EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0096

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2019/816 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u r-Regolament (UE) 2019/818 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 għall-fini tal-introduzzjoni ta’ skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni

COM/2021/96 final

Brussell, 2.3.2021

COM(2021) 96 final

2021/0046(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/816 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u r-Regolament (UE) 2019/818 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 għall-fini tal-introduzzjoni ta’ skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fit-23 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li għandu l-għan, fost affarijiet oħra, li jpoġġi fis-seħħ qafas komuni għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni fil-livell tal-UE u li jippromwovi fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Waħda mill-proposti leġiżlattivi li takkumpanja din il-Komunikazzjoni hija l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (ir-“Regolament propost dwar l-Iskrinjar” 1 ).

Ir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar jindirizza l-isfidi tal-ġestjoni ta’ flussi mħallta ta’ migranti billi jintroduċi skrinjar ta’ qabel id-dħul fil-fruntieri esterni bħala pass importanti biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-proċeduri ta’ ażil u ritorn. L-objettiv tal-iskrinjar ta’ qabel id-dħul huwa li jiġi żgurat li l-identità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntiera esterna mingħajr awtorizzazzjoni kif ukoll kwalunkwe riskju għas-saħħa u s-sigurtà jiġu stabbiliti malajr u li ċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi jiġu riferuti malajr għall-proċedura applikabbli (l-ażil, jew proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva (UE) 2008/115/KE (id-Direttiva dwar ir-Ritorn)) 2 . Ir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar joħloq ukoll qafas tal-UE għall-iskrinjar tal-migranti irregolari maqbuda fit-territorju tal-Istati Membri u li evitaw il-kontrolli fil-fruntieri mad-dħul tagħhom fiż-żona Schengen, bil-ħsieb li tiġi mħarsa aħjar iż-żona Schengen.

Jenħtieġ li l-kontrolli ta’ sigurtà bħala parti mill-iskrinjar ikunu mill-inqas ta’ livell simili għall-kontrolli mwettqa fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw minn qabel għal awtorizzazzjoni biex jidħlu fl-Unjoni għal soġġorn qasir, kemm jekk ikunu taħt obbligu ta’ viża kif ukoll jekk le.

Għaldaqstant, jenħtieġ li jitwettqu l-verifiki awtomatizzati għall-finijiet ta’ sigurtà fil-kuntest tal-iskrinjar mal-istess sistemi bħal dawk għall-applikanti għal viża jew għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS - European Travel Information and Authorisation System) 3 , is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS - Visa Information System) 4 , is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES - Entry/Exit System) 5 u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS - Schengen Information System) 6 . Jenħtieġ li l-persuni soġġetti għall-iskrinjar jiġu kkontrollati wkoll mas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN - European Criminal Records Information System for Third Country Nationals) 7 fir-rigward ta’persuni kkundannati b’rabta ma’ reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji, id-data tal-Europol, il-bażi ta’ data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD - Stolen and Lost Travel Documents) tal-Interpol u l-bażijiet ta’ data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN - Travel Documents Associated With Notices) tal-Interpol.

Billi l-aċċess għas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (“EES”), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”), is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (“VIS”) u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (“ECRIS-TCN”) huwa neċessarju biex l-awtoritajiet maħtura jwettqu l-iskrinjar, ir-regolamenti li jistabbilixxu dawn il-bażijiet ta’ data jridu jiġu emendati biex jipprevedu dan id-dritt addizzjonali għall-aċċess. Ir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar jemenda r-Regolamenti li jistabbilixxu l-VIS, l-EES u l-ETIAS. Dawn ir-regolamenti huma kollha żviluppi tal-acquis ta’ Schengen rigward il-fruntieri, kif inhu r-Regolament propost dwar l-Iskrinjar kollu kemm hu.

Fid-dawl tal-fatt li r-Regolament (UE) 2019/816, li jistabbilixxi l-ECRIS-TCN, mhuwiex żvilupp tal-acquis ta’ Schengen, l-emenda tiegħu ma setgħetx tkun parti mir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar. Għaldaqstant, tenħtieġ emenda awtonoma tar-Regolament 2019/816 biex jiġu previsti d-drittijiet għall-aċċess fid-dawl tar-Regolament propost dwar l-Iskrinjar.

Barra minn hekk, ir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar jintroduċi obbligu li tiġi kkontrollata d-data bijometrika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati mar-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR - Common Identity Repository) stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 8 u (UE) 2019/818 9 . L-iskop tal-konsultazzjoni tas-CIR fil-kuntest tal-iskrinjar huwa li jkun jista’ jkun hemm ikkontrollar tad-data ta’ identifikazzjoni li tinsab fl-EES, fil-VIS, fl-ETIAS, fl-Eurodac u fl-ECRIS-TCN f’daqqa, b’mod rapidu u affidabbli, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni massima tad-data u jiġi evitat l-ipproċessar bla bżonn tad-data jew id-duplikazzjoni tagħha.

Filwaqt li r-Regolament propost dwar l-Iskrinjar jipprevedi bidliet fir-Regolament (UE) 2019/817 li japplika għall-EES, il-VIS u l-ETIAS, minħabba l-ġeometrija varjabbli, l-emenda tar-Regolament 2019/818 li tapplika għall-ECRIS-TCN u l-Eurodac ma kenitx parti mir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar.

Għaldaqstant, sabiex jingħata aċċess għad-data kollha miġbura fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR) għall-awtoritajiet kollha maħtura fil-kuntest tal-iskrinjar, huwa neċessarju wkoll li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2019/818.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv li ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu offruti spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, fejn jittieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

Il-proposta hija konformi mal-finijiet tal-ECRIS-TCN kif previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/816, b’mod partikolari l-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu jipprevedi li l-awtoritajiet jistgħu jużaw l-ECRIS-TCN fil-kuntest ta’ “proċeduri tal-viża, proċeduri biex tinkiseb ċittadinanza u proċeduri tal-migrazzjoni, inkluż proċeduri tal-ażil”.

Huwa mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu tal-iskambju ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali dwar iċ-ċittadini tal-Unjoni bejn l-Istati Membri permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2009/315/ĠAI 10 u d-Deċiżjoni 2009/316/ĠAI 11 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tippermetti l-verifika komprensiva tal-bażijiet ta’ data rilevanti matul l-iskrinjar fil-fruntieri esterni u fit-territorju f’konformità mar-Regolament propost dwar l-Iskrinjar. Bħala tali, tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-prevenzjoni tal-movimenti mhux awtorizzati fiż-żona Schengen. Hija wkoll konsistenti mal-objettivi tar-Regolament (UE) 2019/816 biex tittejjeb is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni kollha ċentralizzati tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni.

Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-modifiki li jridu jsiru mir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar fil-qafas tal-interoperabbiltà kif stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 12 u (UE) 2019/818 13 billi tiżgura l-istess drittijiet għall-aċċess għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul l-iskrinjar bħall-bażijiet ta’ data l-oħra rilevanti, bħas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), u s-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS).

Il-proposta tqis ukoll il-qafas tal-interoperabbiltà stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li jikkonċerna l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet. Din hija d-dispożizzjoni tat-Trattat li serviet bħala bażi ġuridika għar-regolamenti li qed jiġi propost li jiġu emendati.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-azzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja taqa’ f’qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 4(2) tat-TFUE. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni prevista ma jkunux jistgħu jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri (la fil-livell ċentrali u lanqas fil-livell reġjonali u lokali), iżda jkunu jistgħu (minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni prevista) jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni.

L-objettivi ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, u jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Dan għaliex jikkonċernaw l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab f’bażi ta’ data tal-UE u l-faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet.

Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata għall-objettivi identifikati.

Il-proposta għandha l-għan li tallinja d-drittijiet għall-aċċess għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) ma’ bażijiet ta’ data oħra vverifikati awtomatikament għall-finijiet ta’ sigurtà matul l-iskrinjar fil-fruntieri esterni u fit-territorju għad-drittijiet għall-aċċess diġà mogħtija fil-kuntest tal-iskrinjar tal-applikanti għal viża jew tal-iskrinjar ta’ applikanti għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar taħt is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar.

F’konformità mar-Regolament propost dwar l-Iskrinjar, il-kontrolli tas-sigurtà, inkluż il-konsultazzjoni tal-bażi ta’ data tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN), se jkunu limitati għall-identifikazzjoni ta’ reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji. L-Artikolu 1 tal-proposta jirrifletti l-modifika li saret fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament 2019/816 bil-Proposta COM/2019/3 final 14 (konsegwenzjali għall-ETIAS) li tintroduċi marka speċjali għal reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji. Abbażi ta’ din il-modifika, se jkun possibbli li jiġi limitat l-aċċess għar-rekords ta’ data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkundannati għal reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji, għal dawk ir-rekords biss li huma rilevanti għall-kontrolli tas-sigurtà skont ir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar. Jenħtieġ li l-konsultazzjoni tal-bażi ta’ data ECRIS-TCN tabilħaqq titwettaq b’mod li jiżgura li minn din il-bażi ta’ data tiġi rkuprata d-data li hija neċessarja għat-twettiq tal-kontrolli tas-sigurtà biss. Din il-proposta tirrifletti dawn ir-rekwiżiti.

Il-bidliet neċessarji għar-Regolament (UE) 2019/818 huma limitati għall-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess għad-data maħżuna fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR) għall-awtoritajiet maħtura fil-kuntest tal-iskrinjar.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-aċċess tal-bażi ta’ data tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) li twaqqfu b’regolament tal-UE bil-ħsieb li jiżguraw applikazzjoni uniformi madwar l-Unjoni u ċertezza tad-dritt billi jevitaw interpretazzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-użu ta’ din il-bażi ta’ data ċentrali.

Il-proposta tikkomplementa wkoll ir-regoli uniformi dwar il-kontrolli tas-sigurtà matul l-iskrinjar kif stabbilit fir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar.

Għaldaqstant, regolament huwa l-istrument xieraq.

 

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Id-dokument ibbażat fuq l-evidenza mħejji fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi adottat flimkien mal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għadu rilevanti għal din il-proposta li tikkomplementa r-Regolament propost dwar l-Iskrinjar.

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil għadhom validi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati f’għadd ta’ okkażjonijiet biex tiġbor il-fehmiet tagħhom dwar il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Fl-istess ħin, il-Presidenzi tar-Rumanija, tal-Finlandja u tal-Kroazja kellhom skambji kemm strateġiċi kif ukoll tekniċi dwar il-futur ta’ bosta aspetti tal-politika dwar il-migrazzjoni, fosthom il-proposta dwar l-iskrinjar. Dawn il-konsultazzjonijiet urew appoġġ għal bidu ġdid fil-konfront tal-politika Ewropea dwar l-ażil u l-migrazzjoni.

Qabel it-tnedija tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Kummissjoni impenjat ruħha f’diskussjonijiet kontinwi mal-Parlament Ewropew. L-Istati Membri rrikonoxxew, fost affarijiet oħra, il-ħtieġa għal protezzjoni b’saħħitha tal-fruntieri u interess li jkun hemm proċeduri ċari u effiċjenti fil-fruntieri esterni, speċjalment biex jiġu evitati movimenti mhux awtorizzati kif ukoll biex jikkontribwixxu għas-sigurtà taż-żona Schengen. Madankollu, xi Stati Membri enfasizzaw li wieħed ma għandux joħloq piż amministrattiv bla bżonn.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż il-protezzjoni tad-data personali, u l-prinċipju ta’ non-refoulement, il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, espulsjoni jew estradizzjoni u standards u garanziji oħra rilevanti minquxa fid-dritt tal-UE dwar l-ażil, ir-ritorn u l-fruntieri.

Rigward il-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), il-proposta taffettwa dan id-dritt b’mod li huwa strettament neċessarju u proporzjonat biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu offruti spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, fejn jittieħdu miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

L-ewwel nett, il-modifika proposta tippermetti li jsir tiftix fil-bażi ta’ data tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) għall-fini li jitwettqu kontrolli ta’ sigurtà matul l-iskrinjar, li se jikkomplementaw il-miżuri eżistenti tal-ġestjoni tal-fruntieri. L-iskrinjar jimplika l-konsultazzjoni ta’ dokumenti tal-identità, tal-ivvjaġġar jew dokumenti oħra kif ukoll l-ipproċessar ta’ data bijometrika ta’ persuni soġġetti għall-kontroll, u l-konsultazzjoni ta’ bażijiet ta’ data, inkluż l-ECRIS-TCN, fil-kuntest tal-kontrolli ta’ sigurtà. Dan jimplika l-ipproċessar ta’ data personali. Dawn il-kontrolli huma meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk dik il-persuna tkunx ta’ theddida għas-sigurtà tal-Istati Membri skont ir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar.

It-tieni, jenħtieġ li l-formola ta’ ġbir ta’ informazzjoni li trid timtela fi tmiem l-iskrinjar ikun fiha informazzjoni li tkun neċessarja biex tippermetti li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jirreferu lill-persuni kkonċernati għall-proċedura xierqa. B’hekk, il-mili u l-qari tal-formola ta’ ġbir ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet jikkostitwixxu forom ta’ pproċessar ta’ data personali li huma inerenti fir-referenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fil-fruntiera esterna mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul (jew jinqabdu fit-territorju) għall-proċeduri xierqa rigward l-ażil jew ir-ritorn. Il-formola ta’ ġbir ta’ informazzjoni tindika r-riżultati tal-konsultazzjoni mwettqa matul l-iskrinjar għall-finijiet ta’ sigurtà. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni huma riflessi permezz ta’ sistema ta’ hit/no hit. F’każ ta’ hit, jenħtieġ li fil-formola ta’ ġbir ta’ informazzjoni tissemma l-bażi ta’ data li tkun ipproduċiet il-hit u r-raġunijiet eżatti għaliha. Ta’ min jenfasizza li, f’każ ta’ hit fl-ECRIS-TCN, il-formola ta’ ġbir ta’ informazzjoni tinkludi r-riżultat tal-konsultazzjoni biss f’każ ta’ hit bid-data marbuta mat-terroriżmu u forom oħra ta’ reati kriminali serji.

Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, inkluż ir-regoli fuq l-inklużjoni ta’ kundanni kontra l-minuri u t-tfal fir-reġistru nazzjonali tar-rekords kriminali. Bl-istess mod, ma tipprevjenix li l-Istati Membri japplikaw il-liġi kostituzzjonali jew ftehimiet internazzjonali li huma marbutin bihom, b’mod partikolari dawk li joħorġu mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li l-Istati Membri huma kollha parti minnha.

Meta tirrapporta dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/816 f’konformità mal-Artikolu 36(9) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni se jkollha tqis ukoll l-impatt tal-użu tal-bażi ta’ data tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-iskrinjar.

Jenħtieġ li l-użu ta’ din il-bażi ta’ data fil-kuntest tal-iskrinjar ikun soġġett għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ kif stabbilit bir-Regolament propost dwar l-Iskrinjar, biex jiġi żgurat li jkun hemm konformità mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li l-prinċipju ta’ non-refoulement ikun osservat fir-rigward tal-iskrinjar.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Regolament propost ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jimmodifika r-Regolament (UE) 2019/816 billi jżid dispożizzjoni ġdida li tippermetti li l-awtoritajiet maħtura fil-kuntest tal-iskrinjar jaċċessaw u jfittxu fil-bażi ta’ data tal-ECRIS-TCN għal rekords marbuta ma’ persuni li jkunu kkundannati għal reat terroristiku jew reati kriminali serji oħra u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u s-salvagwardji f’dak ir-rigward.

L-Artikolu 2 jimmodifika r-Regolament (UE) 2019/818 billi jżid dispożizzjoni ġdida li tippermetti li l-awtoritajiet maħtura fil-kuntest tal-iskrinjar jaċċessaw data maħżuna fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR).

L-Artikolu 3 jinkludi d-dispożizzjonijiet finali.

2021/0046 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/816 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u r-Regolament (UE) 2019/818 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 għall-fini tal-introduzzjoni ta’ skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 74, l-Artikolu 78(2)(e), l-Artikolu 79(2)(c), l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (d), l-Artikolu 85(1), l-Artikolu 87(2)(a) u l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 15 jipprevedi kontrolli tal-identità, tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu fil-fruntiera esterna mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul jew li jinqabdu fit-territorju, u fejn ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li dawn kienu soġġetti għal kontrolli fil-fruntieri esterni. Ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 16 jindirizza l-isfidi tal-ġestjoni ta’ flussi mħallta ta’ migranti u joħloq regoli uniformi li jippermettu identifikazzjoni rapida ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u riferiment għall-proċeduri applikabbli.

(2)Ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 17 jipprevedi li jenħtieġ li l-verifiki għall-finijiet ta’ sigurtà fil-qafas tal-iskrinjar jitwettqu mal-istess sistemi bħal dawk tal-applikanti għal viżi jew għal awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar skont is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) ssss/xxxx [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 18 jipprevedi li jenħtieġ li d-data personali ppreżentata għall-iskrinjar tiġi kkontrollata mad-data tal-Europol, mal-bażi ta’ data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD - Stolen and Lost Travel Documents) tal-Interpol u mal-bażi ta’ data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN - Travel Documents Associated with Notices) tal-Interpol, kif ukoll mas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (ECRIS-TCN - European Criminal Records Information System for Third Country Nationals) fir-rigward ta’ persuni kkundannati b’rabta ma’ reati terroristiċi u forom oħra ta’ reati kriminali serji.

(3)L-aċċess għall-ECRIS-TCN huwa neċessarju biex l-awtoritajiet maħtura jwettqu l-iskrinjar previst fir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 19 sabiex jistabbilixxu jekk persuna tistax tkun ta’ theddida għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika.

(4)Ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 20 , li jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen rigward il-fruntieri, jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 21 , (UE) 2017/2226 22 , (UE) 2018/1240 23 u (UE) 2019/817 24 , li bl-istess mod jikkostitwixxu żviluppi tal-acquis ta’ Schengen rigward il-fruntieri, biex jingħataw drittijiet ta’ aċċess għall-finijiet tal-iskrinjar għad-data li tinsab fis-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS - Visa Information System), għas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES - Entry-Exit System) u għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS - European Travel Information and Authorisation System) rispettivament. Madankollu, l-emenda parallela tar-Regolament (UE) Nru 2019/816 biex jingħataw drittijiet ta’ aċċess għall-finijiet tal-iskrinjar għall-ECRIS-TCN ma setgħetx tkun parti mill-istess regolament minħabba raġunijiet ta’ ġeometrija varjabbli, billi r-regolament li jistabbilixxi l-ECRIS-TCN ma jikkostitwix żvilupp tal-acquis ta’ Schengen. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament 2019/816 jiġi emendat bi strument legali distint.

(5)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jippermetti l-aċċess għall-ECRIS-TCN għall-finijiet tal-kontrolli ta’ sigurtà stabbiliti bir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 25 , li min-naħa tiegħu għandu l-għan li jsaħħaħ il-kontroll tal-persuni li jkunu waslu biex jidħlu fiż-żona Schengen u r-riferiment tagħhom għall-proċeduri xierqa, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ jintlaħaq biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv.

(6)Ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 26 jipprevedi regoli speċifiċi dwar l-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ konsultazzjoni tar-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR - Common Identity Repository) stabbilit bir-Regolamenti (UE) 2019/817 u (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jiffaċilita u jassisti fl-identifikazzjoni korretta tal-persuni rreġistrati fl-EES, fil-VIS, fl-ETIAS, fl-Eurodac u fl-ECRIS-TCN, inkluż persuni mhux magħrufa li ma jistgħux jidentifikaw lilhom infushom.

(7)Billi l-aċċess għad-data maħżuna fir-Repożitorju Komuni ta’ Informazzjoni dwar l-Identità (CIR) għall-finijiet ta’ identifikazzjoni huwa neċessarju għall-awtoritajiet maħtura biex iwettqu l-iskrinjar, ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] 27 jemenda r-Regolament (UE) 2019/817. Minħabba raġunijiet ta’ ġeometrija varjabbli ma kienx possibbli li r-Regolament (UE) 2019/818 jiġi emendat fl-istess Regolament, għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/818 jiġi emendat bi strument legali distint.

(8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/816

Ir-Regolament (UE) 2019/816 huwa emendat kif ġej:

1.Fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)    il-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw l-ECRIS-TCN sabiex iwettqu kontroll ta’ sigurtà f’konformità mar-Regolament (UE) …/… 28 [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar]*.”

_____________

*    Ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817] (ĠU ...)

2.L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew soġġetti għal kundanni fi Stati Membri, għall-fini li jiġu identifikati l-Istati Membri fejn ingħataw dawn il-kundanni [kif ukoll għall-finijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri] 29 . Bl-eċċezzjoni tal-punt (b)(ii) tal-Artikolu 5(1), id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi japplikaw ukoll għal ċittadini tal-Unjoni li għandhom ukoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz u li kienu soġġetti għal kundanni fl-Istati Membri.

Barra minn hekk, dan ir-Regolament:

(a)jiffaċilita u jassisti fl-identifikazzjoni korretta ta’ persuni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2019/818;

(b)jappoġġa l-objettivi tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] fir-rigward tat-twettiq tal-kontrolli ta’ sigurtà.”

3.Fl-Artikolu 3, il-punt 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6) ‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet ċentrali u l-Eurojust, il-Europol, l-UPPE[, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS stabbilita fl-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta] 30 u l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(7), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar], li għandhom il-kompetenza li jaċċessaw l-ECRIS-TCN jew ifittxu fiha f’konformità ma’ dan ir-Regolament;”

4.L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)marka li tindika, għall-fini tar-Regolament (UE) 2018/1240 u tal-Artikolu 11 u 12 tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar], li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie kkundannat għal reat terroristiku jew kwalunkwe reat kriminali ieħor elenkat fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/1240 jekk ikun punibbli skont il-liġi nazzjonali b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, u f’dawk il-każijiet il-kodiċi tal-Istat Membru/Istati Membri tal-kundanna.”;

(b)il-paragrafu 7 li ġej jiżdied wara l-paragrafu 6:

“7.    Meta jiġu identifikati hits wara l-kontrolli ta’ sigurtà msemmija fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar], il-marki u l-kodiċi(jiet) tal-Istat Membru/Istati Membri tal-kundanna kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu aċċessibbli u jkun jista’ jsir tiftix fihom biss, rispettivament, mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] għall-fini ta’ dak ir-Regolament.”

5.Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7. F’każ ta’ hit, is-sistema ċentrali għandha tipprovdi awtomatikament lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni dwar l-Istat Membru/Istati Membri li huwa/huma fil-pussess ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien man-numri ta’ referenza assoċjati msemmija fl-Artikolu 5(1) u kwalunkwe informazzjoni korrispondenti dwar l-identità. Din l-informazzjoni dwar l-identità għandha tintuża biss għall-fini ta’ verifika tal-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Ir-riżultat ta’ tiftixa fis-sistema ċentrali jista’ jintuża biss għall-finijiet ta’:

(a)talba skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI;

(b)talba msemmija fl-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-Regolament;

(c)[ġestjoni tal-fruntieri] 31 ;

(d)valutazzjoni ta’ jekk ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għall-kontrolli ta’ skrinjar ikunx ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, f’konformità mar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar].”

6.L-Artikolu 7a li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 7:

“Artikolu 7a

Użu tal-ECRIS-TCN għall-finijiet tal-Iskrinjar

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jfittxu fil-bażi ta’ data tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali għaċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi (ECRIS-TCN) bl-użu tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/818, għall-fini tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom bl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar].

Għall-fini tal-kontrolli ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar], l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkollhom aċċess biss għar-rekords ta’ data fis-CIR li tkun żdiditilhom marka f’konformità mal-Artikolu 5(1)(c) ta’ dan ir-Regolament.

Il-konsultazzjoni tar-rekords kriminali nazzjonali bbażati fuq id-data mmarkata tal-ECRIS-TCN għandha sseħħ f’konformità mal-liġi nazzjonali u bl-użu ta’ mezzi nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jipprovdu opinjoni lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar] fi żmien jumejn minn meta jseħħ l-iskrinjar fit-territorju tal-Istati Membri jew fi żmien erbat ijiem minn meta jseħħ l-iskrinjar fil-fruntieri esterni. In-nuqqas ta’ opinjoni f’dawn it-termini ta’ skadenza għandu jfisser li ma hemmx raġunijiet ta’ sigurtà li jridu jitqiesu.”

7.Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Id-data li tiddaħħal fis-sistema ċentrali u fis-CIR għandha tiġi proċessata biss għall-finijiet ta’:

(a)l-identifikazzjoni tal-Istati Membri li għandhom fil-pussess tagħhom l-informazzjoni tar-rekords kriminali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi

(b)[ġestjoni tal-fruntieri] 32 jew

(c)skrinjar skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar].”

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/818

Ir-Regolament (UE) 2019/818 huwa emendat kif ġej:

1.Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2) L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jużaw l-ESP biex ifittxu data relatata ma’ persuni jew mad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom fis-sistemi ċentrali tal-Eurodac u tal-ECRIS-TCN f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom kif imsemmi fl-istrumenti legali li jirregolaw lil dawk is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE u fid-dritt nazzjonali. Dawk għandhom jużaw ukoll l-ESP biex ifittxu fis-CIR f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont dan ir-Regolament għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 20a, 21 u 22.”

2.L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Hu stabbilit repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità (CIR), li joħloq fajl individwali għal kull persuna li tiġi rreġistrata fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac jew l-ECRIS-TCN li jiġbor fih id-data msemmija fl-Artikolu 18, għall-fini ta’ faċilitazzjoni u assistenza għall-identifikazzjoni korretta ta’ persuni rreġistrati fl-EES, il-VIS, l-ETIAS, il-Eurodac u l-ECRIS-TCN f’konformità mal-Artikoli 20 u 20a ta’ dan ir-Regolament, ta’ appoġġ għall-funzjonament tal-MID f’konformità mal-Artikolu 21 u ta’ faċilitazzjoni u simplifikazzjoni tal-aċċess mill-awtoritajiet maħtura u mill-Europol għall-EES, il-VIS, l-ETIAS u l-Eurodac, fejn dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra f’konformità mal-Artikolu 22.”

(b)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn ikun teknikament impossibbli minħabba nuqqas tas-CIR li jsir tiftix fis-CIR għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ persuna skont l-Artikolu 20 jew ta’ verifika jew konferma tal-identità ta’ persuna skont l-Artikolu 20a ta’ dan ir-Regolament, għad-detezzjoni ta’ identitajiet multipli skont l-Artikolu 21 jew għall-finijiet ta’ prevenzjoni, detezzjoni jew investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra skont l-Artikolu 22, l-utenti tas-CIR għandhom jiġu notifikati mill-eu-LISA b’mod awtomatizzat.”

3.Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3) L-awtoritajiet li jaċċessaw is-CIR għandhom jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom taħt l-istrumenti legali li jirregolaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u taħt id-dritt nazzjonali u f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom skont dan ir-Regolament għall-finijiet imsemmija fl-Artikoli 20, 20a, 21 u 22.”

4.L-Artikolu 20a li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 20:

Artikolu 20a

Aċċess għar-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità għall-identifikazzjoni skont ir-Regolament (UE) …/… [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar]

1. It-tiftix fis-CIR għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti maħtura kif imsemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament dwar l-Iskrinjar], għall-fini biss li tiġi verifikata jew konfermata l-identità ta’ persuna skont l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament, sakemm il-proċedura tkun inbdiet fil-preżenza ta’ dik il-persuna.

2. Meta t-tiftixa tindika li d-data dwar il-persuna tkun maħżuna fis-CIR, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha aċċess biex tikkonsulta d-data msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament.”

5.L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2019/816, l-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data fis-CIR f’konformità mal-paragrafi 2, 2a, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.”

(b)il-paragrafu 2a li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 2:

“2a. L-eu-LISA għandha żżomm reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ proċessar tad-data skont l-Artikolu 20a fis-CIR. Dawn ir-reġistrazzjonijiet għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

(a)l-Istat Membru li jkun qed iniedi t-tiftixa;

(b)l-iskop tal-aċċess tal-utent li jagħmel tiftixa permezz tas-CIR;

(c)id-data u l-ħin tat-tiftixa;

(d)it-tip ta’ data użata għat-tnedija tat-tiftixa;

(e)ir-riżultati tat-tiftixa.”

(c)fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5) Kull Stat Membru għandu jżomm reġistrazzjonijiet tat-tiftix li l-awtoritajiet tiegħu u l-persunal ta’ dawk l-awtoritajiet debitament awtorizzati li jużaw is-CIR jagħmlu skont l-Artikoli 20, 20a, 21 u 22. Kull aġenzija tal-Unjoni għandha żżomm reġistrazzjonijiet ta’ tiftix li l-persunal debitament awtorizzat tagħha jagħmel skont l-Artikoli 21 u 22.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2020)612.
(2)    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98-107.
(3)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).
(4)    Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS), ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60–81.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.
(6)    Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4-23.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2019/816 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi sistema ċentralizzata għall-identifikazzjoni ta’ Stati Membri fil-pussess ta’ informazzjoni dwar kundanni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (ECRIS-TCN) biex tissupplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726, ĠU L 135, 22.5.2019, p. 1–26.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża, ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.
(9)    Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni, ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85.
(10)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali, ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23–32.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI, ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33–48.
(12)    Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża, ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.
(13)    Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni, ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85.
(14)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni tal-UE oħrajn u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 u r-Regolament (UE) 2019/816.
(15)    Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817, ĠU [...]
(16)    Op. cit. 15.
(17)    Op. cit. 15.
(18)    Op. cit. 15.
(19)    Op. cit. 15.
(20)    Op. cit. 15.
(21)    Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS), ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60–81.
(22)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.
(23)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).
(24)    Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d- Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27.
(25)    Op. cit. 15.
(26)    Op. cit. 15.
(27)    Op. cit. 15.
(28)    ĠU …
(29)    COM/2019/3 final.
(30)    Op. cit. 29.
(31)    Op. cit. 29.
(32)    Op. cit. 29.
Top