Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 52021AE4578

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (COM (2021) 455 final)

    EESC 2021/04578

    ĠU C 105, 4.3.2022, blz. 128–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/128


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva

    (COM (2021) 455 final)

    (2022/C 105/19)

    Relatur ġenerali:

    Tatjana BABRAUSKIENĖ

    Relatur ġenerali:

    Michael McLOUGHLIN

    Konsultazzjoni

    Kunsill, 30.8.2021

    Bażi legali

    Artikoli 165(4) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fil-plenarja

    20.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    654

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    152/0/0

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-KESE) huwa kuntent li l-proposta tindika li “l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u dritt tat-tfal”. Il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li l-intenzjoni tal-proposta hija li jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) u inizjattivi importanti oħra tal-UE (1) li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex l-edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva ssir realtà fit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tal-ħajja soċjali u ekonomika u s-suq tax-xogħol.

    1.2.

    Il-KESE jerġa’ jappella lill-“Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jgħid li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità tajba u inklużivi għandhom ikunu dritt għal kulħadd fl-Ewropa” (2), u japplikawh biex tittejjeb il-provvista tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali b’appoġġ għal aċċess ugwali għal tagħlim imħallat għal kulħadd u finanzjament pubbliku sostenibbli abbażi ta’ ftehim mal-imsieħba soċjali tal-edukazzjoni u s-soċjetà ċivili.

    1.3.

    Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu (3) li fiha jitlob li “l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-27 [j]eħtieġ li tiżgura djalogu soċjali effettiv u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, rispett u infurzar tad-drittijiet tax-xogħol, u informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija, b’mod partikolari fil-VET, it-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ għall-impjegati, sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet li jiffaċċjaw il-kumpaniji”.

    1.4.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jibnu fuq l-esperjenza miksuba mill-edukazzjoni matul il-kriżi tal-COVID-19, u biex jiġi żgurat li t-tagħlim imħallat ikun imfassal u pprattikat bir-reqqa fil-kurrikuli bbilanċjati bl-appoġġ ta’ għodod pedagoġiċi xierqa, sabiex jiġi żgurat li jiġu pprovduti ambjent u għodod ta’ tagħlim xierqa u innovattivi għat-tfal kollha. L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li jiġi stabbilit tagħlim imħallat biex jappoġġja l-kwalità u l-inklużjoni tal-edukazzjoni, b’mod partikolari għat-tfal fil-bżonn. Il-kunċett ta’ tagħlim imħallat, għalkemm qed jinfirex u jirċievi aktar attenzjoni, għadu jeħtieġ aktar riċerka u studju, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-iżvantaġġi edukattivi, kif ukoll għall-iskejjel primarji u l-ewwel snin tal-iskejjel sekondarji.

    1.5.

    Il-KESE jinnota li sabiex tiġi żgurata aktar awtonomija għall-istudenti fil-proċessi ta’ tagħlim tagħhom, huwa importanti li jkun disponibbli tagħlim imħallat għall-istudenti kollha, mhux biss għal dawk li jgħixu f’żoni rurali fejn l-aċċess għall-iskola mhuwiex possibbli, jew fl-edukazzjoni terzjarja fejn huwa meħtieġ tagħlim indipendenti mill-istudenti.

    1.6.

    Il-KESE jinnota li, f’każijiet ta’ tagħlim mhux skolastiku u bbażat fuq il-proġetti, jeħtieġ li jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tal-istudenti, speċjalment tal-istudenti tal-VET. It-tagħlim mill-bogħod fit-tul, fis-seħħ matul il-kriżi tal-COVID-19, kellu impatt negattiv fuq il-benesseri mentali u fiżiku tal-istudenti u tal-għalliema, kif ukoll fuq ir-riżultati tat-tagħlim tal-istudenti. Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-proposta fuq il-fatt li l-professjonisti tas-saħħa mentali kwalifikati jeħtieġ li jipprovdu appoġġ effettiv għall-benesseri tal-istudenti u tal-għalliema.

    1.7.

    Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li t-tagħlim imħallat jiġi inkluż fl-istrateġija edukattiva tagħhom, wara djalogu effettiv mal-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati tal-edukazzjoni rilevanti fl-edukazzjoni, b’mod li jikkontribwixxi b’mod pożittiv għat-tagħlim ta’ kwalità u inklużiv għall-istudenti, jiżgura l-aċċess għal ambjenti ta’ tagħlim u taħriġ tajbin u l-għodod u l-appoġġ meħtieġa għall-għalliema, u ma jħallix lill-istudenti mingħajr appoġġ.

    1.8.

    Il-KESE jitlob ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li t-tagħlim imħallat ma jkunx ta’ detriment għall-valur soċjali tal-edukazzjoni jew għar-rilevanza tat-tagħlim wiċċ imb’wiċċ fil-programmi edukattivi. L-esperjenza tat-tagħlim u t-taħriġ online ta’ emerġenza matul il-pandemija tal-COVID-19 xeħtet dawl fuq il-valur insostitwibbli tat-tagħlim wiċċ imb’wiċċ u tal-interazzjoni u r-rispons kontinwi bejn l-għalliema u l-istudenti biex tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva. Ir-relazzjonijiet bejn l-istudenti u l-għalliema huma fattur ewlieni fil-motivazzjoni u t-taħriġ tal-istudenti, li ma għandhomx jiġu mminati permezz tat-tagħlim imħallat.

    1.9.

    Il-KESE jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-iżvilupp ta’ pjani edukattivi individwalizzati jqis ir-rekwiżiti tal-istudenti għat-teknoloġija ta’ assistenza. Barra minn hekk, il-KESE jindika li dan jeħtieġ li l-għalliema jkunu megħjuna b’mod adegwat minn persunal ta’ appoġġ, ikunu familjari ma’ dawn it-teknoloġiji, u jkunu jistgħu jużawhom b’mod effettiv biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti b’diżabilità.

    1.10.

    Il-KESE jenfasizza r-rwol ċentrali tal-għalliema fit-tagħlim imħallat. L-iskambji tal-persunal, il-proġetti kollaborattivi u t-tagħlim individwalizzat huma possibbli jekk ikun hemm ħin tax-xogħol adegwat għall-għalliema allokat għal dan u jekk it-tmexxija tal-iskola tappoġġjah. Huwa importanti ħafna li titrawwem komunità ta’ tagħlim imħallat biex jiġi promoss il-valur tat-teknoloġija tat-tagħlim u t-taħriġ.

    1.11.

    Barra minn hekk, il-KESE jindika li sabiex jiġu żgurati l-inklużjoni u l-kwalità tal-edukazzjoni, it-tagħlim imħallat għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-“Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur”. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b’mod effettiv lill-għalliema fit-tħejjijiet tagħhom biex jipprovdu appoġġ lill-istudenti dwar tagħlim imħallat ta’ kwalità, billi jtejbu, jaġġornaw u jagħmlu l-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tal-għalliema u tal-istudenti.

    1.12.

    Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti biex jiġi appoġġjat il-litteriżmu fl-IT tal-għalliema, bħall-korsijiet, il-programmi u l-għodod għat-titjib tal-ħiliet diġitali għall-għalliema u l-iżvilupp u t-tixrid ta’ moduli u riżorsi pedagoġiċi online u fuq il-post. Barra minn hekk, il-proposta jenħtieġ li tappoġġja d-dritt tal-għalliema li jirċievu żvilupp professjonali kontinwu, aġġornat u aċċessibbli; dan jenħtieġ li jiġi rikonoxxut fid-djalogu soċjali u fin-negozjar kollettiv fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali bl-involviment sinifikanti tal-imsieħba soċjali tal-edukazzjoni.

    1.13.

    Il-KESE jindika li l-korsijiet online miftuħa massivi (MOOCs) mhumiex neċessarjament interattivi jew ibbażati fuq pedagoġija tajba. Għalhekk, huwa jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ ta’ taħriġ aktar varjat għall-għalliema, għall-ħarrieġa, għall-mexxejja tal-iskejjel u għall-edukaturi għalliema fuq it-tagħlim imħallat fil-pjattaforma tal-Portal tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel, li jwassal għal ċertifikazzjoni. Ir-riżorsi u l-materjali tekniċi żviluppati bl-appoġġ tal-Kummissjoni li għandhom jintużaw fit-taħriġ imħallat jeħtieġ li jkunu affidabbli, faċli biex jintużaw, tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u aċċettati b’mod unanimu mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-proċess tat-tagħlim. Il-KESE jirrakkomanda li l-proġetti tal-Akkademja Ewropea tal-Għalliema jintalbu wkoll jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ tal-għalliema akkreditati konġunti dwar it-titjib tal-pedagoġija fuq it-tagħlim imħallat. Ir-rwol tal-mikrokredenzjali għandu jiġi esplorat b’rabta mat-tagħlim imħallat.

    1.14.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta tagħmel enfasi fuq il-benesseri u l-attrazzjoni tal-professjoni tat-tagħlim u jissuġġerixxi li l-Istati Membri jimpjegaw aktar għalliema biex jappoġġjaw il-benesseri tal-persunal tat-tagħlim. Il-KESE jinnota li n-nuqqas kbir ta’ għalliema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji mhux attraenti (4) għandhom effett detrimentali fuq il-kwalità tat-tagħlim. Dan jista’ joħloq ostaklu għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ tagħlim imħallat ta’ kwalità għolja u inklużivi.

    1.15.

    Il-KESE jindika li l-kombinazzjoni tat-tagħlim wiċċ imb’wiċċ u mill-bogħod tirrikjedi li l-għalliema jkunu kreattivi u innovattivi (5) u jkollhom ħiliet pedagoġiċi tajbin. Huwa essenzjali li jitfassal tagħlim imħallat b’tali mod li jirrispetta l-volum ta’ xogħol, il-ħin tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti tal-għalliema u jiżgura li jkollhom ambjent tax-xogħol ta’ appoġġ.

    1.16.

    Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata t-tmexxija demokratika tal-iskejjel, fejn hemm indipendenza effettiva għall-istudenti u għall-għalliema biex imexxu l-proċess ta’ tagħlim u ta’ taħriġ tagħhom stess. Il-KESE jerġa’ jindika l-importanza li tiġi żgurata u msaħħa l-governanza demokratika tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li għandha tinvolvi konsultazzjoni sinifikanti mas-soċjetà ċivili organizzata. (6)

    1.17.

    Il-KESE jinnota li t-tagħlim imħallat barra minn ambjent ta’ edukazzjoni formali, eż. tagħlim informali u mhux formali, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut b’implimentazzjoni effettiva tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. It-tagħlim mhux formali u informali għandu rwol importanti biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ ħiliet interpersonali, komunikattivi u konjittivi essenzjali inklużi, fost affarijiet oħra, il-kreattività, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħiliet għall-ħajja tax-xogħol. Il-parteċipazzjoni fil-proċessi ta’ validazzjoni jeħtieġ li tkun aċċessibbli għal kulħadd u tkun appoġġjata b’investiment pubbliku sostenibbli.

    1.18.

    Il-KESE jindika li tagħlim imħallat żviluppat sew jeħtieġ li jiġi appoġġjat minn investiment pubbliku sostenibbli, enfasizzat bħala parti mis-Semestru Ewropew u bl-appoġġ ta’ fondi addizzjonali tal-UE, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Erasmus+ u FSE+. L-appoġġ għall-aċċess għal programmi ta’ tagħlim online ta’ kwalità huwa essenzjali għal kwalunkwe student. Hemm bżonn ta’ aktar investiment, speċjalment biex jiġi żgurat tagħlim mill-bogħod ta’ kwalità għolja għall-istudenti tal-VET u biex jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għal għodod u simulaturi li jgħinuhom b’tagħlim prattiku indipendenti f’ambjent sikur u jipprovdu ċentri komunitarji ta’ tagħlim tul il-ħajja (7) u libreriji.

    1.19.

    Il-KESE jinnota li l-użu dejjem akbar tal-għodod diġitali fil-qafas tat-tagħlim imħallat qed jipperikola dejjem aktar is-sikurezza tad-data tal-istudenti u tal-għalliema, kif ukoll id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-għalliema. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu finanzjament pubbliku sostenibbli u jistabbilixxu qafas legali xieraq f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali tal-edukazzjoni u mal-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-edukazzjoni. Il-KESE jinsab imħasseb li r-rakkomandazzjoni qed tipprevedi li ma hemm bżonn tal-ebda riżorsi addizzjonali biex jiġu implimentati l-pjani fil-proposta. Il-finanzjament jista’ jkun mod kif titqawwa l-kooperazzjoni f’oqsma fejn ma jkun hemm l-ebda kompetenza b’saħħitha tal-UE. L-ispejjeż jistgħu jinvolvu l-ispejjeż tal-hosting, tal-manutenzjoni u tat-tagħmir għall-integrazzjoni ta’ pjattaforma, il-hosting tar-riżorsi tat-tagħlim, għas-sigurtà tad-data, għat-tagħmir tal-għalliema u tal-istudenti, eċċ. L-aktar studenti żvantaġġati se jbatu l-aktar jekk ma jkunx hemm riżorsi.

    1.20.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-proliferazzjoni tal-fornituri tal-edukazzjoni u l-espansjoni tas-settur tal-EdTech, li se jkunu dejjem aktar favoriti bl-implimentazzjoni tat-tagħlim imħallat fil-programmi edukattivi. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jiżviluppaw regolamenti nazzjonali, inkluża l-possibbiltà li jiġu stabbiliti pjattaformi pubbliċi għat-tagħlim u għat-taħriġ online biex jiġi protett il-valur pubbliku tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, il-pjattaformi pubbliċi għandhom jiġu implimentati f’konsultazzjoni sinifikanti mal-imsieħba soċjali tal-edukazzjoni u mal-partijiet ikkonċernati tal-edukazzjoni, filwaqt li tiġi rrispettata bis-sħiħ l-awtonomija professjonali tal-għalliema u tal-persunal tal-edukazzjoni, kif ukoll il-libertà akkademika u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, mingħajr ma jagħmlu pressjoni fuq l-għalliema jew fuq il-persunal tal-edukazzjoni dwar il-materjal edukattiv u l-metodi pedagoġiċi li jużaw.

    1.21.

    Minħabba l-importanza marbuta mal-qasam kollu ta’ tagħlim imħallat, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu żviluppati kejl diskret u ġbir divrenzjat tad-data skont l-età li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet differenti ta’ żvilupp tat-tfal u taż-żgħażagħ għal din ir-rakkomandazzjoni; dan għandu jippermetti wkoll li tinġabar informazzjoni dwar metriċi relatati dwar l-iżvantaġġi, bħall-bullying u t-tluq bikri mill-iskola. Il-kejl preċiż jista’ jiġi żviluppat flimkien mal-imsieħba rilevanti. Bl-istess mod, bħala konsegwenza jrid ikun hemm rapportar ċar u monitoraġġ tat-twettiq tar-rakkomandazzjoni.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    L-Opinjoni li ġejja tħares lejn il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim imħallat għall-edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva Din l-Opinjoni tagħmel enfasi wkoll fuq l-edukazzjoni vokazzjonali inizjali fil-livell sekondarju. Ir-Rakkomandazzjoni proposta ma tippromovix l-integrazzjoni tal-preżenza mnaqqsa tal-edukaturi fit-tagħlim, u lanqas ma tħeġġeġ li jitqattgħu aktar sigħat quddiem skrin. Il-KESE jilqa’ l-involviment taż-żgħażagħ, li għandu jiġi sostnut u kontinwu fil-proċess kollu.

    2.2.

    Skont studju tal-Kummissjoni Ewropea (8), tagħlim imħallat huwa mifhum bħala approċċ ibridu li jgħaqqad it-tagħlim fl-iskola mat-tagħlim mill-bogħod, inkluż it-tagħlim online. It-tagħlim imħallat huwa mudell flessibbli li jista’ jappoġġja proġett jew kors ta’ studju biex isir progress, filwaqt li ma jirrikjedix li l-għalliema u l-istudenti jkunu fl-istess spazju fiżiku f’kull ħin.

    2.3.

    Filwaqt li t-tagħlim ibbażat fuq l-iskola jsaħħaħ il-ħiliet soċjali, il-benesseri tal-istudenti, sens ta’ appartenenza, sens ta’ komunità u interazzjoni personali aħjar bejn l-għalliema u l-istudenti, u fost l-istudenti, it-tagħlim imħallat organizzat tajjeb jista’ jgħin lill-istudenti jiksbu tagħlim aktar indipendenti, individwalizzat u dirett minnhom infushom (9). Jista’ jkollu wegħda partikolari għat-tagħlim relatat mal-arti inklużi l-materjali tal-vidjow.

    2.4.

    Filwaqt li l-proposta tiddeskrivi t-tagħlim imħallat bħala approċċ ibridu u tenfasizza l-flessibbiltà u l-potenzjal tiegħu li jħeġġeġ studju indipendenti, hija meħtieġa kjarifika ulterjuri rigward ir-rwol li għandhom l-għalliema u l-ħarrieġa fl-implimentazzjoni tat-tagħlim imħallat. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi żgurat li t-tagħlim imħallat jiġi implimentat f’kurrikuli b’approċċ ta’ skola sħiħa, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-għalliema, tal-istudenti u tal-familji tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll li t-tagħlim imħallat jiġi implimentat matul il-ħin tal-iskola u ma jikkawżax tagħbija żejda mhux sostenibbli għall-għalliema jew piż addizzjonali għall-familji tal-istudenti.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    Il-kriżi tal-COVID-19 obbligat lill-istudenti tal-iskejjel primarji, sekondarji u tal-VET ikunu studenti aktar indipendenti. L-iskejjel u l-għalliema – l-aktar mingħajr l-ebda tħejjija xierqa – kienu obbligati jadattaw għat-tagħlim online u mill-bogħod ta’ emerġenza, bl-użu ta’ messaġġi diġitali, posta elettronika, video-chats online, u mezzi oħra biex jikkomunikaw mat-tfal sabiex jipprovdu tagħlim adegwat matul il-lockdown. Kienet ukoll sfida sinifikanti għat-tfal b’diżabilità, li huma fi żvantaġġ akbar meta jinteraġixxu permezz tal-midja diġitali. Il-gvernijiet, ix-xandiriet tat-televiżjoni, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-NGOs u l-individwi mxew b’mod inkredibbli biex jappoġġjaw lill-għalliema fl-istabbiliment ta’ klassijiet virtwali u pjattaformi ta’ kollaborazzjoni, iżda għad fadal ħafna aktar xi jsir.

    3.2.

    Minħabba l-impatt kbir tal-kriżi tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ u s-sistema edukattiva, irridu nkunu kawti wkoll dwar iż-żmien tal-bidla. Ir-ritorn għall-iskola b’mod fiżiku jeħtieġ iż-żmien biex jiġi pproċessat, u ħafna żgħażagħ jeħtieġ li jidraw ir-ritorn għan-“normalità”: bidla kbira wisq fi żmien qasir wisq tista’ tkun destabilizzanti. It-tfal u ż-żgħażagħ ġarrbu l-piż tal-kriżi tal-COVID. L-edukazzjoni, is-soċjalizzazzjoni, il-prospetti ekonomiċi u s-saħħa mentali tagħhom sofrew partikolarment ħażin matul il-pandemija. Il-prijorità fil-perjodu li ġej għandha tkun in-normalizzazzjoni u enfasi partikolari fuq il-benesseri, is-saħħa mentali u t-tagħlim formali.

    3.3.

    Il-KESE qed jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà ta’ kif il-gradi primarji u saħansitra l-ewwel snin tal-iskejjel sekondarji jistgħu jlaħħqu mat-tagħlim imħallat, b’dawn l-etajiet spiss ma jkollhomx il-kompetenzi meħtieġa biex ikunu studenti attivi f’ambjent ta’ tagħlim imħallat. Normalment dawn ma jkollhomx awtodirezzjoni, ħiliet kollaborattivi, ħiliet fl-ICT, kostruzzjoni tal-għarfien, ħiliet awtoevalwattivi u oħrajn diversi hekk imsejħa ħiliet tas-seklu 21. Dawn il-ħiliet huma meħtieġa għal tagħlim b’suċċess f’ambjent imħallat, u n-nuqqas ta’ dawn il-ħiliet f’popolazzjoni ta’ studenti huma theddidiet ġenwini biex jingħata tagħlim imħallat ta’ kwalità. Jeħtieġ li jiġi stabbilit prinċipju li l-mossi sperimentali fl-iskola jibdew bi studenti akbar milli b’oħrajn iżgħar fl-età.

    3.4.

    Il-KESE qed jindika li l-istudenti tal-VET tilfu l-aktar mill-esperjenza prattika tat-tagħlim fl-apprendistati matul il-COVID. In-nuqqas ta’ aċċess għall-għodod tal-broadband u tal-IT, interazzjoni inadegwata bejn l-għalliema u l-istudenti u nuqqas ta’ ambjenti ta’ tagħlim xierqa kollha wasslu biex aktar studenti jitilqu qabel iż-żmien speċjalment fost il-bniet u t-tfal żvantaġġati soċjoekonomikament. It-tagħlim imħallat, għalhekk, jeħtieġ li jiġi mfassal u użat bir-reqqa sabiex jiġi żgurat li jiġu pprovduti ambjent u għodod ta’ tagħlim inklużiv għat-tfal kollha. Filwaqt li r-rakkomandazzjoni tiffoka l-aktar fuq l-edukazzjoni primarja u sekondarja, anki fuq il-VET inizjali fil-livell sekondarju, ikun utli li jiġi esplorat il-potenzjal għal tagħlim imħallat fil-qasam tal-apprendistati.

    3.5.

    Il-proposta tinkludi fost il-miżuri tagħha rispons dirett għall-kriżi “bi prijoritizzazzjoni tal-benesseri fiżiku u mentali tal-istudenti u tal-familji tagħhom”, kif ukoll “tisħiħ tal-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali tal-istudenti u tal-familji”. F’dan ir-rigward, il-KESE jindika kemm huwa importanti li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iżgurar tal-benesseri u t-titjib tal-kompetenzi diġitali biex tiġi koperta s-sistema edukattiva kollha, inklużi l-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel b’mod partikolari.

    3.6.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, materjal ta’ gwida speċifiku, manwali u materjali konkreti oħrajn, abbażi ta’ evidenza, attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin. Dawn se jimlew il-lakuni identifikati fl-appoġġ għall-iżvilupp ta’ approċċ ta’ tagħlim imħallat fil-livell tal-iskola u tas-sistema. L-imsieħba soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra għandhom ikunu wkoll parti minn din il-kooperazzjoni. Kull mossa, bidla jew aġġustament fis-sistemi edukattivi jridu jsiru bl-akbar kawtela. Irridu nkunu ċerti kompletament li bidliet bħal dawn bl-ebda mod ma jaggravaw l-iżvantaġġi edukattivi u t-tluq bikri mill-iskola, li huma probabbilment l-akbar sfidi li qed tiffaċċja s-sistema edukattiva tagħna.

    3.7.

    Il-KESE huwa tal-fehma li t-tagħlim imħallat għandu l-potenzjal li jittrasforma kompletament kemm it-tagħlim kif ukoll it-taħriġ. Madankollu, filwaqt li l-proposta tenfasizza li “l-opportunitajiet maħluqa mit-tagħlim imħallat, inkluż it-titjib tal-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u l-iżvilupp ta’ kompetenzi wiesa’ u l-benesseri tal-istudenti”, il-KESE jinnota li l-limitazzjonijiet fl-implimentazzjoni tat-tagħlim imħallat għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa. Speċjalment fiż-żoni rurali u fiż-żoni ta’ faqar fejn l-infrastruttura (in-nuqqas ta’ aċċess għall-broadband u l-għodod tal-IT) u ambjent ta’ appoġġ (l-ambjent tad-dar, l-isfond finanzjarju, eċċ.) huma nieqsa għal tagħlim imħallat ta’ kwalità ta’ benefiċċju għall-istudenti. Il-konnessjoni ma’ networks b’saħħithom u affidabbli, speċjalment meta l-familja kollha jkollha bżonn taqbad għall-attivitajiet tagħha, hija kruċjali. Barra minn hekk, mhux l-istudenti kollha għandhom livelli suffiċjenti ta’ ħiliet diġitali, awtodixxiplina jew awtonomija meħtieġa biex isegwu l-lezzjonijiet b’mod indipendenti u jwettqu kompiti mingħajr interazzjoni wiċċ imb’wiċċ mal-għalliema. B’mod ġenerali, it-tagħlim imħallat ta’ suċċess jiddependi ħafna fuq il-monitoraġġ u l-assistenza tal-ġenituri – speċjalment għal studenti iżgħar. Dan jista’ joħloq jew iżid l-inugwaljanzi fir-riżultati tat-tagħlim tal-istudenti u jikkontribwixxi għal żieda fir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, peress li mhux kulħadd għandu ġenituri li se jkunu jistgħu jew huma disponibbli biex jissodisfaw dak ir-rwol b’mod effettiv.

    3.8.

    Filwaqt li s-sistemi tal-edukazzjoni kienu qed jesperjenzaw pass dejjem akbar lejn il-privatizzazzjoni f’dawn l-aħħar snin, it-tagħlim imħallat jenħtieġ li jiġi implimentat fi programmi edukattivi b’tali mod li jipproteġi r-responsabbiltà u t-trasparenza fil-governanza tas-sistemi tal-edukazzjoni pubblika mill-influwenza tal-interessi u l-atturi privati u kummerċjali. L-edukazzjoni bħala prodott pubbliku ma għandhiex tiġi mminata bit-tagħlim imħallat.

    3.9.

    Qabel il-COVID-19, l-edukaturi ffaċċjaw l-isfida ta’ distakk dejjem akbar fit-tagħlim fost l-istudenti minħabba diversi pressjonijiet soċjoekonomiċi. Fatturi oħra jinkludu r-razziżmu, is-segregazzjoni u t-tnaqqis ġenerali fil-mobbiltà ’l fuq u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali. B’mod ġenerali, kien hemm ukoll dipendenza akbar fuq ix-xogħol mid-dar, pereżempju, li sservi biss biex twessa’ d-diskrepanzi fil-kisba. L-iżolament u l-awtotagħlim bl-istess mod għandhom effetti psikoloġiċi detrimentali. Għal ħafna studenti, b’mod partikolari dawk minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġati, l-interazzjoni wiċċ imb’wiċċ mal-għalliema u mal-pari toffri sors ta’ kumdità u tgħin biex jitnaqqas id-distakk fit-tagħlim. Il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa aggravat din id-diskrepanza fit-tagħlim, inkluż id-distakk fil-ħiliet diġitali, b’aktar studenti f’riskju li jbatu minn telf ta’ tagħlim.

    3.10.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema ma jagħmlux biżżejjed biex jipprovdu lill-għalliema bil-ħiliet xierqa, inklużi l-ħiliet diġitali, il-metodi pedagoġiċi jew il-materjali tat-tagħlim biex jgħallmu permezz tat-tagħlim imħallat. Dan japplika b’mod speċjali meta ssir ħidma ma’ studenti bi bżonnijiet speċjali, f’ambjent multikulturali, jew ma’ studenti żvantaġġati, li huwa saħansitra aktar problematiku mis-soltu, peress li dan jikkastiga b’mod preċiż dawk il-gruppi ta’ studenti li jeħtieġu appoġġ addizzjonali fis-sitwazzjoni attwali. Il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità jappella għal aċċess ugwali għas-servizzi tal-edukazzjoni għall-impjegati u l-istudenti b’diżabilità, u l-forniment ta’ miżuri bħall-interpretazzjoni tas-sinjali, is-sottotitoli attivati u x-xogħol adattat.

    3.11.

    L-għodod ta’ awtovalutazzjoni msemmija fil-proposta, bħall-għodda li jmiss ta’ SELFIE għall-għalliema, għandhom il-potenzjal li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ tagħlim imħallat. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li dawn l-għodod jistgħu joħolqu parametru referenzjarju fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti l-klassifikazzjonijiet tal-iskejjel, il-leagues u l-kompetizzjonijiet. Huwa importanti li l-implimentazzjoni ta’ tagħlim imħallat tirrispetta l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe istituzzjoni u prijorità tal-edukazzjoni fir-rigward tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), li jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-ftehim tal-għalliema, tal-ħarrieġa u tal-mexxejja tal-iskejjel.

    3.12.

    Dejjem aktar, ix-xogħol mat-tfal u ż-żgħażagħ jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-parteċipazzjoni kontinwa reali ta’ dawk ikkonċernati, f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Minbarra konsultazzjoni waħda, ma hemm l-ebda enfasi kbira fuq il-fehmiet tat-tfal fir-rakkomandazzjoni. Din id-differenza għandha tiġi indirizzata. Ħafna Stati Membri qed jiżviluppaw mudelli tal-aħjar prattika u l-UE qed tiżviluppa d-drittijiet tagħha stess tal-istrateġija dwar it-tfal. Dan it-tip ta’ bidla għandu eventwalment ikun evidenti fil-ġestjoni u fl-evalwazzjoni tal-iskejjel.

    Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM/2020/625 final, COM/2020/624 final, ĠU C 66, 26.2.2021 p. 1, ĠU C 221, 10.6.2021, p. 3.

    (2)  ĠU C 56, 16.2.2021, p. 1.

    (3)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 27.

    (4)  KE: Għalliema fl-Ewropa Karrieri, Żvilupp u Benesseri, 2021.

    (5)  EC: Blended learning in school education – guidelines for the start of the academic year 2020/21 (KE: It-tagħlim imħallat fl-edukazzjoni skolastika – linji gwida għall-bidu tas-sena akkademika 2020/21).

    (6)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 27.

    (7)  Downes, P. (2011). Multi/Interdisciplinary Teams for Early School Leaving Prevention: Developing a European Strategy Informed by International Evidence and Research. Il-Kummissjoni Ewropea, NEST (Network ta’ Esperti dwar l-Aspetti Soċjali tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ), id-Direttorat Ġenerali, l-Edukazzjoni u l-Kultura: Brussell.

    (8)  EC: Blended learning in school education – guidelines for the start of the academic year 2020/21 (KE: It-tagħlim imħallat fl-edukazzjoni skolastika – linji gwida għall-bidu tas-sena akkademika 2020/21).

    (9)  Ibid.


    Naar boven