bidirezzjonali” tfisser operazzjoni tal-irriċarġjar intelliġenti fejn id-direzzjoni tal-fluss tal-elettriku tista’ tinqaleb, li tippermetti li l-elettriku jgħaddi mill-batterija għall-punt tal-irriċarġjar li tkun konnessa miegħu;

    (10)“konnettur” tfisser l-interfaċċa fiżika bejn il-punt tal-irriċarġjar u l-vettura elettrika li permezz tagħha tiġi skambjata l-enerġija elettrika;

    (11)“trasport kummerċjali bl-ajru” tfisser trasport bl-ajru kif iddefinit fil-punt (24) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 63 ;

    (12)“vapur tal-kontejners” tfisser vapur iddisinjat esklużivament għall-ġarr ta’ kontejners fl-istiva jew fuq il-gverta;

    (13)“pagament abbażi ta’ kuntratt” tfisser pagament għal servizz tal-irriċarġjar jew ta’ riforniment mill-utent finali lil fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà abbażi ta’ kuntratt bejn l-utent finali u l-fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà;

    (14)“punt tal-irriċarġjar konness b’mod diġitali” tfisser punt tal-irriċarġjar li jista’ jibgħat u jirċievi informazzjoni f’ħin reali, jikkomunika b’mod bidirezzjonali mal-grilja tal-elettriku u mal-vettura elettrika, u jiġi mmonitorjat u kkontrollat mill-bogħod, inkluż il-bidu u l-waqfien tas-sessjoni tal-irriċarġjar u l-kejl tal-flussi tal-elettriku;

    (15)operatur tas-sistema ta’ distribuzzjoni” tfisser operatur kif iddefinit fil-punt (29) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

    (16)data dinamika” tfisser data li tinbidel spiss jew fuq bażi regolari;

    (17)“sistema ta’ triq elettrika” tfisser installazzjoni fiżika tul triq li tippermetti t-trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika waqt li l-vettura tkun miexja;

    (18)“vettura elettrika” tfisser vettura bil-mutur mgħammra b’sistema ta’ propulsjoni li fiha tal-inqas magna elettrika mhux periferika waħda bħala konvertitur tal-enerġija b’sistema ta’ ħażna ta’ enerġija elettrika rikarikabbli, li tista’ tiġi rriċarġjata esternament;

    (19)“provvista tal-elettriku għal inġenji tal-ajru stazzjonarji” tfisser il-provvista tal-elettriku permezz ta’ interfaċċa fissa jew mobbli standardizzata għall-inġenji tal-ajru meta jkunu stazzjonati fil-gate jew fil-pożizzjonijiet esterni fir-rampa fl-ajruport;

    (20)“utent finali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri fjuwil alternattiv għall-użu dirett f’vettura;

    (21)“roaming elettroniku” tfisser l-iskambju ta’ data u pagamenti bejn l-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment u fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà li minnu utent finali jixtri servizz tal-irriċarġjar;

    (22)“pjattaforma tar-roaming elettroniku” tfisser pjattaforma li tgħaqqad l-atturi tas-suq, b’mod partikolari l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà u l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment, biex tippermetti s-servizzi bejniethom, inkluż ir-roaming elettroniku;

    (23)“standard Ewropew” tfisser standard Ewropew kif iddefinit fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

    (24)“terminal tal-merkanzija” tfisser terminal tal-merkanzija kif iddefinit fil-punt (s) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (25)“tunnellaġġ gross” (GT) tfisser tunnellaġġ gross kif iddefinit fil-punt (e) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 64 ;

    (26)“vettura tqila” tfisser vettura bil-mutur tal-kategoriji M2, M3, N2 jew N3 kif iddefinita fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE 65 ;

    (27)“punt tal-irriċarġjar b’potenza għolja” tfisser punt tal-irriċarġjar li jippermetti trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika b’output ta’ potenza ta’ aktar minn 22 kW;

    (28)“inġenju ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri” tfisser inġenju kif iddefinit fir-Regolament 1 tal-Kapitolu X tas-SOLAS 74, u li jġorr iżjed minn 12-il passiġġier;

    (29)“vettura ħafifa” tfisser vettura bil-mutur tal-kategoriji M1 jew N1 kif iddefinita fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE;

    (30)“fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà” tfisser persuna ġuridika li tipprovdi servizzi bi ħlas lil utent finali, inkluż il-bejgħ ta’ servizz tal-irriċarġjar mill-ġdid;

    (31)“punt tal-irriċarġjar b’potenza normali” tfisser punt tal-irriċarġjar li jippermetti trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika b’output ta’ potenza ta’ 22 kW jew inqas;

    (32)“punt ta’ aċċess nazzjonali” tfisser interfaċċa diġitali fejn ċerta data statika u dinamika ssir aċċessibbli għall-użu mill-ġdid għall-utenti tad-data, kif implimentata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/962;

    (33)“operatur ta’ punt tal-irriċarġjar” tfisser l-entità responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ punt tal-irriċarġjar, li jipprovdi servizz tal-irriċarġjar lill-utenti finali, inkluż f’isem fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà;

    (34)“operatur ta’ punt tar-riforniment” tfisser l-entità responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ punt tar-riforniment, li jipprovdi servizz ta’ riforniment lill-utenti finali, inkluż f’isem fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà;

    (35)“vapur tal-passiġġieri” tfisser vapur li jġorr aktar minn 12-il passiġġier, inklużi vapuri tal-kruċieri, inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri u vapuri b’faċilitajiet li jippermettu lill-vetturi tat-triq jew ferrovjarji jitilgħu u jinżlu mill-bastiment (“vapuri ro-ro tal-passiġġieri”);

    (36)“vettura ibrida rikarikabbli” tfisser vettura elettrika magħmula minn magna tal-kombustjoni konvenzjonali flimkien ma’ sistema tal-propulsjoni elettrika, li tista’ tiġi rriċarġjata mill-ġdid minn sors estern tal-enerġija elettrika;

    (37)“output tal-potenza” tfisser il-potenza massima teoretika, espressa f’kW, li tista’ tiġi pprovduta minn punt, stazzjon, jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jew minn installazzjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt lil vettura jew bastiment konnessi ma’ dak il-punt, stazzjon, grupp ta’ stazzjonijiet jew installazzjoni tal-irriċarġjar;

    (38)“infrastruttura tal-fjuwils alternattivi aċċessibbli għall-pubbliku” tfisser infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li tinsab f’sit jew bini miftuħ għall-pubbliku ġenerali, irrispettivament minn jekk l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tinstabx fi proprjetà pubblika jew privata, jekk japplikawx limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet f’termini tal-aċċess għas-sit jew għall-bini u irrispettivament mill-kundizzjonijiet tal-użu applikabbli tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi;

    (39)“kodiċi ta’ Rispons Rapidu” (kodiċi QR) tfisser kodifikazzjoni u viżwalizzazzjoni tad-data konformi mal-ISO 18004;

    (40)“irriċarġjar fuq bażi ad hoc” tfisser servizz tal-irriċarġjar mixtri minn utent finali mingħajr il-ħtieġa li dak l-utent finali jirreġistra, jikkonkludi ftehim bil-miktub, jew jidħol f’relazzjoni kummerċjali fit-tul mal-operatur ta’ dak il-punt tal-irriċarġjar lil hinn mis-sempliċi xiri tas-servizz;

    (41)“punt tal-irriċarġjar” tfisser interfaċċa fissa jew mobbli li tippermetti t-trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika, li, filwaqt li jista’ jkollha konnettur wieħed jew aktar biex takkomoda tipi differenti ta’ konnetturi, tkun kapaċi tirriċarġja vettura elettrika waħda biss fl-istess ħin, u teskludi apparati b’output tal-potenza ta’ 3,7 kW jew inqas li l-għan primarju tagħhom ma huwiex l-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi.

    (42)“punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar iddedikati għall-vetturi ħfief” tfisser punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar maħsuba għall-irriċarġjar ta’ vetturi ħfief, jew minħabba d-disinn speċifiku tal-konnetturi/plaggs jew id-disinn tal-ispazju tal-parkeġġ maġenb il-punt, l-istazzjon jew il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, jew it-tnejn;

    (43)“punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar iddedikati għall-vetturi tqal” tfisser punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar maħsuba għall-irriċarġjar ta’ vetturi tqal, jew minħabba d-disinn speċifiku tal-konnetturi/plaggs jew minħabba d-disinn tal-ispazju tal-parkeġġ maġenb il-punt, l-istazzjon jew il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, jew it-tnejn li huma;

    (44)“grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar” tfisser stazzjon tal-irriċarġjar wieħed jew aktar f’post speċifiku;

    (45)“stazzjon tal-irriċarġjar” tfisser installazzjoni fiżika waħda f’post speċifiku, li tikkonsisti f’punt tal-irriċarġjar wieħed jew aktar;

    (46)“servizz tal-irriċarġjar” tfisser il-bejgħ jew il-forniment tal-elettriku, inklużi servizzi relatati, permezz ta’ punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku;

    (47)“sessjoni tal-irriċarġjar” tfisser il-proċess sħiħ tal-irriċarġjar ta’ vettura f’punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mill-mument li l-vettura tiġi konnessa sal-mument li l-vettura tiġi skonnessa;

    (48)“riforniment fuq bażi ad hoc” tfisser servizz tar-riforniment mixtri minn utent finali mingħajr il-ħtieġa li dak l-utent finali jirreġistra, jikkonkludi ftehim bil-miktub, jew jidħol f’relazzjoni kummerċjali fit-tul mal-operatur ta’ dak il-punt tar-riforniment lil hinn mis-sempliċi xiri tas-servizz;

    (49)“punt ta’ riforniment” tfisser faċilità ta’ riforniment għall-provvista ta’ kwalunkwe fjuwil alternattiv likwidu jew gassuż, permezz ta’ installazzjoni fissa jew mobbli, li tkun kapaċi timla vettura waħda biss fl-istess ħin;

    (50)“servizz ta’ riforniment” tfisser il-bejgħ jew il-provvista ta’ kwalunkwe fjuwil alternattiv likwidu jew gassuż permezz ta’ punt ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku;

    (51)“sessjoni ta’ riforniment” tfisser il-proċess sħiħ tar-riforniment ta’ vettura f’punt tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku mill-mument li l-vettura tiġi konnessa sal-mument li l-vettura tiġi skonnessa;

    (52)“stazzjon tar-riforniment” tfisser installazzjoni fiżika waħda f’post speċifiku, li tikkonsisti f’punt tar-riforniment wieħed jew aktar;

    (53)“awtorità regolatorja” tfisser l-awtorità regolatorja nominata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

    (54)“enerġija rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    (55)“vapur ro-ro tal-passiġġieri” tfisser vapur b’faċilitajiet li jippermettu li vetturi tat-triq jew ferrovjarji jitilgħu u jinżlu mill-bastiment, u li jġorr iżjed minn 12-il passiġġier;

    (56)“parkeġġ sikur u sigur” tfisser żona ta’ parkeġġ u ta’ mistrieħ kif imsemmi fil-punt (1)(b) tal-Artikolu 17 li hija ddedikata għall-parkeġġ matul il-lejl ta’ vetturi tqal;

    (57)“vapur irmiġġat” tfisser vapur irmiġġat kif iddefinit fil-punt (n) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/757;

    (58)“provvista tal-elettriku mix-xatt” tfisser il-forniment tal-enerġija elettrika mix-xatt permezz ta’ interfaċċa standardizzata lill-vapuri li jbaħħru jew lill-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni rmiġġati;

    (59)“irriċarġjar intelliġenti” tfisser operazzjoni tal-irriċarġjar li fiha l-intensità tal-elettriku fornut lill-batterija tiġi aġġustata f’ħin reali, abbażi tal-informazzjoni li tasal permezz ta’ komunikazzjoni elettronika;

    (60)data statika” tfisser data li ma tinbidilx spiss jew fuq bażi regolari;

    (61)“network komprensiv TEN-T” tfisser network kif iddefinit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (62)“network ewlieni TEN-T” tfisser network kif iddefinit fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (63)“port ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tat-network ewlieni TEN-T u port ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-newtork komprensiv TEN-T” tfisser port tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-networks ewlenin jew komprensivi TEN-T, kif elenkati u kkategorizzati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (64)“port marittimu tan-network ewlieni TEN-T u port marittimu tan-network komprensiv TEN-T” tfisser port marittimu tan-networks ewlenin jew komprensivi TEN-T, kif elenkati u kkategorizzati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (65)“operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” tfisser operatur tas-sistema kif iddefinit fil-punt (35) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/944;

    (66)“nodu urban” tfisser nodu urban kif iddefinit fil-punt (p) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

    Artikolu 3

    Miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku ddedikata għall-vetturi ħfief

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi ħfief jiġu varati b’mod proporzjonali mal-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi ħfief;

    fit-territorju tagħhom, jiġu varati stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief li jipprovdu output suffiċjenti tal-potenza għal dawk il-vetturi.

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem kull sena, mis-sena msemmija fl-Artikolu 24, il-miri tal-output tal-potenza li ġejjin jintlaħqu b’mod kumulattiv:

    (a)għal kull vettura elettrika ħafifa bil-batterija rreġistrata fit-territorju tagħhom, jiġi pprovdut output totali tal-potenza ta’ mill-inqas 1 kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku; u

    (b)għal kull vettura ibrida rikarikabbli ħafifa rreġistrata fit-territorju tagħhom, jiġi pprovdut output totali tal-potenza ta’ mill-inqas 0,66 kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief fin-network tat-toroq fit-territorju tagħhom. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)tul in-network ewlieni TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

    (i)sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (ii)sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (b)tul in-network komprensiv TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

    (i)sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (ii)sal-31 ta’ Diċembru 2035, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW.

    3.L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanzi massimi msemmija fil-punti (a) u (b) ma jinqabżux għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T.

    Artikolu 4

    Miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar elettriku ddedikata għall-vetturi tqal

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal fit-territorju tagħhom. Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)tul in-network ewlieni TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

    (i)sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 1400 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (ii)sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 3500 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (b)tul in-network komprensiv TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 100 km bejniethom:

    (i)sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 1400 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (ii)sal-1 ta’ Diċembru 2035, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għandu joffri output tal-potenza ta’ mill-inqas 3500 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (c)sal-31 ta’ Diċembru 2030, f’kull żona ta’ parkeġġ sikura u sigura għandu jiġi installat mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar iddedikat għall-vetturi tqal b’output tal-potenza ta’ mill-inqas 100 kW;

    (d)sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’kull nodu urban għandhom jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal li jipprovdu output tal-potenza aggregat ta’ mill-inqas 600 kW, fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (e)sal-31 ta’ Diċembru 2030, f’kull nodu urban għandhom jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi tqal li jipprovdu output tal-potenza aggregat ta’ mill-inqas 1200 kW, fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’output tal-potenza individwali ta’ mill-inqas 150 kW.

    2.L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanzi massimi msemmija fil-punti (a) u (b) ma jinqabżux għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T.

    Artikolu 5

    Infrastruttura tal-irriċarġjar

    1.L-operaturi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandhom ikunu liberi li jixtru l-elettriku minn kwalunkwe fornitur tal-elettriku fl-Unjoni, sakemm jaqbel il-fornitur.

    2.L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom, fil-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, jagħtu lill-utenti finali l-possibbiltà li jirriċarġjaw il-vettura elettrika tagħhom fuq bażi ad hoc bl-użu ta’ strument ta’ pagament li jintuża b’mod mifrux fl-Unjoni. Għal dan l-iskop:

    (a)l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom, fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’output tal-potenza ta’ inqas minn 50 kW, varati wara d-data msemmija fl-Artikolu 24, jaċċettaw pagamenti elettroniċi permezz ta’ terminali u apparati użati għal servizzi ta’ pagament, inkluż mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (i)tagħmir li jaqra l-kards tal-ħlas;

    (ii)apparati b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikunu kapaċi jaqraw il-kards tal-ħlas;

    (iii)apparati li jużaw konnessjoni tal-internet li biha, pereżempju, jista’ jiġi ġġenerat kodiċi ta’ Rispons Rapidu (kodiċi QR) li jintuża speċifikament għat-tranżazzjoni ta’ pagament;

    (b)l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom, fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’output tal-potenza ta’ 50 kW jew aktar, varati wara d-data msemmija fl-Artikolu 24, jaċċettaw pagamenti elettroniċi permezz ta’ terminali u apparati użati għal servizzi ta’ pagament, inkluż mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (i)tagħmir li jaqra l-kards tal-ħlas;

    (ii)apparati b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikunu kapaċi jaqraw il-kards tal-ħlas.

    Mill-1 ta’ Jannar 2027 ’il quddiem, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha b’output tal-potenza ta’ 50 kW jew aktar imħaddma minnhom jikkonformaw mar-rekwiżit fil-punt (b).

    Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw għal punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku li ma jirrikjedux pagament għas-servizz tal-irriċarġjar.  

    3.L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom, meta joffru awtentikazzjoni awtomatika f’punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddem minnhom, jiżguraw li l-utenti finali dejjem ikollhom id-dritt li ma jagħmlux użu mill-awtentikazzjoni awtomatika u jistgħu jew jirriċarġjaw il-vettura tagħhom fuq bażi ad hoc, kif previst fil-paragrafu 3, jew jużaw soluzzjoni oħra tal-irriċarġjar ibbażata fuq kuntratt offruta f’dak il-punt tal-irriċarġjar. L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom juru b’mod trasparenti dik l-għażla u joffruha b’mod konvenjenti lill-utent finali, f’kull punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku li jħaddmu u fejn jagħmlu disponibbli l-awtentikazzjoni awtomatika.

    4.Il-prezzijiet imposti mill-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandhom ikunu raġonevoli, jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar, trasparenti u mhux diskriminatorji. L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ma għandhomx jiddiskriminaw bejn il-prezzijiet li jimponu fuq l-utenti finali u l-prezzijiet li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà u lanqas bejn il-prezzijiet li jimponu fuq il-fornituri differenti ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Fejn rilevanti, il-livell tal-prezzijiet jista’ jiġi ddifferenzjat biss b’mod proporzjonat, skont ġustifikazzjoni oġġettiva.

    5.L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom juru b’mod ċar il-prezz ad hoc u l-komponenti kollha tiegħu fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar kollha aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom sabiex dawn ikunu magħrufa għall-utenti finali qabel ma jibdew sessjoni tal-irriċarġjar. Għandhom jintwerew b’mod ċar mill-inqas il-komponenti tal-prezz li ġejjin, jekk applikabbli fl-istazzjon tal-irriċarġjar:

    il-prezz għal kull sessjoni,

    il-prezz għal kull minuta,

    il-prezz għal kull kWh.

    6.Il-prezzijiet imposti mill-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà mill-utenti finali għandhom ikunu raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali, qabel il-bidu tas-sessjoni tal-irriċarġjar, l-informazzjoni applikabbli kollha dwar il-prezzijiet u dik speċifika għas-sessjoni tal-irriċarġjar maħsuba tagħhom, permezz ta’ mezzi elettroniċi disponibbli mingħajr ħlas u b’appoġġ wiesa’, li tiddistingwi b’mod ċar il-komponenti tal-prezz impost mill-operatur tal-punt tal-irriċarġjar, il-kostijiet applikabbli tar-roaming elettroniku u tariffi jew ħlasijiet oħra applikati mill-fornitur tas-servizz tal-mobbiltà. It-tariffi għandhom ikunu raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Ma għandha tiġi applikata l-ebda tariffa addizzjonali għar-roaming elettroniku transfruntier.

    7.Mid-data msemmija fl-Artikolu 24, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom ikunu punti tal-irriċarġjar konnessi b’mod diġitali.

    8.Mid-data msemmija fl-Artikolu 24, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar b’potenza normali aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom ikollhom il-kapaċità tal-irriċarġjar intelliġenti.

    9.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jintwerew sinjali xierqa f’żoni ta’ parkeġġ u mistrieħ fin-network tat-toroq TEN-T fejn hemm installata infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, biex ikun jista’ jiġi identifikat faċilment il-post eżatt tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

    10.L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar tal-kurrent dirett (DC) aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom ikollhom kejbil tal-irriċarġjar fiss installat.

    11.Meta l-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar ma jkunx is-sid ta’ dak il-punt, is-sid għandu jagħmel disponibbli għall-operatur, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, punt tal-irriċarġjar bil-karatteristiċi tekniċi li jippermettu lill-operatur jikkonforma mal-obbligu stabbilit fil-paragrafi 1, 3, 7, 8 u 10.

    Artikolu 6

    Miri għall-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu tal-vetturi tat-triq

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, jiġi stabbilit għadd minimu ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru 2030.

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2030, jiġu varati stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku b’kapaċità minima ta’ 2 t/jum u mgħammra b’distributur ta’ mill-inqas 700 bar b’distanza massima ta’ 150 km bejniethom tul in-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T. L-idroġenu likwidu għandu jkun disponibbli fi stazzjonijiet tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku b’distanza massima ta’ 450 km bejniethom.

    Huma għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2030, jiġi varat mill-inqas stazzjon wieħed ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku f’kull nodu urban. Għandha titwettaq analiżi tal-aħjar post għal tali stazzjonijiet tar-riforniment li għandha b’mod partikolari tikkunsidra l-varar ta’ tali stazzjonijiet f’ċentri multimodali fejn jistgħu jiġu fornuti wkoll modi oħra ta’ trasport.

    2.L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanza massima msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ma tinqabiżx għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T.

    3.L-operatur ta’ stazzjon ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jew, fejn l-operatur ma jkunx is-sid, is-sid ta’ dak l-istazzjon f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, għandu jiżgura li l-istazzjon ikun iddisinjat biex iforni vetturi ħfief u tqal. Fit-terminali tal-merkanzija, l-operaturi jew is-sidien ta’ dawn l-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku għandhom jiżguraw li dawn l-istazzjonijiet iservu wkoll l-idroġenu likwidu.

    Artikolu 7

    Infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu

    1.Mid-data msemmija fl-Artikolu 24, l-operaturi kollha ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom għandhom joffru l-possibbiltà ta’ riforniment lill-utenti finali fuq bażi ad hoc bl-użu ta’ strument ta’ pagament użat b’mod mifrux fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu għandhom jiżguraw li l-istazzjonijiet kollha ta’ riforniment tal-idroġenu mħaddma minnhom jaċċettaw pagamenti elettroniċi permezz ta’ terminali u apparati użati għal servizzi ta’ pagament, inkluż mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)tagħmir li jaqra l-kards tal-ħlas;

    (b)apparati b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikunu kapaċi jaqraw il-kards tal-ħlas.

    Meta l-operatur tal-punt tar-riforniment tal-idroġenu ma jkunx is-sid ta’ dak il-punt, is-sid għandu jagħmel disponibbli lill-operatur, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, punt tal-irriċarġjar bil-karatteristiċi tekniċi li jippermettu lill-operatur jikkonforma mal-obbligu stabbilit f’dan il-paragrafu.

    2.Il-prezzijiet imposti mill-operaturi ta’ punti tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku għandhom ikunu raġonevoli, jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar, trasparenti u mhux diskriminatorji. L-operaturi ta’ punti tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku ma għandhomx jiddiskriminaw bejn il-prezzijiet imposti fuq l-utenti finali u dawk imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà u lanqas bejn il-prezzijiet imposti fuq fornituri differenti ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Fejn rilevanti, il-livell tal-prezzijiet jista’ jiġi ddifferenzjat biss skont ġustifikazzjoni oġġettiva.

    3.L-operaturi tal-punti tar-riforniment tal-idroġenu għandhom jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar il-prezzijiet qabel il-bidu ta’ sessjoni ta’ riforniment fl-istazzjonijiet tar-riforniment imħaddma minnhom.

    4.L-operaturi ta’ stazzjonijiet tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jistgħu jipprovdu servizzi ta’ riforniment tal-idroġenu lill-klijenti fuq bażi kuntrattwali, inkluż f’isem fornituri oħra ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jimponu prezzijiet fuq l-utenti finali li huma raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali, qabel il-bidu tas-sessjoni tal-irriċarġjar, l-informazzjoni applikabbli kollha dwar il-prezzijiet u dik speċifika għas-sessjoni tal-irriċarġjar maħsuba tagħhom, permezz ta’ mezzi elettroniċi disponibbli mingħajr ħlas u b’appoġġ wiesa’, li tiddistingwi b’mod ċar il-komponenti tal-prezz impost mill-operatur tal-punt tar-riforniment tal-idroġenu, il-kostijiet applikabbli tar-roaming elettroniku u tariffi jew ħlasijiet oħra applikati mill-fornitur tas-servizz tal-mobbiltà.

    Artikolu 8

    Infrastruttura tal-LNG għall-vetturi tat-trasport bit-triq

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-1 ta’ Jannar 2025 jiġu installati għadd xieraq ta’ punti ta’ riforniment għal-LNG aċċessibbli għall-pubbliku, mill-inqas tul in-network ewlieni TEN-T, sabiex il-vetturi tqal b’mutur tal-LNG ikunu jistgħu jiċċirkolaw madwar l-Unjoni, fejn ikun hemm domanda, sakemm il-kostijiet ma jkunux sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali.

    Artikolu 9

    Miri għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta provvista minima tal-elettriku mix-xatt għall-vapuri tal-kontejners u tal-passiġġieri li jbaħħru fil-portijiet marittimi. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li sal-1 ta’ Jannar 2030:

    (a)Il-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T li l-għadd annwali medju tagħhom ta’ waqfiet fil-port matul l-aħħar tliet snin ta’ vapuri tal-kontejners li jbaħħru ta’ aktar minn 5000 tunnellata grossa, fit-tliet snin preċedenti, ikun ogħla minn 50 ikollhom output tal-potenza mix-xatt suffiċjenti biex jissodisfa mill-inqas 90 % ta’ dik id-domanda;

    (b)Il-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T li l-għadd annwali medju tagħhom ta’ waqfiet fil-port matul l-aħħar tliet snin ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri ta’ aktar minn 5000 tunnellata grossa, fit-tliet snin preċedenti, ikun ogħla minn 40 ikollhom output tal-potenza mix-xatt suffiċjenti biex jissodisfa mill-inqas 90 % ta’ dik id-domanda;

    (c)Il-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T li l-għadd annwali medju tagħhom ta’ waqfiet fil-port matul l-aħħar tliet snin ta’ vapuri tal-passiġġieri għajr vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri ta’ aktar minn 5000 tunnellata grossa, fit-tliet snin preċedenti, ikun ogħla minn 25 ikollhom output tal-potenza mix-xatt suffiċjenti biex jissodisfa mill-inqas 90 % ta’ dik id-domanda.

    2.Għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ waqfiet fil-port, ma għandhomx jitqiesu l-waqfiet fil-port li ġejjin:

    (a)waqfiet fil-port li jkunu rmiġġati għal inqas minn sagħtejn, ikkalkulati fuq il-bażi tas-siegħa tat-tluq u tal-wasla mmonitorjati f’konformità mal-Artikolu 14 tal-proposta għal Regolament COM(2021)562;

    (b)waqfiet fil-port minn vapuri li jużaw teknoloġiji b’emissjonijiet żero, kif speċifikat fl-Anness III tal-proposta għal Regolament COM(2021)562;

    (c)waqfiet mhux skedati fil-port għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ salvataġġ ta’ ħajjiet fil-baħar.

    3.Meta l-port marittimu tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T ikun jinsab fi gżira li ma tkunx konnessa b’mod dirett mal-grilja tal-elettriku, il-paragrafu 1 ma għandux japplika, sakemm titlesta tali konnessjoni jew sakemm ikun hemm kapaċità suffiċjenti ġġenerata fuq livell lokali minn sorsi ta’ enerġija nadifa.

    Artikolu 10

    Miri għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)mill-inqas installazzjoni waħda li tipprovdi provvista tal-elettriku mix-xatt lill-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi varata fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T sal-1 ta’ Jannar 2025;

    (b)mill-inqas installazzjoni waħda li tipprovdi provvista tal-elettriku mix-xatt lill-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi varata fil-portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tan-network komprensiv TEN-T sal-1 ta’ Jannar 2030.

    Artikolu 11

    Miri għall-provvista tal-LNG fil-portijiet marittimi

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm għadd xieraq ta’ punti tar-riforniment għal-LNG fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T imsemmija fil-paragrafu 2, sabiex il-vapuri li jbaħħru jkunu jistgħu jiċċirkolaw tul in-network ewlieni TEN-T sal-1 ta’ Jannar 2025. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri ġirien, fejn meħtieġ, biex jiżguraw kopertura adegwata tan-network ewlieni TEN-T.

    2.L-Istati Membri għandhom jindikaw, fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom, il-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T li għandhom jipprovdu aċċess għall-punti tar-riforniment għal-LNG imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jikkunsidraw ukoll il-ħtiġijiet u l-iżviluppi attwali tas-suq.

    Artikolu 12

    Miri għall-provvista tal-elettriku lil inġenji tal-ajru stazzjonarji

    1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruport tal-ajruporti kollha tan-network ewlieni u komprensiv TEN-T jiżguraw il-forniment tal-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji sa:

    (a)l-1 ta’ Jannar 2025, fil-gates kollha użati għal operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru;

    (b)l-1 ta’ Jannar 2030, fil-postijiet esterni kollha fir-rampa użati għal operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

    2.Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-elettriku fornut skont il-paragrafu 1 jiġi mill-grilja tal-elettriku jew jiġi ġġenerat fuq il-post bħala enerġija rinnovabbli.

    Artikolu 13

    Oqfsa ta’ politika nazzjonali

    1.Sal-1 ta’ Jannar 2024, kull Stat Membru għandu jħejji u jibgħat lill-Kummissjoni abbozz ta’ qafas ta’ politika nazzjonali għall-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-fjuwils alternattivi fis-settur tat-trasport u l-varar tal-infrastruttura rilevanti.

    Dak il-qafas ta’ politika nazzjonali għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)valutazzjoni tal-istat attwali u l-iżvilupp futur tas-suq fir-rigward tal-fjuwils alternattivi fis-settur tat-trasport, u tal-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aċċess intermodali tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u, fejn rilevanti, il-kontinwità transfruntiera;

    (b)miri u objettivi nazzjonali skont l-Artikoli 3, 4, 6, 8, 9, 10, 11 u 12 li għalihom huma stabbiliti miri nazzjonali obbligatorji f’dan ir-Regolament;

    (c)miri u objettivi nazzjonali għall-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi relatati mal-punti (l), (m), (n), (o) u (p) ta’ dan il-paragrafu li għalihom ma hemm l-ebda mira obbligatorja stabbilita f’dan ir-Regolament;

    (d)il-politiki u l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri u l-objettivi obbligatorji msemmija fil-punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu;

    (e)miżuri li jippromwovu l-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għall-flotot vinkolati, b’mod partikolari għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar elettriku u tar-riforniment tal-idroġenu għas-servizzi tat-trasport pubbliku u għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar elettriku għall-car sharing;

    (f)miżuri li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-varar ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għal vetturi ħfief u tqal f’postijiet privati li ma humiex aċċessibbli għall-pubbliku;

    (g)miżuri għall-promozzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fin-nodi urbani, b’mod partikolari fir-rigward ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku;

    (h)miżuri li jippromwovu għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja aċċessibbli għall-pubbliku;

    (i)il-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li l-varar u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar, inkluża d-distribuzzjoni ġeografika tal-punti tal-iċċarġjar bidirezzjonali, jikkontribwixxu għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u għall-penetrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fis-sistema elettrika;

    (j)miżuri biex jiġi żgurat li l-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u għall-persuni b’diżabbiltà, li jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti dwar l-aċċessibbiltà tal-Anness I u l-Anness III tad-Direttiva 2019/882;

    (k)miżuri biex jitneħħew l-ostakli possibbli fir-rigward tal-ippjanar, tal-permessi u tal-akkwist ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi;

    (l)pjan ta’ varar għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi f’ajruporti għajr għall-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji, b’mod partikolari għall-idroġenu u l-irriċarġjar elettriku għall-inġenji tal-ajru;

    (m)pjan ta’ varar għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi, b’mod partikolari għall-elettriku u l-idroġenu, għas-servizzi portwarji kif iddefiniti fir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 66 ;

    (n)pjan ta’ varar għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi għajr għall-provvista tal-LNG u tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-bastimenti li jbaħħru, b’mod partikolari għall-idroġenu, għall-ammonja u għall-elettriku;

    (o)pjan ta’ varar għall-fjuwils alternattivi fit-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, b’mod partikolari kemm għall-idroġenu kif ukoll għall-elettriku;

    (p)pjan ta’ varar li jinkludi l-miri, l-istadji importanti ewlenin u l-finanzjament meħtieġ, għall-ferroviji elettriċi tal-idroġenu jew tal-batteriji f’segmenti tan-network li mhux se jiġu elettrifikati.

    2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jqisu l-ħtiġijiet tal-modi differenti ta’ trasport li jeżistu fit-territorju tagħhom, inklużi dawk li għalihom huma disponibbli alternattivi limitati għall-fjuwils fossili.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jqisu, kif xieraq, l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għat-trasport pubbliku, kif ukoll dawk tal-partijiet ikkonċernati involuti.

    4.Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw, permezz ta’ konsultazzjonijiet jew oqfsa ta’ politika konġunti, biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa ħalli jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ikunu koerenti u kkoordinati. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fuq l-istrateġiji għall-użu ta’ fjuwils alternattivi u l-varar ta’ infrastruttura korrispondenti fit-trasport fuq l-ilma. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri fil-proċess ta’ kooperazzjoni.

    5.Il-miżuri ta’ appoġġ għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għandhom jikkonformaw mar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat tat-TFUE.

    6.Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-abbozz tal-qafas ta’ politika nazzjonali tiegħu u għandu jiżgura li l-pubbliku jingħata opportunitajiet bikrija u effettivi biex jipparteċipa fit-tħejjija tal-abbozz tal-qafas ta’ politika nazzjonali.

    7.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-abbozz tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lil Stat Membru mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1. B’mod partikolari, dawk ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jindirizzaw:

    (a)il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri u l-objettivi bil-għan li jintlaħqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 6, 8, 9, 10, 11 u 12;

    (b)politiki u miżuri relatati mal-objettivi u l-miri tal-Istati Membri.

    8.Kull Stat Membru għandu jqis kif xieraq kwalunkwe rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ politika nazzjonali tiegħu. Jekk Stat Membru kkonċernat ma jindirizzax rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali minnha, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni.

    9.Sal-1 ta’ Jannar 2025, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-qafas ta’ politika nazzjonali finali tiegħu.

    Artikolu 14

    Rapportar

    1.Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport ta’ progress li jista’ jinqara waħdu rigward l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika nazzjonali tiegħu għall-ewwel darba sal-1 ta’ Jannar 2027, imbagħad kull sentejn.

    2.Ir-rapporti ta’ progress għandhom ikopru l-informazzjoni elenkata fl-Anness I u għandhom, fejn xieraq, jinkludu ġustifikazzjoni rilevanti dwar il-livell tal-kisba tal-miri u l-objettivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 13.

    3.L-awtorità regolatorja tal-Istat Membru għandha tivvaluta, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024 u perjodikament kull tliet snin wara dan, kif il-varar u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar jistgħu jippermettu lill-vetturi elettriċi jikkontribwixxu aktar għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-ibbilanċjar tal-elettriku, u għall-assorbiment ulterjuri tal-elettriku rinnovabbli. Dik il-valutazzjoni għandha tqis it-tipi kollha ta’ punti tal-irriċarġjar, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar it-tip, it-teknoloġija ta’ appoġġ u d-distribuzzjoni ġeografika sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-utenti li jintegraw il-vetturi elettriċi tagħhom fis-sistema. Din għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jieħdu l-miżuri xierqa għall-varar ta’ punti addizzjonali tal-irriċarġjar u jinkluduhom fir-rapport ta’ progress tagħhom imsemmi fil-paragrafu 1. Il-valutazzjoni u l-miżuri għandhom jitqiesu mill-operaturi tas-sistema fil-pjanijiet ta’ żvilupp tan-network imsemmija fl-Artikolu 32(3) u fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    4.Abbażi tal-input mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u mill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-awtorità regolatorja ta’ Stat Membru għandha tivvaluta, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024 u perjodikament kull tliet snin wara dan, il-kontribut potenzjali tal-iċċarġjar bidirezzjonali għall-penetrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. Il-valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu, jekk ikun meħtieġ, il-miżuri xierqa biex jaġġustaw id-disponibbiltà u d-distribuzzjoni ġeografika tal-punti tal-irriċarġjar bidirezzjonali, kemm f’żoni pubbliċi kif ukoll f’dawk privati u jinkluduhom fir-rapport ta’ progress tagħhom imsemmi fil-paragrafu 1.

    5.Il-Kummissjoni għandha tadotta gwida u mudelli dwar il-kontenut, l-istruttura u l-format tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u l-kontenut tar-rapporti ta’ progress nazzjonali li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 13(1) u sitt xhur wara d-data msemmija fl-Artikolu 24. Il-Kummissjoni tista’ tadotta gwida u mudelli biex tiffaċilita l-applikazzjoni effettiva madwar l-Unjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 15

    Rieżami tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u r-rapporti ta’ progress

    1.Sal-1 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-qafas ta’ politika nazzjonali nnotifikat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(9) u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni ta’ dawk l-oqfsa ta’ politika nazzjonali u l-koerenza tagħhom fil-livell tal-Unjoni, inkluża l-ewwel valutazzjoni tal-livell ta’ kisba mistenni tal-miri u l-objettivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 13(1).

    2.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rapporti ta’ progress ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(1) u għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet kif xieraq lill-Istati Membri biex tiżgura l-kisba tal-objettivi u l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Wara dawk ir-rakkomandazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom joħorġu aġġornament tar-rapport ta’ progress tagħhom fi żmien sitt xhur mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    3.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-valutazzjoni tagħha tar-rapporti dwar il-progress skont l-Artikolu 14(1) sena wara s-sottomissjoni tar-rapporti dwar il-progress nazzjonali mill-Istati Membri. Din il-valutazzjoni għandu jkun fiha valutazzjoni:

    (a)tal-progress li sar fil-livell tal-Istati Membri fil-kisba tal-miri u l-objettivi;

    (b)tal-koerenza tal-iżvilupp fil-livell tal-Unjoni.

    4.Abbażi tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u r-rapporti ta’ progress nazzjonali tal-Istati Membri skont l-Artikoli 13(1) u 14(1), il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment informazzjoni dwar il-miri nazzjonali u l-objettivi ppreżentati minn kull Stat Membru rigward:

    (a)l-għadd ta’ punti u ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku, separatament għall-punti tal-irriċarġjar iddedikati għall-vetturi ħfief u għall-punti tal-irriċarġjar iddedikati għall-vetturi tqal, u f’konformità mal-kategorizzazzjoni pprovduta fl-Anness III;

    (b)l-għadd ta’ punti ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku;

    (c)l-infrastruttura għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u interni tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T;

    (d)l-infrastruttura għall-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji f’ajruporti tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T;

    (e)l-għadd ta’ punti tar-riforniment għal-LNG fil-portijiet marittimi u interni tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T;

    (f)l-għadd ta’ punti tar-riforniment għall-LNG aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi bil-mutur;

    (g)l-għadd ta’ punti tar-riforniment tas-CNG aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi bil-mutur;

    (h)il-punti ta’ riforniment u tal-irriċarġjar għal fjuwils alternattivi oħra fil-portijiet marittimi u interni tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T;

    (i)il-punti ta’ riforniment u tal-irriċarġjar għal fjuwils alternattivi oħra f’ajruporti tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T;

    (j)il-punti ta’ riforniment u tal-irriċarġjar għat-trasport ferrovjarju.

    Artikolu 16

    Segwiment tal-progress

    1.Sat-28 ta’ Frar tas-sena ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u kull sena wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-output tal-potenza totali aggregata tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku u l-għadd ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi rikarikabbli rreġistrati varati fit-territorju tagħhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Anness III.

    2.Fejn ikun evidenti mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew minn kwalunkwe informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni li Stat Membru jkun f’riskju li ma jissodisfax il-miri nazzjonali tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista’ toħroġ sejba għal dan il-għan u titlob lill-Istat Membru kkonċernat jieħu miżuri korrettivi biex jilħaq il-miri nazzjonali. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi s-sejbiet tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri korrettivi li jkun qed jippjana li jimplimenta biex jilħaq il-miri stabbiliti fl-Artikolu 3(1). Il-miżuri korrettivi għandhom jinvolvu azzjonijiet addizzjonali li l-Istat Membru għandu jimplimenta biex jilħaq il-miri stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u skeda ċara għall-azzjonijiet li tippermetti l-valutazzjoni tal-progress annwali lejn l-ilħuq ta’ dawk il-miri. Meta l-Kummissjoni ssib li l-miżuri korrettivi jkunu sodisfaċenti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna l-aħħar rapport ta’ progress tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 14 b’dawn il-miżuri korrettivi u jippreżentah lill-Kummissjoni.  

    Artikolu 17

    Informazzjoni għall-utent

    1.Għandha tkun disponibbli informazzjoni rilevanti, konsistenti u ċara fir-rigward tal-vetturi bil-mutur li jistgħu jingħataw fjuwil regolari bi fjuwils individwali mqiegħda fis-suq, jew irriċċarġjati minn punti tal-irriċarġjar. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli fil-manwali tal-vetturi bil-mutur, fil-punti ta’ riforniment u tal-irriċarġjar, fuq il-vetturi bil-mutur u fin-negozji ta’ vetturi bil-mutur fit-territorju tagħhom. Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-vetturi bil-mutur kollha, u l-manwali ta’ dawn il-vetturi bil-mutur, li jkunu tqiegħdu fis-suq wara t-18 ta’ Novembru 2016.

    2.L-identifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-vetturi u tal-infrastrutturi kif ukoll l-identifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-fjuwils u tal-vetturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punti 9.1 u 9.2 tal-Anness II. Meta tali standards jirreferu għal espressjoni grafika, inkluża skema ta’ kodifikazzjoni tal-kulur, l-espressjoni grafika għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftiehem, u għandha titqiegħed b’mod viżibbli ċar:

    (a)fuq il-pompi korrispondenti u ż-żennuni tagħhom fil-punti ta’ riforniment kollha, mid-data li fiha l-fjuwils jitqiegħdu fis-suq; jew

    (b)fil-prossimità immedjata tal-għotjien kollha minn fejn jimtlew it-tankijiet tal-fjuwil tal-vetturi bil-mutur rakkomandati għal u kompatibbli ma’ dak il-fjuwil u fil-manwali tal-vetturi bil-mutur, meta tali vetturi bil-mutur jitqiegħdu fis-suq wara t-18 ta’ Novembru 2016.

    3.Meta l-prezzijiet tal-fjuwil jintwerew fi stazzjon tal-fjuwil, għandu jintwera tqabbil bejn il-prezzijiet tal-unità rilevanti fejn xieraq, u b’mod partikolari għall-elettriku u l-idroġenu, għal finijiet ta’ informazzjoni skont il-metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta’ unitajiet ta’ fjuwils alternattivi msemmija fil-punt 9.3 tal-Anness II.

    4.Fejn l-Istandards Ewropej li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ fjuwil ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar għall-konformità mal-istandards inkwistjoni, fejn id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar ma jirreferux għal espressjoni grafika inklużi skemi ta’ kodifikazzjoni bil-kuluri, jew fejn id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar ma jkunux adatti biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, għall-finijiet tal-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafi 1 u 2:

    (a)tagħti mandat lill-ESOs biex jiżviluppaw speċifikazzjonijiet tat-tikkettar tal-kompatibbiltà,

    (b)jadottaw atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-espressjoni grafika, inkluża skema ta’ kodifikazzjoni bil-kuluri, ta’ kompatibbiltà għall-fjuwils introdotti fis-suq tal-Unjoni li jilħqu l-livell ta’ 1 % tal-volum totali tal-bejgħ, fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, f’aktar minn Stat Membru wieħed.

    5.Jekk id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar tal-Istandards Ewropej rispettivi jiġu aġġornati, jekk jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni dwar it-tikkettar jew jekk jiġu żviluppati Standards Ewropej ġodda għall-fjuwils alternattivi, kif meħtieġ, ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar korrispondenti għandhom japplikaw għall-punti tar-riforniment u tal-irriċarġjar u l-vetturi bil-mutur kollha rreġistrati fit-territorju tal-Istati Membri minn 24 xahar wara l-aġġornament jew l-adozzjoni rispettiva tagħhom.

    Artikolu 18

    Dispożizzjonijiet dwar id-data

    1.L-Istati Membri għandhom jaħtru Organizzazzjoni għar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjoni (“IDRO”). L-IDRO għandha toħroġ u timmaniġġja kodiċijiet uniċi ta’ identifikazzjoni (“ID”) biex jiġu identifikati, mill-inqas, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, mhux aktar tard minn sena wara d-data msemmija fl-Artikolu 24.

    2.L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jew, f’konformità mal-arranġament bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti, għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data statika u dinamika dwar l-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi mħaddma minnhom u jippermettu l-aċċessibbiltà ta’ dik id-data permezz tal-punti ta’ aċċess nazzjonali mingħajr ebda kost. It-tipi ta’ data li ġejjin għandhom ikunu disponibbli:

    (a)data statika għall-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom:

    (i)il-pożizzjoni ġeografika tal-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment,

    (ii)in-numru ta’ konnetturi,

    (iii)l-għadd ta’ spazji ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà,

    (iv)informazzjoni ta’ kuntatt tas-sid u tal-operatur tal-istazzjon tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

    (b)data statika ulterjuri għall-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom:

    (i)il-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni (ID), tal-inqas tal-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà li joffru servizzi f’dak il-punt tal-irriċarġjar, kif imsemmi fil-paragrafu 1,

    (ii)it-tip ta’ konnettur,

    (iii)it-tip ta’ kurrent (AC/DC),

    (iv)l-output tal-potenza (kW),

    (c)data dinamika għall-punti kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment imħaddma minnhom:

    (i)l-istatus operazzjonali (operazzjonali/mhux jaħdem),

    (ii)id-disponibbiltà (fl-użu/mhux fl-użu),

    (iii)il-prezz ad hoc.

    3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċessibbiltà tad-data fuq bażi miftuħa u mhux diskriminatorja għall-partijiet ikkonċernati kollha permezz tal-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali tagħhom fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 67 .

    4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 biex:

    (a)iżżid tipi addizzjonali ta’ data ma’ dawk speċifikati fil-paragrafu 2;

    (b)tispeċifika l-elementi relatati mal-format tad-data, il-frekwenza u l-kwalità li bihom se ssir disponibbli din id-data;

    (c)tistabbilixxi proċeduri dettaljati li jippermettu l-forniment u l-iskambju ta’ data meħtieġa skont il-paragrafu 2.

    Artikolu 19

    Speċifikazzjonijiet tekniċi komuni

    1.Il-punti tal-irriċarġjar b’potenza normali għall-vetturi elettriċi, minbarra l-unitajiet bla fili jew induttivi, varati jew imġedda mid-data msemmija fl-Artikolu 24, għandhom jikkonformaw mill-inqas mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punt 1.1 tal-Anness II.

    2.Il-punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja għall-vetturi elettriċi, minbarra l-unitajiet bla fili jew induttivi, varati jew imġedda mid-data msemmija fl-Artikolu 24, għandhom jikkonformaw mill-inqas mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punt 1.2 tal-Anness II.

    3.Il-punti ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku varati jew imġedda mid-data msemmija fl-Artikolu 24 għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punti 3.1, 3.2, 3.3, u 3.4 tal-Anness II.

    4.L-installazzjonijiet tal-provvista tal-elettriku mix-xatt għat-trasport marittimu, varati jew imġedda mid-data msemmija fl-Artikolu 24 għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punti 4.1 u 4.2 tal-Anness II.

    5.Il-punti ta’ riforniment tas-CNG għall-vetturi bil-mutur varati jew imġedda mid-data msemmija fl-Artikolu 24 għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punt 8 tal-Anness II.

    6.F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jabbozzaw standards Ewropej li jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-oqsma msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament li għalihom ma ġiet adottata l-ebda speċifikazzjoni teknika komuni mill-Kummissjoni.

    7.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 17 biex:

    (a)tissupplimenta dan l-Artikolu bi speċifikazzjonijiet tekniċi komuni, biex tippermetti l-interoperabbiltà teknika sħiħa tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment f’termini ta’ konnessjonijiet fiżiċi u ta’ skambju tal-komunikazzjoni għal-oqsma elenkati fl-Anness II;

    (b)temenda l-Anness II billi taġġorna r-referenzi għall-istandards imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dak l-Anness.

    Artikolu 20

    Eżerċizzju tad-delega

    1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l- Artikolu.

    2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 18 u 19 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-data msemmija fl-Artikolu 24. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 18 u 19 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.Att delegat adottat skont l-Artikoli 18 u 19 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 21

    Proċedura ta’ Kumitat

    1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4), tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.Fejn ikun meħtieġ li l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb permezz ta’ proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, qabel l-iskadenza għall-ħruġ tal-opinjoni, dan jiġi deċiż mill-president tal-kumitat jew jintalab minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat.

    Artikolu 22

    Rieżami

    Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament, u, fejn xieraq, tippreżenta proposta biex jiġi emendat.

    Artikolu 23

    1.Id-Direttiva 2014/94/UE hija mħassra mid-data msemmija fl-Artikolu 24.

    2.Ir-referenzi għad-Direttiva 2014/94/UE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

    Artikolu 24

    Dħul fis-seħħ

     

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew            Għall-Kunsill

    Il-President            Il-President

    (1)    ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
    (2)    COM(2019) 640 final.
    (3)    COM(2020) 563 final.
    (4)    COM(2020) 562 final.
    (5)    COM(2020) 789 final.
    (6)    COM(2021) 103 final
    (7)    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (2021): Rapport Speċjali 05/2021: Infrastruttura għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi: aktar stazzjonijiet għall-iċċarġjar iżda vjaġġar ikkumplikat madwar l-UE minħabba l-varar mhux uniformi tagħhom.
    (8)    SWD(2021) 637, “Evalwazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi”.
    (9)    COM(2020) 690 final.
    (10)    Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011, ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13.
    (11)    Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE, ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202.
    (12)    COM (2021) 556. Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni.
    (13)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001.
    (14)    COM(2021) 561, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għat-trasport bl-ajru sostenibbli.
    (15)    COM(2021) 562, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu.
    (16)    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013.
    (17)    Id-Direttiva 2003/87/KE.
    (18)    Id-Direttiva 2003/96/KE.
    (19)    Id-Direttiva 2010/31/UE.
    (20)    Id-Direttiva 1999/62/KE.
    (21)    Id-Direttiva (UE) 2019/1161.
    (22)    COM(2020) 301 final.
    (23)    COM/2020/299.
    (24)    Ir-Regolament (KE) 715/2007.
    (25)    Ir-Regolament (KE) 595/2009.
    (26)    Id-Direttiva 2010/40/UE.
    (27)    Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/962.
    (28)    https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/european-partnerships-horizon-europe_mt.
    (29)    https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/missions-horizon-europe/climate-neutral-and-smart-cities_mt.
    (30)    SWD(2021) 631, “Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE”.
    (31)    COM/2021/103 final.
    (32)    SWD(2021) 637.
    (33)    https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12251-Vetturi-b%E2%80%99livell-baxx-ta%E2%80%99-emissjonijiet-intejbu-l-infrastruttura-tal-UE-g%C4%A7ar-riforniment-tal-fjuwil-l-iccargjar_mt.
    (34)    Il-kontribut mill-evalwazzjoni ġie analizzat fir-rapport dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati li jappoġġa r-rapport finali tal-evalwazzjoni.
    (35)    SWD(2021) 637.
    (36)    Rapport finali, studju ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt “Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Installazzjoni ta’ Infrastruttura tal-Karburanti Alternattivi (2014/94/UE)”, 2021.
    (37)    Is-sejbiet ta’ dan l-eżerċizzju ġew ikkumpilati f’rapport komprensiv mill-plenarja tal-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli f’Novembru 2019: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/2019-stf-consultation-analysis.pdf.
    (38)    SWD(2021) 614, Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2019/631 fir-rigward tat-tisħiħ tal-istandards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda f’konformità mal-ambizzjoni klimatika akbar tal-Unjoni.
    (39)    L-iżvilupp tal-IT u l-għażliet ta’ akkwist se jkunu suġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-Bord tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u taċ-Ċibersigurtà tal-Kummissjoni Ewropea
    (40)    www.eafo.eu.
    (41)    ĠU C , , p. .
    (42)    ĠU C , , p. .
    (43)    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).
    (44)    COM(2020) 789 final.
    (45)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
    (46)    Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13).
    (47)    Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202).
    (48)    COM(2021) 561.
    (49)    COM(2021) 562.
    (50)    Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).
    (51)    F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – Strateġija ta’ Implimentazzjoni, COM/2017/0134 final.
    (52)    Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).
    (53)    Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
    (54)    COM(2020) 301 final.
    (55)    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
    (56)    COM(2020) 301 final
    (57)    Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
    (58)    Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).
    (59)    Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).
    (60)    Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.).
    (61)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/962 tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (ĠU L 157, 23.6.2015, p. 21).
    (62)    Id-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU L 70, 14.3.2009, p. 11).
    (63)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
    (64)    Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).
    (65)    Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).
    (66)    Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).
    (67)    Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).
    Top

    Brussell, 14.7.2021

    COM(2021) 559 final

    ANNESSI

    tal-

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    {SEC(2021) 560 final} - {SWD(2021) 631 final} - {SWD(2021) 632 final} - {SWD(2021) 637 final} - {SWD(2021) 638 final}


    ANNESS I

    Rapportar

    Ir-rapport ta’ progress imsemmi fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    1.l-iffissar tal-miri

    (a)il-projezzjonijiet tal-adozzjoni tal-vetturi għall-31 ta’ Diċembru tas-snin 2025, 2030 u 2035 għal:

    vetturi tat-triq ħfief, separatament għal vetturi elettriċi bil-batterija, vetturi ibridi rikarikabbli, u vetturi li jaħdmu bl-idroġenu;

    vetturi tat-triq tqal, separatament għal vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi li jaħdmu bl-idroġenu;

    (b)il-miri għall-31 ta’ Diċembru 2025, 2030 u 2035 għal:

    l-infrastruttura tal-irriċarġjar bl-elettriku għall-vetturi ħfief: l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar u l-output tal-potenza (il-klassifikazzjoni tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament);

    l-iżvilupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-vetturi ħfief li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku;

    l-infrastruttura tal-irriċarġjar bl-elettriku għall-vetturi tqal: l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar u l-output tal-potenza;

    l-iżvilupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-vetturi tqal li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku;

    l-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu: l-għadd ta’ stazzjonijiet tar-riforniment, il-kapaċità tal-istazzjonijiet tar-riforniment u l-konnettur ipprovdut;

    l-istazzjonijiet tar-riforniment tal-LNG fit-triq: l-għadd ta’ stazzjonijiet tar-riforniment u l-kapaċità tal-istazzjonijiet;

    il-punt tar-riforniment tal-LNG fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T inkluż il-post (port) u l-kapaċità għal kull port;

    il-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T, inkluż il-post eżatt (il-port) u l-kapaċità ta’ kull installazzjoni fil-port;

    il-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T, inkluż il-post (il-port) u l-kapaċità;

    il-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji, l-għadd ta’ installazzjonijiet għal kull ajruport tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T;

    miri u objettivi nazzjonali oħra li għalihom ma teżisti l-ebda mira nazzjonali obbligatorja tal-UE. Għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet, fl-ajruporti u għat-trasport ferrovjarju, iridu jiġu rrapportati l-post u l-kapaċità/id-daqs tal-installazzjoni;

    2.ir-rati ta’ utilizzazzjoni: għall-kategoriji taħt il-punt 1(b), ir-rapportar tal-utilizzazzjoni ta’ dik l-infrastruttura;

    3.il-livell ta’ kisba tal-objettivi nazzjonali għall-varar ta’ fjuwils alternattivi fil-modi tat-trasport differenti (bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru);

    il-livell ta’ kisba tal-miri għall-varar tal-infrastruttura kif imsemmi fil-punt 1(b) għall-modi kollha tat-trasport, b’mod partikolari għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar elettriku, għas-sistema ta’ triq elettrika (jekk applikabbli), għall-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu, għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, għall-bunkering tal-LNG fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T, għal infrastruttura oħra tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet, għall-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji, kif ukoll għall-punti tar-riforniment tal-idroġenu u għall-punti tal-irriċarġjar tal-elettriku għall-ferroviji;

    għall-punti tal-irriċarġjar, l-ispeċifikar tal-proporzjon tal-infrastruttura pubblika għal dik privata;

    il-varar tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fin-nodi urbani;

    4.il-miżuri legali: informazzjoni dwar miżuri legali, li jistgħu jikkonsistu minn miżuri leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi b’appoġġ għall-bini ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bħall-permessi għall-bini, il-permessi għall-parkeġġi, iċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tan-negozji u konċessjonijiet ta’ stazzjonijiet tal-fjuwil;

    5.informazzjoni dwar il-miżuri ta’ politika b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika nazzjonali, inkluż:

    l-inċentivi diretti għax-xiri ta’ mezzi tat-trasport li jużaw il-fjuwils alternattivi jew għall-bini tal-infrastruttura;

    id-disponibbiltà ta’ inċentivi tat-taxxa għall-promozzjoni ta’ mezzi tat-trasport li jużaw fjuwils alternattivi u l-infrastruttura rilevanti;

    l-użu ta’ akkwist pubbliku b’appoġġ għall-fjuwils alternattivi, inkluż l-akkwist konġunt;

    inċentivi min-naħa tad-domanda li mhumiex ta’ natura finanzjarja: pereżempju aċċess preferenzjali għal żoni ristretti, politika tal-parkeġġ u korsiji ddedikati;

    6.l-appoġġ għall-varar u għall-manifattura, inkluż:

    baġit pubbliku annwali allokat għall-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi, imqassam skont il-fjuwil alternattiv u skont il-mod tat-trasport (bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru);

    baġit pubbliku annwali allokat għall-appoġġ ta’ impjanti għall-manifattura ta’ teknoloġiji li jużaw fjuwils alternattivi, imqassam skont il-fjuwil alternattiv u skont il-mod tat-trasport.

    konsiderazzjoni ta’ kwalunkwe ħtieġa partikolari waqt il-fażi inizjali tal-varar ta’ infrastrutturi għall-fjuwils alternattivi.

    7.riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (RŻT&D): baġit pubbliku annwali allokat għall-appoġġ tal-fjuwils alternattivi RŻT&D, imqassam skont il-fjuwil u l-oriġini tiegħu, li jiddistingwi bejn forom fossili u rinnovabbli u skont il-mod tat-trasport.

    ANNESS II

    Speċifikazzjonijiet tekniċi

    1.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista tal-elettriku għat-trasport bit-triq

    1.1.Punti tal-iċċarġjar b’potenza normali għal vetturi bil-mutur: il-punti tal-iċċarġjar b’potenza normali b’kurrent alternanti (AC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’sokits jew konnetturi tal-vetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN 62196-2:2017.

    1.2.Punti tal-irriċarġjar b’potenza qawwija għal vetturi bil-mutur:

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza qawwija b’kurrent alternanti (AC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’konnetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN 62196-2:2017;

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza qawwija b’kurrent dirett (DC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas bil-konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunti “Combo 2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196-3:2014.

    1.3.Punti tal-irriċarġjar bla fili għall-vetturi bil-mutur kif speċifikat mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/ […/…] li jissupplimenta d-Direttiva 2014/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards għall-punti tal-irriċarġjar għall-vetturi bil-mutur .

    1.4.Punti tal-irriċarġjar għall-vetturi bil-mutur tal-kategorija L kif speċifikat mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745.

    1.5.Punti tal-irriċarġjar għal karozzi tal-linja elettriċi kif speċifikat mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/ […/…] li jissupplimenta d-Direttiva 2014/94 UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards għall-punti tal-irriċarġjar bla fili għall-vetturi bil-mutur .

    1.6.Speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għal vetturi bil-mutur.

    1.7.Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-konnettur għall-irriċarġjar tal-vetturi tqal (iċċarġjar DC).

    1.8.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv statiku bla fili għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief.

    1.9.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv statiku bla fili għal vetturi tqal.

    1.10.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv dinamiku bla fili għall-vetturi tal-passiġġieri u l-vetturi ħfief.

    1.11.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv dinamiku għall-vetturi tqal.

    1.12.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv statiku għall-karozzi tal-linja elettriċi.

    1.13.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv dinamiku bla fili għall-karozzi tal-linja elettriċi.

    1.14.Speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema ta’ triq elettrika (ERS) għall-provvista tal-enerġija dinamika fl-ajru permezz ta’ pantografu għall-vetturi tqal.

    1.15.Speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema ta’ triq elettrika (ERS) għall-provvista tal-enerġija dinamika fil-livell tal-art permezz ta’ binarji konduttivi għall-karozzi tal-passiġġieri, il-vetturi ħfief u l-vetturi tqal.

    1.16.Speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għall-vetturi tal-kategorija L.

    1.17.Jekk ikun fattibbli, speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għall-karozzi tal-passiġġieri u vetturi ħfief.

    1.18.Jekk ikun fattibbli, speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għall-vetturi tqal.

    1.19.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar biex jiġi żgurat l-aċċess għall-utenti b’diżabilità.

    2.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta’ komunikazzjoni fl-ekosistema tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi

    2.1.Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-komunikazzjoni bejn il-vetturi elettriċi u l-punt tal-irriċarġjar (komunikazzjoni mill-vettura għall-grilja).

    2.2.Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-komunikazzjoni bejn il-punt tal-irriċarġjar u s-sistema ta’ ġestjoni tal-punt tal-irriċarġjar (komunikazzjoni back-end).

    2.3.Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-komunikazzjoni bejn l-operatur tal-punt tal-irriċarġjar, il-fornituri tas-servizzi tal-elettromobbiltà u l-pjattaformi tar-roaming elettroniku.

    2.4.Speċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-komunikazzjoni bejn l-operatur tal-punt tal-irriċarġjar u l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni.

    3.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista tal-idroġenu għat-trasport bit-triq

    3.1.Il-punti tar-riforniment tal-idroġenu fil-miftuħ minn fejn jista’ jinxtara idroġenu gassuż li jintuża bħala fjuwil abbord vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ispeċifikazzjoni ISO/TS 20100 għar-riforniment tal-idroġenu gassuż.

    3.2.Il-purezza tal-idroġenu distribwit mill-punti tar-riforniment tal-idroġenu għandha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fl-istandard ISO 14687:2019.

    3.3.Il-punti tar-riforniment tal-idroġenu għandhom jużaw tagħmir u algoritmi tal-fjuwil li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni ISO 19880-1:2020 għar-Riforniment ta’ Idroġenu Gassuż.

    3.4.Il-konnetturi għall-vetturi bil-mutur għar-riforniment ta’ idroġenu gassuż għandhom jikkonformaw mal-istandard ISO 17268:2020 għat-tagħmir ta’ konnessjoni għar-riforniment tal-idroġenu gassuż għall-vetturi bil-mutur.

    3.5.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnetturi għall-punti tar-riforniment li jiddistribwixxu l-idroġenu gassuż (ikkumpressat) għall-vetturi tqal.

    3.6.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnetturi għall-punti tar-riforniment li jiddistribwixxu l-idroġenu likwifikat għall-vetturi tqal.

    4.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista tal-elettriku għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    4.1.Il-provvista tal-elettriku mix-xatt għal vapuri li jbaħħru, inkluż id-disinn, l-installazzjoni u l-ittestjar tas-sistemi, għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard IEC/IEEE 80005-1:2019, għal konnessjonijiet mix-xatt b’vultaġġ għoli u b’vultaġġ baxx rispettivament.

    4.2.Il-provvista tal-elettriku mix-xatt għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tikkonforma mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745.

    4.3.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tal-irriċarġjar tal-batteriji max-xatt għall-bastimenti marittimi, li jkollhom interkonnettività u interoperabbiltà tas-sistema għall-bastimenti marittimi.

    4.4.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tal-irriċarġjar tal-batteriji max-xatt għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna, li jkollhom interkonnettività u interoperabbiltà tas-sistema għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    4.5.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċa tal-komunikazzjoni mill-port għall-grilja fis-sistemi tal-provvista awtomatizzata tal-enerġija fuq l-art (OPS) u tal-irriċarġjar tal-batteriji għall-bastimenti marittimi.

    4.6.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċa tal-komunikazzjoni mill-port għall-grilja fis-sistemi tal-provvista awtomatizzata tal-enerġija fuq l-art (OPS) u tal-irriċarġjar tal-batteriji għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    4.7.Jekk ikun fattibbli, speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji u għall-irriċarġjar fi stazzjonijiet max-xatt għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    5.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bunkering tal-idroġenu għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    5.1.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-idroġenu gassuż (ikkumpressat) għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bl-idroġenu.

    5.2.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-idroġenu gassuż (ikkumpressat) għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bl-idroġenu.

    6.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bunkering tal-metanol għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    6.1.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-metanol rinnovabbli għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bil-metanol.

    6.2.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-metanol rinnovabbli għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bil-metanol.

    7.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bunkering tal-ammonijaka għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    7.1.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-ammonijaka rinnovabbli għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bl-ammonijaka.

    7.2.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-ammonijaka rinnovabbli għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bl-ammonijaka.

    8.Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment tal-gass naturali

    8.1.Il-punti tar-riforniment għall-gass naturali kkompressat (CNG) għall-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745.

    8.2.Il-konnetturi/reċipjenti tas-CNG għandhom jikkonformaw mar-Regolament tan-NU/KEE Nru. 110 (li jirreferi għall-ISO 14469:2017).

    8.3.Il-punti tar-riforniment għal-LNG għall-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745.

    8.4.Il-punti tar-riforniment għal-LNG għall-bastiment tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew vapuri li jbaħħru għandhom jikkonformaw mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745.

    9.Speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mat-tikkettar tal-fjuwil

    9.1.It-tikketta “Fjuwils - Identifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-vettura - Espressjoni grafika għall-informazzjoni għall-konsumatur” għandha tikkonforma mal-istandard EN 16942:2016+A1:2021.

    9.2.It-tikketta “Identifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-vetturi u tal-infrastrutturi - Espressjoni grafika għall-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-provvista tal-enerġija għall- EV” għandha tikkonforma mal-istandard EN 17186.

    9.3.Il-metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet unitarji għall-fjuwils alternattivi stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/732.

    ANNESS III

    Rekwiżiti ta’ rapportar dwar il-varar tal-vetturi elettriċi u l-infrastruttura tal-irriċarġjar

    1.L-Istati Membri jridu jikkategorizzaw ir-rapportar tagħhom dwar il-varar tal-vetturi elettriċi kif ġej:

    vetturi elettriċi bil-batterija, separatament għall-kategoriji M1, N1, M2/3 u N2/3

    vetturi elettriċi ibridi rikarikabbli, separatament għall-kategoriji M1, N1, M2/3 u N2/3

    2.L-Istati Membri jridu jikkategorizzaw ir-rapportar tagħhom dwar il-varar tal-punti tal-irriċarġjar kif ġej:

    Kategorija

    Subkategorija

    Output tal-potenza massima

    Definizzjoni skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament

    Kategorija 1 (AC)

    Punt tal-irriċarġjar AC
    bil-mod, fażi waħda

    P < 7.4 kW

    Punt tal-irriċarġjar b’potenza normali

    Punt tal-irriċarġjar AC
    b’veloċità medja, trifażi

    7.4 kW ≤ P ≤ 22 kW

    Punt tal-irriċarġjar veloċi
    tal-AC, trifażi

    P > 22 kW

    Punt tal-irriċarġjar b’potenza għolja

    Kategorija 2 (DC)

    Punt tal-irriċarġjar DC bil-mod

    P < 50 kW

    Punt tal-irriċarġjar DC veloċi

    50 kW ≤ P < 150 kW

    Livell 1 - Punt tal-irriċarġjar DC ultraveloċi

    150 kW ≤ P < 350 kW

    Livell 2 - Punt tal-irriċarġjar DC ultraveloċi

    P ≥ 350 kW

    3.Id-data li ġejja trid tiġi pprovduta separatament għall-infrastruttura tal-irriċarġjar iddedikata għall-vetturi ħfief u għall-vetturi tqal:

    l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar, li għandhom jiġu rrappurtati għal kull waħda mill-kategoriji taħt il-punt 2;

    l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar li jsegwu l-istess kategorizzazzjoni bħal dik tal-punt tal-irriċarġjar;

    l-output tal-potenza aggregata totali tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar;

    l-għadd ta’ stazzjonijiet li ma jaħdmux f’50 % tal-jiem disponibbli f’sena partikolari.



    ANNESS IV

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Id-Direttiva 2014/94/UE

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2(1)

    Artikolu 2(3)

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    -

    Artikolu 3

    -

    Artikolu 4

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    -

    Artikolu 6

    -

    Artikolu 7

    Artikolu 6(4)

    Artikolu 8

    -

    Artikolu 9

    -

    Artikolu 10

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 11

    -

    Artikolu 12

    Artikolu 3

    Artikolu 13

    Artikolu 10

    Artikoli 14, 15, 16

    Artikolu 7

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    Artikolu 19

    Artikolu 8

    Artikolu 20

    Artikolu 9

    Artikolu 21

    Artikolu 22

    Artikolu 11

    Artikolu 23

    _

    Artikolu 24

    Artikolu 12

    Artikolu 25

    Artikolu 13

    Top