Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2758

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE — It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli” (COM(2021) 240 final)

    EESC 2021/02758

    ĠU C 517, 22.12.2021, p. 108–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 517/108


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE — It-trasformazzjoni tal-Ekonomija Blu tal-UE għal Futur Sostenibbli”

    (COM(2021) 240 final)

    (2021/C 517/17)

    Relatur:

    Simo TIAINEN

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 31.5.2021

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    9.9.2021

    Adottata fil-plenarja

    22.9.2021

    Sessjoni plenarja Nru

    563

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    229/0/11

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-ekonomija blu taqdi rwol konsiderevoli u għandha potenzjal dejjem jikber għall-ekonomija tal-UE u dik globali, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-benesseri tan-nies. Il-KESE jemmen li huwa importanti immens li dawn l-opportunitajiet jiġu sfruttati kemm jista’ jkun, filwaqt li fl-istess ħin jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq il-klima, il-bijodiversità u l-ambjent. Kwalità tal-ilma tajba u ekosistemi akkwatiċi b’saħħithom huma prerekwiżit għal ekonomija blu sostenibbli li tiffjorixxi.

    1.2.

    Minbarra l-isfidi ambjentali, dawk attivi fl-ekonomija blu jiffaċċjaw sfidi bħall-kompetizzjoni globali inġusta u l-iżvilupp teknoloġiku rapidu. Ħafna attivitajiet, speċjalment it-turiżmu, intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19. Irkupru bla intoppi u li jirnexxi huwa għalhekk kruċjali għall-ekonomija blu.

    1.3.

    L-ekonomija blu tkopri firxa wiesgħa ta’ setturi u operazzjonijiet, kemm dawk tradizzjonali kif ukoll dawk emerġenti. Id-diversità dejjem tikber tal-attivitajiet tal-ekonomija blu ħolqot sfidi f’termini tal-kompatibbiltà tagħhom ma’ xulxin, u kompetizzjoni għall-ispazju marittimu u r-riżorsi tal-baħar. Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tal-ippjanar tal-ispazju marittimu kemm biex tiġi ffaċilitata l-koeżistenza ta’ diversi attivitajiet kif ukoll għal tħejjija għall-adattament għat-tibdil fil-klima.

    1.4.

    Il-KESE jistieden lill-UE tappoġġja b’mod attiv l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet kemm diġitali kif ukoll ekoloġiċi għall-attivitajiet tal-baħar, bil-għan li jiġu ġġenerati benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-KESE jindika wkoll l-importanza tar-riċerka oċeanografika, akkumpanjata minn riċerka dwar l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-attivitajiet tal-ekonomija blu.

    1.5.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tipprovdi ambjent favorevoli u prevedibbli għall-innovazzjoni u l-investiment, bi proċeduri amministrattivi ssimplifikati u b’ċertezza fil-kundizzjonijiet regolatorji u finanzjarji. Il-Kumitat jilqa’ l-finanzjament sostanzjali tal-UE disponibbli għall-appoġġ tal-ekonomija blu sostenibbli, u jirrimarka l-ħtieġa li l-finanzjament isir aċċessibbli faċilment għall-operaturi fil-livelli nazzjonali u lokali.

    1.6.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li titqies l-ekonomija blu tal-UE u l-potenzjal tagħha f’kuntest globali li jinkludi r-relazzjonijiet esterni u kummerċjali. Il-Kumitat jistieden lill-UE tipprovdi lill-intrapriżi tal-UE b’kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompetituri internazzjonali tagħhom u ttejjeb l-implimentazzjoni globali tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali dwar il-kooperazzjoni ekonomika, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent.

    1.7.

    Il-KESE jissottolinja r-rwol ċentrali tal-imsieħba soċjali fl-antiċipazzjoni tal-bidliet fix-xogħol, fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-ħiliet u fit-titjib tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema fl-ekonomija blu. Barra minn hekk, id-djalogu soċjali fil-livelli settorjali, nazzjonali u tal-post tax-xogħol huwa kruċjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol adatti.

    1.8.

    Minħabba n-natura orizzontali tagħha, l-ekonomija blu għandha titqies b’mod komprensiv u konsistenti fit-tfassil tal-politika. Dan jirrikjedi kooperazzjoni bla xkiel bejn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha: bejn l-UE u l-Istati Membri, bejn l-Istati Membri f’diversi reġjuni, u bejn oqsma ta’ politika differenti bħall-industrija, is-sajd, il-kummerċ, it-trasport, l-enerġija, l-impjieg u l-ambjent.

    1.9.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki tal-ekonomija blu jibbażaw fuq għarfien xjentifiku sod u fuq bażi tad-data robusta u li jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet u l-perspettivi tal-atturi u tal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija blu. Il-Kumitat jitlob l-involviment mill-qrib tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u ta’ partijiet oħra tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-politiki tal-ekonomija blu tal-UE u dawk nazzjonali.

    1.10.

    Filwaqt li huwa rilevanti u meħtieġ li l-ekonomija blu titqies b’mod olistiku u orizzontali, huwa importanti wkoll li jiġu kkunsidrati setturi u attivitajiet differenti mill-perspettiva tal-opportunitajiet u l-isfidi speċifiċi tagħhom, u permezz t’hekk ikun possibbli li jiġi pprovdut kontribut minn isfel għal fuq għall-politiki tal-ekonomija blu.

    1.11.

    Barra minn hekk, il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa ta’ edukazzjoni u ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sinifikat tal-ekonomija blu biex toffri opportunitajiet għal dieti tajbin għas-saħħa, mobbiltà u r-rikreazzjoni, minbarra l-impjiegi u l-prosperità, u l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, pereżempju kontra l-iskart tal-plastik.

    2.   Kummenti ġenerali

    2.1.

    Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE u japprova l-objettivi tagħha li tappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    2.2.

    Il-KESE japprova u jirrakkomanda approċċ integrat għall-ekonomija blu fir-rigward tad-dimensjonijiet varji tal-iżvilupp sostenibbli, u jenfasizza li l-ekonomija blu tikkontribwixxi għall-biċċa l-kbira tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari dawk relatati mal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar, l-azzjoni klimatika, il-ġlieda biex jitnaqqas il-faqar u l-ġuħ, il-promozzjoni tas-saħħa u l-benesseri, il-produzzjoni u l-konsum responsabbli, ix-xogħol deċenti, u t-tkabbir ekonomiku (1).

    2.3.

    L-ekonomija blu għandha rwol konsiderevoli u għandha potenzjal dejjem akbar għat-titjib tal-ekonomija tal-UE u dik globali, għall-impjieg ta’ kwalità tajba u għall-benesseri tan-nies f’diversi postijiet, b’benefiċċji speċifiċi għaż-żoni rurali u kostali. Il-KESE jemmen li huwa importanti immens li dawn l-opportunitajiet jiġu sfruttati kemm jista’ jkun.

    2.4.

    Fl-istess ħin, il-KESE jqis li huwa kruċjali li jitnaqqsu kemm jista’ jkun it-tniġġis tal-ilma u tal-arja, il-ġenerazzjoni tal-iskart u l-impatt negattiv fuq il-klima u l-bijodiversità. Dan mhuwiex essenzjali biss għal raġunijiet ambjentali iżda wkoll minħabba li kwalità ambjentali tajba u ekosistemi b’saħħithom huma essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet u riżorsi adatti għall-ekonomija blu nnifisha. Għalhekk, il-ġestjoni tal-aspetti ambjentali għandha titqies bħala parti integrali minn kwalunkwe attività ekonomika.

    2.5.

    L-ekonomija blu tkopri firxa wiesgħa ta’ operazzjonijiet li huma essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies, u n-negozji involuti jvarjaw minn kumpaniji internazzjonali kbar sa SMEs lokali. Il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija, l-estrazzjoni mill-minjieri, l-industriji marittimi, it-trasport u t-turiżmu huma s-setturi ewlenin eżistenti relatati mal-baħar, u hemm ukoll setturi emerġenti bħall-produzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ prodotti tal-bijoekonomija blu. L-ekonomija ċirkolari u l-attivitajiet ta’ protezzjoni tal-ilma huma wkoll marbuta b’mod intrinsiku mal-ekonomija blu.

    2.6.

    Peress li d-definizzjoni tal-ekonomija blu hija relatata mal-oċeani, mal-ibħra u mal-kosti, din tikkonċerna primarjament lill-pajjiżi li jinsabu ħdejn il-baħar. Madankollu, permezz ta’ ktajjen tal-provvista transfruntiera u swieq komuni, u ambjent u klima kondiviżi, l-ekonomija blu hija kwistjoni ta’ interess għall-UE kollha u għall-Istati Membri kollha – mill-Mediterran sal-Baħar Baltiku u l-Oċean Artiku u mill-Baħar l-Iswed sal-Oċean Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana.

    2.7.

    Il-KESE jirrimarka wkoll li l-kunċett tal-ekonomija blu ma għandux ikun ristrett għall-oċeani u għall-ibħra biss, peress li hemm attivitajiet ekonomiċi korrispondenti bbażati fuq ir-riżorsi tal-ilma ħelu, u peress li passaġġi tal-ilma interni fl-aħħar mill-aħħar jiżbokkaw fl-ibħra u fl-oċeani. Dan jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fil-kontroll tat-tniġġis tal-ilma.

    2.8.   Sfidi u opportunitajiet

    2.8.1.

    Id-diversità dejjem tikber tal-attivitajiet tal-ekonomija blu toħloq sfidi f’termini tal-kompatibbiltà tagħhom ma’ xulxin, u kompetizzjoni għall-ispazju marittimu u r-riżorsi tal-baħar. Għalhekk, il-KESE jenfasizza r-rwol tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, inklużi l-ġestjoni u l-valutazzjoni integrattivi tal-impatti kumulattivi, u jistieden lill-Istati Membri jfittxu u jallokaw spazji adatti għal diversi attivitajiet, bil-għan li jippermettulhom jiżviluppaw u jeżistu flimkien b’impatt negattiv minimu fuq atturi oħra u fuq l-ambjent tal-baħar.

    2.8.2.

    Filwaqt li l-oċeani u l-ibħra jaqdu rwol sinifikanti bħala bjar tal-karbonju, l-ekosistemi tal-baħar u ż-żoni kostali huma vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu, inklużi t-tisħin tal-ilma, iż-żieda fil-livell tal-baħar, u avvenimenti estremi tat-temp. Għalhekk, l-ekonomija blu jeħtieġ li tkun imħejjija sew għall-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-adattament għat-tibdil fil-klima bħala parti essenzjali mill-ippjanar tal-ispazju marittimu, u jagħtu preferenza lil miżuri li jgħinu wkoll biex tiġi sostnuta l-bijodiversità. Barra minn hekk, iż-żieda fin-nixfa u fl-iskarsezza tal-ilma ħelu titlob soluzzjonijiet ġodda biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel.

    2.8.3.

    Il-KESE jirrimarka li dawk attivi fl-ekonomija blu jiffaċċjaw ukoll bosta sfidi oħra bħall-kompetizzjoni globali inġusta u l-iżvilupp teknoloġiku rapidu. Barra minn hekk, bosta attivitajiet intlaqtu ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19 u għandhom bżonn ikampaw mal-impatt tagħha. Dan japplika speċjalment għat-turiżmu u servizzi relatati. L-irkupru bla intoppi u li jirnexxi – f’konformità mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali – huwa għalhekk kruċjali għall-ekonomija blu.

    2.8.4.

    B’mod ġenerali, l-ekonomija blu tipprovdi bosta opportunitajiet fir-rigward tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Sabiex jinħatfu dawn l-opportunitajiet, huma meħtieġa sforzi intensivi fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Dan huwa essenzjali kemm għall-iżvilupp ta’ attivitajiet tradizzjonali kif ukoll għall-ħolqien ta’ oħrajn ġodda, u b’hekk jgħin ukoll biex jattira ż-żgħażagħ u fid-diversifikazzjoni tal-ispettru tal-ekonomija blu.

    2.8.5.

    Il-KESE jistieden lill-UE tappoġġja b’mod attiv l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali għal attivitajiet relatati mal-baħar, inkluż l-użu tagħhom fl-immappjar tal-baħar u fil-monitoraġġ, l-esplorazzjoni, l-immudellar u t-tbassir tal-istat tal-ambjent u r-riżorsi tal-baħar. L-innovazzjoni hija meħtieġa wkoll biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-materjali u biex tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma, u l-ammont ta’ skart. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-appoġġ lill-intrapriżi ż-żgħar fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-KESE jħeġġeġ ukoll l-iskambju ta’ prattiki tajba u l-espansjoni fl-innovazzjonijiet soċjali maħluqa mill-atturi tal-ekonomija blu u l-partijiet ikkonċernati, inkluż bil-ħsieb li jissaħħu l-interkonnettività, ir-reżiljenza, it-trasparenza u l-ekwità tal-ktajjen tal-valur.

    2.8.6.

    L-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli jirrikjedi fehim kif imiss tal-fenomeni fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi relatati mal-baħar u t-tibdil tagħhom. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tar-riċerka oċeanografika, akkumpanjata minn riċerka dwar l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-attivitajiet tal-ekonomija blu, skont l-approċċ tax-xjenza miftuħa u l-użu ta’ proġetti tax-xjenza min-naħa taċ-ċittadini.

    2.8.7.

    Meta jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija blu għall-ħolqien tal-impjiegi, huwa essenzjali li jittejbu l-impjiegi ta’ kwalità għolja li jippromovu l-benesseri tan-nies. Dan jirrikjedi wkoll l-iżvilupp ta’ taħriġ avvanzat u ħiliet trasferibbli, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, il-mobbiltà transsettorjali, u l-adattabbiltà għat-tibdil fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-edukazzjoni – f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-operaturi tal-ekonomija blu u l-imsieħba soċjali – iqisu dawn il-ħtiġijiet meta jiżviluppaw programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ, inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, u li dan iwettquh billi jużaw il-Fond Soċjali Ewropew Plus fost riżorsi oħrajn.

    2.8.8.

    Il-KESE jisħaq ukoll dwar ir-rwol essenzjali tal-imsieħba soċjali fl-antiċipazzjoni tal-bidliet fix-xogħol, fl-appoġġ tal-iżvilupp tal-ħiliet u fit-titjib tal-impjegabbiltà tal-ħaddiema fl-ekonomija blu. Barra minn hekk, id-djalogu soċjali fil-livelli settorjali, nazzjonali u fuq il-post tax-xogħol, inkluż in-negozjar kollettiv, huwa essenzjali mhux biss biex jiġu żgurati ċerti standards minimi iżda wkoll biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi kollha tal-ekonomija blu.

    2.9.   Investiment, finanzjament u qafas internazzjonali

    2.9.1.

    Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija blu sostenibbli, il-KESE jħeġġeġ lill-UE tipprovdi ambjent favorevoli u prevedibbli għall-innovazzjoni, l-investiment u l-operat, inklużi proċeduri amministrattivi ssimplifikati u ċertezza fil-kundizzjonijiet regolatorji u finanzjarji. Billi tistabbilixxi viżjoni fit-tul u qafas komprensiv, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija għodda siewja biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà.

    2.9.2.

    Il-KESE jilqa’ l-finanzjament sostanzjali tal-UE disponibbli biex jappoġġja l-ekonomija blu sostenibbli, inklużi finanzjament speċifiku relatat mal-baħar u strumenti ġenerali bħall-Orizzont Ewropa, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-KESE jirrimarka l-ħtieġa li l-finanzjament tal-UE jsir aċċessibbli faċilment għall-operaturi fil-livell nazzjonali u lokali.

    2.9.3.

    Huwa importanti wkoll li jiġi mobilizzat il-finanzjament privat għall-iżvilupp tal-ekonomija blu, li jirrikjedi proġetti li huma attraenti għall-investituri u l-finanzjaturi privati, immexxija minn prinċipji u standards ta’ finanzjament sostenibbli. Barra minn hekk, il-KESE jitlob proġetti ta’ sħubija msaħħa bejn is-settur pubbliku, l-intrapriżi u n-nies fil-livell lokali.

    2.9.4.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija blu tal-UE u l-potenzjal tagħha jitqiesu f’kuntest globali, peress li l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tal-ekonomija blu għandhom rabta internazzjonali permezz ta’ ktajjen tal-kummerċ u tal-provvista jew permezz ta’ żoni tal-baħar kondiviżi. Għalhekk, il-kooperazzjoni internazzjonali u r-regoli komuni huma meħtieġa, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u biex jiġu evitati kunflitti fir-rigward tar-riżorsi tal-baħar. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE ttejjeb l-implimentazzjoni globali tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali f’oqsma bħall-kummerċ, it-trasport, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-klima u l-ambjent, minbarra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

    2.9.5.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-kundizzjonijiet għall-ekonomija blu fl-UE jkunu kompetittivi meta mqabbla ma’ dawk ta’ atturi internazzjonali oħra bħaċ-Ċina. Dan huwa meħtieġ biex l-intrapriżi tal-UE jkunu jistgħu jesportaw prodotti, teknoloġiji u soluzzjonijiet tal-ekonomija blu sostenibbli lejn is-swieq internazzjonali u biex jirnexxielhom jikkompetu mal-importazzjonijiet minn barra l-UE.

    2.9.6.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-opportunitajiet li toffri l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-UE ttejjeb l-ekonomija blu bħala element partikolari tas-sħubija mal-Afrika.

    2.10.   Tfassil konsistenti u inklużiv ta’ politika

    2.10.1.

    Minħabba n-natura orizzontali tagħha, l-ekonomija blu għandha titqies b’mod komprensiv u konsistenti fit-tfassil tal-politika. Dan jirrikjedi kooperazzjoni bla intoppi bejn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha, kemm vertikalment kif ukoll orizzontalment: bejn l-UE u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, bejn l-Istati Membri, u bejn diversi oqsma ta’ politika bħall-industrija, is-sajd, il-kummerċ, it-trasport, l-enerġija, l-impjieg u l-ambjent.

    2.10.2.

    Il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi barra mill-UE hija partikolarment importanti (2), meta jitqies li ż-żoni tal-baħar kif ukoll bosta passaġġi tal-ilma interni huma ta’ natura transfruntiera. Il-kooperazzjoni hija kruċjali wkoll sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ attivitajiet relatati mal-baħar u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent kontra varjetà wiesgħa ta’ theddid intern u estern, minn riskji ġeopolitiċi sal-piraterija, reati ambjentali u ċ-ċiberkriminalità.

    2.10.3.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki u l-miżuri tal-ekonomija blu jibbażaw fuq fatti li jinsiltu minn għarfien xjentifiku robust u minn bażi tad-data robusta. Barra minn hekk, meta jitqies ir-rwol essenzjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili biex tinħoloq ekonomija blu sostenibbli fil-prattika, il-Kumitat jitlob involviment mill-qrib tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ambjentali u ta’ organizzazzjonijiet ikkonċernati oħra fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-politiki tal-UE u dawk nazzjonali.

    2.10.4.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma lejn pjan direzzjonali ta’ azzjoni aktar speċifiku, li għandu jkun ibbażat fuq ir-rispons u l-kontributi minn diversi atturi u partijiet ikkonċernati tal-ekonomija blu, u jagħmel użu mid-djalogu previst fil-Forum Blu għall-utenti tal-baħar.

    2.10.5.

    Il-KESE jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa ta’ edukazzjoni u ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni dwar is-sinifikat tal-ekonomija blu biex toffri opportunitajiet għal dieti tajbin għas-saħħa, mobbiltà u r-rikreazzjoni, minbarra l-impjiegi u l-prosperità, u l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, pereżempju kontra l-iskart tal-plastik.

    3.   Kummenti speċifiċi

    3.1.

    Filwaqt li huwa rilevanti u meħtieġ li l-ekonomija blu titqies b’mod olistiku u orizzontali, huwa importanti wkoll li s-setturi u l-attivitajiet differenti jitqiesu mill-perspettiva tal-opportunitajiet u l-isfidi speċifiċi tagħhom. Dan jagħmilha possibbli li jiġi pprovdut kontribut minn isfel għal fuq u li jiġi kkombinat mal-approċċ minn fuq għal isfel tal-Komunikazzjoni.

    3.2.   It-trasport u l-portijiet

    3.2.1.

    It-trasport bil-baħar huwa kruċjali għal-loġistika tal-merkanzija u għat-trasport tal-passiġġieri kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Il-KESE jistieden lill-UE ttejjeb il-kundizzjonijiet biex ikomplu jiġu żviluppati l-kompetittività internazzjonali, id-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tat-trasport marittimu, u taħdem sabiex jiġu eliminati l-prattiki li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta, bħal prattiki irregolari fil-kuntest ta’ tbaħħir taħt bandiera barranija. Minbarra l-iżviluppi teknoloġiċi individwali, is-soluzzjonijiet diġitali fil-livell tas-sistema jgħinu biex tittejjeb il-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tat-trasport, eż. permezz ta’ tqabbil aħjar tal-provvista u tad-domanda. Il-benefiċċji tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra għandhom jintużaw ukoll bis-sħiħ sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali tat-trasport. Barra minn hekk, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar l-opportunitajiet ipprovduti minn rotot globali tat-trasport ġodda bħall-Passaġġ tal-Grigal fir-Reġjun tal-Artiku.

    3.2.2.

    Il-KESE jenfasizza r-rwol ewlieni tal-portijiet bħala ċentri tal-ekonomija blu, inkluż fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Filwaqt li l-portijiet għad għandhom ir-rwol tradizzjonali bħala faċilitaturi tat-trasport bil-baħar u bħala postijiet tal-ħatt l-art għas-sajd, ir-rwol tal-portijiet qed jespandi biex jinkludi attivitajiet ġodda bħall-iffaċilitar tal-enerġija rinnovabbli u l-ekonomija ċirkolari. Dan jirrikjedi investiment fl-infrastruttura u tip ġdid ta’ ġestjoni komprensiva. Rwoli ġodda jistgħu wkoll iżidu l-importanza ta’ portijiet iżgħar għar-reġjun inkwistjoni.

    3.3.   Is-sajd, l-akkwakultura u bijoprodotti ġodda

    3.3.1.

    Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-industriji relatati biex jiġu żgurati dieti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u tajbin għas-saħħa għall-Ewropej. Meta titqies il-kwantità kbira ta’ ħut u frott tal-baħar li qed tiġi importata fl-UE, hemm raġunijiet ċari biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-ikel u biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet kompetittivi għas-sajd, l-akkwakultura u l-industriji relatati tal-UE biex jiġu indirizzati s-sigurtà u s-sovranità tal-ikel. Meta wieħed iqis li l-flotta tas-sajd tal-UE qdiemet sew, il-finanzjament taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għandu jiġi allokat biex jimmodernizza l-flotot u b’hekk itejjeb il-prestazzjoni ambjentali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-attraenza tagħhom. Il-KESE jirrikonoxxi u jħeġġeġ sforzi kontinwi mis-sajd biex l-istokkijiet tal-ħut jinżammu f’livelli sostenibbli u jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar. Il-KESE jħeġġeġ ukoll il-kondiviżjoni ta’ prattiki konkreti bħall-kontribut ta’ bastimenti tat-tkarkir għall-ġbir tal-iskart tal-plastik.

    3.3.2.

    Fir-rigward tal-akkwakultura, il-KESE jirreferi għal Opinjoni oħra, li l-enfasi tagħha hija fuq il-linji gwida strateġiċi l-ġodda għall-akkwakultura tal-UE (3). Il-KESE japprova wkoll l-iżvilupp ta’ bijoprodotti ġodda bħall-farmaċewtiċi, l-ikel u l-addittivi tal-ikel, l-għalf tal-annimali, il-kożmetiċi, u materjali ġodda bbażati fuq l-algi u organiżmi oħra tal-baħar. Dawn il-bijoprodotti jikkomplementaw l-ispettru tal-bijoekonomija blu, li l-KESE indirizza fl-Opinjoni preċedenti tiegħu (4), li kopriet ukoll l-ilma ħelu.

    3.4.   Turiżmu u servizzi relatati

    3.4.1.

    It-turiżmu marittimu u kostali, b’diversi attivitajiet relatati bħal servizzi tat-trasport, tal-lukandi u tar-ristoranti, huma essenzjali għal bosta reġjuni tal-UE. Fir-rigward tal-miżuri biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mill-pandemija, il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar it-turiżmu u t-trasport (5). Wara l-irkupru mill-pandemija, it-turiżmu għandu jerġa’ jikseb ir-rwol importanti tiegħu li jikkontribwixxi għall-ekonomiji lokali u l-impjieg ta’ kwalità tajba, ħafna drabi abbażi tal-SMEs, b’mod li jiżgura s-sostenibbiltà ġenerali tiegħu. Il-KESE jirrimarka li t-turiżmu sostenibbli huwa mod essenzjali kif in-nies jiġu pprovduti mhux biss b’rikreazzjoni iżda wkoll b’għarfien u esperjenza tad-diversità tal-kulturi u l-ambjenti tal-UE.

    3.5.   Il-bini tal-bastimenti u t-teknoloġija marittima

    3.5.1.

    Il-bini tal-bastimenti huwa industrija marittima tradizzjonali li taqdi t-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, iżda bħalissa qed jiġu introdotti bosta elementi u approċċi ġodda f’konformità mat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika. Pereżempju, l-awtomatizzazzjoni avvanzata tal-bastimenti tikkontribwixxi għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u s-sikurezza tat-trasport, u l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ tekniki ta’ propulsjoni nadifa u ta’ fjuwils rinnovabbli huma kruċjali biex jiġu mminimizzati l-emissjonijiet atmosferiċi. It-tiswija, il-manutenzjoni u t-teknoloġija u l-prattiki tat-tkissir tal-bastimenti li jtejbu l-ekonomija ċirkolari huma essenzjali wkoll f’dan l-iżvilupp. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-UE tipprovdi kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tat-teknoloġija marittima u l-investiment fiha, inklużi t-tagħmir u s-software, u x-xogħol.

    3.6.   L-enerġija

    3.6.1.

    Filwaqt li tradizzjonalment iffukaw fuq l-isfruttar tal-fjuwils fossili, l-operazzjonijiet tal-enerġija relatati mal-baħar issa huma mmirati lejn l-enerġiji rinnovabbli, l-aktar l-enerġija mir-riħ u mill-oċeani. L-introduzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli hija kruċjali biex jintlaħaq progress lejn in-newtralità klimatika, u l-enerġija rinnovabbli relatata mal-baħar tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-taħlita enerġetika futura u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet biex jindirizzaw interessi tal-użijiet varji taż-żoni tal-baħar li jikkompetu bejniethom. Il-Kumitat esprima l-fehmiet tiegħu dwar l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta fl-Opinjoni reċenti dwar “Strateġija dwar l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta” (6).

    Brussell, it-22 ta’ Settembru 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  https://www.un.org/sustainabledevelopment/oceans/

    (2)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Baħar Mediterran tal-Punent” (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 82).

    (3)  L-Opinjoni tal-KESE NAT/816 dwar “Linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-UE”, (Ara l-paġna 103 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-bijoekonomija blu” (ĠU C 47, 11.2.2020, p. 58).

    (5)  L-Opinjoni tal-KESE dwar “It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn” (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 219).

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli” (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 152).


    Top