IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.7.2021
COM(2021) 426 final
2021/0243(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt it-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Anness 3 tal-Ftehim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt it-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi (AEWA) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ ċerti emendi tal-Anness 3 tiegħu.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi
Il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi (AEWA) huwa ddedikat għall-konservazzjoni ta’ għasafar tal-ilma migratorji u l-ħabitats tagħhom tul l-Afrika, l-Ewropa, il-Lvant Nofsani, l-Asja Ċentrali, Greenland u l-Arċipelagu Kanadiż.
Żviluppat fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar l-Ispeċi Migratorji (CMS) u amministrat mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), l-AEWA jiġbor flimkien il-pajjiżi u l-komunità internazzjonali usa’ ta’ konservazzjoni bi sforz biex tiġi stabbilita konservazzjoni u ġestjoni koordinata tal-għasafar tal-ilma migratorji matul il-medda migratorja kollha tagħhom.
Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1999. L-Unjoni Ewropea ilha Parti Kontraenti ta’ dan il-Ftehim mill-1 ta’ Ottubru 2005. Bħalissa hemm 82 Parti Kontraenti, 44 mill-Ewrasja (inkluża l-UE) u 38 mill-Afrika. 24 Stat Membru tal-UE huma Partijiet tal-Ftehim.
Id-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (id-Direttiva dwar l-għasafar) timplimenta l-impenji stipulati fil-Ftehim fid-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva dwar l-għasafar tittratta l-konservazzjoni tal-ispeċijiet kollha tal-għasafar li jinsabu b’mod naturali fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Tkopri l-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet u tistabbilixxi regoli għall-isfruttar tagħhom.
2.2.Il-Laqgħa tal-Partijiet
Il-Laqgħa tal-Partijiet (MOP) hija l-korp deċiżjonali prinċipali għall-Ftehim. Għandha s-setgħat li teżamina mill-ġdid l-Annessi tal-Ftehim u tiltaqa’ kull tliet snin. Kull Parti għandha vot wieħed, iżda l-organizzazzjonijiet tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħall-Unjoni Ewropea, jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-vot b’għadd ta’ voti li huwa daqs l-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet tal-Ftehim. Kwalunkwe emenda tal-Anness għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti fil-laqgħa.
It-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim se ssir mill-5 sat-8 ta’ Ottubru 2021, fl-Ungerija.
2.3.L-att previst tal-Laqgħa tal-Partijiet
Mill-5 sat-8 ta’ Ottubru 2021, waqt it-tmien laqgħa tagħha, il-Laqgħa tal-Partijiet jeħtieġ tadotta r-Riżoluzzjoni 8.xx dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Annessi tal-AEWA f’konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu X tal-Ftehim (“l-att previst”).
L-għan tal-att previst huwa li jiġi emendat l-Anness 3 (Pjan ta’ Azzjoni) tal-Ftehim. Filwaqt li l-Anness 2 jinkludi lista tal-għasafar tal-ilma migratorji li għalihom japplika l-Ftehim, l-Anness 3 jispeċifika l-azzjonijiet li l-Partijiet għandhom iwettqu fir-rigward tal-ispeċijiet ta’ prijorità. L-ispeċijiet ta’ prijorità huma elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness 3 skont ċerti kriterji stabbiliti fl-istess Tabella.
L-Artikolu II tal-Ftehim jipprevedi: “Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri koordinati sabiex iżommu l-ispeċi ta’ tjur u għasafar tal-ilma migratorji fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli jew sabiex jerġgħu iġibuhom f’dak l-istat. Għal dan il-għan, għandhom japplikaw fil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom il-miżuri stipulati fl-Artikolu III, flimkien ma’ l-azzjonijiet speċifiċi determinati fil-Pjan ta’ Azzjoni provdut fl-Artikolu IV, ta’ dan il-Ftehim”.
L-att previst se jidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha u se jkun vinkolanti għalihom fid-90 jum wara d-data tal-adozzjoni tiegħu mil-Laqgħa tal-Partijiet, għajr għall-Partijiet li daħħlu riżerva. Tul il-perjodu ta’ 90 jum, kwalunkwe Parti tista’ daħħal riżerva fir-rigward ta’ emenda ta’ Anness, permezz ta’ notifika bil-miktub lid-Depożitarju.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġi appoġġat l-att previst fit-tmien Laqgħa tal-Partijiet.
L-emendi tat-Tabella 1 tal-Anness 3 li jinsabu fl-att previst ġew proposti mir-Renju Unit, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Tekniku tal-AEWA u huma:
(1)Il-ħolqien u ż-żieda ta’ kategorija (f) ġdida għall-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet fil-kategorija 3 tal-Kolonna A u l-kategorija 2 tal-Kolonna B tat-Tabella 1 fl-Anness 3 tal-Ftehim, meta ma jkunx hemm data għalihom, pereżempju meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni dwar id-direzzjoni tax-xejriet;
(2)L-immarkar tal-kategorizzazzjonijiet b’ “()” fit-Tabella 1 abbażi ta’ xejra statistikament inċerta u daqs tal-popolazzjoni mhux magħruf, u
(3)Il-bidliet tal-kategoriji tal-popolazzjonijiet wara l-evidenza miġbura bħala parti mit-tmien edizzjoni tar-Rapport dwar l-Istatus tal-Konservazzjoni tal-AEWA.
L-emendi proposti ppreżentati fil-punti (1) u (2) hawn fuq huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, peress li se jiżguraw li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ix-xejra tal-popolazzjoni jitqies bir-reqqa fl-elenkar tal-popolazzjonijiet u għalhekk fil-kisba ta’ grad ogħla ta’ protezzjoni, meta meħtieġ. Dawn l-emendi se jiġu approvati f’isem l-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 3(1) u 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi.
Fir-rigward tal-emendi proposti fil-punt (3) hawn fuq, dawn jikkonsistu f’bidliet fl-elenkar għal għadd ta’ speċijiet u l-popolazzjonijiet tagħhom. Minn dawn l-emendi proposti tal-Anness 3 tal-Ftehim, il-bidla fl-elenkar ta’ ħames popolazzjonijiet ta’ erba’ speċijiet mhijiex konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE (id-Direttiva dwar l-Għasafar). Dawn l-emendi jipprevedu:
–bidla mill-Kolonna B1 għall-Kolonna A3 tat-Tabella 1 għal:
·żewġ popolazzjonijiet (l-Iżlanda/ir-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Baħar l-Iswed u t-Turkija) tal-Wiżża Griża (Anser anser)
·il-popolazzjoni tal-Baħar l-Iswed u tal-Lvant tal-Mediterran tal-Brajmla tat-Toppu Aħmar (Netta rufina)
·il-popolazzjoni taċ-Ċentru u l-Lvant tas-Siberja/il-Lbiċ tal-Asja u l-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika tal-Pluviera Pastarda (Pluvialis squatarola squatarola).
–bidla mill-Kriterju 4 tal-Kolonna A għall-Kriterju (3c) fil-Kolonna A tat-Tabella 1 għall-popolazzjoni tal-Lbiċ tal-Ewropa u l-Punent tal-Asja/il-Lbiċ tal-Asja u l-Grigal tal-Afrika tal-Gallina tal-Baħar Ewrasjatika (Haematopus ostralegus longipes).
Dawn il-bidliet previsti għall-ħames popolazzjonijiet ta’ erba’ speċi jfissru li l-kaċċa ma tibqax aktar permessa skont il-Ftehim, għalkemm huma speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati skont id-Direttiva dwar l-Għasafar peress li huma elenkati fl-Anness II, il-Parti b tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Għalhekk, dawn l-emendi se jeħtieġu protezzjoni legali aktar milli meħtieġ skont id-dritt tal-UE.
Jekk il-bidliet proposti jkunu akkumpanjati b’asterisk “*”, dan jindika li l-kaċċa tal-ispeċi tista’ tkompli fuq bażi ta’ użu sostenibbli fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni internazzjonali li jimplimenta l-prinċipji ta’ ġestjoni adattiva tal-qbid. Għalhekk, ir-riżerva tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ din il-popolazzjoni tista’ titneħħa ladarba jidħol fis-seħħ il-mekkaniżmu tal-ġestjoni adattiva tal-qbid skont il-korp internazzjonali, b’mod konsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Madankollu, dawn l-emendi proposti mhuma akkumpanjati bl-ebda asterisk*.
L-emendi kollha proposti għandhom jiġu approvati f’isem l-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni għandha ddaħħal riżerva fir-rigward tal-emendi proposti li jikkonċernaw il-ħames popolazzjonijiet tal-erba’ speċijiet imsemmija hawn fuq, bħalma għamlet għall-emendi b’effetti simili fil-Laqgħat tal-Partijiet preċedenti, peress li dawn jeħtieġu emenda tad-Direttiva dwar l-Għasafar li mhix possibbli fi żmien 90 jum mid-data tal-adozzjoni tagħhom mil-Laqgħa tal-Partijiet.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Laqgħa tal-Partijiet hija korp imwaqqaf bi Ftehim, prinċipalment il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi.
L-att li l-Laqgħa tal-Partijiet qiegħda tintalab tadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u għandu l-kapaċità li jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, prinċipalment id-Direttiva dwar l-Għasafar. Dan minħabba li xi azzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kaċċa, li l-Partijiet għandhom iwettqu b’rabta mal-ispeċijiet ta’ prijorità elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim mhumiex dejjem kompatibbli ma’ dak li d-Direttiva dwar l-Għasafar tipprevedi għall-istess speċijiet. Prinċipalment, jekk speċi elenkata fl-Anness II tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma tkunx tista’ tiġi kkaċċjata skont l-AEWA, tkun meħtieġa emenda tad-Direttiva dwar l-Għasafar.Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza Komunitarja, il-Kummissjoni hija awtorizzata li f’isem il-Komunità tapprova l-emendi tal-Annessi tal-Ftehim adottati f’konformità mal-Artikolu X(5) tal-Ftehim. Madankollu, din l-awtorizzazzjoni hija limitata għal dawk l-emendi li huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi u tal-ħabitat naturali tagħhom, u li ma jinvolvu l-ebda modifika tagħha.
Peress li l-emendi proposti tat-Tabella 1 tal-Anness 3 tal-Ftehim li jikkonċernaw l-erba speċijiet li ġejjin: il-Wiżża Griża (Anser anser), il-Brajmla tat-Toppu Aħmar (Netta rufina), il-Pluviera Pastarda (Pluvialis squatarola squatarola) u l-Gallina tal-Baħar Ewrasjatika (Haematopus ostralegus longipes) ikunu jeħtieġu emenda tad-Direttiva dwar l-Għasafar, Deċiżjoni tal-Kunsill hija meħtieġa biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim f’dak ir-rigward.
L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew wieħed minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik li jeżiġi l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-ambjent.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att previst tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi se jemenda l-Anness 3 tiegħu, jixraq li wara l-adozzjoni tiegħu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2021/0243 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea waqt it-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Anness 3 tal-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewrasjatiċi (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1999 u ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE.
(2)Skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu X tal-Ftehim, il-Laqgħa tal-Partijiet tista’ tadotta emendi tal-Annessi tal-Ftehim.
(3)It-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim mill-5 sat-8 ta’ Ottubru 2021, mistennija tadotta Riżoluzzjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi tal-Anness 3 tal-Ftehim.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Laqgħa tal-Partijiet, peress li r-Riżoluzzjoni se tkun vinkolanti fl-Unjoni u bil-kapaċità li tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, prinċipalment id-Direttiva dwar l-Għasafar.
(5)L-emendi proposti tal-Anness 3 tal-Ftehim sottomessi mir-Renju Unit u stabbiliti fl-abbozz tar-Riżoluzzjoni 8.xx jikkonċernaw l-erba’ speċijiet li ġejjin: il-Wiżża Griża (Anser anser), il-Brajmla tat-Toppu Aħmar (Netta rufina), il-Pluviera Pastarda (Pluvialis squatarola squatarola) u l-Gallina tal-Baħar Ewrasjatika (Haematopus ostralegus longipes), li mhumiex konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE (id-Direttiva dwar l-Għasafar), jenħtieġ li jiġu approvati f’isem l-Unjoni Ewropea, peress li jikkontribwixxu biex jinkiseb livell ogħla ta’ protezzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li qed jonqsu. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni jenħtieġ li ddaħħal riżerva fir-rigward tal-emendi proposti li jikkonċernaw l-erba’ speċijiet msemmija hawn fuq, peress li dawn jeħtieġu emenda tad-Direttiva dwar l-Għasafar li mhix possibbli fi żmien 90 jum mid-data tal-adozzjoni tagħhom mil-Laqgħa tal-Partijiet.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim għandha tkun li ġejja:
L-emendi tal-Anness 3 tal-Ftehim sottomessi mir-Renju Unit u stabbiliti fl-abbozz tar-Riżoluzzjoni 8.xx tat-tmien Laqgħa tal-Partijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw l-erba’ speċijiet li ġejjin: il-Wiżża Griża (Anser anser), il-Brajmla tat-Toppu Aħmar (Netta rufina), il-Pluviera Pastarda (Pluvialis squatarola squatarola) u l-Gallina tal-Baħar Ewrasjatika (Haematopus ostralegus longipes), se jiġu approvati fit-tmien Laqgħa tal-Partijiet f’isem l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President