IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2021
COM(2021) 610 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni fl-2017-2018 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/15/KE dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq
(it-30 rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq)
{SWD(2021) 278 final}
Introduzzjoni
Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali tal-UE fit-trasport bit-triq fl-Istati Membri għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Jixħet dawl fuq l-isfidi ewlenin fl-infurzar u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, li huma stabbiliti fl-erba’ atti leġiżlattivi li ġejjin:
1) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006
(magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan) li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet tas-sewqan ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa;
2) Id-Direttiva 2002/15/KE
(magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli. Din tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-ħinijiet massimi tax-xogħol fil-ġimgħa, il-pawżi minimi fix-xogħol u fix-xogħol billejl. Tapplika għas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;
3) Id-Direttiva 2006/22/KE
(magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar l-Infurzar) li tistabbilixxi l-livelli minimi ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u ta’ kontrolli fil-post tan-negozju tal-impriżi tat-trasport biex tiġi vverifikata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan;
4) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014
(magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar it-Takografi) li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-installazzjoni u l-użu tat-takografi fil-vetturi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan.
Dan ir-rapport, ibbażat fuq l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Ħin tas-Sewqan u fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tat-Trasport bit-Triq
, jinkludi data kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tal-impriżi, kif ukoll dwar ir-reati identifikati.
Ir-rapport huwa maqsum fi tliet taqsimiet: It-Taqsima I tipprovdi l-analiżi tad-data nazzjonali dwar il-kontrolli u r-reati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/22/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 filwaqt li t-Taqsima II tagħti deskrizzjoni fil-qosor tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE mill-Istati Membri. It-Taqsima III tislet il-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan ir-rapport. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jikkumplementa r-rapport tal-Kummissjoni b’informazzjoni supplimentari dwar il-penali, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-kummenti mill-awtoritajiet ta’ infurzar u statistika aktar dettaljata.
Preżentazzjoni tad-data
Ir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE u tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 iridu jiġu ppreżentati sat-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sentejn ikkonċernat, permezz tal-formola ta’ rapportar standard riveduta stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2017
. L-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapporti li jkopru s-snin 2017-2018 skadiet fit-30 ta’ Settembru 2019.
L-Istati Membri kollha ppreżentaw id-data nazzjonali tagħhom, għalkemm ftit biss minnhom kienu puntwali. Il-kwalità tad-data qed tkompli tittejjeb fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. L-Istati Membri kollha pprovdew id-diżaggregazzjoni mitluba tal-istatistika dettaljata dwar il-kontrolli tal-konformità mwettqa mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju. Madankollu, xi wħud ma pprovdewx data mqassma mill-kategoriji mitluba, eż. data mqassma skont it-tip ta’ takografu u t-tip ta’ reati.
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, mhux l-Istati Membri kollha ppreżentaw l-informazzjoni meħtieġa
u xi Stati Membri biss ipprovdew data statistika dwar il-kontrolli u l-eżiti tagħhom
. In-nuqqas ta’ data kwantitattiva mill-Istati Membri jagħmilha diffiċli biex issir valutazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tinsisti li tiġi pprovduta data kwalitattiva u kwantitattiva estensiva dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2002/15/KE għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE u fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.
I. Ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ infurzar għad-Direttiva 2006/22/KE u għar-Regolament (KE) Nru 561/2006
1.Kontrolli
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jorganizzaw sistema ta’ kontrolli xierqa u regolari mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju tal-impriżi li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 561/2006. Kull sena dawn il-kontrolli jenħtieġ li jkopru kampjun kbir u rappreżentattiv ta’ ħaddiema mobbli, sewwieqa, impriżi tat-trasport u vetturi. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li l-għadd minimu tal-kontrolli għandu jkopri tal-anqas 3 % tal-jiem maħduma mis-sewwieqa
tal-vetturi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.
Id-data nazzjonali turi li l-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol
kontrollati fl-UE naqas b’madwar 5 %, jiġifieri tnaqqis minn madwar 131,7 miljun (fl-2015-2016) għal 125,7 miljun jum ta’ xogħol kontrollati fil-perjodu ta’ rapportar attwali. Dan it-tnaqqis madankollu huwa iżgħar meta mqabbel mat-tnaqqis ta’ 13 % bejn il-perjodi ta’ rapportar preċedenti, 2013-2014 u 2015-2016. Madankollu, meta tingħata ħarsa lejn iċ-ċifri nazzjonali, it-tnaqqis fil-jiem ta’ xogħol kontrollati jidher li jirriżulta l-aktar mill-għadd aktar baxx ta’ jiem ta’ xogħol kontrollati rrapportati minn Franza
. Minkejja t-tnaqqis fin-numri, Franza mhux biss tikkonforma mar-rekwiżit, iżda hija waħda mill-Istati Membri li jikkontrollaw il-biċċa l-kbira tal-jiem ta’ xogħol.
Kif muri fl-Illustrazzjoni 1 hawn taħt, il-medja tal-UE ta’ jiem ta’ xogħol kontrollati hi ta’ 5,4 % (6,3 % fl-2015-2016), li hi sostanzjalment ogħla minn dik meħtieġa skont id-Direttiva
.
Illustrazzjoni 1: Perċentwal ta’ jiem ta’ xogħol li ġew kontrollati għal kull Stat Membru
Ħafna mill-Istati Membri kkontrollaw aktar jiem ta’ xogħol mill-minimu meħtieġ mid-Direttiva. Madankollu, sitt Stati Membri ma laħqux il-limitu ta’ 3 %, jiġifieri d-Danimarka, in-Netherlands, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Greċja, u l-Litwanja. Din hija żieda meta mqabbel ma’ tliet Stati Membri fl-2015-2016. Id-Danimarka kienet qrib il-limitu (2,9 %), u filwaqt li l-Greċja żiedet l-isforzi ta’ infurzar tagħha (tjiebet minn 0,1 % fl-2015-2016 għal 0,7 % fil-perjodu attwali), din għadha ferm taħt il-limitu. In-Netherlands għandha sistema ta’ “monitoraġġ ibbażat fuq il-fiduċja”, li indirettament tkopri aktar jiem ta’ xogħol u tippermettilhom jissodisfaw il-limitu minimu għall-jiem ta’ xogħol kontrollati. Il-Finlandja u l-Litwanja rrapportaw settijiet ta’ data li ma kenux kompluti.
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/22/KE jistabbilixxi wkoll il-proporzjon tal-jiem ta’ xogħol li għandhom jiġu kontrollati mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, jiġifieri 30 % u 50 % rispettivament. Il-kalkolu ta’ dan il-proporzjon hu bbażat fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa fil-verità mill-awtoritajiet tal-infurzar u mhux fuq l-għadd minimu ta’ jiem ta’ xogħol li għandhom jiġu kontrollati. Rigward l-Istati Membri li laħqu l-limitu, tmien Stati Membri biss għandhom is-sehem bilanċjat meħtieġ bejn il-kontrolli fil-post tan-negozju u mal-ġenb tat-triq.
Bħala medja, 73 % tal-jiem ta’ xogħol kontrollati saru mal-ġenb tat-triq, filwaqt li 27 % ġew kontrollati permezz ta’ spezzjonijiet fil-post tan-negozju. Dan huwa stabbli b’żieda ta’ 1 % fil-kontrolli fil-post tan-negozju meta mqabbel mal-aħħar rapport. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, sehem kbir ta’ kontrolli twettqu mal-ġenb tat-triq. L-Irlanda u l-Finlandja rrapportaw għadd baxx ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq. Il-Finlandja ma rrapportatx data mill-pulizija nazzjonali u mill-kontrolli tagħhom mal-ġenb tat-triq, u dan jista’ jkun ir-raġuni għall-għadd baxx ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u għall-proporzjon għoli ta’ kontrolli fil-post tan-negozju. Għal aktar dettalji dwar is-sehem nazzjonali tal-kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju, ara l-Illustrazzjoni 2.
Illustrazzjoni 2: Sehem ta’ kontrolli mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju abbażi tal-jiem ta’ xogħol kontrollati għal kull Stat Membru
1.1 Kontrolli mal-ġenb tat-triq
B’kollox, fl-UE kollha ġew kontrollati 4,982,439 vettura u 5,395,009 sewwieqa mal-ġenb tat-triq. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ numri tista’ tiġi spjegata minn sewqan minn aktar minn sewwieq wieħed, jiġifieri fejn ikun hemm mill-inqas żewġ sewwieqa fil-vettura biex isuqu. Id-differenzi bejn l-għadd ta’ sewwieqa u vetturi huma prinċipalment preżenti fir-rapporti mill-Belġju, mill-Ġermanja, mil-Latvja, mir-Rumanija, minn Spanja, mill-Iżvezja, mil-Litwanja u mill-Polonja.
Meta mqabbel mar-rapport għall-2015-2016, l-għadd irrapportat ta’ vetturi kontrollati naqas b’39 %, li huwa tnaqqis ta’ 3,180,264 vettura. Dan huwa prinċipalment dovut għal tnaqqis sinifikanti fin-numri rrapportati mill-Ġermanja (-54 % jew 1,580,987) u mill-Finlandja
(-99 % jew 1,081,158). Dan huwa simili għaż-żidiet irrapportati mill-istess żewġ Stati Membri fl-2015-2016.
L-għadd ta’ sewwieqa kontrollati naqas bi 8 % meta mqabbel mal-2015-2016, li huwa inqas sinifikanti mit-tnaqqis ta’ 22 % fl-aħħar perjodu ta’ rapportar. Dan huwa prinċipalment dovut għal tnaqqis irrapportat fi Franza (-19 % jew 157,780), fil-Bulgarija (-48 % jew 142,147), fil-Polonja (-13 % jew 77,666), u għal effetti kumulattivi ta’ tnaqqis iżgħar f’diversi Stati Membri oħra
.
Abbażi tal-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, 58 % tal-vetturi kontrollati fl-UE kienu vetturi nazzjonali, 33 % kienu minn Stati Membri oħra tal-UE u 9 % kienu vetturi rreġistrati f’pajjiżi mhux tal-UE
. B’mod ġenerali, ħafna mill-vetturi kontrollati mal-ġenb tat-triq (90 % tat-total) kienu trasportaturi tal-merkanzija, filwaqt li 10 % biss kienu trasportaturi tal-passiġġieri.
Fl-2017-2018, 75 % tal-vetturi kontrollati mal-ġenb tat-triq kienu mgħammra b’takografu diġitali. B’hekk, ma hemm ebda raġuni għaliex il-limitu tal-kontrolli għandu jiżdied minn 3 % għal 4 %, peress li dan jenħtieġ li jsir biss meta 90 % tal-vetturi kontrollati jkunu mgħammra b’takografi diġitali skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/22/KE.
1.2 Kontrolli fil-post tan-negozju
Fil-perjodu 2017-2018, ġew kontrollati 104,104 impriżi tat-trasport, li huwa tnaqqis ta’ 29 % meta mqabbel ma’ 146,967 impriża kontrollati fl-2015-2016. Il-kontrolluri fil-post tan-negozju kkontrollaw madwar 33,7 miljun jum ta’ xogħol, li jirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 3 % meta mqabbel ma’ 34,8 miljun fir-rapport preċedenti. B’mod ġenerali, l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri kkontrollaw fil-post tan-negozju r-rekords ta’ 641,033 sewwieq, li huwa 3 % inqas meta mqabbel ma’ 5,846,011 fl-2015-2016.
2.Reati
Kważi l-Istati Membri kollha pprovdew data dwar ir-reati identifikati, iżda mhux kollha
pprovdew dettalji dwar it-tipi ta’ ksur. L-għadd totali ta’ reati rrapportati kien ta’ madwar 3,41 miljun, li huwa stabbli meta mqabbel mal-aħħar rapport (3,46 miljun).
L-għadd ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju baqa’ stabbli b’żieda ta’ 1 %, filwaqt li r-reati identifikati mal-ġenb tat-triq naqsu bi 3 %. Is-sehem tar-reati mal-ġenb tat-triq identifikati baqa’ stabbli fil-livell ta’ 57 % tar-reati totali identifikati (58 % fl-aħħar rapport).
Is-sehem tat-tipi ta’ ksur fl-għadd ġenerali ta’ ksur identifikat baqa’ simili bħal fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti, b’xi bidliet żgħar. L-Illustrazzjoni 3 hawn taħt turi s-sehem medju tal-UE ta’ ksur skont it-tip ta’ dispożizzjoni miksura, identifikat kemm mal-ġenb tat-triq kif ukoll fil-post tan-negozju fl-2017-2018. Għal darb’oħra, l-għadd ta’ reati rigward il-pawżi naqas bi ftit minn 21 % għal 17 %, filwaqt li r-reati tar-rekords tal-ħin tas-sewqan żdiedu minn 24 % għal 27 %. Ir-reati għall-perjodi ta’ mistrieħ jikkostitwixxu 23 % (24 % fl-aħħar rapport), it-tagħmir ta’ reġistrazzjoni
jirrappreżenta 12 % (11 % fl-aħħar rapport) u n-nuqqas/id-disponibbiltà ta’ rekords għal xogħol ieħor jikkostitwixxu 6 % (7 % fl-aħħar rapport) tal-ksur kollu identifikat. Dawn l-iżviluppi huma ppreżentati fl-Illustrazzjoni 4 hawn taħt.
Ir-rata medja ta’ reati, li hi kkalkolata fuq il-bażi ta’ 100 jum ta’ xogħol kontrollati matul kontrolli fil-post tan-negozju u mal-ġenb tat-triq, żdiedet minn 2,6 fl-2015-2016 għal 2,7 fil-perjodu ta’ rapportar attwali. Ir-rata ta’ identifikazzjoni fil-post tan-negozju għadha d-doppju tar-rata ta’ identifikazzjoni mal-ġenb tat-triq, li turi li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma ferm aktar effiċjenti mill-kontrolli ad hoc mal-ġenb tat-triq.
Illustrazzjoni 3: Kategoriji ta’ ksur mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju 2017-2018
Illustrazzjoni 4: Kategoriji ta’ ksur mal-ġenb tat-triq u fil-post tan-negozju matul l-aħħar 10 snin
2.1 Reati identifikati mal-ġenb tat-triq
Fl-2017-2018, instabu madwar 1,94 miljun reat mal-ġenb tat-triq, li huwa 3 % inqas meta mqabbel ma’ madwar 2 miljun reat fl-2015-2016. Il-medja tal-UE tar-reati identifikati mal-ġenb tat-triq naqset bi ftit minn 2,17 għal 2,11 għal kull 100 jum ta’ xogħol kontrollati. Bħala medja, 55 % tar-reati nstabu li twettqu minn sewwieqa domestiċi, li jikkorrispondi għas-sehem ta’ 58 % tal-vetturi domestiċi fost il-vetturi kollha mwaqqfa għall-kontrolli.
2.2 Reati identifikati fil-post tan-negozju
Ir-reati identifikati fil-post tan-negozju kienu madwar 1,46 miljun, li huwa 1 % inqas mill-aħħar perjodu ta’ rapportar. Ir-rata medja ta’ identifikazzjoni tar-reati għal kull 100 jum ta’ xogħol kontrollati żdiedet minn 4,19 għal 4,35, li jirrappreżenta żieda ta’ 4 % meta mqabbla mal-2015-2016. Iż-żieda fir-rata ta’ reati (minkejja tnaqqis fir-reati identifikati) hija spjegata minn tnaqqis fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol kontrollati.
Ir-rata medja ta’ reati identifikati fil-post tan-negozju għal kull impriża naqset minn 37 fl-2015-2016 għal 14-il reat għal kull impriża, wara żieda qawwija fir-rata ta’ reati fl-aħħar rapport
. Dan huwa spjegat prinċipalment minn tnaqqis kbir fir-rati ta’ identifikazzjoni tar-reati fil-Latvja (minn rata ta’ reati għal kull impriża ta’ bejn 552,96 u 340,75).
2.3 Għadd ta’ uffiċjali tal-infurzar u ta’ tagħmir biex janalizzaw it-takografi
Fil-perjodu ta’ rapportar attwali, 61,558 uffiċjal tal-kontroll kienu involuti fil-kontrolli fl-UE kollha, li jikkonferma sitwazzjoni stabbli fl-għadd ta’ uffiċjali.
ġew imħarrġa 21,786 uffiċjal tal-kontroll biex janalizzaw ir-rekords diġitali tat-takografu (it-tnaqqis ta’ 9 % mill-aħħar perjodu ta’ rapportar). L-unitajiet ta’ tagħmir ipprovduti lill-uffiċjali tal-kontroll biex janalizzaw ir-rekords tat-takografu naqsu wkoll b’5,5 %. L-Istati Membri ma indikaw l-ebda raġuni għal dan it-tnaqqis.
3.Interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
The Court of Justice of the European Union provided interpretation of Regulation (EC) No 561/2006 by means of the rulings in Case C-231/18 NK and Joined Cases C-203/18 and C-374/18. Il-kawżi kienu relatati mal-interpretazzjonijiet tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) b’referenza għat-termini “swieq lokali” u “servizzi universali”.
Fil-Kawża C-231/18 NK, il-Qorti ddeċidiet li t-terminu “swieq lokali” fl-Artikolu 13(1)(p) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 irid jiġi interpretat bħala li la jirreferi għat-tranżazzjoni mwettqa bejn bejjiegħ bl-ingrossa tal-bhejjem u bidwi u lanqas għall-bejjiegħ bl-ingrossa tal-bhejjem stess, sabiex l-eċċezzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni ma tkunx tista’ tiġi estiża biex tinkludi vetturi li jittrasportaw annimali ħajjin direttament mill-azjendi agrikoli sal-biċċeriji lokali.
Fil-Kawżi Magħquda C-203/18 u C-374/18, il-Qorti ddeċidiet li l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 irid jiġi interpretat bħala li jfisser li l-eċċezzjoni, li jistabbilixxi, tkopri biss vetturi jew kombinamenti ta’ vetturi li jintużaw esklużivament, matul operazzjoni partikolari tat-trasport, għall-finijiet tat-twassil ta’ oġġetti bħala parti mis-servizz postali universali.
4.Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/22/KE, l-Istati Membri huma obbligati jwettqu mill-inqas sitt kontrolli organizzati mal-ġenb tat-triq ma’ mill-inqas Stat Membru ieħor. Tmien Stati Membri
ma pprovdewx informazzjoni dwar l-għadd eżatt ta’ kontrolli organizzati, filwaqt li tlieta ma rrapportaw xejn dwar jekk kinux wettqu kontrolli organizzati
. Minn fost is-17-il Stat Membru li pprovdew informazzjoni adegwata dwar il-kontrolli, 12-il Stat Membru
ssodisfaw l-għadd meħtieġ ta’ kontrolli organizzati fis-sena. Abbażi ta’ dan, kemm l-Istati Membri li pprovdew numri kif ukoll l-Istati Membri li ssodisfaw l-għadd meħtieġ ta’ kontrolli organizzati naqsu meta mqabbel mal-2015-2016, meta 24 Stat Membru pprovdew informazzjoni, li minnhom 15-il Stat Membru ssodisfaw il-limitu.
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tikkonċerna primarjament Stati Membri ġirien. Barra minn hekk, fir-rigward tal-aħħar perjodu ta’ rapportar, ħafna mill-Istati Membri indikaw li l-kooperazzjoni seħħet fi ħdan il-qafas tal-Euro Contrôle Route (ECR).
Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-kontrolli organizzati, l-inizjattivi ta’ taħriġ konġunt jew l-iskambji ta’ esperjenza u ta’ informazzjoni, taqdi rwol kruċjali fl-ilħuq tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq, jiġifieri kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, kompetizzjoni ġusta u sikurezza fit-toroq imtejba. L-ewwel Pakkett dwar il-Mobbiltà, li ġie adottat f’Lulju 2020 u li daħal fis-seħħ fiż-żmien meta tfassal dan ir-rapport, għandu jippromwovi u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri u jiżgura infurzar aktar effettiv u konsistenti tar-regoli fis-seħħ. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ġiet stabbilita fl-2019 b’objettiv ġenerali li tiġi żgurata mobbiltà ġusta tax-xogħol fis-suq intern. Wieħed mill-kompiti tal-ELA jikkonsisti fl-għoti ta’ appoġġ lill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar transfruntier u fl-iffaċilitar tal-ispezzjonijiet konġunti, inkluż fil-qasam tar-regoli soċjali tal-UE fis-settur tat-trasport bit-triq.
II. Ħarsa ġenerali lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE
Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, l-Istati Membri huma obbligati jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tagħha u jindikaw l-opinjonijiet tal-impjegati u tal-impjegaturi fil-livell nazzjonali kull sentejn.
1.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE
Id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw, fost l-oħrajn, pawżi xierqa waqt il-perjodu tax-xogħol, il-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa u x-xogħol billejl. Id-dispożizzjonijiet tagħha jissupplimentaw ir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perjodi ta’ mistrieħ stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Billi din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet dwar is-sigħat tax-xogħol li huma speċifiċi għas-settur tat-trasport bit-triq, din hi meqjusa bħala lex specialis tad-Direttiva 2003/88/KE
ġenerali dwar il-ħinijiet tax-xogħol, li tistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fis-setturi kollha.
2.Aspetti ta’ implimentazzjoni fl-Istati Membri
Il-Litwanja
biss indikat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2002/15/KE ġew emendati fl-2017-2018. Huma emendaw id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ, inklużi t-termini użati, eż. il-ħin massimu tax-xogħol tal-ħaddiema mobbli, il-perjodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol ta’ billejl, ir-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-informazzjoni dwar il-ħaddiema.
Diversi Stati Membri u sħab soċjali rrapportaw xi problemi b’rabta mal-implimentazzjoni. L-awtoritajiet Slovakki u l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions irrapportaw nuqqas ta’ għarfien tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol fost is-sewwieqa u l-operaturi. Din l-opinjoni ġiet kondiviża mill-awtoritajiet Żvediżi, li rrapportaw li ma kienx hemm għarfien biżżejjed, b’mod partikolari fost l-impjegaturi u dawk li jaħdmu għal rashom.
Diversi awtoritajiet irrapportaw ukoll il-ħtieġa ta’ kjarifika ulterjuri ta’ xi definizzjonijiet fid-Direttiva 2002/15/KE. Fl-Italja, is-sħab soċjali talbu kjarifika ulterjuri dwar id-definizzjonijiet ta’ “ħin tax-xogħol” u “ħin iddedikat għall-attivitajiet kollha tat-trasport bit-triq” fid-Direttiva. L-awtoritajiet Portugiżi kellhom tħassib simili, u b’mod partikolari talbu kjarifika ta’ “perjodi ta’ disponibbiltà”. L-awtoritajiet Ġermaniżi rrapportaw diffikultajiet biex jivvalutaw x’jgħodd bħala “ħin tax-xogħol”, speċifikament meta jikkontrollaw id-data diġitali.
Ġie rrapportat ukoll nuqqas ta’ riżorsi umani mit-trade unions Sloveni u mis-sħab soċjali fil-Ġermanja. L-awtoritajiet Lussemburgiżi kif ukoll xi Ländern Ġermaniżi rrapportaw ukoll li l-attivitajiet tagħhom kienu mminati minn nuqqas ta’ persunal tal-infurzar. Fl-aħħar nett, xi awtoritajiet nazzjonali rrapportaw diffikultajiet fil-kontroll tal-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa involuti f’tipi differenti ta’ attivitajiet ta’ trasport
jew fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ trasport għal diversi impjegaturi
.
Il-feedback minn Franza u mill-Iżvezja enfasizza l-importanza li tiżdied il-frekwenza tal-monitoraġġ tal-kontrolli tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE biex jiġu rrispettati l-istandards tal-liġi tax-xogħol tal-Unjoni.
Matul l-aħħar tliet snin, Franza wettqet riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ spezzjoni tax-xogħol tagħha, u ħolqot unitajiet ta’ spezzjoni tat-trasport settorjali b’persunal ta’ uffiċjali mħarrġa biex jifhmu n-natura speċifika tal-attivitajiet fis-settur tat-trasport bit-triq. Dawn il-bidliet organizzattivi wasslu għal titjib kemm kwalitattiv kif ukoll kwantitattiv tal-kontrolli.
Mill-perspettiva tal-awtoritajiet Żvediżi, ġie osservat li żieda fl-għadd ta’ spezzjonijiet wasslet għal sensibilizzazzjoni akbar tar-regoli. L-Iżvezja għandha l-għan li ttejjeb il-komunikazzjoni mal-industrija u li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-impatti negattivi tax-xogħol ta’ billejl fi sforz ġenerali biex ittejjeb l-għarfien tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħin tax-xogħol fost l-impjegaturi u dawk li jaħdmu għal rashom.
Minkejja dawn l-osservazzjonijiet komuni, l-identifikazzjoni tax-xejriet u l-kwistjonijiet pendenti fil-livell tal-Unjoni għadha diffiċli, minħabba l-għadd sinifikanti ta’ sottomissjonijiet mhux kompluti mill-Istati Membri.
3.Interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE
Għadd żgħir ta’ Stati Membri rrapportaw interpretazzjoni ġudizzjarja mill-qrati nazzjonali li interpretaw ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE fl-2017-2018. L-Iżvezja indikat li kienet qed tistenna deċiżjoni f’każ relatat mal-possibbiltà li jitwettaq ftehim kollettiv li jidderoga minn partijiet tal-att legali nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2002/15/KE. L-Estonja rrapportat li t-tilwim legali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE kien ġie solvut mill-qrati tal-Prim’Istanza. Fis-Slovenja, ġew interpretati dubji dwar il-ġerarkija tal-atti legali dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-pawżi waqt l-ikla ta’ nofsinhar jenħtieġ li jingħaddu bħala ħin tax-xogħol. Il-Greċja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/15/KE, li jistipulaw li l-perjodi ta’ pawża u ta’ mistrieħ ma jitqisux bħala ħin tax-xogħol, ma jwaqqfux il-promulgazzjoni ta’ regolamenti nazzjonali biex dawn il-perjodi jiġu regolati aħjar. Spanja kellha għadd ta’ każijiet tal-qorti relatati ma’ ftehimiet kollettivi, paga tal-vaganzi, ħin tal-ivvjaġġar, u trasport ta’ passiġġieri b’każ partikolari wieħed li kien jirrigwarda l-avveniment ta’ bidla fil-jum tax-xogħol u l-impatt fuq l-istruttura tal-paga tas-sewwieq fit-trasport tal-passiġġieri.
4.Ksur tar-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol
Diversi Stati Membri
indikaw li l-korrezzjoni tal-imġiba saret possibbli f’perjodu definit biex jiġi evitat li tiġi imposta penali. L-awtoritajiet tal-infurzar jipproċedu bis-sanzjonijiet tagħhom biss f’każijiet fejn in-nuqqas ma jkunx ġie indirizzat. F’dan ir-rigward, l-industrija Żvediża rrapportat li n-nuqqas ta’ sanzjoni diretta ġie apprezzat, peress li jagħti lill-impjegaturi u lil dawk li jaħdmu għal rashom opportunità biex jimplimentaw modi ġodda ta’ ħidma, bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda jew bit-tibdil ta’ proċeduri biex itejbu l-konformità legali.
Disa’ Stati Membri biss ipprovdew data kwantitattiva dwar ir-reati identifikati. Dan l-għadd huwa stabbli meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti fejn tmien Stati Membri pprovdew din l-informazzjoni. Bosta mill-Istati Membri li rrapportaw kienu l-istess bħal fir-rapport attwali. L-għadd insuffiċjenti ta’ kontributi ma jippermettix li tinsilet konklużjoni għall-UE kollha.
L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE
Kif meħtieġ mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/15/KE, tnax-il Stat Membru
indikaw b’mod ċar li żewġ naħat tal-industrija ġew ikkonsultati għall-finijiet ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar. Dan l-għadd huwa kemxejn ogħla meta mqabbel mal-aħħar rapport (10 Stati Membri), iżda xorta juri li aktar minn nofs l-Istati Membri ma jinvolvux lis-sħab soċjali fir-rapportar dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-ħin tax-xogħol. Xi Stati Membri indikaw li s-sħab soċjali ma ġewx ikkonsultati, peress li ma kien hemm l-ebda żvilupp ġdid mill-aħħar rapport.
F’ħamsa mit-tnax-il Stat Membru
, l-opinjonijiet tas-sħab soċjali ma kinux riflessi f’taqsima jew paragrafu separat, u fi tlieta minn dawn, ġie indikat li ma kien hemm l-ebda feedback distint mis-sħab soċjali
. Minflok, il-feedback ġie inkorporat fid-dokument kollu, b’mod indistint mill-opinjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali jew billi jissemma biss li s-sħab soċjali ma kellhom l-ebda kumment. Madankollu, il-feedback mis-sħab soċjali ġie distint u enfasizzat f’taqsima separata fir-rapporti minn seba’ Stati Membri
.
L-opinjonijiet mis-sħab soċjali ma jistgħux jiġu analizzati aktar, peress li ma jikkostitwixxux kampjun rappreżentattiv.
III. Konklużjonijiet
L-eżitu ġenerali tal-analiżi dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli soċjali tal-UE dwar it-trasport bit-triq juri li l-livelli ġenerali ta’ infurzar u konformità fl-2017-2018 għadhom stabbli meta mqabbel mal-2015-2016.
Filwaqt li hemm tnaqqis kontinwu fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol kontrollati, l-għadd ta’ reati identifikati baqa’ stabbli bi tnaqqis ta’ 1 %. Dan jista’ jindika effiċjenza akbar fl-identifikazzjoni tal-ksur, iżda jista’ jiġi spjegat ukoll minn żieda żgħira fil-proporzjon tal-kontrolli mwettqa fil-post tan-negozju meta mqabbel mal-kontrolli mal-ġenb tat-triq. Tabilħaqq, ir-rata ta’ identifikazzjoni fil-post tan-negozju għadha d-doppju tar-rata ta’ identifikazzjoni mal-ġenb tat-triq, li jindika li l-kontrolli fil-post tan-negozju huma aktar effiċjenti mill-kontrolli mal-ġenb tat-triq.
Ir-rati ta’ identifikazzjoni ta’ ksur ivarjaw b’mod sinifikanti fl-UE kollha, bil-maġġoranza tar-reati identifikati rrapportati minn grupp żgħir ta’ seba’ Stati Membri. Ta’ min jenfasizza li xi Stati Membri b’rati baxxi ħafna ta’ identifikazzjoni tar-reati huma fost dawk li għandhom l-ogħla perċentwal ta’ jiem ta’ xogħol kontrollati. Dan il-fatt, flimkien max-xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ jiem ta’ xogħol kontrollati u l-kapaċitajiet limitati ta’ infurzar (riżorsi umani u finanzjarji, ħiliet u tagħmir ta’ kontroll) fl-Istati Membri kollha, jindika li huwa essenzjali li l-kontrolli jiġu mmirati aħjar.
L-aċċess għad-data, bħall-klassifikazzjoni tar-riskju, mal-ġenb tat-triq għandu importanza kbira b’mod partikolari biex jippermetti kontrolli mmirati aħjar u biex jitnaqqsu kontrolli “nodfa” mhux meħtieġa, jiġifieri kontrolli fejn ma jiġi identifikat l-ebda ksur. L-aċċess għad-data dwar il-klassifikazzjoni tar-riskju mill-ispetturi mal-ġenb tat-triq se jsir obbligatorju f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda introdotti mill-Pakkett dwar il-Mobbiltà I.
Fir-rigward ta’ kontrolli organizzati u konġunti fost l-Istati Membri, jidher ċar li dawn jikkontribwixxu għall-kondiviżjoni tal-għarfien, u għal approċċ armonizzat għall-fehim u l-infurzar tar-regoli tal-UE fis-seħħ. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jsaħħu l-isforzi tagħhom fit-titjib tal-kooperazzjoni, permezz ta’ spezzjonijiet konġunti u kontrolli organizzati, kif ukoll biex jibbenefikaw mill-assistenza offruta mill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.
Is-sehem tat-tipi differenti ta’ ksur għadu simili għall-aħħar perjodu ta’ rapportar. Fil-post tan-negozju, ir-reati relatati mar-rekords tal-ħin tas-sewqan jammontaw għal kważi nofs ir-reati kollha identifikati li jindikaw diffikultajiet fil-ħżin tad-data rilevanti b’mod xieraq mill-impriżi. Xi Stati Membri introduċew tariffi ta’ penali ogħla, filwaqt li oħrajn aġġustaw il-livelli ta’ penali tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/403 fl-1 ta’ Jannar 2017 fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ ksur serju. Dan jista’ jiskoraġġixxi x-xejra dejjem tikber fir-reati relatati mar-rekords tal-ħin tas-sewqan, peress li r-rekords neqsin tal-ħinijiet tas-sewqan huma kklassifikati bħala ksur serju ħafna.
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, in-nuqqas ta’ data kwantitattiva u kwalitattiva dettaljata f’ħafna rapporti nazzjonali jagħmilha diffiċli li ssir valutazzjoni fil-fond. Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq l-importanza ta’ dan l-eżerċizzju ta’ rapportar u tfakkar li tista’ titnieda azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit li jissottomettu l-informazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.
Il-Kummissjoni hija kunfidenti li l-Pakkett dwar il-Mobbiltà I, li ġie adottat fiż-żmien tal-kitba ta’ dan ir-rapport, se jippermetti effiċjenza u kooperazzjoni mtejba tal-kontrolli bejn l-Istati Membri. Att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni dwar formula armonizzata tal-klassifikazzjoni tar-riskju se jippermetti lill-infurzaturi jirrikonoxxu malajr il-profil tal-kumpanija li jkollhom l-intenzjoni li jikkontrollaw. Dawn se jkunu jafu b’mod partikolari jekk kumpanija għandhiex klassifikazzjoni tar-riskju baxx (minħabba ksur ta’ livell baxx tal-liġi) jew klassifikazzjoni ta’ riskju għoli (ksur ta’ livell għoli tal-liġi). Barra minn hekk, identifikazzjoni bikrija mill-bogħod ta’ manipulazzjoni u użu ħażin possibbli, għandha tagħti lill-infurzaturi għodda biex jagħżlu liema vetturi għandhom jikkontrollaw. Dan kollu se jnaqqas l-għadd ta’ kontrolli mhux meħtieġa u se jiffranka r-riżorsi kemm min-naħa tal-infurzaturi kif ukoll min-naħa tas-sewwieqa.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq bl-assistenza tal-Istati Membri u se tfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/15/KE jeħtieġ li dawn jinkludu l-opinjonijiet taż-żewġ naħat tal-industrija bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ rapportar. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw il-verifika u l-kontroll addizzjonali tar-regoli fis-seħħ u jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-każijiet ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tad-dispożizzjonijiet tal-UE.