Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0006

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni

COM/2021/6 final

Brussell, 13.1.2021

COM(2021) 6 final

2021/0002(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt EU-CTC 1 dwar it-tranżitu komuni (“il-Kumitat Konġunt”) fir-rigward tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li temenda l-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu 2 (“il-Konvenzjoni”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-movimenti tal-merkanzija bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. Hija testendi l-proċedura tat-tranżitu doganali tal-Unjoni 3 għall-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li mhumiex l-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi l-obbligi għan-negozjanti u l-awtoritajiet doganali rigward il-merkanzija trasportata skont din il-proċedura minn Parti Kontraenti waħda għal oħra. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

L-Unjoni Ewropea hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni. Il-Partijiet Kontraenti l-oħrajn huma r-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u r-Repubblika tat-Turkija. Il-Konvenzjoni tirreferi għal dawn il-pajjiżi bħala pajjiżi ta’ tranżitu komuni.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-kompitu tal-Kumitat Konġunt huwa li jamministra l-Konvenzjoni u li jiżgura li tiġi implimentata b’mod korrett. Il-Kumitat, permezz ta’ deċiżjonijiet, jadotta emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati bi ftehim reċiproku 4 mill-Partijiet Kontraenti kif stipulat bl-Artikolu 14(2) tal-Konvenzjoni.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Kmieni fl-2021, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta, permezz ta’ proċedura bil-miktub, deċiżjoni dwar l-emenda tal-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jallinja l-Konvenzjoni mad-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (“KDU”) 5 u l-Atti Delegati u ta’ Implimentazzjoni tiegħu dwar il-proċedura ta’ tranżitu u l-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni, kif ukoll li jintroduċi l-modifiki meħtieġa fl-appendiċijiet tal-Konvenzjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni 6 u l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni. Dawn huma kif ġej:

L-Artikolu 311 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 7 (“l-Att ta’ Implimentazzjoni”), li jistabbilixxi t-talba għat-trasferiment tal-irkupru tad-dejn doganali, ġie emendat f’Settembru 2019 8 . L-emenda tistabbilixxi r-regoli għat-talba għal trasferiment tal-irkupru meta l-awtorità doganali ta’ pajjiż involut f’operazzjoni ta’ tranżitu tikseb evidenza li l-avvenimenti li wasslu għad-dejn ikunu ġraw fit-territorju tagħha. F’dawn il-każijiet, jenħtieġ li din l-awtorità titlob lill-pajjiż tat-tluq biex jittrasferilha r-responsabbiltà li tibda l-irkupru. Jenħtieġ li fi żmien ċertu perjodu l-pajjiż tat-tluq jikkonferma jekk jittrasferix il-kompetenza biex jinbeda l-irkupru lill-awtorità doganali li tagħmel it-talba. Għalhekk, l-Artikolu 50 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika l-Artikolu 311 tal-Att ta’ Implimentazzjoni, jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

L-Anness 72-04 tal-Att ta’ Implimentazzjoni, li jiddeskrivi l-proċedura tal-kontinwità tal-operat għat-tranżitu tal-Unjoni ġie emendat u applikat b’seħħ mit-30 ta’ Ġunju 2020 9 . Sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà fil-proċedura tal-kontinwità tal-operat fi tranżitu u biex jitnaqqsu l-formalitajiet u l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet doganali, ġiet prorogata l-validità taċ-ċertifikati ta’ garanzija komprensiva u taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni mill-garanzija f’forma kartaċja. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġu emendati l-Artikolu 79 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni u l-Punt 19.3, il-Kapitolu III, l-Anness II tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika l-punt 19.3, il-Kapitolu III, il-Parti I, l-Anness 72-04 tal-Att ta’ Implimentazzjoni.

Meta l-KDU ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit se jaderixxi mal-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti separata 10 u se japplika l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 11 . Il-Konvenzjoni tinkludi referenzi għall-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi ta’ tranżitu komuni u l-kodiċijiet tal-pajjiżi rispettivi. Għalhekk hemm bżonn li jsiru modifiki xierqa fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni biex issir id-distinzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u jiġi indikat li l-KDU, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ garanzija, japplika fl-Irlanda ta’ Fuq.

Il-pożizzjoni tal-UE dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li tirrigwarda l-emendi ulterjuri għall-Konvenzjoni hija bbażata fuq ir-regoli tal-UE li kienu diġà maqbula mill-Kunsill (b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni). Il-kontenut relatat mal-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq huwa konformi ma’ dak il-Protokoll.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni, li tipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu fil-jum tal-adozzjoni tiegħu.

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-validità taċ-ċertifikati ta’ garanzija komprensiva u taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni mill-garanzija f’forma kartaċja jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv mit-30 ta’ Ġunju 2020. Jenħtieġ li jingħataw kundizzjonijiet indaqs lill-garanti skont id-dritt tal-Unjoni u l-Konvenzjoni. Il-perjodu ta’ validità prorogat taċ-ċertifikati diġà ilu fis-seħħ mit-30 ta’ Ġunju 2020 fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq se japplikaw mill-mument li fih il-KDU ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq fejn il-KDU se jkompli japplika wara dik id-data, u r-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti separata.

Skont l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni, il-Partijiet Kontraenti jridu jdaħħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet li jemendaw il-Konvenzjoni, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħhom stess.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija li l-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni jiġu emendati sabiex jiġu allinjati ma’ dan li ġej:

·il-liġi doganali tal-Unjoni li tirregola l-arranġamenti ta’ tranżitu tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 311 emendat tal-Att ta’ Implimentazzjoni, li jistabbilixxi t-talba għat-trasferiment tal-irkupru tad-dejn doganali u l-Anness 72-04 tal-Att ta’ Implimentazzjoni, fir-rigward tal-validità taċ-ċertifikati ta’ garanzija komprensiva u taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni mill-garanzija f’forma kartaċja użati fil-proċedura tal-kontinwità tal-operat;

·l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq u, b’mod partikolari, biex issir id-distinzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fejn applikabbli.

Il-pożizzjoni proposta hija konsistenti mal-politika kummerċjali komuni.

Billi jiżguraw l-allinjament sħiħ tal-Konvenzjoni mal-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni u, għalhekk, jinħolqu kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ tranżitu tal-Unjoni u dwar il-proċedura komuni ta’ tranżitu, l-emendi proposti għall-Konvenzjoni jirriżultaw f’benefiċċji sostanzjali u tanġibbli kemm għan-negozjanti kif ukoll għall-amministrazzjonijiet doganali.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni jistipula li l-Kumitat Konġunt EU-CTC jadotta permezz ta’ deċiżjonijiet, l-emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu.

Id-deċiżjoni li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta tikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 15(3) u 20 tal-Konvenzjoni.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tagħhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-objettiv li jiġu ggarantiti proċeduri ta’ qsim transfruntier għall-merkanzija. L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma għaldaqstant relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Konvenzjoni u l-Appendiċijiet tagħha, huwa xieraq li din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2021/0002 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu 12 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera fl-20 ta’ Mejju 1987 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

(2)Skont l-Artikolu 15(3)(a) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-istess Konvenzjoni jista’ jadotta emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, permezz ta’ deċiżjonijiet.

(3)Kmieni fl-2021, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni dwar l-emenda tal-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni dwar l-emenda tal-Appendiċijiet I u III tal-Konvenzjoni se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(5)L-Artikolu 311 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 13 (“l-Att ta’ Implimentazzjoni”), li jistabbilixxi t-talba għat-trasferiment tal-irkupru tad-dejn doganali ġie emendat 14 . Skont il-paragrafi (3) u (4) l-ġodda meta l-awtorità doganali ta’ pajjiż involut f’operazzjoni ta’ tranżitu tikseb evidenza li l-avvenimenti li wasslu għad-dejn ikunu ġraw fit-territorju tagħha, jenħtieġ li din l-awtorità titlob lill-pajjiż tat-tluq biex jittrasferilha r-responsabbiltà li tibda l-irkupru. Jenħtieġ li fi żmien ċertu perjodu l-pajjiż tat-tluq jikkonferma jekk jittrasferix il-kompetenza biex jinbeda l-irkupru lill-awtorità doganali li tagħmel it-talba. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 50 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 311 tal-Att ta’ Implimentazzjoni, jiġi emendat skont dan.

(6)L-Anness 72-04 tal-Att ta’ Implimentazzjoni, li jiddeskrivi l-proċedura tal-kontinwità tal-operat għat-tranżitu tal-Unjoni ġie emendat 15 . Sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà fil-proċedura tal-kontinwità tal-operat fi tranżitu u biex jitnaqqsu l-formalitajiet u l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet doganali, ġiet prorogata l-validità taċ-ċertifikati ta’ garanzija komprensiva u taċ-ċertifikati ta’ eżenzjoni mill-garanzija f’forma kartaċja. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 79 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni u l-Punt 19.3, il-Kapitolu III, l-Anness II tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika l-punt 19.3, il-Kapitolu III, il-Parti I, l-Anness 72-04 tal-Att ta’ Implimentazzjoni, jiġu emendati skont dan.

(7)Meta l-KDU ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit se jaderixxi mal-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti separata 16 u se japplika l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 17 . Il-Konvenzjoni tinkludi referenzi għall-ismijiet tal-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi ta’ tranżitu komuni u l-kodiċijiet tal-pajjiżi rispettivi. Għalhekk hemm bżonn li jsiru modifiki xierqa fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni biex jiġi indikat li r-Renju Unit huwa pajjiż ta’ tranżitu komuni u li l-KDU, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-garanzija, japplika fl-Irlanda ta’ Fuq.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-33 laqgħa jew f’laqgħa sussegwenti tal-Kumitat Konġunt jew permezz ta’ proċedura bil-miktub fir-rigward tal-emendi għall-Appendiċijiet ta’ dik il-Konvenzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Jista' jintlaħaq qbil dwar modifiki żgħar fl-abbozzi tad-deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Pajjiżi ta’ tranżitu komuni
(2)    ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2
(3)    L-Artikoli 226 u 227 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1)
(4)    Ma saret l-ebda oġġezzjoni minn xi Parti Kontraenti.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1
(6)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7
(7)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558)
(8)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1394 tal-10 ta' Settembru 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar sorveljanza għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa u ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni (ĠU L 234, 11.9.2019, p. 1)
(9)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/893 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 206, 30.06.2020, p. 8)
(10)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC tal-4 ta' Diċembru 2018 fir-rigward ta' stedina lir-Renju Unit biex jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta' tranżitu [2018/1987] (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 47)
(11)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 102
(12)    ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2.
(13)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).
(14)    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1394 tal-10 ta' Settembru 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar sorveljanza għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa u ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni (ĠU L 234, 11.9.2019, p. 1)
(15)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/893 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, (ĠU L 206, 30.06.2020, p. 8)
(16)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC tal-4 ta' Diċembru 2018 fir-rigward ta' stedina lir-Renju Unit biex jaderixxi mal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta' tranżitu [2018/1987] (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 47)
(17)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 102
Top

Brussell, 13.1.2021

COM(2021) 6 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-emendi għal dik il-Konvenzjoni


ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru /2021 tal-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit permezz tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu

ta’ …..2021

li temenda l-Appendiċijiet I u III ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUMITAT KONĠUNT EU-CTC

Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3)(a) tagħha,

Billi:

(1)Skont l-ittra (a) tal-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu 1 (“il-Konvenzjoni”), il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz ta’ dik il-Konvenzjoni jrid jadotta, permezz ta’ deċiżjoni, emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

(2)L-Artikolu 311 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 2 , li jistabbilixxi t-talba għat-trasferiment tal-irkupru tad-dejn doganali ġie emendat 3 . Skont il-paragrafi (3) u (4) l-ġodda meta l-awtorità doganali ta’ pajjiż involut f’operazzjoni ta’ tranżitu tikseb evidenza li l-avvenimenti li wasslu għad-dejn ikunu ġraw fit-territorju tagħha, jenħtieġ li din l-awtorità titlob lill-pajjiż tat-tluq biex jittrasferilha r-responsabbiltà li tibda l-irkupru. Jenħtieġ li fi żmien ċertu perjodu l-pajjiż tat-tluq jikkonferma jekk jittrasferix il-kompetenza biex jinbeda l-irkupru lill-awtorità doganali li tagħmel it-talba. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 50 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 311 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, jiġi emendat skont dan.

(3)L-Anness 72-04 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, li jiddeskrivi proċedura tal-kontinwità tal-operat tat-tranżitu tal-Unjoni ġie emendat 4 u japplika b’seħħ mit-30 ta’ Ġunju 2020. Skont il-punt 19.3 tal-Kapitolu III kif emendat, il-validità taċ-ċertifikati ta’ garanzija komprensiva u taċ-ċertifikati ta’ eżoneru mill-garanzija f’forma kartaċja previsti fl-Anness 72-04 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 ġiet prorogata sabiex ikun hemm aktar flessibbiltà fil-proċedura tal-kontinwità tal-operat tat-tranżitu u biex jitnaqqsu l-formalitajiet u l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet doganali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 79 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni u l-Punt 19.3, il-Kapitolu III, l-Anness II tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, li jirreplika l-Punt 19.3, il-Kapitolu III, il-Parti I, l-Anness 72-04 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni msemmi hawn fuq, jiġu emendati skont dan. Jenħtieġ li din l-emenda tapplika wkoll mit-30 ta’ Ġunju 2020 biex tagħti kundizzjonijiet indaqs lill-garanti skont il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni u l-Konvenzjoni.

(4)Il-formoli għall-impenji mill-garanti huma stabbiliti fl-Annessi C1, C2, C4, C5 u C6 tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni. Dawn il-formoli jelenkaw l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Konvenzjoni. Id-Deċiżjoni Nru 2/2018 5 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC tħassar ir-referenzi għar-Renju Unit bħala Stat Membru tal-Unjoni u ddaħħal ir-referenza għar-Renju Unit bħala pajjiż ta’ tranżitu komuni mid-data li fiha l-adeżjoni tar-Renju Unit bħala Parti Kontraenti separata ssir effettiva. Madankollu, barra minn hekk, bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq 6 , għall-operazzjonijiet ta’ tranżitu tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Irlanda ta’ Fuq tiġi elenkata b’tali mod li jindika li kull garanzija li hija valida fl-Istati Membri tal-UE trid tkun valida wkoll fl-Irlanda ta’ Fuq.

(5)Bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq u f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 7 , ġie introdott kodiċi ġdid “XI” 8 biex jiddistingwi lir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Jenħtieġ li l-użu tal-kodiċijiet tal-pajjiżi definiti fl-Anness A2 u fl-Anness B1 tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni jiġi emendat skont dan.

(6)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-kodiċi l-ġdid “XI”, jenħtieġ li l-indikazzjonijiet kollha fil-Konvenzjoni relatati mal-użu tal-kodiċijiet tal-pajjiżi jkunu jirreferu għall-Anness A2 jew għall-Anness B1 tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.

(7)Id-Deċiżjoni Nru 2/2018 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 wara li d-Deċiżjoni Nru 1/2019 9 tal-Kumitat Konġunt UE-CTC daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2019. Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 introduċiet l-isem il-ġdid tar-“Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq” fil-formoli għall-impenji mill-garanti stabbiliti fl-Annessi C1, C2, C4, C5 u C6 tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni, filwaqt li d-Deċiżjoni Nru 2/2018 introduċiet mill-ġdid bi żball l-isem l-antik “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” fl-Annessi C1, C2 u C4. Għalhekk, jenħtieġ li l-isem il-ġdid ta’ “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq” jerġa’ jiddaħħal f’dawk il-formoli.

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni huwa emendat kif stipulat fl-Anness A ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)L-Appendiċi III tal-Konvenzjoni huwa emendat kif stipulat fl-Anness B ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Il-punti 2 u 3 tal-Anness A għandhom japplikaw mit-30 ta’ Ġunju 2020.

Il-punti minn 1 sa 4 tal-Anness B għandhom japplikaw mill-jum li r-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni bħala Parti Kontraenti.

Magħmul fi........

   Għall-Kumitat Konġunt

   Il-President



Anness A

L-Appendiċi I tal-Konvenzjoni huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 50, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3. Meta l-awtorità doganali ta' pajjiż involut f'operazzjoni ta' tranżitu komuni tikseb evidenza, qabel jiskadi l-limitu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 114(2)(a), li l-post fejn ġraw l-avvenimenti li minnhom irriżulta d-dejn doganali hu fit-territorju tagħha, din l-awtorità għandha minnufih u f’kull każ f'dak il-limitu ta' żmien tibgħat talba debitament ġustifikata lill-awtorità doganali tal-pajjiż tat-tluq biex tittrasferixxi r-responsabbiltà biex jinbeda l-irkupru lill-awtorità doganali li tagħmel it-talba.

4. L-awtorità doganali tal-pajjiż tat-tluq għandha tikkonferma li rċeviet it-talba magħmula skont il-paragrafu 3 u għandha tinforma lill-awtorità doganali li tagħmel it-talba, fi żmien 28 jum mid-data ta' meta ntbagħtet it-talba, jekk taqbilx li tilqa' t-talba u tittrasferixxi r-responsabbiltà biex jinbeda l-irkupru lill-awtorità li tagħmel it-talba.”

(2)Fl-Artikolu 79:

(a)Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-perjodu tal-validità ta’ ċertifikat ta’ garanzija komprensiva jew ta’ ċertifikat ta’ eżoneru mill-garanzija ma għandux jaqbeż ħames snin. Madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi prorogat mill-uffiċċju doganali tal-garanzija għal perjodu ulterjuri li ma jaqbiżx ħames snin.”

(b)wara l-paragrafu (2) jiżdiedu l-paragrafi (3) u (4):

“3. Meta matul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat, l-uffiċċju doganali tal-garanzija jiġi infurmat li ċ-ċertifikat, bħala riżultat ta’ bosta modifiki, ma jkunx jista’ jinqara b’mod suffiċjenti u jista’ jiġi miċħud mill-uffiċċju doganali tat-tluq, l-uffiċċju doganali tal-garanzija għandu jinvalida ċ-ċertifikat u joħroġ wieħed ġdid, jekk ikun xieraq.

4. Iċ-ċertifikati b’perjodu ta’ validità ta’ sentejn għandhom jibqgħu validi. Il-perjodu ta’ validità tagħhom jista’ jiġi prorogat mill-uffiċċju doganali ta’ garanzija għal perjodu ieħor li ma jkunx jaqbeż ħames snin.

(3)Fl-Anness II, Kapitolu III, il-Punt 19.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“19.3 Il-perjodu tal-validità ta' ċertifikat ta' garanzija komprensiva jew ta' ċertifikat ta’ eżoneru mill-garanzija ma għandux jaqbeż ħames snin. Madankollu, dan il-perjodu jista’ jiġi prorogat mill-uffiċċju doganali tal-garanzija għal perjodu ulterjuri li ma jaqbiżx ħames snin.

Meta matul il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat, l-uffiċċju doganali tal-garanzija jiġi infurmat li ċ-ċertifikat, bħala riżultat ta’ bosta modifiki, ma jkunx jista’ jinqara b’mod suffiċjenti u jista’ jiġi miċħud mill-uffiċċju doganali tat-tluq, l-uffiċċju doganali tal-garanzija għandu jinvalida ċ-ċertifikat u joħroġ wieħed ġdid, jekk ikun xieraq.

Iċ-ċertifikati b’perjodu ta’ validità ta’ sentejn għandhom jibqgħu validi. Il-perjodu ta’ validità tagħhom jista’ jiġi prorogat mill-uffiċċju doganali ta’ garanzija għal perjodu ieħor li ma jkunx jaqbeż ħames snin.”



Anness B

L-Appendiċi III tal-Konvenzjoni huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Anness A1, it-Titolu II, il-Kapitolu II, il-punt B dwar id-Dettalji dwar id-data tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu, punt bulit “REFERENZA TA’ GARANZIJA”, it-test “(il-kodiċi tal-pajjiż ISO alpha-2)” fil-Kontenut ta’ Kamp 2 huwa sostitwit b’dan:

“(il-kodiċi tal-pajjiż ippreżentat fl-Anness A2)”.

(1)Fl-Anness A2, il-punt 1, tiżdied is-sentenza segwenti:

‘XI tintuża għall-Irlanda ta’ Fuq.”.

(2)Fl-Anness A4, il-punt 1, it-test “(il-kodiċi tal-pajjiż ISO alpha-2)” fil-Kontenut ta’ Kamp 2 jinbidel b’dan li ġej:

“(il-kodiċi tal-pajjiż ippreżentat fl-Anness A2)”.

(3)Fl-Anness B1, il-Kaxxa 51 hija emendata kif ġej:

(a)it-test “GB    ir-Renju Unit’ huwa sostitwit b’dan:

“GB    ir-Renju Unit (eskluża l-Irlanda ta’ Fuq)”;

(b)tiżdied l-entrata li ġejja fil-lista:

“XI    l-Irlanda ta' Fuq”.

(4)L-Anness C1, il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)it-test “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bit-test “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq”;

(b)nota tal-aħħar 3a tiżdied mat-test “ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq3” qabel in-nota tal-aħħar 3 li tinkludi t-test li ġej:

Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Irlanda ta’ Fuq għandha titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. Għalhekk, garanti stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandu jindika indirizz għan-notifika jew jaħtar aġent fl-Irlanda ta’ Fuq jekk il-garanzija tista’ tintuża hemmhekk. Madankollu, jekk garanzija, fil-kuntest ta’ tranżitu komuni, issir valida fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, indirizz uniku għan-notifika jew aġent maħtur fir-Renju Unit jista’ jkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit, inkluża l-Irlanda ta’ Fuq.”.

(5)L-Anness C2, il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)it-test “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bit-test “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq”;

(b)tiżdied nota tal-aħħar 2a mat-test “ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq” li tinkludi t-test li ġej:

Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Irlanda ta’ Fuq għandha titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. Għalhekk, garanti stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandu jindika indirizz għan-notifika jew jaħtar aġent fl-Irlanda ta’ Fuq jekk il-garanzija tista’ tintuża hemmhekk. Madankollu, jekk garanzija, fil-kuntest ta’ tranżitu komuni, issir valida fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, indirizz uniku għan-notifika jew aġent maħtur fir-Renju Unit jista’ jkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit, inkluża l-Irlanda ta’ Fuq.”.

(6)L-Anness C4, il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)it-test “l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja” huwa sostitwit bit-test “ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq”;

(b)nota tal-aħħar 3a tiżdied mat-test “ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq3” qabel in-nota tal-aħħar 3 li tinkludi t-test li ġej:

Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-Irlanda ta’ Fuq għandha titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. Għalhekk, garanti stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandu jindika indirizz għan-notifika jew jaħtar aġent fl-Irlanda ta’ Fuq jekk il-garanzija tista’ tintuża hemmhekk. Madankollu, jekk garanzija, fil-kuntest ta’ tranżitu komuni, issir valida fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit, indirizz uniku għan-notifika jew aġent maħtur fir-Renju Unit jista’ jkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit, inkluża l-Irlanda ta’ Fuq.”.

(7)Fl-Anness C5, ir-ringiela 7 hija emendata kif ġej:

(1)tiżdied nota f’qiegħ il-paġna (**) fit-test “Ir-Renju Unit” li tinkludi t-test li ġej:

(2)(**) Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jenħtieġ li l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija..

(8)Fl-Anness C6, ir-ringiela 6 hija emendata kif ġej:

(1)tiżdied nota f’qiegħ il-paġna (**) fit-test “Ir-Renju Unit” li tinkludi t-test li ġej:

(2)(**) Skont il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, jenħtieġ li l-Irlanda ta’ Fuq titqies bħala parti mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ din il-garanzija. ”.

(1)    ĠU L 226, 13.8.1987, p.2
(2)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558)
(3)    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1394 tal-10 ta' Settembru 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar sorveljanza għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa u ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni (ĠU L 234, 11.9.2019, p. 1)
(4)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/893 tad-29 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 206, 30.06.2020, p. 8)
(5)    ĠU L 317, 14.12.2018, p. 48
(6)    Il-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 102
(7)    Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95, ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23
(8)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1470 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u dwar it-tqassim ġeografiku għal statistika oħra tan-negozju (ĠU L 334, 13.10.2020, p. 2)
(9)    ĠU L 103, 3.4.2020, p. 47
Top