EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0208

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE

COM/2021/208 final

Brussell, 21.4.2021

COM(2021) 208 final

2018/0236(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


2018/0236 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2018)447 final-2018/0236 COD):

is-6 ta’ Ġunju 2018

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

is-17 ta’ Ottubru 2018

Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni:    

is-6 ta’ Diċembru 2018

Data tal-ftehim ta’ kompromess proviżorju parzjali (Fehim Komuni) approvat mill-Coreper:

it-13 ta’ Marzu 2019

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari (jinkorpora l-fehim komuni):

is-17 ta’ April 2019

Data tal-approvazzjoni tal-ftehim politiku mill-Coreper:

it-18 ta’ Diċembru 2020

Data meta l-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ kompromess:

l-14 ta’ Jannar 2021

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

id-19 ta’ April 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Programm Spazjali l-ġdid, għall-ewwel darba, jinkorpora l-attivitajiet spazjali kollha tal-UE f’Regolament uniku wieħed, jiġifieri l-inizjattivi ewlenin eżistenti ta’ Copernicus, ta’ Galileo u ta’ EGNOS u l-inizjattivi ġodda dwar il-komunikazzjoni bis-satellita (GOVSATCOM) u l-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju (SSA). Ir-Regolament jissimplifika u jirrazzjonalizza l-governanza u jikkapitalizza fuq is-sinerġiji u l-attivitajiet orizzontali.

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Programm Spazjali tal-UE jagħmel enfasi kbira fuq is-settur downstream, l-utenti u l-adozzjoni mis-suq kif ukoll l-isfruttament tal-potenzjal enormi tad-data u tas-servizzi spazjali biex jiġu żviluppati applikazzjonijiet u servizzi li jżidu l-valur. Barra minn hekk, id-data u s-servizzi spazjali previsti fil-qafas tal-Programm Spazjali se jappoġġaw it-tfassil tal-politika għal tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll politiki oħra tal-UE. Il-Programm Spazjali jippromwovi iktar l-imprenditorija fl-ekosistema spazjali u l-kompetittività tas-settur spazjali, permezz tal-katina tal-valur kollha, filwaqt li jinkoraġġixxi lill-entranti ġodda, lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, lin-negozji ġodda u l-parteċipazzjoni transfruntiera tagħhom.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

L-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari issa għandha tippermetti l-adozzjoni finali tar-Regolament. Huwa importanti li l-Programm Spazjali l-ġdid flimkien mal-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA) — kif issemmiet mill-ġdid — jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi operattivi eżistenti. L-EUSPA tissostitwixxi u tkompli tibni fuq ix-xogħol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GSA) u, taħt l-awtorità tal-Kummissjoni, se tiggarantixxi l-kontinwità tas-servizzi u se tiżgura s-sigurtà tal-infrastruttura u tas-sistemi. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament huwa wkoll prerekwiżit għall-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja (FFPA) mal-EUSPA u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), kif ukoll strumenti oħra ta’ ġestjoni indiretta ma’ entitajiet oħra għall-implimentazzjoni tal-Programm.

Rigward il-kwistjonijiet li baqgħu miftuħa wara l-Fehim Komuni parzjali li ntlaħaq fi Frar 2019, il-pożizzjoni tal-Kunsill tippreserva l-proposta tal-Kummissjoni fil-punti orizzontali miftuħa kollha, b’mod partikolari dwar il-kooperazzjoni internazzjonali, il-flessibbiltà tal-baġit u t-tul ta’ żmien tal-programm, u tiżgura l-kontinwità tas-servizz fit-tul tal-programmi spazjali tal-UE, b’mod partikolari Galileo u Copernicus.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-15 ta’ Diċembru 2020 u li ġiet appoġġata mill-Kummissjoni:

Fir-rigward tal-governanza tal-Programm, l-objettiv tar-Regolament hu li jissimplifika u li jirrazzjonalizza l-qafas ġuridiku eżistenti tal-UE dwar il-politika spazjali u r-regoli għall-governanza tal-Programm Spazjali tal-UE. Il-kompiti huma mqassma bejn id-diversi atturi, jiġifieri l-Kummissjoni, l-EUSPA u l-ESA, b’mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta’ FFPA. Kif rifless fil-ftehim politiku li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew, il-pożizzjoni tal-Kunsill tenfasizza t-trasparenza fir-rigward tal-koleġiżlaturi f’dak li għandu x’jaqsam mal-FFPA, mal-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni u mal-Programmi ta’ Ħidma.

Fir-rigward tat-tul ta’ żmien, filwaqt li kuntrarjament għall-proposta tal-Kummissjoni, attwalment huwa allinjat mat-tul ta’ żmien tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, ir-Regolament jiċċara li l-Aġenzija Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) hija eskluża minn din il-limitazzjoni ta’ żmien u jippermetti li jiġu koperti l-kostijiet operattivi lil hinn mill-2027, sabiex jiġu żgurati l-attivitajiet operattivi kritiċi u d-dispożizzjonijiet kritiċi tas-servizzi.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-proposta inizjali tagħha għal parteċipazzjoni miftuħa f’Copernicus u f’Galileo/EGNOS ma ġietx riflessa għalkollox fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Fil-fatt, it-test tal-Kunsill jirrikjedi li l-parteċipazzjoni f’Galileo/EGNOS tkun soġġetta għal ftehim internazzjonali speċifiku f’konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE għall-pajjiżi terzi kollha, bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi taż-ŻEE. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-attivitajiet spazjali f’termini ta’ sigurtà, inkluż is-sigurtà industrijali, u fi spirtu ta’ kompromess.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ parteċipazzjoni fl-akkwist, il-pożizzjoni tal-Kunsill iżżid elementi sinifikanti ġodda u proċedura strutturata u dettaljata. Għalkemm fih iktar proċeduri xi jsiru, it-test jirrifletti l-ispirtu tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti ex ante kundizzjonijiet ċari ta’ eliġibbiltà u ta’ parteċipazzjoni, u l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni, il-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni u l-funzjonament mingħajr xkiel tal-Programm.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.

5.Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni unilaterali waħda, li tinsab fl-appendiċi.

APPENDIĊI

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar iktar trasparenza fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni għall-Ftehim Qafas ta’ Sħubija Finanzjarja u l-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni kif ukoll fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma:

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwar test ta’ kompromess tar-Regolament dwar il-Programm Spazjali Ewropew, li jirrikjedi li l-Kummissjoni tinfurmahom dwar il-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja (FFPA) u l-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni li għandhom jiġu konklużi u l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-programmi ta’ ħidma. It-test maqbul jipprevedi li l-Kummissjoni tapprova dawk il-ftehimiet u l-programmi ta’ ħidma permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni se tissodisfa l-obbligu tagħha li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjoni imminenti tal-FFPA jew ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni jew l-adozzjoni ta’ programm ta’ ħidma f’konformità mad-dispożizzjonijiet rigward l-informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitat fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni”.

Top