Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0167

    Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    COM/2021/167 final

    Brussell, 29.3.2021

    COM(2021) 167 final

    2021/0090(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn taqlib bħal dan. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fil-post tax-xogħol.

    Fil-25 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil Ċipru bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jittratta l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jwieġeb għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

    Fl-10 ta’ Marzu 2021, Ċipru għamel talba ġdida għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE.

    F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Ċiprijotti biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa reali u ppjanata direttament relatata mal-miżuri tas-suq tax-xogħol ta’ Ċipru u mal-miżuri relatati mas-saħħa u kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, in-nefqa miżjuda li għaliha tintalab assistenza finanzjarja addizzjonali tappartjeni għall-miżuri eżistenti msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344:

    (a)l-iskema ta’ liv speċjali li tipprovdi kumpens ta’ pagi lil ġenituri li jaħdmu fis-settur privat u li għandhom tfal mhux akbar minn 15-il sena jew tfal b’diżabilità ta’ kwalunkwe età. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Frar 2020 sa Ġunju 2020, ġiet estiża minn Jannar 2021 sa Mejju 2021;

    (b)l-iskema li tappoġġa lill-kumpaniji għal sospensjoni totali ta’ operazzjonijiet, li tipprovdi kumpens ta’ pagi sa 97 % tal-impjegati tan-negozji li kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018 (2019 għall-perjodu minn Lulju 2020 sa Awwissu 2020), skont liema jkun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Awwissu 2020, ġiet estiża minn Settembru 2020 sa Mejju 2021;

    (c)l-iskema li tappoġġa l-kumpaniji għal sospensjoni parzjali ta’ operazzjonijiet, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis fil-fatturat minħabba l-pandemija, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liema jkun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020, ġiet estiża minn Jannar 2021 sa Mejju 2021;

    (d)l-“iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom”, li tipprovdi kumpens għal persuni li jaħdmu għal rashom u li ma jistgħu jwettqu l-ebda attività skont id-digriet tal-Ministeru tas-Saħħa u/jew deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020, ġiet estiża minn Lulju 2020 sa Mejju 2021;

    (e)l-“iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika”, li tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Ottubru 2020, ġiet estiża minn Novembru 2020 sa Mejju 2021;

    (f)l-“iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja”, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati f’dawk in-negozji li ssospendew għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenzaw tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat, meta mqabbel ma’ 55 % fl-iskema oriġinali, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020, ġiet estiża u emendata minn Settembru 2020 sa Mejju 2021;

    (g)l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw sa 50 impjegat, li tipprovdi għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. L-ammonti tal-għotjiet f’daqqa ġew riveduti għal diversi kategoriji ta’ negozji fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati. Barra minn hekk, ġew miftiehma għotjiet għan-negozji, li ssospendew l-operazzjonijiet tagħhom minn Marzu 2020 b’ammont ta’ EUR 10 000 għal massimu ta’ disa’ impjegati u EUR 15 000 għal aktar minn disa’ impjegati. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn April 2020 sa Mejju 2020, ġiet estiża u emendata għal Novembru 2020;

    (h)l-“iskema ta’ benefiċċji tal-mard”, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati fis-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li jkunu jew ikklassifikati bħala persuni vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, jitqiegħdu fi kwarantina mill-Awtoritajiet, jew ikunu infettati bil-COVID-19. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020, ġiet estiża minn Novembru 2020 sa Mejju 2021;

    Ċipru pprovda l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

    Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lil Ċipru bis-saħħa tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

    Il-miżuri relatati mas-saħħa, kif mitluba minn Ċipru fl-10 ta’ Marzu 2021, jammontaw għal EUR 440 000.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta' politika

    Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

    Din il-proposta ġejja apparti minn strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.

    Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

    Appoġġ bħal dan jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

    Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

    ·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

    ·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li riżorsi suffiċjenti jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

    ·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

    2021/0090 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Fil-25 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil Ċipru fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 479 070 000. b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, wara t-talba ta’ Ċipru tas-6 ta’ Awwissu 2020, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jwieġeb għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

    (2)Is-self kellu jiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, miżuri simili u miżuri relatati mas-saħħa adottati minn Ċipru, kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344 2 .

    (3)It-tifqigħa tal-COVID-19 qed tkompli tipparalizza parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol f’Ċipru. Dan wassal għal żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika minn Ċipru fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(a) (b) (c) (d) (e) (g) (h) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344.

    (4)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Ċipru fl-2020 u l-2021 biex irażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa kellhom u huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni, Ċipru kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,1 % u 112,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Fl-2021, id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ Ċipru huma mbassra li jonqsu għal 2,3 % u 108,2 % tal-PDG rispettivament. Skont it-tbassir proviżorju tax-xitwa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Ċipru huwa proġettat li jiżdied bi 3,2 % fl-2021.

    (5)Fl-10 ta’ Marzu 2021, Ċipru talab assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni għal ammont ta’ EUR 124 700 000 bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020 u fl-2021 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari tikkonċerna l-miżuri stabbiliti fil-premessi minn (6) sa (13).

    (6)Il-Liġi 27(I)/2020 3 , u l-Liġijiet 49(I)/2020 4 , 140(I)/2020 5 kienu l-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji ta’ kull xahar 6 , li jiddeskrivu l-miżuri li jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. Fuq il-bażi ta’ dawn il-liġijiet, l-awtoritajiet introduċew “skema ta’ liv speċjali”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, li tipprovdi kumpens għall-paga lill-ġenituri li jaħdmu fis-settur privat li għandhom tfal sal-età ta’ 15-il sena jew tfal ta’ kwalunkwe età b’diżabilità. Din l-iskema ta’ liv speċjali tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi jipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati u jippreserva l-impjiegi, billi jiġi evitat li l-ġenituri li jkollhom jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom waqt li l-iskejjel ikunu magħluqa jkollhom jitterminaw ir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Frar 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Jannar 2021 sa Mejju 2021.

    (7)Barra minn hekk, il-Liġi 27(I)/2020 u l-Liġijiet 49(I)/2020, 140 (I)/2020, u għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji ta’ kull xahar 7 kienu l-bażi għal “skema li tappoġġa kumpaniji li kellhom jissospendu kompletament l-operazzjonijiet”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Hija tipprovdi kumpens ta’ pagi għal 97 % tal-impjegati tan-negozji li kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018 (2019 għall-perjodu 7/2020-8/2020), skont liema jkun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Awwissu 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Settembru 2020 sa Mejju 2021.

    (8)Barra minn hekk, il-Liġi 27(I)/2020 u l-Liġijiet 49(I)/2020, 140 (I)/2020, u għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji ta’ kull xahar 8 kienu l-bażi għal “skema li tappoġġa kumpaniji f’sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Din tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis fil-fatturat minħabba l-pandemija, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liema jkun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Jannar 2021 sa Mejju 2021.

    (9)Il-Liġi 27(I)/2020 u l-Liġijiet 49(I)/2020, 140 (I)/2020, u għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji 9 kienu l-bażi għal “skema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Din tipprovdi kumpens għall-persuni li jaħdmu għal rashom u li ma jistgħu jwettqu l-ebda attività skont id-digriet tal-Ministeru tas-Saħħa jew deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Lulju 2020 sa Mejju 2021.

    (10)Il-Liġi 27(I)/2020 u l-Liġijiet 49(I)/2020, 140 (I)/2020, u għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji 10 kienu l-bażi għal “skema speċjali għal unitajiet ta’ lukandi u akkommodazzjoni għat-turisti”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Din tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Ottubru 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Novembru 2020 sa Mejju 2021.

    (11)Il-Liġi 27 (I)/2020 u l-Liġijiet 49(I)/2020, 140(I)/2020, u għadd ta’ Atti Amministrattivi Regolatorji 11 kienu l-bażi għall-“iskema speċjali għall-appoġġ tan-negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(e) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dan jipprovdi kumpens tal-pagi lill-impjegati fl-industrija tal-lukandi u lil negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni għat-turisti li ssospendew kompletament l-operazzjonijiet tagħhom jew li esperjenzaw tnaqqis fil-fatturat ta’ aktar minn 40 % meta mqabbel ma’ 55 % fl-iskema oriġinali, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020 u ġiet estiża u emendata biex tkopri l-perjodu minn Settembru 2020 sa Mejju 2021.

    (12)Barra minn hekk, l-“iskema ta’ sussidju” stabbilita minn “Baġit supplimentari, Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(g) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, introduċiet sussidji għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw sa 50 impjegat. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Dawn is-sussidji jipprovdu għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. L-ammonti tal-għotjiet f’daqqa ġew riveduti għal diversi kategoriji ta’ negozji fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati. Barra minn hekk, ġew miftiehma għotjiet għan-negozji, li ssospendew l-operazzjonijiet tagħhom minn Marzu 2020 b’ammont ta’ EUR 10 000 għal massimu ta’ 9 impjegati u EUR 15 000 għal aktar minn disa’ impjegati. L-iskema ta’ sussidjar tista’ titqies li hija miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn April 2020 sa Mejju 2020 u ġiet estiża u emendata għal Novembru 2020.

    (13)Ċipru estenda wkoll miżura relatata mas-saħħa biex tittrratta t-tifqigħa tal-COVID-19 prevista mil-Liġi 27 (I)/2020, il-Liġijiet 49(I)/2020, 140(I)/2020, u mill-Atti Amministrattivi Regolatorji 12 . B’mod partikolari, l-“iskema ta’ benefiċċji tal-mard”, kif imsemmija fl-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, tipprovdi kumpens għall-pagi lill-impjegati tas-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li dawn jew jiġu kklassifikati bħala individwi vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, li tqiegħdu fi kwarantina mill-awtoritajiet, jew li huma infettati mill-COVID-19. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Novembru 2020 sa Mejju 2021.

    (14)Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ċipru pprovda lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 742 040 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din jikkostitwixxi żieda f’daqqa u severa minħabba li hija relatata wkoll ma’ estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti relatati direttament mal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Ċipru. Ċipru biħsiebu jiffinanzja EUR 138 270 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz ta’ fondi tal-Unjoni.

    (15)Il-Kummissjoni kkonsultat lil Ċipru u vverifikat iż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata ma’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tal-10 ta’ Marzu 2021, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (16)Il-miżura relatata mas-saħħa, kif mitluba minn Ċipru fl-10 ta’ Marzu 2021 u msemmija fil-premessa 13, tammonta għal EUR 440 000.

    (17)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Ċipru jiġi megħjun jittratta l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-maturitajiet, id-daqs u r-rilaxx ta’ pagamenti u porzjonijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali

    (18)Ċipru u l-Kummissjoni għandhom iqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (19)Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata mad-distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet potenzjali ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (20)Jenħtieġ li Ċipru jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Ċipru implimenta dik in-nefqa.

    (21)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Ċipru, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 hija emendata kif ġej:

    (1)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Ċipru self li jammonta għal massimu ta’ EUR 603 770 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;

    (b)il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

    “4. L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe pagament ieħor għandu jiġi rilaxxat skont it-termini ta’ tali ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan tal-aħħar, jew ftehim ta’ self emendat konkluż bejn Ċipru u l-Kummissjoni.”;

    (2)    L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:

    Artikolu 3

    Ċipru jista’ jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    (a)l-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, kif prevista fil-‘Liġi 27(I)/2020’ u mill-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 127/148/151/184/192/212/213/235/2020’, kif estiża;

    (b)l-iskemi li jappoġġaw lill-kumpaniji għas-sospensjoni totali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-‘Liġi 27(I)/2020’ u mill-‘Atti Amministrattivi Regolatorji, 130/148/151/187/212/213/238/243/271/273/2020’, kif estiżi;

    (c)l-iskemi li jappoġġaw lill-kumpaniji għas-sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-‘Liġi 27(I)/2020’ u mill-‘Atti Amministrattivi Regolatorji, 131/148/151/188/212/213/239/2020’, kif estiżi;

    (d)l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Liġi 27(I)/2020; u mill-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 129/148/151/186/213/237/322/2020’, kif estiża;

    (e)l-iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika, kif previst bil-‘Liġi 27(I)/2020’ u bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 269/317/2020’, kif estiża;

    (f)l-iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, kif previst bil-‘Liġi 27(I)/2020’ u bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 270/318/2020’, kif estiża u emendata;

    (g)l-iskema speċjali biex jiġu appoġġati negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali, kif previst bil-‘Liġi 27(I)/2020’ u bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 272/320/396/420/500/535/633/2020’;

    (h)l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Baġit supplimentari, Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat insostenn tal-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19’, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u kumpaniji b’membru wieħed, kif estiża u emendata;

    (i)l-iskema ta’ benefiċċju tal-mard, kif previst bil-‘Liġi 27(I)/2020’ u bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 128/148/151/185/212/236/2020’, kif estiża;”

    (3)L-Artikolu 4 jinbidel b'dan li ġej:

    Artikolu 4

    1.Ċipru għandu jinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    2.Meta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ikunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, Ċipru għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u kull sitt xhur minn hemm’ il quddiem dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.
    (2)    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 314, 29.9.2020, p. 13–16.
    (3)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4748, 27/3/2020
    (4)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4756, 26/5/2020
    (5)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4780, 12/10/2020
    (6)    Atti Amministrattivi Regolatorji 127/148/151/184/192/212/213/235/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 20/88/2021.
    (7)    Atti Amministrattivi Regolatorji 130/148/151/187/212/213/238/243/271/273/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 319/395/421/501/536/634/2020 u 15/83/2021.
    (8)    Atti Amministrattivi Regolatorji 131/148/151/188/212/213/239/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 16/84/2021.
    (9)    Atti Amministrattivi Regolatorji 129/148/151/186/213/237/322/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 398/423/503/538/636/2020 u 18/86/2021.
    (10)    Atti Amministrattivi Regolatorji 269/317/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 393/418/498/533/631/2020 u 13/81/2021.
    (11)    Atti Amministrattivi Regolatorji 270/318/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 394/419/499/534/632/2020 u 14/82/2021.
    (12)    Atti Amministrattivi Regolatorji 128/148/151/185/212/236/2020, u estiżi bl-Atti Amministrattivi Regolatorji 637/2020 u 19/87/2021.
    Top