Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0489

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: il-vjolenza ċibernetika (2020/2035(INL))

    ĠU C 251, 30.6.2022, p. 2–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 251/2


    P9_TA(2021)0489

    Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: il-vjolenza ċibernetika

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: il-vjolenza ċibernetika (2020/2035(INL))

    (2022/C 251/01)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 8, l-Artikolu 83(1) u l-Artikoli 84 u 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 10, 11, 12, 21, 23, 24, 25, 26 u 47 tagħha,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025, u, b'mod partikolari, l-objettiv li n-nisa u l-bniet jinħelsu mill-vjolenza u l-isterjotipi stabbiliti fiha,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2017 bit-titolu “Nindirizzaw il-kontenut illegali online – Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online”,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)”,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025”,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE,

    wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda Kontra d-Diskors ta' Mibegħda Online Illegali, ippubblikat f'Mejju 2016 u l-ħames sessjoni ta' monitoraġġ tiegħu, li rriżulta fid-dokument “Factsheet – 5th monitoring round of the Code of Conduct” (Skeda Informattiva – il-ħames sessjoni ta' monitoraġġ tal-Kodiċi ta' Kondotta),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, tat-23 ta' Novembru 2001,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) fl-edukazzjoni u fil-karrieri (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-proklamazzjoni tal-UE bħala Żona ta' Libertà LGBTIQ (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-isfidi għad-drittijiet tan-nisa fl-Ewropa fil-futur: aktar minn 25 sena wara d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar tnaqqis tad-disparità bejn il-ġeneri fil-qasam diġitali: il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2020 dwar it-tisħiħ tal-libertà tal-media: il-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u r-rwol tal-pjattaformi (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul u l-miżuri l-oħra biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2019 dwar ir-rigressjoni attwali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju morali u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, fi spazji pubbliċi, u fil-ħajja politika fl-UE (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2018 dwar l-emanċipazzjoni tan-nisa u tat-tfajliet permezz tas-settur diġitali (13),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (14),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (15),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (16),

    wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal, u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Intensification of efforts to prevent and eliminate all forms of violence against women and girls” (Intensifikazzjoni tal-isforzi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom kollha tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet) (A/RES/75/161) u “The right to privacy in the digital age” (Id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali) (A/RES/75/176),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-5 ta' Lulju 2018 bit-titolu “Accelerating efforts to eliminate violence against women and girls: preventing and responding to violence against women and girls in digital contexts” (L-aċċellerazzjoni tal-isforzi biex tiġi eliminata l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet: il-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet f'kuntesti diġitali u r-rispons għaliha) (A/HRC/RES/38/5),

    wara li kkunsidra r-rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Rapporteurs Speċjali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, b'mod partikolari r-rapport tat-18 ta' Ġunju 2018 dwar il-vjolenza online kontra n-nisa u l-bniet minn perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/38/47), ir-rapport tas-6 ta' Mejju 2020 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra l-ġurnalisti nisa (A/HRC/44/52) u r-rapport tal-24 ta' Lulju 2020 dwar l-intersezzjoni bejn il-pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) u l-pandemija tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, b'enfasi fuq il-vjolenza domestika u l-inizjattiva “paċi fid-dar”,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta' Diċembru 1993,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-10 ta' Diċembru 1984,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tat-18 ta' Diċembru 1979,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 35 tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa tal-14 ta' Lulju 2017 dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li taġġorna r-rakkomandazzjoni ġenerali Nru 19,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

    wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-18 ta' April 2011 dwar id-dritt tat-tfal li ma jkunu soġġetti għall-ebda forma ta' vjolenza,

    wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u, b'mod partikolari l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa fir-rapport dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti nisa online (OSKE) (17),

    wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Combating gender-based violence: Cyber violence – European added value asessment” (Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: Il-vjolenza ċibernetika – valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew),

    wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Cyber violence and hate speech online against women” (Il-vjolenza ċibernetika u d-diskors ta' mibegħda online kontra n-nisa),

    wara li kkunsidra l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (18),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (19),

    wara li kkunsidra Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta' teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta' data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (20),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-14 ta' Mejju 2020 bit-titolu “EU LGBTI II: A long way to go for LGBTI equality” (Stħarriġ dwar l-LGBTI II tal-UE: Fadal ħafna xi jsir għall-ugwaljanza tal-LGBTI) (21),

    wara li kkunsidra l-opinjoni legali tal-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li għandha l-għan li tiċċara l-inċertezza tad-dritt jekk u kif l-Unjoni tista' tikkonkludi u tirratifika l-Konvenzjoni, li saret fil-11 ta' Marzu 2021 (22),

    wara li kkunsidra l-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), inkluż iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità ta' din tal-aħħar, u l-Valutazzjoni tagħha tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 47 u 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0338/2021),

    A.

    billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali u objettiv ċentrali tal-Unjoni u għandha tiġi riflessa fil-politiki kollha tal-Unjoni; billi d-dritt għal trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni hija dritt fundamentali minqux fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-karta”); billi l-ewwel objettiv tal-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 jiffoka fuq it-tmiem tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u tiddeskrivih bħala “waħda mill-akbar sfidi għas-soċjetajiet tagħna”, peress li taffettwa lin-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, l-introjtu, l-isfond soċjali jew il-pajjiż ta' oriġini jew ta' residenza, u huwa wieħed mill-aktar ostakli serji għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

    B.

    billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u forom oħra ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru huma mifruxa fl-Unjoni u għandhom jinftiehmu bħala forma estrema ta' diskriminazzjoni li għandha impatt enormi fuq il-vittmi u l-familji u l-komunitajiet tagħhom u ksur tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri, li huma jikkontribwixxu biex jipperpetwaw u jsaħħu; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għandha l-għeruq tagħha fid-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel, fi strutturi u prattiki patrijarkali stabbiliti u normi tal-ġeneru, fis-sessiżmu u fl-istereotipi dannużi marbuta mal-ġeneru, u preġudizzji li wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet min-naħa tal-irġiel fid-diversità kollha tagħhom, inklużi l-persuni LGBTIQ;

    C.

    billi l-vjolenza kontra n-nisa għandha tinftiehem li tfisser l-atti kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jirriżultaw, jew li x'aktarx jirriżultaw f'dannu jew f'sofferenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika għan-nisa, inkluż it-theddid ta' tali atti, il-koerċizzjoni jew iċ-ċaħda arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan iseħħ fil-ħajja pubblika jew fil-ħajja privata jew jitwettaq online jew offline.

    D.

    billi n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom u l-persuni LGBTIQ jistgħu jkunu fil-mira ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru minħabba l-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom; billi forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza, il-lingwa, ir-reliġjon, it-twemmin, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali jew etnika, it-twelid, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, l-istat tas-saħħa, id-diżabilità, l-istat ċivili jew l-istat ta' migrant jew ta' rifuġjat, jistgħu jaggravaw il-konsegwenzi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; billi l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ tfakkar li kulħadd għandu dritt għas-sikurezza, kemm jekk f'daru, kif ukoll jekk fil-pubbliku jew online;

    E.

    billi l-Istħarriġ II tal-Unjoni dwar l-LGBTIQ imwettaq mill-FRA juri li 10 % tal-persuni LGBTIQ kienu esperjenzaw fastidju ċibernetiku minħabba li kienu LGBTIQ fis-sena ta' qabel l-istħarriġ, inkluż fuq il-media soċjali; billi l-persuni intersesswali u transgender huma affettwati b'mod sproporzjonat iżżejjed (16 %); billi l-adolexxenti bejn l-età ta' 15 u 17-il sena kienu l-grupp li l-aktar esperjenzaw fastidju ċibernetiku minħabba li kienu LGBTIQ (15 %), meta mqabbla ma' gruppi ta' età oħra (7 % - 12 %);

    F.

    billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħha u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jippreżentaw forom u manifestazzjonijiet differenti iżda mhux reċiprokament esklużivi; billi l-vjolenza online spiss tkun interkonnessa mal-vjolenza offline u inseparabbli minnha minħabba li tal-ewwel tista' tippreċedi, takkumpanja jew tkompli fuq it-tieni; billi l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha għalhekk tinftiehem bħala continuum ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru offline fl-ambjent online;

    G.

    billi l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “Combating gender-based violence: Cyber violence – European added value asessment” (Il-Ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: Il-vjolenza ċibernetika – valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew) jistma li bejn 4 u 7 % tan-nisa fl-Unjoni esperjenzaw fastidju ċibernetiku matul it-12-il xahar qabel il-valutazzjoni, filwaqt li bejn 1 u 3 % esperjenzaw cyberstalking; billi s-cyberstalking jieħu forom multipli u huwa l-aktar forma komuni ta' diskors ta' mibegħda waħdu jew ikkombinat u ilu wisq mhux rikonoxxut u li ma tteħditx azzjoni dwaru; billi l-istħarriġ tal-Fondazzjoni tal-World Wide Web li sar fl-2020 fost ir-rispondenti minn 180 pajjiż żvela li 52 % tat-tfajliet u l-bniet esperjenzaw abbuż online bħall-kondiviżjoni ta' immaġnijiet privati, videos jew messaġġi mingħajr il-kunsens tagħhom, messaġġi kattivi u umiljanti, lingwaġġ abbużiv u ta' thedded, fastidju sesswali u kontenut falz, u 64 % tar-rispondenti ddikjaraw li jafu lil xi ħadd li esperjenza dan;

    H.

    billi ż-żgħażagħ nisa u l-bniet huma f'riskju akbar li jiltaqgħu mal-vjolenza ċikernetika, b'mod partikolari l-fastidju ċibernetiku u l-bullying ċibernetiku; billi mill-inqas 12,5 % tal-każijiet ta' bullying fl-iskejjel huma online (23); billi ż-żgħażagħ issa huma dejjem aktar konnessi ma' networks soċjali f'età aktar bikrija; billi dawn il-forom ta' vjolenza jsaħħu l-piż tal-inugwaljanzi soċjali minħabba li ħafna drabi jkunu fill-mira ż-żgħażagħ l-aktar żvantaġġati; billi skont il-UNICEF, il-bniet jiġu ffastidjati darbtejn aktar mis-subien (24); billi skont dan l-istħarriġ, in-nisa huma aktar xettiċi fir-rigward tal-kumpaniji tat-teknoloġija li jużaw id-data tagħhom b'mod responsabbli;

    I.

    billi fl-2014, skont ir-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu “Violence against women: an EU-wide survey” (Il-vjolenza kontra n-nisa: Stħarriġ madwar l-UE kollha), 11 % tan-nisa kienu esperjenzaw fastidju ċibernetiku u 14 % kienu esperjenzaw stalking sa mill-età ta' 15-il sena fl-Unjoni;

    J.

    billi l-konnettività tal-internet u l-ħtieġa ta' aċċess għall-isfera pubblika diġitali qed isiru dejjem aktar meħtieġa għall-iżvilupp tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna; billi l-impjiegi jinvolvu dejjem aktar soluzzjonijiet diġitali li jwasslu għal riskju dejjem akbar ta' nisa li jħabbtu wiċċhom ma' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru meta jinvolvu ruħhom fis-suq tax-xogħol u fl-attività ekonomika, u jsiru dipendenti minnhom;

    K.

    billi ż-żieda fil-firxa tal-internet, it-tixrid rapidu tal-informazzjoni fuq il-mobile, u l-użu tal-media soċjali, flimkien mal-continuum ta' forom multipli, rikorrenti u interrelatati ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru wasslu għall-proliferazzjoni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; billi n-nisa u l-bniet li għandhom aċċess għall-internet iħabbtu wiċċhom ma' vjolenza online aktar spiss mill-irġiel; billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha nnota li teknoloġiji ġodda “inevitabbilment se jagħtu lok għal manifestazzjonijiet differenti u ġodda ta' vjolenza online kontra n-nisa”; billi l-innovazzjoni sseħħ b'pass li spiss ma jippermettix riflessjoni dwar il-konsegwenzi fit-tul tagħha u l-prevalenza ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru x'aktarx li tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin; billi hemm il-ħtieġa li jiġi vvalutat b'mod adegwat l-impatt tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fuq il-vittmi, u li jiġu mifhuma l-mekkaniżmi li jippermettu lill-awturi tar-reat ta’ dik il-forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jwettqu vjolenza, sabiex jiġu żgurati r-rimedju, l-obbligu ta' rendikont u l-prevenzjoni;

    L.

    billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (25), waħda minn kull tliet nisa madwar id-dinja jesperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali l-aktar minn sieħeb intimu; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru żdiedet matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-lockdowns aggravaw ir-riskju ta' vjolenza domestika u abbuż domestiku; billi l-użu akbar tal-internet matul il-pandemija tal-COVID-19 żied il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online u ffaċilitata mill-ICT, peress li s-sħab abbużivi u l-eks sħab jimmonitorjaw, isegwu u jheddu wkoll lill-vittmi tagħhom u jwettqu vjolenza b'għodod diġitali; billi dik il-vjolenza ċibernetika tista' tikkoinċidi mal-vjolenza fiżika u teskala għaliha jekk ma tiġix indirizzata minn kmieni; billi fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi (2020-2025), il-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-sitwazzjoni attwali bil-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat żieda fil-kriminalità ċibernetika bħal reati sesswali online u reati ta' mibegħda;

    M.

    billi l-aktar tipi komuni ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru huma reati bħall-fastidju ċibernetiku, is-cyberstalking, il-ksur tal-privatezza relatat mal-ICT, inkluż l-aċċess, it-teħid, ir-reġistrazzjoni, il-kondiviżjoni u l-ħolqien u l-manipulazzjoni ta' data jew immaġni, inkluża data intima, mingħajr kunsens, serq ta' identità u diskors ta' mibegħda online, kontroll koerċittiv permezz ta' sorveljanza diġitali u kontroll ta' komunikazzjonijiet permezz ta' apps stalkerware u spyware, u l-użu ta' mezzi teknoloġiċi għat-traffikar tal-bnedmin, inkluż għall-finijiet ta' sfruttament sesswali;

    N.

    billi l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru tista' titwettaq bl-użu ta' firxa ta' mezzi u għodod ta' komunikazzjoni online, inklużi l-media soċjali, il-kontenut tal-web, is-siti ta' diskussjoni, is-siti web tad-dating, it-taqsimiet tal-kummenti, u ċ-chat rooms tal-logħob; billi ħafna tipi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jistgħu jitwettqu b'faċilità u skala ferm akbar mill-forom fiżiċi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    O.

    billi xi Stati Membri adottaw liġijiet dwar xi forom speċifiċi biss ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u, għalhekk, għad hemm lakuni sinifikanti; billi attwalment ma hemm l-ebda definizzjoni komuni jew approċċ ta' politika effettiv għall-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fil-livell tal-Unjoni; billi tali nuqqas ta' definizzjoni armonizzata fil-livell tal-Unjoni twassal għal differenzi sinifikanti dwar kemm tiġi miġġielda u pprevenuta l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru mill-Istati Membri, u b'hekk tħalli disparitajiet u frammentazzjoni wiesgħa fil-protezzjoni li huma jikkonċedu, minkejja n-natura transfruntiera tar-reat; billi għalhekk hija meħtieġa definizzjoni legali armonizzata tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru biex tiġi żgurata konverġenza kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni;

    P.

    billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha, id-definizzjoni ta' “vjolenza online kontra n-nisa” testendi għal kwalunkwe att ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa li jitwettaq, jiġi assistit jew aggravat parzjalment jew kompletament bl-użu tal-ICT, bħall-mobiles u s-smartphones, l-internet, il-pjattaformi tal-media soċjali jew l-email, kontra mara minħabba li hija mara, jew jaffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat (26);

    Q.

    billi l-kriminalizzazzjoni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jista' jkollha effett deterrenti fuq l-awturi tar-reat minħabba l-biża' ta' penali jew l-għarfien li qed iwettqu reat;

    R.

    billi qed jitfaċċaw forom ġodda minħabba l-iżvilupp rapidu u l-użu ta' teknoloġiji u applikazzjonijiet diġitali; billi dawk il-forom differenti ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u fastidju ċibernetiku għandhom fil-mira l-gruppi tal-etajiet kollha, mill-età bikrija, sal-iskola u l-ħajja professjonali, sa snin aktar tard; billi l-potenzjal ta' vjolenza fl-isfera ċibernetika biex tiġi mmanifestata b'mod psikiku ma għandux jiġi injorat lanqas;

    S.

    billi skont l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), seba’ nisa minn kull għaxra għandhom esperjenzi ta' cyberstalking; billi l-istalkerware huwa software li jiffaċilita l-abbuż billi jippermetti li l-apparat ta' persuna jiġi mmonitorjat mingħajr il-kunsens tagħha u mingħajr ma l-attività ta' monitoraġġ issir magħrufa mis-sid tal-apparat, filwaqt li s-software jibqa' moħbi; billi l-istalkerware huwa legalment disponibbli għall-użu u x-xiri fl-Unjoni, ħafna drabi kkummerċjalizzat bħala software ta' kontroll mill-ġenituri;

    T.

    billi l-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġni spiss jiġi armat biex jagħti fastidju u jumilja lill-vittmi; billi d-“deepfakes” huma mod relattivament ġdid biex tiġi użata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, billi tiġi applikata l-intelliġenza artifiċjali biex in-nisa jiġu sfruttati, umiljati u ffastidjati;

    U.

    billi l-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġni u s-siti web li fuqhom jinxtered dan l-abbuż huma forma dejjem tikber ta' vjolenza mis-sieħeb intimu; billi l-konsegwenzi tal-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġni jistgħu jkunu sesswali, fis-sens li l-att sesswali jkun ġie rreġistrat jew imxerred mingħajr kunsens; psikoloġiċi, fir-rigward tal-impatt fuq il-vittmi li jkollhom il-ħajja privata tagħhom issir pubblika; u ekonomiċi, fis-sens li l-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġni potenzjalment jaf jikkomprometti l-ħajja professjonali attwali u futura tal-vittmi;

    V.

    billi hemm riskju akbar li l-videos intimi u sesswali mhux kunsenswali tan-nisa jinxterdu fuq siti web pornografiċi u li jinxterdu għal benefiċċju monetarju; billi t-tixrid ta' kontenut privat online mingħajr il-kunsens tal-vittma u, partikolarment, ta' abbuż sesswali jġib element trawmatiku addizzjonali għall-vjolenza, spiss b'konsegwenzi drammatiċi, inkluż is-suwiċidju;

    W.

    billi t-tfajliet u l-bniet b'mod partikolari, qed jiġu soġġetti għal vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru li tinvolvi l-użu ta' teknoloġiji ġodda, inklużi l-fastidju ċibernetiku u s-cyberstalking permezz ta' theddid ta' stupru, theddid ta' mewt, vjolazzjonijiet tal-privatezza relatati mal-ICT, u l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni u ritratti privati;

    X.

    billi, fil-preżent, 15-il Stat Membru ma jinkludux l-identità tal-ġeneru fil-leġiżlazzjoni dwar id-diskors ta' mibegħda; billi l-Kummissjoni impenjat ruħha fl-Istrateġija tal-Unjoni għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 u fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 biex tippreżenta inizjattiva bil-għan li testendi l-oqsma ta' kriminalità fejn l-armonizzazzjoni hija possibbli għal forom speċifiċi biex tinkludi forom speċifiċi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru f'konformità mal-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

    Y.

    billi l-istatistika msemmija f'din ir-riżoluzzjoni turi li d-diskors ta' mibegħda kontra l-persuni LGBTIQ huwa komuni b'mod pervażiv, b'mod partikolari online, u li hemm nuqqas ta' liġijiet notevoli f'uħud mill-Istati Membri għall-prevenzjoni, l-indirizzar u s-sanzjoni ta' tali forom ta' abbuż online;

    Z.

    billi fl-2017 l-Unjoni ffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-Nisa u l-vjolenza domestika (il-konvenzjoni ta' Istanbul), li tibqa' l-parametru referenzjarju għall-istandards internazzjonali għall-qerda tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u l-konklużjoni tal-adeżjoni tal-UE ma' dik il-Konvenzjoni hija prijorità ewlenija għall-Kummissjoni;

    AA.

    billi, sabiex tiġi eliminata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, huwa meħtieġ li wieħed joqgħod fuq data amministrattiva konsistenti, tanġibbli, rappreżentattiva u komparabbli, ibbażata fuq qafas robust u koordinat ta' ġbir ta' data; billi hemm nuqqas ta' data diżaggregata komprensiva u komparabbli dwar il-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-kawżi fl-għeruq tagħha; billi minkejja sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar dan il-fenomenu, in-nuqqas ta' ġbir ta' data dwar kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru jipprevjeni valutazzjoni preċiża tal-prevalenza tagħha; billi dan in-nuqqas ta' data disponibbli huwa marbut mas-sottorappurtar ta' każijiet ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul u d-Direttiva 2012/29/UE jirrikjedu li l-Istati Membri jirrappurtaw data statistika u jipproduċu data diżaggregata skont il-ġeneru;

    AB.

    billi r-rispons tas-settur tal-ġustizzja kriminali għall-vittmi tal-vjolenza ċibernetika għadu lura, u dan juri nuqqas ta' fehim u kuxjenza tas-serjetà ta' dawn ir-reati u jiskoraġġixxi r-rappurtar f'ħafna Stati Membri; billi jekk l-uffiċjali tal-pulizija jkunu mgħammra bil-ħiliet personali biex jisimgħu bir-reqqa, jifhmu u jirrispettaw lill-vittmi tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, dawn ikunu jistgħu jgħinu biex jindirizzaw is-sottorappurtar u r-rivittimizzazzjoni; billi l-iżgurar ta' proċeduri u mekkaniżmi ta' rapportar aċċessibbli, kif ukoll ta' rimedji, huwa indispensabbli għall-promozzjoni ta' ambjent aktar sikur għall-vittmi kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi għandha tkun disponibbli informazzjoni għall-vittmi tal-vjolenza ċibernetika fir-rigward ta' kif u lil min għandhom jikkuntattjaw fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi kif ukoll fir-rigward tar-rimedji disponibbli biex jgħinuhom f'sitwazzjonijiet ta' tbatija;

    AC.

    billi ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol, il-Eurojust u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) wettqu riċerka dwar il-kriminalità ċibernetika online; billi xi nisa u persuni LGBTIQ, bħall-attivisti femministi u LGBTIQ, attivisti, artisti, politiċi, nisa f'karigi pubbliċi, ġurnalisti, bloggers, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u figuri pubbliċi oħra huma partikolarment affettwati mill-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, u billi dan qed jikkawżalhom mhux biss ħsara għar-reputazzjoni, dannu psikoloġiku u tbatija iżda wkoll jista' jwassal għal tfixkil fis-sitwazzjoni tal-għajxien tal-vittma, invażjonijiet tal-privatezza, kuntest fejn il-vittma tiġi msikkta mill-ambjent online jew tevitah, u dannu għar-relazzjonijiet personali u deterrent għalihom milli jipparteċipaw b'mod diġitali fil-ħajja politika, soċjali u kulturali;

    AD.

    billi l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru spiss twassal għall-awtoċensura u din is-sitwazzjoni jista' jkollha impatt detrimentali fuq il-ħajja professjonali u r-reputazzjoni tal-vittmi tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; billi n-natura vjolenti u abbażi tal-ġeneru tat-theddid ħafna drabi ġġegħelhom jirrikorru għall-użu ta' psewdonimi, iżommu profili online baxxi, jiddeċiedu li jissospendu, jiddiżattivaw jew ineħħu b'mod permanenti l-kontijiet online tagħhom, jew saħansitra li jħallu kompletament il-professjoni tagħhom; billi dan jista' joħnoq l-ilħna u l-opinjonijiet tan-nisa u jiggrava l-inugwaljanza diġà preżenti bejn il-ġeneri fil-ħajja politika, soċjali u kulturali; billi l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru dejjem tikber li qed iħabbtu wiċċhom magħha n-nisa tista' żżommhom milli jipparteċipaw aktar fis-settur diġitali nnifsu, u b'hekk jiġu kkonsolidati l-kunċett, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni abbażi tal-ġeneru ta' teknoloġiji ġodda u tiġi kkawżata r-replikazzjoni ta' prattiki diskriminatorji eżistenti u stereotipi li jikkontribwixxu għan-normalizzazzjoni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    AE.

    billi l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha impatt dirett fuq is-saħħa u l-benesseri sesswali, fiżiċi u psikoloġiċi tan-nisa u għandha impatt soċjali u ekonomiku negattiv; billi l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-vittmi li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom, ħaġa li, għalhekk, għandha konsegwenzi serji għas-soċjetà u d-demokrazija b'mod globali;

    AF.

    billi l-impatt ekonomiku detrimentali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa mentali li tikkawża jista' jkollhom impatt qawwi fuq il-vittmi, inkluża l-kapaċità tagħhom li jfittxu impjieg, u tista' toħloq piż finanzjarju; billi l-impatt ekonomiku tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru jista' jinkludi impatt fuq l-impjiegi, bħal preżenza aktar baxxa fuq ix-xogħol, riskju li l-istatus tal-impjieg jiġi kompromess, inkluż riskju ta' telf ta' impjieg jew produttività aktar baxxa; billi l-impatt fuq is-saħħa mentali tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jista' jkun kumpless u fit-tul; billi l-impatt fuq is-saħħa mentali tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, bħall-ansjetà, id-dipressjoni u s-sintomi kontinwi ta' wara t-trawma, għandu implikazzjonijiet interpersonali, soċjali, legali, ekonomiċi u politiċi detrimentali u fl-aħħar mill-aħħar jaffettwa l-għajxien u l-identità taż-żgħażagħ; billi xi wħud minn dawn l-impatti jikkombinaw forom oħra ta' diskriminazzjoni, u jaggravaw forom ta' diskriminazzjoni u inugwaljanzi eżistenti;

    AG.

    billi skont l-istudju tal-EPRS intitolat “Combating gender-based violence: Cyber violence – European added value assessment” (Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru: Il-vjolenza ċibernetika – valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew) l-ispejjeż globali tal-fastidju ċibernetiku u s-cyberstalking huma stmati li jiswew bejn EUR 49 u EUR 89,3 biljun, bl-akbar kategorija ta' spejjeż tkun il-valur tat-telf f'termini ta' kwalità tal-ħajja, u dan kien jammonta għal aktar minn nofs l-ispejjeż ġenerali (madwar 60 % għall-fastidju ċibernetiku u madwar 50 % għas-cyberstalking);

    AH.

    billi l-prevenzjoni, speċjalment permezz tal-edukazzjoni, inklużi l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali, trid tkun element ewlieni ta' kwalunkwe politika pubblika li għandha l-għan li tindirizza l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    1.

    Jissottolinja li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru hija kontinwazzjoni ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru offline u li l-ebda alternattiva ta' politika ma tkun effettiva sakemm ma tqisx din ir-realtà; jisħaq li l-atti legali eżistenti tal-Unjoni ma jipprevedux il-mekkaniżmi meħtieġa biex tiġi indirizzata b'mod adegwat il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jifformulaw u jimplimentaw miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, jindirizzaw il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u jinkludu l-vuċi tal-vittmi tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fl-istrateġiji biex jindirizzawha, billi jgħaqqduhom ma' inizjattivi biex jeqirdu l-istereotipi marbuta mal-ġeneru, l-attitudnijiet sessisti u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa; jisħaq li dawn il-proposti futuri għandhom jaħdmu f'konformità ma' dawk eżistenti bħall-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, kif ukoll atti legali diġà fis-seħħ, bħad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) u d-Direttiva 2012/29/UE;

    2.

    Ifakkar li m'hemmx definizzjoni komuni ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, u dan iwassal għal differenzi sinifikanti fir-rigward tal-punt sa fejn l-Istati Membri jipprevenuha u jindirizzawha, u b'hekk iħallu disparitajiet kbar fil-protezzjoni, fl-appoġġ u fil-kumpens tal-vittmi fost l-Istati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefinixxu u jadottaw definizzjoni komuni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru li tiffaċilita l-ħidma ta' analiżi tad-diversi forom ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u l-ġlieda kontriha u b'hekk jiġi żgurat li l-vittmi tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja u għas-servizzi ta' appoġġ speċjalizzati;

    3.

    Jisħaq li l-kunċett ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru ma jistax ikun limitat għall-użu ta' sistemi tal-kompjuter, iżda għandu jibqa' wiesa', u b'hekk ikopri l-użu tal-ICT biex jikkawża, jiffaċilita jew jhedded il-vjolenza kontra individwi;

    4.

    Jilqa' l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, li tressqet mill-Kummissjoni bħala għodda biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa fid-diversità kollha tagħha, u biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tagħha; jissottolinja li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha għeruq profondi fid-dinamika tal-poter, fl-iżbilanċi ekonomiċi u fin-normi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-kawżi fl-għeruq tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u jindirizzaw ir-rwoli tal-ġeneru u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru li jagħmlu l-vjolenza kontra n-nisa aċċettabbli;

    5.

    Jistieden lill-Istati Membri jallokaw riżorsi umani u finanzjarji xierqa lill-korpi ta' governanza nazzjonali, reġjonali u lokali, u lill-għajnuna legali, il-kura tas-saħħa, b'mod partikolari s-saħħa mentali, u l-istituzzjonijiet tal-protezzjoni soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, biex b'mod effettiv jgħinu fil-prevenzjoni u l-protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tiġi indirizzata wkoll il-vjolenza ċibernetika, inklużi l-forom li tieħu permezz tal-industrija tas-sess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtemmu l-industrija tal-pornografija mibnija fuq il-bażi tat-traffikar tal-persuni għas-sess, l-istupru u forom oħra ta' attakk u abbuż tan-nisa u tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-misoġinija fil-forom ta' diskors ta' mibegħda, u l-attakki misoġinistiċi fir-reati ta' mibegħda;

    7.

    Jenfasizza li d-diskriminazzjoni sistemika u soċjali, inkluża d-diskriminazzjoni tal-ġeneru, id-diskriminazzjoni razzjali u ekonomika, huma riprodotti u aggravati online; ifakkar li dawn il-forom ta' diskriminazzjoni jinkroċjaw ruħhom, u dan jirriżulta f'konsegwenzi aktar estremi għal persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħal nisa migranti, nisa li jappartjenu għal komunitajiet etniċi jew reliġjużi, nisa b'diversità funzjonali, persuni LGBTIQ u adolexxenti;

    8.

    Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni fl-ambitu tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 li testendi l-lista ta' “reati tal-UE” skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE biex tkopri r-reati ta' mibegħda u d-diskorsi ta' mibegħda, inkluż meta jkunu mmirati lejn persuni LGBTIQ;

    9.

    Jissottolinja l-urġenza li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jistieden lill-Kummissjoni tqis dan l-approċċ fil-proposta futura tagħha;

    10.

    Jenfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 irriżultat f'żieda drammatika ta' vjolenza u abbuż mis-sħab intimi, li ssejħet “shadow pandemic” u li tinkludi vjolenza fiżika, psikoloġika, sesswali u ekonomika u d-dimensjoni online tagħhom, minħabba li ħafna aktar mill-ħajja soċjali tal-persuni ċċaqalqu online u l-vittmi ġew sfurzati jqattgħu aktar ħin mal-awturi tar-reati, b'tendenza li jkunu aktar iżolati min-networks ta' appoġġ; jenfasizza wkoll li matul il-lockdowns tal-COVID-19, ħafna persuni LGBTIQ ġew soġġetti għal fastidju jew abbuż jew ġew esposti għal vjolenza, inkluż minn membri tal-familja, gwardjani legali jew koabitanti;

    11.

    Jisħaq li x-“shadow pandemic” għamlitha diffiċli għan-nisa biex jiksbu aċċess għal protezzjoni effettiva, servizzi ta' appoġġ u ġustizzja, u żvelat riżorsi u strutturi ta' appoġġ insuffiċjenti, u ħalliet bosta nisa mingħajr protezzjoni adegwata u f'waqtha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-assistenza li joffru permezz ta' postijiet ta' kenn, helplines u servizzi ta' appoġġ speċjalizzati għall-protezzjoni tal-vittmi u jiffaċilitaw ir-rimedju u l-prosekuzzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    12.

    Jesprimi tħassib rigward il-każijiet ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda relatati mal-inċitament għad-diskriminazzjoni jew vjolenza li seħħew matul il-pandemija tal-COVID-19 u li wasslu għall-istigmatizzazzjoni ta' persuni minn gruppi f'sitwazzjoni vulnerabbli;

    13.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi aktar dettaljata tal-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-forom kollha tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni bħall-FRA u l-Europol (28); ikompli jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa Protokoll tal-Unjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru fi żminijiet ta' kriżi u ta' emerġenza biex tinkludi servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi bħala “servizzi essenzjali” fl-Istati Membri;

    14.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwessgħu l-ambitu tad-diskors ta' mibegħda biex jinkludi d-diskors ta' mibegħda sessista;

    15.

    Jissottolinja n-natura tranżnazzjonali tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; jisħaq li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha implikazzjonijiet tranżnazzjonali addizzjonali meta wieħed iqis li l-użu tal-ICT għandu dimensjoni transfruntiera; jissottolinja li l-awturi tar-reati jużaw pjattaformi online jew mobiles konnessi ma' pajjiżi li mhumiex dawk li fihom jinsabu l-vittmi tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jew ospitati minn dawn il-pajjiżi; jenfasizza li l-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u d-diġitalizzazzjoni jafu jiġġeneraw forom ġodda ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, u li dan jista' jwassal biex l-awturi tar-reati ma jinżammux responsabbli; u b'hekk tissaħħaħ il-kultura tal-impunità;

    16.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u tal-istati Membri u l-aġenziji tagħhom tal-infurzar tal-liġi biex jikkooperaw u jieħdu passi konkreti sabiex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jindirizzaw vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    17.

    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi kkunsidrata s-sovrapożizzjoni bejn il-vjolenza ċibernetika u t-traffikar ta' bnedmin ibbażat fuq l-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet, speċjalment fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19; jissottolinja li s-sensibilizzazzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin online fuq il-media soċjali hija essenzjali biex jiġi prevenut li vittmi ġodda jidħlu fin-networks tat-traffikar; jissottolinja wkoll li l-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġni huwa ksur estrem tal-privatezza u jikkostitwixxi wkoll forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif muri fl-Irlanda f'Novembru 2020 meta għexieren ta' eluf ta' immaġnijiet sesswalment espliċiti tan-nisa u tal-bniet, saru pubbliċi mingħajr il-kunsens tagħhom; iħeġġeġ għalhekk bil-qawwa lill-Istati Membri biex jaġġornaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sabiex jinkludu l-abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġni jew kwalunkwe kondiviżjoni mhux kunsenswali ta' materjal intimu espliċitu fil-lista ta' reati sesswali, b'mod separat għall-każijiet li jinvolvu materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

    18.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw b'mod xieraq u effettiv leġiżlazzjoni nazzjonali adegwata, inkluża leġiżlazzjoni dwar il-ġustizzja kriminali, u politiki speċifiċi biex jippromwovu s-sensibilizzazzjoni u jistabbilixxu kampanji, taħriġ u programmi edukattivi, inkluż dwar l-edukazzjoni, il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali, li jkunu mmirati wkoll lejn ġenerazzjonijiet iżgħar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri f'dan ir-rigward;

    19.

    Jenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kurrikuli tal-edukazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fl-għeruq tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru billi jitneħħew l-istereotipi marbuta mal-ġeneru u jinbidlu l-attitudnijiet soċjali u kulturali li jwasslu għal normi soċjali u tal-ġeneru dannużi; jissottolinja r-rwol ta' professjonisti kwalifikati tat-taħriġ, bħall-persunal edukattiv, biex jappoġġjaw lill-istudenti fi kwistjonijiet relatati mal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u l-importanza li jsir investiment fihom; jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-edukazzjoni tas-subien u l-irġiel;

    20.

    Jistieden lill-Istati Membri jfasslu politiki u programmi biex jappoġġjaw u jiżguraw il-kumpens għall-vittmi u jieħdu miżuri xierqa kontra l-impunità tal-awturi ta' tali atti, inkluż billi jikkunsidraw li jirrevedu u jemendaw il-liġi nazzjonali tagħhom dwar id-digrieti ġudizzjarji sabiex jinkludu l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru bħala wieħed mill-modi li bihom jista' jinkiser digriet ġudizzjarju;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu network ta' punti ta' kuntatt nazzjonali u inizjattivi biex itejbu l-approssimazzjoni tar-regoli u jsaħħu l-infurzar tar-regoli eżistenti biex jindirizzaw il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; ifakkar li l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kriminalità ċibernetika, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali u l-Konvenzjoni ta' Istanbul jirrikjedu l-kriminalizzazzjoni ta' mġiba speċifika li tinkludi jew tinvolvi vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, bħall-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament adegwat għall-organizzazzjonijiet ta' promozzjoni u għall-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-vittmi; jenfasizza l-importanza tar-riċerka dwar il-fenomenu tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-fondi bħal dawk iddedikati għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u għall-ġlieda kontra l-istereotipi marbuta tal-ġeneru;

    23.

    Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu bini tal-kapaċitajiet, edukazzjoni u taħriġ għall-professjonisti rilevanti kollha li jkunu obbligatorji, kontinwi u reattivi għall-kwistjonijiet ta' ġeneru, b'mod partikolari għall-awtoritajiet tal-ġustizzja u tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fl-istadji kollha, biex jgħammruhom b'għarfien dwar il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u dwar kif jifhmu aħjar u jieħdu ħsieb il-vittmi, b'mod partikolari dawk li jiddeċiedu li jressqu lmenti, sabiex tiġi evitata kwalunkwe vittimizzazzjoni sekondarja u trawmatizzazzjoni mill-ġdid; jisħaq wkoll fuq il-ħtieġa li jingħata taħriġ fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    24.

    Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu pprovduti servizzi ta' appoġġ, linji telefoniċi ta' għajnuna, mekkaniżmi ta' rappurtar aċċessibbli u rimedji li għandhom l-għan li jipproteġu u jappoġġjaw lill-vittmi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Unjoni, biex jiżviluppaw direttorju armonizzat, faċli għall-utent, aċċessibbli u aġġornat regolarment ta' servizzi ta' appoġġ, linji telefoniċi ta' għajnuna u mekkaniżmi ta' rappurtar disponibbli f'każijiet individwali ta' vjolenza ċibernetika kontra n-nisa, li jistgħu jkunu disponibbli fuq pjattaforma unika, li tista' tinkludi wkoll informazzjoni dwar l-appoġġ disponibbli għal forom oħra ta' vjolenza kontra n-nisa; jinnota li l-problema tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru probabbilment hija aktar sinifikanti minn dik indikata bħalissa mid-data minħabba s-sottorappurtar u n-normalizzazzjoni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    25.

    Jissottolinja l-importanza tal-media u tal-media soċjali għas-sensibilizzazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni u promozzjoni biex tindirizza l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fil-forom kollha tagħha u biex tgħin ħalli jiġi żgurat spazju pubbliku diġitali sikur għal kulħadd; iqis li kampanja ta' sensibilizzazzjoni fl-Unjoni kollha dwar il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha tinkludi, fost affarijiet oħra, informazzjoni mmirata lejn l-edukazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ tal-Unjoni dwar kif jirrikonoxxu u jirrappurtaw forom ta' vjolenza ċibernetika u dwar id-drittijiet diġitali; jinnota li n-nisa żgħażagħ huma partikolarment fil-mira tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u jitlob ukoll, f'dak ir-rigward, l-iżvilupp ta' inizjattivi ta' prevenzjoni u ta' sensibilizzazzjoni speċifiċi (29);

    27.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema affidabbli għall-ġbir regolari ta' data statistika diżaggregata, komparabbli u rilevanti dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza ċibernetika, u l-prevalenza, id-dinamika u l-konsegwenzi tagħha, u biex jiġu żviluppati indikaturi għall-kejl tal-progress fl-Unjoni kollha; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tinġabar data komprensiva, diżaggregata u komparabbli, inkluża data xjentifika, sabiex titkejjel l-iskala tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, jinstabu soluzzjonijiet u jitkejjel il-progress; jistieden lill-Istati Membri jiġbru u jipprovdu d-data rilevanti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu użu mill-kapaċità u l-għarfien espert tal-EIGE, il-Eurostat, il-FRA, il-Europol, il-Eurojust u l-ENISA; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li twettaq stħarriġ mifrux madwar l-Unjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu ppreżentati fl-2023;

    28.

    Jinnota li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jista' jkollha impatt wiesa' b'konsegwenzi severi u tul il-ħajja fuq il-vittmi, bħal impatt fiżjoloġiku u impatt fuq is-saħħa mentali, inklużi l-istress, il-problemi ta' konċentrazzjoni, l-ansjetà, l-attakki ta' paniku, stima personali baxxa, depressjoni, disturb ta' stress post-trawmatiku, iżolament soċjali, nuqqas ta' fiduċja u nuqqas ta' sens ta' kontroll, biża', ħsara personali u ħsibijiet ta' suwiċidju;

    29.

    Jirrimarka li l-impatt tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fuq il-vittmi jista' jwassal għal ħsara fir-reputazzjoni, problemi fiżiċi u mediċi, tfixkil fis-sitwazzjoni tal-għajxien tal-vittma, ksur tad-dritt għall-privatezza u l-irtirar minn ambjenti online u offline; jissottolinja li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jista' jkollha wkoll impatti ekonomiċi ta' ħsara f'termini ta' preżenza aktar baxxa fuq il-post tax-xogħol, riskju ta' telf ta' impjiegi, telf fil-kapaċità ta' tiftix ta' impjieg u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, u jissottolinja li xi wħud minn dawn l-impatti jikkombinaw forom oħra ta' diskriminazzjoni li jiffaċċjaw in-nisa u l-persuni LGBTIQ fis-suq tax-xogħol;

    30.

    Jinsab imħasseb dwar l-effett li l-impatt fuq is-saħħa mentali jista' jkollu b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ, li mhux biss jista' jikkawża tnaqqis detrimentali b'mod sinifikanti fl-edukazzjoni tagħhom, iżda wkoll l-irtirar tagħhom mill-ħajja soċjali u pubblika, inkluż l-iżolament mill-familji tagħhom;

    31.

    Jissottolinja li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru tiġġenera konsegwenzi psikoloġiċi, soċjali u ekonomiċi negattivi fuq ħajjet in-nisa u l-bniet, kemm online kif ukoll offline; jinnota li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru taffettwa lin-nisa u lill-bniet b'modi differenti bħala konsegwenza ta' forom ta' diskriminazzjoni li jikkoinċidu bbażati, minbarra fuq il-ġeneru tagħhom, fuq, fost l-oħrajn, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, ir-razza, ir-reliġjon jew id-diżabilità tagħhom, u jfakkar li approċċ intersezzjonali huwa kruċjali għall-fehim ta' dawk il-forom speċifiċi ta' diskriminazzjoni;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-forom intersezzjonali ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru li jistgħu jaffettwaw lin-nisa u l-bniet li jappartjenu għal gruppi li jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli, bħal dawk li jappartjenu għal minoranzi etniċi, dawk b'diżabilità u l-persuni LGBTIQ; ifakkar li t-tikkettar tal-persuni LGBTIQ bħala “ideoloġija” qed jinfirex fil-komunikazzjoni online u offline u f'kampanji kontra l-hekk imsejħa “ideoloġija tal-ġeneru”; jenfasizza li l-femministi u l-attivisti LGBTIQ spiss ikunu fil-mira ta' kampanji ta' malafama, diskors ta' mibegħda online u bullying ċibernetiku;

    33.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi ta' appoġġ speċifiċi, b'xejn u aċċessibbli għal gruppi li jitqiegħdu f'sitwazzjoni vulnerabbli, inkluż appoġġ ta' emerġenza u fit-tul, bħall-appoġġ psikoloġiku, mediku, legali, prattiku u soċjoekonomiku, u programmi, b'mod partikolari dwar l-edukazzjoni, il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri f'dak ir-rigward;

    34.

    Jiddeplora l-fatt li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru qiegħda kull ma jmur issir aktar komuni u tnaqqas il-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-persuni LGBTIQ mill-ħajja u mid-dibattitu pubbliku li, b'konsegwenza ta' dan, tnawwar id-demokrazija tal-Unjoni u l-prinċipji tagħha u tipprevjenihom milli jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari l-libertà tal-kelma; jikkundanna wkoll il-fatt li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru twassal ukoll għaċ-ċensura; jiddispjaċih li tali “effett ta' tiskit” kien immirat b'mod partikolari fuq in-nisa attivisti, inklużi n-nisa u l-bniet femministi, l-attivisti LGBTIQ+, l-artisti, in-nisa fl-industriji ddominati mill-irġiel, il-ġurnalisti, il-politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-bloggers, bl-effett li tiġi skoraġġuta l-preżenza tan-nisa fil-ħajja pubblika, inkluż fl-isferi tal-politika u tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jinsab imħasseb li l-effett dissważiv ikkawżat mill-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru spiss jinxtered fir-realtà offline u li n-normalizzazzjoni tal-vjolenza online lejn in-nisa li jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku tikkontribwixxi b'mod attiv għas-sottorappurtar ta' dawk ir-reati u tillimita l-involviment tan-nisa żgħażagħ b'mod partikolari;

    35.

    Ifakkar fiż-żieda tal-misoġenija, il-movimenti kontra l-ġeneru u kontra l-femministi u l-attakki tagħhom fuq id-drittijiet tan-nisa;

    36.

    Ifakkar li n-normi u l-istereotipi tal-ġeneru huma fil-qalba tad-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru; jisħaq fuq l-impatt tar-rappreżentazzjoni tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru fil-media u permezz tar-reklamar fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-mezzi u lill-kumpaniji tal-media jsaħħu l-mekkaniżmi awtoregolatorji u l-kodiċijiet ta' kondotta biex jiġu kkundannati u miġġielda r-reklamar sessista u l-kontenut tal-media, bħall-immaġnijiet u lingwaġġ sessista, il-prattiki sessisti u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru;

    37.

    Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-awturi ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru huma rġiel; jissottolinja r-rwol essenzjali tal-edukazzjoni fl-età bikrija biex jiġu promossi u indirizzati l-istatus ugwali u r-relazzjoni tal-poter bejn l-irġiel u n-nisa u bejn is-subien u l-bniet, u jiġu eliminati l-preġudizzji u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru li jwasslu għal normi soċjali dannużi tal-ġeneri; jinsab imħasseb ukoll għall-fatt li l-vjolenza tal-irġiel kontra n-nisa spiss tibda bil-vjolenza tas-subien kontra l-bniet; ifakkar li l-lingwaġġ, il-kurrikuli u l-kotba użati fl-iskejjel jistgħu jsaħħu l-isterjotipi marbuta mal-ġeneru u jfakkar ukoll fl-importanza tal-edukazzjoni fil-ħiliet diġitali, bħall-iġjene ċibernetika u n-netiquette, kif ukoll l-użu rispettuż tat-teknoloġija mill-irġiel u s-subien u dwar kif iġibu ruħhom lejn in-nisa u l-bniet online, u biex jiżguraw il-libertà ta' espressjoni u l-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa fid-diskors pubbliku; jistieden f'dak ir-rigward lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji biex jiġu miġġielda l-istereotipi marbuta mal-ġeneru fl-edukazzjoni permezz ta' taħriġ pedagoġiku u b'rieżami tal-kurrikuli, tal-materjali u tal-prattiki pedagoġiċi;

    38.

    Jenfasizza li n-nisa, il-bniet u l-persuni LGBTIQ iħabbtu wiċċhom ma' bosta ostakli biex jidħlu fl-oqsma tal-ICT u dawk diġitali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li d-differenza bejn il-ġeneri teżisti fl-oqsma kollha tat-teknoloġija diġitali, inklużi teknoloġiji ġodda bħall-IA, u huwa mħasseb b'mod partikolari dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-qasam tal-innovazzjoni u r-riċerka teknoloġika; jenfasizza li wieħed mill-punti ta' dgħjufija l-aktar kritiċi tal-IA jikkonċerna ċerti tipi ta' preġudizzju bħall-ġeneru, l-età, id-diżabilità, ir-reliġjon, l-oriġini razzjali jew etnika, l-isfond soċjali jew l-orjentazzjoni sesswali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-miżuri biex jindirizzaw tali preġudizzji, b'mod speċifiku billi jindirizzaw id-differenza bejn il-ġeneri fis-settur u jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali;

    39.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-involviment tan-nisa fis-settur tal-ICT u jippromwovu l-karrieri għan-nisa f'dak is-settur billi jipprovdu biżżejjed inċentivi fil-pjanijiet ta' azzjoni jew fil-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali tagħhom dwar il-ġeneru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw id-differenza bejn il-ġeneri fis-setturi tal-ICT u tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) permezz tal-edukazzjoni, kampanji ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ professjonali, finanzjament xieraq, il-promozzjoni tar-rappreżentanza tan-nisa f'dawk is-setturi, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, opportunitajiet indaqs, ambjenti tax-xogħol sikuri u abilitanti, inklużi politiki ta' fastidju sesswali u morali b'tolleranza żero;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni xierqa tad-Direttiva 2011/93/UE biex titqajjem sensibilizzazzjoni u jitnaqqas ir-riskju li t-tfal isiru vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali online;

    41.

    Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni, fl-istrateġija reċenti tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi, li tniedi network tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u li tieħu azzjonijiet biex tipproteġi s-sikurezza tal-vittmi taċ-ċiberkriminalità abbażi tal-ġeneru billi tiffaċilita l-iżvilupp ta' qafas għall-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi tal-internet u partijiet ikkonċernati oħra;

    42.

    Jieħu nota tat-talba, mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel għal leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza online fil-konfront tan-nisa;

    43.

    Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu protetti, mogħtija s-setgħa u appoġġjati l-vittmi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, u li tiġi żgurata r-reparazzjoni fil-konfront tal-vittmi u l-għoti ta' aċċess ugwali għall-ġustizzja, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta' konsulenza psikoloġika u legali, aċċessibbli għall-vittmi kollha tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw taħriġ ta' kwalità b'approċċ sensittiv għall-ġeneru għall-prattikanti u professjonisti oħra, inkluż il-persunal tas-servizzi soċjali, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali tal-ġustizzja u l-persunal edukattiv, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    45.

    Ifakkar fl-importanza, f'dak il-kuntest, li l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili jingħataw ir-riżorsi finanzjarji u umani biex jipprovdu servizzi ta' appoġġ, bħal pariri legali u appoġġ psikoloġiku, u konsulenza;

    46.

    Jistieden lill-Istati Membri jaraw li s-servizzi ta' appoġġ, inklużi l-konsulenza legali u psikoloġika, ikunu aċċessibbli għall-vittmi kollha, jistabbilixxu protokoll ċar ta' għajnuna għall-vittmi tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u jipprevjenu aktar ħsara u vittimizzazzjoni mill-ġdid u jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess immedjat għall-ġustizzja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' sensibilizzazzjoni fost il-vittmi dwar is-servizzi ta' appoġġ disponibbli; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jxerrdu informazzjoni aċċessibbli dwar il-perkorsi legali u s-servizzi ta' appoġġ disponibbli għall-vittmi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u joħolqu mekkaniżmi ta' lmenti li huma faċilment u immedjatament aċċessibbli għall-vittmi, inkluż bil-mezzi diġitali;

    47.

    Jinsab imħasseb dwar il-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija biex jiġi ffaċilitat l-abbuż, b'mod partikolari l-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer tal-istalkerware; jirrifjuta l-kunċett li l-applikazzjonijiet tal-istalkerware jistgħu jiġu kkunsidrati bħala applikazzjonijiet ta' kontroll mill-ġenituri;

    48.

    Jissottolinja r-rwol importanti li l-pjattaformi online jridu jkollhom fl-indirizzar tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u l-ġlieda kontriha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jikkooperaw ma' pjattaformi online biex jadottaw miżuri biex jiżguraw mekkaniżmi ta' rappurtar f'waqthom u aċċessibbli fil-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika u biex jiżguraw is-sikurezza online, il-privatezza online tan-nisa u mekkaniżmi ta' rimedju xierqa;

    49.

    Jitlob kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji tat-teknoloġija u l-fornituri tas-servizzi, li għandhom ikunu f'konformità sħiħa mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-vittmi jiġu salvagwardjati u protetti;

    50.

    Jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, li għandha l-għan li toħloq spazju diġitali aktar sikur, u f'konformità mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, li fihom id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma protetti;

    51.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill jikkonkludi b'urġenza l-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-Unjoni abbażi ta' adeżjoni wiesgħa mingħajr l-ebda limitazzjoni u jippromwovi r-ratifika, l-implimentazzjoni rapida u xierqa, u l-infurzar tagħha min-naħa tal-Istati Membri kollha; jesprimi dispjaċir għall-fatt li sal-lum 21 Stat Membru tal-UE biss irratifikawha u jistieden lill-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lill-Ungerija, lil-Latvja, lil-Litwanja u lis-Slovakkja jirratifikaw il-Konvenzjoni;

    52.

    Jissottolinja li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija l-aktar trattat internazzjonali komprensiv li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru f'kull forma tagħha, u jiżgura azzjoni leġiżlattiva fir-rigward kemm fuq il-vjolenza abbażi tal-ġeneru online kif ukoll offline, u għandha titqies bħala standard minimu; jikkundanna bil-qawwa t-tentattivi minn xi Stati Membri li jiskreditaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul u li jreġġgħu lura l-progress li sar fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jisħaq fuq l-importanza li l-Konvenzjoni tiġi implimentata b'mod effettiv madwar l-Unjoni u jfakkar li n-nuqqas li tiġi konkluża r-ratifika tagħha jdgħajjef il-kredibilità tal-Unjoni; jenfasizza li din is-sejħa ma tneħħi xejn mis-sejħa għall-adozzjoni ta' att legali tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru iżda, pjuttost, tikkomplementaha; ifakkar li miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom fi kwalunkwe każ ikunu koerenti mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul u għandhom ikunu komplementari għar-ratifika tagħha; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Unjoni jadottaw aktar miżuri, inklużi miżuri leġiżlattivi vinkolanti, biex jiġu miġġielda dawk il-forom ta' vjolenza fil-qafas tad-direttiva li jmiss dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    53.

    Jafferma bil-qawwa l-impenn tiegħu, kif diġà esprima qabel, li jindirizza l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u jtenni t-talba tiegħu rigward il-ħtieġa għal direttiva komprensiva li tkopri kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inklużi l-ksur tad-drittijiet tas-saħħa u dawk riproduttivi tan-nisa, il-vjolenza ċibernetika u l-isfruttament sesswali u l-abbuż kif ukoll l-obbligi għall-prevenzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni tal-awturi tar-reat, biex jiġu protetti l-vittmi u x-xhieda, u biex tinġabar id-data, bħala l-aħjar mod biex tintemm il-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    54.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża d-direttiva li jmiss biex tikkriminalizza l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, bħala pedament għall-armonizzazzjoni ta' atti legali eżistenti u futuri;

    55.

    Jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawżola passerelle billi jadotta deċiżjoni li tidentifika l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ta' kriminalità partikolarment serju b'dimensjoni transfruntiera skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

    56.

    Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien żejjed, bħala parti mill-proposta leġiżlattiva li jmiss u abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, proposta għal att li jistabbilixxi miżuri għall-ġlieda kontra l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru skont ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan l-abbozz ta' rapport; jindika li dik il-proposta ma għandhiex iddgħajjef l-isforzi biex tiġi identifikata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità partikolarment serju b'dimensjoni transfruntiera skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE, jew kwalunkwe att legali derivat dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru kif mitlub mill-Parlament fis-sejħiet preċedenti tiegħu;

    57.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

    (1)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 208.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0296.

    (3)  ĠU C 474, 24.11.2021, p. 140.

    (4)  ĠU C 465, 17.11.2021, p. 30.

    (5)  ĠU C 465, 17.11.2021, p. 160.

    (6)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 191.

    (7)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 232.

    (8)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 28.

    (9)  ĠU C 316, 6.8.2021, p. 2.

    (10)  ĠU C 232, 16.6.2021, p. 48.

    (11)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 102;

    (12)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 31.

    (13)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 28.

    (14)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 192.

    (15)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 29.

    (16)  ĠU C 337, 20.9.2018, p. 167.

    (17)  https://www.osce.org/files/f/documents/2/9/468861_0.pdf

    (18)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.

    (19)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

    (20)  ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41.

    (21)  https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2020-lgbti-equality-1_en.pdf

    (22)  https://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf?docid=238745&doclang=mt

    (23)  https://www.ohchr.org/EN/Issues/Women/SRWomen/Pages/OnlineViolence.aspx

    (24)  https://www.coe.int/en/web/campaign-free-to-speak-safe-to-learn/-/bullying-perspectives-practices-and-insights-2017-

    (25)  https://www.who.int/publications/i/item/9789240022256

    (26)  Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha tat-18 ta' Ġunju 2018 fuq il-vjolenza online kontra n-nisa u l-bniet minn perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/38/47(2018).

    (27)  Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI ( ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1 ).

    (28)  https://www.europol.europa.eu/publications-documents/pandemic-profiteering-how-criminals-exploit-covid-19-crisis

    (29)  Ir-rapport tal-FRA tat-3 ta' Marzu 2014 bit-titolu “Violence against women: an EU-wide survey” (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha).


    ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

    RAKKOMANDAZZJONIJIET LILL-KUMMISSJONI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA L-VJOLENZA ABBAŻI TAL-ĠENERU: IL-VJOLENZA ĊIBERNETIKA

    Rakkomandazzjoni 1 dwar l-objettiv tal-proposta leġiżlattiva

    L-objettiv huwa li fid-direttiva li jmiss dwar il-ġlieda kontra l-forom kollha tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru jiġu inklużi regoli minimi, bħala rispons ta' politika armonizzat, rigward id-definizzjoni tar-reat ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u s-sanzjonijiet relatati, biex jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ u promozzjoni għall-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni ta' dak ir-reat u biex jiġu stabbiliti miżuri ta' protezzjoni, appoġġ u garanzija ta' reparazzjonijiet għall-vittmi.

    Barra minn hekk, skont l-Istrateġija għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025, biex fil-proposta li jmiss tiġi inkluża d-definizzjoni ta' reati ta' mibegħda u diskors ta' mibegħda online meta jkunu mmirati lejn persuni LGBTIQ.

    Din il-proposta m'għandhiex iddgħajjef kwalunkwe sforz biex jiġu identifikati l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala qasam ġdid ta' kriminalità partikolarment serja.

    Rakkomandazzjoni 2 dwar il-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjonijiet

    Id-definizzjoni ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha tistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni, il-firxa u n-natura skont il-ġeneru u intersezzjonali tal-vjolenza ċibernetika u tissottolinja li l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru hija parti mill-continuum tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

    Il-proposta għandha tinkludi definizzjoni bbażata fuq id-definizzjonijiet fl-istrumenti eżistenti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità jew il-Konvenzjoni ta' Istanbul, id-definizzjonijiet elaborati mill-Kumitat tal-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, il-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni dwar l-Opportunitajiet Indaqs għan-Nisa u l-Irġiel u r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-vjolenza kontra n-nisa, il-kawżi u l-konsegwenzi tagħha u d-definizzjonijiet imfassla fil-kuntest taċ-ċiberkriminalità jew il-vjolenza ċibernetika kontra t-tfal, jew il-vjolenza kontra n-nisa.

    Abbażi tal-istrumenti eżistenti, definizzjoni possibbli tista' tkun: “Il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru hija forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru u hija definita bħala kwalunkwe att ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru li jitwettaq, jiġi assistit jew aggravat parzjalment jew kompletament bl-użu tal-ICT, bħal mobiles u smartphones, l-internet, il-pjattaformi tal-media soċjali jew l-email, kontra mara minħabba li hija mara jew taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat, jew kontra persuni LGBTIQ minħabba l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom, u tirriżulta fi, jew x'aktarx li tirriżulta f'dannu fiżiku, sesswali, psikoloġiku jew ekonomiku, inkluż theddid biex jitwettqu tali atti, koerċizzjoni jew privazzjoni arbitrarja tal-libertà, fil-ħajja pubblika jew privata”;

    —   liema reati?

    L-inklużjoni tat-terminu “kriminalità tal-informatika” fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE tista' tkopri wkoll reati mwettqa kontra networks ta' komunikazzjoni elettronika jew sistemi ta' informazzjoni jew bl-użu tagħhom, u forom serji ta' vjolenza online abbażi tal-ġeneru b'dimensjoni transfruntiera jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' “kriminalità tal-informatika” skont it-tifsira tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE.

    Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti miżuri li għandhom l-għan li jipprevjenu l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u li jgħinu lill-vittmi abbażi tal-Artikolu 83(1) tat-TFUE minħabba li huma sekondarji għall-objettiv ewlieni tal-proposta leġiżlattiva.

    Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva għandu jkopri kwalunkwe forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru mwettqa, assistita jew aggravata parzjalment jew kompletament bl-użu tal-ICT, bħal mobiles u smartphones, l-internet, il-pjattaformi tal-media soċjali jew l-email, kontra mara minħabba li hija mara, jew taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat jew kontra persuni LGBTIQ minħabba l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess.

    Għalkemm mhuwiex possibbli li tiġi ppreżentata tipoloġija eżawrjenti tal-forom differenti ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru minħabba li din qed tevolvi b'mod kostanti u qed jitfaċċaw forom ġodda, għandhom jissemmew u jiġu definiti t-tipi li ġejjin:

    fastidju ċibernetiku, inkluż il-bullying ċibernetiku, fastidju sesswali online, riċeviment mhux mitlub ta' materjal sesswalment espliċitu, fastidju morali u dead naming;

    cyberstalking;

    Ksur tal-privatezza relatat mal-ICT, inkluż l-aċċess, ir-reġistrazzjoni, il-kondiviżjoni u l-manipulazzjoni ta' data jew immaġnijiet privati, inkluż b'mod speċifiku abbuż sesswali bbażat fuq l-immaġnijiet, il-ħolqien jew id-distribuzzjoni mhux kunsenswali ta' immaġnijiet sesswali, doxxing u serq ta' identità;

    ir-reġistrazzjoni u l-kondiviżjoni ta' immaġnijiet ta' stupru jew ta' forom oħra ta' attakk sesswali;

    il-kontroll jew is-sorveljanza mill-bogħod, inkluż permezz ta' applikazzjonijiet ta' spjunaġġ fuq apparati mobbli;

    it-theddid, inklużi theddid dirett u theddid ta' vjoljenza u sejħiet għall-vjolenza, bħal theddid ta' stupru, estorsjoni, estorsjoni sesswali, rikatt dirett lejn il-vittmi, uliedhom jew qraba jew persuni oħra li jappoġġjaw lill-vittma u li huma affettwati indirettament;

    id-diskors ta' mibegħda sessista, inkluż il-pubblikazzjoni u l-kondiviżjoni ta' kontenut li jinċita għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra n-nisa jew il-persuni LGBTIQ abbażi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom;

    l-istigazzjoni ta' vjolenza fuqhom infushom, bħal promozzjoni ta' suwiċidju jew anoressija u ħsara psikika;

    il-ħsara fil-kompjuters lil fajls, programmi, apparati, attakki fuq siti web u fuq mezzi oħra ta' komunikazzjoni diġitali;

    l-aċċess illegali għal mobiles, email, messaġġerija istantanja jew għal kontijiet tal-media soċjali;

    il-ksur tar-restrizzjonijiet ta' komunikazzjoni imposti permezz ta' ordnijiet ġudizzjarji,

    l-użu ta' mezzi teknoloġiċi għat-traffikar ta' bnedmin, inkluż għall-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet.

    —   liema vittmi?

    Il-kamp ta' applikazzjoni personali tal-proposta għandu jkopri l-vittmi kollha ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru b'rikonoxximent speċifiku ta' forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni u vittmi li jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, li jinkludu:

    in-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom; u

    l-persuni LGBTIQ minħabba l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess.

    Rakkomandazzjoni 3 dwar miżuri ta' prevenzjoni

    L-Istati Membri għandhom jimplimentaw sensiela ta' miżuri sabiex jipprevjenu l-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, dawn il-miżuri kollha għandhom jipprevjenu t-trawmatizzazzjoni mill-ġdid u l-istigmatizzazzjoni tal-vittmi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, ikunu ċċentrati fuq il-vittmi u jkollhom approċċ intersezzjonali. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu dan li ġej:

    programmi ta' sensibilizzazzjoni u edukattiki, li jinkludu programmi indirizzati għas-subien u għall-irġiel, kif ukoll kampanji li jinvolvu lill-atturi u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, fil-kuntest ġenerali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru sabiex isiru bidliet fl-attitudnijiet soċjali u kulturali u jitneħħew ir-regoli u l-istereotipi marbuta mal-ġeneru, filwaqt li jiġi promoss ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-ispazju online, b'attenzjoni speċjali għall-pjattaformi tal-media soċjali u ż-żieda fil-litteriżmu dwar l-użu sikur tal-internet;

    ir-riċerka dwar vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru (inklużi aspetti bħal kawżi, prevalenza, impatt; il-vittmi, l-awturi tar-reati, il-manifestazzjonijiet, il-kanali u l-ħtieġa għal servizzi ta' appoġġ; tali riċerka għandha tinkludi studji u l-aġġustament tal-istatistika dwar il-kriminalità dwar il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; tali riċerka għandha tkun appoġġjata mill-ġbir ta' data diżaggregata, intersezzjonali u komprensiva;

    l-allinjament tal-edukazzjoni, il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali, bħall-iġjene ċibernetika u n-netiquette, inkluż fil-kurrikuli tal-iskejjel, sabiex jiġi promoss fehim imtejjeb tat-teknoloġiji diġitali, b'mod partikolari biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-media soċjali u biex tissaħaħ il-pożizzjoni tal-utenti, tittejjeb l-inklużjoni diġitali, jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, tiġi eliminata kwalunkwe inugwaljanza u preġudizzji bejn il-ġeneri fl-aċċess għat-teknoloġiji u tiġi żgurata d-diversità bejn il-ġeneri fis-settur tat-teknoloġija, b'mod partikolari fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, inkluż it-taħriġ għall-għalliema;

    l-iffaċilitar tal-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni u l-akkademja f'oqsma tat-teknoloġija diġitali sabiex titneħħa d-differenza bejn il-ġeneri, inkluża id-differenza diġitali bejn il-ġeneri, u tiġi żgurata d-diversità bejn il-ġeneri fis-setturi tat-teknoloġija, bħall-ICT u STEM, jiġifieri fl-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, inkluża l-IA, u, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

    il-promozzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-aċċess għall-ġustizzja, l-għoti ta' sentenzi u r-rimedji li għandhom approċċ reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

    il-promozzjoni ta' programmi edukattivi u ta' trattament integrati u komprensivi mmirati lejn il-prevenzjoni ta' reati mill-ġdid kif ukoll lejn iċ-ċaqliq ta' mġiba u mentalità mill-vjolenza, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet rilevanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'kont meħud tal-prattiki bbażati fil-komunità u l-approċċi tal-ġustizzja trasformattiva, li huma kruċjali biex jitwaqqaf iċ-ċiklu ta' ħsara;

    l-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-finijiet tal-iskambju ta' informazzjoni, ta' għarfien espert u tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari permezz tan-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità li jikkoordina flimkien maċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol, u ma' korpi, uffiċċji u aġenziji oħra relatati bħall-Eurojust, f'konformità mad-drittijiet fundamentali;

    għall-pjattaformi online li jintużaw primarjament għat-tixrid ta' kontenut pornografiku ġġenerat mill-utenti, jiġi żgurat li l-pjattaformi jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiggarantixxu li dawk l-utenti li jxerrdu l-kontenut ikunu vverifikaw lilhom infushom permezz ta' reġistrazzjoni doppja għall-parteċipazzjoni bil-posta elettronika u bit-telefown ċellulari.

    ir-rikonoxximent, l-appoġġ u l-għoti ta' informazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-prevenzjoni, inkluż billi jiġi żgurat li jkollhom appoġġ finanzjarju;

    il-promozzjoni ta' taħriġ iffukat u kontinwu għall-prattikanti u għal professjonisti oħra, inkluż il-persunal tas-servizzi soċjali, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali tal-ġustizzja u atturi rilevanti oħra biex jiġi żgurat li jinftiehmu l-kawżi u l-impatt tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru u li l-vittmi jiġu ttrattati b'mod xieraq, u jiġi żgurat li t-taħriġ għall-prattikanti kollha jkollu approċċ reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru;

    il-kunsiderazzjoni li jiġi rregolat l-iżvilupp tas-softwer tal-applikazzjonijiet ta' monitoraġġ, bil-għan li jiġi kkunsidrat l-użu ħażin jew l-abbuż possibbli ta' dawk l-applikazzjoni u jiġu previsti salvagwardji adegwati sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u tiġi żgurata l-konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data; il-projbizzjoni mill-Kummissjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' kwalunkwe softwer ta' monitoraġġ li jinvolvi sorveljanza mingħajr il-kunsens tal-utent u mingħajr indikazzjonijiet ċari tal-attività tagħha;

    kunsiderazzjoni tal-kodiċi ta' prattika għall-pjattaformi online, b'kont meħud tal-implikazzjoni jew ir-rwol possibbli tiegħu fil-kuntest tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, u l-iżgurar li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-evalwazzjoni u r-rieżami tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online; l-adozzjoni ta' miżuri li jobbligaw lill-kumpaniji tal-IT itejbu r-rispons li jipprovdu lill-utenti permezz ta' notifiki li jippermettulhom jirreaġixxu malajr u b'mod effettiv fir-rigward tal-kontenut indikat bħala illegali;

    ir-rikonoxximent tad-dimensjoni diġitali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-istrateġiji, fil-programmi u fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bħala parti minn rispons olistiku għal kull forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-intermedjarji tal-internet u l-NGOs li jaħdmu fuq il-kwistjoni – bħal permezz ta' avvenimenti ta' tagħlim bejn il-pari jew konferenzi pubbliċi;

    kooperazzjoni multidixxiplinari u bejn il-partijiet ikkonċernati, inkluż ma' kumpaniji tat-teknoloġija, fornituri ta' servizzi ta' hosting u awtoritajiet kompetenti, dwar l-aħjar prattiki biex tiġi indirizzata l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f'konformità mad-drittijiet fundamentali.

    Rakkomandazzjoni 4 dwar il-protezzjoni tal-vittmi, l-appoġġ għalihom u l-kumpens tagħhom

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin, li kollha għandhom ikunu ċċentrati fuq il-vittmi u jkollhom approċċ intersezzjonali:

    jippromwovu taħriġ speċifiku u kontinwu obbligatorju għall-prattikanti u għall-professjonisti li jittrattaw vittmi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-persunal soċjali, tat-tfal u tal-kura tas-saħħa, atturi tal-ġustizzja kriminali u l-membri tal-ġudikatura; Programmi ta' taħriġ madwar l-Unjoni jistgħu jiġu implimentati fil-qafas tal-programmi tal-Ġustizzja u taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u flimkien mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; b'mod partikolari, għandha ssir enfasi fuq il-vittimizzazzjoni sekondarja u kif din għandha tiġi evitata, fuq id-dimensjoni doppja tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru (online/offline) u fuq id-diskriminazzjoni intersezzjonali, kif ukoll dwar l-assistenza pprovduta għall-vittmi bi bżonnijiet speċjali;

    jiżguraw li t-taħriġ kollu għall-prattikanti jkollu approċċ sensittiv għall-ġeneru u li l-programm jinkludi azzjonijiet biex jiġi żgurat li l-vittma ma tiġix rivittimizzata matul il-proċedimenti kriminali (rivittimizzazzjoni u stigmatizzazzjoni);

    għall-pjattaformi online li jintużaw primarjament għat-tixrid ta' kontenut pornografiku ġġenerat mill-utenti, jiġi żgurat li l-pjattaformi jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiggarantixxu l-aċċessibbiltà ta' proċedura ta' notifika kwalifikata fil-forma li l-individwi jistgħu jinnotifikaw lill-pjattaforma bl-affermazzjoni li dak il-materjal tal-immaġnijiet li qed jurihom jew li qed isostni li qed jurihom qed jiġi mxerred mingħajr il-kunsens tagħhom u jipprovdu lill-pjattaforma b'evidenza prima facie tal-identità fiżika tagħhom u li l-kontenut innotifikat permezz ta' din il-proċedura għandu jiġi sospiż fi żmien 48 siegħa.

    għall-pjattaformi online li jintużaw primarjament għat-tixrid ta' kontenut pornografiku ġġenerat mill-utenti, jiġi żgurat li l-pjattaformi jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiggarantixxu moderazzjoni professjonali tal-kontenut imħaddem mill-bniedem, fejn jiġi rieżaminat il-kontenut li jkollu probabbiltà għolja li jkun illegali, bħall-kontenut li juri materjal voyeuristiku jew li jirrappreżenta xeni ta' stupru;

    jistabbilixxu punti ta' kuntatt nazzjonali fis-servizzi soċjali u fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi b'persunal speċjali mħarreġ dwar il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għall-vittmi biex jirrapportaw il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru f'ambjent sikur; il-punti ta' kuntatt għandhom jiġu kkoordinati permezz ta' network; dawk il-miżuri jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati s-sottorappurtar, ir-rivittimizzazzjoni u biex jinħoloq ambjent aktar sikur għall-vittmi ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi b'lingwaġġ sempliċi u aċċessibbli li l-vittma tista' tifhem, b'mod partikolari dwar l-għajnuna u l-azzjonijiet legali, kif ukoll servizzi ta' appoġġ, u jiżviluppaw servizzi speċifiċi għall-vittmi ta' vjolenza ċibernetika (linji telefoniċi ta' għajnuna, postijiet ta' kenn, assistenza legali u psikoloġika); jiffaċilitaw rappurtar mill-vittmi, li jippermettulhom jiksbu ordnijiet ta' protezzjoni, u jiżviluppaw mekkaniżmi ta' rimedju b'miżuri ta' kumpens reparatorju adegwati;

    jgħammru linji telefoniċi nazzjonali ta' għajnuna bir-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa biex jirrispondu għad-dimensjoni diġitali tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

    iwaqqfu linja telefonika ta' għajnuna madwar l-Unjoni kollha bħala punt ta' kuntatt għall-vittmi u jiżguraw li l-vittmi jkunu jistgħu jużawha faċilment u mingħajr ħlas; jiżviluppaw direttorju ta' servizzi ta' appoġġ, inklużi linji tat-telefown għall-għajnuna u mekkaniżmi ta' rapportar disponibbli f'każijiet individwali ta' vjolenza ċibernetika;

    jiżguraw li l-vittmi tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru fl-Istati Membri jkollhom aċċess għal servizzi ta' appoġġ speċjalizzati u għall-ġustizzja, rimedji u proċeduri u mekkaniżmi ta' rappurtar sikuri u aċċessibbli indipendentement mit-tressiq ta' lment; ineħħu l-ostakli kollha li l-vittmi li jiddeċiedu li jressqu lment jistgħu jiffaċċjaw u joħolqu mekkaniżmi ta' lment li jkunu aċċessibbli faċilment u immedjatament għall-vittmi, inkluż b'mezzi diġitali;

    jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-intermedjarji tal-internet u l-NGOs li jaħdmu fuq il-kwistjoni, kif ukoll bejn l-atturi rilevanti, bħall-ġudikatura, il-prosekuturi pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment dawk li jipprovdu servizzi ta' appoġġ, inkluż billi jipprovdu appoġġ finanzjarju);

    jippromwovu l-iżvilupp etiku u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi li jappoġġjaw lill-vittmi u li jgħinu fl-identifikazzjoni tal-awturi tar-reati, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.

    Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa prinċipji gwida għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi meta jittrattaw mal-vittmi li jkunu qed jirrapportaw vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, li għandhom jiġu mgħammra bil-ħiliet personali meħtieġa biex jisimgħu bir-reqqa, jifhmu u jirrispettaw lill-vittmi kollha tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru; il-prinċipji gwida għandu jkollhom approċċ reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru.

    L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw servizzi ta' protezzjoni u ta' appoġġ speċjalizzati li huma aċċessibbli għall-vittmi kollha, mingħajr ħlas inkluż appoġġ ta' emerġenza u fit-tul, bħal appoġġ psikoloġiku, mediku, legali, prattiku u soċjoekonomiku, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi, u tingħata attenzjoni partikolari lill-vittmi li jappartjenu għall-gruppi li jkunu partikolarment esposti jew fil-bżonn. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri f'dan ir-rigward.

    Rakkomandazzjoni 5 dwar il-prosekuzzjoni u l-kriminalizzazzjoni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru

    Abbażi tad-definizzjoni msemmija fir-Rakkomandazzjoni 2 u meta jitqies li l-kriminalizzazzjoni ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru jista' jkollha effett deterrenti fuq l-awturi tar-reati, il-kriminalizzazzjoni tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

    il-forom ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru li għandhom jiġu kriminalizzati mill-Istati Membri (biex jiġu koperti wkoll fażijiet preċedenti taċ-ċiberkriminalità – inċitament, għajnuna, tħajjir u tentattiv);

    penali minimi u massimi (ħabs u multi);

    l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni transfruntiera;

    dispożizzjonijiet speċifiċi li jindikaw il-linji gwida għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni prinċipalment indirizzati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-prosekuturi, li għandhom jinkludu wkoll indikazzjonijiet speċifiċi għall-infurzar tal-liġi dwar il-ġbir tal-evidenza;

    kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji tat-teknoloġija u l-fornituri tas-servizzi, speċjalment fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-awturi u l-ġbir tal-evidenza, li għandha tkun f'konformità sħiħa mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

    kwalunkwe evidenza għandha tinġabar b'mod li ma tikkawżax vittimizzazzjoni sekondarja jew ritrawmatizzazzjoni tal-vittma.

    ċirkostanzi aggravanti, skont il-profil tal-vittmi nisa, bniet u persuni LGBTIQ, pereżempju, l-isfruttament ta' karatteristiċi speċifiċi jew vulnerabbiltajiet tan-nisa, bniet u persuni LGBTIQ online;

    il-valutazzjonijiet tar-riskju għandhom jinkludu u jikkunsidraw ix-xejriet tal-imġiba u l-aspetti abbażi tal-ġeneru tal-inċident, bħall-istereotipi, id-diskriminazzjoni, it-theddid sesswalizzat u l-intimidazzjoni; dik l-informazzjoni għandha tintuża biex jiġu ddeterminati l-azzjonijiet ta' segwitu u jittejjeb il-ġbir ta' data relatata mal-manifestazzjonijiet differenti ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru;

    l-għoti ta' evidenza ma għandux jirrappreżenta piż għall-vittmi jew jikkontribwixxi għal vittimizzazzjoni ulterjuri tagħhom;

    L-azzjonijiet kollha għandhom ikunu ċċentrati fuq il-vittmi u jkollhom approċċ intersezzjonali.

    Rakkomandazzjoni 6 dwar il-ġbir u r-rapportar tad-data

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiġbru u jippubblikaw b'mod regolari data komprensiva diżaggregata u komparabbli dwar il-forom differenti ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, mhux biss abbażi tar-rapporti dwar l-infurzar tal-liġi jew tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda wkoll abbażi tal-esperjenzi tal-vittmi. Dik id-data tista' tiġi segwita minn studji komprensivi. Id-data tal-Istati Membri dwar il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru għandha tinġabar u ssir disponibbli permezz tal-bażijiet tad-data tal-istatistika tal-EIGE, tal-FRA u tal-Eurostat, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jagħmlu l-aħjar użu mill-kapaċità u r-riżorsi tal-EIGE. Il-FRA għandha twettaq riċerka estensiva ġdida madwar l-Unjoni kollha dwar il-forom kollha ta' vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru, li għandha tkun ibbażata fuq l-aktar data reċenti tal-Unjoni sabiex tipprovdi rispons preċiż.

    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport fuq bażi regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri ħadu miżuri skont din ir-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni għandha ttejjeb ukoll id-data diżaggregata skont il-ġeneru fil-livell tal-Unjoni dwar il-prevalenza u d-dannu tal-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw indikaturi biex ikejlu l-effettività tal-interventi tagħhom ħalli jindirizzaw il-vjolenza ċibernetika abbażi tal-ġeneru.

    Rakkomandazzjonijiet addizzjonali jistgħu jinkludu:

    il-produzzjoni ta' statistika dwar il-prevalenza u l-forom ta' vjolenza ċibernetika, li fl-istess ħin trawwem l-uniformità u l-komparabbiltà tad-data miġbura mill-Istati Membri,

    programm għall-ġbir tad-data madwar l-Unjoni kollha;

    il-ġbir ta' data fuq bażi regolari għall-għarfien biex wieħed iżomm ruħu aġġornat mal-evoluzzjoni kostanti fl-għodod u fit-teknoloġiji li jistgħu jintużaw biex titwettaq il-vjolenza ċibernetika,

    rakkomandazzjoni biex isir użu mill-kapaċità u l-għarfien espert tal-EIGE, il-Eurostat, il-FRA, il-Europol, il-Eurojust u l-ENISA.


    Top