Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0136

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) f’isem l-Unjoni Ewropea

    COM/2021/136 final

    Brussell, 24.3.2021

    COM(2021) 136 final

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) f’isem l-Unjoni Ewropea


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (“il-Konvenzjoni”) għandha bħala għan il-konservazzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġi Ewropej u tal-ħabitats naturali tagħhom, speċjalment dawk li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ diversi Stati Membri. Din hija trattat intergovernattiv, li ġie konkluż taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1982.

    L-Unjoni Ewropea ilha Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni mill-1 ta’ Settembru 1982 1 . Bħalissa hemm 51 Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE.

    L-allokazzjoni ordinarja tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Konvenzjoni ta’ Berna naqset progressivament matul is-snin sal-punt li l-funzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna ma jistgħux jiġu żgurati mingħajr kontribuzzjonijiet volontarji mill-partijiet, iżda dawn ukoll qegħdin jonqsu. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġi stabbilit sors affidabbli ta’ finanzjament għall-Konvenzjoni.

    F’konformità mar-Riżoluzzjoni Nru 9 (2019) tad-disa’ u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti, adottata fis-6 ta’ Diċembru 2019, dwar il-finanzjament tal-Konvenzjoni ta’ Berna u l-istabbiliment ta’ sistema ġdida ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji obbligatorji mill-Partijiet, ġie stabbilit grupp ta’ ħidma ta’ esperti intersessjonali biex jassisti lis-Segretarjat jippreżenta proposti għall-inklużjoni ta’ klawsoli finanzjarji billi jiġu emendati l-artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Berna u biex jiġi stabbilit Ftehim Parzjali Estiż, għall-konsiderazzjoni fl-erbgħin laqgħa tal-Kumitat Permanenti.

    Fuq il-bażi tar-riżultati tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti intersessjonali stabbilit waqt id-39 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, l-40 Kumitat Permanenti ddiskuta żewġ proposti li jikkomplementaw lil xulxin biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-finanzjament. Waqt dik il-laqgħa ġiet adottata deċiżjoni li jiġi appoġġat it-twaqqif ta’ Ftehim Parzjali Estiż. Rigward il-proposta li tiġi emendata l-Konvenzjoni ta’ Berna biex tiġi tinkludi kawsoli finanzjarji, wara stqarrija mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha dwar il-ħtieġa ta’ aktar diskussjoni interna qabel ma jista’ jieħu deċiżjoni 2 , il-Kumitat Permanenti aċċetta, mingħajr ebda oġġezzjoni, li jipposponi d-deċiżjoni dwar l-emendar possibbli tal-Konvenzjoni sal-41 laqgħa tiegħu.

    Kif ġie propost lill-40 Kumitat Permanenti, l-emendar tal-Konvenzjoni ikun jintroduċi mekkaniżmu biex tiġi stabbilita kontribuzzjoni obbligatorja. Iżda t-test oriġinali ma għamilx distinzjoni bejn il-baġit ewlieni u l-baġit programmatiku, barra minn hekk ma speċifikax l-iskala tal-kontribuzzjonijiet previsti. Se tiġi nnegozjata proposta riveduta għall-emendar minn grupp ta’ ħidma intersessjonali li se jaħdem tul l-2021 qabel ma tittieħed deċiżjoni fil-41 laqgħa tal-Kumitat Permanenti. F’dawn in-negozjati jenħtieġ li l-Unjoni tikkontribwixxi b’mod attiv.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji għal din il-Konvenzjoni tkun konsistenti mal-politika li tintuża f’oqsma oħra. Tabilħaqq, l-Unjoni hija Parti f’għadd ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali, u fil-kuntest ta’ dawn tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji obbligatorji skont ir-rekwiżiti tal-ftehim u/jew skont ir-regolamenti finanzjarji adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet fil-ftehim. Fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet normalment issir distinzjoni bejn il-baġit ewlieni u l-baġit programmatiku, fejn tal-ewwel biss ikun suġġett għal kontribuzzjonijiet obbligatorji. Iżda l-emendar propost tal-Konvenzjoni ma jiċċarax jekk il-mekkaniżmu li se jiġi stabbilit huwiex se jsegwi dan il-preċedent. L-emendar propost lanqas ma jispeċifika l-iskala tal-kontribuzzjonijiet previsti. Fi ftehimiet ambjentali multilaterali oħrajn, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni normalment tiġi ffissata għal mhux iżjed minn 2,5 % tal-kontribuzzjonijiet globali.

    Għalhekk jixraq li l-Unjoni taċċerta li l-Partijiet ma jkunux obbligati jagħtu kontribuzzjonijiet għall-baġit programmatiku, u li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita għal aktar minn 2,5 % tal-baġit.

    Din ir-Rakkomandazzjoni taqbel kompletament mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/1830, li stabbilixxiet il-pożizzjoni tal-Unjoni għall-40 Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni 3 , u tabilħaqq hija riżultat tagħha.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din il-proposta hija konsistenti mal-objettivi tal-Unjoni marbutin mal-ambjent u mar-relazzjonijiet internazzjonali.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati u tinnomina lin-negozjatur tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jindirizza d-direttivi lin-negozjatur.

    Billi n-negozjati se jkunu jikkonċernaw att li jissupplimenta jew jemenda l-qafas istituzzjonali tal-ftehim, l-Artikolu 218(9) tat-TFUE ma jistax jiġi applikat f’dan il-kuntest.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.

    L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-ambjent huwa kompetenza kondiviża skont l-Artikolu 192 tat-TFUE. Il-finanzjament ta’ din il-Konvenzjoni ambjentali jinvolvi l-kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-kontribuzzjonijiet rispettivi bħala Partijiet. Għalhekk, jeħtieġ li l-Unjoni tipparteċipa f’dan ir-rigward.

    Proporzjonalità

    Hija meħtieġa Deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Unjoni tipparteċipa f’dawn in-negozjati, li huma essenzjali biex tiġi stabbilita bażi finanzjarja prevedibbli għall-Konvenzjoni li hija Parti tagħha l-Unjoni.

    L-għażla tal-istrument

    L-għażla tal-istrument hija stipulata fl-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Mhux applikabbli.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    Mhux applikabbli.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Fil-preżent l-Unjoni tikkontribwixxi s-somma ta’ EUR 24 700 fis-sena lill-Konvenzjoni ta’ Berna, ibbażata fuq skala suġġerita ta’ kontribuzzjonijiet volontarji. X’aktarx li kontribuzzjoni obbligatorja ta’ 2,5 % tal-baġit ewlieni mhux se taqbeż dan l-ammont, għaldaqstant din l-inizjattiva ma tinvolvix implikazzjonijiet baġitarji.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet għall-implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Jenħtieġ li minnufih wara li jiġu adottati d-direttivi tan-negozjar, dawn jiġu ppubblikati.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Mhux applikabbli.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) f’isem l-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    BILLI ġie propost li tiġi emendata l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali 4 (il-Konvenzjoni ta’ Berna) biex jiddaħħlu klawsoli dwar il-finanzjament,

    BILLI jeħtieġ li jiġi aċċertat li dan l-emendar ikun konsistenti mal-leġiżlazzjoni u mal-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari biex l-Unjoni ma tkunx obbligata tikkontribwixxi aktar minn 2,5 % tal-kontribuzzjonijiet globali.

    BILLI jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tinnegozja l-emendi għall-Konvenzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    (1)B’dan il-Kummissjoni hija awtorizzata tinnegozja f’isem l-Unjoni l-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) biex tiġi stabbilita sistema ġdida ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji obbligatorji mingħand il-Partijiet, fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni u fil-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma ta’ esperti intersessjonali rilevanti.

    (2)Il-Kummissjoni għandha twettaq in-negozjati f’isem l-Unjoni b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali, li jrid jiddaħħal mill-Kunsill] u abbażi tad-direttivi tan-negozjar stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    (3)Safejn is-suġġett tal-emendi msemmijin fl-Artikolu 1 jaqa’ fil-kompetenza komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjar, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

    (4)Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżitu tan-negozjati u, fejn xieraq, dwar kwalunkwe problema li tista’ tinqala’ waqt in-negozjati.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej, ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
    (2)    Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1830 tas-27 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-40 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna), ĠU L 409, 4.12.2020, p. 34.
    (3)    Ibid.
    (4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej, ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
    Top

    Brussell, 24.3.2021

    COM(2021) 136 final

    ANNESS

    tar-

    Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

    li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja l-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) f’isem l-Unjoni Ewropea


    ANNESS

    Direttivi għan-negozjar tal-emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna)

    (1)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tiżgura li kwalunkwe ftehim li jwassal għal reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) u tal-applikazzjoni tagħha tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tan-natura u l-bijodiversità 1 , kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni fil-qafas ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali oħrajn rilevanti.

    (2)Rigward il-proposti li tiġi emendata l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) biex tiddaħħal kontribuzzjoni finanzjarja obbligatorja, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu sehem fin-negozjati dwar kif l-aħjar tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-istabbiliment ta’ bażi finanzjarja sikura u prevedibbli għall-Konvenzjoni, u jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tiżgura li, bi qbil mal-pożizzjoni tal-Unjoni, l-emendar:

    (a)ma jkunx jimponi kontribuzzjoni obbligatorja għall-baġit programmatiku

    (b)ma jkunx iwassal biex l-Unjoni jkollha tikkontribwixxi aktar minn 2,5 % tal-kontribuzzjonijiet totali

    (c)ma jaffettwax l-obbligi li diġà jeżistu tal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni.

    (3)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tmexxi n-negozjati f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea li hemm fis-seħħ, jew mal-pożizzjonijiet miftiehma tal-Unjoni li ġew stabbiliti apposta għal dawn in-negozjati fil-kumitat speċjali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill, jew fil-Kunsill.

    (4)Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżitu tan-negozjati u, fejn jixraq, dwar kwalunkwe problema li tista’ tinqala’ waqt in-negozjati.

    (1)    B’mod partikolari d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, u r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi.
    Top