EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0511

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja għall-2021

COM/2021/511 final

Brussell, 2.6.2021

COM(2021) 511 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja għall-2021

{SWD(2021) 501 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja għall-2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju

Billi:

(1)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali 2 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 3 . Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat il-fehma tagħha li, minħabba r-reċessjoni ekonomika qawwija mistennija b’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja ġenerali ġew issodisfati. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri l-flessibilità baġitarja biex jindirizzaw il-kriżi. Iffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji f’mumenti ta’ reċessjoni ekonomika qawwija. L-attivazzjoni tagħha tippermetti li temporanjament ir-rotta tiddevja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali se tibqa’ attiva fl-2021 4 .

(2)Fl-20 ta’ Lulju 2020 il-Kunsill irrakkomanda li l-Kroazja tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex effettivament tindirizza l-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti 5 . Huwa rrakkomanda wkoll li l-Kroazja, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, timxi fuq politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment.

(3)In-NextGenerationEU, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jiżguraw rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 6 daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Din il-Faċilità tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. Tikkontribwixxi għall-rikupru ekonomiku, għall-implimentazzjoni ta’ investiment u ta’ riformi sostenibbli u li jtejbu t-tkabbir, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji. Mill-banda l-oħra, tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jerġgħu jiksbu pożizzjoni aktar favorevoli fuq terminu qasir, u tikkontribwixxi biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli fuq terminu medju u fit-tul.

(4)Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tagħti aktar orjentazzjonijiet marbutin mal-politika, biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni tal-polititki fiskali u l-preparazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbilità u Konverġenza tal-Istati Membri 7 . Il-pożizzjoni fiskali ġenerali, filwaqt li jitqiesu l-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jenħtieġ li tibqa’ tagħti appoġġ fl-2021 u fl-2022. Fl-istess waqt, ġaladarba huwa mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika gradwalment tiġi għan-normal, il-politiki fiskali tal-Istati Membri jenħtieġ li fl-2022 jsiru aktar differenzjati. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat ta’ rkupru, ta’ sostenibbiltà fiskali kif ukoll il-ħtieġa li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jiġi appoġġat l-irkupru sostenibbli tal-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi ta’ sostenibbiltà jħejju l-baġits tagħhom biex ikollhom politika fiskali li fl-2022 tkun ta’ appoġġ, filwaqt li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ dejn jenħtieġ li jsegwu politiki fiskali prudenti filwaqt li jżommu l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali u jużaw l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti ta’ investiment ta’ kwalità għolja oħra u riformi strutturali. Għall-perjodu ta’ wara l-2022, il-politiki fiskali jenħtieġ li jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-livell tal-inċertezza ekonomika u l-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ appoġġ fi żmien debitu, jikkontribwixxu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju.

(5)Fil-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Marzu 2021 kien hemm imħabbar ukoll li l-Kummissjoni hija tal-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-issuktar tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-qagħda ekonomika, bil-livell tal-attività eknomika fl-UE jew fiż-Żona tal-Euro pparagunat mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju l-Kummissjoni qieset li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet biex il-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 tkompli tapplika u biex mill-2023 din tiġi diżattivata. Wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali se jkomplu jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi 8 .

(6)Fid-29 ta’ April 2021, il-Kroazja ppreżentat il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2021, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)Fl-2020, fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Kroazja kien ta’ 7,4 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 88,7 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju ammontat għal -8,1 % tal-PDG, inklużi l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3,8 % tal-PDG sabiex tiġi appoġġata l-ekonomija u l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-Kroazja pprovdiet ukoll appoġġ ta’ likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), stmati għal 4,6 % tal-PDG.

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Kroazja billi fl-2020 id-defiċit tal-gvern estiż qabeż il-valur ta’ referenza stabbilit fit-Trattat ta’ 3 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż qabeż tal-valur ta’ referenza stabbilit fit-Trattat ta’ 60 % tal-PDG, u ma naqasx b’ritmu sodisfaċenti. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma kienx issodisfat u li ma kienx hemm konformità mal-kriterju tad-dejn.

(8)Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati l-proġettazzjonijiet baġitarji tal-Programm ta’ Konverġenza huwa realistiku għall-2021 u l-2022. B’mod partikolari jipproġetta tkabbir kemxejn aktar b’saħħtu mit-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni (5,2 % apparagun ta’ 5 %) u b’mod partikolari fl-2022 (6,6 % apparagun ta’ 6,1 %). Dan huwa l-aktar minħabba l-proġettazzjonijiet aktar pożittivi tal-konsum u l-investiment tal-unitajiet domestiċi, filwaqt li t-tbassir tal-Kummissjoni huwa kemxejn aktar ottimist rigward il-kontribut tal-esportazzjonijiet.

(9)Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu għall-2021 il-gvern qed jippjana tnaqqis fid-defiċit tal-gvern estiż, minn 7,4 % tal-PDG fl-2020 għal 3,8 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jonqos għal 86,6 % tal-PDG fl-2021. Skont il-programm, il-bidla fil-bilanċ tal-baġit primarju fl-2021 apparagun tal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) huwa mistenni li jammonta għal -4,6 % tal-PDG, u dan jirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali sabiex tiġi appoġġata l-ekonomija u l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Meta mqabbel ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni ma jipproġettax li d-defiċit se jonqos daqstant fl-2021 (4,6 % tal-PDG). Id-differenzi huma l-aktar evidenti fuq in-naħa tad-dħul, li l-Programm ta’ Konverġenza qed jipproġetta li se jiżdied ferm aktar mir-rata ta’ tkabbir nominali tal-PDG. Sadanittant, il-bini mill-ġdid wara t-terremoti tal-2020 f’Żagreb u f’Petrinja mistenni li jħalli impatt fuq in-nefqa, għalkemm huwa eċċezzjoni.

(10)Bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata, il-Kroazja adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi l-aktar milquta. Ir-rispons qawwi ta’ politika taffa t-tnaqqis fil-PDG, li min-naħa tiegħu naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u fid-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jippreġudikaw it-trajettorja futura fiskali. Għaldaqstant jenħtieġ li l-miżuri jevitaw li jinħoloq piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, huma għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet il-Kroazja fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern fl-2020 u fl-2021 huma fil-biċċa l-kbira temporanji jew ġew akkumpanjati minn miżuri kumpensatorji. Lil hinn mill-perjodu tat-tbassir tal-Kummissjoni, fl-2023, l-impatt li jifdal ta’ dawk il-miżuri mhux temporanji huwa stmat b’mod preliminari għal madwar 0,3 % tal-PDG, li jikkonsisti prinċipalment fi tnaqqis fit-taxxi fuq l-introjtu.

(11)Il-Programm ta’ Konverġenza għall-2021 jieħu inkonsiderazzjoni l-investiment u r-riformi ffinanzjati mill-għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,4 % tal-PDG fl-2021, 1,9 % fl-2022, 2,4 % fl-2023, 2,3 % fl-2024, 1,7 % fl-2025 u 1 % fl-2026. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni jinkludi dawn l-għotjiet fil-proġettazzjonijiet baġitarji tiegħu, b’ritmu ġeneralment simili għall-2021 u l-2022.

(12)L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 iridu jitqiesu fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-estimi marbutin mad-distakk fl-output. It-tieni hemm bżonn li l-politika fiskali tkun lesta tadatta ruħha malajr għal kif qed tevolvi l-pandemija, billi taqleb mill-għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri iktar immirati ġaladarba r-riskji għas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons sinifikattiv tal-politika biex tiġi appoġġata l-attività ekonomika. Fil-preżenza ta’ trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jurux l-impuls kollu pprovdut mill-politiki fiskali għall-ekonomija. F’dan il-kuntest, il-bilanċ strutturali ma jidhirx li huwa adegwat fiċ-ċirkustanzi attwali. Mill-banda l-oħra, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jenħtieġ li jiġi adattat 9 u kkumplimentat b’informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi evalwalata b’mod sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

L-ewwel nett, b’mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2021, il-miżuri temporanji ta’ emerġenza ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-impriżi għat-telf fid-dħul minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; il-bidla lejn is-sitwazzjoni preċedenti mill-awtoritajiet pubbliċi tiddependi fuq ir-ritorn lejn in-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika.

It-tieni, biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-UE (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) jenħtieġ li jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti.

Għaldaqstant, il-pożizzjoni fiskali mbagħad titkejjel fuq il-bażi tal-bidla fin-nefqa primarja (netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji filwaqt li jiġu esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi) inkluża n-nefqa ffinanzjata minn għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha wkoll l-għan li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hix prudenti u jekk l-istruttura tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti skont it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Għal din ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari għall-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja u l-investiment iffinanzjati b’mod nazzjonali.

(13)Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-Kroazja għall-2021 hemm ippjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba żieda qawwija fid-dħul u l-waqfien tal-miżuri temporanji ta’ appoġġ adottati fl-2020 u l-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos għal 82,5 % tal-PDG fl-2022. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla ta’ defiċit u ta’ dejn fl-2022, ta’ 3,2 % tal-PDG u ta’ 82,9 % tal-PDG rispettivament, u d-differenza hija dovuta l-aktar għall-effett bażi mill-2021.

Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali ġenerali kif definita hawn fuq – inkluż ukoll l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll minn dawk tal-UE, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal - 2,4 tal-PDG 10 . Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’1,5 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment ffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG 11 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pproġetata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,8 punti perċentwali tal-PDG.

(14)Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Ir-riformi strutturali fiskali li għandhom l-għan li jtejbu l-istruttura tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu l-ispazju fiskali ferm meħtieġ u jgħinu biex tiġi żgurata sostenibbiltà fiskali fit-tul, anki minħabba t-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa. Fir-rigward tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi tad-dħul pubbliċi aktar effiċjenti u ġusti. Mill-aspett tan-nefqa, għamlitha aktar kruċjali li l-livell u l-kwalità tal-invesitmenti sostenibbli u li jtejbu t-tkabbir jkunu konformi mal-objettivi tat-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza jippermetti titjib fl-istruttura tal-baġits nazzjonali.

(15)Skont il-pjanijiet baġitarji tal-programm fuq terminu medju, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 1,9 % tal-PDG fl-2023 għal 1,5 % tal-PDG fl-2024.

Fuq il-bażi tal-programm, il-pożizzjoni fiskali ġenerali – inkluż ukoll l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll minn dawk tal-UE, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata bħala medja għal -0,1 % tal-PDG għall-2023 u l-2024. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE huma pproġettati li jipprovdu kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,6 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment ffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,1 punt perċentwali tal-PDG 12 . In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pproġetata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,6 punti perċentwali tal-PDG.

L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta’ 3 1/4 % 13 . Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Kroazja.

(16)Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos minn 79,5 % tal-PDG fl-2023 għal 76,8 % tal-PDG fl-2024. Il-Kroazja hija meqjusa li se tiffaċċja riskji ta’ sostennibbiltà fiskali medji fuq terminu medju skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn 14 .

(17)Fid-dawl tal-livell ta’ inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali jenħtieġ li tibqa’ fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kkwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara jenħtieġ li tingħata fl-2022 jekk il-livell ta’ inċertezza jkun naqas biżżejjed sa dak iż-żmien.

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Konvergenza għall-2021 u s-segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 mill-Kroazja.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LILL-KROAZJA BIEX:

1.Fl-2022 iżżomm il-pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u żżomm l-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali. Iżżomm taħt kontroll iż-żieda fin-nefqa kurrenti ffinanzjata b’mod nazzjonali.

2.Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir

3.Tagħti attenzjoni partikolari lill-istruttura tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji, sabiex tiżgura rkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jtejjeb it-tkabbir, b’mod partikolari l-appoġġ lit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li se jgħinu biex jingħata finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż billi jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza, u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika qawwija.
(3)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, Brussell, 20.3.2020, COM(2020)123 final.
(4)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, Brussell, 17.9.2020, COM(2020) 575 final.
(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Kroazja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza għall-2020 tal-Kroazja, ĠU C 282, 26.8.2020, p. 68.
(6)     ĠU L 57, 18.2.2021, p.17.
(7)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-sena li għaddiet mit-tifqigħa tal-COVID-19: ir-rispons tal-politika fiskali, Brussell, 3.3.2021, COM(2021) 105 final.
(8)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna, Brussell, 2.6.2021, COM(2021) 500 final.
(9)    B’mod partikolari, il-livellar tal-investiment fuq erba’ (4) snin użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix il-valutazzjoni xierqa tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut mill-investimenti ffinanzjati b’mod nazzjonali.
(10)    Is-sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess fit-tkabbir tan-nefqa primarja apparagun tat-tkabbir ekonomiku fuq terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.
(11)    Infiq kapitali ieħor iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni newtrali.
(12)    Infiq kapitali ieħor iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punti perċentwali tal-PDG.
(13)    Skont kif stmat mill-Kummissjoni wara li ntlaħaq qbil dwar il-metodoloġija.
(14)     Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Anness Statistiku li jipprovdi data ta’ sfond rilevanti għall-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza għall-2021
Top