Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0222

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jaderixxi għall-Konvenzjoni ta' Lugano tal-2007

    COM/2021/222 final

    Brussell, 4.5.2021

    COM(2021) 222 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY

    Valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jaderixxi għall-Konvenzjoni ta' Lugano tal-2007


    1.INTRODUZZJONI

    1.1 Il-Konvenzjoni ta’ Lugano

    Il-Konvenzjoni tal-2007 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (“il-Konvenzjoni ta’ Lugano”) 1 ġiet konkluża bejn l-Unjoni Ewropea, id-Danimarka għal rasha u tlieta mill-erba’ membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda, imsejħa “l-Istati tal-EFTA”) 2 .

    Fl-Unjoni, iż-żona ta’ ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali hija rregolata mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (ir-Regolament Brussell Ia riformulat). Il-Konvenzjoni ta’ Lugano tirrifletti l-istat preċedenti tad-dritt tal-Unjoni f’dak il-qasam (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001).

    Il-Konvenzjoni ta’ Lugano hija “konvenzjoni doppja”, li tirregola kemm il-ġuriżdizzjoni internazzjonali (jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk qorti hijiex kompetenti biex tisma’ kawża transfruntiera) kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili u kummerċjali.

    Il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-membri futuri tal-EFTA u għall-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta’ ċerti territorji mhux Ewropej tagħhom. Skont l-Artikoli 70 sa 72 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano l-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta’ kwalunkwe Stat ieħor teħtieġ applikazzjoni għand id-Depożitarju li tiġi trażmessa lill-Partijiet Kontraenti. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom mhux aktar tard minn sena wara l-istedina mingħand id-Depożitarju 3 . F’każ biss li jkun hemm qbil unanimu tal-Partijiet Kontraenti, id-Depożitarju jistieden lill-Istat jaderixxi mal-Konvenzjoni ta’ Lugano. Wara li l-istrument ta’ adeżjoni jkun ġie ddepożitat, xorta hemm perjodu biex il-Partijiet Kontraenti joġġezzjonaw. Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ biss bejn l-Istat aderenti u dawk il-Partijiet Kontraenti li ma oġġezzjonawx qabel l-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni.

    Il-kompetenza esterna biex tiġi konkluża l-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 u b’hekk ukoll dik li jkun hemm qbil dwar l-adeżjoni ta’ Parti ġdida u li ssir oġġezzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni bejn l-Unjoni u Parti ġdida hija esklussivament tal-Unjoni Ewropea.

    1.2 L-applikazzjoni tar-Renju Unit

    Il-Konvenzjoni ta’ Lugano kienet tapplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) sal-31 ta’ Jannar 2020 permezz tas-sħubija tiegħu fl-UE. Għat-tul tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, li ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, l-UE nnotifikat lill-Partijiet l-oħra għall-Konvenzjoni ta’ Lugano li r-Renju Unit kellu jiġi ttrattat bħala Stat Membru għall-finijiet ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni kienet Parti tagħhom, u li dan ikopri l-Konvenzjoni ta’ Lugano 4 .

    Fit-8 ta’ April 2020, ir-Renju Unit applika biex jaderixxi ruħu mal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007 għal rasu. Din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata lid-Depożitarju tal-Konvenzjoni ta’ Lugano 5 . Ir-Renju Unit ippropona li jestendi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni għal Ġibiltà 6 .

    B’ittra tal-14 ta’ April 2020, id-Depożitarju bagħat uffiċjalment l-applikazzjoni u l-informazzjoni relatata lill-Partijiet Kontraenti ta’ Lugano, inkluża l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

    2.ANALIŻI TAL-KUMMISSJONI

    Fid-dawl tan-natura tal-Konvenzjoni ta’ Lugano (ara hawn taħt, it-Taqsima 2.1.) u l-qafas eżistenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi (ara hawn taħt, it-Taqsima 2.2.), il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li l-UE ma tagħtix l-kunsens tagħha għall-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni ta’ Lugano.

    2.1 In-Natura tal-Konvenzjoni ta’ Lugano

    Il-Konvenzjoni ta’ Lugano tirrifletti r-regoli tal-UE dwar il-ġuriżdizzjoni internazzjonali u s-sistema kważi awtomatika tagħha ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi ċivili u kummerċjali 7 fil-konfront tal-Istati tal-EFTA. Għalhekk hija testendi l-benefiċċji tal-qafas tal-UE ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi lil dawn il-pajjiżi kif ukoll lill-Istati Membri tal-UE fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi. B’konsegwenza ta’ hekk, hija tiffaċilita ħafna l-aċċess għas-sentenzi ċivili tal-Istati tal-EFTA liż-żona tal-ġustizzja tal-UE f’materji ċivili u kummerċjali u viċi versa.

    Il-Konvenzjoni ta’ Lugano tirrappreżenta karatteristika essenzjali ta’ żona komuni ta’ ġustizzja u hija miżura ta’ akkumpanjament għar-relazzjonijiet ekonomiċi tal-UE mal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE. Man-Norveġja u l-Iżlanda, dawn ir-relazzjonijiet huma bbażati fuq il-Ftehim ŻEE 8 , li jgħaqqad flimkien l-Istati Membri tal-UE u l-Istati tal-EFTA/ŻEE 9 fis-suq intern. Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Iżvizzera mal-UE huma rregolati permezz ta’ sensiela ta’ ftehimiet bilaterali fejn l-Iżvizzera qablet li tieħu f’idejha ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE bi skambju għall-aċċess għal parti mis-suq uniku tal-UE. Il-Partijiet Kontraenti attwali kollha jirrappreżentaw dan il-kuntest. Dawn il-pajjiżi jipparteċipaw, tal-anqas parzjalment, fis-suq intern tal-UE, li jinkludi l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni.

    Għalhekk, il-Konvenzjoni ta’ Lugano tappoġġa r-relazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi li għandhom integrazzjoni regolatorja partikolarment mill-qrib mal-UE, inkluż billi huma allinjati mal-acquis tal-UE (jew partijiet minnu). Għalkemm il-Konvenzjoni hija, fil-prinċipju, miftuħa għall-adeżjoni ta’ “kwalunkwe Stat ieħor” fuq stedina mid-Depożitarju bi qbil unanimu tal-Partijiet Kontraenti (ara hawn fuq), u mhijiex il-qafas ġenerali xieraq għall-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ kwalunkwe pajjiż terz partikolari. Hija mhijiex maħsuba għall-pajjiżi terzi kollha, kif jidher mill-fatt li mill-1988 (meta ġiet miftiehma l-ewwel Konvenzjoni ta’ Lugano), il-Polonja biss ingħaqdet mal-Konvenzjoni bħala pajjiż terz, iżda ngħaqdet mal-Konvenzjoni fi triqtha lejn l-adeżjoni mal-UE. Ma hemm l-ebda pajjiż terz għajr il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE li huma Parti fil-Konvenzjoni. Ir-Renju Unit ilu, mill-1 ta’ Jannar 2021, pajjiż terz bi Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles “ordinarju” li jiffaċilita l-kummerċ iżda li ma jinkludi l-ebda libertà u politika fundamentali tas-suq intern. Il-Konvenzjoni hija bbażata fuq livell għoli ta’ fiduċja reċiproka fost il-Partijiet Kontraenti u tirrappreżenta karatteristika essenzjali ta’ żona komuni ta’ ġustizzja proporzjonata għall-grad għoli ta’ interkonnessjoni ekonomika bbażata fuq l-applikabbiltà tal-erba’ libertajiet.

    2.2 Qafas internazzjonali għall-kooperazzjoni tal-ġustizzja ċivili tal-UE ma’ pajjiżi terzi

    L-approċċ fit-tul tal-UE huwa li l-qafas xieraq għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili huwa pprovdut mill-Konvenzjonijiet multilaterali tal-Aja, jiġifieri l-Konvenzjoni tal-Aja tal-2005 dwar l-Għażla tal-Forum 10 u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-2019 dwar is-Sentenzi 11 . L-UE kkonkludiet il-Konvenzjoni tal-2005 dwar l-Għażla tal-Forum fl-2014 12 . Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2005 dwar l-Għażla tal-Forum hija wkoll “konvenzjoni doppja”, iżda tapplika biss meta l-partijiet ikunu għamlu għażla kuntrattwali esklużiva tal-qorti f’materji ċivili u kummerċjali. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2019 dwar is-Sentenzi hija konvenzjoni sempliċi li tirregola biss ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. Ma tirregolax il-ġuriżdizzjoni diretta tal-qrati.

    B’mod konsistenti ma’ dan l-approċċ, id-Dikjarazzjoni Politika dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tas-17 ta’ Ottubru 2019 tirreferi għall-qafas tal-Konvenzjonijiet tal-Aja 13 ; l-għażla li r-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni ta’ Lugano la tissemma fid-Dikjarazzjoni Politika, u lanqas f’xi dokument konġunt ieħor bejn l-UE u r-Renju Unit ieħor dwar il-qafas tar-relazzjoni futura. Lanqas ma huwa msemmi fil-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit min-naħa l-oħra, li ġie maqbul fl-24 ta’ Diċembru 2020 u li ilu jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2021 14 .

     
    Qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2005 dwar l-Għażla tal-Forum kienet tapplika fir-Renju Unit, abbażi tas-sħubija tiegħu fl-UE u, wara, abbażi tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit huwa parti ta’ din il-Konvenzjoni 15 għal rasu 16 . Għalhekk, din il-Konvenzjoni tkopri r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni qed tippjana li fil-futur qrib tipproponi l-konklużjoni mill-UE tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2019 dwar is-Sentenzi. F’każ li r-Renju Unit jikkonkludi dik il-Konvenzjoni, din tkun tapplika għall-kooperazzjoni ġudizzjarja futura mal-UE.

     

    3.KONKLUŻJONI

    Fid-dawl ta’ li ntqal fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li l-Unjoni Ewropea ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-2007. Għall-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni ta’ Lugano hija miżura ta’ akkumpanjament tas-suq intern u hija relatata mal-kuntest UE-EFTA/ŻEE. Fir-rigward tal-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha, il-politika konsistenti tal-Unjoni Ewropea hija li tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qafas tal-Konvenzjonijiet multilaterali tal-Aja. Ir-Renju Unit huwa pajjiż terz mingħajr rabta speċjali mas-suq intern. Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni biex l-Unjoni Ewropea titlaq l-approċċ ġenerali tagħha fir-rigward tar-Renju Unit. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Konvenzjonijiet tal-Aja jipprovdu l-qafas għall-kooperazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili.

    Il-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari jenħtieġ li l-prattikanti involuti f’materji kuntrattwali transfruntieri li jinvolvu l-Unjoni Ewropea jżommu dan f’moħħhom meta jagħmlu għażla ta’ ġuriżdizzjoni internazzjonali 17 . 

    B’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-valutazzjoni tagħha u tagħtihom l-opportunità li jesprimu fehmiethom, qabel ma tinforma lid-Depożitarju ta’ Lugano b’dan.

    (1)  Il-predeċessur tagħha kien il-Konvenzjoni ta’ Lugano tal-1988.
    (2)  Il-Liechtenstein mhuwiex Parti għall-Konvenzjoni ta’ Lugano.
    (3)  Din mhijiex skadenza vinkolanti.
    (4) Ara l-Artikolu 129(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit.
    (5) Il-Kunsill Federali Żvizzeru.
    (6) Matul is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE, il-Konvenzjoni ta’ Lugano kienet tapplika għal Ġibiltà. 
    (7) Dan ma jirriflettix l-aktar stat reċenti tad-dritt tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, li abolixxa kompletament il-ħtieġa għal proċedura biex sentenza barranija tiġi ddikjarata eżekutorja.
    (8) Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1.1.1994. 
    (9) L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
    (10)  Il-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum.
    (11)  Il-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi Barranin f’Materji Ċivili jew Kummerċjali. L-approċċ multilaterali huwa mtenni pereżempju fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Futur tal-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Ċivili, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f’Diċembru 2019 taħt il-Presidenza Finlandiża, 2019/C 419/02, ĠU C 419/6 tat-12/12/2019. Dwar il-multilateraliżmu, ara l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli JOIN (2021) 3 final tas-17.2.2021.
    (12) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/887/UE tal-4 ta' Diċembru 2014 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum, ĠU L 353, 10.12.2014, p. 5.
    (13)  ĠU C 34, 31.01.2020, p. 1. 
    (14)  ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.
    (15)  Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2005 dwar l-Għażla tal-Forum tapplika biss meta l-partijiet ikunu għamlu klawżola esklussiva dwar l-għażla tal-forum, iżda mhux meta tkun intgħażlet klawżola asimetrika jew nonesklussiva jew meta ma jkun hemm l-ebda klawżola dwar l-għażla tal-forum.
    (16)  Ir-Renju Unit estenda l-adeżjoni għal Ġibiltà.
    (17)  Ara l-avviż ta’ prontezza għall-partijiet ikkonċernati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit u r-regoli tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u d-dritt internazzjonali privat ippubblikat fit-18 ta’ Jannar 2019, aġġornat fis-27 ta’ Awwissu 2020 u li jinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/publications/civil-justice-judicial-cooperation-civil-and-commercial-matters_mt
    Top