Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0252

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel

COM/2021/252 final

Brussell, 18.5.2021

COM(2021) 252 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
















L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f'dinja li qed tinbidel


L-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 
L-istrateġija tal-Ewropa għall-kooperazzjoni internazzjonali f’dinja li qed tinbidel

1.    Introduzzjoni

Il-mobilizzazzjoni tar-riċerkaturi u tal-innovaturi tad-dinja se tkun kruċjali għall-benesseri taċ-ċittadini u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Irridu nikkooperaw bejn il-fruntieri fuq skala li qatt ma rajna bħalha qabel biex niżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi ħalli nwettqu tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biss f’konformità mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli 1 u biex nippromwovu r-reżiljenza, il-prosperità, il-kompetittività u l-benesseri ekonomiku u soċjali tal-Ewropa.

Permezz tal-politiki u tal-programmi tagħha, l-UE hija katalizzatur ewlieni għall-internazzjonalizzazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni 2 . It-trasparenza reċiproka, l-iskambju ħieles ta’ ideat u l-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet huma essenzjali għall-insegwiment u għall-avvanz ta’ għarfien fundamentali u huma komponenti ewlenin ta’ ekosistema tal-innovazzjoni ħajja.

Madankollu, it-trasparenza fil-kooperazzjoni li tikkaratterizza l-azzjoni tal-UE qed isseħħ f’ambjent globali ttrasformat. Setgħat fix-xjenza ewlenin oħrajn issa qed jonfqu aktar fuq ix-xjenza mill-UE bħala perċentwal tal-prodott domestiku gross, it-tensjonijiet ġeopolitiċi qed jiżdiedu u d-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali bħal-libertà akkademika qed jiġu sfidati. Xi pajjiżi qegħdin ifittxu dejjem aktar tmexxija teknoloġika permezz ta’ miżuri diskriminatorji, u ta’ spiss jistrumentalizzaw ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-influwenza globali u għall-kontroll soċjali. Il-prosperità u l-kompetittività ekonomika tal-UE, iżda wkoll il-kapaċità tagħha li tagħmel għad-dispożizzjoni b’mod awtonomu taċ-ċittadini tagħha u li tipprovdilhom teknoloġiji u servizzi kruċjali li huma sikuri u siguri jridu jissaħħu.

B’reazzjoni għax-xejriet globali attwali, l-UE jenħtieġ li tmexxi bl-eżempju billi tippromwovi l-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli 3 u tfittex it-trasparenza reċiproka fil-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġu ffaċilitati r-risponsi globali għall-isfidi globali u l-iskambju tal-aħjar prattiki. Hija jenħtieġ li tappoġġa l-objettivi tagħha ta’ awtonomija strateġika miftuħa billi 4 , b’mod parallel, timmodula l-kooperazzjoni bilaterali tagħha ma’ pajjiżi terzi f’ċerti oqsma.

B’din il-Komunikazzjoni, għalhekk, il-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġdida li:

otafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tmexxi bl-eżempju biex tippreserva t-trasparenza fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità mirfuda minn valuri fundamentali;

oissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-UE fl-appoġġ ta’ sħubijiet multilaterali għar-riċerka u l-innovazzjoni biex tipprovdi soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi ekoloġiċi, diġitali, tas-saħħa, soċjali u tal-innovazzjoni.

Dan l-approċċ globali jenħtieġ li jiġi implimentat permezz ta’:

oil-modulazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni biex issir kompatibbli mal-interessi u mal-valuri Ewropej u biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE;

oil-mobilizzazzjoni tax-xjenza, tat-teknoloġija u l-innovazzjoni biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv, u t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji reżiljenti u bbażati fuq l-għarfien f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju; kif ukoll

oinizjattivi mfassla fuq approċċ ta’ Tim Ewropa, li jikkombinaw azzjonijiet mill-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha u l-Istati Membri biex jimmassimizzaw l-effettività u l-impatt tal-azzjonijiet.

Hija se sservi wkoll ta’ gwida fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-programm il-ġdid tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni ċivili, Orizzont Ewropa, u s-sinerġiji tiegħu ma’ programmi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - Ewropa Globali.

2.    L-affermazzjoni mill-ġdid tal-impenn tal-UE lejn trasparenza internazzjonali u valuri fundamentali fir-riċerka u l-innovazzjoni

Sabiex tippromwovi t-trasparenza globali u l-iskambju xjentifiku, l-UE jenħtieġ li tagħti spinta lill-attraenza tagħha bħala ċentru ta’ kwalità għolja u ta’ intensità għolja tar-riċerka u l-innovazzjoni. Ir-riċerka xjentifika tirnexxi grazzi għal-libertà tal-ħsieb, għall-iżvilupp ta’ moħħ kritiku, għall-argumentazzjoni bbażata fuq l-evidenza u għar-rifjut tal-argument tal-awtorità. Għalhekk, l-UE jenħtieġ li tkompli toffri lir-riċerkaturi u lill-innovaturi ambjent demokratiku, inklużiv u ta’ appoġġ, mingħajr interferenza politika, tiddefendi l-libertà akkademika u l-opportunità għal riċerka xprunata mill-kurżità, skont ir-rispett u l-protezzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Hija jenħtieġ li tiżgura li t-teknoloġija tiġi żviluppata għall-benefiċċju tal-individwi u tas-soċjetajiet, tkun ħielsa minn awtoritarjaniżmu u tirrispetta standards etiċi għoljin u d-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-UE jenħtieġ li tmexxi bl-eżempju billi toffri ekosistema tal-innovazzjoni bbażata fuq ir-regoli, u tipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali infurzati minn sistema ġudizzjarja indipendenti. Il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-trasferiment, għall-promozzjoni u għat-tixrid tal-innovazzjoni teknoloġika b’mod li jwassal għall-benesseri soċjali u ekonomiku.

Fl-istess ħin, biex jissaħħu l-ktajjen ta’ valur tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil, l-UE jenħtieġ li tinkoraġġixxi lir-riċerkaturi u lill-innovaturi tagħha jikkontribwixxu għall-ekosistemi globali tal-innovazzjoni u jibbenefikaw minnhom. Jenħtieġ ukoll li tippromwovi aktar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-kapital uman, permezz tat-taħriġ u tal-mobilità tar-riċerkaturi, b’mod partikolari permezz tal-azzjonijiet Marie Skłodowska Curie 5 .

Sabiex iżomm dan ir-rwol ta' tmexxija, il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni se jibqa’ miftuħ għad-dinja. Dan ifisser li l-parteċipanti mid-dinja kollha, irrispettivament mill-post tal-istabbiliment jew tar-residenza tagħhom, se jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-biċċa l-kbira tal-programm Orizzont Ewropa. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-UE se tiffinanzja l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa mwettqa minn entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju biex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom, f’sinerġija mal-Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

L-assoċjazzjoni tal-pajjiżi terzi ma’ Orizzont Ewropa tippermetti liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet tagħhom jipparteċipaw fl-attivitajiet b’mod ġenerali bl-istess mod bħal dawk mill-Istati Membri tal-UE 6 . L-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa tippermetti lill-UE u lis-sħab tagħha jallinjaw l-għanijiet tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, jgħaqqdu r-riżorsi, jaqsmu l-ispejjeż u jiksbu aċċess reċiproku għall-għarfien u l-ħila esperta, it-talenti u l-għarfien espert, għall-infrastruttura tar-riċerka u għal swieq ġodda għall-innovaturi. Bħala espressjoni tal-impenn tal-UE għal trasparenza internazzjonali, Orizzont Ewropa issa joffri l-possibbiltà li pajjiżi assoċjati, li jikkondividu l-valuri Ewropej u bi profil qawwi tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni, li jinsabu fi kwalunkwe parti tad-dinja, jiġu assoċjati mal-programm.

B’mod parallel, u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE għal regoli u kooperazzjoni bbażata fuq il-valur billi tiġi żgurata l-konsistenza fost il-politiki esterni tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri, il-valuri u l-prinċipji sottostanti għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni se jiġu diskussi mas-sħab internazzjonali. Dawn id-diskussjonijiet se jsiru b’mod partikolari fil-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni, parti miż-Żona Ewropea tar-Riċerka msaħħa 7 u ggwidata minn Patt Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, ippreżentat fl-2021.

L-UE jenħtieġ li taħdem għal fehim u implimentazzjoni komuni tal-kwistjonijiet li ġejjin mas-sħab internazzjonali tagħha:

Il-libertà akkademika. Il-libertà akkademika, l-integrità u l-awtonomija istituzzjonali jiffurmaw is-sinsla tal-universitajiet u tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jippromwovu u jipproteġu dawn il-valuri fundamentali komuni fuq livell internazzjonali u jirrispettaw il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Bonn dwar il-Libertà tar-Riċerka Xjentifika 8 fir-rigward ta’ pajjiżi terzi.

L-etika u l-integrità tar-riċerka. L-iżvilupp rapidu ta’ teknoloġiji ġodda jeħtieġ evalwazzjoni kontinwa tal-approċċi attwali biex jiġu indirizzati l-isfidi etiċi u tiġi żgurata innovazzjoni teknoloġika ċċentrata fuq il-bniedem. L-UE jenħtieġ li tkompli tippromwovi fuq livell internazzjonali l-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew għall-Integrità tar-Riċerka u l-Kodiċi ta’ Kondotta Globali għar-Riċerka f’Ambjenti fejn hemm Nuqqas ta’ Riżorsi. Hija se tespandi d-djalogi internazzjonali tagħha permezz ta’ networks Ewropej dwar l-etika u l-integrità u se tappoġġa l-Konferenzi Dinjija dwar l-Integrità tar-Riċerka 9 .

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-diversità u l-inklużività. F’konformità mal-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 10 u l-aġenda tal-UE għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa fl-azzjoni esterna tal-UE 11 , l-UE jenħtieġ li tintegra d-dimensjoni tal-ġeneru fil-kooperazzjoni internazzjonali. Permezz ta’ djalogu ma’ pajjiżi terzi, hija jenħtieġ li trawwem ukoll il-bilanċ bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza, l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ, l-inklużività u d-diversità fis-sens usa’ 12 , fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell globali.

Data miftuħa u xjenza miftuħa. Li d-data tar-riċerka tkun kemm jista’ jkun miftuħa, standardizzata u interoperabbli, ikun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għad-dinja meta pajjiżi u reġjuni oħrajn jagħmlu l-istess. L-UE jenħtieġ li tkompli tappoġġa korpi u pjattaformi bħall-Alleanza tad-Data tar-Riċerka u l-Kumitat għad-Data tal-Kunsill Internazzjonali għax-Xjenza, kif ukoll l-isforzi mill-OECD, min-NU u mill-G7. L-għan globali huwa li s-settijiet tad-data jkunu magħmulin ĠUSTI: ikunu rintraċċabbli, aċċessibbli, u riutilizzabbli. L-UE se tappoġġa wkoll is-sensibilizzazzjoni internazzjonali tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa.

L-istandards. Ir-rwol ewlieni tal-UE bħala dik li tistabbilixxi l-istandards globali jenħtieġ li wkoll jitmexxa ’l quddiem permezz ta’ rwol akbar fil-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka prenormattiva u ta’ standardizzazzjoni.

It-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. L-UE u l-Istati Membri tagħha żviluppaw bħala prattikanti ewlenin fit-tfassil tal-politika infurmat mill-evidenza. Huma jenħtieġ li jikkondividu x-xjenza tagħhom stess għall-intuwiti u għall-esperjenzi tal-politika u jinvolvu ruħhom f’networks globali.

Barra minn hekk, enfasi aktar qawwija fuq ix-xjenza u t-teknoloġija fil-politiki barranin u ta’ sigurtà tal-UE f’termini ta’ “Diplomazija dwar ix-Xjenza” tgħin lill-UE biex tippreżenta setgħa ta’ persważjoni u ssegwi l-interessi u l-valuri ekonomiċi tagħna b’mod aktar effettiv, tissodisfa d-domanda u l-interess minn pajjiżi sħab u tiffoka fuq is-setgħat tal-UE bħala ċentru tar-riċerka u tal-innovazzjoni.

Fl-2021, l-UE f’koordinazzjoni mal-Istati Membri fil-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni 13 , jenħtieġ li tiżviluppa prinċipji għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, u mbagħad tippromwovi l-prinċipji fi djalogu multilaterali ma’ pajjiżi sħab u fora internazzjonali

3.    L-ibbilanċjar mill-ġdid tal-approċċ globali tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni: lejn kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u reċiproċità

L-isforzi tal-UE biex tippromwovi trasparenza reċiproka fil-livell globali jistgħu jiġu pperikolati minn tensjonijiet ġeopolitiċi fi żmien ta’ trasformazzjoni ekonomika. Il-kompetizzjoni għat-tmexxija teknoloġika tixpruna lil ċerti pajjiżi terzi biex jadottaw miżuri restrittivi jew diskriminatorji li huma inġusti għall-innovaturi, għall-kumpaniji u b’mod partikolari għan-negozji ġodda tal-UE. Fl-istess ħin, l-interferenza barranija tista’ tikkomprometti l-integrità u l-awtonomija li fuqhom huma mibnija s-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-approċċ tal-UE jirrikjedi bbilanċjar mill-ġdid biex jiġu ssalvagwardjati aħjar l-interessi, il-valuri u l-għarfien espert tagħha, tingħata spinta lir-reżiljenza tagħha, filwaqt li tinżamm trasparenza wiesgħa għall-kooperazzjoni.

L-UE jenħtieġ li tippromwovi b’mod aktar assertiv kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità biex jiġu rispettati l-valuri u l-prinċipji fundamentali, biex jiġi protett l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, u biex jiġu mħeġġin ekosistemi ta’ innovazzjoni ġusti mhux distorti minn regoli mhux xierqa jew minn sussidji barranin, f’konformità mar-regolament propost reċentement biex tiġi indirizzata d-distorsjoni minn sussidji barranin u l-Istrateġija Industrijali aġġornata 14 . Il-miżuri jenħtieġ li jiffukaw fuq l-iffissar miftuħ ta’ standards, sussidji tal-Istat mhux diskriminatorji u n-nuqqas ta’ liġijiet protezzjonisti.

L-UE jenħtieġ li ssegwi dawn il-punti f’fora internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali. Hija jenħtieġ li tinnegozja wkoll direttament ma’ pajjiżi terzi meta jkun meħtieġ, permezz tad-diversi djalogi u negozjati li jsiru fl-ambitu ta’ ftehimiet rilevanti, bħal ftehimiet ta’ assoċjazzjoni fl-ambitu tal-programm qafas, ftehimiet dwar ix-xjenza u t-teknoloġija tal-UE 15 ma’ pajjiżi terzi, u ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tal-UE, inkluż il-ftehim WTO TRIPS 16 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni f’isem l-UE, beħsiebha tinnegozja pjanijiet direzzjonali mmirati għall-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni ma’ pajjiżi terzi b’bażi qawwija ta’ riċerka u innovazzjoni. Dawn il-pjanijiet direzzjonali, li se jkunu strumenti mhux vinkolanti, jenħtieġ li jistabbilixxu b’mod ċar il-kundizzjonijiet ta’ qafas, li ż-żewġ naħat huma mistennija li jilħqu, u jidentifikaw l-istadji importanti u l-iskedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni. L-UE jenħtieġ li tikkundizzjona kwalunkwe kontinwazzjoni u espansjoni futura ta’ kooperazzjoni bilaterali dwar progress konkret, immonitorjat fil-post, lejn l-objettivi stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali.

Barra minn hekk, l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa jistipula li l-programm ta’ ħidma jista’ jillimita l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa meta jkun hemm ħtieġa ġustifikata li jiġu salvagwardjati l-assi strateġiċi 17 , l-interessi 18 , l-awtonomija 19 jew is-sigurtà 20 tal-UE. F’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u ġustifikati, l-UE tista’ tillimita l-parteċipazzjoni tal-programm għal entitajiet legali stabbiliti biss fl-Istati Membri, jew għal entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi assoċjati speċifikati jew pajjiżi terzi oħra. Il-programm ta’ ħidma jista’ jeskludi wkoll il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiżi assoċjati kkontrollati direttament jew indirettament minn pajjiżi terzi mhux assoċjati.

Kwalunkwe limitazzjoni jenħtieġ li dejjem tiġi applikata f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-UE u b’rispett għall-impenji tal-UE fl-ambitu ta’ ftehimiet internazzjonali. Din jenħtieġ li tkun eċċezzjonali u debitament ġustifikata, u tippermetti bħala regola li l-programmi jibqgħu miftuħin.

Sabiex jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jallinjaw l-approċċ tagħhom biex isegwu awtonomija strateġika miftuħa f’ċerti oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni billi jfasslu l-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom skont l-interessi tal-politika speċifiċi, il-Kummissjoni tipproponi l-konsultazzjoni mal-Istati Membri fil-fora xierqa.

B’mod parallel, bħala miżuri preventivi, il-Kummissjoni tipproponi li jsir użu xieraq mid-dispożizzjonijiet fl-ambitu tar-Regolament Orizzont Ewropa biex ikomplu jiġu mmitigati r-riskji għall-interessi tal-UE, bħal dawk dwar l-isfruttament tar-riżultati f’pajjiżi terzi mhux assoċjati (l-Artikolu 39(6)), dwar it-trasferiment tas-sjieda tar-riżultati (l-Artikolu 40(4)), jew dwar ftehimiet ta’ sigurtà ma’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 20(1)).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta linji gwida dwar kif għandha tiġi ttrattata l-interferenza barranija li hija mmirata lejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Dawn il-linji gwida se jkollhom l-għan li jipproteġu l-valuri fundamentali billi jissalvagwardjaw il-libertà akkademika, l-integrità u l-awtonomija istituzzjonali, u jipproteġu lill-istudenti, lir-riċerkaturi u lill-innovaturi, u lis-sejbiet ewlenin tar-riċerka, minn atturi barranin koerċittivi, moħbija, qarrieqa jew korrotti.

Il-Kummissjoni se tressaq ukoll kodiċi ta’ prattika dwar l-użu intelliġenti tal-proprjetà intellettwali 21 , f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Proprjetà Intellettwali 22 . L-għan se jkun li titqajjem kuxjenza fost l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u n-negozji dwar l-importanza tal-ġestjoni tal-għarfien u tal-proprjetà intellettwali f’ambjent internazzjonali.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tirreaġixxi għall-kriżijiet globali b’mod indipendenti u timmitiga r-riskji ta’ dipendenza minn pajjiżi terzi fil-qasam tas-sigurtà ċivili, hija jenħtieġ li ssaħħaħ l-industrija tas-sigurtà ċivili tagħha permezz ta’ approċċ ambizzjuż u mmexxi mill-kapaċità għar-riċerka u l-innovazzjoni tas-sigurtà.

L-UE jenħtieġ li:

·tfittex li taqbel fuq pjanijiet direzzjonali bilaterali mmirati ma’ pajjiżi terzi sħab li jingħataw prijorità u li għandhom bażi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni b’saħħitha, filwaqt li tistabbilixxi impenji konġunti għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ qafas biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi.

Il-Kummissjoni se:

·fl-2021, tiżviluppa u tippromwovi linji gwida dwar kif għandha tiġi indirizzata l-interferenza barranija li fil-mira tagħha jkollha l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tal-UE, u;

·sa tmiem l-2022, tippreżenta kodiċi ta’ prattika dwar l-użu intelliġenti tal-proprjetà intellettwali f’kuntest internazzjonali biex titqajjem kuxjenza fost l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u n-negozji.

4.    L-akkomunament tal-isforzi globali biex jiġu indirizzati l-isfidi globali flimkien

Il-pandemija tal-COVID-19 tat tagħlima importanti lid-dinja li jenħtieġ li tiġi applikata bl-istess mod għat-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-bijodiversità u sfidi globali oħrajn: hija esponiet inugwaljanzi fil-vulnerabbiltà tal-pajjiżi, uriet l-impossibbiltà li jkun hemm trażżin fil-fruntieri nazzjonali, u wriet kemm il-ħtieġa kif ukoll il-potenzjal mhux sfruttat li naħdmu flimkien għall-ġid komuni. Il-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija toffri wkoll opportunità unika biex “nerġgħu nibnu aħjar” bl-enfasi fuq is-sostenibbiltà fil-kuntest ta’ rkupru ekoloġiku.

Konsegwentement, l-UE, filwaqt li tibni fuq il-kooperazzjoni bbażata fuq il-valuri u fuq ir-regoli li tipproponi, jenħtieġ li tkompli tistinka biex iġġib lill-pajjiżi madwar id-dinja aktar qrib ta’ xulxin fi sħubijiet multilaterali għar-riċerka u l-innovazzjoni, iffukati fuq is-sejbien ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-bijodiversità, it-tniġġis, it-tnaqqis tar-riżorsi, jew mard infettiv, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi 23 , filwaqt li tippermetti t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Is-sħubijiet multilaterali għar-riċerka u l-innovazzjoni jenħtieġ li jkunu ispirati minn mudelli ta’ suċċess bħall-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Trans-Atlantiku 24 . L-alleanza hija r-riżultat ta’ sforzi ta’ diplomazija xjentifika li jlaqqgħu flimkien xjenzati, persuni li jfasslu l-politika, u partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati biex itejbu l-fehim u l-amministrazzjoni tal-Oċean Atlantiku. Filwaqt li jibnu fuq l-isforzi eżistenti jew permezz ta’ inizjattivi ġodda, is-sħubijiet multilaterali jenħtieġ li jieħdu forom differenti skont l-enfasi u l-objettivi tagħhom. Dawn jistgħu jvarjaw minn arranġamenti informali bejn is-sħab biex jikkoordinaw l-investimenti indipendenti tagħhom f’oqsma ewlenin, permezz ta’ sħubijiet li jipprevedu l-ġbir flimkien ta’ riżorsi f’inizjattivi konġunti.

4.1    Tmexxija ta’ sforzi globali lejn tranżizzjoni ekoloġika ġusta

Bħala mexxejja globali impenjata li ssir l-ewwel blokk fid-dinja newtrali għall-klima sal-2050, l-UE se tkompli tmexxi l-isforzi internazzjonali u se tindirizza l-isfidi ambjentali b’mod konġunt mas-sħab internazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-ekonomiji ewlenin tad-dinja u l-emittenti tal-gassijiet serra. Il-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza klimatika u ambjentali hija kruċjali għas-sostenn tal-politiki infurmati bl-evidenza għall-indirizzar u għall-adattament għall-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. Jenħtieġ li tiffoka wkoll fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġija nadifa f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tirrispetta l-hekk imsejjaħ “prinċipju ta’ ebda ħsara sinifikanti”. Bħala kontribut għall-ilħuq ta’ dawn l-objettivi, l-orjentazzjonijiet strateġiċi ewlenin ta’ Orizzont Ewropa jinkludu azzjoni klimatika u tnaqqis tal-emissjonijiet, il-ġlieda kontra d-degradazzjoni ambjentali, l-indirizzar tat-tniġġis, il-promozzjoni ta’ ekonomija ċirkolari u tranżizzjoni ġusta. Dawn se jiġu segwiti permezz ta’ suġġetti ta’ riċerka u sħubijiet dedikati miftuħa għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, biex tiżgura t-tmexxija teknoloġika ekoloġika tagħha, l-UE jenħtieġ li ssegwi sħubijiet strateġiċi mal-mexxejja tat-teknoloġija u tikkoopera permezz ta’ fora globali filwaqt li tappoġġa l-użu tal-istandards ekoloġiċi tal-UE fuq livell globali. Dan jenħtieġ li tagħmlu permezz ta’ diversi proġetti u korpi, kif indikat hawn taħt. 

L-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Trans-Atlantiku. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-baħar u jingħata kontribut attiv għal inizjattivi globali bħad-Deċennju tan-NU tax-Xjenza tal-Oċean għall-Iżvilupp Sostenibbli għal bejn l-2021 u l-2030, il-Kummissjoni se żżid l-appoġġ tal-UE lill-Alleanza tar-Riċerka tal-Oċean Trans-Atlantiku. B’mod parallel, ix-xjenza tal-Artiku se tibqa’ wkoll prijorità għall-UE bħala eżempju ta’ tmexxija globali.

Il-Missjoni Innovazzjoni 25 . Din hija inizjattiva globali ta’ 24 pajjiż u l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex taċċellera l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, u b’hekk turi tmexxija globali fl-ambizzjoni tal-klima fis-COP26. Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ l-impenn tal-UE għall-Missjoni Innovazzjoni billi twessa’ l-kooperazzjoni ma’ sħab ġodda, tallinja l-aġendi tar-riċerka, tibni fuq punti b’saħħithom bħall-istrateġija għall-idroġenu 26 u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn is-sħubijiet rilevanti ta’ Orizzont Ewropa. F’dan ir-rigward, l-UE qed tmexxi b’mod konġunt il-valutazzjoni ta’ “Missjoni tal-Idroġenu” mal-Awstralja, maċ-Ċilì, mal-Ġermanja u mar-Renju Unit, li se titnieda fil-konferenza tal-Missjoni Innovazzjoni 2.0 f’Ġunju 2021.

Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO). Il-Kummissjoni hija l-kopresident ewlieni fl-2021 ta’ dan in-network globali fil-qasam tal-osservazzjoni tad-dinja. Il-GEO għandu l-kapaċità li jgħaqqad lill-istituzzjonijiet governattivi u akkademiċi, lill-fornituri tad-data, lin-negozji, lill-inġiniera u liċ-ċittadini biex joħolqu soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-osservazzjoni tad-dinja għall-isfidi globali ambjentali, soċjali u tas-saħħa.

Il-Forum Internazzjonali dwar il-Bijoekonomija. Taħt il-kappa tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija, il-Kummissjoni se tistimola soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tirrikonċilja s-sigurtà alimentari u nutrizzjonali mal-użu sostenibbli tar-riżorsi rinnovabbli għal skopijiet industrijali, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent. Fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE mill-Għalqa sal-Platt 27 , il-Kummissjoni se trawwem kooperazzjoni fil-livell globali fir-riċerka agrikola dwar oqsma ta’ prijorità bħas-saħħa tal-ħamrija 28 , u s-sistemi tal-ikel 29 u se tivvaluta l-fattibbiltà ta’ pjattaforma internazzjonali għax-xjenza tas-sistemi tal-ikel fid-dawl tas-Summit tan-NU tal-2021 dwar is-Sistemi tal-Ikel.

L-UE tappoġġa kemm lill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) kif ukoll il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES). Il-Kummissjoni beħsiebha turi l-ħidma tal-UE b’appoġġ għax-xjenza tal-klima fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26), biex tenfasizza r-rwol tal-UE bħala faċilitatur ewlieni tat-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika u għar-reżiljenza għall-klima. L-UE jenħtieġ li tippromwovi sinerġiji bejn l-IPCC u l-IPBES fid-dawl tal-interdipendenza bejn il-kriżijiet tat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità, filwaqt li tqis ukoll l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità għall-2030.

Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-ħidma tal-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi (IRP), li hija kopresident tiegħu. Dan jipprovdi pariri dwar l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari, kruċjali għall-Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari (CEAP), biex titħaddem l-Alleanza Globali għall-Ekonomija Ċirkolari u l-Effiċjenza fir-Riżorsi 30 (GACERE) u tikkontribwixxi għall-ħidma tal-G7 u tal-G20.

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid 31 għandu l-ambizzjoni li jagħmel il-Patt Ekoloġiku Ewropew 32 esperjenza kulturali, iċċentrata fuq il-bniedem, inklussiva u pożittiva u tanġibbli għal kulħadd u li jħaffef l-ekoloġizzazzjoni sostenibbli tal-ambjent mibni. Dan se jindirizza fil-livell lokali l-isfidi l-aktar urġenti kondiviżi fil-livell tal-UE u globali.

L-UE jenħtieġ li:

·tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-baħar permezz tal-Alleanza multilaterali tar-Riċerka tal-Oċean Trans-Atlantiku, filwaqt li tibni fuq is-suċċessi tagħha, tiġbor ir-riżultati tagħha u ssaħħaħ id-dimensjoni tagħha bejn il-Pol tat-Tramuntana u l-Pol tan-Nofsinhar;

·tuża l-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha fil-governanza tal-Missjoni Innovazzjoni biex issaħħaħ l-alleanza multilaterali, billi tiffoka l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni internazzjonali fuq teknoloġiji u inizjattivi ta’ enerġija innovattivi li juru tmexxija globali fuq ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-Kummissjoni se:

·tappoġġa l-kooperazzjoni multilaterali dwar il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni għal sistemi tal-ikel ġusti, tajbin għas-saħħa u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari permezz tal-Forum Internazzjonali dwar il-Bijoekonomija, il-Konsorzji Internazzjonali tar-Riċerka u l-Alleanza Globali tar-Riċerka dwar il-Gassijiet Serra Agrikoli; kif ukoll

·fl-2022, permezz tal-inizjattiva Bauhaus Ewropew Ġdid, tistabbilixxi pjattaforma internazzjonali għall-ġestjoni tal-għarfien li se xxerred l-informazzjoni dwar l-istandards, il-gwida u l-opportunitajiet ta’ finanzjament, u li se sservi bħala repożitorju tal-ideat u l-iskambji tal-aħjar prattiki, u tinvolvi ruħha fil-ġestjoni komunitarja.

4.2    Il-promozzjoni tat-tranżizzjoni diġitali

Il-Kumpass Diġitali tal-2030 33 se jiggwida l-isforzi tal-UE fit-trawwim ta’ approċċ globali għall-iżviluppi teknoloġiċi u regolatorji ewlenin, inkluż fil-qasam tal-konnettività u tal-istandards internazzjonali. L-UE jenħtieġ li trawwem approċċ internazzjonali għall-flussi tad-data fdata, filwaqt li tippromwovi l-mudell tagħha ta’ internet globali sikur u reżiljenti u tfittex miri ambizzjużi f’termini ta’ aċċess għas-suq. Il-kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni hija waħda mill-għodod biex jitrawmu sħubijiet diġitali mar-reġjuni madwar id-dinja. Is-sħubijiet diġitali internazzjonali jenħtieġ li jirriżultaw f’opportunitajiet akbar għall-kumpaniji tal-UE, żieda fil-kummerċ diġitali permezz ta’ networks siguri, rispett tal-istandards tal-UE u drittijiet u valuri fundamentali, u ambjent ta’ appoġġ internazzjonali għal trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem.

Se jiġu promossi sħubijiet diġitali internazzjonali dwar is-suġġetti li ġejjin: (i) il-politika u r-regolamenti ċċentrati fuq il-bniedem; (ii) soluzzjonijiet adattati u mtejba għall-konnettività diġitali; (iii) sħubijiet imsaħħa għall-innovazzjoni mal-ekosistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni diġitali; (iv) enfasi u sħubijiet fir-riċerka msaħħa fuq teknoloġiji ewlenin bħall-Intelliġenza Artifiċjali, il-blockchain, l-internet tal-oġġetti, il-big data, id-data spazjali, applikazzjonijiet ta’ teknoloġiji diġitali għal tranżizzjoni ekoloġika, is-saħħa u l-edukazzjoni. Pereżempju:

- task force konġunta dwar l-intelliġenza artifiċjali mal-Indja biex tistabbilixxi bażi komuni għal kollaborazzjoni dwar każijiet speċifiċi ta’ użu u dwar suġġetti bħar-riċerka u l-innovazzjoni dwar intelliġenza u standardizzazzjoni artifiċjali etiċi;

- appoġġ għall-introduzzjoni tal-broadband fil-Balkani tal-Punent u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, u proġetti ta’ konnettività diġitali mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew, l-Afrika, l-Amerka Latina, l-Indja u l-ASEAN, fost l-oħrajn biex jiġi appoġġat l-akkomunament tal-isforzi ta’ riċerka u innovazzjoni;

- appoġġ għat-tnedija tal-komponenti tal-konnettività tal-Alleanza Diġitali mal-Amerka Latina u l-Karibew, li jibnu fuq il-konnessjoni tal-kejbil fibrottiku diretta bejn l-Amerka t’Isfel u l-Ewropa (il-kejbil BELLA);

Is-settur privat għandu rwol ewlieni fir-riċerka u l-innovazzjoni għat-tranżizzjoni diġitali. Dan se jkun assoċjat ma’ inizjattivi strateġiċi biex jittejjeb l-għarfien espert tal-UE f’diversi oqsma strateġiċi diġitali.

Is-sħubijiet diġitali internazzjonali 34 se joffru l-opportunità biex jitwettqu attivitajiet tar-riċerka konġunti, inkluż permezz ta’ impriżi konġunti dwar kwistjonijiet industrijali, li se jappoġġaw it-tmexxija tal-UE f’teknoloġiji li qed jevolvu bħas-6G, jew l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-ġlieda għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali.

Is-Sħubijiet Diġitali Internazzjonali fir-riċerka u fl-innovazzjoni se jiġu promossi wkoll permezz taċ-Ċentru ta’ Żvilupp Diġitali 4 35 (iċ-Ċentru D4D), il-pjattaforma globali ta’ diversi partijiet ikkonċernati tal-UE li tappoġġa trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem. Iċ-Ċentru tad-D4D jgħaqqad għadd kbir ta’ inizjattivi diġitali u jippromwovi l-kombinazzjoni tar-riżorsi tal-UE, tal-Istati Membri, u tal-istituzzjonijiet finanzjarji permezz tal-approċċ Tim Ewropa għal impatt koordinat. Iċ-Ċentru D4D se jifforma fergħat reġjonali fl-Afrika, fl-Asja, fl-Amerka Latina u fil-Karibew, kif ukoll fil-Viċinat tal-Lvant tal-UE u jinkludi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha mir-reġjuni rispettivi.

L-UE jenħtieġ li:

·issaħħaħ l-attivitajiet ta’ riċerka konġunti, inkluż permezz ta’ impriżi konġunti dwar kwistjonijiet industrijali, biex tiġi appoġġata t-tmexxija tal-UE f’teknoloġiji li qed jevolvu bħas-6G jew it-teknoloġija diġitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali;

·tibni sħubijiet diġitali internazzjonali b’saħħithom li jaqblu mal-erba’ pilastri tal-Kumpass Diġitali tal-2030.

4.3    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar is-saħħa globali

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-UE u d-dinja jridu li jsaħħu b’mod sostanzjali t-tħejjija u r-reżiljenza soċjoekonomika tagħha għal xokkijiet relatati mas-saħħa u ta’ xorta oħra. Fil-pajjiżi b’introjtu baxx u medju, kif ukoll f’ambjenti ta’ kunflitt, il-pandemija enfasizzat ulterjorment il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema tas-saħħa, u fakkret fil-ħtieġa ta’ approċċ globali għas-sigurtà tas-saħħa. L-UE użat is-sħubijiet internazzjonali b’saħħithom tagħha biex taċċellera l-isforzi bil-għan li jingħeleb il-virus billi varat ir-Rispons Globali għall-Coronavirus, li fil-kuntest tiegħu nġabru kważi EUR 16-il biljun f’impenji fuq livell globali, żviluppat il-Pjattaforma ta’ Data dwar il-COVID-19 36 , u ppubblikat il-manifest għar-riċerka tal-COVID-19 tal-UE. Flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u s-sħab internazzjonali tagħha, l-UE kellha wkoll rwol ewlieni fl-istabbiliment tal-aċċess għall-Aċċeleratur tal-Għodod tal-COVID-19 (ACT-A) kif ukoll 37 għall-mekkaniżmu tal-COVAX 38 . Dawn iż-żewġ inizjattivi għandhom l-għan li jwasslu għall-iżvilupp u għal distribuzzjoni ugwali ta’ dijanjostika, trattamenti u vaċċini sikuri u effettivi tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa 39 hija mistennija li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-livell globali, bħala mexxejja fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-pazjenti madwar id-dinja.

Filwaqt li tibni fuq dan is-suċċess u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha, u flimkien mal-Italja bħala l-Presidenza tal-G20 fl-2021, il-Kummissjoni se torganizza summit globali dwar is-saħħa biex tevalwa r-rispons globali għall-pandemija tal-COVID-19, inkluż l-ACT-A, biex ittejjeb it-tħejjija u r-rispons għall-pandemija attwali u futuri potenzjali. Se jkollha wkoll l-għan li tiżviluppa u tapprova sett ta’ prinċipji għal aktar kooperazzjoni multilaterali u azzjoni konġunta għall-prevenzjoni ta’ kriżijiet futuri tas-saħħa globali, u għal impenn konġunt biex tinbena dinja aktar f’saħħitha, aktar sikura, aktar ġusta u aktar sostenibbli.

F’dan ir-rigward, l-UE jenħtieġ li tippromwovi l-kooperazzjoni tal-provi tal-pjattaformi Ewropej iffinanzjati mill-UE mas-sħubijiet ta’ ACT-A, b’mod partikolari biex jiġi żgurat skambju rapidu ta’ evidenza klinika biex jiġu vvalutati l-kandidati terapewtiċi u tal-vaċċini. Dan se jtejjeb it-tħejjija biex jiġu indirizzati varjanti ġodda tal-virus u se jgħin biex jitwasslu malajr vaċċini u terapewtiċi effettivi f’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-vaċċini tal-COVID-19 40 u l-istrateġija tal-UE dwar it-terapewtiċi tal-COVID-19 41 .

Fuq medda medja u twila ta’ żmien, il-Kummissjoni se żżid l-impenji tagħha biex issaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, is-sigurtà tas-saħħa globali, iżżid l-aċċess għall-mediċini u għall-prodotti tas-saħħa, speċjalment permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u l-appoġġ għall-produzzjoni lokali, b’innovazzjonijiet diġitali fil-qalba tal-istrateġija. Il-Kummissjoni se tiffoka l-isforzi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq mard u suġġetti ta’ piż kbir, bħall-mard komunikabbli u mhux komunikabbli jew is-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal.

Il-Kummissjoni se tibni fuq alleanzi globali fis-saħħa li diġà tnedew jew li ngħaqdet magħhom tul dawn l-aħħar snin f’setturi ewlenin bħall-mard rari 42 , il-mard kroniku mhux komunikabbli 43 , ir-reżistenza għall-antimikrobiċi 44 , u l-mediċina personalizzata 45 . Hija pproponiet ukoll l-appoġġ għal Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP) bil-għan li jitnaqqas il-piż individwali, soċjali u ekonomiku ta’ mard infettiv relatat mal-faqar fl-Afrika sub-Saħarjana; tappoġġa r-riċerka dwar tifqigħat sinifikanti ta’ mard infettiv 46 ; u l-iżvilupp ta’ vaċċini kontra mard infettiv emerġenti u l-aċċess għalihom 47 .

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, tipparteċipa wkoll b’mod attiv fl-inizjattivi li jipprovdu orjentazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet strateġiċi, li jrawmu skambji u kooperazzjoni fost ir-regolaturi globali tar-riżultati tar-riċerka farmaċewtika 48 .

Dawn is-sħubijiet internazzjonali se jissaħħu, bl-involviment, kif xieraq, tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u ta’ atturi oħra globali tas-saħħa.

Il-Kummissjoni se:

·tikkontribwixxi għall-aġenda fuq perjodu ta’ żmien medju u twil dwar is-sigurtà tas-saħħa, it-tħejjija u t-tisħiħ tas-sistema tas-saħħa;

·tippromwovi l-kooperazzjoni ta’ provi ta’ pjattaformi Ewropej iffinanzjati mill-UE bis-sħubijiet tal-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A) u ssegwi l-objettivi tal-ACT-A billi ttejjeb l-aċċess għall-prodotti tal-mediċina u tas-saħħa, b’mod partikolari permezz tar-riċerka, tal-innovazzjoni, tal-iżvilupp u tal-promozzjoni ta’ għodod diġitali tas-saħħa u żżid il-kapaċità tal-produzzjoni lokali fil-pajjiżi sħab; kif ukoll

·tappoġġa l-istabbiliment ta’ impriża konġunta tas-saħħa globali fl-ambitu tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw, li fiha l-UE tissieħeb mal-Istati Membri, mal-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa u mal-pajjiżi Afrikani, biex tindirizza l-mard infettiv u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika fl-Afrika sub-Saħarjana.

 

4.4 Il-Promozzjoni tal-Innovazzjoni

Bil-konnettività u bil-litteriżmu diġitali dejjem jiżdiedu, l-innovaturi fil-livell taċ-ċittadini qed jitfaċċaw kullimkien madwar id-dinja, minn bliet kbar sa żoni rurali remoti; huma jinteraġixxu, jikkondividu u joħolqu flimkien soluzzjonijiet fl-oqsma kollha biex jindirizzaw l-isfidi globali. Sabiex trawwem u tisfrutta dan il-potenzjal enormi, u tappoġġa l-Istrateġija tal-UE dwar il-Konnettività 49 , l-UE jenħtieġ li tistabbilixxi sħubijiet fl-innovazzjoni internazzjonali ta’ benefiċċju għal kulħadd, li jikkonsistu f’networks ta’ inkubaturi u aċċelleraturi, ma’ pajjiżi u reġjuni li joffru trasparenza reċiproka għall-intraprenditorija u għall-investiment. Dawn, fost affarijiet oħra, jenħtieġ li jrawmu l-ħolqien ta’ programmi soft-landing 50 u kollaborazzjonijiet tal-bidu bejn l-UE u pajjiżi terzi, u b’hekk jikkomplementaw id-dimensjoni internazzjonali tal-inizjattivi tas-Sħubijiet tal-Cluster Ewropew 51 ta’ Startup Europe 52 u n-network taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali tal-UE. Filwaqt li jikkomplementaw l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, dawn is-sħubijiet se jippromwovu wkoll il-mobilità tal-innovaturi fiż-żewġ direzzjonijiet. Diġà operattivi fl-Indja u fl-Afrika, il-Kummissjoni qed tipproponi li tespandihom lejn reġjuni oħra.

Sabiex l-innovaturi Ewropej jiġu mħeġġin aktar biex jisfruttaw l-ekosistema tal-innovazzjoni globali, is-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) se joffru lill-kumpaniji Ewropej ġodda u li qed jespandu li huwa jappoġġa l-opportunità li jattendu fieri kummerċjali internazzjonali. B’mod parallel, sabiex tiżdied l-attraenza u l-kapaċita tal-innovazzjoni tal-UE, l-innovaturi barranin li jixtiequ jistabbilixxu negozji ġodda fl-UE se jkunu jistgħu japplikaw għall-appoġġ tal-EIC. Barra minn hekk, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) se jniedi, f’pajjiżi terzi mmirati, azzjonijiet koordinati tal-komunitajiet tal-għarfien u tal-innovazzjoni tiegħu

5.    Il-modulazzjoni tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi u mar-reġjuni ta’ prijorità

L-UE jenħtieġ li timpenja ruħha ma’ pajjiżi terzi f’approċċ varjat u modulat, ibbażat fuq livelli ta’ reċiproċità, kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-valuri kondiviżi. L-UE jenħtieġ li tibqa’ sieħba b’saħħitha u miftuħa, filwaqt li tfittex li ttejjeb, permezz ta’ kooperazzjoni mmirata sew, l-għarfien espert tagħha stess f’oqsma emerġenti ewlenin. Fl-istess ħin, jenħtieġ li tfassal b’mod konġunt inizjattivi biex jiġu appoġġati l-pajjiżi li jixtiequ jtejbu l-ekosistemi tar-riċerka u tal-innovazzjoni tagħhom.

5.1    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi industrijalizzati u ma’ ekonomiji emerġenti

Filwaqt li ħafna mill-kooperazzjoni ma’ pajjiżi speċifiċi se ssir fi sħubijiet globali multilaterali, l-UE jenħtieġ li tfittex ukoll li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali biex ittejjeb l-għarfien u tiġbor flimkien ir-riżorsi, speċjalment f’oqsma ta’ interess għall-UE.

L-Istati Uniti. Il-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, li magħhom l-UE tikkondividi livelli għoljin ta’ kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni kif ukoll valuri u prinċipji komuni, tiżgura li r-riċerkaturi, l-innovaturi u l-aħjar faċilitajiet ikunu kkombinati fit-tfittxija għal soluzzjonijiet għall-isfidi globali. B’mod partikolari, l-impenn mill-ġdid tal-Istati Uniti għall-għanijiet klimatiċi u għat-tisħiħ tal-ordni multilaterali jipprovdi l-opportunità għal relazzjoni mġedda fir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-Komunikazzjoni Konġunta “Aġenda ġdida bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-bidla globali” 53 tistabbilixxi għadd ta’ proposti għal kooperazzjoni mal-Istati Uniti, u b’mod partikolari sejħa biex tiġi ffurmata Alleanza Teknoloġika Ekoloġika u jiġi stabbilit Kunsill Kummerċjali u Teknoloġiku ġdid bejn l-UE u l-Istati Uniti. Filwaqt li tibni fuq dan it-test, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tiżdied ir-reċiproċità fil-kooperazzjoni bilaterali, u li jiżdiedu l-livelli ta’ koordinazzjoni u koerenza bejn l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti, l-ewwel fl-isfidi tal-klima, diġitali, tal-enerġija, ambjentali u tas-saħħa.

L-UE jenħtieġ li tfittex ukoll li ttejjeb il-kooperazzjoni tagħha mas-setgħat xjentifiċi ewlenin bħall-Kanada, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, Singapore, l-Awstralja u New Zealand, inkluż billi tesplora possibbiltajiet ġodda għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bħall-assoċjazzjoni fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa.

Iċ-Ċina. Bħala ċentru għar-riċerka u l-innovazzjoni, iċ-Ċina hija sieħba għall-UE fl-indirizzar tal-isfidi globali. Fl-istess ħin, il-pożizzjoni taċ-Ċina bħala kompetitur ekonomiku u rivali sistemiku għall-UE titlob riekwilibriju tal-kooperazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-UE nediet diskussjonijiet maċ-Ċina dwar pjan direzzjonali konġunt biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ qafas miftiehma u prinċipji ta’ gwida għall-kooperazzjoni biex jintlaħqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u reċiproċità, filwaqt li jiġu rispettati l-valuri fundamentali, standards għoljin ta’ integrità etika u xjentifika. Fuq din il-bażi, hija se tidentifika wkoll l-oqsma ta’ riċerka li fihom il-kooperazzjoni tista’ tkun ta’ benefiċċju reċiproku, bħax-xjenza tal-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari, is-saħħa, l-ikel, l-agrikoltura, l-akkwakultura, u l-osservazzjoni tal-oċeani. L-ilħuq ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u reċiproċità se jkun soġġett għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni maċ-Ċina.

L-UE qed tiffinanzja network ta’ għarfien tal-UE dwar iċ-Ċina biex tindirizza r-riċerka u l-innovazzjoni, li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri u lill-UE biex jiddiskutu u jikkondividu l-aħjar prattiki u strateġiji u jaqblu dwar approċċ komuni. Fl-istess ħin, l-UE jenħtieġ li tieħu miżuri biex tisfrutta l-potenzjal ġdid taċ-Ċina fir-riċerka u l-innovazzjoni. Hija jenħtieġ li tinkoraġġixxi lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet tar-riċerka biex jiżguraw livell ogħla ta’ reċiproċità u benefiċċju reċiproku fil-kooperazzjoni tagħhom mal-kontropartijiet Ċiniżi.

L-Indja. F’konformità mal-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja: Pjan direzzjonali għall-2025, il-kooperazzjoni mal-Indja se tissaħħaħ biex jiġu indirizzati flimkien l-isfidi globali u l-modernizzazzjoni sostenibbli. Il-kooperazzjoni dwar il-kura tas-saħħa, inkluża r-reżiljenza għall-kriżijiet tas-saħħa, l-azzjonijiet fuq ekoloġizzazzjoni ġusta tal-ekonomija u l-impenn kontinwu għal diġitalizzazzjoni ċċentrata fuq il-bniedem kollha se jitqiesu bħala prijoritajiet. Se tiġi kkunsidrata wkoll il-kooperazzjoni li tirfed is-Sħubija għall-Konnettività bejn l-UE u l-Indja 54 , b’enfasi fuq il-mobilità tar-riċerkaturi u l-innovaturi, u l-Istrateġija Indo-Paċifika, permezz ta’ azzjonijiet fuq l-ekonomija blu bħall-iskart fil-baħar.

Ir-Russja. Il-kooperazzjoni tal-UE mar-Russja hija bbażata fuq il-ħames prinċipji miftiehma għall-impenn stabbilit mill-Kunsill, b’mod partikolari, fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u fuq ix-xewqa li jinżammu kuntatti bejn in-nies. Hija tqis il-prijoritajiet u l-interessi tal-politika tal-UE, il-ħtieġa ta’ aktar reċiproċità u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, u r-rispett tad-drittijiet u l-valuri fundamentali.

5.2    L-integrazzjoni tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-EFTA, il-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-Renju Unit

L-UE jenħtieġ li tagħti prijorità partikolari lis-sħab fil-viċinat immedjat tagħha, inkluż permezz ta’ assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa.

Il-Pajjiżi taż-ŻEE/tal-EFTA. Il-pajjiżi taż-ŻEE/tal-EFTA jikkondividu l-valuri tal-UE u jagħtu kontributi importanti lix-xenarju Ewropew tar-riċerka u l-innovazzjoni. Huma jappoġġaw l-eċċellenza b’investimenti kbar f’organizzazzjonijiet tar-riċerka kklassifikati fuq livell globali, jikkooperaw fi proġetti kollaborattivi, u, minħabba l-livell ta’ integrazzjoni tagħhom mal-UE, jirċievu u jibagħtu numru kbir ta’ riċerkaturi u innovaturi mill-UE u lejn l-UE.

Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija. It-trawwim tal-istabbiltà u tal-prosperità ta’ pajjiżi kandidati u ta’ pajjiżi potenzjalment kandidati jibqa’ prijorità ewlenija tal-UE. L-UE hija b’mod partikolari impenjata li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ aġenda ta’ innovazzjoni ddedikata għall-Balkani tal-Punent 55 , inkluż fil-qafas tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent 56 . Il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE hija element importanti tal-integrazzjoni tat-Turkija fil-politiki u fl-għodod tal-UE fejn huwa fl-interess reċiproku u f’konformità mal-progress fil-qafas ġenerali tar-relazzjonijiet tagħha mal-UE.

Is-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar. F’konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija tal-Lvant 57 , ir-riżultati finali tas-Sħubija tal-Lvant ta’ wara l-2020 jenħtieġ li jidentifikaw l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni għas-snin li ġejjin. Is-sħubija tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar 58 , ibbażata fuq is-Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tagħha, hija strumentali għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-prosperità permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-kooperazzjoni internazzjonali tappoġġa t-trasferiment tat-teknoloġija, l-innovazzjoni u r-riċerka kollaborattiva, u twassal għal tkabbir aktar reżiljenti u inklużiv, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg sostenibbli, soċjetà u ekonomija tal-għarfien u titjib ambjentali permezz ta’ inizjattivi bħall-BlueMed 59 .

Ir-Renju Unit. Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f’Orizzont Ewropa se tippermettilu jżomm rabtiet b’saħħithom mal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jibni fuq valuri komuni u fuq l-istorja twila tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-programmi qafas tar-riċerka u l-innovazzjoni u fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

5.3.    L-approfondiment tas-sħubijiet tal-UE mal-Afrika, mal-Amerka Latina u ma’ reġjuni u pajjiżi oħra

L-approċċ modulat se jagħti attenzjoni speċjali lill-kooperazzjoni mal-Afrika, filwaqt li jibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti ma’ reġjuni u ma’ pajjiżi oħrajn 60 .

L-Afrika. F’konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika” 61 , l-UE tfittex li ttejjeb il-kooperazzjoni tagħha mal-Afrika fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-użu effettiv tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjonijaċċelera l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u t-tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji bbażati fuq l-għarfien, isaħħaħ il-kapital uman b’mod partikolari permezz tal-mobilità u t-taħriġ tal-akkademiċi u tar-riċerkaturi. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, li l-urġenza tagħhom żdiedet minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-UE tipproponi sensiela ta’ inizjattivi reġjonali ambizzjużi.

Il-Kummissjoni, f’ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, tipproponi l-implimentazzjoni ta’ sensiela ta’ inizjattivi fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa li jikkostitwixxu “Inizjattiva għall-Afrika” komprensiva u ambizzjuża. Dan se jappoġġa l-ftehim milħuq fil-Laqgħa ministerjali ta’ Lulju 2020 tad-Djalogu ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni bejn l-UE u l-Afrika. Jenħtieġ li jiġu appoġġati erba’ pilastri ta’ kooperazzjoni: (i) Is-saħħa pubblika, inkluż ir-reżiljenza u t-tħejjija għall-pandemiji 62 ; (ii) It-tranżizzjoni ekoloġika 63 ; (iii) L-innovazzjoni u t-teknoloġija għall-ħolqien tal-impjiegi 64 ; u (iv) Il-kapaċitajiet għax-xjenza u l-edukazzjoni għolja 65 , b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, Aġenda tal-Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana jenħtieġ li tappoġġa t-trasformazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fi prodotti u servizzi b’impatt konkret, permezz ta’ diversi miżuri li jtejbu l-iżvilupp tan-negozju u l-aċċess għall-finanzi għall-innovaturi.

Il-prijorità mogħtija lill-kooperazzjoni mal-Afrika, tinkludi l-kooperazzjoni bilaterali li ilha teżisti mal-Afrika t’Isfel 66 , u tiġi parallela mal-UE li tkompli s-sħubijiet tagħha ma’ partijiet oħra tad-dinja li jikkombinaw ir-riżorsi tal-UE, tal-Istati Membri, u tal-istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta’ inizjattivi ta’ Tim Ewropa.

L-Amerka Latina u l-Karibew (ALK). Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-UE-CELAC dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni 67 , ibbażat fuq erba’ linji ewlenin ta’ kooperazzjoni mar-reġjun, li jiffokaw fuq (i) l-isfidi globali, (ii) il-mobilità tar-riċerkaturi, (iii) l-infrastrutturi tar-riċerka u (iv) l-innovazzjoni. Jenħtieġ li jkun hemm impenn aktar b’saħħtu mal-Brażil, mal-Messiku, mal-Arġentina, maċ-Ċilì u ma’ sħab oħra tal-UE fir-reġjun, f’oqsma bħat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, is-saħħa, jew l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet komuni għal irkupru sostenibbli. Kollaborazzjoni dejjem tiżdied mal-Programm Spazjali tal-UE u maċ-ċentri l-ġodda ta’ Copernicus u ta’ Galileo fl-ALK se jkollhom rwol ewlieni fl-ixprunar tal-innovazzjoni u r-riċerka fir-reġjun.

L-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). Il-kooperazzjoni reġjonali mal-ASEAN se tissaħħaħ permezz tal-appoġġ tal-UE għall-kooperazzjoni u għall-mobilità fir-riċerka u l-innovazzjoni intra-ASEAN fl-ambitu tad-Djalogu ASEAN-UE dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija.

L-UE jenħtieġ li:

·tfittex li taqbel fuq il-Pjan Direzzjonali Konġunt bejn l-UE u ċ-Ċina dwar il-futur tal-kooperazzjoni fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u reċiproċità bħala prekundizzjoni għall-kooperazzjoni futura; kif ukoll

·timplimenta l-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-CELAC dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (2021-2023) u tappoġġa d-djalogu ASEAN-UE dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija.

Il-Kummissjoni se:

·tiżviluppa azzjonijiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali selettivi u mmirati f’sejħiet għal proposti f’oqsma ta’ interess reċiproku fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa u, fejn ġustifikat u fuq bażi ta’ każ b’każ, tisfrutta l-opportunitajiet għal assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa, filwaqt li tiżgura r-reċiproċità, il-kisbiet reċiproċi u r-rispett tal-valuri fundamentali; kif ukoll

·tiżviluppa pjanijiet strateġiċi ta’ riċerka u innovazzjoni għall-Afrika, li jorbtu l-ipprogrammar tal-Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali ma’ Orizzont Ewropa, u fl-2021 tniedi “Inizjattiva għall-Afrika” komprensiva u ambizzjuża fl-ambitu tal-ewwel programmi ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa.

6. Konklużjoni

Sabiex tappoġġa l-objettiv ta’ UE aktar b’saħħitha fid-dinja, l-UE jenħtieġ li tistinka biex twettaq dan l-approċċ globali f’koordinazzjoni mill-qrib mal-istrateġiji tal-Istati Membri, bl-użu tal-Forum taż-ŻER għat-Tranżizzjoni kif xieraq. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u se tevalwa l-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Approċċ Globali, filwaqt li tqis il-parametri referenzjarji bħall-volum ta’ investiment internazzjonali mobilizzat fir-riċerka u l-iżvilupp f’kooperazzjoni multilaterali, l-għadd ta’ kopubblikazzjonijiet xjentifiċi internazzjonali u l-progress fir-reċiproċità reċiproka fl-aċċess għal programmi ta’ riċerka u żvilupp iffinanzjati pubblikament. L-ewwel rieżami tal-progress se jsir f’konferenza internazzjonali li se tiġi organizzata fl-2022. Din se tiġi segwita minn rapporti biennali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li se jissostitwixxu r-rapporti ta’ implimentazzjoni u l-pjanijiet direzzjonali speċifiċi bbażati fuq il-pajjiżi ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-2012 dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni 68 .

Id-dinja tagħna li qed tinbidel b’rata mgħaġġla tqis ix-xjenza u t-teknoloġija bħala xprunaturi u faċilitaturi ewlenin tal-politika barranija iżda dawn jitqiegħdu wkoll fil-qalba tat-tensjonijiet ġeopolitiċi. Dan jitlob kooperazzjoni aktar profonda abbażi tat-trasparenza, kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u r-rispett tad-drittijiet u tal-valuri fundamentali u l-appoġġ għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE. L-approċċ globali l-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni, se jsaħħaħ il-kapaċità globali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi komuni li qed tħabbat wiċċha magħhom l-umanità u se jsaħħaħ l-influwenza pożittiva tal-UE fid-dinja.

(1)

  https://www.undp.org/content/undp/en/home/sustainable-development-goals.html  

(2)

 Intejbu u niffukaw il-kooperazzjoni internazzjonali tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni: Approċċ strateġiku (COM/2012/497); ara wkoll 2014 (COM(2014) 567), 2016 (COM(2016) 657) u 2018 (SWD(2018) 307, l-Anness 10), rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni.

(3)

 It-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli (JOIN(2021)3).

(4)

Perspettiva fit-tul u trasversali dwar it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa se tiġi pprovduta wkoll mir-Rapport dwar il-Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni għall-2021.

(5)

  https://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/node_en  

(6)

Il-pajjiżi li qabel kienu assoċjati ma’ Orizzont 2020 u li esprimew interess fl-assoċjazzjoni ma’ Orizzont Ewropa huma: in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija, il-Georgia, l-Armenja, l-Ukrajna, il-Moldova, it-Tuneżija, Iżrael, il-Gżejjer Faeroe, l-Iżvizzera. Barra minn hekk, ir-Renju Unit se jkun assoċjat skont it-TCA, u l-Marokk u l-Kosovo* esprimew interess fl-assoċjazzjoni.

(7)

 ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020) 628).

(8)

  https://www.bmbf.de/files/10_2_2_Bonn_Declaration_en_final.pdf  

(9)

Bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għax-Xjenza Edukattiva u l-Kultura.

(10)

 Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025 (COM/2020/152 final).

(11)

  https://ec.europa.eu/international-partnerships/system/files/swd_2020_284_en_final.pdf  

(12)

L-aġenda tal-politika tal-Unjoni tal-Ugwaljanza tal-UE lil hinn mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija stabbilita fl-istrateġiji u fl-oqfsa li ġejjin: Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 (COM(2020) 565 final); Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 (COM(2020)698 final); Qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni (COM(2020) 620 final); Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030 (COM(2021) 101 final)

(13)

ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020) 628).

(14)

COM (2021) 223 final; COM (2021) 350 final.

(15)

Bħalissa jeżistu ftehimiet dwar ix-xjenza u t-teknoloġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, l-Eġittu, l-Indja, il-Ġappun, il-Ġordan, il-Korea, il-Messiku, il-Marokk, New Zealand, ir-Russja, l-Afrika t’Isfel, l-Iżvizzera, it-Tuneżija, l-Ukrajna u l-Istati Uniti tal-Amerka.

(16)

  https://www.wto.org/english/tratop_e/trips_e/trips_e.htm  

(17)

Pereżempju, l-infrastruttura sensittiva sjieda tal-UE, bħas-satelliti Galileo jew Copernicus, li t-tfixkil tagħhom ikollha impatt sinifikanti għall-UE minħabba n-nuqqas li jinżammu dawk il-funzjonijiet.

(18)

Il-kopertura tal-interessi offensivi u difensivi identifikati mill-UE fid-diversi komponenti tal-politika esterna tagħha, il-promozzjoni tad-drittijiet u tal-valuri fundamentali, jew il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(19)

Kif stabbilit fir-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali, l-awtonomija strateġika miftuħa tinkludi (i) ir-reżiljenza u l-kompetittività biex tissaħħaħ l-ekonomija tal-UE; (ii) is-sostenibbiltà u l-ġustizzja, li jirriflettu l-ħtieġa ta’ azzjoni responsabbli u ġusta tal-UE u (iii) l-assertività u l-kooperazzjoni bbażata fuq ir-regoli biex tintwera l-preferenza tal-UE għall-kooperazzjoni u għad-djalogu internazzjonali, iżda wkoll li hija lesta li tiġġieled kontra prattiki inġusti u tuża għodod awtonomi biex issegwi l-interessi tagħha fejn meħtieġ.

(20)

Is-sigurtà Ewropea tinkludi, pereżempju, il-protezzjoni tal-UE kontra theddid estern jew intern u tkopri, pereżempju l-protezzjoni u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika minn riskji sistemiċi u theddid ibridu bħall-infrastrutturi tal-enerġija, id-data u n-networks, inkluż is-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju u l-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita.

(21)

 ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (COM(2020) 628).

(22)

Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE (COM(2020) 760).

(23)

 L-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji COM(2021) 110.

(24)

  https://allatlanticocean.org .

(25)

Il-Missjoni Innovazzjoni ( http://mission-innovation.net/ ) hija inizjattiva globali mħabbra fl-2015 fis-COP21 li taħdem biex taċċellera l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa. L-Unjoni Ewropea bħalissa għandha l-presidenza tal-kumitat ta’ tmexxija tagħha.

(26)

  http://mission-innovation.net/our-work/innovation-challenges/renewable-and-clean-hydrogen/  

(27)

  https://ec.europa.eu/food/farm2fork_mt  

(28)

Bl-istabbiliment u bl-appoġġ tal-Konsorzji Internazzjonali tar-Riċerka (IRCs) u l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-Alleanza Globali tar-Riċerka dwar il-Gassijiet Serra Agrikoli.

(29)

Ikel 2030: https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/research-area/environment/bioeconomy/food-systems/food-2030_en  

(30)

  https://ec.europa.eu/environment/international_issues/gacere.html  

(31)

  https://europa.eu/new-european-bauhaus/index_mt  

(32)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1596443911913&uri=CELEX:52019DC0640#  

(33)

 Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-Approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali COM(2021) 118.

(34)

  https://ec.europa.eu/international-partnerships/topics/digital-partnerships_en  

(35)

  https://ec.europa.eu/international-partnerships/news/team-europe-digital4development-hub-launched-help-shape-fair-digital-future-across-globe_en  

(36)

  https://joinup.ec.europa.eu/collection/digital-response-covid-19/news/european-covid-19-data-platform  

(37)

https://www.who.int/initiatives/act-accelerator

(38)

https://www.who.int/initiatives/act-accelerator/covax

(39)

  https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/human-use/docs/pharma-strategy_report_en.pdf  

(40)

COM(2020) 245 final.

(41)

COM(2021) 355 final.

(42)

Il-Konsorzju Internazzjonali għar-Riċerka dwar Mard Rari: https://irdirc.org/about-us/vision-goals/  

(43)

L-Alleanza Globali għall-Mard Kroniku: https://www.gacd.org/  

(44)

L-Inizjattiva għall-Ipprogrammar Konġunt dwar ir-Reżistenza għall-Antimikrobiċi - Sħubija dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi “Saħħa Waħda”: https://www.jpiamr.eu/  

(45)

Il-Konsorzju Internazzjonali għall-Mediċina Personalizzata: https://www.icpermed.eu/

(46)

Il-Kollaborazzjoni Globali ta’ Riċerka għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv: https://www.glopid-r.org/  

(47)

Il-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji: https://cepi.net/  

(48)

Koalizzjoni Internazzjonali tal-Awtoritajiet Regolatorji tal-Mediċini: http://icmra.info/  

(49)

JOIN (2018) 31.

(50)

Is-soft-landing huwa programm imfassal apposta biex jgħin lin-negozji ġodda u lin-negozji li qed jespandu biex jesploraw ekosistema ġdida.

(51)

  https://clustercollaboration.eu/find-partners/beyond-europe  

(52)

https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/startup-europe/

(53)

JOIN(2020) 22 final.

(54)

Imnedija fil-Laqgħa tal-Mexxejja bejn l-UE u l-Indja, fit-8 ta’ Mejju 2021 - l-https://www.consilium.europa.eu/media/49516/eu-india-connectivity-partnership-8-may-2.pdf  

(55)

Għandu jintlaħaq qbil dwarha fil-Laqgħa ministerjali f’Mejju 2021.

(56)

 Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent COM(2020) 641 final.

(57)

 Il-politika tas-Sħubija tal-Lvant lil hinn mill-2020: It-Tisħiħ tar-Reżiljenza - Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd (JOIN(2020) 7).

(58)

 Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar - Aġenda Ġdida għall-Mediterran (JOIN(2021) 2).

(59)

  Inizjattiva BlueMed (bluemed-initiative.eu) .

(60)

L-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni fir-riċerka se jkomplu ma’ reġjuni u pajjiżi oħrajn mhux imsemmija speċifikament hawn taħt.

(61)

Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika (JOIN(2020) 4).

(62)

Permezz tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw u l-impriża konġunta għas-saħħa globali proposta.

(63)

Inkluż permezz tas-sħubijiet bejn l-UE u l-UA dwar is-Sigurtà Alimentari u Nutrizzjonali u l-Agrikoltura Sostenibbli, dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija Sostenibbli u dwar Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.

(64)

Pereżempju permezz tas-Sħubija għall-Innovazzjoni bejn l-Afrika u l-Ewropa.

(65)

Inkluż permezz tal-appoġġ tax-xjenza għat-tfassil tal-politika, għall-promozzjoni tax-xjenza miftuħa, u għall-programm pilota tal-Inizjattiva ta’ Riċerka Afrikana għall-Eċċellenza Xjentifika.

(66)

Ftehim dwar is-Sajd u t-Teknoloġija mal-Afrika t’Isfel.

(67)

https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/research_and_innovation/strategy_on_research_and_innovation/documents/eu-celac_strategic-roadmap-2021-2023.pdf  

(68)

COM/2012/0497 final.

Top