Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE3601

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-krediti għall-konsumatur (COM(2021) 347 final — 2021/0171 (COD))

EESC 2021/03601

ĠU C 105, 4.3.2022, p. 92–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 105/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-krediti għall-konsumatur

(COM(2021) 347 final — 2021/0171 (COD))

(2022/C 105/14)

Relatur:

Bogdan PREDA

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 8.7.2021

Kunsill, 14.7.2021

Bażi legali

Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

30.9.2021

Adottata fil-plenarja

21.10.2021

Sessjoni plenarja Nru

564

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/5/16

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' dan l-aġġornament għal-leġiżlazzjoni dwar is-self lill-konsumaturi, iżda jirrimarka li għad hemm oqsma fejn id-Direttiva għandha tkun aktar ambizzjuża jew ma tiżgurax il-bilanċ xieraq bejn l-objettivi tagħha u s-soluzzjonijiet proposti. Barra minn hekk, il-KESE jqis li s-soluzzjonijiet previsti mid-Direttiva għandhom jagħmlu enfasi akbar fuq l-impatt tad-diġitalizzazzjoni, iż-żieda fl-użu tal-apparati diġitali, u l-għoti ta' self ekoloġiku lill-konsumaturi sabiex il-konsumaturi jiġu mgħejuna jagħmlu akkwisti aktar sostenibbli.

1.2.

Il-KESE japrezza l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tħeġġeġ kampanji ta' edukazzjoni finanzjarja/kompetenza diġitali, peress li dawn l-isforzi jistgħu jġibu biss benefiċċji għall-konsumaturi u għas-selliefa.

1.3.

Il-KESE jinnota li mill-evidenza relatata mal-oriġini ta' dejn eċċessiv, it-tqegħid ta' limiti fuq l-ispejjeż ta' self sabiex jiġu evitati prattiki estremi ta' pprezzar iwassal għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi vulnerabbli, dment li tali limitu massimu jiġi kkalibrat b'mod korrett wara analiżi bir-reqqa tas-suq u l-impatt potenzjali sussegwenti. Għalhekk, il-KESE jinnota li d-Direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur għandha tipprovdi metodoloġija ċara u armonizzata li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw sabiex japplikaw tali limiti biex jipprevjenu u jiskoraġġixxu prattiki estremi li jistgħu jwasslu għal dejn eċċessiv. Dan jiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-selliefa minn pajjiżi differenti.

1.4.

Il-KESE jikkunsidra li huwa ta' benefiċċju li jiġi spjegat aktar fid-dettall l-obbligu tas-selliefa kollha li jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi. F'dan ir-rigward, il-KESE japprova l-approċċ tal-Kummissjoni rigward it-tip ta' data li għandha tintuża fil-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja, inkluża l-eċċezzjoni dwar data personali sensittiva bħad-data dwar is-saħħa, peress li huwa importanti ħafna li jiġi żgurat approċċ ibbilanċjat fi ħdan il-proċess. Madankollu, huwa ta' importanza kbira li jiġi enfasizzat fid-Direttiva li lanqas valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja ma tista' tiggarantixxi l-ħlas lura tas-self.

1.5.

Il-KESE jikkunsidra li t-test tad-Direttiva proposta għandu jiġi rivedut sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għas-selliefa kollha, mill-proċess ta' awtorizzazzjoni/liċenzjar għar-regolamenti/obbligi operattivi, sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti għall-kompetituri kollha.

1.6.

Il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha tanalizza aktar l-obbligi relatati mal-informazzjoni prekuntrattwali sabiex jinstab il-bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa għall-informazzjoni u r-rilevanza tagħha għall-konsumaturi, u l-aktar mod effiċjenti u flessibbli kif din tiġi ppreżentata, filwaqt li tiġi kkunsidrata wkoll id-diġitalizzazzjoni tal-proċess kollu.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiċċara t-test tad-Direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur fir-rigward tar-rimborż bikri.

2.   Introduzzjoni

2.1

Din l-opinjoni hija relatata mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur, li tħassar id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-ftehim ta' kreditu għall-konsumatur.

2.2

Kif stabbilit fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni, il-ħtieġa għad-Direttiva l-ġdida hija ġġustifikata mill-fatt li, mill-2008, id-diġitalizzazzjoni żdiedet u biddlet b'mod profond kemm id-drawwiet tas-self (eż. modi ġodda ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni b'mod diġitali, il-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja bl-użu ta' sistemi awtomatizzati ta' teħid ta' deċiżjonijiet u data mhux tradizzjonali) kif ukoll il-profil tas-selliefa. Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, sar meħtieġ ukoll li jiġu offruti għodod leġiżlattivi biex jittaffa l-piż finanzjarju fuq ċittadini u unitajiet domestiċi aktar vulnerabbli finanzjarjament.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taġġorna l-qafas legali dwar il-krediti għall-konsumatur, peress li s-suq tabilħaqq evolva mill-2008 u d-dispożizzjonijiet attwali ma jkoprux b'mod adegwat it-tipi kollha ta' atturi/prodotti, li jfisser li hemm oqsma fejn ma hemm l-ebda protezzjoni xierqa għall-konsumaturi jew fejn ir-regoli eżistenti jistgħu jittejbu.

3.2

Il-KESE jqis li ż-żewġ objettivi ewlenin fl-abbozzar tad-Direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur, jiġifieri (i) it-tnaqqis tad-detriment għall-konsumaturi li jieħdu self f’suq li qed jinbidel, u (ii) l-iffaċilitar tal-forniment transfruntier ta’ kreditu għall-konsumaturi u l-kompetittività tas-suq intern, huma marbuta mill-qrib u huma essenzjali biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ kopertura u applikazzjoni uniformi tad-Direttiva l-ġdida. Pereżempju, proposta sabiex jiġu imposti limiti obbligatorji fuq l-ispejjeż tal-kreditu għall-konsumatur jeħtieġ li tkun aktar dettaljata u armonizzata fid-Direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur fi ħdan metodoloġija ċara. Dan huwa meħtieġ biex jiġi garantit livell uniformi ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, jiġu evitati b'mod effettiv prattiki ta' self irresponsabbli madwar l-UE u l-iżvilupp ta' prodotti ta' kreditu għall-konsumatur b'rati ta' użura jew spejjeż eċċessivi, li spiss ikunu mmirati lejn l-aktar konsumaturi vulnerabbli, u spiss jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv. Tali metodoloġija armonizzata hija meħtieġa wkoll sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-selliefa minn pajjiżi differenti.

3.3

L-estensjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva u l-kjarifika tad-definizzjonijiet ta' diversi termini jistgħu jġibu biss benefiċċji kemm għall-konsumaturi kif ukoll għas-selliefa bl-istess mod, kif ukoll joffru aktar ċarezza dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati. Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-proposta biex jiġi stabbilit obbligu fuq l-Istati Membri biex jipprovdu servizzi indipendenti ta' konsulenza dwar id-dejn għal konsumaturi b'dejn eċċessiv jew għal konsumaturi vulnerabbli oħra għandha tgħin ukoll lill-konsumaturi f'sitwazzjonijiet diffiċli. Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li d-Direttiva tħeġġeġ lis-selliefa jadottaw politiki li jiffaċilitaw l-identifikazzjoni bikrija ta' diffikultajiet finanzjarji, li se jinkludu wkoll dispożizzjonijiet dwar miżuri ta' tolleranza. Iż-żewġ azzjonijiet jipprevjenu sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv u jħeġġu lill-kredituri jsibu soluzzjonijiet għal mutwatarji li jinsabu f'diffikultà.

3.4

Il-KESE japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tħeġġeġ inizjattivi ta' edukazzjoni finanzjarja/kompetenza diġitali biex tiżgura li l-konsumaturi jifhmu sew il-prodotti ta' self u r-riskji li jkunu qed jassumu meta jieħdu self, peress li dan huwa l-aktar metodu effiċjenti għaż-żamma tas-solidità finanzjarja tagħhom. F'dan ir-rigward, il-KESE jqis li t-test tad-Direttiva dwar il-komunikazzjoni bejn is-selliefa u l-konsumaturi, fl-istadji kollha tar-relazzjoni, għandu jiġi aġġustat biex jakkomoda t-tranżizzjoni diġitali u ż-żieda fl-użu tal-apparati diġitali.

3.5

Il-KESE japprezza wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi regolamenti ċari dwar is-servizzi ta' konsulenza finanzjarja fir-rigward tal-ftehimiet ta' self, iżda jilqa' perspettiva legali ċara dwar kif tali servizzi jistgħu jiġu offruti.

3.6

Il-KESE jilqa' l-inizjattiva li jiġi spjegat aktar fid-dettall l-obbligu tas-selliefa kollha li jwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi, sabiex jiġi vverifikat jekk jistgħux jaffordjaw is-self inkwistjoni u jekk il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom humiex qed jiġu protetti, filwaqt li jiġu evitati prattiki ta' self irresponsabbli u dejn eċċessiv. Madankollu, il-Kummissjoni għandha żżomm f'moħħha li r-regoli l-ġodda ma jistgħux u ma għandhomx jittrasferixxu r-responsabbiltà għall-prestazzjoni attwali tal-pagamenti tal-konsumaturi fuq is-selliefa, peress li l-konsumaturi jeħtiġilhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' ħlas lura tad-dejn u biex jimmaniġġjaw in-nefqa personali tagħhom b'kawtela. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar it-test tad-Direttiva dwar il-krediti għall-konsumatur sabiex tagħmilha ċara li l-valutazzjoni bir-reqqa tal-affidabbiltà kreditizja mhijiex garanzija għall-ħlas lura tas-self. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti kif xieraq, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar dettalji dwar is-sitwazzjonijiet fejn, f'ċirkostanzi speċifiċi u ġġustifikati sew, is-selliefa għandhom id-dritt, mingħajr obbligu f'dan ir-rigward, li jagħtu self lill-konsumaturi anki jekk ma jgħaddux mill-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar uħud mid-definizzjonijiet il-ġodda sabiex tiżgura ċ-ċarezza tat-test. Pereżempju, id-definizzjoni ta' kreditur għandha tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li n-negozji selliefa kollha jkunu koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u jkunu ssorveljati/liċenzjati b'mod ugwali meta jwettqu l-istess tip ta' attività. Barra minn hekk, għall-fini li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, u li l-konsumaturi jiġu pprovduti b'mod effettiv bl-istess livell ta' protezzjoni, is-selliefa kollha, irrispettivament mill-istatus legali tal-kumpanija tagħhom, għandhom japplikaw l-istess regoli u jkunu soġġetti għall-istess obbligi, inkluż fir-rigward tar-rapportar, ħlief fil-każ ta' self mingħajr ħlas dment li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet kollha mmirati lejn il-protezzjoni tal-konsumatur.

4.2

Fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-attività tas-self lill-konsumatur, id-Direttiva għandha tkun aktar ambizzjuża, li tistabbilixxi li tali attività ta' self tirrikjedi awtorizzazzjoni/liċenzja mill-awtorità kompetenti sabiex tiżgura protezzjoni xierqa tal-konsumaturi, monitoraġġ effettiv, u kondizzjonijiet ekwivalenti għas-self lill-konsumatur. Is-sistema proposta bħalissa tidher li hija ibrida bejn l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni, għalkemm mhi ċara xejn.

4.3

Fir-rigward tad-dispożizzjoni speċifika dwar il-konverżjoni ta' self espress f'euro fil-munita nazzjonali, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi aktar l-Artikolu 4 tad-Direttiva proposta sabiex tiċċara l-applikabbiltà tiegħu. Is-soluzzjoni proposta, minbarra li mhijiex allinjata mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali, hija nieqsa minn ċarezza dwar l-intenzjoni/l-applikabbiltà tagħha u dwar il-metodoloġija reali proposta għall-konverżjoni.

4.4

Fir-rigward tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 6 tad-Direttiva proposta), il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li jista' jkun diffiċli ħafna li jiġi implimentat għal għadd ta' raġunijiet prinċipalment marbuta ma' rekwiżiti differenti fil-livell nazzjonali u d-diffikultà li jinkisbu l-verifiki kollha meħtieġa bħala parti mill-proċess ta' valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja. Fir-rigward tal-aċċess għall-bażijiet tad-data, il-KESE jibża' li, f'ċerti ċirkostanzi, jista' ma jkunx prattiku jew mhux ekonomiku għall-kredituri li jkollhom aċċess dirett għal bażijiet tad-data minn Stati Membri oħra, għal għadd ta' raġunijiet (eż. in-nuqqas ta' domanda għal kreditu transfruntier, ir-rekwiżiti differenti fil-livell nazzjonali u d-diffikultà li jinkisbu l-verifiki kollha fil-proċess ta' valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja). Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar il-prinċipju, inkluż billi tikkunsidra l-aċċess indirett għal tali bażijiet tad-data, eż. is-selliefa li jitolbu d-dokumentazzjoni meħtieġa għall-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja permezz tal-bażi tad-data lokali jew l-awtoritajiet fiskali lokali tagħhom.

4.5

Fir-rigward tal-bażijiet tad-data nazzjonali tar-rapportar, il-KESE jinnota li t-trattament tad-data tal-kreditu matul il-pandemija tal-COVID-19 jew kwalunkwe sitwazzjoni eċċezzjonali simili jista' potenzjalment ikollu impatt fuq l-integrità tas-sistema ta' rapportar tal-kreditu u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-forniment ta' kreditu għall-konsumaturi. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza fid-Direttiva l-importanza tal-kondiviżjoni sħiħa kontinwa tal-informazzjoni dwar il-kreditu, inkluż ir-rapportar ta' data dwar il-pagamenti mitlufa/moratorji matul kriżi, bħal fi żminijiet normali. Barra minn hekk, f'konformità mal-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-oriġinazzjoni tas-self, il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tispeċifika li l-bażijiet tad-data tar-rapportar għandu jkollhom minn tal-inqas informazzjoni dwar l-imġiba tal-ħlas lura tal-konsumaturi fuq il-ftehimiet ta' self eżistenti tagħhom, inkluż kwalunkwe arretrati.

4.6

Il-KESE japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħmel l-informazzjoni prekuntrattwali aktar aċċessibbli għall-konsumaturi. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, is-soluzzjoni adatta ma għandhiex tkun li jinħoloq dokument addizzjonali – il-Ħarsa Ġenerali Standard lejn il-Kreditu għall-Konsumatur – peress li jista' jirriżulta f'piż addizzjonali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kredituri, u jista' jkun qarrieqi għall-konsumaturi, fis-sens li jistgħu jillimitaw l-analiżi tagħhom għall-informazzjoni pprovduta fil-ħarsa ġenerali biss, mingħajr ma jqisu sew l-informazzjoni l-oħra kollha stabbilita fil-formola ta' Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu għall-Konsumatur. Soluzzjoni aħjar tkun li tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-ħtieġa ta' rispons għal metodi diġitali ġodda, is-semplifikazzjoni tal-proċess tal-istabbiliment (u t-twettiq) tar-relazzjoni mal-konsumaturi, inkluż billi jiġu pprovduti b'mod speċifiku modi diġitali biex jiġi ssodisfat l-obbligu li tiġi pprovduta l-formola ta' Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu għall-Konsumatur.

4.7

Fir-rigward tal-eżenzjoni mir-regoli dwar bejgħ abbinat u prattiki ta' ggruppar relatati mal-kontijiet kurrenti jew ta' tfaddil, huwa ferm kontestabbli jekk fil-fatt huwiex fl-interess tal-konsumatur li din l-eżenzjoni tiġi limitata biss għal kontijiet li l-iskop uniku tagħhom huwa limitat għar-rekwiżiti tas-self. Skont it-test, is-selliefa għandhom jipprojbixxu lill-konsumaturi milli jużaw il-kontijiet inkwistjoni għal skopijiet personali, barra mir-rekwiżiti tas-self. Il-KESE jaqbel li l-konsumatur ma għandux ikun sfurzat jiftaħ kont li mhuwiex meħtieġ għall-implimentazzjoni/għar-rimborż tas-self, iżda tali kont, ladarba jinfetaħ, għandu jintuża mill-konsumatur kif iqis opportun.

4.8

Fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi meta l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tinvolvi l-użu ta' tfassil ta' profili jew ipproċessar awtomatizzat ieħor ta' data personali, fil-fehma tal-KESE s-soluzzjoni proposta tippreżenta r-riskji li tiġi kompromessa l-kapaċità tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' valutazzjoni f'konformità mal-attitudni tar-riskju tagħhom stess, u b'hekk titnaqqas il-flessibbiltà tal-proċess. Fil-fehma tagħna, l-Artikolu 18(6) kollu għandu jiġi fformulat mill-ġdid f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li jfisser li l-konsumatur għandu d-drittijiet mogħtija mill-GDPR meta l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja titwettaq esklużivament b'mod awtomatiku u tipproduċi effetti li jikkonċernaw individwu privat.

4.9

Il-KESE jemmen li l-ħlas lura bikri ta' self huwa dispożizzjoni ċentrali fid-Direttiva peress li hija għandha l-għan li tippromovi l-kompetittività tas-suq u taffettwa sitwazzjonijiet ta' dejn eċċessiv, u japprezza l-intenzjonijiet ġenerali tal-proposta. Madankollu, il-KESE jenfasizza li jeħtieġ li t-test tad-Direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur jiġi rivedut sabiex (i) jiġi verament ffaċilitat l-eżerċizzju ta' dan id-dritt u (ii) jiġu evitati l-litigazzjonijiet li seħħew dwar id-definizzjoni ta' “l-ispejjeż kollha”.

4.10

Il-KESE jinnota li mill-evidenza relatata mal-oriġini ta' dejn eċċessiv, it-tqegħid ta' limiti fuq l-ispejjeż ta' self sabiex jiġu evitati prattiki estremi ta' pprezzar jista' jwassal għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi vulnerabbli, dment li tali limitu massimu jiġi kkalibrat b'mod korrett wara analiżi bir-reqqa tas-suq u l-impatt potenzjali. Approċċ bħal dan għandu jiżgura li l-miżuri huma tabilħaqq ta' benefiċċju għall-konsumaturi filwaqt li jiġu evitati effetti opposti.

4.11

F'konformità mal-aktar Direttiva reċenti dwar il-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, l-Artikolu 44 tad-Direttiva proposta jispeċifika li l-Istati Membri jeħtiġilhom jintroduċu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-liġi nazzjonali f'każ ta' ksur tar-regoli ta' traspożizzjoni tad-Direttiva. Il-KESE jilqa' tali dispożizzjonijiet, iżda jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara wkoll fid-Direttiva li s-sanzjonijiet amministrattivi ma jaffettwawx id-drittijiet tal-konsumaturi li jiksbu kumpens jew rimborż, skont il-każ.

Brussell, il-21 ta' Ottubru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(2)  Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).


ANNESS

It-testi li ġejjin mill-opinjoni tas-sezzjoni ġew rifjutati u ħadu posthom emendi adottati mill-Assemblea, iżda li ġabu mill-inqas kwart tal-voti:

EMENDA 2

Imressqa minn:

TEDER Reet

INT/956 — Ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur

Punt 4.1

Ibdel it-test kif ġej:

Opinjoni tas-sezzjoni

Emenda

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar uħud mid-definizzjonijiet il-ġodda sabiex tiżgura ċ-ċarezza tat-test. Pereżempju, id-definizzjoni ta' kreditur għandha tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li n-negozji selliefa kollha jkunu koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u jkunu ssorveljati/liċenzjati b'mod ugwali meta jwettqu l-istess tip ta' attività. Barra minn hekk, għall-fini li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti u li l-konsumaturi jiġu pprovduti b'mod effettiv bl-istess livell ta' protezzjoni, is-selliefa kollha, irrispettivament mill-istatus legali tal-kumpanija tagħhom, għandhom japplikaw l-istess regoli u jkunu soġġetti għall-istess obbligi, inkluż fir-rigward tar-rapportar.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar uħud mid-definizzjonijiet il-ġodda sabiex tiżgura ċ-ċarezza tat-test. Pereżempju, id-definizzjoni ta' kreditur għandha tiġi riveduta sabiex jiġi żgurat li n-negozji selliefa kollha jkunu koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva u jkunu ssorveljati/liċenzjati b'mod ugwali meta jwettqu l-istess tip ta' attività. Barra minn hekk, għall-fini li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti u li l-konsumaturi jiġu pprovduti b'mod effettiv bl-istess livell ta' protezzjoni, is-selliefa kollha, irrispettivament mill-istatus legali tal-kumpanija tagħhom, għandhom japplikaw l-istess regoli u jkunu soġġetti għall-istess obbligi, inkluż fir-rigward tar-rapportar , ħlief fil-każ ta' self mingħajr ħlas dment li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet kollha mmirati lejn il-protezzjoni tal-konsumatur .

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

88

Kontra:

79

Astensjonijiet:

21

KOMPROMESS DWAR EMENDA 3

Imressaq minn:

PREDA Bogdan

INT/956 — Ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur

Punt 4.10

Opinjoni tas-sezzjoni

Kompromess

Il-KESE jinnota li mill-evidenza relatata mal-oriġini ta' dejn eċċessiv, huwa ċar li l- limiti fuq l-ispejjeż ta' self iwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi, speċjalment dawk vulnerabbli.

Il-KESE jinnota li mill-evidenza relatata mal-oriġini ta' dejn eċċessiv, it-tqegħid ta' limiti fuq l-ispejjeż ta' self sabiex jiġu evitati prattiki estremi ta' pprezzar jista' jwassal għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi vulnerabbli, dment li tali limitu massimu jiġi kkalibrat b'mod korrett wara analiżi bir-reqqa tas-suq u l-impatt potenzjali sussegwenti . Approċċ bħal dan għandu jiżgura li l-miżuri huma tabilħaqq ta' benefiċċju għall-konsumaturi filwaqt li jiġu evitati effetti opposti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

82

Kontra:

79

Astensjonijiet:

17

KOMPROMESS FUQ L-EMENDA 4

Imressqa minn:

PREDA Bogdan

INT/956 — Ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur

Punt 1.3

Opinjoni tas-sezzjoni

Kompromess

Il-KESE jinnota li mill-evidenza relatata mal-oriġini ta' dejn eċċessiv, huwa ċar li l- limiti fuq l-ispejjeż ta' self iwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi, speċjalment dawk vulnerabbli . Madankollu, proposta li timponi limiti fuq l-ispejjeż tal-kreditu għall-konsumatur, jeħtieġ li tkun aktar dettaljata u armonizzata f id-Direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur proposta fi ħdan metodoloġija ċara, sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti għas-selliefa minn pajjiżi differenti .

Il-KESE jinnota li mill-evidenza relatata mal-oriġini ta' dejn eċċessiv, it-tqegħid ta' limiti fuq l-ispejjeż ta' self sabiex jiġu evitati prattiki estremi ta' pprezzar jista' jwassal għal benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi vulnerabbli, dment li tali limitu massimu jiġi kkalibrat b'mod korrett wara analiżi bir-reqqa tas-suq u l-impatt potenzjali sussegwenti . Għalhekk, il-KESE jinnota li d-Direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur għandha tipprovdi metodoloġija ċara u armonizzata li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw sabiex japplikaw tali limiti biex jipprevjenu u jiskoraġġixxu prattiki estremi li jistgħu jwasslu għal dejn eċċessiv . Dan jiżgura wkoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għas-selliefa minn pajjiżi differenti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

88

Kontra:

77

Astensjonijiet:

15


Top