Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2473

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/02473

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 49–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/49


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 105/08)

    Relatur:

    Josep PUXEU ROCAMORA

    Korelatur:

    Piroska KÁLLAY

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta' Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    4.10.2021

    Adottata fil-plenarja

    21.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    220/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE huwa konvint li l-futur tal-Ewropa ser jiddependi minn kif nittrattaw iż-żoni rurali u li tinħtieġ aktar kooperazzjoni maż-żoni urbani biex jiġi żgurat li l-ebda żona jew ċittadin “ma jitħalla jibqa’ lura” fit-tranżizzjoni ġusta għal Unjoni Ewropea newtrali għall-klima, sostenibbli u prospera. Dan ikun f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u Soċjali Ewropew, il-pakkett għall-irkupru tan-Next Generation EU, l-Aġenda Territorjali 2030 u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG).

    1.2

    Il-KESE jemmen li l-UE għandha tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni billi tippromovi politiki li jiżguraw tranżizzjoni ġusta u sostenibbli fl-oqsma kollha u li jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja tajba fiż-żoni rurali.

    1.3

    Minħabba l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-pandemiji, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni issa u li tiġi implimentata bidla fundamentali biex jintwera l-valur miżjud tal-ħidma konġunta u jiġu promossi r-rispett u l-fehim reċiproċi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.

    1.4

    Għalhekk, il-KESE jistieden lil dawk li jfasslu l-politika biex jiżviluppaw u jimplimentaw strateġija komprensiva u olistika tal-UE għal żvilupp rurali u urban bilanċjat, koeżiv, ekwu u sostenibbli billi jisfruttaw ir-rwol tal-komunitajiet lokali, jagħtu spinta lill-industriji tradizzjonali u joħolqu attivitajiet ekonomiċi ġodda u opportunitajiet ta’ impjieg, filwaqt li jrawmu sinerġiji maż-żoni urbani.

    1.5

    Sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn il-komunitajiet rurali u l-ambjent urban, il-KESE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

    1.

    hemm bżonn li jiġu pprovduti biżżejjed riżorsi għall-politiki rurali, u li jiġu pprovduti b’infrastruttura tal-komunikazzjoni teknoloġika u tat-trasport (speċjalment it-trasport pubbliku, li huwa assolutament meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum u l-impjiegi), kif ukoll b’sistemi effiċjenti u ta’ kwalità ta’ edukazzjoni u ta’ prestazzjoni tas-servizzi tas-saħħa. Dawn għandhom ikunu allinjati bis-sħiħ mas-servizzi urbani rilevanti (“sistemi tas-saħħa ugwali”);

    2.

    il-provvista ta’ impjiegi, taħriġ u akkomodazzjoni għandha tirrifletti u tisfrutta r-riżorsi naturali rurali filwaqt li toħloq opportunitajiet ta’ negozju innovattivi;

    3.

    il-parlamenti rurali u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD), bħala mudelli ta’ demokrazija parteċipattiva, għandhom jiġu appoġġjati minn dawk li jfasslu l-politika u għandhom jinvolvu liċ-ċittadini rurali kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, in-nisa, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, il-minoranzi u speċjalment iż-żgħażagħ;

    4.

    il-beni tal-wirt kulturali għandhom jiġu protetti u promossi (1).

    1.6

    Il-KESE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin għall-iżvilupp rurali/urban:

    1.

    il-gvernijiet għandhom ikunu trasparenti u ġusti fl-għoti ta’ servizzi liċ-ċittadini fl-oqsma kollha;

    2.

    l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-LEADER u l-gruppi ta’ azzjoni lokali, għandhom jiżviluppaw sħubijiet rurali u urbani lokali biex joħolqu opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali u jrawmu fehim aħjar tal-interdipendenzi;

    3.

    il-mudell ta’ governanza tal-kunsilli għall-politika dwar l-ikel jista’ jservi ta’ ispirazzjoni għal kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet interessati kollha fil-livell lokali. Il-possibbiltajiet għat-telexogħol, il-ħtieġa għal akkomodazzjoni rurali u l-aċċess għall-użu tal-art ġew imfixkla minn impatti u sfidi ambjentali ġodda u mill-pandemija;

    4.

    ta’ min jilqa’ t-tħeġġiġ u l-appoġġ tal-iskambju ta’ prattiki tajbin u każijiet ta’ riskju bejn ir-reġjuni;

    5.

    l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja fiż-żoni rurali jista’ jkun wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku lokali u jista’ jgħin lill-komunitajiet rurali jadattaw għal ambjent li qed jinbidel malajr.

    1.7

    B’mod partikolari, il-KESE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kummissjoni Ewropea u lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali:

    1.

    il-viżjoni fit-tul adottata reċentement mill-Kummissjoni għaż-żoni rurali (2) jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar biex jiġi żgurat impenn rurali u urban għal approċċ ġust. Huwa importanti li jintwera l-valur miżjud ta’ meta l-organizzazzjonijiet rurali u urbani jaħdmu flimkien, bħall-Inizjattiva mill-Għalqa sal-Platt u Patt Ekoloġiku soċjalment inklużiv;

    2.

    il-Kummissjoni Ewropea għandha timpenja ruħha li toħloq grupp ta’ partijiet interessati rurali u urbani, li jibni fuq l-Inizjattiva tal-Irħula Intelliġenti, biex jiġu żviluppati prattiki tajbin abbażi ta’ mudelli ta’ sħubija;

    3.

    biex jiġi appoġġjat l-involviment, għandu jkun hemm investiment għal proġetti pilota lokali u inċentivi/kundizzjonalitajiet u premji pan-Ewropej għal eżempji progressivi li juru ftehimiet inklużivi.

    1.8

    Il-KESE huwa impenjat ukoll li jaħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat tar-Reġjuni billi jikkummissjona riċerki, jikkonsulta mas-soċjetà ċivili organizzata u jippromovi Karta Ewropea tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet rurali u urbani.

    1.9

    Il-KESE ser jinkorpora viżjoni olisitika fl-Opinjonijiet futuri tiegħu dwar il-politiki territorjali, urbani u rurali. Bħala eżempju, din l-Opinjoni ġiet diskussa f’diversi sezzjonijiet tal-KESE qabel ġiet adottata.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    B’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-KESE dwar “Approċċ integrat għaż-żoni rurali tal-UE, b’enfasi speċjali fuq ir-reġjuni vulnerabbli”, adottata f’Settembru 2020 (3), u tas-seduta organizzata fit-18 ta’ Ġunju 2021 (4), il-KESE issa jrid jistabbilixxi strateġija tal-UE dwar l-iżvilupp rurali u urban sostenibbli, billi janalizza l-qafas ġenerali li jorbot il-politika rurali mal-politiki rilevanti l-oħra kollha, jidentifika l-isfidi u l-ostakli eżistenti, u jenfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili, in-negozji u l-komunitajiet lokali fl-iżvilupp ta’ approċċi minn isfel għal fuq. Il-KESE ser jikkontribwixxi b’mod attiv biex jiżgura li din l-istrateġija titqies meta jitfasslu l-politiki tal-UE.

    2.2

    Huwa essenzjali li tiġi ġestita b’ mod aktar effettiv id-diversità li teżisti fiż-żoni rurali abbażi tal-opportunitajiet disponibbli tagħhom. Jeżistu żoni rurali li, minħabba l-prossimità tagħhom għaż-żoni urbani, jistgħu jibbenefikaw mill-“effett ta’ agglomerazzjoni” permezz tal-interazzjoni rurali-urbana; mentri żoni oħrajn li huma aktar imbiegħda jiddependu ħafna aktar minn settur wieħed, sikwit dak tal-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd jew il-minjieri, u l-interazzjoni tagħhom mal-bliet tkun ħafna inqas viżibbli.

    2.3

    Għalkemm iż-żoni rurali u urbani huma tipi differenti ta’ żoni bil-karatteristiċi speċifiċi tagħhom stess u b’rati differenti ta’ żvilupp, ir-realtà turi li huma interkonnessi mill-qrib. Dawn l-interdipendenzi huma fl-istess ħin dejjem aktar kumplessi u dinamiċi, u jinvolvu flussi strutturali u funzjonali ta’ persuni u oġġetti kapitali, informazzjoni, teknoloġija, u stili ta’ ħajja. Għalhekk huwa kruċjali li jinstab bilanċ bejn iż-żoni rurali u dawk urbani, żewġ tipi ta’ żoni li jeħtieġu lil xulxin u li ma jistgħux jeżistu mingħajr xulxin.

    2.4

    L-ideal tal-istil ta’ ħajja rurali bħala sitwazzjoni ta’ benesseri u kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini għandu jkun objettiv li għandu jintlaħaq, anke f’żoni mbiegħda jew żvantaġġati. L-istrateġija għandha ssib il-formula biex jinstab il-bilanċ meħtieġ bejn dawn iż-żewġ aspetti u mod kif jiġu kkomplementati t-tnejn, sabiex tinkiseb is-sostenibbiltà fil-futur.

    2.5

    L-isfidi li jiffaċċjaw iż-żoni rurali (it-tibdil demografiku, id-depopolazzjoni, id-distakk diġitali, id-dħul baxx, l-aċċess limitat għal ċerti servizzi, il-ħtieġa għal prospetti aħjar ta’ impjieg jew l-impatti speċifiċi tat-tibdil fil-klima) jistgħu jiġu indirizzati biss minn perspettiva bbażata fuq il-post, komprensiva u mġedda li tfittex li tistabbilixxi relazzjoni reċiproka ta’ żvilupp.

    2.6

    Dan il-kuntest ġdid, li jmur lil hinn mir-rabta tradizzjonali bejn iż-żoni rurali, li huma ffukati fuq is-settur agrikolu u maqtugħa mill-ambjent urban, jeħtieġ li l-miżuri ta’ żvilupp rurali jkunu bbażati fuq approċċ multisettorjali u integrat fir-reġjuni kollha, filwaqt li jiġu sfruttati s-sinerġiji u jiġu kkomplementati ż-żoni rurali, urbani u intermedji.

    3.   Sfidi u proposti għal azzjoni

    3.1

    Il-kunċett tradizzjonali, li jiddistingwi b’mod ċar bejn iż-żoni rurali u dawk urbani jeħtieġ kunċetti ġodda, interpretazzjonijiet ġodda u approċċi ġodda, u r-realtà lokali għandha titqies fid-definizzjoni tar-reġjun inkwistjoni.

    3.2

    L-iżvilupp futur tar-reġjuni Ewropej għandu jkun ibbażat fuq il-komplementarjetà bejn iż-żoni rurali u urbani u fuq il-koordinazzjoni tal-politiki mmirati lejhom, bl-għan aħħari li jinkisbu l-koeżjoni soċjali u ekonomika u s-sostenibbiltà ambjentali f’dawn iż-żoni.

    3.3

    Il-KESE jqis li hija meħtieġa aktar konsistenza fl-approċċi strateġiċi tal-iżvilupp rurali u urban sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u diskrepanzi bejn l-istrateġiji (eż. l-istrateġija tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, l-istrateġija ta’ investiment territorjali integrat, l-istrateġija tal-iżvilupp lokali, l-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali) u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tagħhom mill-atturi lokali fil-proċessi tal-iżvilupp u l-investimenti.

    3.4

    L-iżvilupp rurali u urban għandu jiġi rregolat skont il-prinċipji stabbiliti fl-Aġenda Territorjali 2030 tal-UE, il-Karta ta’ Leipzig, l-Aġenda Urbana tan-NU, l-Aġenda Urbana tal-UE, il-Patt ta’ Amsterdam, id-Dikjarazzjoni Cork 2.0 dwar Ħajja Aħjar fiż-Żoni Rurali u l-Prinċipji tal-OECD dwar il-Politika Urbana u Rurali, li fihom jiġu kkunsidrati sħubijiet tematiċi u ġestjoni kondiviża bejn iż-żoni urbani u rurali.

    3.5

    Il-bliet ta’ daqs medju jaqdu rwol ewlieni fil-konnessjoni taż-żoni metropolitani urbani ma’ dawk rurali u għalhekk jistħoqqilhom attenzjoni speċjali kemm fl-ippjanar tal-użu tal-art kif ukoll fl-allokazzjoni tar-riżorsi u s-servizzi. Ħafna bliet Ewropej (inklużi Toulouse fi Franza, Manresa fi Spanja, Turin fl-Italja u Aalborg fid-Danimarka) diġà implimentaw approċċi ta’ suċċess kbir. In-networks ta’ bliet bħall-ICLEI (5), il-Eurotowns (6) u l-Eurocities (7) huma atturi ewlenin fl-iskambju tal-esperjenzi u fil-promozzjoni tal-aħjar prattiki.

    3.6

    L-interazzjoni bejn il-kampanja u l-belt trid tkun fuq l-aġenda politika, u jeħtieġ li nagħmluha eħfef għall-mexxejja politiċi u għal dawk li jfasslu l-politika biex jifhmu dan il-punt, kif ukoll li nippromovu forom ta’ organizzazzjoni fil-livell lokali.

    3.7

    Ir-riċerka ffinanzjata mill-UE għandha wkoll tkompli tesplora modi kif tippromovi żvilupp rurali/urban ekwu u sostenibbli u tagħti ħajja ġdida lill-iżvilupp ekonomiku taż-żoni rurali. Proġetti bħal ROBUST (8), RUBIZMO (9) u LIVERUR (10) għandhom jiġu żviluppati aktar u jwasslu għal bidliet konkreti.

    3.8

    Il-kisba tas-sostenibbiltà (ekonomika, soċjali u ambjentali) f’dawn iż-żoni, kemm rurali kif ukoll urbani, teħtieġ politika komprensiva, marbuta mas-sitwazzjoni soċjoekonomika, kulturali u etnografika ta’ kull żona, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żoni rurali u urbani u l-involviment tad-diversi atturi soċjali u ekonomiċi, kif ukoll mekkaniżmi ta’ governanza adatti flimkien mal-awtoritajiet lokali.

    3.9

    Iż-żoni rurali remoti huma saħansitra aktar esposti għall-isfidi li jiffaċċjaw iż-żoni rurali u għalhekk jeħtieġu politiki u trattament speċifiċi. Minbarra li jiġu solvuti l-problemi li jikkonċernaw id-diffikultà tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi, inklużi s-saħħa u l-edukazzjoni, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta’ programmi li jirriġeneraw l-ekosistema ekonomika lokali f’kooperazzjoni ma’ insedjamenti ġirien.

    3.10

    Ħafna mill-isfidi li jiffaċċjaw iż-żoni rurali jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-fondi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), kif enfasizzat fir-rapport ta’ informazzjoni reċenti tagħna dwar l-impatt tal-PAK fuq l-iżvilupp territorjali taż-żoni rurali (11), u għalhekk jeħtieġ li nimxu lejn approċċ integrat favur azzjoni u finanzjament fid-diversi politiki li għandhom impatt fuq iż-żoni rurali. Il-fondi mill-politiki nazzjonali għandhom jissupplimentaw il-fondi tal-PAK għall-iżvilupp rurali.

    3.11

    Il-politiki agrikoli, alimentari u rurali għandhom ikunu konformi mal-politiki dwar il-klima u l-bijodiversità, il-politiki mmirati lejn it-tnaqqis tal-faqar, il-politiki dwar l-infrastruttura u tat-trasport, il-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, dawk relatati mal-provvista ta’ servizzi bażiċi ta’ interess ġenerali (is-saħħa, l-akkomodazzjoni, eċċ.), dawk li jippromovu l-iżvilupp ta’ attivitajiet ġodda bbażati fuq l-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija, id-diġitalizzazzjoni jew il-politiki li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra d-depopolazzjoni, fost l-oħrajn.

    3.12

    Dawn il-politiki għandhom ikunu koerenti u komplementari wkoll għall-istrateġiji Ewropej bħall-Patt Ekoloġiku (12) , l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt (13), u b’mod partikolari mal-istrateġija industrijali ġdida mħabbra (14), li tiddefinixxi s-settur agroalimentari bħala wieħed mill-ekosistemi strateġiċi ewlenin tal-UE, kif ukoll mal-politiki li jiżguraw is-sigurtà alimentari. L-esperimentazzjoni b’forom ġodda ta’ kooperazzjoni urbana-rurali fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew mhijiex biss prekundizzjoni iżda wkoll opportunità għal tranżizzjoni ġusta u żvilupp sostenibbli bbilanċjat territorjalment.

    3.13

    Il-governanza u l-armonizzazzjoni tal-fondi Ewropej, nazzjonali u sottonazzjonali għandhom jittejbu biex jiġi indirizzat aħjar l-iżvilupp sostenibbli billi jiġu indirizzati aħjar il-kwistjonijiet trasversali u biex dejjem jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ kull territorju.

    3.14

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċess għal finanzjament sostenibbli u l-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji personalizzati għall-iżvilupp rurali u urban, filwaqt li jitqiesu l-istruttura tar-riskju u l-karatteristiċi tat-taħlita ekonomika. Barra minn hekk, it-tassonomija u l-approċċ fiskali għaż-żoni rurali għandhom iqisu l-ħtiġijiet ta’ żvilupp u investiment.

    3.15

    Dan l-approċċ integrat jeħtieġ koordinazzjoni bejn id-diversi amministrazzjonijiet u korpi ta’ ġestjoni, inklużi l-bosta Direttorati tal-Kummissjoni Ewropea li jittrattaw politiki trasversali. Din il-koordinazzjoni trasversali timplika approċċ li fih dawk li jfasslu l-politika jintegraw il-kwistjonijiet rurali fil-politiki kollha biex jiżguraw li l-ħtiġijiet rurali jiġu kkunsidrati.

    3.16

    Koordinazzjoni b’suċċess bejn l-amministrazzjonijiet għandha tqis l-aspetti li ġejjin:

    i)

    l-identifikazzjoni tal-iskala korretta ta’ intervent;

    ii)

    l-istabbiliment ta’ rwol ta’ tmexxija ċar fil-koordinazzjoni tal-politika;

    iii)

    it-tisħiħ tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni jew il-muniċipalitajiet;

    iv)

    il-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani biex jiġu sfruttati r-rabtiet funzjonali;

    v)

    it-titjib tal-koordinazzjoni vertikali bejn il-livelli ta’ gvern.

    3.17

    Hemm bżonn li tinżamm rabta diretta mat-territorji rurali permezz tar-rwol attiv tar-reġjuni tal-UE, li għandhom rwol kruċjali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-iżvilupp rurali fil-livell lokali. L-involviment ta’ diversi partijiet interessatiapproċċ minn isfel għal fuq huma elementi ewlenin biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u s-sjieda lokali tal-politiki rurali. Il-KESE jitlob li jiġi kkunsidrat ir-rwol li jistgħu jaqdu l-gruppi ta’ azzjoni lokali u l-mudell ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità.

    3.18

    Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-mudell ta’ governanza tal-kunsilli għall-politika dwar l-ikel jintuża bħala ispirazzjoni għal kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet interessati kollha fil-livell lokali.

    3.19

    Għandu jsir progress fir-rigward ta’ kuntratti territorjali appoġġjati minn politiki ta’ impenn, li jfisser li għandhom jiġu definiti objettivi, jingħaqdu l-isforzi, jiġu inċentivati impenji pubbliċi u privati b’fokus territorjali, jiġu żviluppati mekkaniżmi għall-kooperazzjoni interistituzzjonali u transsettorjali, tinħoloq struttura istituzzjonali ġdida li tippromovi l-iżvilupp sostenibbli, tiġi rikonoxxuta d-diversità taż-żoni rurali u jiġu promossi rabtiet urbani-rurali. F’dan ir-rigward, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet fis-settur agroalimentari issa għandhom l-opportunità li jiffirmaw il-kodiċi ta’ kondotta dwar prattiki kummerċjali u ta’ kummerċjalizzazzjoni responsabbli (15) mnedija mill-Kummissjoni bħala parti mill-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.

    3.20

    Il-kuntratti territorjali għandhom ikunu bbażati fuq l-ekwità u r-rispett. Fl-Ingilterra, Wales u l-Iskozja jeżistu kodiċijiet ta’ kondotta rurali biex jgħinu lin-nies jifhmu kif għandhom jirrispettaw iż-żoni rurali. Dawn jistgħu jiġu tradotti f’Karta Ewropea dwar id-Drittijiet (16) u r-Responsabbiltajiet għal relazzjonijiet rurali u urbani ġusti u sostenibbli. Din il-Karta għandha tiġi inkorporata fl-edukazzjoni ċivika għal kulħadd.

    3.21

    Il-KESE jirrikonoxxi li m’hemmx formoli uniformi applikabbli għal reġjuni differenti u li kull unità sottonazzjonali għandha tiffoka u tispeċjalizza, filwaqt li tirrispetta l-uniċità, id-diversità u l-multifunzjonalità tal-użi, issib soluzzjonijiet ibbażati fuq il-potenzjal, il-ħtiġijiet, il-kapaċitajiet u l-aspirazzjonijiet tagħha stess. L-użu tal-infrastruttura eżistenti u r-riflessjoni dwar l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ġodda għandhom jitqiesu globalment, filwaqt li wieħed iħares lejn ix-xejriet ta’ investiment fil-postijiet it-tajba.

    3.22

    Il-ħtieġa li jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg:

    i)

    il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat il-proċessi tad-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni li jeħtieġu sforzi biex jiġu sostnuti matul iż-żmien;

    ii)

    jeħtieġ li jinħolqu u jinżammu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg fiż-żoni rurali, inklużi dawk relatati mal-forniment ta’ servizzi rurali, it-telexogħol, it-teknoloġiji ġodda jew l-enerġiji rinnovabbli;

    iii)

    it-tisħiħ tal-aspetti multifunzjonali tal-agrikoltura, il-promozzjoni ta’ attivitajiet mhux agrikoli, il-ħolqien ta’ negozji fis-settur tas-servizzi u l-industriji tal-enerġija nadifa fiż-żoni rurali jistgħu joħolqu ħafna opportunitajiet ta’ xogħol;

    iv)

    il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-iżgurar ta’ regoli ta’ kompetizzjoni ġusti għall-SMEs u l-għoti ta’ attenzjoni għall-ħtiġijiet ta’ ġenerazzjonijiet iżgħar (eż. xogħol mill-bogħod);

    v)

    iż-żamma tal-impjiegi u l-ħwienet qrib in-nies. Il-viżjoni rurali-urbana toffri opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ ekonomija ċirkolari;

    vi)

    il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fiż-żoni rurali, filwaqt li jiġi żgurat li kulħadd ikollu leħen f’dan il-proċess ta’ titjib;

    vii)

    ir-rabta bejn id-domanda tal-konsumatur mas-swieq reġjonali u rurali permezz tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti lokali u tikketti ta’ kwalità;

    viii)

    il-ħolqien ta’ opportunitajiet kulturali fiż-żoni rurali għandu jiġi promoss b’mod wiesa’, inklużi l-promozzjoni ta’ avvenimenti kulturali u l-protezzjoni ta’ bini storiku u reliġjuż rurali (knejjes, kastelli, eċċ.);

    ix)

    il-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni jwittu t-triq għal opportunitajiet ġodda li jistgħu joħolqu aspettattivi u jappellaw għaċ-ċittadini – speċjalment iż-żgħażagħ – u jwasslu għal bidla fix-xejriet tad-depopolazzjoni u fil-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali. Għal dan il-għan, iż-żoni rurali jeħtieġu infrastruttura adegwata biex tiġi żgurata l-konnettività. L-istrateġiji ta’ konnettività u l-pjattaformi diġitali joffru soluzzjonijiet hawnhekk filwaqt li att diġitali rurali jiffaċilita l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali;

    x)

    l-agrikoltura u l-akkwakultura sostenibbli (17) fiż-żoni rurali u periurbani għandhom jiġu appoġġjati, flimkien mal-ekoturiżmu, l-attivitajiet ta’ divertiment u edukattivi dwar is-sostenibbiltà, u dawn l-attivitajiet għandhom ikunu kompatibbli mal-protezzjoni tal-bijodiversità sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-ħajja tan-nies;

    xi)

    Edukazzjoni rurali ta’ kwalità u aċċessibbli, li tibda mis-snin bikrija tat-tfal, tista’ tgħin biex jittejbu r-riżultati fl-edukazzjoni, filwaqt li l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, bħall-indukrar tat-tfal u l-iskejjel, huwa fattur ibbażat fuq il-post li jiġbed lin-nies lejn iż-żoni rurali, inkluż anke għall-ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet.

    3.23

    It-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi huma importanti, iżda jridu jiġu kkomplementati minn provvista suffiċjenti ta’ servizzi ta’ kwalità tajba fil-qasam tal-akkomodazzjoni, l-enerġija, id-divertiment, l-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja u s-sistemi tas-saħħa li jiżguraw li ż-żoni rurali mhumiex biss sostenibbli iżda wkoll postijiet attraenti fejn wieħed jista’ jgħix. L-UE teħtieġ b’mod urġenti li tiżviluppa l-pedamenti għal ekonomija tal-benesseri sostenibbli u inklużiva li tiffunzjona għal kulħadd (18).

    3.24

    B’mod partikolari, l-iżvilupp kontinwu ta’ trasport pubbliku affordabbli għandu jkun prijorità għall-iżvilupp ta’ żoni rurali u b’hekk għall-konnettività ma’ żoni urbani. Il-forniment ta’ trasport pubbliku bi prezz raġonevoli huwa assolutament meħtieġ għall-ħajja ta’ kuljum u l-impjiegi, b’rabta mal-aċċessibbiltà ta’ servizzi pubbliċi essenzjali bħall-iskejjel, il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal, it-tobba jew l-ispiżeriji u l-ivvjaġġar lejn u mill-post tax-xogħol.

    3.25

    Dan jeħtieġ forom ġodda ta’ prestazzjoni ta’ servizzi rurali:

    i)

    il-prestazzjoni ta’ servizzi integrati (koħidma minn diversi servizzi fi spazju wieħed; kollaborazzjoni bejn il-provvedituri ta’ servizzi; kooperazzjoni bejn timijiet ta’ professjonisti; koproduzzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi, privati u komunitarji);

    ii)

    approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni ta’ servizzi alternattivi u aktar flessibbli (servizzi mobbli li jwasslu s-servizzi liċ-ċittadini; mudelli ta’ sistemi radjali, fejn is-servizzi jiġu pprovduti regolarment minn post ċentrali; servizzi adatti aħjar għall-ħtiġijiet lokali);

    iii)

    soluzzjonijiet teknoloġiċi u diġitali, inkluż fis-setturi tal-edukazzjoni u tas-saħħa.

    3.26

    Strateġija olistika biex jintlaħqu l-limiti ta’ servizz f’territorji differenti u l-iskambju ta’ servizzi bejn postijiet differenti huma elementi ewlenin għat-tfassil ta’ żoni urbani u rurali sostenibbli.

    3.27

    Jeħtieġ li titfassal strateġija li, billi ttejjeb is-servizzi rurali u l-opportunitajiet ġodda ta’ impjieg, tgħin biex tiżgura li l-popolazzjoni tistabbilixxi ruħha fil-post u, fuq kollox, tiżgura t-tiġdid ġenerazzjonali meħtieġ.

    Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-kontribut taż-żoni rurali tal-Ewropa għas-Sena tal-Wirt Kulturali 2018 sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-koeżjoni rurali/urbana (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 22).

    (2)  COM(2021) 345 final.

    (3)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 60.

    (4)  Towards a holistic strategy on sustainable and equitable rural and urban development [Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali u urban sostenibbli u ekwu], Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  https://www.iclei.org

    (6)  https://www.eurotowns.org

    (7)  https://eurocities.eu

    (8)  https://rural-urban.eu

    (9)  https://rubizmo.eu

    (10)  https://liverur.eu/

    (11)  https://www.eesc.europa.eu/mt/our-work/opinions-information-reports/information-reports/evaluation-caps-impact-territorial-development-rural-areas-information-report

    (12)  Paġna web dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, Kummissjoni Ewropea.

    (13)  Farm to Fork Strategy [Strateġija mill-Għalqa sal-Platt] (mhux disponibbli bil-Malti).

    (14)  Komunikazzjoni, Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020

    (15)  Code of Conduct (europa.eu) [Kodiċi ta’ kondotta] (mhux disponibbli bil-Malti).

    (16)  The Countryside Code: advice for countryside visitors – GOV.UK. [Il-kodiċi ta’ kondotta rurali: parir għal dawk li jżuru l-kampanja], (mhux disponibbli bil-Malti).

    (17)  Ara l-Opinjoni dwar “Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE” — NAT/816 (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 103) u dwar “Approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE” – NAT/817 (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 108).

    (18)  Opinjoni tal-KESE dwar L-ekonomija sostenibbli li neħtieġu (ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1).


    Top