Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2766

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021” (COM(2020) 575 final) (opinjoni addizzjonali)

    ĠU C 105, 4.3.2022, p. 152–157 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 105/152


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021”

    (COM(2020) 575 final)

    (opinjoni addizzjonali)

    (2022/C 105/27)

    Relatur:

    Gonçalo LOBO XAVIER

    Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat

    26.4.2021

    Bażi legali

    Artikolu 32(1) tar-Regoli ta’ Proċedura u Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    5.10.2021

    Adottata fil-plenarja

    20.10.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    564

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    168/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għadu mħasseb dwar il-fatt li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri m’hemmx biżżejjed ċarezza dwar is-sistemi ta’ governanza tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (NRRPs) u t-tqassim tar-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tagħhom bejn il-livelli ċentrali, reġjonali u lokali. Lanqas ma hemm ċarezza biżżejjed dwar il-mekkaniżmi adatti għall-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fil-fażijiet tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-aġġustament tal-NRRPs. Dan issemma fir-Riżoluzzjoni tal-KESE ta’ Frar (1) u s-sitwazzjoni baqgħet l-istess minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni. Il-KESE jappella bil-qawwa għal aktar skrutinju dwar dawn l-aspetti kruċjali għall-irkupru tal-Unjoni.

    1.2

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitkejjel il-progress tal-implimentazzjoni tal-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza. Huma meħtieġa indikaturi ta’ monitoraġġ tajbin, peress li dawn se jkunu l-boxxla għad-direzzjoni li fiha nistgħu nkomplu niżviluppaw u nirkupraw. Jeħtieġ li l-Istati Membri jirreaġixxu b’mod xieraq għal din l-isfida u hemm bżonn ta’ kuraġġ biex ngħarrfu liċ-ċittadini dwar id-diffikultajiet enormi li jinsabu quddiemhom.

    1.3

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ fl-importanza taċ-ċiklu tas-Semestru li jmiss għall-Unjoni bħala strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Hemm żewġ tipi ta’ għodod fil-Pjani Nazzjonali: l-Istati Membri jistgħu implimentaw u jagħmlu tibdil strutturali radikali minn naħa waħda bi tranżizzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, b’investiment u riformi għaċ-ċittadini (familja, ħaddiema, intraprendituri, eċċ.) li qed isofru b’mod aktar dirett mill-kriżi. Fil-fehma tal-KESE, dawn iż-żewġ għażliet għandhom jiġu kkunsidrati. Dawn jeħtieġu għodod differenti u xi kultant dawn ma jistgħux jikkoinċidu. L-irkupru huwa meħtieġ biex is-sistema ekonomika ssir reżiljenti.

    1.4

    Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat uħud mill-aktar dgħufijiet perikolużi tal-Ewropa: in-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-industrija, u d-dipendenza minn oqsma ekonomiċi oħra għal bosta prodotti u servizzi. Il-KESE jifhem li huwa diffiċli li jinbidlu d-drawwiet u l-politiki, kif ukoll li hemm bżonn ta’ għadd ta’ snin biex jinħassu l-effetti reali ta’ politiki ġodda. Madankollu, iż-żmien huwa prezzjuż jekk l-Unjoni trid tinbidel u tirkupra. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima (u d-diffikultajiet fid-distribuzzjoni tagħha), in-nuqqas ta’ semikondutturi u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija juru wkoll id-dipendenza tal-Unjoni fuq assi kritiċi. Il-KESE jixtieq jara azzjoni reali mill-Istati Membri kollha dwar l-investiment fl-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-politika industrijali li tista’ żżid l-impjiegi u tħeġġeġ liċ-ċittadini biex jagħtu spinta lill-industrija Ewropea.

    1.5

    Il-KESE jappoġġja l-investimenti fl-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, it-tagħlim tul il-ħajja u r-riċerka u l-iżvilupp, li huma essenzjali biex jixprunaw u jikkomplementaw il-bidliet ekonomiċi u soċjali li in-NextGenerationEU jippromovi. M’hemmx dubju li huwa meħtieġ investiment li jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa u l-politiki tas-saħħa pubblika tas-soċjetajiet milquta ħażin mill-pandemija tal-COVID-19. L-investiment irid ikun ikkombinat ma’ politika industrijali tassew b’saħħitha li tista’ tippromovi l-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi fl-Ewropa sabiex tiġi evitata dipendenza sħiħa minn oqsma ekonomiċi oħra.

    1.6

    Il-KESE jemmen li issa huwa ż-żmien għal riforma rigoruża u profonda tal-patt. Huma meħtieġa rakkomandazzjoni b’saħħitha f’dan is-Semestru rivedut ġdid, u patt ġdid li jinkludi għadd ta’ proċedimenti u regoli vinkolanti għall-konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali. Dan jirrikjedi azzjoni. Wasal iż-żmien li jiġu fformulati regoli vinkolanti għall-involviment fl-istadji kollha mit-tħejjija sal-implimentazzjoni biex jiġu evitati problemi strutturali fil-futur.

    1.7

    Fil-fehma tal-KESE, analiżi qasira tal-prijoritajiet ewlenin tal-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza turi enfasi ċara fuq l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. Il-KESE jemmen li dan huwa bla dubju importanti, iżda hemm tħassib dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ xi miżuri li jidhru li m’għandhomx bażi soda. Iċ-ċittadini, il-ħaddiema u l-kumpaniji jeħtiġilhom jiġu appoġġjati biex jagħmlu din it-tranżizzjoni, u l-miri għandhom jiġu definiti b’mod ċar u raġonevoli biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikollna retorika politika impressjonanti iżda implimentazzjoni prattika ħażina, b’effetti sekondarji enormi mhux fid-dieher.

    1.8

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-aktar riżultati siewja tal-proċess tas-Semestru ġie injorat matul is-snin. Fil-fatt, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi huma opportunità għal titjib, u huma bbażati fuq data konsistenti. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid l-attitudni tagħhom fir-rigward ta’ din l-għodda, b’mod partikolari wara l-kriżi tal-COVID-19 u fid-dawl tal-opportunità li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza toffri biex jiġu implimentati riformi strutturali (fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-politiki fiskali, is-suq tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali fl-ambitu tal-Pilastru Soċjali u r-rakkomandazzjonijiet tas-Summit ta’ Porto) li huma essenzjali għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa bidla ta’ attitudni mill-perspettiva tal-Istati Membri, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu attivi ferm u jaġixxu bħala superviżuri fil-proċess.

    1.9

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-kapaċità ta’ assorbiment tal-fondi ta’ ċerti Stati Membri, fid-dawl tat-“track record” tagħhom. Nofs il-fondi strutturali tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 ma ntużawx sa tmiem l-2020, u għandhom jintefqu fis-snin li ġejjin. L-esperjenza u d-data tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu twissijiet lill-Istati Membri u jgħinuhom jirriallokaw aħjar il-fondi f’termini ta’ distribuzzjoni u skeda ta’ żmien. Huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jiġu mwissija li l-għażliet politiċi tagħhom m’għandhomx idgħajfu l-proċess ta’ rkupru u li jeħtieġ li jittieħdu xi miżuri biex jiġu evitati problemi fis-sistema. Dan jinkludi mhux biss il-ħtieġa li tiġi evitata l-burokrazija, iżda wkoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut l-appoġġ politiku adegwat għall-effiċjenza.

    1.10

    Il-KESE jemmen li l-proċess inevitabbli tad-diġitalizzazzjoni, speċjalment b’rabta mas-servizzi pubbliċi fis-sistemi tas-saħħa jew soċjali, se jelimina għadd ta’ impjiegi. Din id-diġitalizzazzjoni tista’ toħloq ukoll problemi għaċ-ċittadini akbar fl-età li huma inqas kapaċi jadattaw għall-proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitfasslu programmi li jistgħu verament jappoġġjaw liċ-ċittadini u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni. L-Istati Membri jeħtiġilhom jallokaw fondi ta’ investiment biex jagħtu taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet lill-persuni affettwati minn din il-bidla, u hemm bżonn ta’ kuraġġ politiku biex tiġi affaċċjata l-isfida, kif ukoll komunikazzjoni tajba maċ-ċittadini biex jingħataw kjarifiki għall-politiki u l-għanijiet.

    1.11

    Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva ta’ “Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza”. Il-KESE jemmen li din se tkun għodda importanti ħafna li tista’ tagħti spinta lill-proċess ta’ investiment u twassal għal mekkaniżmi li jistgħu jkunu ta’ importanza kruċjali għall-Unjoni. Il-KESE jappoġġja wkoll l-iskeda ta’ żmien proposta, b’adozzjoni mistennija mill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Settembru (2). Madankollu, il-KESE jinsisti fuq il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili wkoll f’dan il-proċess. Din mhijiex kwistjoni ta’ viżibbiltà. Din hija kwistjoni ta’ viġilanza, u l-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu awtonomizzati u jitħejjew għal din l-isfida. Huwa inutli li tintalab azzjoni mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jekk ma jkunux imħejjija jew jekk ma jkollhomx ir-riżorsi biex ikunu attivi. Dan jirrappreżenta responsabbiltà u opportunità enormi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1

    Il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna (3). Id-dinja qed tiffaċċja kriżi kbira li tidher li qed iddgħajjef il-pjani u l-istrateġiji kollha ta’ rkupru. Ir-reżiljenza u s-saħħa tal-Ewropa jridu, madankollu, jipprevalu jekk irridu nsostnu l-Unjoni tagħna.

    2.2

    Huwa fatt li l-Unjoni Ewropea ħadet azzjonijiet bla preċedent biex tiġġieled il-pandemija tal-COVID-19, ittaffi l-impatt tal-kriżi, u tqiegħed l-ekonomija tagħna fi triq ta’ tkabbir robust, sostenibbli u inklużiv. Madankollu, għad hemm ħafna inċertezza dwar l-effettività tal-politiki tas-saħħa, peress li l-kriżi kellha impatt enormi fuq il-fiduċja taċ-ċittadini, li hija essenzjali għall-irkupru ekonomiku u soċjali. L-għan li titlaqqam aktar minn 70 % tal-popolazzjoni Ewropea se jkollu impatt enormi fuq il-fiduċja tan-nies, u l-KESE jfaħħar il-koordinazzjoni li saret bejn l-Istati Membri biex jintlaħaq dan l-għan. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġi ċċarat liċ-ċittadini l-fatt li dawn il-kisbiet huma importanti iżda għad hemm bżonn ta’ kawtela minħabba li dawn il-miżuri jistgħu ma jkunux biżżejjed biex iwaqqfu kompletament il-kriżi tas-saħħa.

    2.3

    L-opportunità li ngħatat lill-Istati Membri biex jippreżentaw il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza hija fattur enormi li għandha tkun ta’ prijorità. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol kritiku fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawn il-pjani. Dan għandu jkun ċar għall-Istati Membri kollha. Riżoluzzjoni tal-KESE ssostni li: “Il-KESE jqis li r-riformi kollha fil-proċess ta’ ristrutturar għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE: il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt. L-investimenti skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandhom jimmiraw li jilliberaw il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, isaħħu r-reżiljenza ekonomika tal-UE, jilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs), joħolqu ekonomija ċirkolari, jilħqu newtralità klimatika fl-UE sa mhux aktar tard mill-2050, iħeġġu l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà, u jassiguraw implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex tiġi żgurata koeżjoni soċjali, jinqered il-faqar u jitnaqqsu l-inugwaljanzi” (4).

    2.4

    In-Next Generation EU, b’valur ta’ EUR 750 biljun (EUR 500 biljun minnhom diġà ġew allokati), huwa għodda ewlenija għall-UE biex trawwem l-investiment u l-irkupru sabiex l-UE toħroġ aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti mill-kriżi attwali.

    2.5

    Il-KESE jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali fil-politiki kollha tal-Unjoni u se jgħin biex jiġi żgurat irkupru inklużiv.

    2.6

    Il-KESE jafferma wkoll il-pożizzjoni tiegħu li s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, id-distribuzzjoni ekwa u ġusta, u l-istabbiltà makroekonomika jibqgħu l-prinċipji gwida tal-aġenda ekonomika tal-UE. Minkejja l-isfidi kollha, il-Patt Ekoloġiku jibqa’ prijorità fit-tul u l-Ewropa jeħtiġilha tieħu l-opportunità biex tmexxi din il-kwistjoni.

    2.7

    Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-iżgurar ta’ koordinazzjoni effettiva tal-politika fl-ambitu tas-Semestru Ewropew jibqa’ kruċjali biex l-ekonomija tal-UE tibda tikber b’mod qawwi, sostenibbli u inklużiv wara l-pandemija. Dan ġie ddikjarat mill-KESE f’dawn l-aħħar xhur u jibqa’ ta’ prijorità.

    2.8

    Il-KESE huwa tal-fehma li b’mod ġenerali, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għadha baxxa fl-Istati Membri. L-organizzazzjonijiet ġew informati u f’ħafna każijiet instemgħu; madankollu, dan ġab biss ftit riżultati tanġibbli. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni effettiva li wasslet għal modifiki sinifikanti għall-proposti inizjali tal-gvern, ħlief għal ftit eċċezzjonijiet biss.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1

    Bis-saħħa tal-miżuri li ttieħdu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, l-impatt tal-pandemija fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej trażżan. Madankollu, għad hemm fehmiet u sitwazzjonijiet differenti fi ħdan l-Unjoni. Il-KESE jemmen li jridu jittieħdu approċċi divrenzjati sabiex jiġi żgurat l-irkupru tal-Istati Membri li qed ibatu mill-kriżi aktar minn Stati Membri oħra.

    3.2

    Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-politika ekonomika għandha tibqa’ ta’ appoġġ matul l-2021 u l-2022. L-Istati Membri qed jiffaċċjaw battalja enormi li għad baqagħlha ħafna biex tintemm. L-Unjoni jeħtiġilha tipprevali u tirrealizza li l-pjani ta’ rkupru se jieħdu ż-żmien biex ikollhom effett u li r-reżiljenza hija meħtieġa sabiex jinkisbu r-riżultati. Il-KESE jappella bis-saħħa għal strateġiji fuq perjodu qasir u medju biex jiġu indirizzati b’mod adegwat l-effetti negattivi tal-kriżi u biex kun hemm tkabbir b’saħħtu u sostenibbli matul is-snin.

    3.3

    Hemm xejra interessanti għaċ-ċittadini Ewropej biex ifaddlu aktar. Din ix-xejra għandha tkun ukoll opportunità pożittiva biex tingħata spinta lit-taħlita ta’ investiment privat u pubbliku li jista’ jagħmel differenza għall-irkupru tal-ekonomija u l-kundizzjonijiet soċjali. Il-KESE jappella għal azzjoni speċifika f’dan ir-rigward u jemmen li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw politika fiskali b’saħħitha. Il-kreattività hija meħtieġa biex jiġu adottati strateġiji biex dan it-tfaddil jinbidel f’investiment intelliġenti u r-responsabbiltà ta’ dan trid tinqasam mal-gvernijiet, il-partijiet ikkonċernati u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

    3.4

    Il-KESE, permezz tal-appoġġ attiv u l-ħidma tal-Grupp ad hoc dwar is-Semestru Ewropew, beħsiebu jaħdem fuq ir-riżoluzzjoni li jmiss tiegħu matul ix-xhur li ġejjin, b’kontributi mis-27 delegazzjoni ta’ 3 membri tal-Grupp ad hoc dwar is-Semestru Ewropew stabbiliti għal dan il-għan, u jsegwi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ implimentazzjoni, filwaqt li janalizza l-kontenut ta’ politika minn perspettiva tas-soċjetà ċivili. Għalissa, ġie rreġistrat biss titjib żgħir, prinċipalment fir-rigward ta’ laqgħat ta’ informazzjoni formali, b’possibbiltajiet limitati ħafna biex jiġu influwenzati l-pjani.

    3.5

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma aktar pożittivi dwar l-aspettattivi tal-gvernijiet li jużaw il-fondi biex jixprunaw l-investiment milli biex jagħtu spinta lir-riformi li jsaħħu t-tkabbir, b’ħafna membri jħossu li l-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ pajjiżhom huma nieqsa mill-ambizzjoni jew l-impenn fir-rigward tar-riformi, filwaqt li oħrajn jikkritikaw in-nuqqas ta’ investiment addizzjonali li diġà ma kienx previst qabel il-kriżi tal-COVID-19.

    3.6

    L-Ewropa ffaċċjat diffikultà kbira bil-kriżi tal-COVID-19 u din uriet dgħufija perikoluża tal-Unjoni: in-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-industrija u d-dipendenza minn żoni ekonomiċi oħra għal bosta prodotti u servizzi. Dan il-fatt jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod koordinat biex jiġi ffaċilitat l-irkupru. Politika industrijali adegwata hija meħtieġa aktar minn qatt qabel u issa huwa ż-żmien biex tittieħed azzjoni. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima turi wkoll id-dipendenza tal-Unjoni minn assi kritiċi. Il-KESE jixtieq jara azzjoni reali mill-Istati Membri kollha dwar l-investiment fl-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-politika industrijali li tista’ żżid l-impjiegi u tħeġġeġ liċ-ċittadini biex jagħtu spinta lill-industrija Ewropea.

    3.7

    Maġġoranza kbira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (71 %) iqisu li l-involviment tagħhom fit-tfassil tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ pajjiżhom varja minn kemxejn insuffiċjenti għal estremament limitat.

    3.8

    Il-KESE jemmen li l-proċess ta’ diġitalizzazzjoni huwa fundamentali biex tingħata spinta lill-ekonomija u lis-soċjetà iżda hemm ħtieġa reali li l-Istati Membri jfasslu programmi u jallokaw riżorsi biex jeliminaw l-ostakli għal dan il-proċess, speċjalment għal xi partijiet tal-popolazzjoni – l-anzjani u l-persuni b’inqas ħiliet. Il-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi tal-IT b’impatt allinjat mas-software li jista’ jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha hija għalhekk prijorità. Iva għad-diġitalizzazzjoni. Iżda mhux akkost ta’ kollox.

    3.9

    Il-KESE huwa sodisfatt ħafna bl-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza”. Din hija pass importanti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza, u l-KESE jemmen li din se tkun opportunità li tagħti spinta lill-proċess ta’ investiment u twassal għal mekkaniżmi li jistgħu jkunu ta’ importanza kruċjali għall-Unjoni. Għal darb’ oħra, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jkollhom rwol kritiku f’dan il-proċess u huma lesti li jikkooperaw.

    4.   Il-pjani ta’ rkupru u l-approċċi differenti

    4.1

    Il-KESE jemmen li, fir-rigward tal-qafas eżistenti, il-politika dwar it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-bilanċi fiskali tal-Istati Membri jridu jkunu ta’ prijorità. Il-ħtieġa għal adattament għal fażi ġdida – ġaladarba jingħeleb il-periklu għas-saħħa kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 – hija ċara. Għandu jkun hemm alternattiva għall-iżbilanċ eċċessiv bħala l-uniku prospett wara ż-żieda enormi fid-dejn u d-defiċit tal-Istati Membri. Il-KESE jemmen li dan huwa ż-żmien għal riforma radikali u profonda tal-qafas tal-governanza fiskali u jwissi bil-qawwa kontra t-triq lura għar-regoli fiskali l-“qodma”. Neħtieġu rakkomandazzjoni b’saħħitha għal dan is-Semestru rivedut ġdid, u patt ġdid li jinkludi għadd ta’ proċeduri u regoli vinkolanti għall-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali, u dan jirrikjedi azzjoni. Wasal iż-żmien li jiġu fformulati regoli vinkolanti għall-involviment fl-istadji kollha, mit-tħejjija sal-implimentazzjoni, u l-Istati Membri jeħtieġ li jħarsu lejn miri ġodda għat-tnaqqis tad-defiċit b’enfasi fuq it-tkabbir kif ukoll fuq il-governanza.

    4.2

    Hemm ħtieġa urġenti li jiġi mmodernizzat il-qafas fiskali u ekonomiku, li tiġi implimentata pożizzjoni ffukata fuq il-prosperità u li tiġi implimentata regola tad-deheb. Il-Kummissjoni issa qed tħares ukoll lejn l-aspett tal-infiq iżda wkoll – bir-raġun – lejn in-naħa tad-dħul. Il-KESE jirrakkomanda li t-tassazzjoni fuq ix-xogħol tiġi trasferita lejn taxxi ambjentali, filwaqt li jitqies ukoll li ma jitteħidx approċċ rigressiv u li ma jintefax piż fuq unitajiet domestiċi bi dħul baxx. Il-KESE jitlob ukoll li jkun hemm ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-frodi, minħabba li dan jista’ jdgħajjef l-irkupru ekonomiku u fiskali tal-Istati Membri u tal-UE. F’dan ir-rigward hemm bżonn ta’ approċċ intelliġenti kif ukoll konverġenza akbar fl-Unjoni biex nimxu ’l quddiem. Il-politika monetarja u fiskali, forsi b’taxxi ambjentali progressivi, bi tnaqqis gradwali fit-taxxa trid tkun ukoll għażla. Huwa ċar li l-kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa ma’ pajjiżi terzi minflok fi ħdan l-UE tista’ tagħmel differenza.

    4.3

    Il-KESE jenfasizza l-fatt li, minbarra l-pandemija, hemm pressjoni fuq il-prezz tal-materja prima. Hija meħtieġa attenzjoni kbira biex din tiġi indirizzata. Il-KESE jemmen f’kompetizzjoni ġusta u jappoġġja l-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwi, iżda jirrimarka li s-sitwazzjoni qed issir serja, u hemm riskju ta’ ħsara kbira fl-Unjoni kollha. Il-prezzijiet tal-materja prima żdiedu b’madwar 30 % u 120 % f’dawn l-aħħar xhur u l-pressjoni qed tkompli tiżdied.

    4.4

    L-NRRPs juru fehmiet differenti tal-Istati Membri rigward l-irkupru ta’ kull ekonomija u kull sitwazzjoni soċjali. Dan juri wkoll l-inugwaljanzi fl-Istati Membri. Il-KESE jitlob li jkun hemm politiki aktar koordinati li jkunu kapaċi jsaħħu l-Unjoni. Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri hija meħtieġa u l-“prattiki tajba” jistgħu jiġu kondiviżi sabiex jiġu evitati passi żbaljati. Setturi bħat-turiżmu u l-industrija tal-manifattura, fost oħrajn, huma l-agħar li ntlaqtu, u għandha tkun prijorità li dawn is-setturi jinġiebu f’livell ieħor. Dan se jkun importanti ħafna fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-adattament tal-forza tax-xogħol għall-ħtiġijiet reali tal-ekonomija, u biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

    4.5

    Il-KESE jinsab mħasseb dwar il-fatt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-Kummissjoni kienu fil-biċċa l-kbira injorati minn ċerti Stati Membri s’issa, u dan wassal għal xettiċiżmu dwar bidla possibbli fl-attitudni fil-futur. Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ assorbiment ta’ ċerti Stati Membri u l-effetti trasformattivi tal-investimenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija xi ħaġa li tqajjem mistoqsijiet, u għalhekk hemm dubji dwar l-effiċjenza u l-effettività potenzjali tagħhom. Il-KESE jinsisti li għalhekk huwa meħtieġ monitoraġġ mill-qrib.

    4.6

    Il-KESE jqis li l-implimentazzjoni tal-NRRPs m’għandhiex tkun biss eżerċizzju purament formali, iżda għandha ssir fl-ispirtu reali ta’ dan l-istrument: ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jiġi rikonoxxut u l-konsultazzjonijiet għandhom isiru fil-forums pubbliċi u mhux bil-bibien magħluqin.

    4.7

    Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat u aggravat il-lakuni li ilhom jeżistu fis-soċjetajiet tagħna, u dawk l-aktar vulnerabbli spiss huma l-agħar li ntlaqtu. L-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-COVID-19 kienet l-ogħla għall-persuni l-aktar fil-bżonn, u bosta partijiet tas-soċjetà spiss iġorru l-piż tal-impatt tal-miżuri biex tiġi miġġielda l-kriżi. Bħala konsegwenza tal-kriżi, il-persuni b’ħiliet baxxi u/jew iż-żgħażagħ ġarrbu, b’mod sproporzjonat, l-akbar tnaqqis fl-impjiegi. Barra minn hekk, l-edukazzjoni ġiet imfixkla serjament għal ħafna studenti. Hemm riskji aggravanti ta’ inugwaljanzi fir-rigward tal-gruppi ta’ ċittadini b’inqas ħiliet.

    5.   Is-suq uniku bħala element b’saħħtu tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew

    5.1

    Il-kriżi tal-COVID-19 inħasset fl-Istati Membri kollha iżda l-impatt kien differenti. Approċċ koordinat dwar it-tilqim ippermetta lill-Unjoni tikseb riżultati tajbin ħafna. L-għan li titlaqqam 70 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fisser kompitu enormi u r-rispons tal-UE kien pożittiv ħafna. Minkejja xi problemi (mistennija f’każ ta’ proġett bħal dan), dan kien suċċess u eżempju tajjeb tal-“proġett ta’ paċi” li l-Unjoni rrappreżentat sa mill-bidu tagħha.

    5.2

    Aktar minn qatt qabel, is-suq uniku u l-integrazzjoni tiegħu jridu jkunu ta’ prijorità u t-tilwim politiku għandu jiġi evitat. Il-politika retorika li ddgħajjef is-suq uniku u li tinsab f’xi Stati Membri, ġiet kontradetta mill-fatti: huwa biss permezz ta’ Unjoni b’saħħitha u approċċ koordinat li kien possibbli li jiġu nnegozjati u abbozzati l-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza fi żmien daqshekk qasir. Il-komunikazzjoni hija essenzjali għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej, u s-suq uniku huwa parti mill-proċess. Iċ-ċittadini kollha tal-Ewropa għandhom jibbenefikaw mis-suq intern, sabiex ikunu kburin bil-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi għall-kriżi, minkejja l-ostakli kollha maħluqa mill-isfida ta’ rispons koordinat għall-kriżi.

    5.3

    Il-KESE jifhem li l-Istati Membri ħadu approċċi differenti fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-saħħa, iżda jenfasizza wkoll il-fatt li l-koordinazzjoni u l-prattiki tajba għandhom jiġu promossi aktar wara l-proċess tat-tilqim. L-Unjoni jeħtiġilha tieħu vantaġġ mill-assi tagħha – speċifikament il-moviment liberu taċ-ċittadini, il-prodotti u l-moviment tal-kapital. Il-KESE jixtieq jappoġġja din il-libertà mingħajr ma jiddgħajfu s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri, u dan huwa possibbli biss permezz tal-koordinazzjoni tas-suq uniku. L-Istati Membri wrew diversi drabi fl-istorja li dan huwa possibbli. Issa wasal iż-żmien għal rispons tajjeb.

    5.4

    Il-KESE jappoġġja suq uniku u l-opportunitajiet tiegħu flimkien ma’ suq soċjali b’saħħtu li huwa essenzjali u “marka” tal-Unjoni. Din hija kisba li trid tiġi protetta.

    6.   Il-fehma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-pjani ta’ rkupru

    6.1

    Il-KESE jinsisti li l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali għall-irkupru speċjalment peress li għandna nammettu li l-miżuri ta’ rkupru ta’ emerġenza, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, jistgħu jsiru permanenti.

    6.2

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jappoġġjaw l-investimenti fl-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u r-riċerka u l-iżvilupp li huma essenzjali biex jiġu xprunati u kkomplementati l-bidliet ekonomiċi u soċjali promossi min-Next Generation EU, kif ukoll investimenti li jsaħħu s-sistemi tas-saħħa u l-politiki tas-saħħa pubblika tas-soċjetajiet li ntlaqtu ħażin mill-pandemija tal-COVID-19. Aktar minn qatt qabel, l-organizzazzjonijiet “fuq il-post” għandhom il-kapaċità u r-responsabbiltà li jindikaw u jipproponu modi kif jiffaċċjaw l-isfidi reali u l-Istati Membri jeħtieġ ikollhom il-kuraġġ li jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-KESE jitlob dan it-tip ta’ approċċ prinċipalment minħabba l-esperjenza u l-għarfien miġbura minn deċennji ta’ servizz għal kawżi differenti b’riżultati tajbin ħafna.

    6.3

    Fi żminijiet ta’ kriżi l-vuċi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija importanti aktar minn qatt qabel, mhux biss minħabba l-esperjenza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, iżda prinċipalment minħabba li huma jgawdu kuntatt dirett mar-realtà li huwa essenzjali għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ politiki li għandhom impatt reali.

    Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

    (2)  Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u r-Reżiljenza u indikaturi komuni, abbozz ta’ att delegat: Tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza – indikaturi komuni u elementi dettaljati.

    (3)  COM(2021) 500 final, 2.6.2021, Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna.

    (4)  L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).


    Top