Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE2708

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tagħlim għall-adulti” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Slovena)

    EESC 2021/02708

    ĠU C 374, 16.9.2021, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.9.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 374/16


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tagħlim għall-adulti”

    (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Slovena)

    (2021/C 374/04)

    Relatur:

    Tatjana BABRAUSKIENĖ

    Talba mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill

    Ittra, 19.3.2021

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Deċiżjoni tal-Bureau

    23.3.2021

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    21.6.2021

    Adottata fil-plenarja

    8.7.2021

    Plenary session No

    562

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    233/3/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE japprezza l-enfasi akbar fuq it-tagħlim għall-adulti, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet imtennija fl-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea, prinċipalment fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa. Il-KESE jappella sabiex jitfasslu u jiġu implimentati miżuri ta’ politika mmirati tajjeb u immedjati, akkumpanjati minn inċentivi li jappoġġjaw lill-Istati Membri, kif diġà ġie indikat fl-Opinjoni tal-KESE dwar “Sistemi edukattivi ta’ appoġġ sabiex jiġi evitat spariġġ fil-ħiliet — liema tranżizzjoni hija meħtieġa?” (1).

    1.2.

    Il-KESE jirrimarka li l-invenzjoni rapida u t-tixrid ta’ teknoloġiji ġodda jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid effettivi. Il-KESE jenfasizza li l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-soċjetà u l-ekonomija tal-Ewropa kompla jenfasizza l-importanza ta’ politiki effettivi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ u impjiegi ta’ kwalità għolja fl-appoġġ għal irkupru u reżiljenza soċjali u ekonomiċi ġusti u sostenibbli, li huma kruċjali biex jgħinu lill-Ewropa tegħleb il-konsegwenzi tal-pandemija. L-investiment fit-tagħlim għall-adulti u fl-iżvilupp tal-ħiliet jista’ jkollu rwol kruċjali fl-irkupru ekonomiku u f’Ewropa soċjali.

    1.3.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jtejbu l-politiki dwar it-tagħlim għall-adulti billi jieħdu perspettiva olistika u jtejbu l-aċċessibbiltà, il-kwalità u l-inklużività tiegħu filwaqt li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-KESE jappella sabiex il-politiki dwar it-tagħlim għall-adulti jittejbu f’sens wiesa’, billi jitqiesu strateġiji effettivi biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti l-ġodda tal-ħiliet, imfassla apposta għall-ħtiġijiet lokali. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jittejbu l-pedagoġija u l-andragoġija fit-tagħlim għall-adulti b’edukazzjoni inizjali ta’ kwalità tajba, l-iżvilupp professjonali kontinwu u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u ġusti, u ambjent tax-xogħol ta’ appoġġ għall-edukaturi fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti.

    1.4.

    Il-KESE jisħaq li t-tagħlim għall-adulti huwa essenzjali biex l-adulti jingħataw l-għajnuna biex itejbu u jiksbu l-ħiliet għaċ-ċittadinanza u jaqdu rwol attiv fis-soċjetà. It-tagħlim tul il-ħajja għandu jsir stil ta’ ħajja għal kulħadd biex jingħelbu d-disparitajiet u l-inugwaljanzi fis-soċjetà u għandu wkoll isir realtà fuq il-post tax-xogħol. F’dan ir-rigward, l-użu ta’ “ħiliet” huwa ferm importanti fis-sens u l-fehim usa’ tiegħu rigward il-post tax-xogħol, fis-sens li għandna nqisu wkoll il-ħajja soċjali u personali bħala perċezzjoni olistika tal-proċess tal-iżvilupp tal-ħiliet.

    1.5.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tat-tagħlim għall-adulti, u jiddispjaċih li l-istituzzjonijiet tal-UE u diversi Stati Membri ma jqisuhx bħala prijorità politika, minkejja li t-tagħlim għall-adulti huwa essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali u biex l-adulti jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol u jkunu ċittadini demokratiċi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-politika, il-governanza u l-finanzjament għat-tagħlim għall-adulti skont il-prinċipji tal-Erba’ Pilastri tal-Edukazzjoni (2) tal-Unesco: it-tagħlim biex insiru nafu, biex nitgħallmu nagħmlu, biex nitgħallmu nisfruttaw għalkollox il-potenzjal tagħna, u biex nitgħallmu ngħixu flimkien. Sabiex jiġi implimentat l-SDG 4, jeħtieġ li jkun hemm appoġġ effettiv għas-soċjetà ċivili sabiex tinbena sħubija dwar l-għoti ta’ tagħlim għall-adulti f’kuntesti informali u mhux formali, u biex jiġi żgurat li n-nies jintlaħqu b’mod effettiv.

    1.6.

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jistabbilixxu għanijiet fit-tul li jistgħu jintlaħqu u jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ kontinwu għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità għolja u aċċessibbli, inkluż it-taħriġ għall-impjegati, għal kull Stat Membru, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali. Din is-sistema għandu jkollha l-għan li tiżgura li kulħadd ikollu l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudni meħtieġa biex l-Ewropa tistabbilixxi soċjetà ġusta, koeżiva, sostenibbli, diġitali u għanja. Huwa importanti wkoll li tittejjeb l-informazzjoni dwar ir-riċerka u l-ħiliet fil-livell settorjali u nazzjonali dwar il-ħiliet meħtieġa u l-previżjonijiet tal-ħiliet biex jiġi aġġornat it-tagħlim għall-adulti għal dawk l-adulti li qed jiffaċċjaw tranżizzjonijiet, u biex tittejjeb id-data dwar l-investiment tal-Istati Membri fit-tagħlim għall-adulti u biex jiġi żgurat li jsir monitoraġġ u ġbir tad-data frekwenti dwar it-tagħlim u l-korsijiet ta’ taħriġ li l-impjegati jkunu kisbu. L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti b’mod attiv fit-titjib tal-intelliġenza nazzjonali dwar il-ħiliet, inklużi l-analiżi, it-tbassir u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet.

    1.7.

    L-Istati Membri jeħtieġ li jħaffu l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (3) biex jiżguraw li l-adulti kollha b’livell baxx ta’ ħiliet u b’livell baxx ta’ kwalifiki jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi tagħhom u jkunu ggwidati u motivati biex jipparteċipaw f’taħriġ biex itejbu ħajjjithom u l-impjegabbiltà tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li 80 % tal-adulti jkollhom ħiliet diġitali bażiċi, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-adulti biex jiksbu b’xejn livell minimu ta’ ħiliet diġitali bażiċi li jkunu utli biex jakkwistaw aktar ħiliet għax-xogħol u għal ħajjithom ta’ kuljum.

    1.8.

    Il-KESE jirrimarka li l-adulti kollha, irrispettivament mill-kwalifiki u l-kuntest soċjoekonomiku tagħhom, jeħtieġu appoġġ biex jaċċessaw tagħlim tul il-ħajja inklużiv u ta’ kwalità tajba u biex il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom jiġu vvalidati. Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom iżidu u jiffaċilitaw aktar l-aċċess għal gwida u konsulenza ġusti u mingħajr ħlas, u għandhom jiżguraw li l-adulti kollha jkunu infurmati dwar il-possibbiltajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u li l-ħaddiema jkunu konxji ta’ kif l-impjiegi se jinbidlu u tal-ħiliet li huma meħtieġa għal impjiegi u kompiti ġodda.

    1.9.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jniedu kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni mal-imsieħba soċjali għall-adulti u l-ħaddiema affettwati mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali biex jgħinu lill-forza tax-xogħol tikseb il-ħiliet meħtieġa. Il-Kummissjoni Ewropea għandha torganizza avvenimenti annwali fuq l-eżempju tal-Ġimgħa tal-Ħiliet tal-VET biex tinforma u timmotiva lill-adulti dwar it-tagħlim għall-adulti u tagħlim ulterjuri u biex tassisti ‘l-politiki nazzjonali.

    1.10.

    Il-KESE jissottolinja l-importanza tas-sussidjarjetà fir-rigward tal-politiki dwar it-tagħlim għall-adulti sabiex jiġi rrispettat ir-rwol tal-imsieħba soċjali nazzjonali u settorjali fl-identifikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħiliet u fil-ġestjoni tas-sistemi nazzjonali biex jiġi ffinanzjat u żgurat l-aċċess għat-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ għall-impjegati. Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandha tiżgura li l-kumpaniji kollha jkollhom id-dritt u l-kapaċità li jistabbilixxu strateġiji ta’ ħiliet għall-ħtiġijiet tal-innovazzjoni u li jappoġġjaw it-tranżizzjoni ġusta tal-ħaddiema u l-apprendistati ta’ kwalità għaż-żgħażagħ u għall-adulti fil-kuntest tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi tal-Kunsill (4) (2020) jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-iżgurar tad-drittijiet/tal-intitolamenti għat-taħriġ u l-għoti ta’ kontijiet ta’ tagħlim individwali bħala waħda mill-għodod possibbli, li jippermettu lill-pajjiżi jiddeċiedu kif jiżguraw intitolamenti bħal dawn. Kontijiet individwali ta’ tagħlim huma għodod li jistgħu jiżguraw id-dritt/l-intitolament għat-taħriġ. L-adulti u l-ħaddiema kollha għandu jkollhom id-dritt — f’konformità mal-ftehimiet kollettivi u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali — li jaċċessaw taħriġ ta’ kwalità tajba għall-impjegati, liv bi ħlas għall-edukazzjoni, kwalifiki, validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali, u gwida u konsulenza ggarantiti mill-kwalità u flessibbli. L-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi u għodod finanzjarji biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-adulti — b’mod partikolari l-ħaddiema — għat-tagħlim u t-taħriġ, bl-involviment tal-imsieħba soċjali.

    1.11.

    Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-adulti kollha, speċjalment dawk li ġejjin minn kuntesti soċjoekonomiċi żvantaġġati, ikollhom aċċess ugwali għal tagħlim tul il-ħajja li jservi l-interessi personali jew tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom. Jeħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ immirat lill-NEETs (barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ), lill-migranti u lir-refuġjati, lill-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, kif ukoll lill-persuni akbar fl-età biex jiġi żgurat tixjiħ attiv u b’saħħtu. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tiffoka fuq l-edukazzjoni għal studenti ta’ kull età, u tiffoka sabiex tagħmel it-tagħlim għall-adulti aċċessibbli u mingħajr ħlas għall-istudenti kollha b’diżabilità u diffikultajiet fit-tagħlim f’ambjenti fiżikament aċċessibbli, u tiżgura li jingħata taħriġ lill-għalliema dwar kif jadattaw il-lezzjonijiet tagħhom u kif jagħmlu t-tagħlim online aċċessibbli wkoll.

    1.12.

    Il-KESE jissottolinja li l-governanza demokratika hija kruċjali għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż djalogu soċjali effettiv u konsultazzjoni sinifikanti mas-soċjetà ċivili, biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-ħiliet għall-adulti kollha, b’mod partikolari l-ħaddiema u l-persuni qiegħda, filwaqt li jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti kif definit mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück, u jingħata kontribut għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill li jmiss dwar l-aġenda għat-tagħlim għall-adulti. Il-KESE jirrimarka li d-djalogu soċjali u l-interazzjoni bejn it-trade unions u min iħaddem huma strumentali biex jiżdied l-aċċess għat-tagħlim għall-adulti għall-kulħadd, biex jiġu promossi l-fessibbiltà u l-gwida, biex it-taħriġ jiġi allinjat mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tiġi żgurata l-kwalità tat-taħriġ u jiġi ffinanzjat it-taħriġ.

    1.13.

    Il-KESE jenfasizza li l-adulti kollha, speċjalment il-ħaddiema, għandu jkollhom aċċess aħjar għal informazzjoni aġġornata dwar il-proċeduri ta’ rikonoxximent u validazzjoni. Dan jista’ jinkiseb billi tiġi implimentata b’mod effettiv ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (5), u billi jiġi żgurat li s-sistemi ta’ validazzjoni jirċievu finanzjament pubbliku suffiċjenti f’kull pajjiż tal-UE. Billi jiżguraw li t-taħriġ jiġi rikonoxxut, l-impjegaturi u l-unions jistgħu jappoġġjaw iż-żieda fil-livelli ta’ kwalifiki tal-ħaddiema u jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-karriera tagħhom, u għal tranżizzjoni ġusta fis-suq tax-xogħol. L-involviment tal-imsieħba soċjali fil-governanza tat-tagħlim għall-adulti, it-taħriġ għall-impjegati u s-sistemi tal-liv bi ħlas għall-edukazzjoni huwa essenzjali, inkluż il-promozzjoni ta’ azzjonijiet konġunti bejn l-imsieħba soċjali.

    1.14.

    Il-KESE jissottolinja li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid huma tal-akbar importanza għall-appoġġ tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tal-industriji, u jeħtieġ li dawn jitqiesu bħala responsabbiltà soċjali u ekonomika sabiex jiġi żgurat taħriġ inklużiv għal impjiegi ta’ kwalità tajba, u tranżizzjoni ġusta għal kulħadd. Huma meħtieġa strateġiji industrijali li jħarsu ’l quddiem, inklużi politiki effettivi dwar il-ħiliet, biex jappoġġjaw it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol. Dawn jistgħu jgħinu biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u soċjalment ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima permezz tal-ibbilanċjar tas-suq tax-xogħol li jikkontribwixxi għal diġitalizzazzjoni inklużiva u impjiegi ta’ kwalità għolja. Il-kumpaniji jeħtieġu appoġġ effettiv biex isaħħu u jiffinanzjaw l-istrateġiji tagħhom għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forzi tax-xogħol tagħhom biex iħeġġu l-innovazzjoni. Fl-istess ħin, l-interess ekonomiku u soċjali ġenerali għandu jiġi rrispettat. Il-ftehimiet kollettivi għandhom jiddeterminaw l-aċċess għal tipi differenti ta’ liv bi ħlas għall-edukazzjoni għall-ħtiġijiet personali u professjonali tal-ħaddiema. Il-KESE jfakkar lill-Istati Membri tal-UE jallinjaw l-aċċess għall-ħaddiema għal-liv bi ħlas għall-edukazzjoni mal-Konvenzjoni 140 tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ azzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi u jiżguraw, bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali, li l-użu tiegħu jkun effettiv.

    1.15.

    Il-KESE jirrakkomanda finanzjament nazzjonali sostenibbli għat-tagħlim għall-adulti, ikkomplementat bl-użu effettiv tal-fondi tal-UE, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, biex jiġi appoġġjat it-tkabbir ekonomiku u soċjetà reżiljenti fil-kuntest tat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika tal-ekonomija, billi jiġi żgurat tagħlim għall-adulti ta’ kwalità tajba u inklużiv għal kulħadd, inklużi l-persuni qiegħda u persuni oħra barra mis-suq tax-xogħol, u tingħata attenzjoni speċjali sabiex it-taħriġ ikun disponibbli u aċċessibbli għall-ħaddiema kollha. Dan jirrikjedi impenn ċar fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex jiġi ddedikat sehem adatt mir-riżorsi disponibbli għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ sistemi sistematiċi u kkoordinati tat-tagħlim għall-adulti bħala parti ewlenija mill-pjani nazzjonali.

    1.16.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-kwalità, ir-rilevanza, l-effettività u l-inklużività fit-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ. Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiżguraw li l-programmi u l-kurrikuli kollha tat-tagħlim edukattiv u tat-taħriġ għall-impjegati jiddefinixxu b’mod ċar l-eżiti tat-tagħlim u l-kompetenzi ewlenin, u l-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (6) u l-appoġġ għal azzjonijiet konġunti bejn l-imsieħba soċjali. Huwa importanti li jittejbu s-sistemi tal-iżgurar tal-kwalità tat-tagħlim għall-adulti u li jiġi żviluppat aktar in-Network EQAVET tal-Kummissjoni Ewropea biex japplika għat-tagħlim għall-adulti, għall-VET kontinwu, għall-apprendistati u għat-taħriġ għall-impjegati. Dan għandu jqis li l-ħtiġijiet tal-ekonomija, l-impjegaturi u l-ħaddiema jissarrfu fi programmi u kurrikuli tat-tagħlim għall-adulti.

    1.17.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu lill-kumpaniji u lit-trade unions kemm jista’ jkun fl-istabbiliment ta’ strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet għat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika tal-industriji. Il-KESE jissuġġerixxi li l-politiki ambjentali jintrabtu mal-politiki tal-edukazzjoni u li jiġu stabbiliti strateġiji nazzjonali dwar il-ħiliet ekoloġiċi u l-kompetenza biex kull adult ikun konxju mit-tibdil fil-klima, mir-responsabbiltà ambjentali u mill-iżvilupp sostenibbli, bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja billi jinħatru koordinaturi nazzjonali.

    1.18.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki dwar it-tagħlim għall-adulti biex jagħmlu tali tagħlim inklużiv u ta’ kwalità tajba, bil-għan li jinkisbu l-ħiliet għall-ħajja, dritt għall-adulti kollha, u biex jilħqu u jżidu l-mira ta’ 60 % tal-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti kull sena billi jiġu indirizzati l-ispariġġi fil-ħiliet, u jittejbu l-governanza u l-finanzjament għat-tagħlim għall-adulti, inkluż it-taħriġ għall-impjegati. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea terġa’ tistabbilixxi metodi miftuħa ta’ koordinazzjoni bejn il-ministeri rilevanti li jittrattaw it-tagħlim għall-adulti fl-Istati Membri tal-UE, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili bħala parti minn grupp ta’ ħidma u biex jiġi żgurat li titkompla l-ħidma produttiva mwettqa minn gruppi ta’ ħidma preċedenti dwar it-tagħlim għall-adulti. Il-KESE jitlob ukoll li tiġi stabbilita pjattaforma għall-koordinaturi nazzjonali tat-tagħlim għall-adulti, għall-imsieħba soċjali u għall-partijiet ikkonċernati, separata mill-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE) (7), u biex dawn id-diversi atturi jiltaqgħu regolarment bħala network.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Il-kriżi tal-COVID-19, it-tibdil demografiku, id-diġitalizzazzjoni tas-suq tax-xogħol u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija qed jikkawżaw bidliet enormi fl-impjiegi u fil-kompiti. Anke qabel il-pandemija, kien previst li fi 2 minn kull 5 impjiegi xi kompiti jinbidlu u li 14 % tal-impjiegi jinbidlu minħabba d-diġitalizzazzjoni (Cedefop). Sal-2030, jistgħu jinħolqu sa 20 miljun impjieg madwar id-dinja minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika tal-industriji (OECD). Madwar 128 miljun adult (8) — 46,1 % tal-popolazzjoni adulta tal-Ewropa — jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. L-effett tad-diġitalizzazzjoni, ir-robotizzazzjoni, mudelli ekonomiċi ġodda bħall-Industrija 4.0 u l-ekonomija ċirkolari u kollaborattiva fuq rekwiżiti ġodda ta’ ħiliet jeħtieġu azzjoni kkoordinata biex jiġi stimulat aktar it-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa.

    2.2.

    Il-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE ltaqgħu fis-Summit Soċjali ta’ Porto fis-7 ta’ Mejju 2021 biex isaħħu l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-miżuri proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandhom l-għan li: joħolqu “aktar impjiegi u impjiegi aħjar”, jippromovu “kwalifiki u ugwaljanza”, u jtejbu l-“protezzjoni u l-inklużjoni soċjali”. Il-mexxejja stabbilew miri għall-2030, pereżempju tal-inqas 60 % tal-adulti għandhom jipparteċipaw fit-tagħlim għall-adulti kull sena u 80 % tal-adulti għandu jkollhom tal-inqas ħiliet diġitali bażiċi. Dawn il-miri huma relatati mal-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jistipula li “[k]ulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol”; kif ukoll għad-drittijiet imsemmija fir-raba’ prinċipju, inkluż l-appoġġ għat-taħriġ u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid, speċjalment l-aċċess taż-żgħażagħ għal edukazzjoni kontinwa, apprendistati u traineeships.

    2.3.

    L-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ politika reċenti tal-Kummissjoni Ewropea (9) relatati mat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jeħtieġ li jgħinu jissodisfaw il-miri tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għat-tagħlim għall-adulti permezz ta’ djalogu effettiv mal-imsieħba soċjali u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili. Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 (10), is-sistemi tat-tagħlim għall-adulti jeħtieġ li jiġu kkomplementati bl-istabbiliment ta’ sistemi effettivi ta’ gwida tul il-ħajja, u attivitajiet ta’ konsulenza u sensibilizzazzjoni, l-integrazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli u l-introduzzjoni ta’ sistemi effettivi ta’ validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali għal kulħadd.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Governanza demokratika msaħħa fil-livell Ewropew u l-livell nazzjonali u l-isfruttar tal-potenzjal tal-imsieħba soċjali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet u jkunu ta’ kontribut għat-titjib tal-inklużjoni fis-suq tax-xogħol huma essenzjali għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ tagħlim għall-adulti aktar aċċessibbli u ta’ kwalità tajba sabiex jittejbu l-ħiliet għall-ħajja u dawk soċjali tal-adulti kollha, inklużi s-sensibilizzazzjoni dwar żvilupp sostenibbli, ir-responsabbiltà ambjentali, iċ-ċittadinanza demokratika, it-tolleranza u l-valuri Ewropej. Huwa importanti li jissaħħu l-politiki dwar it-tagħlim għall-adulti f’sens wiesa’ u li jitqiesu strateġiji effettivi biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għall-ħiliet il-ġodda.

    3.2.

    Djalogu soċjali effettiv mal-imsieħba soċjali u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili huma kruċjali biex jiġi żgurat li l-politiki dwar it-tagħlim għall-adulti jiġu mfassla u implimentati b’suċċess. L-imsieħba soċjali jaqdu rwol vitali fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-aġġornament tal-profili tal-kwalifiki peress li l-kumpaniji u l-ħaddiema jesperjenzaw l-evoluzzjoni tal-impjiegi u tal-kompiti kuljum. Il-kumpaniji u l-ħaddiema għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fl-istabbiliment ta’ strateġiji għall-iżvilupp ta’ ħiliet għat-tranżizzjoni doppja diġitali u ekoloġika tal-industriji.

    3.3.

    Biex is-sistemi tat-tagħlim għall-adulti jsiru aktar aċċessibbli għal kulħadd, dan jirrikjedi strateġiji nazzjonali b’saħħithom u kooperazzjoni politika ulterjuri fost il-pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari fost il-ministeri, l-imsieħba soċjali tal-edukazzjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fis-soċjetà ċivili. Huwa importanti li jingħaqdu flimkien il-politiki tal-UE u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinkiseb aċċess effettiv għat-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ għall-impjegati u li jingħaqdu flimkien diversi oqsma ta’ politika sabiex il-politiki soċjali, ambjentali, ta’ diġitalizzazzjoni u finanzjarji jkunu jistgħu jtejbu t-tagħlim għall-adulti.

    3.4.

    Il-mira ambizzjuża tal-parteċipazzjoni tat-tagħlim għall-adulti stabbilita mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tista’ tinkiseb jekk inizjattiva tal-UE appoġġjata minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tħeġġeġ lill-gvernijiet jiżguraw aċċess aħjar u finanzjament biżżejjed għat-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ għall-impjegati permezz ta’ diversi għodod finanzjarji. Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati (11), u jissottolinja li l-investiment pubbliku sostenibbli fit-tagħlim għall-adulti u l-investiment privat effettiv fit-taħriġ għall-impjegati huma prerekwiżiti għas-suċċess ta’ miżuri ta’ politika għall-inklużjoni soċjali u ekonomika tal-istudenti ta’ kull età u għall-appoġġ lill-kumpaniji. Għalhekk, il-Pjan ta’ Rkupru, Next Generation EU u fondi oħra tal-UE (eż. il-FSE+, il-Fondi għal Tranżizzjoni Ġusta) għandhom jintużaw b’mod effiċjenti u konsistenti biex jiġu appoġġjati l-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-rigward tas-Semestru Ewropew.

    3.5.

    Il-KESE jinnota (12) l-importanza li jittejbu l-ħiliet, il-kompetenzi u l-attitudnijiet ta’ kulħadd fl-Ewropa fir-rigward tal-ambjent u sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet. L-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jgħaqqdu l-politiki ambjentali mal-politiki tal-edukazzjoni u jistabbilixxu strateġiji nazzjonali ta’ ħiliet ekoloġiċi u ta’ kompetenza biex kull adult ikun konxju mit-tibdil fil-klima, ir-responsabbiltà ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, u biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu attrezzati wkoll bil-ħiliet u l-kompetenzi ekoloġiċi meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ġusti tal-industriji.

    3.6.

    L-appoġġ għat-taħriġ jeħtieġ li jkun disponibbli għal dawk li għandhom bżonnu l-aktar, bħal ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u dawk atipiċi. It-taħriġ għall-impjegati u t-taħriġ barra mill-kumpaniji iżda ffinanzjat minnhom jeħtieġ li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u tal-ħaddiema. Sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha, irrispettivament mil-livell ta’ ħiliet u mis-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom, ikollhom aċċess għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid, jeħtieġ li jsiru ftehimiet settorjali, nazzjonali u fil-livell tal-kumpaniji biex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet u d-dispożizzjonijiet b’rabta mat-taħriġ. Jeħtieġ li jiġu konklużi ftehimiet kollettivi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkollhom aċċess, permezz ta’ diversi inċentivi, għal tipi differenti ta’ liv bi ħlas għall-edukazzjoni.

    3.7.

    Il-KESE jirreferi għar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (13), u jisħaq li l-Istati Membri jeħtieġ li jagħmlu aktar biex itejbu l-kwalità tat-tagħlim fis-settur tal-edukazzjoni għall-adulti billi jtejbu l-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu bl-involviment tal-għalliema, billi tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-għalliema, tal-ħarrieġa u ta’ persunal ieħor tal-edukazzjoni għall-adulti, u billi jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u ambjent tax-xogħol ta’ appoġġ għall-persunal fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti. Huwa meħtieġ djalogu soċjali effettiv mat-trade unions tagħhom sabiex ikun jista’ jintlaħaq qbil dwar miżuri biex il-professjoni ssir aktar attraenti u biex jittejbu r-reklutaġġ u ż-żamma.

    3.8.

    L-istabbiliment ta’ pjattaforma Ewropea ta’ skambju għall-materjali u l-korsijiet diġitali fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 u l-istandards Ewropej dwar il-mikrokredenzjali jista’ jkun utli biex jittejbu l-aċċess għall-korsijiet tat-tagħlim għall-adulti u l-fiduċja fihom. L-istudenti jeħtieġu informazzjoni komprensiva dwar jekk il-korsijiet iwasslux għal kwalifiki sħaħ jew parzjali jew għal mikrokredenzjali, min jivvalida u jiżgura l-kwalità tal-korsijiet online, jekk humiex rikonoxxuti u kif jiġu rikonoxxuti, u kif jistgħu jinqalbu fi kwalifiki sħaħ.

    Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 228, 5.7.2019, p. 16.

    (2)  https://en.unesco.org/themes/education/research-foresight/revisiting-learning

    (3)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

    (4)  Linji gwida dwar l-impjiegi.

    (5)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1

    (6)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1, https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/council-recommendation-on-key-competences-for-lifelong-learning_mt

    (7)  https://epale.ec.europa.eu/mt

    (8)  Cedefop: Empowering adults through upskilling and reskilling pathways. Volume 1: adult population with potential for upskilling and reskilling (Tisħiħ tal-pożizzjoni tal-adulti permezz ta’ perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Volum 1: il-popolazzjoni adulta b’potenzjal għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid), Frar 2020.

    (9)  Dawn l-inizjattivi huma l-Komunikazzjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1), il-Komunikazzjoni dwar l-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss, il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi — Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027.

    (10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).

    (11)  ĠU C 232, 14.7.2020, p. 8.

    (12)  ĠU C 56, 16.2.2021, p. 1.

    (13)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.


    Top