Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0021

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2014/41/UE, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali

    COM/2021/21 final

    Brussell, 20.1.2021

    COM(2021) 21 final

    2021/0009(COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2014/41/UE, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Id-Direttiva (UE) 2016/680 1 (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data - LED) daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016 u l-Istati Membru kellhom sas-6 ta’ Mejju 2018 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Hija ħassret u ssostitwiet id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 2 , iżda hija strument ferm aktar komprensiv u ġenerali għall-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, hija tapplika għall-ipproċessar domestiku kif ukoll għall-ipproċessar transfruntier tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika (l-Artikolu 1(1)).

    L-Artikolu 62(6) tal-LED jirrikjedi li sas-6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni tirrieżamina atti legali tal-UE oħra li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinjahom mal-LED u tagħmel, fejn adatt, proposti biex temendahom biex tiżgura konsistenza fil-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-LED.

    Il-Kummissjoni stabbiliet ir-riżultati tar-rieżami tagħha f’Komunikazzjoni dwar it-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data (24 ta’ Ġunju 2020) 3 , li tispeċifika għaxar atti legali li jenħtieġ li jiġu allinjati mal-LED u skeda ta’ żmien biex isir dan. Il-lista tinkludi d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali 4 . Il-Kummissjoni indikat li kienet se tressaq emendi mmirati għal dik id-Direttiva fl-aħħar kwart tal-2020; li huwa l-għan ta’ din il-proposta.

    Din l-inizjattiva mhijiex parti mill-programm dwar l-idoneità tar-regolamentazzjoni (REFIT).

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta għandha l-għan li tallinja r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fid-Direttiva 2014/41/UE mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti fl-LED, sabiex tipprovdi qafas b’saħħtu u koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    mhux applikabbli

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    L-att oriġinali kien ibbażat fuq l-ex Artikolu 34(2)(b) tat-Trattat preċedenti dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkorrispondi għall-Artikolu 82(1) tat-TFUE. Madankollu, kemm l-objettiv kif ukoll is-sustanza tal-emenda proposta huma limitati b’mod ċar għall-protezzjoni tad-data personali.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(2) tat-TFUE huwa l-aktar bażi ġuridika xierqa. Dan jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet skont id-dritt tal-Unjoni u r-regoli dwar il-moviment liberu tad-data personali.

    Skont l-Artikolu 2a tal-Protokoll Nru 22, id-Danimarka mhix marbuta bir-regoli stabbiliti abbażi tal-Artikolu 16 tat-TFUE li huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew 5 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE. L-istess japplika għall-Irlanda skont l-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21.

     Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    L-Unjoni biss tista’ tadotta att leġiżlattiv li jemenda d-Direttiva 2014/41/UE.

    Proporzjonalità

    Din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex id-Direttiva 2014/41/UE tiġi allinjata mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali (b’mod partikolari l-LED) mingħajr ma jinbidel bl-ebda mod il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    Għażla tal-istrument

    Biex tiġi emendata d-Direttiva 2014/41/UE, l-istrument l-aktar xieraq huwa direttiva.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Din il-proposta ssegwi r-riżultati tar-rieżami tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 62(6) tal-LED, kif ippreżentati fil-Komunikazzjoni dwar it-triq ’il quddiem biex jiġi allinjat dak li kien l-acquis tat-tielet pilastru mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Dik il-Komunikazzjoni telenka punti li dwarhom huwa meħtieġ l-allinjament. B’mod partikolari, hija tidentifika l-ħtieġa li jiġi ċċarat li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont id-Direttiva 2014/41/UE huwa soġġett jew għal-LED inkella għar-Regolament (UE) 2016/679 5 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data – GDPR), skont jekk dan isirx fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali jew mhux kriminali. Jenħtieġ li l-allinjament jiċċara li d-data miksuba skont id-Direttiva 2014/41/UE tista’ tiġi pproċessata għal finijiet għajr dawk li għalihom tinġabar, biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-LED (l-Artikoli 4 (2) jew 9 (1)) jew il-GDPR (l-Artikolu 6).

    Billi tipproponi t-tħassir tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/41/UE, din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-punti ta’ hawn fuq.

     Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    mhux applikabbli

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni qieset studju mwettaq bħala parti mill-proġett pilota dwar “rieżami tad-drittijiet fundamentali tal-istrumenti u l-programmi tal-UE għall-ġbir tad-data 6 . L-istudju mmappja l-atti tal-Unjoni koperti mill-Artikolu 62(6) tal-LED u identifika dispożizzjonijiet li potenzjalment jeħtieġu allinjament dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data.

    Valutazzjoni tal-impatt

    L-impatt ta’ din il-proposta huwa limitat għall-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti f’każijiet speċifiċi regolati mid-Direttiva 2014/41/UE. L-impatt tal-obbligi l-ġodda li jirriżultaw mil-LED ġie vvalutat fil-kuntest tal-ħidma preparatorja għal-LED. Valutazzjoni tal-impatt speċifika għal din il-proposta hi għalhekk mhux meħtieġa.

     Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    mhux applikabbli

     Drittijiet fundamentali

    Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 16 tat-TFUE. Kif enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 7 , id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex assolut, iżda jrid jiġi kkunsidrat f’relazzjoni mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà 8 . Il-protezzjoni tad-data hi marbuta mill-qrib mar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta.

    Din il-proposta tiżgura li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont id-Direttiva 2014/41/UE huwa soġġett għall-prinċipji u r-regoli “orizzontali” tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, b’hekk jiġi implimentat aktar l-Artikolu 8 tal-Karta. Dik il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali u tiċċara li l-prinċipji u r-regoli tad-Direttiva 2016/680 li japplikaw għall-ipproċessar tad-data skont id-Direttiva jkollhom impatt pożittiv fir-rigward tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    mhux applikabbli

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    mhux applikabbli

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Din il-proposta ma teħtieġx dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni, peress li tinvolvi t-tħassir ta’ artikolu wieħed tad-Direttiva 2014/41/UE.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 iħassar l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/41/UE. Billi tagħmel dan, din il-proposta hija limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-punti ta’ hawn fuq. L-Artikolu 20 jirrikjedi li kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont id-Direttiva jikkonforma mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI u l-prinċipji tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (28 ta’ Jannar 1981) u l-Protokoll Addizzjonali tagħha.

    L-LED ħassret id-Deċiżjoni Qafas b’effett mis-6 ta’ Mejju 2018. Skont l-Artikolu 59 tal-LED, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal-LED.

    Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, l-LED tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha, jiġifieri għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Madankollu, id-Direttiva 2014/41/UE tapplika wkoll għal ċerti tipi ta’ proċedimenti mhux kriminali – dawn huma regolati mill-GDPR.

    Il-fatt li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/41/UE jirreferi għad-Deċiżjoni Qafas jista’ jirriżulta f’konfużjoni dwar jekk l-LED tapplikax ukoll għall-ipproċessar ta’ data personali relatat ma’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej fil-kuntest ta’ proċedimenti mhux kriminali (li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-LED). It-tħassir tal-Artikolu 20 huwa biżżejjed biex jirrimedja din is-sitwazzjoni. L-LED tkompli tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali skont id-Direttiva 2014/41/UE fil-kamp tal-applikazzjoni tagħha.

    Peress li l-LED u l-GDPR (kull wieħed fil-kamp tal-applikazzjoni tiegħu) japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali skont id-Direttiva 2014/41/UE, l-ipproċessar ta’ tali data għal finijiet għajr dawk li għalihom tinġabar se jitwettaq skont l-LED (l-Artikoli 4(2) u 9(1)) jew il-GDPR (l-Artikolu 6(4)). L-ebda dispożizzjoni ġdida ma hija meħtieġa għal dak il-għan.

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/41/UE jirrikjedi wkoll li l-aċċess għad-data personali jkun ristrett, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tas-suġġett tad-data, u li persuni awtorizzati biss ikollhom aċċess għal tali data. L-LED u l-GDPR jistabbilixxu qafas komprensiv dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi tal-kontrollur tad-data, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, u s-sigurtà tal-ipproċessar. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 huwa għalhekk żejjed.

    Peress li d-Direttiva 2014/41/UE ma fihiex regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data, ma hi meħtieġa l-ebda emenda oħra relatata mal-protezzjoni tad-data.

    L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva l-ġdida proposta.

    L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    L-Artikolu 4 jipprovdi li din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    2021/0009 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2014/41/UE, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Skont l-Artikolu 62(6) tad-Direttiva (UE) 2016/680 9 , il-Kummissjoni għandha tirrieżamina atti oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinja dawk l-atti ma’ dik id-Direttiva u tagħmel, fejn adatt, il-proposti meħtieġa sabiex temenda dawk l-atti biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Dak ir-rieżami wassal għall-identifikazzjoni tad-Direttiva 2014/41/UE 10 bħala waħda minn dawk l-atti l-oħra li għandhom jiġu emendati.

    (2)Fl-interess tal-konsistenza u l-protezzjoni effettiva tad-data personali, jenħtieġ li l-ipproċessar tad-data personali skont id-Direttiva 2014/41/UE jirrispetta r-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/680, fejn applikabbli. Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 11 japplika għall-ipproċessar tad-data personali relatata mal-proċedimenti kif imsemmi fl-Artikolu 4, punti (b), (c) u (d) tad-Direttiva 2014/41/UE meta dawn ma jkunux koperti mid-Direttiva (UE) 2016/680.

    (3)F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u 4(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (4)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (5)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/41/UE tiġi emendata skont dan.

    (6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 12 u ta l-opinjoni tiegħu fil-XX XXXX 13 ,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Emendi għad-Direttiva 2014/41/UE

    L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/41/UE jitħassar.

    Artikolu 2

    1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sena wara l-adozzjoni]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
    (2)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).
    (3)    COM(2020) 262 final.
    (4)    ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.
    (5)    Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (6)

       Il-proġett pilota ġie mitlub mill-Parlament Ewropew, ġestit mill-Kummissjoni u mwettaq minn kuntrattur (grupp ta’ esperti indipendenti). Il-Kummissjoni għażlet il-kuntrattur abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-Parlament. Ir-riżultati tanġibbli tal-proġett jirriflettu l-fehmiet u l-opinjonijiet tal-kuntrattur biss, u l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe użu li jista’ jsir mill-informazzjoni li tinsab fih. Ir-riżultati huma ppubblikati fuq  http://www.fondazionebrodolini.it/en/projects/pilot-project-fundamental-rights-review-eu-data-collectioninstruments-and-programmes  

    (7)

       QĠUE, 9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, Kawżi Magħquda C-92/09 u C-93/09 (ECLI:EU:C:2009:284, par. 48).

    (8)

       F’konformità mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni tad-data jista’ jkun soġġett għal limitazzjonijiet previsti mil-liġi, li jirrispettaw l-essenza tad-dritt u l-libertajiet, u (soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità) ikunu meħtieġa u ġenwinament jilħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

    (9)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
    (10)    Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).
    (11)    Ir-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (12)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
    Top