Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2384

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħġieġ fl-Ewropa f’salib it-toroq: kif tistal-industrija ssir aktar ekoloġika u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tiżdied il-kompetittività u jinżammu l-impjiegi ta’ kwalità” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2021/02384

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 18–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/18


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħġieġ fl-Ewropa f’salib it-toroq: kif tistal-industrija ssir aktar ekoloġika u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, filwaqt li tiżdied il-kompetittività u jinżammu l-impjiegi ta’ kwalità”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2022/C 105/04)

    Relatur:

    Aurel Laurențiu PLOSCEANU

    Korelatur:

    Gerald KREUZER

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    25.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

    Adottata fis-sezzjoni

    29.9.2021

    Adottata fil-plenarja

    21.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    142/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-industrija Ewropea tal-ħġieġ hija settur innovattiv u strateġiku ħafna li minnu l-UE tibbenefika ħafna. Il-prodotti tal-ħġieġ huma indispensabbli għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima: għar-rinnovazzjoni tal-bini, il-produzzjoni ta’ aktar elettriku rinnovabbli, id-dekarbonizzazzjoni tal-mezzi tat-trasport u l-imballaġġ sostenibbli. Il-ħġieġ jikkontribwixxi wkoll għar-rivoluzzjoni tad-diġitalizzazzjoni tal-Ewropa. Fil-qosor: il-ħġieġ huwa l-futur.

    1.2.

    Il-KESE jitlob lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE biex iqiegħdu s-settur tal-ħġieġ u s-sottosetturi kollha tiegħu fil-qalba tal-prijoritajiet ta’ politika attwali bħall-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, l-Aġenda Diġitali, l-aġenda tal-ktajjen tal-valur strateġiċi, u l-politika kummerċjali internazzjonali tal-UE u l-istrumenti assoċjati.

    1.3.

    Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE għandha tkun sors kbir immens ta’ opportunitajiet kummerċjali għall-ħġieġ, li twassal għal investimenti, filwaqt li tikkontribwixxi b’mod qawwi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-bini. Nappellaw lill-UE u lil dawk li jfasslu l-politika nazzjonali biex għall-anqas jirrispettaw l-għanijiet proposti attwali u fejn possibbli jsaħħuhom.

    1.4.

    Hija meħtieġa tranżizzjoni tal-enerġija fi ħdan is-settur sabiex il-proċess tal-produzzjoni tal-ħġieġ, li fih innifsu jagħmel użu intensiv mill-enerġija, ikun newtrali fil-karbonju. Din it-tranżizzjoni tal-enerġija se tirriżulta f’żidiet kbar fl-ispejjeż biex isir in-negozju minħabba spejjeż operattivi u rekwiżiti kapitali ogħla.

    1.5.

    Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-politiki tal-UE jappoġġjaw l-industrija sabiex jippermettu din it-tranżizzjoni, b’appoġġ finanzjarju kemm għan-nefqa kapitali kif ukoll għan-nefqa operattiva, bil-bini ta’ kapaċità tal-enerġija rinnovabbli, bi provvista tal-enerġija affordabbli u billi jiġi żgurat li l-industrija ma tkunx esposta għal kompetizzjoni inġusta minn barra s-suq tal-UE.

    1.6.

    Il-KESE jappoġġja l-politiki kollha tal-UE u l-pjani nazzjonali ta’ rkupru li jiffaċilitaw ir-rivoluzzjoni tat-trasport lejn karozzi intelliġenti u newtrali għall-klima u l-espansjoni massiva tas-sistemi tat-trasport pubbliku. Il-ħġieġ ta’ teknoloġija għolja għandu rwol importanti.

    1.7.

    Il-KESE jirrakkomanda bis-saħħa li l-UE tikklassifika l-ħġieġ bħala materjal permanenti, minħabba l-karatteristiċi inerti, riutilizzabbli u riċiklabbli b’mod infinit.

    1.8.

    Il-KESE jitlob bidla minn materjali mhux lineari għal ħġieġ kompletament ċirkolari, riutilizzabbli u riċiklabbli biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, l-estrazzjoni ta’ materja prima verġni u t-tnaqqis tar-riżorsi. Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-UE għandha tirrikonoxxi l-benefiċċji tal-ħġieġ fil-kontribut għal sistemi ta’ imballaġġ sostenibbli.

    1.9.

    Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa implimentazzjoni usa’ tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, flimkien ma’ appoġġ finanzjarju pubbliku u privat u sħubijiet bħall-inizjattiva “Close the Glass Loop”, biex jitħeġġeġ l-użu tar-riċiklaġġ tal-ħġieġ. Dan se jippermetti lill-Ewropa tevita l-ħela tal-ħġieġ, tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 u toħloq impjiegi ġodda fis-settur tar-riċiklaġġ tal-ħġieġ.

    1.10.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tirrikonoxxi li l-ħġieġ huwa indispensabbli għall-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika. Il-ħġieġ huwa komponent ewlieni mhux biss tal-pannelli solari fotovoltajċi iżda wkoll tat-turbini tar-riħ u jista’ jintuża b’modi oħra biex jipproduċi l-elettriku ekoloġiku. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament jiżviluppaw politiki ġodda tal-UE dwar l-għanijiet klimatiċi u l-ktajjen tal-valur strateġiċi sabiex terġa’ tinbeda l-produzzjoni taċ-ċelloli fotovoltajċi fl-Ewropa u tiġi ssalvagwardjata l-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħġieġ strateġiċi oħra u l-ktajjen tal-valur li jappartjenu għalihom (eż. windskrins għall-manifatturi tat-trasportazzjoni).

    1.11.

    Il-KESE jitlob li jiġi appoġġjat l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex l-impjegati ġodda u żgħażagħ li jidħlu fis-settur biex jissostitwixxu l-forza tax-xogħol li qed tixjieħ jiġu pprovduti bl-għarfien u l-kapaċitajiet meħtieġa, kif ukoll biex il-ħaddiema attwali jkunu jistgħu jlaħħqu mal-innovazzjoni u l-bidliet tranżitorji fl-industrija.

    1.12.

    Il-KESE jistieden lill-UE tipproteġi l-industriji tal-ħġieġ tagħna kontra r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Iż-żieda fl-ambizzjonijiet klimatiċi u fl-ispejjeż tal-karbonju teħtieġ protezzjoni msaħħa aktar milli mdgħajfa tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Il-kompetittività tal-prodotti tal-ħġieġ fis-swieq tal-esportazzjoni u fl-UE nnifisha tista’ tiġi żgurata parzjalment permezz ta’ miżuri effettivi ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS). Din is-sistema jenħtieġ li tinżamm biex tappoġġja lill-industrija fit-tranżizzjoni biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE. L-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri (CBAM) u l-pakkett tat-tassonomija għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa. Il-Kumitat jitlob li s-CBAM jinkludi soluzzjoni għall-esportazzjonijiet u li l-miżuri tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jissaħħu billi s-CBAM jiġi kkomplementat b’allokazzjoni sħiħa bla ħlas ibbażata fuq parametri referenzjarji mill-inqas sal-2030, f’konformità mar-regoli tad-WTO.

    1.13.

    Tranżizzjoni ekoloġika u diġitali fl-Ewropa, u b’mod partikolari fl-industrija tal-ħġieġ, trid tkun tranżizzjoni ġusta. Sabiex jiġi żgurat appoġġ massimu għal din it-tranżizzjoni, il-KESE jitlob li l-ħaddiema jiġu inklużi. Għalhekk, id-djalogu soċjali f’kull livell għandu jiġi appoġġjat mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

    1.14.

    Sabiex jiġu mmonitorjati l-iżviluppi fl-industrija tal-ħġieġ, f’termini ta’ tnaqqis ta’ CO2, produzzjoni u varjabbli rilevanti oħra, il-KESE jkun favur appoġġ u analiżi aktar iffukati għas-settur kollu kemm hu u s-sottosetturi tiegħu u għal kull Stat Membru.

    2.   Deskrizzjoni ġenerali tas-settur industrijali tal-ħġieġ

    2.1.   Produzzjoni

    Il-produzzjoni tal-ħġieġ fl-UE laħqet 36,8 miljun tunnellata fl-2020 skont Glass Alliance Europe. L-UE hija waħda mill-akbar produtturi tal-ħġieġ fid-dinja. Tinkludi ħames sottosetturi:

    (a)

    60,4 % — ħġieġ għal kontenituri

    (b)

    29,2 % — ħġieġ ċatt

    (c)

    3,2 % — ħġieġ domestiku

    (d)

    5,3 % — fibri (rinforz u iżolament)

    (e)

    2,1 % — ħġieġ speċjali

    2.2.

    Impjieg

    Fl-2018, is-settur tal-ħġieġ impjega madwar 290 000 ħaddiem fl-UE-27 (1). Din iċ-ċifra tkopri l-manifattura, ir-riċiklaġġ u l-ipproċessar tal-ħġieġ peress li xi setturi, bħall-ħġieġ ċatt b’mod partikolari, għandhom ktajjen tal-valur kumplessi. Is-settur tal-ipproċessar tal-ħġieġ jinkludi wkoll għadd konsiderevoli ta’ SMEs.

    2.3.   Saħħa u sikurezza

    2.3.1.

    L-industrija Ewropea tal-ħġieġ toffri impjiegi ta’ kwalità għal firxa wiesgħa ta’ profili: minn impjiegi manwali bla ħiliet għal impjiegi ta’ livell għoli fl-inġinerija.

    2.3.2.

    Ix-xogħol bħala ħaddiem manwali fl-industrija tal-ħġieġ jista’ jkun fiżikament iebes u xi drabi għadu anke perikoluż. Il-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza jeħtieġu investiment u spiss ikollhom impatt pożittiv fuq il-produttività. Il-miżuri għall-prevenzjoni tal-mard okkupazzjonali qed jittejbu kontinwament, kif inhu l-każ għall-prevenzjoni tas-silikożi, bħala parti mid-djalogu soċjali tan-Network Ewropew għas-Silika (NEPSI) dwar is-silika kristallina respirabbli. Il-kultura ta’ sikurezza u prevenzjoni kkontribwiet għall-kwalità tal-impjiegi fis-settur.

    2.4.   Età, edukazzjoni u taħriġ

    Għall-kuntrarju tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-forza tax-xogħol tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent hija fil-biċċa l-kbira aktar anzjana (50+) u b’ħafna esperjenza. Huwa dejjem aktar diffiċli li jiġu attirati ħaddiema ġodda u aktar żgħażagħ. Is-sostituzzjoni ta’ ħaddiema akbar fl-età u ta’ esperjenza tfisser it-taħriġ ta’ ħaddiema ġodda u li l-ħaddiema attwali jkunu jistgħu jlaħħqu mal-innovazzjoni u l-bidliet fl-industrija.

    2.5.   Il-ħġieġ huwa settur innovattiv ħafna

    2.5.1.

    Ix-xejriet tas-saħħa u l-benesseri qed jiftħu opportunitajiet u swieq ġodda għal imballaġġ tal-ħġieġ b’ċirkwit magħluq sostenibbli, tajjeb għas-saħħa, riutilizzabbli u riċiklabbli b’mod infinit. Is-settur tal-ħġieġ qed jaħdem fuq l-innovazzjoni fid-disinn u rotot aktar “ta’ tfixkil” għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċess tal-produzzjoni, u b’hekk joħloq trasformazzjoni ewlenija fil-produzzjoni tal-ħġieġ.

    2.5.2.

    Il-ħġieġ użat fil-kostruzzjoni u s-settur awtomobilistiku qed isir aktar sofistikat billi jiġu integrati fojls, gassijiet, kisjiet, kameras, radars u materjali oħra biex jittejbu s-sikurezza, il-proprjetajiet tal-iżolament u t-trażmissibbiltà tad-data. Iċ-ċelloli fotovoltajċi jistgħu jiġu integrati fil-ħġieġ tal-faċċati jew fis-soqfa solari panoramiċi tal-karozzi sabiex tinżamm l-effiċjenza u jiġi ġġenerat l-elettriku rinnovabbli.

    2.5.3.

    Il-prodotti tal-ħġieġ ta’ teknoloġija għolja jintużaw ukoll fis-settur ajruspazjali u tad-difiża. Il-prodotti u l-kompożiti tal-ħġieġ jintużaw ukoll f’vetturi spazjali u satelliti bħala kisjiet, elettronika, sensuri, displays, eċċ. Dan jagħmel l-industrija tal-ħġieġ mhux biss settur ta’ teknoloġija avvanzata u innovattiv, iżda wkoll wieħed strateġiku ħafna.

    2.6.   L-impatt tal-COVID-19

    Is-saħħa tas-swieq naqset f’setturi ewlenin minn mindu bdiet il-pandemija, u dan irriżulta fi tnaqqis fil-produzzjoni b’irkupru bil-mod f’xi setturi importanti tal-ħġieġ (ħġieġ ċatt, ħġieġ domestiku, fibri). Fl-2020, is-settur naqas b’bejn 1 % u 14 % skont is-sottosettur. Fis-settur tal-ħġieġ ċatt, li prinċipalment jaqdi l-industrija tal-kostruzzjoni u dik tal-karozzi, is-suq tal-UE naqas b’aktar minn 10 % fl-2020. Filwaqt li l-użu fil-kostruzzjoni kien aktar stabbli milli mistenni, is-suq tal-ħġieġ awtomobilistiku għadu batut ħafna sal-lum.

    3.   Il-kontribut tal-ħġieġ għan-newtralità klimatika, l-ekonomija ċirkolari, il-benesseri u l-Aġenda Diġitali tal-UE

    3.1.   Newtralità klimatika

    3.1.1.   Mewġa ta’ Rinnovazzjoni

    3.1.1.1.

    Il-prodotti tal-ħġieġ huma fil-qalba tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE li għandha l-għan li tnaqqas drastikament il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bini. Il-ħġieġ bl-ogħla standards ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija jeħtieġ li jintuża fit-twieqi biex jiżola l-bini. Dan ifisser tnaqqis massiv fis-CO2 billi l-ħġieġ b’rendiment għoli jista’ jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bini b’37,4 % sal-2050 (2). Is-suf tal-ħġieġ, ħġieġ tal-fowm u derivattivi oħra tal-fibra tal-ħġieġ iżolanti huma wkoll kruċjali biex jinkiseb iżolament ottimali fil-bini.

    3.1.1.2.

    Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE għandha tkun sors kbir immens ta’ opportunitajiet kummerċjali. L-irduppjar tar-rata ta’ sostituzzjoni tat-twieqi jista’ jirriżulta fi tkabbir tas-suq tal-ħġieġ ċatt b’aktar minn 60 % u b’hekk jista’ jwassal għal investimenti.

    3.1.2.   Produzzjoni ta’ enerġija ekoloġika

    3.1.2.1.

    Il-ħġieġ huwa indispensabbli għall-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika. Il-ħġieġ huwa komponent ewlieni tal-pannelli solari fotovoltajċi. It-turbini tar-riħ jużaw fibri tal-ħġieġ biex jagħmluhom ħfief iżda sodi. L-elettriku ekoloġiku jista’ jiġi ġġenerat ukoll minn ħġieġ speċjali tal-mirja li jiffoka d-dawl fuq element ċentrali konness ma’ ġeneratur.

    3.1.2.2.

    Il-mod kif l-industrija Ewropea tal-produzzjoni tal-pannelli solari kibret u reġgħet ċkienet tant malajr minħabba kompetizzjoni inġusta minn kumpaniji Ċiniżi jista’ jservi ta’ eżempju ta’ kif m’għandhomx jiġu ġestiti opportunitajiet ġodda ta’ enerġija ekoloġika f’ambjent kompetittiv internazzjonalment. Il-politiki l-ġodda tal-UE dwar l-għanijiet klimatiċi u l-ktajjen tal-valur strateġiċi għandhom jimmiraw li jġeddu l-produzzjoni taċ-ċelloli fotovoltajċi fl-Ewropa.

    3.1.3.   Trasport

    3.1.3.1.

    Is-settur tal-ħġieġ huwa fornitur kbir għall-produtturi tal-vetturi ferrovjarji. Minħabba l-kriżi tal-COVID-19, xi kumpaniji tat-trasport pubbliku waqfu jew ikkanċellaw għadd ta’ ordnijiet kbar, b’diversi siti fil-periklu li jagħlqu, li jista’ jirriżulta f’żieda fl-importazzjonijiet. Pjani nazzjonali ta’ rkupru f’waqthom jistgħu jkunu effettivi fl-appoġġ tal-produzzjoni Ewropea.

    3.1.3.2.

    Għalkemm l-industrija awtomobilistika kienet diġà fi kriżi anke qabel il-COVID-19, x’aktarx li se jkun hemm domanda għal ħġieġ eħfef u b’iżolament għoli aktar avvanzat. Il-karozzi awtonomi se jintensifikaw id-domanda għal prodotti tal-ħġieġ speċjalizzati aktar sofistikati biex iservu bħala skrins, pannelli ta’ kontroll u apparat ta’ realtà awmentata, eċċ.

    3.1.4.   Imballaġġ sostenibbli

    Il-ħġieġ jipprovdi lis-setturi tal-ikel u tax-xorb, tal-kożmetiċi u tal-farmaċewtika (eż. il-vaċċini tal-COVID-19) tal-Ewropa b’imballaġġ inert tajjeb għas-saħħa u sostenibbli. Is-settur tal-ħġieġ qed imexxi firxa wiesgħa ta’ innovazzjonijiet fil-proċessi tal-ekodisinn, id-dekarbonizzazzjoni u l-effiċjenza enerġetika biex jittrasformaw il-mod kif jiġi prodott il-ħġieġ. Kull sena, mhux inqas minn 10 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni jiġu investiti fid-dekarbonizzazzjoni, fl-effiċjenza enerġetika u fl-aġġornamenti tal-impjanti. Furnace for the Future, l-aħħar proġett tal-ħġieġ tal-kontejners (3), li applika għall-Fond ta’ Innovazzjoni tal-ETS, se jnaqqas l-emissjonijiet b’60 %. Din hija waħda minn bosta inizjattivi biex jiġi appoġġjat l-għan tas-settur li jwassal imballaġġ tal-ħġieġ newtrali għall-klima li jittrasforma s-settur u joffri opportunitajiet kbar għat-tkabbir fl-imballaġġ tal-ħġieġ b’livell baxx ta’ karbonju.

    3.2.   Ekonomija ċirkolari: il-ħġieġ huwa prodott ċirkolari perfett

    3.2.1.

    Il-ħġieġ huwa materjal permanenti u inerti li hu riutilizzabbli u riċiklabbli b’mod infinit mingħajr ma jitlef il-proprjetajiet tiegħu.

    3.2.2.

    Il-ħġieġ huwa alternattiva li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent għal ħafna applikazzjonijiet tal-plastik, u jinsab fuq quddiem nett f’termini ta’ riċiklaġġ effettiv u huwa 100 % riutilizzabbli, kif ukoll jipprovdi sistema kompletament ċirkolari. Dan huwa l-uniku imballaġġ li m’għandux bżonn saff jew inforra tal-plastik u dejjem jibqa’ tajjeb għas-saħħa u sikur għall-imballaġġ tajjeb għall-ikel, irrispettivament minn kemm-il darba jiġi riċiklat, u b’hekk huwa l-uniku imballaġġ li jista’ jikseb dan. Il-ħġieġ huwa wieħed mill-aktar materjali ta’ imballaġġ riċiklati, u 76 % tal-ħġieġ kollu mqiegħed fis-suq illum jinġabar għar-riċiklaġġ. L-użu tal-ħġieġ riċiklat jiffranka kemm l-enerġija kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2. Għandhom ikomplu jiġu appoġġjati inċentivi għall-UE kollha, biex il-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-valur kollha, inklużi l-konsumaturi, jiġu mħeġġa jirriċiklaw aktar u aħjar.

    3.2.3.

    Fis-settur tal-ħġieġ tal-bini, il-ħġieġ riċiklat illum jammonta għal 26 % tal-input tal-materja prima (4). Hemm il-potenzjal li jiżdied ir-riċiklaġġ billi jittejbu l-ġbir, is-seprazzjoni, u t-tindif tal-ħġieġ li jkun ġej minn twieqi jew faċċati qodma.

    3.2.4.

    It-tmiem tal-ħajja tal-ewwel ġenerazzjoni ta’ ċelloli fotovoltajċi jista’ joħloq opportunità ġdida biex tiġi mġedda l-politika industrijali dwar l-enerġija solari u jinżammu materjali prezzjużi fl-Ewropa permezz ta’ riċiklaġġ imtejjeb. Viżjoni u politika ċara tal-UE għandhom jappoġġjaw dan.

    3.3.   Benesseri

    3.3.1.

    Il-ħġieġ jinsab kull fejn tħares madwarek. Il-ħajja moderna ma tkunx possibbli mingħajru. Is-settur tal-ħġieġ huwa wkoll wieħed mill-eqdem industriji u għandu għeruq storiċi profondi fl-Ewropa fil-ħġieġ dekorattiv, l-arti u l-kultura. Din it-tradizzjoni twila sawret l-għarfien, il-prattiki u l-arti tal-produzzjoni tal-ħġieġ fl-Ewropa.

    3.3.2.

    Daż-żmien, il-ħġieġ jagħmel possibbli t-teknoloġija medika, il-bijoteknoloġija u l-inġinerija tax-xjenza tal-ħajja. Il-ħġieġ jipproteġina wkoll mir-radjazzjoni tar-raġġi X (radjoloġija) u mir-raġġi gamma (nukleari). Il-ħġieġ għad-disinn intern u l-għamara tal-ħġieġ bħal mirja, diviżorji, balavostri, imwejjed, xkafef u dwal tal-ħġieġ itejbu l-ispazji tal-għajxien u tal-uffiċċji tagħna.

    3.3.3.

    Il-ħġieġ jipproteġi l-kwalità u l-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa tal-ikel u x-xorb tagħna. L-oġġetti tal-ħġieġ li jintużaw fuq il-mejda jippermettu l-ikel fin u l-aċċessorji għall-hekk imsejjaħ art de vivre. It-twieqi tal-ħġieġ iħallu jidħol dawl naturali fi djarna u fl-uffiċċji tagħna. Il-ħġieġ jintuża fl-apparat tad-dar u tal-uffiċċju u fl-elettronika bħal bibien tal-forn, hobs, skrins tat-televiżjoni u tal-kompjuter u smartphones.

    3.4.   Ewropa Diġitali

    Is-siti ta’ produzzjoni Ewropej diġà jagħmlu disponibbli l-aktar ħġieġ irqiq, li jintuża għal skrins, smartphones, tablets u skrins oħra (touchscreens). Wajers u kejbils tal-fibra ottika tal-ħġieġ jiżguraw kemm it-trasport tad-data fuq skala kbira kif ukoll interkontinentali kif ukoll il-mikrokonnessjonijiet f’apparati elettroniċi u ċipep.

    4.   Il-ħġieġ bħala settur li juża ħafna enerġija

    4.1.

    Kull sena, fran ġodda qed jinbnew mill-ġdid jew jiġu adattati progressivament b’teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju li huma ħafna aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-industrija tkompli tnaqqas il-konsum tal-enerġija billi tagħmel użu mit-teknoloġiji tal-irkupru tas-sħana skartata, mit-teknoloġija taċ-Ċiklu tar-Rankine Organiku, miż-żieda fl-użu tal-ħġieġ miksur u teknoloġiji simbjotiċi oħra. Sistemi u teknoloġiji ġodda ta’ ġestjoni tal-enerġija użati fl-impjanti tal-ħġieġ qed jgħinu biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika.

    4.2.

    It-tnaqqis fl-użu tal-enerġija fis-settur tal-ħġieġ ilu fuq perkors qawwi ’l isfel għal kważi 100 sena u issa qed jilħaq il-limitu termodinamiku tiegħu.

    4.3.

    Peress li l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-ħġieġ huma marbuta direttament mal-enerġija użata, it-titjib fl-effiċjenza enerġetika jista’ jidher fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. Dan it-titjib fil-fatt wassal għal tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet tas-CO2. Pereżempju, l-industrija tal-ħġieġ Franċiża – li hija pjuttost diversa u sofistikata – naqset l-emissjonijiet tagħha ta’ CO2 b’70 % bejn l-1960 u l-2010.

    4.4.

    Sabiex jiġi mmonitorjat il-progress li sar mill-industrija tal-ħġieġ meta mqabbla ma’ setturi oħrajn b’użu intensiv tal-enerġija, għandu jiġi żviluppat appoġġ aktar iffukat għas-settur kollu kemm hu u s-sottosetturi tiegħu u għal kull Stat Membru.

    4.5.   Perkorsi lejn in-newtralità klimatika/tal-karbonju

    4.5.1.

    Is-settur tal-ħġieġ kważi laħaq il-limitu termodinamiku tiegħu, li jfisser li tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2 m’għadux possibbli bit-tekniki attwali u bil-kombustjoni tal-gass naturali. Dak li huwa meħtieġ huwa tranżizzjoni tal-enerġija u ċirkolarità saħansitra akbar fil-produzzjoni tal-ħġieġ fl-oqsma fejn jeżisti l-potenzjal.

    4.5.2.   L-elettriku ekoloġiku

    L-elettrifikazzjoni hija perkors promettenti ieħor lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-ħġieġ. Bħalissa qed jiġi żviluppat proġett ta’ dimostrazzjoni, Furnace for the Future. Dan ser ikun l-ewwel forn tal-elettriku ibridu tal-ħġieġ tal-kontenituri fuq skala kbira fid-dinja. Diġà hemm fran elettriċi fuq skala żgħira li joperaw fis-sottosetturi tal-ħġieġ tal-kontenituri u tal-ħġieġ domestiku. Bħalma huwa l-każ għall-idroġenu, jeħtieġ li tiġi żviluppata l-kapaċità tal-elettriku ekoloġiku.

    4.5.3.   L-idroġenu ekoloġiku

    L-idroġenu huwa alternattiva promettenti ħafna għall-gass naturali. Is-settur tal-ħġieġ diġà qed jesplora l-għażla tal-fran tal-idroġenu. Se jgħaddu bosta snin qabel ma l-ewwel forn immexxi mill-idroġenu jibda jopera f’ambjent kompetittiv u qabel ma jkun hemm biżżejjed kapaċità ta’ produzzjoni u trasportazzjoni għall-idroġenu.

    4.5.4.   Ċirkolarità

    Meta l-ħġieġ jiddewweb bi fran tal-gass naturali, sa 80 % tas-CO2 jiġi rilaxxat permezz tal-kombustjoni tal-gass naturali u 20 % jiġi rilaxxat minn materja prima verġni. Is-sostituzzjoni tal-materja prima verġni bi ħġieġ riċiklat (ħġieġ skartat) tipprevjeni l-ħtieġa li jiġu estratti materjali verġni, tnaqqas l-iskart u s-CO2 u tiffranka l-enerġija. Hemm il-potenzjal li “jingħalaq iċ-ċirku tal-ħġieġ” (5) u li aktar ħġieġ jiġi rriċiklat wara l-konsum. Kemm fis-sottosetturi tal-kostruzzjoni kif ukoll f’dawk tal-ħġieġ awtomobilistiku, qed jiġu ttestjati diversi inizjattivi u mudelli biex jitjieb il-ġbir. Iż-żarmar minn qabel tal-ħġieġ u panew tal-ħġieġ mill-bini qabel demolizzjoni u l-mira ta’ ġbir speċifika għall-materjal għandhom jiġu previsti biex jikkomplementaw il-mira ġenerika għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni li hija ineffettiva fir-rigward ta’ materjali ħfief bħall-ħġieġ. Sistemi ta’ ġbir separat huma meħtieġa biex jiżguraw kwalità għolja sabiex livelli għoljin ta’ kontenut riċiklat ikunu jistgħu jintużaw fil-prodotti tal-ħġieġ.

    4.5.5.   Ostakli u sfidi

    It-tranżizzjoni tal-enerġija se tirriżulta fi spejjeż operattivi (OPEX) u rekwiżiti kapitali (CAPEX) ogħla. Il-politiki tal-UE għandhom jappoġġjaw l-investimenti tal-industrija biex jippermettu din it-tranżizzjoni u għandhom jiżguraw li l-industrija ma tkunx esposta għall-kompetizzjoni inġusta minn barra s-suq tal-UE. Barra minn hekk, għandha tittieħed azzjoni issa peress li l-fran għandhom ħajja ta’ madwar 10 sa 15-il sena (ħġieġ tal-kontenitur) jew 15 sa 20 sena (ħġieġ ċatt). Dan jagħtina biss żewġ ġenerazzjonijiet ta’ fran sas-sena kruċjali 2050.

    5.   L-industrija tal-ħġieġ fil-politika tal-UE

    5.1.

    L-irkupru ekoloġiku: il-Patt Ekoloġiku, il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-UE, l-isforz għal aktar enerġija rinnovabbli, il-politika tat-trasport sostenibbli u inizjattivi tal-ekonomija ċirkolari għandhom ikunu muturi effettivi għal prodotti tal-ħġieġ b’livell baxx ta’ karbonju.

    5.2.

    Sorsi ġodda ta’ enerġija: appoġġ u bini tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku ekoloġiku u l-idroġenu ekoloġiku u l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-bijogass. Appoġġ għall-enerġija mir-riħ u mix-xemx fit-taħlita tal-enerġija.

    5.3.

    R&Ż: żieda fl-appoġġ pubbliku u l-finanzjament għar-R&Ż u għal proġetti ta’ dimostrazzjoni (6) bħall-Fond ta’ Innovazzjoni tal-ETS sabiex il-produzzjoni tiġi dekarbonizzata u jiġu żviluppati aktar il-fran effiċjenti fl-enerġija. Il-Fond ġie sottoskritt b’mod massiv fl-ewwel sejħa tiegħu, u dan huwa mistenni wkoll li jkun il-każ f’sejħiet sussegwenti.

    5.4.

    Adozzjoni mis-suq: huma meħtieġa mekkaniżmi li jappoġġjaw l-adozzjoni mis-suq ta’ prodotti tal-ħġieġ b’livell baxx ta’ karbonju biex jiġi żgurat redditu fuq l-investiment għal investimenti fil-produzzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Appoġġ għas-sostituzzjoni tal-plastik b’alternattivi tal-ħġieġ sostenibbli fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, fid-djar, fis-settur tal-ospitalità, għall-ikliet takeaway u l-ikel u x-xorb fuq il-post, biex tgħin fil-bidla minn sistemi ta’ ekonomija lineari għal dawk ċirkolari.

    5.5.

    Mewġa ta’ Rinnovazzjoni: appoġġ għal miżuri tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni li għandhom il-potenzjal li jinkoraġġixxu l-użu ta’ prodotti li jevitaw is-CO2 biex tingħata spinta lill-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli kemm fil-bini kif ukoll fit-trasport. Azzjoni biex il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tiżdied u ssir vinkolanti fil-livell tal-UE biex tħeġġeġ ir-rinnovazzjoni tal-bini pubbliku u żżid il-livell ta’ ambizzjoni għall-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija. Appoġġ għaż-żieda fil-finanzjament disponibbli għar-rinnovazzjoni tal-bini permezz ta’ għadd ta’ strumenti, inkluż il-Fond Soċjali Ġdid għall-Klima.

    5.6.

    Trasport sostenibbli: appoġġ għar-rivoluzzjoni tat-trasport lejn karozzi intelliġenti u newtrali għall-klima u l-espansjoni tas-sistemi tat-trasport pubbliku. Il-ħġieġ ta’ teknoloġija għolja għandha rwol importanti f’dan ir-rigward.

    5.7.

    L-imballaġġ sostenibbli: appoġġ għall-bidla minn materjali mhux lineari għal ħġieġ kompletament ċirkolari, riutilizzabbli u riċiklabbli biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, l-estrazzjoni ta’ materja prima verġni u t-tnaqqis tar-riżorsi.

    5.8.

    Ċirkolarità: appoġġ għall-infrastrutturi tal-ġbir separat u tar-riċiklaġġ, il-bini tal-kapaċità u t-teknoloġiji biex jimmassimizzaw il-kwantità u l-kwalità tal-ħġieġ ta’ wara l-konsumatur għar-riċiklaġġ b’ċirkwit magħluq lura fi prodotti tal-ħġieġ ġodda. L-inkoraġġiment ta’ sħubijiet tal-katina tal-valur tas-settur pubbliku u privat, bħall-pjattaforma “Close the Glass Loop” għall-ħġieġ tal-kontenituri (7), biex jaħdmu flimkien.

    5.8.1.

    B’mod partikolari, jeħtieġ li jsiru sforzi fil-qasam tal-attivitajiet tas-settur tal-kostruzzjoni, inkluż l-iskart mid-demolizzjoni, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ħġieġ tal-bini fi tmiem il-ħajja tiegħu.

    5.8.2.

    Rati għoljin ta’ użu mill-ġdid tal-pakketti tal-ħġieġ u rati għolja ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-ħġieġ urew li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatti ambjentali tas-sistemi tal-imballaġġ tal-ħġieġ u għaż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi. Sabiex jinkisbu rati għoljin ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ, barra mill-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) għar-riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-ħġieġ f’direzzjoni waħda, l-industrija introduċiet sistemi volontarji ta’ depożitu fuq imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża u xi Stati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) implimentaw sistemi obbligatorji ta’ rimborż tad-depożitu (DRS)fuq imballaġġ tax-xorb li jintuża darba. Filwaqt li s-sistemi obbligatorji ta’ rimborż tad-depożitu għal imballaġġ f’direzzjoni waħda huma meqjusa bħala mezz effettiv għall-prevenzjoni tar-rimi taż-żibel u għall-kisba ta’ rati għolja ta’ riċiklaġġ ta’ imballaġġ tax-xorb, il-KESE jqis li d-DRS għal ħġieġ f’direzzjoni waħda għal kontenituri tal-ħġieġ oħra (u mhux biss kontenituri tax-xorb) mhuwiex kompatibbli mal-iskemi EPR li jiffunzjonaw tajjeb li huma ppruvati li huma adatti għall-iskop tagħhom ta’ ġbir għal sistema ta’ riċiklaġġ u li kisbu rati għoljin ħafna ta’ riċiklaġġ.

    5.8.3.

    Għal ħġieġ tal-kontenituri li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, appoġġ għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur li jistgħu jiġbru l-ħġieġ bl-ingrossa. Dawn huma ħafna aktar effettivi mill-iskemi ta’ kapparra u ritorn għal imballaġġ f’direzzjoni waħda, kemm ambjentalment kif ukoll ekonomikament.

    5.9.

    Diġitalizzazzjoni: appoġġ għall-industriji u l-impjegati li qed jippermettu Ewropa diġitali (fibra ottika, touchscreens, displays, sensuri) permezz ta’ politika industrijali effettiva tal-UE u l-iżvilupp ta’ ekosistemi, filwaqt li jitqiesu l-isfidi kollha msemmija hawn fuq u abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi sottosetturi tal-ħġieġ.

    5.10.   L-iżgurar tal-kompetittività fis-suq Ewropew

    5.10.1.

    It-tranżizzjoni tal-enerġija tas-settur tal-ħġieġ se tieħu ż-żmien u, matul it-tranżizzjoni, l-ispejjeż għoljin ħafna u li qed jiżdiedu tal-enerġija qed joħolqu sitwazzjoni diffiċli ħafna fis-settur tal-ħġieġ, li bħalissa jirrappreżentaw madwar 25-30 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ħġieġ, skont il-prodotti u l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet.

    5.10.2.   Għajnuna mill-Istat

    Is-sottosetturi kollha tal-ħġieġ għandhom jibbenefikaw minn strumenti ta’ appoġġ għal CAPEX u OPEX, bħall-fond għall-modernizzazzjoni, il-fondi strutturali tal-UE u l-fond ta’ innovazzjoni tal-ETS, fost oħrajn. Il-ħġieġ għandu jiġi eżentat mid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija iżda inkluż fl-eżenzjoni ta’ kategorija għall-kumpens tal-elettriku u għandu jibbenefika minn Kuntratti għad-Differenza għall-Karbonju sabiex ikunu jistgħu jsiru investimenti fi proċessi ta’ produzzjoni baxxa ta’ CO2. B’mod partikolari, il-ħġieġ speċjali għandu jiżdied mal-lista tal-klima għall-għajnuna mill-Istat.

    5.10.3.

    Il-kompetittività madwar id-dinja

    5.10.3.1.

    Prattiki kummerċjali inġusti minn pajjiżi terzi jeħtieġ li jiġu indirizzati malajr bi strumenti ta’ politika kummerċjali effettivi.

    5.10.3.2.

    Is-settur tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu bata minn distorsjoni tas-suq minħabba l-importazzjonijiet kbar ta’ fibri tal-ħġieġ li kienu oġġett ta’ dumping u sussidjati mill-Asja. Hemm ħtieġa urġenti għal miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni, pereżempju fuq l-importazzjonijiet mill-Eġittu u l-Bahrain.

    5.10.3.3.

    Is-settur tal-ħġieġ li jipproduċi windskrins għas-settur awtomobilistiku qed jiffaċċja wkoll kompetizzjoni ħarxa prinċipalment mill-produtturi Ċiniżi. Standards ambjentali u tal-emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi flimkien ma’ pagi aktar baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol ifqar iwasslu għal kompetizzjoni inġusta li tista’ twassal biex l-assemblaturi tal-karozzi Ewropej iżidu l-importazzjonijiet mil-Lvant Imbiegħed tal-Asja, u jikkawżaw aktar emissjonijiet ta’ CO2 globalment.

    5.10.3.4.

    L-Ewropa hija l-produttur ewlieni tal-imballaġġ tal-ħġieġ fid-dinja. Is-settur jaqdi s-settur tal-ikel u x-xorb essenzjali tal-UE, l-akbar settur fl-UE. Il-ħġieġ jikkontribwixxi wkoll għall-kummerċ estern ta’ madwar EUR 250 biljun ta’ prodotti li huma mballati jew li x’aktarx jiġu mballati fil-ħġieġ, li jipprovdi aktar qligħ mill-esportazzjoni tal-UE milli jipprovdu r-reżina u l-gerbub (pellets) tal-plastik, sustanzi kimiċi organiċi u inġenji tal-ajru.

    5.11.   Niżguraw tranżizzjoni ġusta

    It-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati biex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tadatta ruħha għal teknoloġiji u proċessi ġodda u biex tiġi pprovduta aktar sigurtà tal-impjieg, kemm fis-settur innifsu kif ukoll fis-suq tax-xogħol usa’. Il-ħaddiema għandhom jiġu inklużi fit-tranżizzjoni u, għalhekk, id-djalogu soċjali f’kull livell għandu jiġi appoġġjat mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

    5.12.   L-istabbiltà u ċ-ċertezza leġiżlattiva

    5.12.1.

    Rilokazzjoni tal-karbonju: miżuri ta’ rilokazzjoni tal-karbonju effettivi permezz tal-ETS għandhom jinżammu biex jappoġġjaw lill-industrija fit-tranżizzjoni biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE u biex joħolqu u jżommu kundizzjonijiet indaqs fil-livell Ewropew u internazzjonali.

    5.12.2.

    CBAM: il-KESE huwa favur l-introduzzjoni bir-reqqa tas-CBAM, f’konformità mar-regoli tad-WTO, iżda għandu jinkludi soluzzjoni għall-esportazzjonijiet u għandu jikkomplementa l-allokazzjoni bla ħlas fil-livell ta’ punt ta’ riferiment sħiħ mill-inqas sal-2030 biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jiffukaw fuq l-investiment b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u jivvalutaw l-effettività tas-CBAM.

    5.12.3.

    Tassonomija: il-Kumitat jilqa’ l-ħidma dwar il-pakkett tat-tassonomija tal-UE li għandu l-għan li jidderieġi l-finanzjament privat lejn attivitajiet sostenibbli, iżda jaħseb li r-rwol tal-manifattura tal-ħġieġ u l-kontribut tagħha għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu indirizzati.

    5.12.4.

    Ċirkolarità: il-Kumitat jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u jitlob li l-ħġieġ jiġi rikonoxxut bis-sħiħ bħala materjal permanenti li jibqa’ produttiv fl-ekonomiji tagħna u li jiġu appoġġjati bis-sħiħ l-inizjattivi biex tissaħħaħ iċ-ċirkolarità tal-ħġieġ.

    5.12.5.

    Lesti għall-mira ta’ 55 %: dan il-pakkett ġie ppreżentat waqt li din l-Opinjoni kienet qed tiġi mfassla. Jipproponi li jiġu emendati tnax-il proposta eżistenti (id-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, eċċ.) u tintroduċi xi wħud ġodda (bħall-proposta CBAM). Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa l-impatt ta’ dan il-pakkett fuq l-industrija tal-ħġieġ. Minħabba l-iskala tal-bidliet introdotti f’ħafna oqsma differenti, huwa kruċjali li tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi partijiet ta’ leġiżlazzjoni u jiġu evitati kunflitti potenzjali. Il-pakkett għandu jappoġġja lill-industrija lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha filwaqt li jiżgura kundizzjonijiet ekwi mal-kompetituri barra mill-UE li mhumiex qed jiffaċċjaw l-istess spejjeż tal-karbonju.

    Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Sors: Eurostat u FERVER

    (2)  Is-sors huwa rapport tat-TNO mill-2019: Glazing potential: energy savings and CO2 emission reduction – Glass for Europe

    (3)  Furnace for the Future: https://feve.org/about-glass/furnace-for-the-future/

    (4)  Glass for Europe – 2050: Flat glass in climate-neutral Europe – 2019. https://glassforeurope.com/wp-content/uploads/2020/01/flat-glass-climate-neutral-europe.pdf

    (5)  Close the Glass Loop: https://closetheglassloop.eu/

    (6)  L-industrija tal-ħġieġ għandha diversi strateġiji ta’ dekarbonizzazzjoni, bħall-bidla għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, materja prima b’livell baxx ta’ karbonju, l-użu ta’ ħġieġ riċiklat, it-trasport u l-loġistika.

    (7)  Close the Glass Loop www.closetheglassloop.eu


    Top