Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2555

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “L-awtonomija strateġika u s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/02555

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 56–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/56


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “L-awtonomija strateġika u s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 105/09)

    Relatur:

    Klaas Johan OSINGA

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    4.10.2021

    Adottata fil-plenarja

    20.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    128/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jipproponi definizzjoni ta’ awtonomija strateġika miftuħa li tapplika għal sistemi tal-ikel ibbażati fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-forza tax-xogħol u l-kummerċ ġust, bil-għan ġenerali li jiġu żgurati s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel għaċ-ċittadini kollha tal-UE permezz ta’ provvista tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa, sostenibbli u reżiljenti.

    1.2.

    B’mod partikolari, is-sistemi tal-ikel tal-UE għandhom ikunu aktar diversifikati; il-forza tax-xogħol agrikola għandha tissaħħaħ speċjalment billi jiġu attirati ż-żgħażagħ u jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni deċenti; il-politiki kummerċjali għandhom ikunu allinjati mal-istandards tal-UE dwar is-sostenibbiltà tal-ikel u l-kompetittività (1).

    1.3.

    L-awtonomija strateġika miftuħa u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel huma ggarantiti l-aħjar bl-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod li jinkludi miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju biex jgħinu lill-ktajjen tal-provvista tal-ikel jindirizzaw sitwazzjonijiet estremi u lill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE biex jieħdu azzjonijiet immedjati.

    1.4.

    L-avvenimenti reċenti kkawżati mill-COVID-19, it-temp estrem minħabba t-taqlib fil-klima u l-attakki ċibernetiċi juru l-ħtieġa li tittejjeb ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel. Fl-ambitu tal-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt, il-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa pjan ta’ kontinġenza tal-UE għall-provvista tal-ikel u għas-sigurtà tal-ikel, u mekkaniżmu assoċjat tal-UE ta’ rispons għall-kriżijiet tal-ikel (2). Dan għandu jgħin biex jiżdied l-għarfien dwar ir-riskji u jinkludi l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, l-immappjar u l-monitoraġġ tar-riskji ewlenin permezz tal-ittestjar tal-istress tas-sistemi kritiċi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri u għandu jgħin ukoll biex jiġu implimentati l-miżuri intiżi biex isolvu l-problemi ffaċċati.

    1.5.

    L-UE teħtieġ sistema biex tipprevjeni avvenimenti bħal qtugħ fil-provvista tal-enerġija u qtugħ fin-network jew attakki ċibernetiċi li ma jibqgħux taħt kontroll minħabba d-dipendenzi. Pereżempju: belt li teħtieġ li tkun taħt lockdown għal diversi ġimgħat, falliment fil-provvista elettrika għal diversi jiem, kumpanija tal-ikel jew bejjiegħ bl-imnut li jsofri attakk ċibernetiku.

    1.6.

    Sabiex jittejbu l-mekkaniżmi ta’ sopravivenza, hemm bżonn li jiġu żviluppati s-sistemi eżistenti tal-ikel u fl-istess ħin jiġu diversifikati s-sistemi tal-ikel, fosthom il-mudelli tan-negozju tal-ikel għall-ħwienet agrikoli, il-biedja urbana, il-biedja vertikali u l-approċċ “produzzjoni lokali għall-bżonnijiet tal-lokal” b’mod ġenerali. Dan jeħtieġ applikazzjoni usa’ tar-riċerka u l-innovazzjoni mill-bdiewa u l-produtturi, u għandu jgħin biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ “deżerti tal-ikel” u l-ispeċjalizzazzjoni tal-produzzjoni (3). Fl-istess ħin, għandhom jissaħħu l-vantaġġi tas-sistema ta’ distribuzzjoni effiċjenti mill-irziezet għall-ipproċessar u s-swieq.

    1.7.

    Sabiex jiġu żgurati l-produzzjoni fit-tul ta’ ikel suffiċjenti u tajjeb għas-saħħa, u għajxien vijabbli, huwa importanti li r-riżorsi naturali jintużaw b’mod sostenibbli, il-preservazzjoni tal-ħamrija u r-riżorsi tal-ilma, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità u l-protezzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali. L-UE għandha ssaħħaħ il-livell ta’ produzzjoni lokali u reġjonali sabiex tikkombina l-produzzjoni tal-ikel u l-ipproċessar tal-ikel ibbilanċjati sew ma’ impronta tal-karbonju baxxa.

    1.8.

    Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandha rwol ekonomiku, soċjali u ambjentali vitali. Hija għandha tistabbilizza s-swieq matul il-kriżijiet, filwaqt li tipprovdi xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa u l-proċessuri, u tipproteġi l-ambjent, il-klima, il-forza tax-xogħol, u t-trattament xieraq tal-annimali. Il-PAK għandha rwol fiż-żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni strateġika, is-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel.

    1.9.

    Azjenda agrikola, art agrikola għammiela, u l-ilma huma assi strateġiċi u jridu jiġu protetti sa ċertu livell madwar l-UE: huma jikkostitwixxu s-sinsla tal-awtonomija strateġika miftuħa tagħna fil-qasam tal-ikel.

    1.10.

    Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li tiġi esplorata l-għażla ta’ Kunsill Ewropew dwar il-Politika tal-Ikel b’diversi partijiet ikkonċernati u f’diversi livelli (4). Fil-kuntest ta’ awtonomija strateġika miftuħa, tali Kunsill jista’ jkollu, fost oħrajn, rwol ta’ monitoraġġ u jgħin fl-evalwazzjoni u l-antiċipazzjoni tar-riskji fil-katina tal-provvista tal-ikel.

    1.11.

    Jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-fruntieri jinżammu miftuħa b’mod sikur u li l-forza tax-xogħol u l-loġistika jibqgħu għaddejjin għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel (“korsiji ħodor”) fi ħdan l-UE u fil-konfront ta’ pajjiżi terzi. Dan jeħtieġ mekkaniżmu b’saħħtu ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi terzi.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tesplora l-kunċett ta’ “awtonomija strateġika miftuħa” għall-Ewropa fir-rigward tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel fil-futur, u tipprovdi l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tas-soċjetà ċivili li jħarsu ’l quddiem. B’mod partikolari, l-Opinjoni toffri punt ta’ riflessjoni dwar kwistjonijiet li jirriżultaw minn avvenimenti reċenti bħall-COVID-19, temp estrem, attakki ċibernetiċi u tensjonijiet politiċi/soċjali.

    2.2.

    “Awtonomija strateġika miftuħa” għandha titqies bħala opportunità għall-UE biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u tippromovi l-istandards tagħha dwar is-sostenibbiltà tal-ikel, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. L-isfida Ewropea tas-sostenibbiltà tal-ikel jeħtieġ li tiġi indirizzata kemm internament kif ukoll esternament, u din l-Opinjoni se tħares ukoll lejn modi possibbli biex tiġi protetta u mtejba d-disponibbiltà ta’ ikel sostenibbli għaċ-ċittadini tal-UE kollha, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi.

    2.3.

    L-Opinjoni tibni fuq għadd ta’ proposti u ideat konkreti li diġà tressqu mill-KESE fil-ħidma preċedenti tiegħu (5). Dawn il-proposti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE, bl-għan li jiġu pprovduti dieti tajbin għas-saħħa minn sistemi sostenibbli tal-ikel, l-agrikoltura tintrabat ma’ servizzi tan-nutrizzjoni u tal-ekosistema, u jiġu żgurati ktajjen ta’ provvista li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Ewropea. Politika bħal din, li issa hija riflessa fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Plat tal-Kummissjoni, għandha ttejjeb il-konsistenza fl-oqsma kollha ta’ politika relatati mal-ikel, tirrestawra l-valur tal-ikel, u tippromovi bidla fit-tul mill-produttività u l-konsumeriżmu tal-ikel għal ċittadinanza alimentari;

    it-tisħiħ tal-potenzjal tal-ktajjen ta’ provvista tal-ikel qosra, tal-agroekoloġija u tal-iskemi ta’ kwalità tal-prodott;

    l-iżgurar ta’ prezzijiet ġusti u projbizzjoni ta’ prattiki kummerċjali inġusti;

    jiġu inkorporati l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità bħala standards ta’ sostenibbiltà globali fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE;

    jiġi żgurat l-involviment u l-parteċipazzjoni strutturati tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, inkluż permezz ta’ Kunsill Ewropew dwar il-Politika tal-Ikel.

    2.4.

    Fl-aħħar nett, l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tipprovdi għarfien siewi għall-ħidma li għaddejja dwar l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tal-Patt Ekoloġiku, il-PAK, ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali u l-Aġenda ta’ Prospettiva Strateġika, biex b’hekk is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel tal-UE jitqiegħdu fil-qalba tal-analiżi.

    2.5.

    F’Settembru 2021, in-NU organizzat Summit dwar is-Sistemi tal-Ikel, bil-għan li l-pajjiżi jiġu mgħejuna jiksbu s-17-il SDG, b’mod partikolari l-SDG2 – Ebda ġuħ. Il-KESE diġà ta l-kontribut tiegħu għal dan id-dibattitu (6).

    3.   Awtonomija strateġika miftuħa, l-elementi ewlenin għas-sistema tal-ikel

    3.1.

    Skont il-Kummissjoni Ewropea, “awtonomija strateġika miftuħa” hija l-kapaċità tal-UE li tagħmel l-għażliet tagħha stess u ssawwar id-dinja ta’ madwarha permezz ta’ tmexxija u involviment, li jirriflettu l-interessi u l-valuri strateġiċi tagħha. Dan jippermetti lill-UE tkun aktar b’saħħitha, kemm ekonomikament kif ukoll ġeopolitikament, billi tkun (7):

    miftuħa għall-kummerċ u l-investiment li jgħinu lill-ekonomija tal-UE tirkupra mill-kriżijiet u tibqa’ kompetittiva u konnessa mad-dinja;

    sostenibbli u responsabbli, billi tieħu pożizzjoni ta’ tmexxija fil-livell internazzjonali biex issawwar dinja aktar ekoloġika u aktar ġusta, issaħħaħ l-alleanzi eżistenti u tinvolvi ruħha ma’ diversi msieħba;

    assertiva kontra prattiki inġusti u koerċittivi u lesta li tinforza d-drittijiet tagħha, filwaqt li dejjem tiffavorixxi l-kooperazzjoni internazzjonali biex issolvi problemi globali.

    3.2.

    “Awtonomija strateġika miftuħa” jeħtieġ li tiġi definita aħjar fir-rigward tas-sistemi tal-ikel. Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi għall-ħsieb dwar kif l-UE tista’ tkun ippreparata aħjar għal kriżijiet futuri. Dan għandu jkun parti mill-Pjan ta’ Rkupru tal-UE, pereżempju permezz tal-użu tal-fondi tan-Next Generation EU.

    3.3.

    Il-KESE jissuġġerixxi definizzjoni ta’ awtonomija strateġika miftuħa bbażata fuq il-produzzjoni tal-ikel, il-forza tax-xogħol u l-kummerċ, bil-għan ġenerali li jiġu żgurati s-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE permezz ta’ provvista tal-ikel ġusta, sostenibbli u reżiljenti.

    3.4.   Il-produzzjoni tal-ikel

    3.4.1.

    Is-sigurtà tal-ikel għandha tiġi indirizzata minn perspettivi internazzjonali, nazzjonali u lokali. 55 % tal-popolazzjoni tad-dinja tgħix fil-bliet, fejn ftit li xejn jiġi prodott ikel frisk – l-hekk imsejħa deżerti tal-ikel. In-NU tipprevedi żieda għal 68 % sal-2050. Il-projezzjonijiet juru li l-urbanizzazzjoni flimkien maż-żieda ġenerali tal-popolazzjoni tad-dinja jistgħu jżidu 2,5 biljun persuna oħra fiż-żoni urbani sal-2050 (8). Il-livell ta’ urbanizzazzjoni tal-Ewropa huwa mistenni li jiżdied għal madwar 83,7 % fl-2050 (9).

    3.4.2.

    Fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea, l-ikel jiġi ttrasportat kuljum l-aktar minn żoni rurali u industriji tal-ipproċessar għal supermarkets f’żoni urbani. Madankollu, il-ħwienet lokali u elettroniċi tal-azjendi agrikoli gawdew minn popolarità akbar fost il-konsumaturi matul il-lockdowns tal-2020-2021.

    3.4.3.

    L-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra jikkontribwixxi għar-reżiljenza tal-Ewropa. Il-kanali lokali għandhom ikunu konsistenti mal-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet tat-territorji u tal-klimi. Il-kapaċitajiet tal-ipproċessar għandhom jiġu żviluppati aktar fil-livell lokali.

    3.4.4.

    Id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni se tgħin ukoll biex tiżdied ir-reżiljenza tal-UE. Żieda fl-art agrikola ddedikata għall-biedja organika hija prevista fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, u l-għoti tar-raba’ għat-tkabbir, il-biedja urbana u dik vertikali (10) huma għażliet validi sabiex jiġu ffrankati l-kilometri alimentari, u qed isiru dejjem aktar popolari. Dawn l-inizjattivi għandhom ikunu marbuta mal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel lokali u reġjonali oħra biex tinbena xibka ta’ sikurezza.

    3.4.5.

    L-immappjar tal-vulnerabbiltajiet għandu jkun fuq quddiem nett tal-aġenda tal-UE. L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkooperaw biex jinstabu l-lakuni, titnaqqas il-ħela tal-ikel, jiġu żviluppati xenarji u jiġu kkoordinati taħriġ u komunikazzjoni mmirati.

    3.4.6.

    Il-ġestjoni intelliġenti tal-istokk tal-ikel għandha tkun parti mill-awtonomija strateġtika miftuħa tal-UE fil-qasam tal-ikel. Hija għandha tinkludi rotazzjoni regolari tal-istokkijiet strateġiċi filwaqt li jiġu evitati l-ispekulazzjoni, inkluż ix-xiri ta’ komoditajiet u ikel taħt il-prezz tal-kost (11), u reazzjonijiet qawwija tas-suq billi tiġi żgurata t-trasparenza tas-suq.

    3.5.   Il-forza tax-xogħol

    3.5.1.

    M’hemmx biżżejjed żgħażagħ li huma mħarrġa u lesti li jaħdmu fil-biedja. Fl-2016, għal kull bidwi tal-UE iżgħar minn 35 sena, kien hemm aktar minn sitt bdiewa li kellhom aktar minn 65 sena (12).

    3.5.2.

    Barra minn hekk, il-bdiewa jkomplu jassorbu sehem sproporzjonat tal-ħsara u t-telf li jirriżultaw mid-diżastri. Il-frekwenza u l-intensità dejjem akbar tad-diżastri, flimkien man-natura sistematika tar-riskju, qed jeqilbu l-ħajja tan-nies ta’ taħt fuq, jeqirdu l-għajxien tagħhom, u jipperikolaw is-sistema alimentari kollha tagħna.

    3.5.3.

    Huwa essenzjali li tiżdied il-forza tax-xogħol agrikola fl-Ewropa, jiġu protetti l-biedja u l-art agrikola għammiela, u jiġu pprovduti sistemi tal-għarfien u tal-innovazzjoni agrikoli (AKIS) adegwati. Iż-żgħażagħ u n-nisa għandhom jiġu mħeġġa jidħlu fil-biedja u jibqgħu jaħdmu fl-azjendi agrikoli għal tul ta’ żmien.

    3.5.4.

    Wieħed mill-prerekwiżiti għall-implimentazzjoni ta’ sistema tal-ikel sostenibbli u reżiljenti huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema mill-UE u mhux mill-UE li jaħdmu fis-settur tal-agrikoltura u tal-ikel, fil-livelli kollha tal-katina tal-provvista. Il-ħaddiema agrikoli għandhom jingħataw finanzjament adegwat, pagi ġusti u ogħla, prezzijiet ġusti, sussidji għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u jiġu żgurati d-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali.

    3.5.5.

    Fil-fehma tal-KESE, politika komprensiva tal-UE dwar l-ikel għandha twassal għal sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjokulturali. Għaldaqstant, huwa imperattiv li jiġi żgurat li l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt tbiddel b’mod fundamentali d-dinamika tal-katina tal-provvista u twassal titjib fit-tul fl-introjti u l-għajxien tal-bdiewa (13). Għandna dubji dwar kemm din il-bidla fundamentali meħtieġa tista’ sseħħ jekk ma jiġux stabbiliti l-inċentivi politiċi u ekonomiċi t-tajba.

    3.6.   Kummerċ

    3.6.1.

    Fl-2020, l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE-27 ġew ivvalutati għal EUR 184,3 biljun, żieda ta’ 1,4 % meta mqabbla mal-2019, filwaqt li l-importazzjonijiet, li jammontaw għal EUR 122,2 biljun, kienu 0,5 % ogħla mis-sena preċedenti. Fl-2020, is-surplus tal-kummerċ agroalimentari kien ta’ EUR 62 biljun, żieda ta’ 3 % mill-2019 (14). Skont iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), EUR 1 biljun ta’ esportazzjonijiet agroalimentari joħloq medja ta’ 20 000 impjieg, li minnhom 13 700 huma fis-settur primarju. Fl-istess ħin, l-agrikoltura kienet tirrappreżenta madwar 4,2 % tal-impjieg totali fl-UE fl-2016 (15).

    3.6.2.

    Ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Iżvizzera u l-Ġappun kienu l-akbar swieq agroalimentari tal-UE, li ħadu aktar minn 52 % tal-esportazzjonijiet kollha. Fl-2020, l-akbar sorsi ta’ importazzjonijiet agroalimentari tal-UE kienu jinkludu r-Renju Unit, il-Brażil, l-Istati Uniti, l-Ukrajna u ċ-Ċina.

    3.6.3.

    L-UE għandha rwol ewlieni fil-kummerċ globali tal-prodotti agroalimentari, għalhekk, huwa essenzjali li l-politiki kummerċjali tagħha jkunu allinjati mal-objettivi sostenibbli tagħha. F’Opinjoni preċedenti (16), il-KESE ppropona li l-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE jinkorporaw l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-Patt Ekoloġiku bħala standards globali ta’ sostenibbiltà. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza u l-valur ta’ kummerċ ibbażat fuq ir-regoli li jopera fuq kundizzjonijiet ekwi, u l-kontribut kbir li huwa jkollu għall-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19.

    3.6.4.

    Sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq il-mezzi ta’ produzzjoni tal-azjendi agrikoli, l-UE għandha tappoġġja prattiki ta’ input baxx, speċjalment f’termini ta’ fjuwils fossili u pestiċidi, u trawwem il-kapaċità tal-produzzjoni tal-mezzi ta’ produzzjoni tal-azjendi agrikoli fl-Ewropa.

    3.6.5.

    Huma meħtieġa sistemi innovattivi li jipproteġu u jtejbu l-bażi tar-riżorsi naturali, filwaqt li jippromovu l-produttività effiċjenti (17). Teknoloġiji ġodda, robots u vaċċini huma assi importanti li għandhom jiġu żviluppati.

    4.   Ġestjoni tar-riskju u xenarju ta’ simulazzjoni ta’ kriżi

    4.1.

    Skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), l-umanità u s-sigurtà tal-ikel tagħna qed jiffaċċjaw firxa ta’ theddidiet ġodda u bla preċedent, bħal temp estrem minħabba taqlib fil-klima, mard u pandemiji. L-agrikoltura tiffaċċja firxa ta’ riskji, li jinteraġixxu f’dinja iperkonnessa (18).

    4.2.

    L-FAO tirrapporta li, matul l-2020-2021, il-prezzijiet tal-ikel żdiedu għall-ogħla livell mill-2011 ’l hawn (19). Ta’ spiss jiġi rrappurtat li l-volatilità tal-prezzijiet parti minnha hija xprunata mill-ispekulazzjoni. In-NU u l-OECD jirrapportaw li, fl-2020, bejn 720 u 811 miljun persuna esperjenzaw il-ġuħ. Kważi persuna minn kull tliet persuni fid-dinja (2,37 biljun persuna) ma kellhiex aċċess għal ikel adegwat fl-2020, żieda ta’ 320 miljun persuna f’sena (20).

    4.3.

    Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li s-sigurtà tal-ikel – anke fl-Ewropa – ma tistax titqies bħala xi ħaġa garantita. L-atturi u l-attivitajiet kollha fil-katina alimentari huma iperkonnessi. Matul il-pandemija, il-pajjiżi introduċew restrizzjonijiet kummerċjali. Anke fi ħdan l-UE, l-Istati Membri ħadu miżuri unilaterali li jagħlqu l-fruntieri, li kienu ta’ theddida għat-trasport tal-ikel u ta’ ħaddiema staġjonali. Bis-saħħa ta’ adattamenti rapidi mill-bdiewa u l-imsieħba tal-katina alimentari, il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni baqgħu għaddejjin. Il-Kummissjoni ħadet ukoll azzjoni biex iżżomm il-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, bosta intraprendituri ntlaqtu ekonomikament mill-kriżi hekk kif intemmu s-servizzi fil-qasam tal-ivvjaġġar, it-turiżmu u tal-ikel.

    4.4.

    Attakki ċibernetiċi bħal attakki ta’ ransomware iwasslu għal kriżijiet fil-ħajja reali minħabba li llum il-ġurnata ħafna affarijiet huma online (“Internet tal-oġġetti”). L-aġenzija tal-istampa AP irrappurtat li l-pagament medju liċ-ċiberkriminali żdied bi 311 % fl-2020 għal USD 310 000. Bħala medja, il-vittmi reġgħu kisbu aċċess għad-data tagħhom biss wara 21 jum (21).

    4.5.

    F’April 2021, l-akbar supermarket Netherlandiż (Albert Heijn) għal diversi jiem spiċċa mingħajr ċerti prodotti tal-ġobon minħabba attakk ċibernetiku fuq distributur ewlieni (22). Dan l-aħħar, l-akbar kumpanija li tippakkja l-laħam fid-dinja, JBS, ġiet attakkata. Dan l-att intensifika t-tħassib dwar is-sigurtà fl-Istati Uniti fuq il-provvista nazzjonali tal-ikel (23). Jidher li ħafna attakki ċibernetiċi ma jiġux irrapportati mill-kumpaniji biex jevitaw reazzjonijiet tas-suq bħall-akkumulazzjoni żejda u prezzijiet li jogħlew f’daqqa. Il-kumpaniji sofrew ukoll impatti sinifikanti minn attakki ċibernetiċi minkejja li ma kinux il-mira diretta tal-attakk, bħall-għeluq f’Lulju 2021 ta’ diversi mijiet ta’ ħwienet tal-grupp Cooperative fl-Iżvezja wara l-attakk ta’ ransomware fuq il-fornitur tas-software US Kaseya (24).

    4.6.

    Daqstant ieħor ta’ tħassib kien l-inċident fejn il-Kanal ta’ Suez ġie mblukkat minn bastiment tal-kontejners ta’ 200 000 tunnellata fil-bidu ta’ April 2021. Inċidenti bħal dawn juru l-vulnerabbiltà tal-ktajjen tal-provvista globali. Jekk dawn il-ktajjen jiġu mfixkla għal ftit jiem, ikun meħtieġ żmien twil biex dawn jerġgħu jlaħħqu mad-domanda, u dan jista’ jikkawża żidiet fil-prezzijiet għall-konsumaturi u l-kumpaniji.

    4.7.

    F’Settembru, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021, li jiffoka fuq l-awtonomija strateġika miftuħa (25). Il-Kummissjoni tqis l-iżgurar ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli u reżiljenti bħala wieħed mill-oqsma strateġiċi ewlenin biex tissaħħaħ it-tmexxija globali tal-UE. F’dan ir-rigward, tissemma l-ħtieġa li jsir investiment fl-innovazzjoni biex jiġu salvagwardjati sistemi tal-ikel reżiljenti u sostenibbli (26).

    4.8.

    Barra minn hekk, dokument tekniku reċenti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jipprovdi sfond għad-dashboards tar-reżiljenza ppreżentati fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2020 tal-Kummissjoni Ewropea (27). Dan jinkludi indikaturi tal-vulnerabbiltà relatati mal-aċċess għas-servizzi lokali u d-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-ikel, u jagħti prova tal-importanza ġeopolitika tal-ikel. Dashboard jgħin biex tiġi mmappjata l-vulnerabbiltà u biex jiġi żviluppat simulazzjoni immirata ta’ kriżi. Madankollu, dan huwa approċċ ġenerali peress li ma hemm l-ebda indikatur wieħed, u d-dashboards tar-reżiljenza bħalissa qed jiġu riveduti.

    4.9.

    Jeħtieġ li l-ktajjen tal-provvista jimxu minn “eżatt fil-ħin” (“just in time”) għal “għal li jista’ jkun” (“just in case”). Id-dipendenza fuq fornituri monopolistiċi għal ċerti prodotti tista’ tkun soġġetta għal interferenza minn gvernijiet ostili. Din hija wkoll kwistjoni ta’ provvista ta’ mezzi ta’ produzzjoni lill-bdiewa u lill-proċessuri tal-ikel. Għalhekk, il-KESE jappella għal rieżami tas-sigurtà tad-disponibbiltà tal-ikel tal-UE. Dan għandu jsir permezz ta’ studji tax-xenarji.

    4.10.

    Is-simulazzjoni ta’ kriżi għandha tintuża biex tesponi vulnerabbiltajiet. Pereżempju: x’inhuma l-konsegwenzi possibbli f’każ li jkun hemm qtugħ fin-networks tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni lokali/reġjonali/nazzjonali li jdum diversi jiem? Dan huwa mifhum b’mod wiesa’ bħala wieħed mill-akbar riskji ta’ domanda għall-infrastruttura kritika ta’ kwalunkwe nazzjon inkluża l-provvista tal-ikel. Impatti diretti fuq il-provvista tal-ikel jinkludu: qtugħ fil-provvista tal-elettriku, tal-ilma u tal-gass; nuqqas ta’ kapaċità ta’ refriġerazzjoni u ffriżar; l-impossibbiltà li jintużaw faċilitajiet għat-tisjir, il-ħami u l-ipproċessar/manifattura; qtugħ tat-tisħin u tad-dawl; l-impossibbiltà li tiġi żgurata iġjene bażika tal-ikel; u l-inabbiltà li jinkiseb fjuwil għall-vetturi tad-distribuzzjoni jew użi oħra fil-katina tal-provvista. Madankollu, l-impatti indiretti minħabba l-impatti fuq infrastruttura kritika oħra jista’ jkollhom ukoll konsegwenzi sinifikanti. Nuqqas fit-tul ta’ telekomunikazzjonijiet u tal-komunikazzjoni tad-data jippreżenta sfidi serji u immedjati dwar kif il-kumpaniji jikkomunikaw internament, u mal-aġenziji tal-gvern, il-fornituri, il-klijenti u l-konsumaturi biex jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni vitali u biex joperaw l-ordnijiet mill-ġdid u l-pagamenti inkluż permezz ta’ sistemi ta’ kollegament bankarju.

    4.11.

    Il-KESE jirrakkomanda investigazzjoni ulterjuri ta’ dan ix-xenarju.

    5.   Rakkomandazzjoni għat-triq ’il quddiem

    5.1.

    L-awtonomija strateġika miftuħa bħala kunċett toffri opportunitajiet, iżda toħloq ukoll riskji. Il-prosperità tal-UE tiddependi wkoll mill-kummerċ dinji, u għalhekk fuq regoli ċari għall-kummerċ u miżuri stabbiliti.

    5.2.

    Meta l-ikel ikun skars, jew jidher li jkun skars, jista’ joħloq xiri ta’ paniku, filwaqt li jista’ jonqos it-tħassib tal-konsumaturi l-klima, il-bijodiversità jew it-trattament xieraq tal-annimali. Għalhekk l-Ewropa tista’ ssir aktar ekoloġika biss jekk issir aktar reżiljenti.

    5.3.

    Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li meta l-ktajjen tal-provvista jiġu interrotti għal perjodu itwal, hemm effetti mifruxa fl-ekonomija kollha. Jista’ jkun li jgħaddu diversi snin biex nerġgħu lura għan-normal.

    5.4.

    L-awtonomija strateġika miftuħa fl-ikel ma tistax teżisti mingħajr politika kummerċjali miftuħa u ġusta. L-Unjoni Ewropea ma tistax tmur lura għal politiki protezzjonisti minħabba li dan joħloq vulnerabbiltajiet ġodda u potenzjalment jikkawża ħsara kbira (28). Pereżempju: l-UE tissupplixxi ħbub lill-Afrika ta’ Fuq u lil-Lvant Nofsani. Ta’ spiss, il-ktajjen tal-provvista internazzjonali huma aktar effiċjenti u diversifikati, u għalhekk aktar kapaċi li jadattaw malajr għal xokkijiet ġodda minn dawk lokali.

    5.5.

    L-UE għandha tevalwa f’liema każijiet u għal liema prodotti l-awtoreżiljenza hija approċċ siewi. L-għarfien dwar kif joperaw il-ktajjen tal-provvista għandu jiżdied fost il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali.

    5.6.

    L-UE, flimkien man-NU u l-imsieħba kummerċjali tagħha, jeħtieġ li tindirizza l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel u tikkontribwixxi għal trasformazzjoni tant meħtieġa tas-sistema tal-ikel li tagħmel l-agrikoltura aktar reżiljenti għax-xokkijiet. Il-gvernijiet għandhom rwol x’jaqdu fl-appoġġ għall-ktajjen tal-provvista li jsiru aktar sostenibbli, robusti u siguri.

    5.7.

    F’dokument informali konġunt reċenti, Franza u n-Netherlands appellaw għal kundizzjonijiet kummerċjali aktar stretti tal-UE, inkluż pjan ta’ Mġiba Responsabbli fin-Negozju tal-UE. Dan għandu jiżgura politika koerenti u armonizzata filwaqt li jinżammu kundizzjonijiet ekwi għas-suq intern tal-UE. Pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju għandu jkun l-istrateġija ġenerali għall-approċċ tal-UE għat-trawwim tal-kummerċ ġust u l-produzzjoni responsabbli u l-ġestjoni tal-ktajjen tal-provvista.

    5.8.

    Dan l-aħħar Spanja u n-Netherlands ħarġu dokument informali konġunt dwar il-kisba tal-awtonomija strateġika filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa. Wieħed mill-punti li saru fid-dokument kien li “awtonomija strateġika miftuħa” għandha tkun waħda mill-kwistjonijiet diskussi fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

    5.9.

    Id-diskussjoni tal-UE dwar id-diliġenza dovuta (29) u l-kodiċi ta’ kondotta b’rabta mal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (30) huma rilevanti wkoll f’dan il-kuntest. F’dan ir-rigward, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet fis-settur agroalimentari issa għandhom l-opportunità li jiffirmaw il-kodiċi ta’ kondotta dwar prattiki kummerċjali u ta’ kummerċjalizzazzjoni responsabbli mnedija mill-Kummissjoni bħala parti mill-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (31).

    Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Biex politika tal-ikel Ewropea komprensiva tkun tassew rilevanti għall-konsumaturi Ewropej, huwa essenzjali li l-ikel prodott b’mod sostenibbli fl-UE jkun kompetittiv. Dan ifisser li s-settur agroalimentari Ewropew huwa kapaċi jwassal l-ikel għall-konsumaturi bi prezzijiet li jinkludu spejjeż żejda għal kriterji bħalma huma s-sostenibbiltà, it-trattament xieraq tal-annimali, is-sikurezza alimentari u n-nutrizzjoni, iżda wkoll redditu ġust lill-bdiewa, u fl-istess ħin iżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-għażla ppreferuta għall-parti l-kbira tal-konsumaturi (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268).

    (2)  Pjan ta’ kontinġenza, Kummissjoni Ewropea.

    (3)  COVID-19 and the food phenomena (Il-COVID-19 u l-fenomeni tal-ikel), FAO.

    (4)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268.

    (5)  Fost oħrajn: ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18; ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9; ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268; ĠU C 429, 11.12.2020, p. 66; ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165, Opinjoni tal-KESE Lejn katina tal-provvista tal-ikel ġusta NAT/823 (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 38).

    (6)  Contribution to the UN Food Systems Summit 2021 (Il-kontribut tal-KESE għas-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021), KESE.

    (7)  Rieżami tal-Politika Kummerċjali, Kummissjoni Ewropea.

    (8)  68% of the world population projected to live in urban areas by 2050 (Huwa mbassar li 68 % tal-popolazzjoni dinjija se tkun qed tgħix f’żoni urbani sal-2050), Nazzjonijiet Uniti.

    (9)  Urbanisation in Europe, EC; UN World urbanisation Prospects 2018.

    (10)  Vertical farming (Biedja vertikali), WUR.

    (11)  Opinjoni tal-KESE – Lejn katina ġusta tal-provvista tal-ikel NAT/823 (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 38).

    (12)  CAP – Structural change and generational renewal (PAK – Bidla strutturali u tiġdid ġenerazzjonali), Kummissjoni Ewropea.

    (13)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268.

    (14)  2020 a year of stability for EU agri-food trade (2020: sena ta’ stabbiltà għall-kummerċ agroalimentari tal-UE), Kummissjoni Ewropea.

    (15)  Farmers and the agricultural labour force – statistics (Il-bdiewa u l-forza tax-xogħol agrikola – statistika), Eurostat.

    (16)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 66.

    (17)  The future of food and agriculture (Il-futur tal-ikel u l-agrikoltura), FAO.

    (18)  The impact of disasters and crises on agriculture and food security: 2021 (L-impatt tad-diżastri u l-kriżijiet fuq l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel), FAO.

    (19)  FAO Food Price Index (Indiċi tal-FAO tal-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel), FAO.

    (20)  2021 State of Food Security and Nutrition in the World (L-Istat tas-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni fid-Dinja 2021), Programm Dinji tal-Ikel (WFP).

    (21)  Cyber attack on US pipeline is linked to criminal gang (Attakk ċibernetiku fuq pipeline tal-Istati Uniti huwa assoċjat ma’ grupp kriminali), AP News.

    (22)  Kaasschaarste bij Albert Heijn na hack leverancier (Skarsezza ta’ ġobon fl-Albert Heijn wara attakk ċibernetiku fuq distributur ewlieni), de Volkskrant.

    (23)  Hacking American beef: the relentless rise of ransomware (Hacking tal-laħam taċ-ċanga Amerikan: iż-żieda bla waqfien tar-ransomware), Financial Times.

    (24)  NCSC statement on Kaseya incident (Stqarrija ta’ NCSC wara l-inċident ta’ Kaseya), NCSC.

    (25)  Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021, Kummissjoni Ewropea.

    (26)  Shaping and securing the EU’s Open Strategic Autonomy by 2040 and beyond (Insawru u niżguraw l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE sal-2040 u lil hinn), JRC.

    (27)  Dashboards tar-reżiljenza, Kummissjoni Ewropea.

    (28)  Il-ftehimiet kummerċjali futuri kollha tal-UE għandhom jinkorporaw ukoll l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-Patt Ekoloġiku bħala standards ta’ sostenibbiltà globali (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 66).

    (29)  Towards a mandatory EU system of due diligence for supply chains (Lejn sistema obbligatorja tal-UE ta’ diliġenza dovuta għall-ktajjen tal-provvista), Euractiv.

    (30)  Code of Conduct for Responsible Business and Marketing Practices (Kodiċi ta’ Kondotta għal Prattiki Kummerċjali u ta’ Kummerċjalizzazzjoni Responsabbli), Kummissjoni Ewropea.

    (31)  Opinjoni tal-KESE dwar L-allinjament tal-istrateġiji u l-operazzjonijiet tan-negozju tal-ikel mal-SDGs għal irkupru sostenibbli wara l-COVID-19 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


    Top