EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0297

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus (2021/2708(RSP))

ĠU C 67, 8.2.2022, p. 148–149 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/148


P9_TA(2021)0297

Il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus (2021/2708(RSP))

(2022/C 67/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2021 dwar il-finanzjament tal-azzjonijiet multimedjali u l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2021, inkluż l-anness għalih,

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-finanzjament futur tal-UE tan-network tar-radju Euranet Plus (O-000036/2021 – B9-0023/2021),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

A.

billi r-radju wera li huwa mezz kruċjali għall-komunikazzjoni man-nies dwar l-affarijiet tal-UE;

B.

billi fi Stati Membri akbar u aktar popolati, l-istazzjonijiet tar-radju reġjonali u lokali, grazzi għall-preżenza kbira ħafna tagħhom fis-suq, spiss joffru perspettiva privileġġata dwar il-kontenut relatat mal-UE għal ammont konsiderevoli ta' semmiegħa u jagħtu kontribut effettiv għall-preservazzjoni ta' lingwi minuri;

C.

billi filwaqt li r-radju jista' jistabbilixxi ruħu bħala mezz ewlieni f'ambjent medjatiku fil-biċċa l-kbira diġitalizzat, id-diġitalizzazzjoni tax-xandir bil-ħoss fl-UE hija proċess fit-tul li jirrikjedi li l-istazzjonijiet tar-radju u n-networks ifasslu pjanijiet ta' tranżizzjoni, ixerrdu l-investimenti meħtieġa u jtaffu l-impatt ekonomiku sħiħ ta' din il-bidla;

D.

billi, stabbilit fl-2007, Euranet Plus huwa network uniku ta' stazzjonijiet tar-radju fl-UE li jirrapporta dwar avvenimenti fl-Ewropa minn perspettiva transnazzjonali; billi sa mill-istabbiliment tan-network, l-attivitajiet operattivi tiegħu ġew iffinanzjati prinċipalment minn finanzjament tal-UE; billi Euranet Plus bħalissa huwa magħmul minn 13-il xandar pubbliku u privat ewlieni fi 13-il Stat Membru, li flimkien jilħqu total kumulattiv ta' aktar minn 15-il miljun semmiegħ kuljum (1), u joffru firxa unika ta' servizzi ta' produzzjoni, xandir u editorjali ta' kwalità għolja lill-membri tiegħu, u b'hekk jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju (2) f'termini tal-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet li jeħtieġu tip partikolari ta' korp;

E.

billi l-ftehim ta' għotja attwali ma' Euranet Plus, b'valur ta' EUR 2,16 miljun fis-sena, huwa mistenni li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021;

F.

billi l-Parlament Ewropew ġie nnotifikat bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-mudell ta' finanzjament futur għall-azzjonijiet multimedjali f'ittra tal-Kummissarju Breton tat-18 ta' Jannar 2021, li ddikjarat li l-ftehim ta' għotja ma' Euranet Plus mhux ser jiġġedded u ser jiġi sostitwit b'sejħa annwali kompetittiva għal proposti li għandha titnieda fl-2021;

G.

billi l-Kummissjoni ma ħaditx sehem fi djalogu strateġiku ma' Euranet Plus, kif ġie rrakkomandat b'mod espliċitu f'awditu reċenti, qabel ma ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-finanzjament futur tax-xandir bir-radju;

H.

billi l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (Kumitat CULT) ripetutament talab lill-Kummissjoni biex jiġi inkluż fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għal azzjonijiet multimedjali, spjega lill-Kummissjoni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-approċċ ippjanat kien inġust fuq Euranet Plus li, bħala network tar-radju pan-Ewropew b'missjoni ta' servizz pubbliku, jistħoqqlu li jiġi ttrattat bħala sieħeb uniku għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u d-diversità tal-midja fl-UE, u esprima, kemm bil-fomm kif ukoll bil-kitba, li ma jaqbilx b'mod fundamentali mal-bidla rapida tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-UE għax-xandir bir-radju, li ser ikun ta' tfixkil għall-kontinwità tas-servizz;

I.

billi fit-18 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni kompliet kif ippjanat bl-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-finanzjament ta' azzjonijiet multimedjali u l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2021; billi l-Kummissjoni għamlitha ċara permezz ta' diversi skambji ta' fehmiet mal-persunal u l-Kummissarji li biħsiebha tikkonferma d-deċiżjoni tagħha rigward il-finanzjament futur tal-UE għal Euranet Plus, b'nuqqas totali ta' rispett għar-rieda politika tal-Parlament dwar din il-kwistjoni;

J.

billi mudell ta' finanzjament ibbażat fuq sejħiet annwali miftuħa għal proposti b'tul ta' żmien limitat ħafna mhuwiex finanzjarjament sostenibbli; billi l-fatt li ser titnieda sejħa din is-sena, mingħajr ebda miżura tranżizzjonali, huwa inġust fuq Euranet Plus, sieħeb li ilu żmien twil u huwa fdat, jagħmilha impossibbli għal Euranet li jfassal pjan ta' żvilupp fit-tul biex jagħmel il-bidla diġitali u jinvesti f'aktar titjib fil-prodotti u s-servizzi tiegħu, li x'aktarx iwassal għal-likwidazzjoni tal-organizzazzjoni u t-tneħħija tal-persunal tiegħu fil-bidu tal-2022;

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi n-natura unika ta' Euranet Plus bħala network tar-radju indipendenti li jindirizza b'suċċess id-distakk fl-informazzjoni bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha billi jsaħħaħ il-fehim tagħhom u jippromwovi d-dibattitu dwar l-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika tal-UE; jissottolinja li Euranet Plus jikkombina l-kapaċitajiet ta' produzzjoni u xandir fil-forniment ta' servizzi editorjali ta' kwalità għolja għall-istazzjonijiet tar-radju affiljati miegħu u l-aġenzija nnifisha, li tippjana l-koproduzzjonijiet, tippromwovi l-iskambji u tipproduċi formati pan-Ewropej għall-membri tagħha li jkunu mfassla apposta u fuq talba; jikkonkludi li Euranet Plus għalhekk jirrappreżenta portal uniku għas-sħubija konsiderevoli tiegħu ta' xandara pubbliċi u privati li, b'kontenut fi 12-il lingwa uffiċjali tal-UE, jilħqu aktar minn 15-il miljun semmiegħ kuljum li altrimenti jaf ma jinvolvux ruħhom fi kwistjonijiet relatati mal-UE;

2.

Jitlob li l-finanzjament ewlieni attwali ta' Euranet Plus jiġġedded għal tal-inqas sentejn fl-għamla ta' ftehim ta' għotja tranżizzjonali biex ikun jista' jiżviluppa pjan strateġiku fit-tul biex ikompli jiżviluppa n-network sa tmiem l-2027, bil-ħsieb li jespandi s-sħubija u l-kopertura ġeografika u lingwistika tiegħu, iħejji għall-bidla diġitali u jinvesti f'aktar titjib fil-prodotti u s-servizzi tiegħu; jitlob li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ CONNECT) u għall-Baġit (DĠ BUDG) jiffurmaw grupp ta' ħidma interistituzzjonali ma' Euranet Plus u mal-Kumitat CULT biex jinstabu soluzzjonijiet tekniċi xierqa u jiġi implimentat qafas operattiv pluriennali; jenfasizza li miżuri tranżizzjonali bħal dawn ser jippermettu lill-organizzazzjoni tgħammar lilha nnifisha għal proċess kompetittiv u pluriennali li jaf jibda fl-2024; jenfasizza li dan l-approċċ ser joħloq l-aktar valur miżjud f'termini ta' sostenibbiltà, effiċjenza u użu tajjeb tal-finanzjament pubbliku tal-UE, għall-kuntrarju ta' proċeduri fuq perjodu qasir li mhux biss iġiegħlu lill-benefiċjarji jgħixu ħajja “mill-id għall-ħalq” iżda huma wkoll aktar għaljin f'termini amministrattivi;

3.

Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza d-deċiżjoni tagħha tat-18 ta' Marzu 2021 biex tiżgura li l-ammont ta' EUR 2,2 miljun, allokati għall-finanzjament ta' attivitajiet ta' xandir bir-radju fl-2022 fil-punt 2 tal-anness tagħha, ma jiġux allokati permezz ta' sejħa miftuħa iżda jingħataw direttament lil Euranet Plus abbażi tal-fatt li l-organizzazzjoni tkompli tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 195 tar-Regolament Finanzjarju;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  Is-sit web uffiċjali tan-Network Euranet Plus, “Our Network”.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Top