IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.8.2021
COM(2021) 441 final
2021/0252(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-1 ta' Marzu 2021, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga li tikkonsisti fil-konċessjoni ta’ eżenzjoni mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 40 000 fil-munita nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2024.
F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra ddatata l-25 ta’ Marzu 2021, u lil Ċipru fis-26 ta’ Marzu 2021 bit-talba tal-Polonja. Permezz ta’ ittra ddatata d-29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b’fatturat annwali inqas minn ċertu livell. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.
Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Stati Membri partikolari li l-adeżjoni tagħhom seħħet wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata tal-kambju dakinhar tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni.
Skont il-punt 14 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, il-Polonja tista’ teżenta lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 10 000 fil-munita nazzjonali .
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE, il-Polonja ġiet awtorizzata teżenta mill-VAT sal-31 ta’ Diċembru 2012 lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti ta’ EUR 30 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Il-Polonja introduċiet din il-miżura fil-liġi fiskali nazzjonali f’żewġ stadji: mill-1 ta’ Jannar 2010, il-limitu tal-eżenzjoni żdied għal PLN 100 000, u mill-1 ta’ Jannar 2011, reġa’ żdied għal PLN 150 000.
Sussegwentement, l-awtorizzazzjoni biex tapplika dik il-miżura speċjali ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/769/UE sal-31 ta’ Diċembru 2015 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1173 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2090 żiedet il-livell limitu tal-eżenzjoni għall-ekwivalenti ta’ EUR 40 000 fil-munita nazzjonali. Il-Polonja implimentat din il-miżura fl-1 ta’ Jannar 2017 billi żiedet il-livell limitu għall-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi ż-żgħar għal PLN 200 000 tal-fatturat annwali. Din l-iskema hija attwalment fis-seħħ abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919, li tawtorizza lill-Polonja tapplika din id-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2021.
Awtorizzazzjoni biex l-eżenzjoni tkompli tintuża wara l-2021 għal persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta’ EUR 40 000 f’PLN tkun simplifikazzjoni sinifikanti għall-persuni li joperaw impriżi relattivament żgħar. Il-persuni taxxabbli koperti minn din l-eżenzjoni ma għandhomx għalfejn inaqqsu u jħallsu l-VAT, ikunu rreġistrati għall-VAT jew iżommu rekord dettaljat sħiħ tat-tranżazzjonijiet soġġetti għall-VAT. Bis-saħħa ta’ dawn is-simplifikazzjonijiet, is-sidien ta’ impriżi ż-żgħar jistgħu jiddedikaw aktar ħin u riżorsi biex jiżviluppaw in-negozju tagħhom. Il-miżura ta’ deroga tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli.
Barra minn hekk, l-ispiża tal-ġbir tal-VAT minn persuni taxxabbli li joperaw impriżi b’fatturat relattivament baxx, li jirriżulta mill-forniment ta’ servizzi tal-kontribwenti lil dawn il-persuni taxxabbli u l-awditjar tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħhom, hija sproporzjonatament għolja meta mqabbla mal-ammont ta’ taxxa miġbura. Għaldaqstant, bl-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mill-VAT għas-sidien ta’ impriżi żgħar, l-amministrazzjoni tad-dħul tista’ tidderieġi aktar riżorsi lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u lejn it-titjib tal-kwalità tas-servizzi tal-kontribwenti u l-effettività tal-ġbir tal‑VAT minn operaturi ta’ impriżi fuq skala kbira.
Il-miżura ma taffettwax b’mod sinifikanti l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT jew l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
Il-miżura ta’ deroga li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.
Għalhekk, huwa xieraq li l-Polonja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli minn 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar, li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT, u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawn l-impriżi. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u dak tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tal-impriżi kif ukoll il-monitoraġġ mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa.
Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 40 000 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands ingħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; Il-Belġju ngħata livell limitu ta’ EUR 25 000, u l-Lussemburgu livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Latvja, u l-Estonja ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; il-Litwanja ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000 u Malta livell limitu ta’ EUR 20 000; l-Ungerija ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; is-Slovenja ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; u r-Rumanija ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.
Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, kif mitlub mill-Polonja, hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285 dwar regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dik id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.
Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.
•Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Il-Kummissjoni ilha konsistentement tenfasizza l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali, fejn impenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li jappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru, li jirrikonoxxi li l-ispejjeż tal-konformità mar-regoli tat-taxxa għadhom għoljin fl-UE, u li l-ispejjeż tal-konformità huma tipikament sostanzjalment ogħla għal kumpaniji żgħar milli għal kumpaniji kbar.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta taqa' fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru b’talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu għal proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mill-Polonja u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru partikolari.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tapplika livell limitu tal-fatturat annwali li l-persuni taxxabbli b’fatturat inqas minnu jistgħu jiġu eżentati mill-VAT testendi l-miżura ta’ simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għall-impriżi li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 40 000.
Il-persuni li d-dħul taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu mhux se jkollhom jirreġistraw biex jiġu identifikati għal skopijiet ta’ VAT, u għaldaqstant il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas bħala riżultat tal-miżura, billi huma ma jkollhomx għalfejn iżommu rekords tal-VAT jew jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT. Se jkun hemm ukoll tnaqqis fl-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tat-taxxa. Dan se jkollu impatt potenzjalment pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-persuni taxxabli attwalment irreġistrati għall-VAT fil-Polonja, u sussegwentement fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa.
Skont il-Polonja, fil-31 ta’ Diċembru 2019, 4 014 354 kumpanija (esklużi persuni fiżiċi li joperaw azjendi agrikoli individwali biss) ġew irreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali Uffiċjali Nazzjonali (REGON). Dak iż-żmien il-popolazzjoni tal-Polonja kienet 38 382 576.
L-għadd ta’ kumpaniji li ddikjaraw li kienu qed joperaw impriża b’għadd ta’ persunal antiċipat ta’ mhux aktar minn disa’ persuni kien 3 853 900. Dan jammonta għal 96 % tal-kumpaniji kollha. Id-data tikkonferma b’mod ċar li l-mikroentitajiet jippredominaw fil-Polonja.
L-impatt annwali stmat biex titkompla l-applikazzjoni tal-livell limitu miżjud tal-eżenzjoni fl-ammont ekwivalenti ta’ PLN minn EUR 10 000 previsti fl-Artikolu 287, il-punt (14), tad-Direttiva 2006/112/KE sa EUR 40 000, jekk il-persuni taxxabbli intitolati kollha jagħmlu użu minn din l-eżenzjoni volontarja, jammonta għal madwar PLN 1,6 biljun, li jikkorrispondi għal madwar 0,9 % tad-dħul tal-baġit tal-istat mill-VAT fl-2019. Nixtiequ nenfasizzaw li l-Polonja ilha tapplika l-ogħla limitu tal-eżenzjoni għal aktar minn 10 snin – mill-1 ta’ Jannar 2017 fl-ammont ta’ PLN ekwivalenti għal EUR 40 000 (PLN 200 000).
Skont id-data disponibbli għall-2019, l-eżenzjoni mill-VAT tkun tkopri madwar 300 694 persuna taxxabbli li l-fatturat tagħhom huwa bejn l-EUR 10 000 u l-EUR 40 000. L-effett huwa negliġibbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud, mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Polonja mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.
2021/0252 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 287, il-punt (14) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 10 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2009/790/KE, tawtorizza lill-Polonja biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 40 000 (“il-miżura ta’ deorga”).
(3)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1919 il-Polonja kienet awtorizzata biex tkompli tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2021, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli minn 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.
(4)B'ittra tal-1 ta' Marzu 2021, il-Polonja talbet lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika l-miżura ta’ deroga [li tikkonsisti fil-konċessjoni ta’ eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta' EUR 40 000 fil-munita nazzjonali] sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(5)F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra ddatata l-25 ta’ Marzu 2021, u lil Ċipru fis-26 ta’ Marzu 2021 bit-talba tal-Polonja. Permezz ta’ ittra ddatata d-29 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
(6)Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.
(7)Fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdiet il-Polonja, il-miżura ta’ deroga se jkollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur mill-Polonja fl-istadju tal-konsum finali. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
(8)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud, mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Polonja mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.
(9)Minħabba l-impatt pożittiv potenzjali tal-miżura ta’ deroga fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv u l-ispejjeż għall-impriżi żgħar, jenħtieġ li l-Polonja tkun awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga għal perjodu ulterjuri.
(10)Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli minn 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u li tistabbilixxi regoli ġodda għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-livell limitu massimu tal-fatturat annwali tal-Istat Membru ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.
(11)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura ta’ deroga tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont id-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, huwa adatt li l-Polonja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024.
(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/790/KE tiġi emendata skont dan.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President