This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021AE6074
Opinion of the European Economic and Social Committee on Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee, the Committee of the Regions and the European Investment Bank – Annual Sustainable Growth Survey 2022 [COM(2021) 740 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022 [COM(2021) 740 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022 [COM(2021) 740 final]
EESC 2021/06074
ĠU C 275, 18.7.2022, p. 50–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 275/50 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2022
[COM(2021) 740 final]
(2022/C 275/09)
Relatur: |
Judith VORBACH |
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 21.1.2022 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottata fis-sezzjoni |
8.2.2022 |
Adottata fil-plenarja |
23.2.2022 |
Sessjoni plenarja Nru |
567 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
140/5/38 |
1. Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
L-UE ffaċċjat żviluppi u kriżijiet avversi ħafna qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Fl-2020, l-UE daħlet “fl-agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha”, filwaqt li l-isfidi eżistenti kien baqagħlhom ħafna biex jiġu solvuti. L-UE ħadet azzjonijiet ta’ appoġġ mingħajr preċedent biex ittaffi l-impatt u tevita sitwazzjoni instabbli. Madankollu, il-pandemija tista’ tiġi indirizzata biss b’mod transnazzjonali u l-KESE jitlob kooperazzjoni antiċipatorja dwar il-politika tas-saħħa tal-UE, spinta lil-livelli tat-tilqim u l-adozzjoni ta’ approċċ globali, sabiex ikun hemm dibattitu miftuħ fil-livell tal-UE dwar eżenzjoni temporanja u volontarja tat-TRIPS. |
1.2. |
Il-KESE jirrakkomanda politika li tiffoka fuq il-prosperità u jappoġġja l-aġenda ta’ “sostenibbiltà kompetittiva” tal-UE. L-erba’ dimensjonijiet tagħha – is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika – kif ukoll il-kompetittività, għandhom jitqiegħdu fuq l-istess livell sabiex jinkisbu l-effetti previsti ta’ rinfurzar u trasformazzjoni li tirnexxi. Pereżempju, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali huma elementi kruċjali tal-kompetittività u viċi versa. Aktar ma jkun dgħajjef l-involviment tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, aktar ikun probabbli li d-disparitajiet jiżdiedu u l-aċċettazzjoni tonqos, speċjalment fir-rigward tat-trasformazzjoni tal-ekonomija biex tinkiseb in-newtralità klimatika. |
1.3. |
Waħda mill-isfidi tagħna hija li l-prosperità ekonomika tiġi diżakkoppjata kemm jista’ jkun mid-degradazzjoni ambjentali. Għal darb’oħra, dak li huwa meħtieġ huwa approċċ olistiku li jqis it-tipi kollha ta’ ħsara ambjentali. L-impenji biex jiġi ssalvagwardjat il-benesseri soċjali ma għandhomx isarrfu biss fi slogans fiergħa. Huwa kruċjali li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tat-tranżizzjoni. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ klima kummerċjali tajba u li jinżammu ktajjen tal-valur industrijali b’saħħithom fl-Ewropa, u jitlob li jkun hemm tmexxija industrijali Ewropea fl-isforz lejn is-sostenibbiltà. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri għandu jiġi mfassal b’mod effettiv u l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għandhom ikunu marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u mar-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u l-obbligi fiskali. Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li kwalunkwe bidla lejn it-tassazzjoni ambjentali m’għandhiex tinvolvi effetti distributtivi rigressivi jew faqar enerġetiku. |
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riformi u l-investiment u l-promozzjoni ta’ suq uniku ġust sabiex tiġi żgurata bażi ekonomika b’saħħitha. Il-miżuri biex jippromovu s-suq uniku u jtejbu l-ambjent tan-negozju huma kruċjali għat-trawwim tal-innovazzjoni u l-produttività. Barra minn hekk, approċċ ġust ta’ produttività huwa xprun essenzjali għall-kompetittività u l-konverġenza ’l fuq fuq perjodu twil ta’ żmien. Madankollu, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma fundamentali iżda mhumiex parti mil-libertajiet tas-suq intern protetti bil-kostituzzjoni. Il-KESE jappella għal proposti adatti dwar kif jiġu ggarantiti r-regoli nazzjonali li mhumiex protetti mit-trattati. Il-KESE jirrakkomanda mitigazzjoni tal-effetti negattivi taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, u jilqa’ l-monitoraġġ aktar mill-qrib tar-riskji tas-suq finanzjarju li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja għandu jikkonsolida l-kanali ta’ finanzjament, jippromovi l-isforzi ta’ investiment u jżid ir-reżiljenza. |
1.5. |
Il-KESE jenfasizza li meta jsiru sforzi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u fl-istess ħin għal tranżizzjoni li hija ekwa u ġusta, li tirrikjedi kundizzjonijiet soċjali sostenibbli, dan jikkostitwixxi bażi għal prosperità u reżiljenza futuri. Politiki tas-suq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali mfassla tajjeb huma l-pedament tar-reżiljenza u t-tkabbir inklużiv. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw l-isforzi biex itejbu l-eżiti tat-tagħlim fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom u li l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja għandu jiġi żgurat. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni twettaq skrutinju tal-effetti distributtivi tal-iżborżi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u tan-NextGenerationEU (NGEU) u biex tiżgura l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta’ ekonomija aktar ekoloġika u diġitalizzata, u anke għal konverġenza soċjali ’l fuq. |
1.6. |
L-irkupru ekonomiku u t-tkabbir inklużiv stabbli huma prekundizzjonijiet għal baġits pubbliċi sostenibbli. Il-politika jeħtieġ li tibqa’ ta’ appoġġ u lesta biex tindirizza kwalunkwe tfixkil. Il-KESE jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Meta titneħħa, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-livelli ta’ attività ekonomika, tal-impjiegi u tal-faqar meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni qabel ma jidħol fis-seħħ qafas modernizzat. Il-KESE jwissi kontra l-promozzjoni ta’ politiki li jnaqqsu l-infiq attwali relatat mal-ispejjeż soċjali, edukattivi u tas-saħħa, u jitlob politiki ta’ dħul ġust. Barra minn hekk, filwaqt li s-sorveljanza taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, il-KESE jitlob ukoll li jsir monitoraġġ tal-iżbilanċi soċjali. |
1.7. |
Il-KESE għandu l-impressjoni li qed nidħlu f’fażi ġdida ta’ politika ekonomika u s-Semestru Ewropew 2022 li qed jevolvi huwa opportunità biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. L-approċċ bilanċjat tal-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva għandu jiġi rifless fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) futuri, u l-involviment akbar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata suppost ilu li sar. Jekk l-iżborż ta’ għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jsir soġġett għall-konformità mar-riformi mħabbra, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jiksbu relevanza politika akbar. Filwaqt li l-enfasi msaħħa fuq il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali hija apprezzata, kemm fil-fatt se tiġi riflessa fis-CSRs u fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) għadu mhux ċar. Il-governanza ekonomika jeħtieġ li tiġi integrata fil-proċess tas-Semestru Ewropew b’tali mod li jiġi żgurat l-involviment demokratiku tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. |
2. Kummenti ġenerali
2.1. |
L-UE ffaċċjat żviluppi u kriżijiet ekonomiċi u soċjali negattivi anki qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Wara perjodu twil ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku wara l-kriżi tas-suq finanzjarju fl-2008, l-ekonomija tal-UE finalment irrankat fl-2014 u mbagħad kellha perjodu ta’ tkabbir u r-rati ta’ impjieg bdew jogħlew. Madankollu, l-investiment pubbliku kien naqas taħt il-livelli meħtieġa biex l-istokk tal-kapital pubbliku jinżamm stabbli bħala sehem tal-PDG. Filwaqt li l-UE b’mod ġenerali hija relattivament għanja skont l-istandards globali, id-diverġenzi bejn il-pajjiżi u r-reġjuni, kif ukoll l-inugwaljanzi u d-differenza bejn il-ġeneri fis-soċjetajiet tagħna ppersistew. It-theddida tal-kriżi klimatika u l-isfidi minħabba t-tibdil teknoloġiku kienu diġà evidenti. |
2.2. |
F’Marzu 2020, il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri meħuda biex din titrażżan biddlu b’mod drammatiku s-sitwazzjoni. L-UE daħlet fl-“agħar reċessjoni ekonomika fl-istorja tagħha” (1), filwaqt li l-isfidi eżistenti kienu għadhom ’il bogħod milli jiġu solvuti. Mhux biss il-pandemija u l-impatti tagħha kienu mingħajr preċedent – iżda l-UE ħadet ukoll firxa ta’ azzjonijiet bla preċedent ta’ solidarjetà biex ittaffi d-diffikultajiet, inkluża l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali u l-istrument SURE (2). B’mod partikolari, il-KESE japprezza l-fatt li l-UE rnexxielha tfassal u tadotta inizjattiva tant wiesgħa bħall-Istrument Ewropew għall-Irkupru f’nofs din il-kriżi severa. Din l-inizjattiva għandha mhux biss tgħin biex tingħeleb il-kriżi, iżda wkoll – kif inhu xieraq – biex jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. L-effett ta’ tisħiħ tal-fiduċja tal-approċċ ġenerali ta’ politika ta’ appoġġ u koeżiva kien ta’ suċċess fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi mill-kriżi, li inkella setgħu rriżultaw f’destabbilizzazzjoni ekonomika u politika. |
2.3. |
Ir-rabta mill-qrib bejn l-ekonomija u l-pandemija saret evidenti wkoll mill-irkupru ekonomiku xprunat mis-sitwazzjoni epidemjoloġika mtejba f’nofs l-2021. It-tbassir tal-ħarifa tal-2021 jipprevedi bidla lil hinn mill-irkupru għal espansjoni u rata ta’ tkabbir ta’ 4,3 % fl-2022, filwaqt li l-ħolqien tal-impjiegi huwa mistenni li jsegwi dan it-tkabbir (3). Fl-isfond tal-mewġa l-ġdida tal-pandemija u tal-varjant Omicron, din il-prospettiva pożittiva tista’ sfortunatament ma ssirx realtà. Il-KESE jindika l-livell għoli ta’ inċertezza u l-impatt sinifikanti tal-pandemija fuq l-attività ekonomika. |
2.4. |
L-indirizzar tal-pandemija u l-prevenzjoni ta’ varjanti ġodda tal-virus ma jistgħux jinkisbu fuq livell nazzjonali biss. Minflok, huwa meħtieġ approċċ transnazzjonali. Il-KESE jitlob kooperazzjoni mill-qrib u ta’ prospettiva rigward il-politika tas-saħħa tal-UE, li mhux biss tgħin biex tingħeleb il-kriżi tas-saħħa iżda wkoll biex jittaffa l-impatt tagħha fuq l-ekonomija. Il-KESE jirrakkomanda li ż-żieda fil-livelli tat-tilqim tkompli tkun prijorità ewlenija u jitlob approċċ globali, speċjalment minħabba li l-provvista globali suffiċjenti ta’ tilqim hija wkoll fl-interess proprju tal-UE. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi dibattitu miftuħ fil-livell tal-UE dwar eżenzjoni temporanja u volontarja tat-TRIPS li tapplika għat-tilqim, it-trattamenti u t-testijiet tal-COVID-19 (4). |
2.5. |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ multidimensjonali tal-aġenda tas-“sostenibbiltà kompetittiva” deskritta fl-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Sostenibbli. Dan huwa konformi mal-approċċ ta’ politika li tiffoka fuq il-prosperità, kif irrakkomanda l-KESE f’Opinjonijiet preċedenti, fejn jitlob li jitqiesu diversi għanijiet: is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali, it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjieg u xogħol ta’ kwalità għolja, distribuzzjoni ġusta, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, l-istabbiltà fil-prezzijiet, il-kummerċ ibbilanċjat ibbażat fuq struttura industrijali u ekonomika ġusta u kompetittiva, u finanzi pubbliċi stabbli. Dawn l-objettivi huma konsistenti wkoll mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u huma interkonnessi mill-qrib. Pereżempju, approċċ ta’ tkabbir sostenibbli li jmur lil hinn mill-objettiv uniku tat-tkabbir tal-PDG huwa kruċjali għall-kisba ta’ ekonomija newtrali għall-klima fl-2050. |
2.6. |
Barra minn hekk, l-erba’ dimensjonijiet tal-aġenda tas-sostenibbiltà kompetittiva – is-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika — huma interkonnessi mill-qrib u ta’ importanza ugwali. Huma kollha ħoloq f’katina unika, u ħolqa minnhom ma tistax teżisti mingħajr l-oħrajn, b’tali mod li l-ebda waħda minnhom mhi subordinata għal oħra. Il-Kummissjoni tenfasizza, bir-raġun, li dawn id-dimensjonijiet għandhom isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Il-KESE jilqa’ dan, iżda jindika wkoll il-periklu ta’ effetti restrittivi. Aktar ma jkun dgħajjef l-involviment tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, aktar hemm ċans ta’ disparitajiet bejn dawn l-erba’ dimensjonijiet. |
2.7. |
Il-KESE jirrimarka wkoll li mhux l-erba’ dimensjonijiet biss huma interkonnessi – iżda l-kompetittività hija wkoll marbuta mill-qrib magħhom u ta’ importanza daqshom, flimkien mal-kummerċ bilanċjat, li huwa wieħed mill-objettivi ekonomiċi ewlenin. Pereżempju, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali huma elementi kruċjali tal-kompetittività u viċi versa. Il-mudell soċjali Ewropew u b’mod partikolari l-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali huma partijiet kruċjali tal-kompetittività tal-UE. Bl-istess mod, min-naħa l-oħra, il-kummerċ ibbilanċjat ibbażat fuq struttura industrijali u ekonomika ġusta u kompetittiva huwa prerekwiżit importanti għat-tkabbir inklużiv, il-ġustizzja u s-sostenibbiltà soċjali tal-UE. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1. Sostenibbiltà ambjentali
3.1.1. |
Waħda mill-isfidi ewlenin ta’ dan is-seklu hija li l-prosperità ekonomika tiġi diżakkoppjata kemm jista’ jkun mit-theddid għall-ambjent jew mill-qerda tiegħu. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni li t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali jitolbu azzjoni immedjata. Filwaqt li l-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan li tiġi miġġielda l-kriżi klimatika, huwa jitlob approċċ olistiku li jqis bl-istess mod it-tipi kollha ta’ ħsara ambjentali, bħat-theddid għall-bijodiversità, l-ilma u l-ħamrija, it-tniġġis tal-arja u l-iskart nukleari u tipi oħra ta’ skart tossiku. |
3.1.2. |
Bir-raġun, il-Kummissjoni tindika d-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi ta’ din it-tranżizzjoni u tenfasizza l-importanza li jiġu ssalvagwardjati l-prosperità u l-benesseri. Il-KESE jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li dawn il-proklamazzjonijiet ma jsarrfux fi slogans fiergħa u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mmappjar granulari u analiżi tal-impatt li t-tranżizzjoni se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet (5). Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-kisbiet tat-tranżizzjoni. Sabiex jinkiseb dan, il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tad-djalogu soċjali, ir-rispett sħiħ għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali, it-tisħiħ tan-negozjar kollettiv, il-governanza korporattiva robusta bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (6) u l-involviment tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tfassil tal-politiki. Dan mhux biss se jiżgura s-sjieda, iżda – fuq kollox – huwa essenzjali biex jiġi żgurat proċess ta’ tranżizzjoni bbilanċjat u inklużiv. |
3.1.3. |
Dan l-involviment jeħtieġ li jissaħħaħ b’mod partikolari fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li fih għadd kbir ta’ proposti ta’ politika estensivi. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jinżammu ktajjen tal-valur industrijali b’saħħithom fl-Ewropa, u jitlob li jkun hemm tmexxija industrijali Ewropea fl-isforz lejn is-sostenibbiltà ambjentali. Il-proposta għal “mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri” għandha l-potenzjal li tbiddel l-impjieg f’kumpaniji ttrasformati favur il-klima f’impjieg aktar robusti u għalhekk hija kruċjali u trid titfassal b’mod effettiv. Fil-kuntest ta’ kwalunkwe bidla lejn tassazzjoni ambjentali, bħall-impożizzjoni ta’ taxxi fuq attivitajiet li jniġġsu, huwa essenzjali li jiġu evitati effetti distributtivi rigressivi u l-faqar enerġetiku. Il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għandu jiġi indirizzat f’dan ir-rigward. |
3.1.4. |
Il-Kummissjoni tindika li t-twettiq tal-aġenda ambizzjuża tal-UE tal-Patt Ekoloġiku se jirrikjedi investimenti sinifikanti li jammontaw għal madwar EUR 520 biljun fis-sena. Se jkunu meħtieġa aktar investimenti biex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. F’dak il-kuntest, il-KESE jindika l-ħtiġijiet ta’ investiment addizzjonali minħabba t-tranżizzjoni diġitali, kif ukoll fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali u r-riċerka u l-iżvilupp. Il-KESE jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ investiment, huwa essenzjali li l-investiment privat kif ukoll l-investiment pubbliku jiġu orjentati mill-ġdid u jiżdiedu. Madankollu, il-kisba tas-sostenibbiltà ambjentali tirrappreżenta ġid pubbliku bir-riskju ta’ falliment tas-suq. |
3.1.5. |
L-investiment privat għandu rwol kruċjali fiċ-ċirku ekonomiku sabiex jippromovi l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. L-investiment tas-settur privat u l-innovazzjoni, b’mod partikolari, huma meħtieġa biex jintlaħaq l-għan tas-sostenibbiltà ambjentali, pereżempju fl-oqsma tal-batteriji ġodda għall-karozzi u tal-produzzjoni tal-azzar b’żero CO2. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal klima kummerċjali tajba u jilqa’ l-isforzi biex il-finanzjament privat jiġi kanalizzat lejn ir-reżiljenza għall-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, kif previst mill-istrateġija l-ġdida għall-finanzi sostenibbli (7). Il-KESE jappoġġja wkoll ir-rwol tas-settur pubbliku – b’mod partikolari l-programm InvestEU u l-miżuri rispettivi tan-NextGenerationEU – biex isostni l-investiment privat billi jipprovdi appoġġ immirat f’konformità sħiħa mal-Artikolu 107 tat-TFUE. Madankollu, il-KESE jitlob li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ikunu marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u mar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, l-istandards ambjentali u l-obbligi fiskali. |
3.2. Produttività
3.2.1. |
Fil-produttività, l-effiċjenza tal-produzzjoni ekonomika hija importanti u hija bażikament iddefinita mill-proporzjon tal-output mal-input. It-tkabbir tal-produttività b’mod ġust u sostenibbli jikkontribwixxi għall-kompetittività, il-prosperità u l-konverġenza ’l fuq fuq perjodu ta’ żmien twil. Madankollu, l-isforz għall-produttività b’mod inġust u mhux sostenibbli jista’ jwassal għal aktar pressjoni fuq l-impjegati u l-impjegaturi, ixekkel is-sostenibbiltà ambjentali, joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, iżid l-inugwaljanza u jfixkel il-proċess ta’ tranżizzjoni. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni li ttejjeb il-produttività b’mod orjentat lejn il-prosperità billi tippromovi teknoloġiji avvanzati u innovazzjoni, issaħħaħ il-ħiliet tan-nies, iżżid it-taħriġ u edukazzjoni, issaħħaħ it-trasferiment u l-valorizzazzjoni tal-għarfien u tippromovi l-effiċjenza fir-riżorsi. Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari l-fatt li s-sostenibbiltà soċjali hija wkoll element importanti ta’ approċċ ta’ produttività ġusta. |
3.2.2. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti ġodda b’mod ġenerali u b’mod partikolari fis-settur diġitali u jappoġġja b’mod espliċitu s-sejħa tal-Kummissjoni biex l-RRPs jiffukaw ukoll fuq il-bini u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali mill-aktar avvanzati. Tabilħaqq, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ u għandh tgħin lill-Istati Membri jwettqu investimenti u riformi li – fost affarijiet oħra – jippermettu intelliġenza artifiċjali, computing ta’ prestazzjoni għolja, ċibersigurtà, komponenti mikroelettroniċi u elettroniċi u konnettività sigura. Minbarra li tingħata spinta lill-ħiliet diġitali fil-livelli kollha, dan se jipprovdi bażi soda għat-tisħiħ tal-produttività u tal-kompetittività u għalhekk jippromovi bażi ekonomika b’saħħitha u prosperità fit-tul. |
3.2.3. |
Suq uniku ġust u li jiffunzjona tajjeb jippromovi t-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli u inklużivi. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-rispett għall-istat tad-dritt, is-sistemi tal-ġustizzja ta’ kwalità u effiċjenti, l-istrutturi effettivi kontra l-korruzzjoni, l-amministrazzjoni effiċjenti inkluż l-amministrazzjoni tat-taxxa, u l-oqfsa kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-frodi huma fatturi importanti għat-titjib tal-ambjent tan-negozju u għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji. B’xorti ħażina għad hemm żbilanċ bejn il-libertajiet ekonomiċi u d-drittijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol. Id-drittijiet soċjali u tax-xogħol huma fundamentali iżda mhumiex parti mil-libertajiet tas-suq intern protetti bil-kostituzzjoni. Id-drittijiet ta’ protezzjoni nazzjonali favur l-impjegati xi kultant huma kklassifikati bħala ostakli amministrattivi għas-suq. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna ħaddiema jipperċepixxu s-suq intern bħala theddida. Il-KESE jappella għal proposti adatti dwar kif jiġi rimedjat dak l-iżbilanċ u jiġu ggarantiti regoli nazzjonali li mhumiex protetti mit-trattati. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda b’saħħa li l-“inizjattiva lil hinn mill-PDG” tiġi segwita bi sforzi b’mod konsistenti (8). |
3.2.4. |
Il-KESE jirrakkomanda ħafna li jiġu indirizzati l-effetti ekonomiċi u distributtivi negattivi tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew. Din iż-żieda fil-prezzijiet tista’ tkun minħabba l-attività ekonomika li qed tirpilja bil-qawwa u minħabba t-tfixkil min-naħa tal-provvista, u tista’ tibbilanċja ruħha meta l-iżvilupp ekonomiku jsir aktar stabbli. Madankollu, dan ipoġġi piż immedjat fuq in-naħa tal-produzzjoni u l-kompetittività tal-industrija. Barra minn hekk, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija bl-ingrossa x’aktarx li jaffettwaw il-prezzijiet bl-imnut, u b’hekk ipoġġu piż ulterjuri fuq il-prezzijiet tal-ikel. Anke jekk dawn l-effetti jkunu tranżitorji, jistgħu joħolqu pressjonijiet ’l isfel fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi, biex b’hekk l-unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx jistgħu jiġu esposti għall-faqar. Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex jiġu miġġielda dawn l-iżviluppi. |
3.3. Il-ġustizzja
3.3.1. |
Sa minn ħafna qabel il-kriżi tal-COVID-19, protezzjoni soċjali dgħajfa, żbilanċi u inugwaljanzi kienu jikkostitwixxu problema. B’aktar minn 20 % taċ-ċittadini tal-UE f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, fl-2016 il-BĊE kkonkluda li d-distribuzzjoni tal-ġid nett hija “asimmetrika ħafna” (9). Skont ir-rapport tal-Bank Dinji dwar il-faqar fid-dinja (2018) (10), ftit aktar minn biljun persuna kienu tneħħew mill-faqar assolut matul it-tliet deċennji preċedenti, l-aktar minħabba t-tnaqqis tal-faqar fiċ-Ċina. Il-pandemija naqqset ir-ritmu ta’ din ix-xejra pożittiva. Madankollu, il-ġid għadu miġmugħ fil-quċċata u s-sinjuri nett fil-fatt kisbu aktar ġid matul l-aħħar 25 sena (11). Il-Kummissjoni bir-raġun tindika żieda fl-inugwaljanzi minħabba l-pandemija. L-inugwaljanza mhijiex biss problema fiha nnifisha, iżda tillimita wkoll l-iżvilupp ekonomiku billi trażżan id-domanda privata u sservi bħala bażi għall-ħolqien ta’ tensjoni soċjali. Għalhekk, it-titjib ta’ impjiegi ta’ kwalità, kundizzjonijiet tajbin ta’ ħlas u ta’ xogħol, l-impjieg għal gruppi żvantaġġati u d-dritt għal negozjar kollettiv huma kruċjali. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu rrispettati r-relazzjonijiet industrijali nazzjonali u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali meta jiġu promossi politiki bħal dawn. |
3.3.2. |
Il-KESE jilqa’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ekwità jeħtieġ li tkun fil-qalba tal-irkupru. Meta jitqiesu l-inugwaljanza problematika, iċ-ċifri inkwetanti tal-faqar u t-tensjonijiet politiċi, jirriżulta li s-sostenibbiltà soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u d-distribuzzjoni ġusta huma għanijiet importanti fihom infushom. Konsegwentement, il-KESE jirrakkomanda ħafna li ssir enfasi mhux biss fuq l-hekk imsejħa tranżizzjoni doppja ambjentali u diġitali, iżda wkoll li jsir sforz għas-sostenibbiltà soċjali flimkien ma’ din. Il-KESE jenfasizza li meta jsiru sforzi għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u fl-istess ħin għal tranżizzjoni li hija ekwa u ġusta, li tirrikjedi kundizzjonijiet soċjali sostenibbli, dan jikkostitwixxi bażi għal prosperità u reżiljenza futuri. |
3.3.3. |
Politiki attivi tas-suq tax-xogħol imfassla tajjeb, servizzi pubbliċi tal-impjiegi u sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li jgħinu lin-nies jippreservaw l-istandards tal-għajxien tagħhom fi żminijiet ta’ tfixkil ekonomiku kif ukoll fil-każ ta’ ħtieġa individwali, huma l-bażi għar-reżiljenza u t-tkabbir inklużiv. L-implimentazzjoni ta’ miżuri għaż-żamma tal-impjiegi, bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, għenet b’mod deċiżiv biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi tal-kriżi fuq is-swieq tax-xogħol. Iżda għalkemm l-appoġġ għad-dħul u x-xbieki tas-sikurezza soċjali evitaw tnaqqis kbir fid-dħul, il-pandemija tal-COVID-19 kixfet ukoll lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Il-KESE jappella għal konverġenza soċjali ’l fuq li tikkontribwixxi għar-reżiljenza ġenerali tal-UE għall-kriżijiet. |
3.3.4. |
Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-impatt soċjali tat-tranżizzjoni diġitali, speċjalment minħabba li l-pandemija aċċellerat dan il-proċess. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tindika – fost affarijiet oħra – l-aċċess mhux uniformi għall-apprendiment online, li jista’ jkollu konsegwenzi fit-tul, inklużi livelli baxxi ta’ ħiliet bażiċi, u għalhekk jista’ jaggrava l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Istati Membri għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu r-riżultati tat-tagħlim fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom. Sabiex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet u biex jiġu evitati differenzi soċjali li qed jiżdiedu, id-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja jeħtieġ jiġi rikonoxxut u jeħtieġ jiġi żgurat l-aċċess għalih. Dan għandu jiġi appoġġjat minn finanzjament pubbliku sabiex jgħin lill-intrapriżi responsabbli jwettqu taħriġ ta’ kwalità tul il-ħajja. Sabiex jitnaqqas id-distakk diġitali, għandha tingħata attenzjoni mill-qrib lill-aċċessibbiltà għas-servizzi diġitali għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani. |
3.3.5. |
Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid u n-NextGenerationEU, u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, jammontaw għal EUR 1,824 triljun, li se jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-isfidi attwali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza li l-miżuri ta’ politika mħabbra jiġu implimentati kif suppost, sabiex l-objettivi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jiġu promossi b’mod tanġibbli mill-allokazzjoni tal-fondi. Fuq kollox, in-nefqiet diġà ppjanati ma għandhomx jiġu aċċettati bħala parti mill-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dawn se jgħinu wkoll biex tiġi evitata l-ħtieġa li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali jew li jitnaqqas l-infiq mill-baġit tal-UE. |
3.3.6. |
Barra minn hekk, l-effetti distributtivi tal-iżborżi tal-fondi u l-impatt soċjali tagħhom iridu jiġu mmonitorjati bir-reqqa wkoll sabiex jiġi żgurat il-kontribut tagħhom għal konverġenza soċjali ’l fuq. Il-Kummissjoni debitament tindika d-diversi aspetti tal-impatt asimmetriku tal-kriżi fuq gruppi, setturi u reġjuni differenti tal-popolazzjoni. Għalhekk, il-KESE jitlob sforzi partikolari biex jiġu protetti l-familji bi dħul baxx u medju u l-persuni vulnerabbli, li huma l-aktar affettwati minn kwalunkwe kriżi u proċess ta’ tranżizzjoni. L-investimenti għandhom jiġu ffinanzjati bil-kundizzjoni li dawn iwasslu għall-ħolqien nett tal-impjiegi u jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema. Kollox ma’ kollox, huwa importanti li l-ġenerazzjonijiet futuri jiksbu l-valur għal flushom mill-infiq tal-lum. |
3.4. L-istabbiltà makroekonomika
3.4.1. |
Ix-xokk tal-pandemija mhux biss żied il-vulnerabbiltajiet pre-eżistenti u wassal għal pass lura fit-tnaqqis tal-iżbilanċi bejn l-Istati Membri iżda ħoloq inċertezza akbar. Għalhekk, il-politika tal-ekonomija u monetarja mhux biss jeħtieġ li tibqa’ ta’ appoġġ iżda jeħtieġ ukoll li tkun aġli u lesta li tirreaġixxi għal kwalunkwe tfixkil jew skossi u tiżgura r-reżiljenza tal-UE. Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-kontinwazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Meta titneħħa, se jkollhom jiġu kkunsidrati l-livell ta’ attività ekonomika kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi u tal-faqar meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Barra minn hekk, il-politiki fiskali fil-livell nazzjonali u tal-UE kif ukoll il-politiki monetarji għandhom jiġu kkoordinati b’mod prudenti sabiex isaħħu b’mod reċiproku l-effetti maħsuba ta’ appoġġ u stabbilizzazzjoni. |
3.4.2. |
Il-KESE jitlob bidla lejn governanza ekonomika li tiffoka fuq il-prosperità, li għandha tkun strutturata kif deskritt f’diversi Opinjonijiet (12). Għalhekk, wara li twaqqfet għal kollox minħabba l-pandemija, it-tnedija mill-ġdid tar-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika kien ilu li wasal iż-żmien għaliha sabiex tippromovi politiki fiskali adatti fi żminijiet tajbin kif ukoll f’dawk ħżiena. In-nuqqasijiet tal-qafas fiskali attwali kienu diġà ovvji fl-2020, u l-kriżi tippreżenta sfidi saħansitra aktar serji. Analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit mhux se jiġi ssodisfat minn 23 Stat Membru u lanqas il-kriterju tad-dejn minn 13-il Stat Membru. |
3.4.3. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tastjeni milli tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra kwalunkwe Stat Membru u dwar ir-rakkomandazzjoni tagħha li l-Istati Membri għandhom ikomplu jipprovdu appoġġ fiskali filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju ta’ żmien meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu. Dan huwa konformi mad-dikjarazzjoni tal-KESE li jappoġġja t-tkabbir sostenibbli, u b’hekk ikunu jistgħu jissaħħu l-finanzi pubbliċi (13). Madankollu, il-KESE jitlob ukoll li jiġi rikonoxxut li hemm ħtieġa urġenti li jiżdied l-investiment sabiex jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. Madankollu, qabel ma jidħol fis-seħħ il-qafas rivedut, il-Kummissjoni għandha tressaq linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu ma għandhiex tinbeda l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u bil-possibbiltà li tintuża l-“klawżola dwar avvenimenti mhux tas-soltu” fuq bażi speċifika skont il-pajjiż (14). |
3.4.4. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li s-sorveljanza taħt il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) setgħet ma qisitx biżżejjed l-interazzjonijiet bejn sfidi ekonomiċi emerġenti ġodda, b’mod partikolari l-pressjonijiet ambjentali (15). Barra minn hekk, l-iżbilanċi soċjali jeħtieġ jiġu mmonitorjati sabiex tiġi kkumpensata l-predominanza tar-rekwiżiti fiskali u makroekonomiċi (16). Peress li l-iżbilanċi soċjali u tal-impjiegi jista’ jkollhom effetti transfruntiera detrimentali, huwa importanti li dawn jiġu identifikati u kkoreġuti fi stadju bikri. Fl-aħħar nett il-KESE jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku. |
3.4.5. |
L-irkupru ekonomiku u t-tkabbir inklużiv stabbli huma prekundizzjonijiet għal baġits pubbliċi sostenibbli u l-formazzjoni ta’ buffers fiskali. Peress li l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali se jkompli jkollu rwol ewlieni, l-applikazzjoni tar-“regola tad-deheb”, mingħajr ma tipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien u l-valur tal-euro, hija essenzjali jekk irridu li l-proċess ta’ tranżizzjoni jkun ta’ suċċess. Iżda fl-isfond ta’ livell għoli ta’ inċertezza, il-KESE jwissi wkoll kontra t-tnaqqis tal-infiq attwali relatat mal-ispejjeż soċjali, edukattivi u tas-saħħa. Stabilizzaturi awtomatiċi li jiffunzjonaw tajjeb huma essenzjali għall-prevenzjoni ta’ tbatija soċjali, għall-istabbilizzazzjoni tad-domanda u għar-reżiljenza kontra kwalunkwe kriżi. Min-naħa l-oħra, politiki tat-tassazzjoni inġusti bi frodi tat-taxxa u ppjanar aggressiv tat-taxxa jipperikolaw il-flessibbiltà fiskali meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għal skossi u jiġi indirizzat il-proċess ta’ tranżizzjoni. Għalhekk, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-naħa tad-dħul huma milqugħa. Dan huwa minnu wkoll għar-riformi proposti fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fir-rigward ta’ żieda fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa bil-ħsieb li jittejjeb il-ġbir tat-taxxa u jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji u l-individwi. |
3.4.6. |
Aspett importanti tal-istabbiltà makroekonomika huwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kanali ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-kontribut tas-settur privat għall-isforzi ta’ investiment. Il-KESE jitlob li f’dan ll-proċess jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju u, b’mod partikolari, jilqa’ l-isforzi għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jitqiesu r-riskji tas-sostenibbiltà soċjali, li qed jipperikolaw il-koeżjoni soċjali minħabba d-distakki fid-distribuzzjoni li qed jiżdiedu. Ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju għandha tagħti prijorità wkoll lill-effiċjenza aktar milli lill-kumplessità u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
3.5. Is-Semestru Ewropew jevolvi
3.5.1. |
Il-KESE jenfasizza li bl-Istrument Ewropew għall-Irkupru, l-UE tilħaq fażi ġdida ta’ politika ekonomika u tagħmel pass deċiżiv ’il quddiem lejn is-solidarjetà. Is-Semestru Ewropew tal-2022 li qed jevolvi huwa opportunità biex tittejjeb is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. Il-KESE jitlob impenn għall-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjieg u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u t-tisħiħ tal-pożizzjoni demokratika tiegħu b’mod deċiżiv. Barra minn hekk, l-involviment akbar tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċess tas-semestru ilu mistenni ħafna. |
3.5.2. |
L-ipproċessar tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza permezz tas-Semestru jżid ir-rilevanza tal-proċess tas-semestru. Barra minn hekk, meta l-iżborż tas-segmenti tal-għotjiet ikun soġġett għall-konformità mar-riformi – stabbiliti fil-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u li huma bbażati ħafna fuq is-CSRs – dawn tal-aħħar jingħataw piż politiku akbar. Dan jagħmel obbligatorju l-involviment aktar mill-qrib tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti standards minimi għal tali konsultazzjoni (17). Ir-regoli stretti tal-politika ta’ koeżjoni dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-prinċipju tas-sħubija, b’mod partikolari, għandhom jitqiesu, tal-inqas, bħala pjan għall-proċeduri tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (18). |
3.5.3. |
Diversi studji empiriċi jenfasizzaw li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi ffokaw fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u l-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi l-approċċ bilanċjat tal-aġenda ta’ sostenibbiltà kompetittiva b’mod partikolari għas-CSRs li ġejjin. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-rakkomandazzjoni ta’ riformi bħal politiki attivi u inklużivi tas-suq tax-xogħol u skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja, inklużi programmi għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet u li joffru appoġġ għat-tibdil fil-karriera, inkluż għal gruppi żvantaġġati, bħal persuni b’diżabilità jew l-anzjani. |
3.5.4. |
B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ l-eżitu tas-Summit Soċjali ta’ Porto, jiġifieri li t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta għandha tgħin biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex il-monitoraġġ jiġi integrat fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Għalhekk, il-fokus akbar tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 dwar il-prinċipji tal-Pilastru, flimkien mal-fatt li jinkorpora l-miri ewlenin tal-2030 u l-indikaturi ewlenin tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta fl-analiżi tiegħu, huma milqugħin. Madankollu, il-punt sa fejn dawn il-konklużjonijiet se jiġu riflessi fis-CSRs u fil-Pjani għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadu mhux ċar. Barra minn hekk, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għandhom iservu bħala punti ta’ referenza. |
3.5.5. |
Il-KESE jitlob ukoll riformi li jiggarantixxu li l-fondi tal-UE jiġu assorbiti b’mod effettiv, pereżempju billi jinbnew kapaċitajiet tekniċi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jiġu ġestiti proġetti ta’ investiment, għal sistemi ta’ akkwist pubbliku bbażati fuq il-prinċipju tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża minflok l-irħas offerta, li b’hekk jitqiesu l-aspetti tax-xogħol, soċjali u ambjentali, u fl-aħħar nett għal riformi biex jitneħħew ostakli mhux monetarji oħra għal politika ta’ investiment effettiva. B’mod partikolari, il-KESE jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe użu ħażin tal-fondi u korruzzjoni. |
3.5.6. |
Il-governanza ekonomika u b’mod partikolari r-regoli tal-qafas tal-politika fiskali jeħtieġ li jiġu integrati fil-proċess tas-Semestru Ewropew b’tali mod li jiġi żgurat l-involviment demokratiku tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata. Barra minn hekk, għandha tiġi riformata wkoll bl-għan li jitrawwem djalogu multilaterali u demokratiku dwar l-isfidi makroekonomiċi, soċjali u ambjentali, u li tiġi appoġġjata l-koordinazzjoni tal-politika. |
Brussel, it-23 ta’ Frar 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Tbassir Ekonomiku, Rebbiegħa 2020, Kummissjoni Ewropea [Mhux disponibbli bil-Malti].
(2) L-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza.
(3) Tbassir tal-Ħarifa 2021 [Mhux disponibbli bil-Malti].
(4) Opinjoni tal-KESE dwar Noħorġu aktar b’saħħitna wara l-pandemija: Nisiltu tagħlimiet bikrija mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 116).
(5) Opinjoni tal-KESE dwar “Lesti għall-mira ta’ 55 %”: Nilħqu l-mira klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 275, 18.7.2022, p. 101).
(6) Opinjoni tal-KESE dwar Id-djalogu soċjali għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-ekonomiji (ĠU C 10, 11.1.2021, p. 14).
(7) Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija mġedda għal finanzjament sostenibbli (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 97).
(8) Sfond – Lil hinn mill-PDG, Kummissjoni Ewropea [Mhux disponibbli bil-Malti].
(9) Il-Bank Ċentrali Ewropew, The Household Finance and Consumption Survey: results from the Second wave, Nru 18 / Diċembru 2016 [mhux disponibbli bil-Malti].
(10) Grupp tal-Bank Dinji: Poverty and shared prosperity 2018. Piecing together the poverty puzzle. Overview, Immaġni 01; p. 2 [Mhux disponibbli bil-Malti].
(11) Id-dokument The World Inequality Report 2022 [Mhux disponibbli bil-Malti] jippreżenta l-aktar data aġġornata u kompluta dwar l-inugwaljanza madwar id-dinja.
(12) Opinjonijiet tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika 2020, ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227, u dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).
(13) Opinjoni tal-KESE dwar Rieżami tal-Governanza Ekonomika 2020 (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227).
(14) Opinjoni tal-KESE dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni ġusta (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 11).
(15) COM(2021) 662 final.
(16) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 13).
(17) Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).
(18) Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ta’ koeżjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi – komplementarjetajiet/duplikazzjonijiet mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU C 517, 22.12.2021, p. 1).