Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IR0407

Opinjoni tal-Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali — Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli

COR 2021/00407

ĠU C 61, 4.2.2022, p. 30–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/30


Opinjoni tal-Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali — Aġenda tal-Konsumatur ġdida li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konsumatur għall-irkupru sostenibbli

(2022/C 61/07)

Relatur:

Alexia BERTRAND (BE/Renew Europe), Membru ta’ Assemblea Reġjonali: Parlament tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

ifakkar fl-importanza tal-politika Ewropea tal-konsumatur, li għandha l-għan li tiggarantixxi liċ-ċittadini tal-UE bażi soda ta’ drittijiet li jipproteġuhom minn riskji u theddid serji li ma jkunux jistgħu jiffaċċjaw waħedhom, li għandha l-għan li tawtonomizza lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati, li ttejjeb il-benesseri tagħhom u tipproteġi b’mod effettiv is-sikurezza tagħhom kif ukoll l-interessi ekonomiċi tagħhom, u li tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll u rimedji biex dawn id-drittijiet ikunu effettivi;

2.

jissottolinja li l-protezzjoni tal-konsumatur fil-livell Ewropew għandha tikkontribwixxi wkoll għall-istimolu tal-irkupru ekonomiku fl-Ewropa filwaqt li jiġi implimentat il-mudell ta’ ekonomija ċirkolari u jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem;

3.

jilqa’ l-pubblikazzjoni mistennija ta’ Aġenda tal-Konsumatur ġdida li tanalizza l-mezzi kif jistgħu jiżdiedu l-protezzjoni u r-reżiljenza tal-konsumaturi matul u wara l-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li l-konsumaturi Ewropej jiġu awtonomizzati biex jaqdu rwol attiv fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

4.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati l-protezzjoni tal-konsumatur u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni tagħha sabiex jitqiesu bl-aħjar mod il-kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja l-ekonomija Ewropea, bħall-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, it-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, il-globalizzazzjoni u t-tfiġġija ta’ ħtiġijiet speċifiċi għal ċerti konsumaturi vulnerabbli;

5.

jenfasizza l-ħtieġa li l-approċċ “one-in one-out” introdott fil-Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar ma jiġix applikat b’mod mekkaniku, sabiex jinżammu standards għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur;

6.

jilqa’ l-fatt li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tkopri l-kwistjoni tal-politika Ewropea tal-konsumatur;

Il-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

7.

jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li jinżammu u jiġu infurzati b’mod vigoruż id-drittijiet tal-konsumaturi u l-acquis communautaire rilevanti matul il-perjodu ta’ kriżi, speċjalment sabiex ma jiddgħajfux u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitawhom għal protezzjoni legali adegwata;

8.

jilqa’ l-adozzjoni fil-Parlament Ewropew fis-27 ta’ April 2021 tar-Regolament dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (riformulazzjoni) li jikkonferma d-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumaturi tas-servizzi ferrovjarji, b’mod partikolari r-riprogrammar tar-rotta, l-appoġġ f’każ ta’ dewmien u kanċellazzjonijiet, u t-titjib tal-assistenza lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Dan it-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri x’aktarx jinkoraġġixxi l-bidla modali tal-konsumaturi lejn dan il-mezz ta’ trasport aktar sostenibbli u l-interoperabbiltà mal-modi ta’ mobbiltà mhux motorizzata, bl-obbligu għall-operaturi li jallokaw spazju riservat għar-roti fuq il-ferroviji;

9.

jirrakkomanda li titqies l-estensjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur għal oqsma oħra fir-rigward tal-kanċellazzjonijiet f’setturi bħall-kultura u l-avvenimenti;

10.

jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti differenti biex ikomplu jiġġieldu kontra scams mmirati lejn il-konsumaturi, b’kollaborazzjoni man-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u f’konsultazzjoni mal-pjattaformi online, mal-fornituri intermedjarji tas-servizzi, u mal-atturi kkonċernati rilevanti;

11.

jissottolinja l-ħtieġa li jitqiesu t-tagħlimiet mill-ġestjoni ta’ din il-kriżi b’rabta mad-definizzjoni ta’ standards ta’ prodotti, ta’ proċessi, ta’ servizzi u ta’ standards ta’ kwalità sabiex ikollna standards li jistgħu jiġu mmobilizzati malajr mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-intrapriżi bl-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi, tal-oġġetti u tas-servizzi;

12.

jenfasizza t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 u l-importanza li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fi żminijiet ta’ kriżi; f’dan ir-rigward, jirrakkomanda wkoll li jitwettqu r-reviżjonijiet regolatorji meħtieġa sabiex jiġu definiti l-konsegwenzi ta’ ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni fil-kuntratti tal-konsumatur qabel ma tinqala’ s-sitwazzjoni (il-klawżola rebus sic stantibus). Dan l-approċċ li jqis il-prinċipji tal-antiċipazzjoni u l-previżjoni se jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur;

13.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt fit-tul tal-kriżi tal-COVID-19 fuq ix-xejriet ta’ konsum tal-Ewropej, u tibni fuq din l-analiżi biex tiżviluppa l-inizjattivi ta’ politika Ewropej futuri f’dan il-qasam;

14.

jappoġġja, f’dan il-kuntest, l-inizjattivi ta’ appoġġ għall-kummerċ lokali, inklużi il-produtturi żgħar lokali, u ta’ promozzjoni tas-snajja’;

15.

jenfasizza, barra minn hekk, li l-liġi tal-konsumatur, permezz ta’ informazzjoni aktar ċara u komprensiva, tista’ tinkoraġġixxi t-tisħiħ ta’ ktajjen tal-provvista qosra għall-produzzjoni agrikola u alimentari, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mat-trasport; f’dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politiki tal-protezzjoni tal-konsumatur;

16.

jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-politiki mmirati biex inaqqsu d-distakk diġitali, kemm f’dak li jikkonċerna t-tagħmir, il-kopertura territorjali, kif ukoll il-ħiliet neċessarji;

It-tranżizzjoni ekoloġika

17.

ifakkar li l-konsum sostenibbli huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku;

18.

jisħaq li l-konsumaturi tal-UE għandhom rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ekoloġika u li għalhekk għandhom ikunu infurmati u awtonomizzati biex jagħmlu għażliet infurmati fuq il-bażi ta’ informazzjoni komparabbli, trasparenti u ċara skont il-metodoloġija tal-Kummissjoni Ewropea għall-impronta ambjentali, inkluża informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-prodotti kif ukoll l-impronti soċjali u ambjentali tagħhom; din l-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq data affidabbli u fuq ir-riċerka dwar il-konsum. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-proċess ta’ tixrid tal-informazzjoni;

19.

jisħaq fuq il-fatt li huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla abbażi tas-sostenibbiltà tal-prodotti, filwaqt li fl-istess ħin il-produtturi jingħataw inċentivi biex itawlu l-ħajja tal-prodotti tagħhom, u jisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ leġiżlazzjoni Ewropea li timmulta l-obsolexxenza pprogrammata u li tippremja l-lonġevità tal-produzzjoni industrijali u teknoloġika;

20.

jirrimarka li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk id-domanda għal prodotti u servizzi sostenibbli ma tkunx limitata għal gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi u, f’dan ir-rigward, jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-objettivi għandu jiġi żgurat l-aċċess għal prodotti u servizzi sostenibbli għall-konsumaturi kollha, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom;

21.

jirrakkomanda li jiġi żviluppat approċċ olistiku għall-informazzjoni lill-konsumatur, billi, jekk huwa possibbli, jiġu żviluppati tikketti, filwaqt li jitqiesu l-aspetti tas-sostenibbiltà, tas-saħħa, tar-rispett għall-ambjent, tal-oriġini tal-prodott b’enfasi partikolari dwar l-oriġini tiegħu fl-UE jew f’pajjiz terz, u tal-kummerċ ġust; jenfasizza wkoll li huwa utli li l-aspetti soċjali u ambjentali jiġu integrati dejjem aktar fl-akkwist pubbliku permezz ta’ sett ta’ miżuri, inkluża d-definizzjoni ta’ kriterji ambjentali minimi fil-leġiżlazzjoni settorjali, kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari;

22.

jemmen li huwa importanti li l-istandards tal-prodotti jqisu l-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità u, f’dan ir-rigward, jissottolinja li l-istituzzjonijiet tal-UE responsabbli mill-istandardizzazzjoni għandhom rwol importanti f’dan il-qasam, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ standards li jippermettu li jiġi ddefinit x’inhu prodott “ekoloġiku” jew “sostenibbli”;

23.

jissottolinja l-importanza li tittejjeb u tiġi garantita l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir;

24.

jirrakkomanda li l-analiżi tal-possibbiltà tal-estensjoni tal-perjodu legali tal-garanzija għall-oġġetti tal-konsum tingħaqad ma’ informazzjoni mtejba lill-konsumatur dwar il-ħajja mistennija tal-prodotti;

25.

jirrakkomanda li jiġi studjat jekk ikunx jaqbel li tiġi implimentata sistema li teżiġi awtorizzazzjoni minn qabel għall-asserzjonijiet ambjentali u l-ekotikketti fuq il-mudell tas-sistema applikabbli għas-saħħa;

26.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ewwel nett il-prodotti jintużaw mill-ġdid jew jissewwew, minflok jintremew, dment li dan ma jwassalx għat-telf tad-drittijiet tal-konsumatur u li l-użu jew it-tiswija ma jkollhomx l-effett li jipproduċu prodotti ta’ kwalità inferjuri;

27.

jenfasizza li huwa meħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-ispare parts, u li jiġi żgurat li l-prodotti jkunu jistgħu jissewwew u li l-konsumatur ma jevitax it-tiswija minħabba l-ispejjeż involuti, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-konsumaturi fir-rigward tal-konformità u s-sigurtà tal-prodotti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina l-miżuri li għandhom jittieħdu biex dan ikun possibbli;

28.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Bejgħ tal-Oġġetti, kif għandha tkompli tippromovi t-tiswija u tinkoraġġixxi prodotti “ċirkolari” u aktar sostenibbli filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-konsumaturi u l-bilanċ ekonomiku bejn il-konsumatur u l-intraprenditur;

29.

jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-qasam u b’hekk il-ħtieġa li jiġu promossi tendenzi u mġiba ta’ konsum ġodda fil-livelli lokali u reġjonali, bħall-ekonomija ta’ kondiviżjoni;

30.

jirrakkomanda li jiġu appoġġjati l-mudelli kummerċjali li jippermettu x-xiri ta’ servizz minflok oġġett, billi jiġu inkoraġġuti t-tiswijiet u l-azzjonijiet minn organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali kif ukoll is-swieq tal-oġġetti użati;

31.

jisħaq fuq il-ħtieġa għal inventarju ta’ prattiki lokali tajbin relatati mat-tiswija u l-ekonomija ċirkolari;

32.

jissottolinja l-importanza li l-firxa ta’ miżuri lokali fir-rigward tal-konsum tiġi estiża għall-ekonomija tas-servizzi, pereżempju fil-qasam tar-rinnovazzjoni tal-bini u tal-adattament tal-akkomodazzjoni tal-konsumaturi għal soċjetà aktar ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari billi jissaħħu l-għodod ta’ informazzjoni maħsuba għall-konsumaturi;

33.

jappoġġja l-inizjattivi ta’ appoġġ lill-kummerċ lokali bl-għan li jittejbu l-pożizzjoni tal-konsumaturi fis-suq, il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tas-snajja’;

34.

jissottolinja r-rwol li jista’ jkollhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tal-informazzjoni u l-edukazzjoni lill-konsumaturi;

35.

jissottolinja l-importanza ta’ soluzzjonijiet effettivi, li jistgħu jiġu mifhuma u implimentati faċilment mill-konsumaturi;

36.

jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tikkoopera mal-operaturi ekonomiċi biex tħeġġiġhom jimpenjaw ruħhom b’mod volontarju għal azzjonijiet li jippromovu l-konsum sostenibbli li jmorru lil hinn mill-obbligi legali;

37.

jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi estiża d-Direttiva dwar l-Ekodisinn sabiex tinkludi prodotti relatati mal-enerġija, iżda wkoll li tiġi estiża għal firxa usa’ ta’ prodotti li għandhom impatt kbir fuq l-ambjent u li jiġu previsti miżuri għall-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart;

38.

jappoġġja bis-saħħa l-pubblikazzjoni tal-inizjattiva dwar il-prodotti sostenibbli li għandha l-għan li tagħmel dawn tal-aħħar in-norma, u li tiġġieled kontra l-obsolexxenza qabel iż-żmien u tippromovi s-sostenibbiltà;

39.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jorjentaw l-inċentivi finanzjarji previsti fil-pjan ta’ rkupru tal-UE b’tali mod li jiggarantixxu progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fit-tul, filwaqt li jnaqqsu l-użu tar-riżorsi, jevitaw u jeliminaw is-sustanzi perikolużi u jtejbu ċ-ċirkolarità tal-materjali u tas-sistemi;

40.

jissottolinja mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv, li l-konsum tar-riżorsi jinżamm fil-limiti tal-pjaneta u li titnaqqas l-impronta ambjentali tagħna. Għalhekk huwa essenzjali li t-tkabbir jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi, li jsir żvilupp lejn soċjetà ċirkolari reali u li jkun hemm kooperazzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza u tas-soċjetà;

41.

jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-SMEs, u l-produtturi żgħar lokali fit-tranżizzjoni ekoloġika, mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv fuqhom. Il-fondi Ewropej huma essenzjali biex jiġu żgurati dawn it-tranżizzjonijiet. Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-għoti ta’ informazzjoni dwar il-fondi tal-UE disponibbli f’dan ir-rigward;

It-trasformazzjoni diġitali

42.

ifakkar li t-trasformazzjoni diġitali tibdel l-ħajja tal-konsumaturi b’mod radikali. Din toffrilhom possibbiltajiet enormi, iżda ġġib magħha wkoll diffikultajiet ġodda. Ikun jaqbel, f’dan il-kuntest, li jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti online. Il-protezzjoni tal-konsumaturi għandha tissaħħaħ fil-proċess meta jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw l-ekonomija diġitali u l-ħtiġijiet relatati mal-intelliġenza artifiċjali, mal-internet tal-oġġetti u mar-robotika. F’dan ir-rigward, jieħu nota tal-proposta innovattiva tal-Kummissjoni Ewropea fir-Regolament tagħha li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u fil-Komunikazzjoni tagħha “It-trawwim ta’ approċċ Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali”, li ser ikunu s-suġġett ta’ Opinjoni separata tal-KtR;

43.

jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-azzjonijiet biex il-konsumaturi jiġu protetti mill-prattiki kummerċjali inġusti fuq l-internet. Għandhom jiġu żviluppati b’mod speċjali għodod ġodda regolatorji jew ta’ sorveljanza tas-suq sabiex il-konsumaturi jkunu protetti mill-prattiki l-ġodda li jirriżultaw mill-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali u mill-użu tal-algoritmi (prattiki ta’ offerti mmirati fir-rigward tal-prezzijiet jew il-prodotti jew is-servizzi mwettqa permezz tat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi fuq l-internet, eċċ.), u sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni effettiva tad-data personali tagħhom; bl-istess mod, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar l-impatt ambjentali u soċjali tax-xiri online;

44.

jissottolinja li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-prodotti li tkopri s-sigurtà fiżika tal-konsumatur għandha tiġi mmodernizzata sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-prodotti konnessi (ir-rispett għad-data personali, iċ-ċibersigurtà, l-affidabbiltà, it-trasparenza u l-informazzjoni lill-konsumatur);

45.

jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza u interazzjoni ċara bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-swieq diġitali sabiex jiġi stabbilit livell għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumatur, l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi, inkluż l-aċċess transfruntier, it-trasparenza, ir-responsabbiltà u ambjent diġitali sigur, u li tiġi ċċarata u msaħħa r-responsabbiltà tal-intermedjarji online. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi semplifikati għall-intermedjarji online biex ikun possibbli li l-offerti online tan-negozji jiġu mmonitorjati maż-żmien, sabiex tiġi evitata l-ħsara lid-drittijiet tal-konsumatur minħabba l-volatilità tal-offerti online;

46.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi sett ta’ għodod elettroniċi innovattivi, li għandu jappoġġja l-korpi rilevanti biex jidentifikaw prattiki ta’ kummerċ illegali online; dawn l-għodod elettroniċi għandhom iservu wkoll biex jippermettu il-monitoraġġ tal-għajbien ta’ kumpaniji li joffru l-prodotti tagħhom online;

47.

jissottolinja li l-prattiki tal-imblukkar ġeografiku li ma jħallux lill-konsumaturi jibbenefikaw bla xkiel mill-kontenut diġitali fl-Ewropa kollha għadhom fis-seħħ f’ċerti oqsma;

48.

jirrakkomanda li jiġi sfruttat l-ammont kbir ta’ data miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati bl-aħjar mod permezz ta’ politika dinamika ta’ data miftuħa (open data);

49.

jissottolinja l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-SMEs u l-produtturi żgħar lokali fit-tranżizzjoni diġitali, mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv fuqhom. Il-fondi Ewropej huma essenzjali biex tiġi żgurata din it-tranżizzjoni. Jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-għoti ta’ informazzjoni dwar il-fondi tal-UE disponibbli f’dan ir-rigward;

Applikazzjoni effettivi tal-leġiżlazzjoni u rimedji effikaċi

50.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taqdi rwol ta’ koordinazzjoni u appoġġ għall-Istati u l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tal-monitoraġġ tar-rispett għad-drittijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari billi tiżgura li l-miżuri meħuda minn Stat Membru jkunu jistgħu jkunu effettivi irrispettivament mill-post tal-kumpanija, kif għandu jkun il-każ fil-qasam tal-multi;

51.

jilqa’ l-fatt li l-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida tipprevedi li l-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr id-drittijiet tal-konsumaturi u jiżguraw li jiġu rispettati, b’mod partikolari permezz tan-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur; jenfasizza r-rwol pożittiv li għandhom iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi biex tissawwar il-protezzjoni transfruntiera tal-konsumatur;

52.

jinnota li l-implimentazzjoni adatta tal-miżuri ta’ kontroll, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Aġenda l-Ġdida, ser tirrikjedi għadd akbar ta’ persunal iddedikat għall-kompiti ta’ sorveljanza tas-suq. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jissaħħaħ l-għarfien espert settorjali tal-persunal involut f’dawn il-kompiti, filwaqt li jiġi pprovdut taħriġ kontinwu u jsiru disponibbli riżorsi materjali adatti fir-rigward tal-attivitajiet li għandhom jiġu mmonitorjati: prattiki frodulenti, prattiki inġusti, bejgħ online eċċ. Barra minn hekk, huwa meħtieġ network adatt ta’ laboratorji akkreditati biex jiġu identifikati frodi jew ksur possibbli li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà;

53.

jirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minn naħa, u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, min-naħa l-oħra;

54.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ azzjonijiet volontarji ta’ informazzjoni lill-konsumaturi fi sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-intrapriżi;

L-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi

55.

jilqa’ l-fatt li l-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida tenfasizza li ċerti gruppi ta’ konsumaturi, b’mod partikolari minħabba d-distakk diġitali, jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli f’sitwazzjonijiet partikolari u jeħtieġu salvagwardji speċifiċi, b’mod partikolari t-tfal, l-anzjani, u l-persuni b’diżabilità;

56.

jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni għall-konsumaturi l-aktar vulnerabbli li jeħtieġu kreditu biex jixtru oġġetti u servizzi essenzjali bħall-kura medika, l-edukazzjoni u s-servizzi pubbliċi; għandhom jiġu stabbiliti politiki u strumenti fis-setturi msemmija hawn fuq biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur f’sitwazzjonijiet fejn il-kumpaniji li jipprovdu servizzi kontinwi fis-setturi essenzjali tal-edukazzjoni u tas-saħħa jsiru insolventi, sabiex tiġi mitigata l-ħsara li tirriżulta mill-għeluq ta’ negozji f’dawn is-setturi;

57.

jisħaq dwar l-importanza li jiġu żviluppati l-kompetenzi finanzjarji tal-konsumaturi inkluż fil-qasam tat-teknoloġiji diġitali l-ġodda, filwaqt li jiġu appoġġjati proġetti f’dan il-qasam fil-livelli lokali u reġjonali;

58.

jilqa’ l-fatt li l-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida tipprevedi żieda fil-finanzjament ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu d-disponibbiltà tas-servizzi ta’ konsulenza dwar id-dejn fl-Istati Membri mill-2021 ’il quddiem, meta titqies l-importanza tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet lokali f’dan il-qasam;

59.

jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġja inizjattivi li għandhom l-għan li jipprovdu pariri fil-livell lokali lill-konsumaturi li, għal raġunijiet strutturali jew personali, ma għandhomx aċċess għall-għajnuna u għall-informazzjoni disponibbli online jew f’uffiċċji tal-informazzjoni ċentrali;

60.

jitlob l-implimentazzjoni/it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-intrapriżi sabiex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom bl-għan li jimmassimizzaw l-użu tar-riżorsi;

61.

jirrakkomanda li, bħala parti mill-isforz biex jiġi miġġieled id-dejn eċċessiv, il-Kummissjoni tanalizza l-fattibbiltà ta’ strument legali tal-UE korrettiv għas-soluzzjoni kollettiva tad-djun tal-konsumaturi, li jmur lil hinn mill-miżuri preventivi; jitlob ukoll li jiġu adottati politiki speċifiċi biex jiġu evitati prattiki li wrew li huma partikolarment ta’ ħsara għall-konsumatur (bħal kards rotanti [revolving cards]), minħabba li jikkawżaw dejn u jdgħajfu l-pożizzjoni tal-konsumaturi fil-konfront ta’ forom oħra ta’ kreditu;

62.

jirrakkomanda li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-vulnerabbiltà u l-esklużjoni tal-konsumaturi fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inklużi dawk li joriġinaw direttament minn problemi lokali bħad-distakk diġitali li jaffettwa lil konsumaturi li jgħixu f’żoni mingħajr konnettività jew b’konnettività baxxa jew dgħajfa. Jeħtieġ li tiġi promossa u regolata lista ta’ servizzi finanzjarji bażiċi ta’ natura fiżika u li jiġu adottati miżuri li jevitaw li dawn is-servizzi jitneħħew kollha kemm huma jew parti minnhom, u b’hekk tinħoloq diskriminazzjoni bejn il-konsumaturi minħabba l-aċċess tagħhom għas-servizzi finanzjarji;

63.

jirrakkomanda wkoll li tiġi indirizzata l-problema tad-distakk diġitali li taffettwa lill-konsumaturi vulnerabbli li jispiċċaw esklużi mit-tranżizzjoni diġitali għax ma għandhomx it-tagħmir meħtieġ jew il-ħiliet bażiċi neċessarji, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati;

Il-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest dinji

64.

jissottolinja li f’dinja globalizzata fejn ix-xiri online jaqsam il-fruntieri, il-kooperazzjoni ma’ msieħba internazzjonali saret kruċjali;

65.

jilqa’ t-tħabbir mill-Kummissjoni tat-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni maċ-Ċina sabiex tiżdied is-sigurtà tal-prodotti mibjugħa online u sabiex jiġu implimentati appoġġ fir-rigward tar-regolamentazzjoni, assistenza teknika u għajnuna għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet maħsuba għar-reġjuni msieħba tal-UE, b’mod partikolari fl-Afrika;

66.

jinkoraġġixxi, madankollu, lill-Kummissjoni tiżviluppa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi li fihom hemm stabbiliti fornituri li jimmiraw l-offerta tagħhom lejn it-territorju tal-Unjoni;

67.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-prodotti u s-servizzi importati fl-UE jikkonformaw mal-istandards u r-regolamenti rilevanti tal-Unjoni Ewropea; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tissaħħaħ ir-responsabbiltà korporattiva fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali għall-katina tal-valur kollha ta’ kumpanija (inklużi s-sottokuntratturi), anke f’pajjiżi terzi;

L-applikazzjoni tal-politika ta’ protezzjoni tal-konsumatur f’oqsma oħra

68.

ifakkar li l-politika tal-konsumatur hija waħda mill-aktar politiki trasversali tal-UE, li tikkonċerna ħafna politiki tal-UE mis-sigurtà tal-prodotti sas-suq diġitali, is-servizzi finanzjarji, is-sikurezza u t-tikkettar tal-ikel, l-enerġija, l-ivvjaġġar u t-trasport;

69.

jenfasizza li huwa meħtieġ li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur jiġu integrati fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħrajn tal-Unjoni, bħall-enerġija, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-settur tal-assigurazzjoni, is-settur tal-kreditu, eċċ.;

70.

jissottolinja li l-għan tal-promozzjoni tal-benesseri tal-konsumatur permezz ta’ politika robusta tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea għandu jibqa’ għan prijoritarju fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE;

Governanza

71.

jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur, li turi s-sitwazzjoni tal-konsumaturi fi ħdan l-Unjoni Ewropea permezz ta’ sett ta’ indikaturi rilevanti li jinkludu indikaturi ta’ ċirkolarità tal-konsum, sabiex jiġu appoġġjati l-governanza u l-monitoraġġ tal-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida;

72.

jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tistabbilixxi mudell ta’ governanza ġdid, bi sħubija estensiva li tinvolvi lill-atturi kkonċernati kollha. F’dan il-kuntest, l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li torganizza dibattiti regolari mal-Parlament Ewropew, mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni filwaqt li tikkollabora mill-qrib mal-Istati Membri permezz ta’ networks, gruppi ta’ ħidma jew task forces ad hoc eżistenti, għandha tiġi mfaħħra;

73.

itenni l-importanza li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jiġi involut f’din il-ħidma.

Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


Top